EUR-Lex Euroopan unionin oikeus ulottuvillasi

Takaisin EUR-Lexin etusivulle

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Asiakirja 62008CJ0419

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Marzu 2010.
Trubowest Handel GmbH u Viktor Makarov vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Dumping - Regolament (KE) Nru 2320/97 li jimponi taxxi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta' ċertu pajpijiet seamless - Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Dannu - Rabta kawżali.
Kawża C-419/08 P.

ECLI-tunnus: ECLI:EU:C:2010:147

Kawża C-419/08 P

Trubowest Handel GmbH

u

Viktor Makarov

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Dumping — Regolament (KE) Nru 2320/97 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu pajpijiet seamless — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Rabta kawżali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għad-danni — Suġġett — Talba għar-rimbors tad-dazji antidumping indebitament imħallsa — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 236(1))

2.        Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

3.        Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Oneru tal-prova

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.        Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-konsegwenzi, fis-sistema legali tagħhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament antidumping, li jkollha bħala konsegwenza li d-dazji antidumping imħallsa abbażi tar-regolament ikkonċernat ma jkunux legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u għandhom, bħala regola, ikunu rimborsati mill-awtoritajiet doganali, skont din id-dispożizzjoni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet, fosthom dik prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li għalihom huwa suġġett dan ir-rimbors.

Konsegwentement, minkejja t-tranżazzjoni konkluża, bejn il-parti allegatament leża u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, il-leġiżlazzjoni Komunitarja timplika li talba għar-rimbors tad-dazji antidumping indebitament imħallsa taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali kkonċernati. Din it-tranżazzjoni ma tistax tagħti lill-qrati Komunitarji ġurisdizzjoni li ma kellhomx qabel l-imsemmija tranżazzjoni.

(ara l-punti 25, 26)

2.        Ikun hemm l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li l-istituzzjonijiet huma akkużati bih, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat ikunu sodisfatti.

Il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali hija indipendenti minn dik dwar l-illegalità tal-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping permezz ta’ regolament definittiv hijiex illegali ma tinfluwenzax il-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-imsemmi regolament u d-danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 40, 48)

3.        Il-prinċipji komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-eżistenza ta’ obbligu tal-Komunità li tikkumpensa kull konsegwenza dannuża, anki remota, tal-aġir tal-korpi tagħha. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu.

Huwa neċessarju li l-imsemmi dannu jkun ġie effettivament ikkawżat mill-aġir li l-istituzzjonijiet huma akkużati bih. Anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li fir-rigward tiegħu qed issir talba għal kumpens, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tkun wisq remota minħabba responsabbiltà li taqa’ fuq persuni oħra.

Għandu jiġi vverifikat jekk il-parti leża, bir-riskju li jkollha tbati d-dannu hija stess, użatx diliġenza raġonevoli bħala persuna li teżerċita prudenza sabiex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu. Ir-rabta kawżali tista’ tinkiser b’aġir negliġenti tal-parti leża, sa fejn dan l-aġir ikun jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu.

(ara l-punti 53, 59, 61)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Appell – Dumping – Regolament (KE) Nru 2320/97 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu pajpijiet seamless – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Rabta kawżali ”

Fil-Kawża C‑419/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2008,

Trubowest Handel GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos u E. Petritsi, dikigoroi,

Viktor Makarov, residenti f’Köln, irrappreżentat minn K. Adamantopoulos u E. Petritsi, dikigoroi,

appellanti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u G. Wolf, rechtsanwälte,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u H. van Vliet, bħala aġenti,

appellati

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ dan l-appell, Trubowest Handel GmbH (iktar ’il quddiem “Trubowest”) u V. Makarov qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tad-9 ta’ Lulju 2008, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑429/04, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors għad-danni taħt l-Artikolu 288(2) KE dwar id-danni li huma allegatament sofrew minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97, tas-17 ta’ Novembru 1997, li jimponi taxxi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu pajpijiet seamless u tubi tal-ħadid jew non-alloy steel li joriġinaw mill-Ungerija, il-Polonja, ir-Russja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1189/93 u li jtemm il-proċeduri dwar dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 329, iktar ’il quddiem ir-“regolament definittiv”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-leġiżlazzjoni Komunitarja bażika fil-qasam tad-dwana hija komposta bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“KDK”). L-Artikolu 236 jipprevedi li:

“1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

3        Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Komunità Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Il-Qorti Ġenerali spjegat il-kuntest fattwali tal-kawża fil-punti 1 sa 21 tas-sentenza appellata kif ġej:

“1      B’deċiżjoni mhux ippubblikata tal-25 ta’ Novembru 1994 (Każ IV/35.304), adottata b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 3), il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi għal investigazzjoni dwar l-eżistenza eventwali ta’ prattiki antikompetittivi fir-rigward tat-tubi ta’ azzar karboniku li jistgħu jiksru l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, [(ĠU 1994, L 1, p. 3),] kif ukoll l-Artikolu 81 KE.

2      Wara din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-20 ta’ Jannar 1999, li tibda l-proċedura amministrattiva fil-Każ IV/E-1/35.860-B - Tubi tal-azzar mingħajr saldatura, li warajha hija adottat, fit-8 ta’ Diċembru 1999, id-Deċiżjoni 2003/382/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ IV/E-1/35.860-B - Tubi tal-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-akkordju”).

