EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0432

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta' Marzu 2007.
Unibet (London) Ltd u Unibet (International) Ltd vs Justitiekanslern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Högsta domstolen - l-Iżvezja.
Prinċipju ta' protezzjoni legali - Liġi nazzjonali li ma tipprovdix rimedju awtonomu sabiex tiġi kkontestata l-konformità ta' dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju - Awtonomija proċedurali - Prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività - Protezzjoni provviżorja.
Kawża C-432/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:163

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta' Marzu 2007 (*)

“Prinċipju ta' protezzjoni legali – Liġi nazzjonali li ma tipprovdix rimedju awtonomu sabiex tiġi kkontestata l-konformità ta' dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività – Protezzjoni provviżorja”

Fil-kawża C-432/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (L-Iżvezja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-24 ta' Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Diċembru 2005, fil-proċedura

Unibet (London) Ltd,

Unibet (International) Ltd

vs

Justitiekanslern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts (Relatur), R. Schintgen, P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta' l-Awla, J. Makarczyk, G. Arestis, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Ottubru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Unibet (London) Ltd. u Unibet (International) Ltd., minn H. Bergman u O. Wiklund, advokater,

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand, bħala aġent,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, assistita minn S. Verhulst u P. Vlaemminck, advocaten,

–       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou u K. Boskovits, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u J. de Oliveira, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White, wara minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Unibet (London) Ltd u Unibet (International) Ltd (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, "Unibet") u Justitiekanslern dwar l-applikazzjoni tal-liġi Żvediża dwar il-lotteriji u l-logħob tax-xorti (lotterilagen, SFS 1994, n° 1000, iktar 'il quddiem il-"liġi dwar il-lotteriji").

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Ir-regoli tal-proċedura

3       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-istħarriġ tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, ta' natura leġiżlattiva jew regolatorja, ma' regoli ta' livell superjuri huwa rregolat mill-Artikolu 14 tal-Kapitolu 11 tal-Kostituzzjoni Żvediża (regeringsformen). Bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, jekk qorti tqis li dispożizzjoni nazzjonali mhijiex konformi ma' regola ta' natura kostituzzjonali jew ma' regola oħra ta' livell superjuri, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tiġi applikata. Madankollu, jekk id-dispożizzjoni msemmija tkun ħarġet mill-Parlament jew mill-Gvern Żvediż, din m'għandhiex tiġi applikata biss fil-każ li n-nuqqas ta' konformità tkun ċara. Madankollu din l-aħħar kundizzjoni mhijiex meħtieġa meta l-kwistjoni ta' konformità tkun tirrigwarda regola tad-dritt Komunitarju.

4       Skond il-qorti tar-rinviju, id-dritt Żvediż ma jipprovdix rimedju awtonomu bil-għan, b'mod prinċipali, li tiġi ddikjarata n-nuqqas ta' konformità ta' att adottat mill-Parlament jew mill-Gvern Żvediż ma' regola ta' livell superjuri, peress li tali stħarriġ jista' biss jiġi eżerċitat b'mod inċidentali fil-kuntest ta' proċeduri mibdija quddiem il-qrati komuni jew quddiem il-qrati amministrativi.

5       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja Żvediż (rättegångsbalken, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja"), li jirregola l-proċeduri quddiem il-qrati komuni, talba għad-danni tista' ssir bil-għan li jinkiseb il-ħlas tad-danni u interessi. Din il-proċedura tista' twassal għal sentenza eżekuttiva li tikkundanna lill-konvenut iħallas danni u interessi lill-attur.

6       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2 ta' l-istess Kapitolu tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, tista' ssir azzjoni bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' relazzjoni legali bejn il-konvenut u l-attur, meta, minn din ir-relazzjoni, ikun jirriżulta dannu għal dan ta' l-aħħar. Skond it-tieni subparagrafu ta' l-istess Artikolu, it-talba tiġi eżaminata jekk tkun tirrigwarda l-eżistenza tar-relazzjoni msemmija. Azzjoni bħal din tista' twassal biss għal sentenza dikjaratorja, li tikkonstata, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta' relazzjoni legali bejn il-partijiet, bħall-obbliġu li jitħallsu danni u interessi lill-attur.

7       F'dan il-kuntest, il-qorti li jkollha l-kawża quddiemha tista' tintalab li tivverifika, b'mod inċidentali, il-konformità ma' regola ta' livell superjuri ta' dispożizzjoni leġislativa applikabbli, liema regola, jekk ikun il-każ, m'għandhiex tiġi applikata.

