EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0161

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta' Diċembru 2007.
Skoma-Lux sro vs Celní ředitelství Olomouc.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Krajský soud v Ostravě - ir-Repubblika Ċeka.
Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea - Artikolu 58 - Leġiżlazzjoni Komunitarja - Nuqqas ta’ traduzzjoni fil-lingwa ta’ Stat Membru - Infurzar.
Kawża C-161/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-10841

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:773

Kawża C-161/06

Skoma-Lux sro

vs

Celní ředitelství Olomouc

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Ostravě)

“Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea – Artikolu 58 – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Nuqqas ta’ traduzzjoni fil-lingwa ta’ Stat Membru – Infurzabbiltà”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fil-Komunitajiet – Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 – Leġiżlazzjoni Komunitarja mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront ta’ individwi

(Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikolu 58)

2.     Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 234 KE u l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 254(2) KE; Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikoli 2 u 58; Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikoli 4 u 5)

3.     Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti fiż-żmien tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni

(Artikoli 231 KE u 234 KE)

1.     L-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jipprekludi l-fatt li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu imposti fuq individwi f’dan l-Istat, minkejja li dawn il-persuni setgħu saru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra.

Fil-fatt, ir-rekwiżit mandatorju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu preċiżament il-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom, liema rekwiżit huwa ggarantit biss mill-pubblikazzjoni regolari ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-persuna indirizzata minnha. Barra minn hekk, huwa kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jiġu applikati bl-istess mod, minn naħa, obbligi imposti minn leġiżlazzjoni Komunitarja fl-Istati Membri qodma, fejn l-individwi għandhom il-possibbiltà li jkunu jafu dwar l-imsemmija obbligi fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-lingwi ta’ dawn l-Istati, u, min-naħa l-oħra, fl-Istati Membri aderenti, fejn l-individwi kienu jinsabu fl-impossibbiltà li jsiru jafu bihom minħabba pubblikazzjoni tardiva. L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji fundamentali ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ l-effettività tad-dritt Komunitarju, inkwantu dan l-aħħar prinċipju ma jistax jikkonċerna regoli li jkunu għadhom ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi. Il-pożizzjoni li ssostni li att li ma ġiex ippubblikat regolarment jista’ jiġi infurzat, f’isem il-prinċipju ta’ l-effettività, hija contra legem u timponi fuq l-individwi ta’ dan l-Istat Membru l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu li l-amministrazzjoni Komunitarja kellha sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, fid-data ta’ l-adeżjoni, l-acquis communautaire kollu fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Unjoni.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li din tirrigwarda persuna li topera fil-kummerċ internazzjonali u li għalhekk bilfors hija informata dwar il-kontenut ta’ l-obbligi doganali mhijiex suffiċjenti sabiex leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx suġġetta għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tiġi invokata kontra individwu.

Bl-istess mod, għalkemm il-leġiżlazzjoni Komunitarja hija disponibbli fuq l-Internet u l-individwi dejjem iktar spiss isiru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni bl-għajnuna ta’ dan il-mezz, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jistax ikun ekwivalenti għal-pubblikazzjoni fil-forma korretta u dovuta fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fin-nuqqas, fid-dritt Komunitarju, ta’ kull leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, anki jekk diversi Stati Membri adottaw il-pubblikazzjoni elettronika bħala forma valida, din hija suġġetta għal testi leġiżlattivi jew regolamentari li jorganizzawha bi preċiżjoni u jiddeterminaw eżattament il-każijiet li fihom din il-pubblikazzjoni hija valida. Issa, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tikkunsidra din il-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja bħala suffiċjenti, biex tassigura l-infurzabbiltà tagħha. Għaldaqstant, l-unika verżjoni ta’ regolament Komunitarju stabbilita hija, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea b’mod li verżjoni elettronika li tippreċedi din il-pubblikazzjoni, anki jekk sussegwentement tirriżulta li hija konformi mal-verżjoni ppubblikata, ma tistax tiġi invokata kontra individwi.