3.      Skont l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni dwar l-akkordju, it-tmien impriżi destinatarji ta’ din tal-aħħar “kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE], billi ħadu sehem [...] f’akkordju li jipprovdi, fost oħrajn, għall-ħarsien tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom tat-tubi [Oil Country Tubular Goods] bil-kamin standard u l-[pajpijiet tal-qies għat-trasport] mingħajr saldatura”. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni dwar l-akkordju jistipula li l-ksur dam mill-1990 sal-1995 għal Mannesmannröhren-Werke AG, Vallourec SA, Dalmine SpA, Sumitomo Metal Industries Ltd, Nippon Steel Corp., Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta’ British Steel Ltd, huwa indikat li l-ksur dam mill-1990 sa Frar tal-1994. Dawn l-impriżi ġew imposti multi, skont il-każ, li jibdew minn EUR 8.1 u li jistgħu jibqgħu tilgħin sa EUR 13.5 miljun.

4.      Id-deċiżjoni dwar l-akkordju kienet is-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa IP/99/957 tal-Kummissjoni fit-8 ta’ Diċembru 1999 u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ġunju 2003.

5.      Fit-8 ta’ Lulju 2004, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni (T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501), minn naħa, annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni dwar l-akkordju sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li erba’ mill-impriżi msemmija fl-imsemmi artikolu kienu ħadu sehem fl-akkordju qabel l-1 ta’ Jannar 1991 u lil hinn it-30 ta’ Ġunju 1994 u, min-naħa l-oħra, naqset l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq dawn l-impriżi.

6.      Barra minn hekk, wara lment imressaq mill-Kumitat għall-ħarsien tal-industrija tat-tubi tal-azzar mingħajr saldatura tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Lulju 1996, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tar-Regolament [...] Nru 384/96 [...], emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2331/96, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 76-77), ippubblikat, fil-31 ta’ Awwissu 1996, avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw mir-Russja, mir-Repubblika Ċeka, mir-Rumanija u mir-Repubblika Slovakka (ĠU C 253, p. 26).

7.      Fid-29 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni addottat ir-Regolament (KE) Nru 981/97, li jistabbilixxi d-dazji antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw mir-Russja, mir-Repubblika Ċeka, mir-Rumanija u mir-Repubblika Slovakka (ĠU L 141, p. 36).

8.      Fis-17 ta’ Novembru 1997, il-Kunsill adotta r-regolament [definittiv].

9.      Fis-16 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1322/2004 li jemenda r-regolament definittiv (ĠU L 142M, p. 148). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, huwa miżjud mar-regolament definittiv l-Artikolu 8, li bis-saħħa tiegħu l-Artikolu 1 tar-regolament definittiv, li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet imsemmija fih, ma huwiex iktar applikabbli wara l-21 ta’ Lulju 2004.

10.      Trubowest […] hija kumpannija Ġermaniża importatriċi, fil-Komunità, ta’ tubi u ta’ pajpijiet mingħajr saldatura li joriġinaw mir-Russja. Trubowest, li V. Makarov huwa l-amministratur tagħha mill-1997, bdiet l-attivitajiet ta’ importazzjoni tagħha tal-imsemmija prodotti mix-xahar ta’ Jannar 1999 u temmithom fix-xahar ta’ Ottubru 1999. […]

11.      Barra minn hekk, V. Makarov kien ukoll l-amministratur, mill-1992 tal-kumpannija Truboimpex Handel GmbH (iktar ’il quddiem “Truboimpex”) li l-attività kummerċjali tagħha kkonsistiet fl-importazzjoni, b’mod partikolari f’isimha, fil-Komunità, mill-1996, ta’ tubi u ta’ pajpijiet mingħajr saldatura li joriġinaw mir-Russja.

12.      Fil-15 ta’ Ottubru 1999, l-Amtsgericht Kleve (qorti kantonali ta’ Kleve, il-Ġermanja) ħarġet mandat ta’ arrest, b’mod partikolari kontra V. Makarov minħabba li huwa kien “issuspettat bil-kbir li huwa kien ipprovda lill-awtoritajiet fiskali, f’Köln u Emmerich, matul is-snin 1997 sal-1999, b’data ineżatta u inkompleta dwar fatti fiskali importanti, liema dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu 36 ksur distint, u li b’hekk ħallas inqas taxxa, sabiex jikseb [għalih] u għal persuni oħra vantaġġji fiskali inġustifikati, li ppermetta li jiġu evitati b’mod kunsiderevoli d-dazji fuq l-importazzjoni”. Barra minn hekk, kien indikat fil-mandat ta’ arrest li “[f’]din l-okkażjoni, [it-tubi u l-pajpijiet li joriġinaw mir-Russja u li huma importati minn Truboimpex u Trubowest] kienu suġġetti għal dikjarazzjonijiet foloz bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet [tar-regolament definittiv]”.

13.      B’applikazzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, V. Makarov inżamm f’detenzjoni mis-27 ta’ Ottubru sat-12 ta’ Novembru 1999. Minn meta ġie lliberat, ġew imposti miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment ta’ V. Makarov li abbażi tagħhom huwa kien obbligat, b’mod partikolari, li jippreżenta ruħu, sal-31 ta’ Jannar 2000, tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-pulizija kompetenti u ma setax jiċċaqlaq barra minn dan l-Istat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel (iktar ’il quddiem il-“miżuri li jirrestrinġu l-libertà”).