8       L-għotja ta' miżuri provviżorji fil-proċeduri ċivili hija rregolata mill-Kapitolu 15 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja. L-Artikolu 3 ta' dan il-Kapitolu jistipula l-possibbiltà li jiġu ordnati miżuri provviżorji favur l-attur bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tiegħu. Bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, jekk l-attur jipprova l-fondatezza tal-pretensjonijiet tiegħu fir-rigward ta' terza persuna, li dawn huma s-suġġett jew jistgħu jkunu s-suġġett ta' kawża u li din it-terza persuna hija f'pożizzjoni li tikser id-drittijiet tiegħu permezz ta' att jew ommissjoni, il-qorti kompetenti tista' tieħu miżuri ta' projbizzjoni jew ta' inġunzjoni, jekk ikun il-każ, flimkien ma' sanzjonijiet monetarji, fir-rigward ta' l-imsemmija terza persuna.

9       L-Artikolu 7 ta' l-istess Kapitolu 15 jobbliga l-attur li jkunu ġew ġew ordnati miżuri provviżorji favurih, b'mod partikolari skond l-Artikolu 3 tal-Kapitolu msemmi, li jiftaħ kawża dwar il-mertu quddiem il-qorti kompetenti fi żmien xahar mill-għoti ta' dawn il-miżuri, b'tali mod li, skond il-qorti tar-rinviju, dawn ikunu biss jistgħu jiggarantixxu protezzjoni provviżorja tad-drittijiet pretiżi mill-attur filwaqt li jiggarantixxu r-rispett ta' dawn id-drittijiet sa ma tingħata s-sentenza.

 Il-liġi dwar il-lotteriji

10     Skond il-liġi dwar il-lotteriji, l-attivitajiet ta' lotteriji miftuha għall-pubbliku u, b'mod iktar wiesa', il-logħob kollu li l-possibilitajiet ta' rebħ tiegħu jkunu bbażati fuq ix-xorti, bħall-imħatri, il-lottu, il-magni tal-logħob u r-roulette, huma suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrativa maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fil-livell lokali jew nazzjonali.

11     Id-deċiżjoni ta' ċaħda ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu organizzati attivitajiet bħal dawn tista' tkun ikkontestata quddiem il-qrati amministrativi ta' prim'istanza jew, jekk id-deċiżjoni msemmija tingħata mill-Gvern, quddiem ir-Regeringsrätten (il-qorti amministrativa li tiddeċiedi fl-aħħar istanza). F'dan il-kuntest, dawn il-qrati jistgħu jiġu mitluba biex jivverifikaw, b'mod inċidentali, il-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli mad-dritt Komunitarju, liema dispożizzjoni, jekk ikun il-każ, m'għandhiex tiġi applikata.

12     L-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji jipprojbixxi l-promozzjoni, b'mod professjonali jew b'kull mod ieħor bi skopijiet ta' qliegħ, tal-parteċipazzjoni f'lotterija mhux awtorizzata organizzata fl-Iżvezja jew f'lotterija organizzata barra mill-Iżvezja.

13     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 52 tal-liġi msemmija, din il-projbizzjoni tista' tagħti lok għal inġunzjonijiet li l-ksur tagħhom iġib miegħu ammendi amministrativi. Il-miżuri amministrativi meħuda għal dan il-għan mill-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati amministrativi, liema qrati jistgħu jordnaw li l-eżekuzzjoni tagħhom tiġi sospiża u jistgħu jipproċedu bil-verifika, b'mod inċidentali, tal-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli mad-dritt Komunitarju, liema, jekk ikun il-każ, ma għandhiex tiġi applikata.

14     Il-projbizzjoni tal-promozzjoni stabbilita fl-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji tista' tkun is-suġġett ta' talba għal deroga indirizzata lill-Gvern jew lill-awtorità stabbilita għal dan il-għan. Id-deċiżjoni ta' ċaħda ta' din it-talba tista' tkun is-suġġett, bis-saħħa tal-liġi Żvediża dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta' xi deċiżjoniiet amministrativi (lagen on rättsprövning av vissa förvaltningsbeslut, SFS 1988, n° 205), ta' appell quddiem ir-Regeringsrätten, li tista' tintalab tgħamel evalwazzjoni, b'mod inċidentali, tal-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlativa applikabbli mad-dritt Komunitarju, peress li din ta’ l-aħħar, jekk ikun il-każ, ma għandhiex tiġi applikata.

15     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 54 tal-liġi dwar il-lotteriji, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni f'lotterija organizzata f'pajjiż barrani hija suġġetta għall-piena ta' sitt xhur ħabs jekk din il-promozzjoni tkun speċifikatament immirata lejn persuni residenti fl-Iżvezja.