(ara l-punti 38-42, 45-46, 48-51 u d-dispożittiv 1)

2.     Billi ġie deċiż li regolament Komunitarju, li ma ġiex ippubblikat fil-lingwa ta’ Stat Membru, ma jistax jiġi invokat kontra individwi f’dan l-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 234 KE.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 254(2) KE u ta’ l-Artikoli 2 u 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Europea, kif ukoll ta’ l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ma jaffettwawx il-validità ta’ regolament applikabbli fl-Istati Membri li fihom dan ġie regolarment ippubblikat. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li dan ir-regolament ma jistax jiġi invokat kontra individwi fi Stat Membru li fil-lingwa tiegħu ma jkunx ġie ippubblikat, ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li, peress li jagħmel parti mill-acquis communautaire, dan jorbot l-Istat Membru kkonċernat mill-adeżjoni. L-interpretazzjoni magħquda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha bħala għan u bħala effett li ddewwem l-infurzabbiltà ta’ l-obbligi li regolament Komunitarju jimponi fil-konfront ta’ individwi fi Stat Membru sakemm dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu dwarhom b’mod uffiċjali mingħajr ebda ambigwità.

(ara l-punti 57-61 u d-dispożittiv 2)

3.     Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod eċċezzjonali, skond il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede. Madankollu, jekk il-kwistjoni ma tikkonċernax il-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, iżda tikkonċerna l-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ infurzabbiltà stess, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ att Komunitarju li mhuwiex ippubblikat fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, dan ta’ l-aħħar m’għandux, taħt id-dritt Komunitarju, l-obbligu li jikkontesta d-deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji li jittieħdu abbażi ta’ dawn ir-regoli, peress li dawn ikunu saru definittivi taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli.

Skond dispożizzjoni espressa tat-Trattat KE, jiġifieri l-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, anki jekk att illegali jiġi annullat u jiġi deċiż li qatt ma kien fis-seħħ, xorta waħda jista’ legalment jipproduċi wħud mill-effetti ġuridiċi tiegħu. L-istess rekwiżiti ta’ ċertezza legali jitolbu li l-istess ikun jgħodd għad-deċiżjonijiet nazzjonali li jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li ma jistgħux jiġu invokati kontra xi ħadd fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni regolari tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istati kkonċernati, ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet li kienu s-suġġett ta’ rikorsi amministrattivi jew ġudizzjarji fid-data ta’ din is-sentenza.

Skond id-dritt Komunitarju, ikun mod ieħor biss f’każijiet eċċezzjonali fejn ikunu ttieħdu miżuri amministrattivi jew deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari ta’ natura repressiva, li jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali, liema każijiet, taħt dawn il-limiti, għandhom jiġu kkonstatati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(ara l-punti 67-73)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea – Artikolu 58 – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Nuqqas ta’ traduzzjoni fil-lingwa ta’ Stat Membru – Infurzabbiltà”

Fil-kawża C-161/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE imressqa mill-Krajský soud v Ostravě (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ Deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2006, fil-proċedura

Skoma-Lux sro

vs

Celní ředitelství Olomouc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, P. Lindh, J.-C. Bonichot (Relatur), T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Skoma-Lux sro, minn P. Ritter, advokát,

–       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–       għall-Gvern Latvjan, minn K. Bārdiŋa u R. Kaskina, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, M. Kapko u M. Kamejsza, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u A. Falk, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux u M. Šimerdová kif ukoll minn P. Aalto, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, fis-seduta tat-18 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni”), skond liema r-Repubblika Ċeka saret Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Mejju 2004.

2       Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Skoma-Lux sro (iktar ’il quddiem “Skoma-Lux”) u Celní ředitelství Olomouc (amministrazzjoni ċentrali tad-dwana ta’ Olomouc, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni ċentrali tad-dwana”), minħabba multa li ngħatat lil Skoma-Lux għal ksur relatat mad-dwana mwettaq minnha bejn ix-xahar ta’ Marzu u ta’ Mejju 2004, minħabba li l-amministrazzjoni ċentrali tad-dwana ma setgħetx tuża kontriha leġiżlazzjoni Komunitarja li ma kinitx għadha ġiet ippubblikata fil-lingwa Ċeka fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 L-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni

3       L-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni jifforma parti integrali mit-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17) u jiffissa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni kif ukoll l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea u li din l-adeżjoni tinvolvi.

4       Skond l-Artikolu 2 ta’ l-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati originali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Centrali Ewropew qabel l-adeżjoni ghandhom jorbtu l-Istati Membri l-godda u ghandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att”.

5       L-Artikolu 58 ta’ dan l-att jipprovdi li:

“It-test ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet u tal-Bank Ċentrali Ewropew adottati qabel l-adeżjoni u mħejjija mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni jew mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-lingwa: Ċeka, Estona, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka, Slovena ghandhom, mid-data ta’ l-adeżjoni, ikunu awtentiċi bl-istess kondizzjonijiet bħat-test fil-ħdax-il lingwa attwali. Ghandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jekk it-test tal-lingwi attwali kienu hekk ġew ippubblikati”.