14.      Mis-27 ta’ Ottubru 1999, il-Hauptzollamt Emmerich (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Emmerich, il-Ġermanja), li sussegwentement sar il-Hauptzollamt Duisburg (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Duisburg, il-Ġermanja), innotifika lill-appellanti b’avviżi ta’ rkupru a posteriori bil-għan li jinkiseb il-ħlas tad-dazji antidumping relatati mal-importazzjonijiet li kienu saru minn Truboimpex u Trubowest matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1997 sax-xahar ta’ Ottubru 1999. L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, essenzjalment, qiesu li l-importazzjonijiet tal-appellanti ma kinux, indebitament, ġew ikklassifikati taħt il-kodiċijiet tan-nomenklatura Komunitarja ta’ tubi u ta’ pajpijiet mingħajr saldatura li huma suġġetti għar-regolament definittiv. F’dan il-kuntest, il-kontijiet bankarji ta’ Trubowest u ta’ V. Makarov ġew issekwestrati.

15.      Skont l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, Truboimpex u Trubowest b’hekk kellhom iħallsu, abbażi tad-dazji antidumping mhux imħallsa, EUR 1 575 181.86 u EUR 729 538.78 rispettivament, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 2 304 720.64 ta’ dazji antidumping mhux imħallsa għal dawn iż-żewġ kumpanniji. Barra minn hekk, V. Makarov, fil-kwalità tiegħu bħala diriġent ta’ Trubowest u Truboimpex, inżamm responsabbli għall-ħlas tal-ammont totali tas-somom dovuti minn dawn iż-żewġ kumpanniji.

16.      Mis-16 u s-17 ta’ Novembru 1999, l-appellanti appellaw, b’mod konformi mal-Artikolu 243 tal-[KDK] u mad-dritt nazzjonali applikabbli, quddiem il-Hauptzollamt Emmerich, l-avviżi ta’ rkupru a posteriori tad-dazji antidumping maħruġa kontra Trubowest u V. Makarov. Fil-15 ta’ Diċembru 2000, l-appellanti appellaw quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), u talbu s-sospensjoni tal-avviżi ta’ rkupru li kienu eżekuttivi immedjatament. Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Finanzgericht Düsseldorf ċaħdet it-talba tal-appellanti. Fid-29 ta’ Awwissu 2003, l-appellanti ppreżentaw it-talbiet tagħhom quddiem il-Hauptzollamt Duisburg fejn huma essenzjalment sostnew li l-awtoritajiet doganali, b’mod żbaljat, kienu kkunsidraw li l-importazzjonijiet tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv.

17.      Fid-19 ta’ Ġunju 2000, is-Staatsanwaltschaft Kleve (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Kleve) adotta att tal-akkuża (Anklageschrift) kontra V. Makarov, minħabba dikjarazzjonijiet foloz rigward id-dazju fuq l-importazzjonijiet ta’ Trubowest u Truboimpex. F’dan l-att tal-akkuża, is-Staatsanwaltschaft Kleve qies, essenzjalment, li ammont totali ta’ DEM 4 376 250.25, jiġifieri EUR 2 237 541.22, kien dovut bħala dazju doganali evitat fuq importazzjonijiet ta’ Trubowest u Truboimpex.

18.      Fl-14 ta’ Novembru 2002, il-Landgericht Kleve (qorti reġjonali ta’ Kleve) issospendiet il-proċeduri kriminali kontra V. Makarov sakemm tiġi konkluża l-proċedura fiskali li kien suġġett għaliha.

19.      Fil-15 ta’ Diċembru 2004, l-appellanti kkonkludew tranżazzjoni mal-Hauptzollamt Duisburg li temmet il-kwistjoni li kellhom mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.

20.      Din it-tranżazzjoni tipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

“Preambolu

[…]

Permezz ta’ din l-espożizzjoni tal-fatti, il-partijiet għandhom l-intenzjoni li jirregolaw b’mod definittiv it-tilwima bejniethom dwar il-legalità tal-avviżi ta’ impożizzjoni kkontestati. Il-partijiet jirrikonoxxu li din l-espożizzjoni konġunta tal-fatti ma ssolvix it-tilwima bejniethom dwar liema huma t-tubi tal-azzar li huma jew ma humiex suġġetti għad-dazju antidumping.

[…]

Bis-saħħa ta’ dak li ntqal, il-partijiet jiftehmu dan li ġej:

(1.)

L-avviżi ta’ impożizzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà […] dwar id-dazju antidumping li jammontaw għal EUR 2 304 734.45 ser jiġu rregolati [b’mod partikolari mill-appellanti]. Il-partijiet jiftehmu li parti biss mis-somma ta’ EUR 435 125.21 miġbura sal-lum mill-Hauptzollamt Duisburg, sa ammont massimu ta’ EUR 343 644.15, ser titnaqqas mis-somma dovuta ta’ EUR 460 000.

[…]

(3.)

L-iffirmar ta’ dan il-ftehim iwassal għall-waqfien immedjat tal-miżuri eżekuttivi kollha adottati kontra Trubowest kif ukoll [b’mod partikolari] kontra [V. Makarov].

[…]

(5.)

[L-appellanti] jirrinunzjaw bil-preżenti li jressqu allegazzjonijiet ġodda kontra l-awtorità doganali, pereżempju bl-għan li jiksbu danni għall-fatti ddikjarati konġuntament fit-tranżazzjoni. Barra minn hekk, huma jirrinunzjaw li jippreżentaw rikorsi ġudizzjarji oħra kontra l-awtorità doganali.