16     Fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali meħuda għal din ir-raġuni mill-awtoritajiet kompetenti, it-tingsrätt (il-qorti ta’ dritt komuni li qed tiddeċiedi fl-ewwel istanza) tista' tintalab tagħmel evalwazzjoni, b'mod inċidentali, tal-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlativa applikabbli mad-dritt Komunitarju, peress li din, jekk ikun il-każ, ma għandhiex tiġi applikata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17     Jirriżulta mid-dokumenti ta' l-inkartament li, matul ix-xahar ta' Novembru 2003, Unibet akkwistat spazji ta' reklamar mingħand diversi fornituri tal-medja Żvediżi bil-għan li tippromwovi s-servizzi tagħha ta' mħatri fuq l-internet. Bl-applikazzjoni tal-liġi dwar il-lotteriji, l-Istat Żvediż ħa diversi miżuri, bħal inibizzjonijiet u teħid ta' proċeduri kriminali kontra fornituri tal-medja li kienu aċċettaw li jipprovdu spazji ta' reklamar lil Unibet.

18     Mingħajr ma hija stess kienet is-suġġett ta' miżuri amministrativi jew ta' proċeduri kriminali, fl-1 ta' Diċembru 2003, Unibet bdiet proċeduri kontra l-Istat Żvediż quddiem it-tingsrätt bil-għan, fl-ewwel lok, li jiġi ddikjarat id-dritt tagħha, stipulat fl-Artikolu 49 KE, li tippromwovi fl-Iżvezja s-servizzi tal-logħob u ta' l-imħatri tagħha mingħajr ma tkun imwaqqfa mill-inibizzjoni stipulata fl-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji (iktar 'il quddiem it-"talba dikjaratorja"), fit-tieni lok, sabiex titħallas id-danni għall-ħsarat li nkorriet minħabba din l-inibizzjoni tal-promozzjoni (iktar 'il quddiem it-"talba għad-danni") u, fit-tielet lok, li tiġi ddikjarata inapplikabbli fir-rigward tagħha l-inibizzjoni msemmija, kif ukoll il-miżuri u s-sanzjonijiet marbuta magħha (iktar 'il quddiem l-"ewwel talba għal miżuri provviżorji").

19     It-talba dikjaratorja ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-tingsrätt tat-2 ta' Lulju 2004. Dan ta' l-aħħar qies li l-argumenti mressqa in sostenn ta' din it-talba ma kienux jirriżultaw mill-eżistenza ta' relazzjoni legali konkreta bejn Unibet u l-Istat Żvediż u li l-applikazzjoni msemmija kienet timplika li kellu jsir stħarriġ astratt ta' regola, filwaqt li azzjoni bħal din mhijiex ammissibbli fil-liġi Żvediża. It-tingsrätt ma ppronunzjax ruhu fuq it-talba għad-danni u lanqas fuq l-ewwel talba għal miżuri provviżorji.

20     Wara appell minn Unibet, it-talba dikjaratorja u l-ewwel talba għal miżuri provviżorji wkoll ġew miċħuda permezz tas-sentenza tal-hovrätt (il-qorti ta' l-appell) tat-8 ta' Ottubru 2004. Fil-fatt, din l-aħħar qorti kkunsidrat li t-talba dikjaratorja kienet tikkostitwixxi rikors għal konstatazzjoni inammissibbli fl-Iżvezja, u li ma kienx jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta' protezzjoni legali jeħtieġ li tkun stabbilita l-possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ astratt ta' regola meta din il-proċedura mhijiex prevista mil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti msemmija ddeċidiet li l-kwistjoni dwar il-konformità ta' l-inibizzjoni ta' promozzjoni stipulata fl-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji flimkien mad-dritt Komunitarju kienet ser tiġi evalwata waqt l-evalwazzjoni tat-talba għad-danni mit-tingsrätt.

21     Il-hovrätt ikkunsidrat ukoll li, jekk Unibet teżerċita d-drittijiet li tinvoka u tippromwovi l-promozzjoni fl-Iżvezja tas-servizzi tagħha, il-konformità ta' l-inibizzjoni msemmija mad-dritt Komunitarju tista' tiġi eżaminata mill-qorti li għandha l-kawża quddiemha fil-kuntest ta' proċedura diretta kontra miżuri amministrativi jew ta' proċedura kriminali.

22     Għaldaqstant, il-hovrätt iddeċieda li t-talba dikaratorja ta' Unibet ma setgħetx titqies li hija ammissibbli abbażi tad-dritt komunitarju u li l-ewwel talba għal miżuri provviżorji kienet saret mingħajr bażi.

23     Fil-kuntest ta' l-ewwel appell quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti suprema) kontra s-sentenza tal-hovrätt tat-8 ta' Ottubru 2004, Unibet argumentat favur l-ammissibiltà tat-talba dikjaratorja tagħha u ta' l-ewwel talba għal miżuri provviżorji tagħha, bis-saħħa kemm tal-liġi Żvediża kif ukoll tad-dritt komunitarju.