 Ir-Regolament Nru 1

6       Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintżaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17 p. 385), kif emendat mill-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni, il-lingwi uffiċjali ta’ l-Unjoni huma:

“iċ-Ċek, id-Daniż, l-Eston, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż”.

7       L-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi li:

“Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fl-għoxrin lingwa uffiċjali”.

8       L-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi regolament jgħid li:

“Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fl-għoxrin lingwa uffiċjali”.

9       Skond l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi regolament:

“Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-lingwa li għandha tintuża għandha tkun, fuq talba minn dak l-Istat, irregolata mir-regoli ġenerali tal-liġi tiegħu”.

10     Skond l-Artikolu 199 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1):

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet penali, il-preżentazzjoni fl-uffiċju doganali ta’ dikjarazzjoni ffirmata mid-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu għandha tirrendih responsabbli skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għal:

–       l-eżatezza ta’ l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni,

–       l-awtentiċità tad-dokumenti mehmuża,

u

–       konformità ma’ l-obbligi kollha li jirrelataw mad-dħul tal-merkanzija in kwistjoni taħt il-proċedura kkonċernata”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     L-Artikolu 293(1)(d) tal-Liġi Nru 13/1993 (iktar ’il quddiem il-“Liġi doganali”) jgħid li:

“Jikser id-dispożizzjonijiet doganali min jikseb permess biex idaħħal merkanzija taħt sistema abbażi ta’ dokumenti mhux awtentiċi, mibdula jew iffalsifikati, jew abbażi ta’ informazzjoni li mhijiex eżatta jew falsa”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Skoma-Lux timporta u tinnegozja fl-inbejjed. Fit-30 ta’ Settembru 2004, l-uffiċċju tad-dwana ta’ Olomouc imponiet fuqha multa minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li hija wettqet ripetutament fil-11, fit-22 u fit-23 ta’ Marzu u fis-6 u fil-15 ta’ April, fit-18 u fl-20 ta’ Mejju 2004. Peress li l-amministrazzjoni ċentrali tad-dwana kkonfermat din il-multa b’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Jannar 2005, fis-16 ta’ Marzu 2005, Skoma-Lux ressqet rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Ostravě (qorti reġjonali).

13     Skoma-Lux qed tiġi akkużata li wettqet ksur doganali billi ppreżentat informazzjoni li mhijiex eżatta rigward il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ l-inbid aħmar Kagor VK. L-amministrazzjoni ċentrali tad-dwana tqis mhux biss li din il-kumpannija kisret ċertu dispożizzjonijiet tal-liġi doganali, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka ma’ l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll li hija wettqet ksur doganali taħt l-Artikolu 293(1)(d) ta’ din l-istess liġi billi ma kkonformatx ruħha ma’ l-Artikolu 199(1) tar-Regolament Nru 2454/93.

14     Skoma-Lux tibbaża, parzjalment, ir-rikors tagħha għal annullament fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-regolament Komunitarju fir-rigward tal-ksur li bihom qed tiġi akkużata, inkluż dak li sar wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka ma’ l-Unjoni, peress illi ma kinitx teżisti pubblikazzjoni bil-lingwa Ċeka tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikati mill-awtoritajiet doganali fid-dati li fihom twettqu l-atti kontenzjużi.

15     L-amministrazzjoni ċentrali tad-dwana ssostni li l-Ministru tal-Finanzi Ċek ippubblika l-verżjoni Ċeka tad-dispożizzjonijiet doganali rilevanti taħt forma elettronika, li Skoma-Lux setgħet tinforma ruħha dwar dawn id-dispożizzjonijiet mingħand is-servizzi doganali u, fl-aħħar nett, li din il-kumpannija, li kienet ilha żmien twil topera fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, kienet taf id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti.

16     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Krajský soud v Ostravě ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      Jista’ l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni, li bih ir-Repubblika Ċeka saret Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ japplika, fil-konfront ta’ individwu, regolament li, fid-data li fiha jiġi applikat, ma jkunx ippubblikat regolarment fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ l-Istat Membru in kwistjoni?

2)       F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-inapplikabbiltà tar-regolament in kwistjoni fil-konfront ta’ l-individwi hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew kwistjoni ta’ validità tad-dritt Komunitarju, fis-sens ta’ l-Artikolu 234 KE?