Madankollu, il-partijiet iżommu l-possibbiltà li jsostnu allegazzjonijiet bħal dawn kontra terzi, b’mod partikolari r-rikorsi għal kumpens tad-danni msemmija […] kontra l-Kummissjoni u l-Kunsill […] skont l-Artikolu 288 [KE].”

21      Fit-2 ta’ Mejju 2005, il-Landgericht Kleve adotta digriet (Beschluss) li jtemm, skont l-Artikolu 153a tas-Strafprozessordnung-StPO (Kodiċi Ġermaniż tal-proċeduri kriminali), il-proċeduri kriminali pendenti kontra V. Makarov, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar iħallas multa ta’ EUR 18 000. Il-Landgericht Kleve tindika fl-imsemmi digriet li ttieħed inkunsiderazzjoni li ‘[V. Makarov] qed jiddikjara li l-qbil tiegħu [sabiex jintemmu l-proċedura kriminali] ma jimplikax rikonoxximent tal-ħtija, iżda dan qed jingħata għal kunsiderazzjonijiet proċedurali u ekonomiċi’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        B’rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2004 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, -appellanti ppreżentaw rikors għad-danni skont l-Artikolu 288 KE kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, bl-għan li jiksbu l-kundanna ta’ dawn tal-aħħar għall-ħlas tal-ammonti segwenti:

–      EUR 118 058.46 lil Trubowest, miżjuda bl-interessi moratorji b’rata annwali ta’ 8 %; li jikkorrispondi għall-ammont effettivament imħallas minn Trubowest wara d-diversi avviżi ta’ rkupru tad-dazju antidumping maħruġa mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kontra l-appellanti u li jikkostitwixxi lucrum cessans għal Trubowest;

–       EUR 397 916.91 lil V. Makarov, miżjuda bl-interessi moratorji b’rata annwali ta’ 8 %; li jikkorrispondi fir-rigward ta’ EUR 277 939.37, għall-ammont totali li V. Makarov effettivament ħallas wara d-diversi avviżi ta’ rkupru tad-dazju antidumping, fir-rigward ta’ EUR 63 448.54 għas-salarji mhux imħallsa minn Trubowest u, fir-rigward ta’ EUR 56 529, għall-ispejjeż tal-avukati mħallsa matul il-proċeduri li tressqu kontra l-appellanti mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi;

–       EUR 128 000 lil Trubowest, miżjuda bl-interessi moratorji b’rata annwali ta’ 8 %; bħala lucrum cessans jew, sussidjarjament, somma li għandha tiġi miftiehma bejn il-partijiet wara sentenza interlokutorja tal-Qorti Ġenerali;

–       EUR 150 000 lil V. Makarov, miżjuda bl-interessi moratorji b’rata annwali ta’ 8 %; bħala danni morali.

6        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha insostenn tar-rikors għad-danni u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

7        Fil-punti 41 sa 74 u 77 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli ċerti kapijiet tat-talba li jinsabu fir-rikors għad-danni, inkwantu qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 288 KE, biex tieħu konjizzjoni tal-kawża. Minn naħa, fir-rigward tat-talbiet għal kumpens għal danni li jammontaw għas-somom imħallsa mill-appellanti bħala dazju antidumping, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn it-talbiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali, skont proċeduri implementati mill-KDK. Fir-rigward tat-talba għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukati, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din tal-aħħar ikkonċernat element tal-kawża bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, li kien jaqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

8        Għall-kumplament, meta evalwat il-kundizzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-allegata illegalità u d-danni l-oħra allegatament subiti, jiġifieri l-lucrum cessans ta’ Trubowest, it-telf ta’ salarji minn V. Makarov kif ukoll id-danni morali ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset li l-allegati danni ma rriżultawx b’mod suffiċjentement dirett mill-allegata illegalità.

9        Il-Qorti Ġenerali qieset opportun, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li teżamina l-ewwel nett il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti rnexxilhomx jippruvaw li eżistiet rabta kawżali bejn l-allegat aġir illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-allegati danni materjali u morali. Fil-punti 98 sa 137 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li ma kienx hemm rabta kawżali diretta suffiċjenti bejn l-iffissar ta’ dazji antidumping bir-regolament definittiv u d-danni kkonċernati. Billi l-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm rabta kawżali diretta suffiċjenti bejn ir-regolament definittiv u l-imsemmija elementi ta’ dannu, hija ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk ir-regolament definittiv kienx ivvizzjat b’illegalità jew jekk l-appellanti kinux realment ġarrbu d-danni invokati.

10      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk eżistietx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegat aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-danni allegati anki fl-ipoteżi fejn ir-regolament definittiv ma kienx ikopri l-merkanzija importata mill-appellanti kif ukoll fl-ipoteżi kuntrarja. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li, fl-ewwel ipoteżi, ir-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita inkwantu d-danni allegati huma esklużivament imputabbli lill-awtoritajiet doganali u kriminali Ġermaniżi, u mhux lill-aġir allegatament żbaljat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fit-tieni ipoteżi, hija kkunsidrat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li huwa l-aġir tal-appellanti li ma jikklassifikawx korrettament l-importazzjonijiet tagħhom li hija l-kawża determinanti tad-danni kkonċernati.