24     Ftit żmien wara s-sentenza tal-hovrätt tat-8 ta' Ottubru 2004, li ċaħdet it-talba dikjaratorja u l-ewwel talba għal miżuri provviżorji tagħha, Unibet ippreżentat rikors ġdid għal miżuri provviżorji quddiem it-tingsrätt, bil-għan li tiġi awtorizzata minnufih, minkejja l-inibizzjoni tal-promozzjoni stipulata fl-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji, li tippromwovi s-servizzi tagħha sakemm tispiċċa l-proċedura fil-mertu dwar it-talba għad-danni tagħha u sabiex tnaqqas il-preġudizzju marbut ma' din l-inibizzjoni (iktar 'il quddiem it-"tieni talba għal miżuri provviżorji"). Unibet qalet li din it-talba kienet direttament marbuta mal-ksur tad-drittijiet li jingħatawlha mid-dritt Komunitarju kif ukoll mat-talba għad-danni tagħha peress li din għandha l-għan li twaqqaf il-preġudizzju li jirriżulta minn dan il-ksur.

25     Permezz ta' sentenza tat-12 ta' Novembru 2004, it-tingsrätt ċaħdet din it-talba għaliex qieset li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ma kinitx weriet li l-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji mhuwiex konformi mad-dritt Komunitarju u li Unibet lanqas ma kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta' dubju serju fil-konfront tal-konformità ta' l-inibizzjoni stipulata min-din id-dispożizzjoni mad-dritt Komunitarju. L-appell imressaq minn unibet kontra din is-sentenza ġie miċħud ukoll permezz tas-sentenza tal-hovrätt tas-26 ta' Jannar 2005.

26     Fil-kuntest tat-tieni appell quddiem il-Högsta domstolen, Unibet argumentat favur l-annullament tas-sentenza tal-hovrätt u sabiex jiġu awtorizzati l-miżuri provviżorji skond it-talba tagħha fl-ewwel istanza.

27     Fir-rigward ta' l-ewwel appell, il-qorti tar-rinviju tinnota li, skond il-liġi Żvediża, rimedju awtonomu ma jistax jiġi eżerċitat bil-għan li tiġi kkonstatata, b'mod prinċipali, in-nuqqas ta' konformità ta' dispożizzjoni nazzjonali ma' regola ta' livell superjuri. F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’inhuma r-rekwiżiti Komunitarji tal-prinċipju tal-protezzjoni legali, filwaqt li tqis li Unibet tista' tingħata l-evalwazzjoni tal-konformità tal-liġi dwar il-lotteriji mad-dritt Komunitarju jekk din kienet tikser id-dispożizzjoniiet ta' din il-liġi u kienet suġġetta għal proċedimenti kriminali jew fil-kuntest ta' kawża għad-danni jew inkella fiċ-ċirkustanza ta' stħarriġ ġuridiku ta' deċiżjonijiet amministrativi li jiċħdu, jekk ikun il-każ, talba għal awtorizzazzjoni jew ta' deroga mressqa bl-applikazzjoni tal-liġi msemmija.

28     Skond il-qorti tar-rinviju, l-ewwel talba għal miżuri provviżorji ppreżentata quddiem l-imħallfin fuq il-mertu fil-kuntest ta' l-appell iqajjem kwistjonijiet simili, għaliex, fil-liġi Żvediża, talba bħal din ma tistax tiġi ammessa jekk it-talba prinċipali stess tkun inammissibbli.

29     Fir-rigward tat-tieni appell, li jirrigwarda t-tieni talba għal miżuri provviżorji, il-qorti tar-rinviju tqis li jqumu kwistjonijiet ta’ dritt komunitarju peress li Unibet issostni li t-talba msemmija hija marbuta mad-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt Komunitarju. Dawn il-kwistjonijiet essenzjalment jirrigwardaw il-kriterji li għandhom jitħaddmu għall-għoti ta' dawn il-miżuri fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

30     Peress li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni għall-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Ir-rekwiżit tad-dritt komunitarju li jgħid li r-regoli tal-proċedura nazzjonali għandhom jipprovdu rimedju effettiv lill-individwu privat għad-drittijiet mogħtija lilhu mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fis-sens li proċedura li għandha l-għan li tikseb konstatazzjoni li xi dispożizzjonijiet sostantivi nazzjonali jmorru kontra l-Artikolu 49 KE hija ammissibbli fil-każ fejn il-konformità ta' dawn id-dispożizzjonijiet ma' l-Artikolu msemmi ma tistax tiġi evalwata b'mod ieħor ħlief b'mod inċidentali, per eżempju fil-kuntest ta' kawża għad-danni u interessi, ta' kawża li tirrigwarda l-ksur ta' dispożizzjoni sostantiva nazzjonali jew ta' stħarriġ ġudizzjarju?