3)      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-domanda preliminari tikkonċerna l-validità ta’ l-att Komunitarju, fis-sens tas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, Ġabra p. 4199), ir-Regolament Nru 2454/93 huwa null fil-konfront tar-rikorrenti u tal-kwistjoni li għandha ma’ l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika Ċeka, minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni regolari fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni ma’ l-Unjoni jippermettix li Stat Membru japplika fil-konfronti ta’ individwu d-dispożizzjonijiet ta’ regolament Komunitarju li ma jkunx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni.

18     Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha, fis-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Oryzomyli Kavallas et (160/84, Ġabra p. 1633, punti 11 sa 21), fuq il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ att Komunitarju fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwiex motiv ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-konfront ta’ individwi. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni l-impossibbiltà għall-individwi in kwistjoni li jkunu jafu l-leġiżlazzjoni invokata kontrihom.

19     Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-maġġoranza tal-persuni kkonċernati jsiru jafu dwar ir-regoli ta’ dritt taħt forma elettronika u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma tipprekludix in-nuqqas ta’ disponibbiltà tagħha. Fil-fatt, l-Unjoni ppubblikat verżjonijiet lingwistiċi provviżorji jew riveduti provviżorjament fuq l-Internet u hija prassi komuni li wieħed ifittex id-dritt Komunitarju f’databases bħal dawk tas-Servizz interistituzzjonali ta’ konsultazzjoni online tad-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea (EUR-Lex).

20     F’dan il-kuntest, tista’ tidher bħala leġittima l-ammissjoni li l-applikabbiltà ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja mhux ippubblikata fil-lingwa in kwistjoni tiġi ddeterminata skond il-każ, wara li tiġi eżaminata l-possibbiltà għal individwu li jsir jaf effettivament il-kontenut tad-dokument in kwistjoni. F’kawża bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpannija rikorrenti ma setgħetx ma tkunx infurmata peress illi topera f’kuntest internazzjonali u billi l-obbligu li tiddikjara b’eżattezza l-merkanzija importata tikkostitwixxi regola doganali magħrufa fl-Istati Membri kollha.

21     Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza taċ-ċittadini huma ggarantiti, b’mod partikolari, mill-ħtieġa formali ta’ pubblikazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-persuna li għaliha hija intiża (ara s-sentenzi ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-209/96, Ġabra p. I‑5655, punt 35, u ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C‑108/01, Ġabra p. I-5121, punt 89). L-inċertezza legali tiżdied minħabba l-koeżistenza ta’ numru ta’ traduzzjonijiet mhux uffiċjali differenti.

 L-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22     Skoma-Lux tqis li r-Regolament Nru 2454/93 ma jistax jiġi invokat kontriha inkwantu ma ġiex tradott fil-lingwa Ċeka. Hija tikkontesta, barra minn hekk, l-affermazzjoni li tgħid li hija kellha tkun taf dwar l-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni, meta titqies l-attività kummerċjali internazzjonali tagħha.

23     Skoma-Lux issostni li hija ma setgħetx tkun taf, qabel it-traduzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-lingwa Ċeka, liema dritt huwa applikabbli, peress illi fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ l-inbid, li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, hemm diverġenzi kbar bejn il-liġi doganali u l-Kodiċi Doganali Komunitarju. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-klassifikazzjoni ġdida, taħt ir-Regolament Nru 2454/93, ġiet introdotta fuq talba tagħha matul il-kuntatti li kellha mal-Kummissjoni, u li, għaldaqstant, ma tistax tiġi akkużata talli injorat volontarjament din il-leġiżlazzjoni.

24     Il-Gvern Ċek, Latvjan u Żvediż iqisu, li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 254 KE kif ukoll l-Artikoli 2 u 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni, waħda mill-kundizzjonijiet ta’ infurzabbiltà tad-dritt Komunitarju fil-konfront ta’ individwi fl-Istat Membru kkonċernat hija l-pubblikazzjoni regolari tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru.

25     Huma jsostnu b’mod partikolari l-osservanza tal-prinċipji ta’ non diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, ta’ ugwaljanza u ta’ ċertezza legali.

26     Dawn il-Gvernijiet iqisu, barra minn hekk, li l-verżjonijiet elettroniċi tat-traduzzjonijiet, qabel il-pubblikazzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jippreżentawx ċertezza legali suffiċjenti.