11      Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tal-appellanti dwar ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, billi qieset, fil-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi, minn naħa, il-provi tal-kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar fin-negozjati relatati mal-kawża fuq il-klassifika tal-merkanzija importata mill-appellanti, li wasslet għat-tranżazzjoni konkluża bejn dawn tal-aħħar u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, u, min-naħa l-oħra, kull korrispondenza tagħha lill-awtoritajiet doganali u l-Gvern Russu.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12      L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla, fit-totalità tagħha, is-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża billi tilqa’ r-rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-Kunsill u l-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kunsill u l-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

13      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għad-danni tal-appellanti, u

–        tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

15      Il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali diretta bejn l-illegalità allegata u d-danni allegati mill-appellanti biss fir-rigward tat-talbiet li hija kkunsidrat ammissibbli. Għalhekk, l-ewwel aggravju, li jirrigwarda s-sentenza appellata inkwantu tiddeċiedi fuq l-imsemmija kundizzjoni, jirrigwarda biss dawn it-talbiet. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-appell, huwa rilevanti li jiġi eżaminat preliminarjament it-tieni aggravju, li jirrigwarda s-sentenza appellata inkwantu ddikjarat inammissibbli ċerti talbiet oħra għad-danni.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

16      Permezz tat-tieni aggravju, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE u wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 41 sa 74, 77 sa 82 u 138 sa 141 tas-sentenza appellata, li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens għal danni li jirrigwardaw ammonti ekwivalenti għas-somom imħallsa bħala dazji antidumping u spejjeż tal-avukati sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri kontra l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ, ikkaratterizzati bil-fatt li r-rikorsi nazzjonali huma sodisfatti b’din it-tranżazzjoni. It-tieni nett, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi meta kkunsidrat li dawn ma pproduċew ebda prova sabiex isostnu l-affermazzjonijiet tagħhom dwar l-impatt fuq il-konklużjoni ta’ tranżazzjoni, minn naħa, tar-rwol tal-Komunità u tal-awtoritajiet Russi, u, min-naħa l-oħra, ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

17      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li d-dazji antidumping jinġabru mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u li, għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jordnaw il-ħlas lura ta’ dazji miġbura indebitament abbażi ta’ regoli Komunitarji ddikjarati bħala invalidi sussegwentement. Il-qrati Komunitarji għalhekk ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jordnaw tali ħlas lura jew rimbors tal-ispejjeż tal-avukati sostnuti fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali dwar tali dazji. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni konkluża bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma tagħtix lill-qrati Komunitarji ġurisdizzjoni li ma kellhomx qabel l-imsemmija tranżazzjoni. Il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati tkopri biss id-dannu li jmur lil hinn is-sempliċi rimbors tad-dazji illegali.

18      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-partijiet ta’ dan l-aggravju huma inammissibbli. Fil-fatt, l-ewwel parti ma tikkontjenix espożizzjoni preċiża tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jiġġustifikaw l-allegazzjoni li l-appellanti ma kkonkludewx minn jeddhom it-tranżazzjoni bejniethom u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi. Fir-rigward tat-tieni parti, l-appellanti ma jindikawx b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u ma jurux l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament.

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-appell ma jqiegħedx inkwistjoni l-fondatezza tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 sa 66 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħha l-appellanti setgħu jikkontestaw il-legalità tar-regolament definittiv fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, li kien jippermettilhom jiksbu rinviju għal deċiżjoni preliminari bis-saħħa tal-Artikolu 234 KE u, b’dan il-mod, eventwali annullament ta’ dan ir-regolament mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis li huwa inkonċepibbli fil-fatt u fid-dritt li jiġi sostnut li, minkejja li t-tranżazzjoni li huma kkonkludew mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, l-appellanti “qatt ma rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jitolbu kumpens għal dannu” u aċċettaw din it-tranżazzjoni “bla ħsara għall-illegalità tar-regolament [definittiv]”. Barra minn hekk, ir-rwol mistenni mill-istituzzjonijiet u l-pressjoni tal-akkużi kriminali kontra wieħed mill-appellanti ma humiex marbuta mal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ċerti kapijiet tat-talba.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

20      Fl-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti josservaw, l-ewwel nett, li żewġ kapijiet tat-talba, li għalihom il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni, jirrigwardaw ammonti li jagħmlu parti mis-somma li huma ħallsu abbażi tat-tranżazzjoni konkluża mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, minkejja l-illegalità invokata tar-regolament definittiv. Anki jekk l-appellanti ma jsemmux b’mod preċiż fl-appell tagħhom li dan tal-aħħar jirrigwarda l-ħlas ta’ dazji antidumping, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-ammonti kkonċernati jikkorrispondu għas-somom li l-appellanti ħallsu rispettivament għal dan il-għan u ddeċidiet, fil-punt 47 tal-imsemmija sentenza, li t-talbiet tagħhom f’dan ir-rigward huma fl-aħħar mill-aħħar talbiet għal rimbors tal-imsemmija dazji mħallsa b’mod allegatament indebitu, ħaġa l-appellanti ma jikkontestawx fil-kuntest ta’ dan l-appell.