2)      Din il-ħtieġa ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tirriżulta mid-dritt komunitarju timplika li l-ordinament ġuridiku nazzjonali għandu jipprovdi protezzjoni provviżorja li permezz tagħaha xi regoli nazzjonali li jostakolaw l-eżerċizzju ta' dritt li individwu privat jippretendi taħt id-dritt Komunitarju għandhom ikunu jistgħu jiġu skartati fir-rigward ta' l-individwu privat sabiex dan ta' l-aħħar ikun jista' jeżerċita dan id-dritt, u dan sakemm il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta' dan id-dritt tiġi evalwata b'mod definittiv minn qorti nazzjonali?

3)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għat-tieni domanda:

Fil-każijiet fejn jeżisti dubju fuq il-konformità ta' dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju, dan jimplika li qorti nazzjonali għandha, waqt l-evalwazzjoni tat-talba għall-protezzjoni proviżorja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju, tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għall-kundizzjoniiet ta' protezzjoni bħal din jew għandha din il-qorti tapplika kriterji Komunitarji?

4)      Fil-każ fejn ir-risposta għat-tielet domanda tkun li għandhom jiġu applikati kriterji meħuda mid-dritt Komunitarju, liema huma dawn il-kriterji?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

31     Għandu jiġi skartat l-argument tal-Gvern Belġjan li jgħid li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba l-eżistenza ta' kontroversja reali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

32     Fil-fatt, hekk kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-Konklużjonijiet tagħha, teżisti kontroversja li hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju fis-sens li Unibet fetħet proċeduri quddiem il-qrati Żvediżi sabiex dawn jiddikjaraw l-Artikolu 38 tal-liġi dwar il-lotteriji li mhumiex konformi ma' l-Artikolu 49 KE, u dan bil-għan li tiġi awtorizzata tippromwovi s-servizzi tagħha fl-Iżvezja, u sabiex titħallas id-danni għall-preġudizzju li hija tgħid li soffriet minħabba l-inibizzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 38.

33     Il-kwistjoni jekk il-kawża ta' Unibet hijiex ammissibbli quddiem il-qrati Żvediżi, li hija s-suġġett ta' l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhijiex rilevanti biex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta' talba għal deċiżjoni preliminari.

34     Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

35     Konsegwentement, għandhom jingħataw ir-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta' l-informazzjoni mogħtija minn din ta' l-aħħar f'dak li jirrigwarda l-kuntest ġuridiku Żvediż hekk kif espost fil-punti 3 sa 16 ta' din is-sentenza.

 Fuq l-ewwel domanda

36     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, l-eżistenza ta' rimedju awtonomu li jwassal, b'mod prinċipali, għall-evalwazzjoni tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma' l-Artikolu 49 KE, peress li proċeduri legali oħra jippermettu l-evalwazzjoni ta' din il-konformità b'mod inċidentali.

37     Jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-bidu li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem (sentenzi tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra. p. 1651, punti 18 u 19; tal-15 ta' Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra. p. 4097, punt 14; tas-27 ta' Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-424/99, Ġabra. p. I-9285, punt 45 ; tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra. p. I-6677, punt 39, u tad-19 ta' Ġunju 2003, Eribrand, C‑467/01, Ġabra. p. I-6471, punt 61) u li ġie affermat mill-ġdid permezz ta' l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1).

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huma l-qrati ta' l-Istati Membri, skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 10 KE, li għandhom jassiguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet ta' l-individwi, mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra. p. 1989, punt 5, u Comet, 45/76, Ġabra. p. 2043, punt 12; tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra. p. 629, punti 21 u 22; tad-19 ta' Ġunju 1990, Factortame et., C-213/89, Ġabra. p. I‑2433, punt 19, kif ukoll ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra. p. I‑4599, punt 12).

39     Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija kompetenza ta’ l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li jirregola l-qrati kompetenti u l-metodi proċedurali tar-rimedji intiżi li jħarsu d-drittijiet illi l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Rewe, punt 5; Comet, punt 13; Peterbroeck, punt 12; ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage et Crehan, C-453/99, Ġabra. p. I-6297, punt 29, kif ukoll tal-11 ta' Settembru 2003, Safalero, C-13/01, Ġabra. p. I-8679, punt 49).

40     Fil-fatt, għalkemm it-Trattat KE stabbilixxa numru ta' proċeduri diretti li, jekk hemm bżonn, jistgħu jiġu eżerċitati minn persuni privati quddiem l-Imħallef Komunitarju, ma stabbilixxiex quddiem il-qrati nazzjonali, bil-għan li jitħares id-dritt Komunitarju, proċeduri legali oħra minbarra dawk stabbiliti mil-liġi nazzjonali (sentenza tas-7 ta' Lulju 1981, Rewe, 158/80, Ġabra. p. 1805, punt 44).