27     Il-Gvern Estonjan iqis li jirriżulta mill-Artikolu 254 KE li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istati Membri ġodda tikkostitwixxi, fil-mument ta’ l-adeżjoni ta’ dawn l-Istati ma’ l-Unjoni, obbligu għaliha u li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi ksur ta’ dan l-obbligu.

28     Madankollu, peress li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi biss li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu infurmati b’eżattezza dwar il-portata ta’ l-obbligi li leġiżlazzjoni timponi fuqhom, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li wieħed isir jaf dwar atti ġuridiċi permezz ta’ l-Internet. Dan jgħodd ukoll għal dawk li huma utenti ta’ l-Internet u li jafu dwar l-emendi magħmula fis-sistema legali minħabba l-adeżjoni ta’ l-Istat tagħhom ma’ l-Unjoni. Dawk li, bħal Skoma-Lux, jiffaċċjaw kuljum id-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ l-attività professjonali tagħhom jiffurmaw parti minn din il-kategorija ta’ “ċittadini infurmati”.

29     Għall-Gvern Pollakk, wara analiżi ta’ l-istess natura, individwu fi Stat Membru ma jistax jaħrab mill-konsegwenzi negattivi ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att ġuridiku li ma kienx suġġett għal pubblikazzjoni uffiċjali fil-lingwa nazzjonali sakemm jiġi stabbilit li ma kienx jaf il-kontenut ta’ dan l-att b’mezz differenti.

30     Skond il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament li, fil-mument ta’ l-applikazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat ikkonċernat, ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi.

31     Hija tipproponi, madankollu, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li wieħed isir jaf b’test fi verżjoni lingwistika oħra jew b’mezz elettroniku. Hija tfakkar li, fil-kawża prinċipali, ir-regolament doganali in kwistjoni ġie ppubblikat fil-lingwa Ċeka fuq is-sit ta’ l-Internet EUR-Lex fit-23 ta’ Novembru 2003, imbagħad taħt forma stampata fit-30 ta’ April 2004, u mwaħħla fil-bini ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitjiet Ewropej (OPOCE). Finalment dan ġie ppubblikat, bl-istess kliem, f’edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, fis-27 ta’ Awwissu 2004.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Skond l-Artikolu 2 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni, l-atti li jsiru, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet, jorbtu lill-Istati Membri ġodda u huma applikabbli f’dawn l-Istati mill-mument ta’ adeżjoni. Madankollu, l-infurzabbiltà tagħhom għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi f’dawn l-Istati hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri skond kif jipprovdu t-Trattati li minnhom joriġinaw u, għall-Istati Membri ġodda, mill-Att jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni nnifsu.

33     Jirriżulta mill-kliem stess tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 254(2) KE, li regolament jista’ jkollu effetti ġuridiċi biss jekk ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

34     Barra minn hekk, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni kif ukoll l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament Nru 1, li pubblikazzjoni regolari ta’ regolament Komunitarju, fir-rigward ta’ Stat Membru li l-lingwa tiegħu hija lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni, tfisser il-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, f’din il-lingwa uffiċjali, fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

35     Għalhekk, taħt dawn il-kundizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet u mill-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu implementati fl-Istati Membri ġodda skond l-Artikolu 2 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni.

36     Minbarra l-leġittimità li din tikseb mill-kliem innifishom tat-Trattati, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ non diskriminazzjoni.

37     Fil-fatt, skond il-punt 15 tas-sentenza tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, (98/78, Ġabra p. 69), att li joħroġ minn istituzzjoni Komunitarja, bħar-regolament fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi invokat kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi fi Stat Membru qabel ma dawn ta’ l-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jsiru jafu dwarhom minn pubblikazzjoni regolari fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

38     Il-Qorti ddeċidiet li r-rekwiżit mandatorju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu preċiżament il-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom, liema rekwizit huwa ggarantit biss mill-pubblikazzjoni regolari ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-persuna indirizzata minnha (ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1998, Covita, C‑370/96, Ġabra p. I‑7711, punt 27; tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C‑228/99, Ġabra p. I‑8401, punt 15, u Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

39     Barra minn hekk, huwa kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jiġu applikati bl-istess mod, minn naħa, obbligi imposti minn leġiżlazzjoni Komunitarja fl-Istati Membri qodma, fejn l-individwi għandhom il-possibbiltà li jkunu jafu dwar l-imsemmija obbligi fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-lingwi ta’ dawn l-Istati, u, min-naħa l-oħra, fl-Istati Membri aderenti, fejn l-individwi kienu jinsabu fl-impossibbiltà li jsiru jafu bihom minħabba pubblikazzjoni tardiva.