21      Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li, wara l-imsemmija tranżazzjoni, inħoloq dannu sinjifikattiv li jirriżulta mill-eżistenza tar-regolament definittiv li huma jqisu bħala illegali u li jiskatta r-responsabbiltà Komunitarja li għandha tiġi kkumpensata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

22      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li t-tranżazzjoni konkluża bejn l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u l-appellanti ma hijiex ta’ natura li tagħtiha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens għal danni ta’ dawn tal-aħħar relatati mad-dazji antidumping li ġew imħallsa. Sussegwentement, hija kkonstatat, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti ammettew huma stess li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-rikorsi nazzjonali ppreżentati minnhom, rimedju effettiv li jippermettilhom jikkontestaw il-ħlas ta’ dazji antidumping billi jqajmu l-illegalità tar-regolament definittiv, iżda li ġabu fi tmiemhom dawn ir-rikorsi billi kkonkludew l-imsemmija tranżazzjoni.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jikkunsidraw azzjonijiet għall-irkupru ta’ ammonti indebitament miġbura minn korp nazzjonali abbażi ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li iktar tard ġiet iddikjarat invalida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 20/88, Ġabra p. 1553, punt 14; tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni, C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 12, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 68).

24      F’dan il-kuntest, meta parti tqis li saritilha ħsara b’applikazzjoni ta’ regolament antidumping li hija tikkunsidra bħala illegali, hija tiddisponi mill-possibbiltà li tikkontesta, quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, il-validità tar-regolament applikat mill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Din il-qorti tista’, tabilħaqq għandha, f’dan il-każ, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 234 KE, tirreferi l-kwistjoni dwar il-validità tar-regolament inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Hemm lok li jitfakkar ukoll li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-konsegwenzi, fis-sistema legali tagħhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jkollha bħala konsegwenza li d-dazji antidumping imħallsa abbażi tar-regolament ikkonċernat ma jkunux legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236(1) tal-KDK u għandhom, bħala prinċipju, jkunu rimborsati mill-awtoritajiet doganali, skont din id-dispożizzjoni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet, fosthom dik prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li għalihom huwa suġġett dan il-ħlas lura, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

26      Konsegwentement, minkejja t-tranżazzjoni konkluża, f’dan il-każ, bejn l-appellanti u l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, il-leġiżlazzjoni Komunitarja timplika li talba għar-rimbors tad-dazji antidumping indebitament imħallsa taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali kkonċernati. Din it-tranżazzjoni ma tistax tagħti lill-qrati Komunitarji ġurisdizzjoni li ma kellhomx qabel l-imsemmija tranżazzjoni.

27      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw, it-tieni nett, is-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għad-danni tagħhom dwar l-ispejjeż tal-avukati sostnuti f’relazzjoni mal-proċeduri fuq livell nazzjonali. Madankollu huma ma ressqu ebda argument li jista’ jikkontesta n-natura anċillari tal-imsemmija spejjeż fil-kuntest tal-kawża nazzjonali. Jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata ġustament mill-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata li l-kwistjoni tar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, li hija kwistjoni anċillari tal-kawża li wasslet għal dawn il-proċeduri, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali.

28      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ġustament li ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet ikkonċernati, b’tali mod li l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma huwiex fondat.

29      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar it-tranżazzjoni relatata mal-kawża nazzjonali, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi li ġew prodotti quddiemha meta ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li huma ma pproduċewx provi sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħhom dwar l-impatt fuq il-konklużjoni ta’din it-tranżazzjoni, minn naħa, tar-rwol tal-Komunità u tal-awtoritajiet Russi, u, min-naħa l-oħra, ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Huma jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat, fil-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata, li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi, minn naħa, il-provi tal-kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar fin-negozjati relatati mal-kawża fuq il-klassifika tal-merkanzija importata li waslet għall-imsemmija tranżazzjoni u, min-naħa l-oħra, kull korrispondenza li hija skambjat mal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u l-Gvern Russu. Dawn il-provi dwar l-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu, skont l-appellanti, ikunu rilevanti fil-kuntest ta’ kawża bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51; tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 72; tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punt 58, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 31).

31      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 52; Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 73; Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, punt 59, u Moser Baer India vs Il‑Kunsill, punt 32).

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il‑Kummissjoni, punt 54; u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 74; kif ukoll Coop de France bétail et viande vs Il-Kummissjoni, punt 60, u Moser Baer India vs Il-Kunsill, punt 33).

33      F’dan il-każ, rigward l-ilment dwar il-prova prodotta mill-appellanti dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet ikkonkludew it-tranżazzjoni inkwistjoni, l-iżnaturament allegat tal-fatti ma huwiex stabbilit b’mod preċiż u suffiċjenti fl-appell. Barra minn hekk, l-appellanti ma jurux li l-fatt li l-Kummissjoni ġiet ordnata tipproduċi d-dokumenti mitluba kellu impatt fuq il-konsegwenzi legali li ġew dedotti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza appellata, fis-sens li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għad-danni relatati mad-dazji antidumping u mal-ispejjeż tal-avukati sostnuti f’relazzjoni mal-proċeduri nazzjonali.

34      Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti għandhom l-għan li jiksbu, b’dan il-mod, eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-appell, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

35      Minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jinċaħad kollu kemm huwa bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq l-ewwel aggravju

36      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE dwar meta tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. B’dan l-aggravju, li huwa kompost minn żewġ partijiet, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli ma fittxitx l-aġir illegali li seta’ kkawża d-dannu, b’mod partikolari talli ma eżaminatx l-aġir illegali allegat fil-kuntest ġuridiku tiegħu u fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rabta kawżali, u, min-naħa l-oħra, talli ddeċidiet li r-rabta kawżali li teżisti bejn l-aġir allegat tal-istituzzjonijiet Komunitarji u d-diversi danni allegati ma tistax titqies bħala suffiċjentement diretta.