41     Kien ikun mod ieħor biss kieku kien jirriżulta mill-istruttura tas-sistema legali nazzjonali in kwistjoni li ma teżisti l-ebda proċedura ta' rimedju li tippermetti, anki jekk b'mod inċidentali, li jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1976, Rewe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 5, u s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Comet, punt 16, kif ukoll Factortame et., punti 19 sa 23).

42     Għaldaqstant, għalkemm hija l-liġi nazzjonali li għandha, bħala prinċipju, tistabbilixxi l-kwalità u l-interess ta' individwu biex jibda proċeduri legali, madankollu d-dritt komunitarju jirrikjedi li l-liġi nazzjonali ma tostakolax id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1991, Verholen et, C-87/90 sa C-89/90, Ġabra. p. I-3757, punt 24, u Safalero, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50). Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta' rimedji u ta' proċeduri li jippermettu li jiġi assigurat ir-rispett ta' dan id-dritt (sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

43     F'dan ir-rigward, ir-regoli proċedurali tar-rimedji li huma intiżi biex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw ir-rimedji simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, s-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1976, Rewe, iċċitata iktar 'il fuq, punt 5, u s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Comet, punti 13 sa 16; Peterbroeck, punt 12; Courage u Crehan, punt 29 ; Eribrand, punt 62, kif ukoll Safalero, punt 49).

44     Barra minn hekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw ir-regoli proċedurali applikabbli fil-konfront tal-proċeduri li għandhom quddiemhom, bħan-neċessità ta' relazzjoni legali konkreta bejn il-parti rikorrenti u l-Istat, safejn huwa possibbli b'mod li dawn ikunu jistgħu jirċievu applikazzjoni li tikkontribwixxi għat-tħaddim ta' l-għan, imfakkar fil-punt 37 ta' din is-sentenza, li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju.

45     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

46     Skond din ta' l-aħħar, il-liġi Żvediża ma tistabbilixxix il-possibbiltà li jiġi eżerċitat rimedju awtonomu bil-għan, b'mod prinċipali, li tiġi kkontestata l-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ma' regoli ta' livell superjuri.

47     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 40 ta' din is-sentenza u kif semmew il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jeħtieġx, minnu nnifsu, l-eżistenza ta' rimedju awtonomu bil-għan, b'mod prinċipali, tiġi kkontestata l-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, kemm-il darba jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività fil-kuntest tas-sistema tal-proċeduri interni.

48     Issa, fl-ewwel lok, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-liġi Żvediża ma tistabbilixxix il-possibbiltà li jiġi eżerċitat dan it-tip ta' rimedju awtonomu, kemm jekk ir-regola ta' livell superjuri li r-rispett tagħha għandhu jiġi assigurat tkun waħda nazzjonali jew Komunitarja.

49     Madankollu, fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' regoli, il-liġi Żvediża tagħti lill-individwi l-possibbiltà li jiksbu evalwazzjoni, b'mod inċidentali, ta’ din il-kwistjoni ta' konformità, fil-kuntest ta' proċeduri mressqa quddiem il-qrati ta’ dritt komuni jew quddiem il-qrati amministrativi.

50     Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti inkarigata biex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni hija marbuta li ma tapplikax id-dispożizzjoni kkontestata jekk tqis li din ma tkunx konformi ma' regola ta' livell superjuri, kemm jekk tkun liġi nazzjonali jew Komunitarja.

51     Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, huwa biss fil-każ ta' nuqqas ċar ta' konformità ta' dispożizzjoni maħruġa mill-Parlament jew mill-Gvern Żvediż ma' regola ta' livell superjuri li din id-dispożizzjoni m'għandhiex tiġi applikata. Minn naħa l-oħra, hekk kif intqal fil-punt 3 ta' din is-sentenza, din il-kundizzjoni mhijiex meħtieġa meta r-regola ta' livell superjuri in kwistjoni tkun regola tad-dritt komunitarju.

52     Għaldaqstant, hekk kif semmew il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi nnotat li r-regoli proċedurali tar-rimedji stabbiliti mil-liġi Żvediża sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju mhumiex inqas favorevoli minn dawk tal-proċeduri mmirati biex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dispożizzjonijiet interni.

53     Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rimedji legali inċidentali stabbiliti mil-liġi Żvediża sabiex tiġi kkontestata l-konformità ta' dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju għandhomx l-effett li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

54     F'dan ir-rigward, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni ta' l-ordinament ġuridiku Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-rwol ta' din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, tat-tħaddim tagħha u tal-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza Peterbroeck, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

55     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liġi Żvediża ma teskludix il-possibbiltà għal individwu, bħal Unibet, milli jikkontesta l-konformità ta' liġi nazzjonali, bħal ma hija l-liġi dwar il-lotteriji, mad-dritt Komunitarju, iżda b'mod kuntrarju jeżistu diversi rimedji legali inċidentali għal dan il-għan.