40     L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji fundamentali ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ l-effettività tad-dritt Komunitarju, inkwantu dan l-aħħar prinċipju ma jistax jikkonċerna regoli li jkunu għadhom ma jistgħux jiġu invokati kontra individwi.

41     Jekk jidher, fil-fatt, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 10 KE, li l-Istati Membri aderenti jieħdu l-miżuri kollha intiżi sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt Komunitarju fis-sistema legali interna tagħhom, huwa contra legem, fid-dawl ta’ l-analiżi preċedenti, li jiġi meħtieġ mingħandhom li jimponu obbligi fuq l-individwi li jinsabu f’testi ta’ portata ġenerali mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta’ dawn l-Istati.

42     Il-pożizzjoni li ssostni li att li ma ġiex ippubblikat regolarment jista’ jiġi infurzat f’isem il-prinċipju ta’ l-effettività, timponi fuq l-individwi ta’ dan l-Istat Membru l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu li l-amministrazzjoni Komunitarja kellha sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom, fid-data ta’ l-adeżjoni, l-acquis communautaire kollu fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Unjoni (ara f’dan is-sens is-sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

43     Huwa minnu li wħud mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li hija stess, fil-punti 11 sa 21 tas-sentenza Oryzomyli Kavallas et, iċċitata iktar ’il fuq, ittrattat il-kwistjoni dwar jekk pubblikazzjoni insuffiċjenti tad-dritt Komunitarju fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandhiex tikkostitwixxi, fil-każijiet kollha, motiv ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni kontra individwi.

44     Madankollu, din is-sentenza għandha tinqara fil-kuntest tagħha u billi tittieħed in kunsiderazzjoni d-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ta’ l-aħħar evalwat sempliċement l-impossibbiltà għal kumpannija Griega li ssir taf dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika fil-Komunitajiet Ewropej. Il-kwistjoni tal-pubblikazzjoni regolari ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tirriżultax, fiha nnifisha. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sempliċement jekk, fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika ma’ l-Unjoni, kumpannija Griega li kienet ressqet b’mod irregolari, fir-rigward tar-regoli Komunitarji, talbiet quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tagħha sabiex tikseb il-ħlas lura ta’ dazju għall-importazzjoni, setgħet madankollu tibbenefika minn dan il-ħlas lura, meta ttieħdet in kunsiderazzjoni d-diffikultà għal din il-kumpannija, kif ukoll għall-amministrazzjoni Griega, li ssir taf dwar din il-leġiżlazzjoni Komunitarja u tapplika b’mod korrett ir-regoli ġodda.

45     Il-qorti tar-rinviju, uħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jsostnu li l-kumpannija rikorrenti, fil-kawża prinċipali, kienet, min-natura tagħha, informata dwar ir-regoli Komunitarji applikabbli, peress li hija topera fil-kummerċ internazzjonali u li għalhekk bilfors hija informata dwar il-kontenut ta’ l-obbligi doganali, jiġifieri, b’mod partikolari, l-obbligu li tiddikjara b’eżattezza l-merkanzija importata. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Komunitarja, minkejja li mhux ippubblikata, għandha tapplika, inkwantu jista’ jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata, fil-fatt, kienet taf dwarha.

46     Madankollu, ċirkustanza bħal din mhijiex suffiċjenti sabiex leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx suġġetta għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tiġi invokata kontra individwu.

47     Bl-istess mod, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll uħud mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jsostnu ulterjorment li llum l-individwi jsiru jafu dwar ir-regoli tad-dritt Komunitarju permezz tal-verżjoni elettronika tagħhom, b’mod illi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiegħdu fil-kuntest t-tajjeb u li m’hemmx iżjed lok li jiġi kkunsidrat li dan jikkaġuna nuqqas ta’ disponibbiltà ta’l-imsemmija regoli. Il-Kummissjoni żżid li r-regolament fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat, biċ-Ċek, fuq is-sit ta’ l-Internet EUR-Lex mit-23 ta’ Novembru 2003, imbagħad taħt forma stampata fit-30 ta’ April 2004 u mwaħħla fil-bini ta’ l-OPOCE.

48     Madankollu, għandu jiġi osservat li għalkemm il-leġiżlazzjoni Komunitarja hija effettivament disponibbli fuq l-Internet u li l-individwi dejjem iktar spiss isiru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni bl-għajnuna ta’ dan il-mezz, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jistax ikun ekwivalenti għal-pubblikazzjoni fil-forma korretta u dovuta fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fin-nuqqas, fid-dritt Komunitarju, ta’ kull leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward.