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

37      L-appellanti jsostnu li, fl-istadju tal-eżami tar-rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu allegati, dawn tal-aħħar għandhom, b’xi mod, jiġu eżaminati qabel ma jkun jista’ jiġi deċiż li ma teżistix rabta suffiċjentement diretta bejn it-tnejn jew li din ir-rabta ġiet miksura. Fi kliem ieħor, skont l-appellanti, rigward ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, filwaqt li l-fatt li tiġi eżaminata l-ewwel l-illegalità jew id-dannu allegati ma jippreżumix li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà, li tiġi eżaminata l-ewwel ir-rabta kawżali jippreżumi li, b’xi mod jew ieħor, iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni.

38      Il-Kunsill jsostni li l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali hija obbligata “tieħu b’xi mod jew ieħor […] inkunsiderazzjoni ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra” jew li “teżamina l-kuntest ġuridiku dwar ir-rabta kawżali u b’mod partikolari l-aġir illegali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] hija infondata. L-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, li jikkonsisti fl-analiżi tar-rabta kawżali billi jittieħed bħala stabbilit l-att allegatament illegali u d-dannu allegat, huwa abitwali. Hija ma hijiex obbligata li teżamina l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni f’ordni determinat u, jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma hijiex sodisfatta, it-talba għall-kumpens għad-danni għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

39      Skont il-Kummissjoni, ebda regola ma pprekludiet lill-Qorti Ġenerali li teżamina l-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-allegata illegalità tar-regolament definittiv. Għalkemm jista’ jkun veru li “l-kawżalità ma hijiex assoluta” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-appell b’ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rabta kawżali ma hijiex iddeterminata, minn naħa, mill-aġir illegali u, min-naħa l-oħra, mid-dannu subit, iżda sempliċement mill-kwistjoni dwar jekk l-aġir allegat ikkawża d-dannu allegat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkun hemm l-iskattar tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, meta l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li l-istituzzjonijiet huma akkużati bih, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat ikunu sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 19, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 106).

41      Sa fejn it-tliet kundizzjonijiet tar-responsabbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandhom ikunu kumulattivament sodisfatti, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed biex jiġi miċħud ir-rikors għad-danni (sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra. p. I‑5251, punt 14).

42      Barra minn hekk, ma jeżisti ebda obbligu li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni f’ordni determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

43      Fid-dawl taċ-ċaħda tat-tieni aggravju, dan l-aggravju jirrigwarda biss it-talbiet għal kumpens għad-danni relatati, minn naħa, mad-danni materjali li jikkonsistu f’lucrum cessans għal Trubowest u telf ta’ salarji għal V. Makarov, rispettivament evalwati għal EUR 128 000 u għal EUR 63 448.54 u, min-naħa l-oħra, mad-danni morali li V. Makarov sofra, stmati għal EUR 150 000.

44      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li, f’kull każ, jiġifieri meta l-importazzjonijiet magħmula minn Trubowest jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv u li l-appellanti wettqu jew ma wettqux żball fil-klassifikazzjoni, ir-rabta kawżali li teżisti bejn l-allegat aġir illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-dannu allegati ma tistax tiġi kkwalifikata bħala suffiċjentement diretta.

45      L-appellanti enfasizzaw, matul is-seduta, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-avveniment ġuridiku li kkawża d-dannu. Skonthom, il-kwistjoni tal-kawżalità tista’ tiġi trattata biss fil-kuntest ta’ eżami dettaljat tal-kuntest ġuridiku tal-att ikkontestat, jiġifieri r-regolament definittiv allegatament illegali.

46      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li ma jeżisti ebda obbligu għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar l-allegata illegalità qabel ma teżamina l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-illegalità u d-dannu allegat.

47      Kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appellanti baqgħu ma spjegawx l-influwenza tal-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li saret fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali setgħet teżamina r-rabta kawżali billi titlaq mill-preżunzjoni li, kif allegat mill-appellanti, l-att ikkontestat huwa effettivament illegali u d-dannu jeżisti tassew (ara, b’analoġija, is-sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12, 15 u 16, u d-digriet tat-12 ta’ April 2005, DLD Trading Company Import-Export vs Il‑Kunsill, C‑80/04 P, punt 50).

48      Il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali hija indipendenti minn dik dwar l-illegalità tal-att inkwistjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk l- impożizzjoni ta’ dazji antidumping permezz ta’ regolament definittiv kinitx illegali ma tinfluwenzax il-kuntest tal-eżami tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali.

49      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li hija setgħet teżamina l-ewwel nett il-kwistjoni tar-rabta kawżali bejn l-allegat aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-allegati danni.

50      Konsegwentement, minn dak li ntqal l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti

–       L-argumenti tal-partijiet

51      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rabta kawżali li teżisti bejn l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet Komunitarji u l-allegati danni ma tistax titqies bħala suffiċjentement diretta sa fejn din hija bbażata fuq żewġ xenarji ipotetiċi li jikkostitwixxu allegazzjonijiet mhux ipprovati. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti talbu kumpens għad-danni subiti minħabba l-ħolqien ta’ dazji illegali. Hija ħadet b’mod żbaljat inkunsiderazzjoni żbalji ipotetiċi fil-klassifikazzjoni tal-merkanzija importata, mhux ivverifikati, li allegatament jikkostitwixxu żbalji minn naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi jew tal-appellanti. Dawn tal-aħħar jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġenerali applikat ħażin il-kundizzjoni ta’ kawżalità meta eżaminat l-eżistenza ta’ ksur tar-rabta kawżali mingħajr ma qabel evalwat l-eżistenza ta’ tali rabta diretta bejn l-aġir illegali u d-dannu allegati.