56     Għaldaqstant, minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tgħid li Unibet għandha l-possibbiltà li tikseb evalwazzjoni dwar il-konformità tal-liġi dwar il-lotteriji mad-dritt Komunitarju fil-kuntest ta' talba għad-danni quddiem il-qrati ta’ dritt komuni.

57     Barra minn hekk jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Unibet ippreżentat din it-tip ta' talba u li din ġiet iddikkjarata ammissibbli.

58     Konsegwentement, kemm-il darba l-evalwazzjoni tal-konformità tal-liġi dwar il-lotteriji mad-dritt Komunitarju sseħħ fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tat-talba għal danni, it-talba msemmija tikkostitwixxi rimedju legali li jippermetti lil Unibet tassigura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt komunitarju.

59     F'dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura li l-evalwazzjoni tal-konformità tal-liġi msemmija mad-dritt Komunitarju ssir indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet fil-mertu fir-rigward tal-kundizzjonijiet relattivi għad-danni u għan-ness ta' kawżalità fil-kuntest tat-talba għal danni.

60     Minn naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju żżid li, kieku Unibet talbet deroga lill-Gvern Żvediż għall-inibizzjoni milli tippromwovi s-servizzi tagħha fl-Iżvezja, l-eventwali deċiżjoni taċ-ċaħda ta' din it-talba kienet tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mir-Regeringsrätten li fil-kuntest tiegħu Unibet setgħet tqajjem in-nuqqas ta' konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-lotteriji mad-dritt Komunitarju. Fil-każ ta' bżonn, il-qorti kompetenti kienet tkun marbuta li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi li tqis li mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

61     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li stħarriġ ġudizzjarju bħal dan, li jippermetti lil Unibet tikseb deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara n-nuqqas ta' konformità tad-dispożizzjonijiet imsemmija mad-dritt Komunitarju, jikkostitwixxi rimedju legali li jassigura, lil Unibet, protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Heylens et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14, u tas-7 ta' Mejju 1991, Vlassopoulou, C‑340/89, Ġabra. p. I-2357, punt 22).

62     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, kieku Unibet kisret id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-lotteriji u kienet suġġetta għal miżuri amministrativi jew għal proċeduri kriminali minn naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, din kien ikollha l-possibbiltà, fil-kuntest ta' proċedura miftuha quddiem qorti amministrativa jew qorti ta’ dritt komuni, li tikkontesta l-konformità ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet mad-dritt Komunitarju. Fil-każ ta' bżonn, il-qorti kompetenti kienet tkun marbuta li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet ta' din il-liġi li tqis li mhumiex konformi mad-dritt Komunitarju.

63     Għaldaqstant, minbarra r-rimedji msemmija fil-punti 56 u 60 ta' din is-sentenza, Unibet għandha l-possibbiltà li ssostni, fil-kuntest ta' proċedura ġudizzjarja mressqa kontra l-amministrazzjoni jew fil-kuntest ta' proċedura kriminali, in-nuqqas ta' konformità mad-dritt Komunitarju tal-miżuri meħuda kontriha jew mitluba mingħandha minħabba l-fatt li l-promozzjoni tas-servizzi tagħha fl-Iżvezja ma ġietx awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

64     F'kull każ, jirriżulta mill-punti 56 sa 61 ta' din is-sentenza li għandu jitqies li Unibet tgawdi minn rimedji legali li jassigurawlha protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li tinvoka taħt id-dritt Komunitarju. Minn naħa l-oħra, jekk, kif intqal fil-punt 62 ta' din is-sentenza, din kellha neċessarjament tiġi esposta għal proċeduri amministrativi jew kriminali kontriha, u għal penalitajiet eventwali li setgħu jirriżultaw, bħala l-uniku mezz legali sabiex tikkontesta l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni mad-dritt Komunitarju, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jiggarantixxi din il-protezzjoni ġudizzjara effettiva.

65     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, ta' rimedju awtonomu bil-għan li jevalwa b'mod prinċipali l-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ma' l-Artikolu 49 KE, kemm-il darba jeżistu rimedji legali effettivi oħra, li mhumiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw il-kawżi nazzjonali simili, li jippermettu li tiġi evalwata din il-konformità b'mod inċidentali, haġa li huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jistħarreġ.

 Fuq it-tieni domanda

66     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju jirrikjedix, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, il-possibbiltà li jinkisbu miżuri provviżorji li jkunu awtorizzati sabiex jissospendu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju.