49     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm diversi Stati Membri adottaw il-pubblikazzjoni elettronika bħala forma valida, din hija suġġetta għal testi leġiżlattivi jew regolamentari li jorganizzawha bi preċiżjoni u jiddeterminaw eżattament il-każijiet li fihom din il-pubblikazzjoni hija valida. F’dawn il-kundizzjonijiet, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tikkunsidra din il-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja bħala suffiċjenti, biex tassigura l-infurzabbiltà tagħha.

50     L-unika verżjoni ta’ regolament Komunitarju stabbilita hija, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea b’mod li verżjoni elettronika li tippreċedi din il-pubblikazzjoni, anki jekk sussegwentement tirriżulta li hija konformi mal-verżjoni ppubblikata, ma tistax tiġi invokata kontra individwi.

51     Jeħtieġ għaldaqstant li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni jipprekludi l-fatt li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni, jistgħu jiġu imposti fuq individwi f’dan l-Istat, anki jekk dawn il-persuni setgħu saru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra.

 Fuq it-tieni domanda

52     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront ta’ individwi fi Stat Membru ta’ regolament Komunitarju li ma ġiex ippubblikat fil-lingwa ta’ dan l-Istat hijiex kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew kwistjoni ta’ validità ta’ dan ir-regolament.

 L-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

53     Il-Gvern Ċek jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iqis li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ regolament Komunitarju fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jeffetwax il-validità tiegħu u li, għaldaqstant, l-eżami ta’ l-effetti ta’ dan in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tikkonċerna biss l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, qalet li l-validità tat-tali regolament ma tiġix affettwata miċ-ċirkustanza li l-pubblikazzjoni tagħha tkun saret biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit, billi dan id-dewmien ma jistax ikollu rilevanza fuq id-data li minnha seta’ jiġi applikat dan ir-regolament jew jipproduċi l-effetti tiegħu (is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1974, König, 185/73, Ġabra p. 607, punt 6).

54     Il-Gvern Latvjan iqis li n-nuqqas ta’ infurzabbiltà, fil-konfronti ta’ l-individwi, ta’ regolament Komunitarju li ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa kwistjoni ta’ validità inkwantu l-effetti ta’ dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà huma, konkretament, l-istess bħal dawk tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, sabiex tiddeċiedi kwistjoni quddiemha, qorti nazzjonali jkollha tikkunsidra li l-imsemmi regolament qatt ma eżista.

55     Għall-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-disponibbiltà tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri differenti m’għandhiex rilevanza la fuq id-data li fiha regolament jitqies bħala li ġie ppubblikat u lanqas fuq id-data li fiha jkun ġie fis-seħħ (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Racke, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-25 ta’ Jannar 1979, Decker, 99/78, Ġabra p. 101). Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ verżjoni lingwistika tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistax, fih innifsu, jikkomprometti l-validità jew id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

56     Il-Kummissjoni tqis, għaldaqstant, li l-kwistjoni dwar jekk regolament jistax jew le jiġi invokat kontra individwu meta dan ma jkunx ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

57     Il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju hija dik dwar jekk regolament li ma ġiex ippubblikat fil-lingwa ta’ Stat Membru huwiex null fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 254(2) KE, ta’ l-Artikoli 2 u 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni kif ukoll ta’ l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1.

58     Huwa paċifiku li dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx il-validità ta’ regolament applikabbli fl-Istati Membri li fihom dan ġie regolarment ippubblikat.

59     Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li dan ir-regolament ma jistax jiġi invokat kontra individwi fi Stat Membru li fil-lingwa tiegħu ma jkunx ġiet ippubblikata, ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li, peress li jagħmel parti mill-acquis communautaire, dan jorbot l-Istat Membru kkonċernat permezz tad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-mument ta’ l-adeżjoni.

60     L-interpretazzjoni magħquda tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandha bħala għan u bħala effett li ddewwem l-infurzabbiltà ta’ l-obbligi li regolament Komunitarju jimponi fil-konfront ta’ individwi fi Stat Membru sakemm dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu dwarhom b’mod uffiċjali mingħajr ebda ambigwità.

61     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, billi ġie deċiż li regolament Komunitarju, li ma ġiex ippubblikat fil-lingwa ta’ Stat Membru, ma jistax jiġi invokat kontra individwi f’dan l-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 234 KE.