52      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, peress li qatt ma ġie stabbilit b’mod konklużiv jekk it-tubi u l-pajpijiet li għalihom l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kienu talbu dazji antidumping abbażi tar-regolament definittiv daħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rabta kawżali abbażi ta’ żewġ ipoteżijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Il-prinċipji komuni tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE ma jistgħux jiġu invokati insostenn tal-eżistenza ta’ obbligu tal-Komunità li tikkumpensa kull konsegwenza dannuża, anki remota, tal-aġir tal-korpi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25). Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dumortier et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21).

54      Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’, skont l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun ibbażat biss fuq aggravji dwar il-ksur ta’ punti ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punt 12, u d-digriet tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 39).

55      L-appellanti ma jispjegawx kif l-allegata illegalità tar-regolament definittiv tista’ tkun relatata mal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn id-danni allegatament subiti u l-allegat aġir illegali. Fil-fatt, il-legalità ta’ dan ir-regolament ma hijiex relatata mal-validità tal-evalwazzjoni tal-ipoteżijiet fattwali identifikati mill-Qorti Ġenerali, li wassalha tikkonkludi li r-rabta kawżali kienet miksura.

56      Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li r-rabta kawżali eżistenti bejn l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u l-allegati danni ma tistax titqies bħala suffiċjentement diretta.

57      Jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx preliminarjament u inġenerali l-kwistjoni dwar jekk id-dannu allegat kienx jipproduċi ruħu mingħajr l-aġir tal-istituzzjonijiet. Il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza hija kkonċentrata dwar il-ksur tar-rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi. Fil-punti 112 u 113 tal-imsemmija sentenza, fil-kuntest tal-ewwel ipoteżi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tiddependix mill-kwistjoni dwar jekk, fin-nuqqas tal-att illegali, ir-riżultat tal-avvenimenti kien ikun differenti. Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 99 u 102 tas-sentenza appellata, id-dannu allegat għandu jirriżulta mill-allegat aġir b’mod suffiċjentement dirett, u mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rabta kawżali.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jitqies li hemm rabta kawżali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE meta teżisti rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u d-dannu invokat.

59      Huwa neċessarju li l-imsemmi dannu jkun ġie effettivament ikkawżat mill-aġir akkużat tal-istituzzjonijiet. Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li skontha, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li fir-rigward tiegħu qed issir talba għal kumpens, l-imsemmija kontribuzzjoni hija wisq remota minħabba responsabbiltà li taqa’ fuq persuni oħra, jekk ikun il-każ l-appellanti.

60      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li, għalkemm ir-regolament definittiv ma jkoprix il-merkanzija importata mill-appellanti u li dawn tal-aħħar ma kinux għalhekk wettqu żball fil-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li d-danni allegati mill-appellanti huma imputabbli biss lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, sa fejn dawn tal-aħħar issuġġettaw l-imsemmija merkanzija għal dazji antidumping anki jekk din ma daħlitx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament definittiv.

61      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat tajjeb fid-dritt li, għalkemm ir-regolament definittiv ikopri l-merkanzija importata mill-appellanti u li dawn tal-aħħar ma kinux, għaldaqstant, korrettament ikklassifikaw din il-merkanzija, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża determinanti għad-danni allegati minnhom tikkonsisti fl-aġir tagħhom, u mhux fl-allegat aġir illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Rigward din l-ipoteżi, il-Qorti Ġenerali fakkret tajjeb ukoll, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, li għandu jiġi vverifikat jekk il-parti leża, bir-riskju li jkollha tbati d-dannu hija stess, użatx diliġenza raġonevoli bħala persuna li teżerċita prudenza sabiex tevita’ d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu. Ir-rabta kawżali tista’ tinkiser b’aġir negliġenti tal-parti leża, sa fejn dan l-aġir javveru ruħu li jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu.

62      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma talbu kumpens għad-dannu subit minħabba l-ħolqien ta’ dazji illegali u b’mod żbaljat ikkonċentrat fuq żbalji ipotetiċi fil-klassifikazzjoni tal-merkanzija importata. Skont l-appellanti, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk ir-regolament definittiv ikoprix jew le din il-merkanzija. L-ammonti miġbura bħala dazji antidumping u li jibqgħu miksuba mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, skont it-tranżazzjoni konkluża mill-appellanti u dawn l-awtoritajiet, jimplikaw li d-dazji kienu dovuti abbażi ta’ regolament li qed jiġi kkontestat minħabba n-natura illegali tiegħu.

63      Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tad-danni allegati li jirriżultaw direttament jew indirettament mill-ħolqien ta’ dazji antidumping permezz tar-regolament definittiv, ma tirreferix għan-natura legali jew illegali tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-imsemmija dazji permezz tar-regolament definittiv ikkawżatx direttament id-danni allegatament subiti mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami suċċessiv tas-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fiż-żewġ ipoteżijiet fattwali li hija wasslet għalihom, li jkopru l-każijiet ikkunsidrati kollha. Għalhekk l-eżami alternattiv tagħhom wassal għall-istess soluzzjoni.

64      Għaldaqstant, l-appellanti ma jurux kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegat aġir tal-istituzzjonijiet u l-allegati danni.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

66      Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Trubowest u V. Makarov tilfu l-kawża, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Trubowest Handel GmbH u V. Makarov huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Alkuun