 Fuq it-tielet domanda

62     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m’hemmx lok li l-Qorti twieġeb fuq il-validità ta’ dan ir-regolament Komunitarju.

 Fuq it-talba għal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ din is-sentenza

63     Il-Gvern Ċek jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza tagħha għad-data tal-pubblikazzjoni tad-domandi preliminari li jitressqu quddiemha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, mingħajr ma din il-limitazzjoni tkun tista’ tiġi invokata kontra r-rikorrenti li diġà kkontestaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux ippubblikati u li talbu kumpens għad-dannu kkaġunat.

64     Huwa jsostni li ż-żewġ kriterji fundamentali, determinanti għall-possibbiltà li tiddeċiedi dwar il-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza, ġew sodisfatti f’din il-kawża, jiġifieri li l-persuni kkonċernati aġixxew in bona fede u li jeżisti riskju ta’ problemi serji, liema problemi mhumiex biss ta’ natura ekonomika.

65     Il-Gvern Latvjan jipproponi l-istess, iżda għad-data ta’ din is-sentenza, sabiex ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iżjed id-deċiżjonijiet meħuda in bona fede abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet Komunitarji li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, u li ma ġewx ikkontestati mill-persuni kkonċernati minnhom.

66     Huwa jqis li l-Istati Membri kollha li ssieħbu ma’ l-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 imxew in bona fede meta implementaw regoli Komunitarji li, dak iż-żmien, ma kinux ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sens ta’ din is-sentenza, jekk id-deċiżjonijiet amministrattivi jkollhom jiġu annullati minħabba n-nuqqas ta’ fondatezza tagħhom, dan jagħti lok għal numru kbir ta’ talbiet għal annullament kif ukoll għal konsegwenzi finanzjarji importanti, mhux biss għall-finanzi ta’ l-Istati Membri, iżda wkoll għall-Unjoni.

67     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod eċċezzjonali, skond il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, “Defrenne II”, C-43/75, Ġabra p. 455, punti 72 sa 75, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 35).

68     Madankollu, din il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tikkonċerna ipoteżi differenti minn dik fil-kawża preżenti. Fil-fatt, din il-kawża ma tikkonċernax kwistjoni ta’ limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, iżda l-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ sentenza li tirrigwarda l-infurzabbiltà stess, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ att Komunitarju. Għaldaqstant, l-imsemmija ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ.

69     Għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tannulla regolament, tindika, jekk hija tqis li huwa neċessarju, dawk l-effetti tar-regolament annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

70     Minn dan jirriżulta li minkejja li att ikun illegali u għaldaqstant null, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skond dispożizzjoni espliċita tat-Trattat KE, tiddeċiedi li xorta waħda jista’ legalment jipproduċi wħud mill-effetti ġuridiċi tagħha.

71     Ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali jitolbu li l-istess ikun jgħodd għad-deċiżjonijiet nazzjonali li jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li ma jistgħux jiġu invokati kontra xi ħadd fit-territorju ta’ ċertu Stati Membri minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni regolari tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istati kkonċernati, ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet li kienu s-suġġett ta’ rikorsi amministrattivi jew ġudizzjarji fid-data ta’ din is-sentenza.

72     Għaldaqstant, l-Istati Membri m’għandhomx, taħt id-dritt Komunitarju, l-obbligu li jikkontestaw id-deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji li jittieħdu abbażi ta’ dawn ir-regoli, inkwantu dawn ikunu saru definittivi taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli.

73     Skond id-dritt Komunitarju, ikun mod ieħor biss f’każijiet eċċezzjonali fejn ikunu ttieħdu, abbażi tar-regoli msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, miżuri amministrattivi jew deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari ta’ natura repressiva, li jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali, liema każijiet, taħt dawn il-limitazzjonijiet, għandhom jiġu kkonstatati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

 Fuq l-ispejjeż

74     Peress li l-proċedura għandha, fil-konfront tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 58 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jipprekludi l-fatt li l-obbligi li jinsabu f’leġiżlazzjoni Komunitarja li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din il-lingwa hija lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu imposti fuq individwi f’dan l-Istat, minkejja li dawn il-persuni setgħu saru jafu dwar din il-leġiżlazzjoni b’mezzi oħra.

2)      Billi ġie deċiż li regolament Komunitarju, li ma ġiex ippubblikat fil-lingwa ta’ Stat Membru, ma jistax jiġi invokat kontra individwi f’dan l-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju skond l-Artikolu 234 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Top