67     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża rregolata mid-dritt komunitarju għandha tkun f'pożizzjoni li tawtorizza miżuri provviżorji intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet pretiżi abbażi tad-dritt komunitarju (sentenzi Factortame et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21, u tal-11 ta' Jannar 2001, Siples, C-226/99, Ġabra. p. I‑277, punt 19).

68     Fil-kuntest ġuridiku nazzjonali kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, talbiet għal dawn il-miżuri ma jistgħux jingħataw ħlief biex jiggarantixxu protezzjoni provviżorja tad-drittijiet pretiżi mill-attur fil-mertu, hekk kif jirriżulta mill-punt 9 ta' din is-sentenza.

69     Fil-kawża prinċipali, huwa kostanti li Unibet ippreżentat żewġ talbiet għal miżuri provviżorji, l-ewwel waħda fil-kuntest ta' talba dikjaratorja, u t-tieni fil-kuntest ta' talba għal danni.

70     Fir-rigward ta' l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ talbiet għal miżuri provviżorji, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-talba dikjaratorja ma ġietx meqjusa bħala ammissibbli, skond il-liġi nazzjonali, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Filwaqt li tikkonferma din l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali, madankollu l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti tad-dritt komunitarju f'dan ir-rigward, ħaġa li wasslitha tagħmel l-ewwel domanda preliminari (ara l-punti 36 sa 65 ta' din is-sentenza).

71     Jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda li l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju ma jirrikjedix, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, l-eżistenza ta' rimedju awtonomu intiż li, b'mod prinċipali, jevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, peress li jeżistu proċeduri legali oħra li jippermettu li tiġi evalwata din il-konformità b'mod inċidentali, ħaġa li huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jistħarreġ.

72     Meta l-ammissibiltà ta' proċedura li għandha l-għan li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet li l-individwu jinvoka taħt id-dritt komunitarju tkun inċerta taħt il-liġi nazzjonali applikata skond ir-rekwiżiti tad-dritt komunitarju, il-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tista', minkejja dan, f'dan l-istadju, tawtorizza l-miżuri provviżorji neċessarji sabiex tassigura r-rispett tad-drittijiet imsemmija.

73     Madankollu, il-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju ma jirrikjedix, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, il-possibbiltà li jinkisbu miżuri provviżorji mill-qorti kompetenti nazzjonali fil-kuntest ta' talba mhux ammissibbli skond il-liġi ta' dan l-Istat Membru, kemm-il darba d-dritt Komunitarju, skond il-punt 71, ma terġax tqajjem in kwistjoni din l-inammissibiltà.

74     Fir-rigward tat-talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fil-kuntest ta' talba għal danni, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-dokumenti l-oħra fl-inkartament, li din l-aħħar talba ġiet meqjusa ammissibbli.

75     Kif qalet l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-Konklużjonijiet tagħha, u kif ġie mfakkar fil-punt 67 ta' din is-sentenza, il-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża rregolata mid-dritt komunitarju għandha tkun f'pożizzjoni li tawtorizza miżuri provviżorji bil-għan li tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet pretiżi abbażi tad-dritt komunitarju.

76     Għaldaqstant, fejn il-qorti kompetenti tevalwa, fil-kuntest ta' talba għal danni, il-konformità tal-liġi dwar il-lotteriji mad-dritt Komunitarju, din għandha tkun tista' tawtorizza l-miżuri provviżorji mitluba kemm-il darba l-għoti ta' dawn il-miżuri jkun neċessarju, kif għandha tistabbilixxi l-qorti nazzjonali, biex tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet pretiżi abbażi tad-dritt komunitarju.

77     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jkun interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati miżuri provviżorji sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, fejn l-għoti ta' dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza ta' dawn id-drittijiet.

 Fuq it-tielet domanda

78     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju u fil-każ ta' dubju dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali magħha, l-għoti ta' miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju hijiex irregolata minn kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli quddiem il-qorti kompetenti jew minn kriterji Komunitarji.

79     F'dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' dispożizzjoni nazzjonali bbażata fuq leġiżlazzjoni Komunitarja f'kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, li tkun taqa' taħt ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija suġġetta fl-Istati Membri kollha għal kundizzjonijiet ta' l-għoti li jkunu uniformi u analogi mal-kundizzjonijiet għal talba għal miżuri provviżorji ppreżentati quddiem il-qorti nazzjonali (sentenzi tal-21 ta' Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra. p. I-415, punti 26 u 27; tad-9 ta' Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft, C-465/93, Ġabra. p. I-3761, punt 39, u tas-6 ta' Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra. p. I-10423, punt 104). Madankollu, il-kawża prinċipali hija differenti, peress li t-talba għal miżuri provviżorji ta' Unibet għandha l-għan li tissospendi mhux l-effetti ta' dispożizzjoni nazzjonali meħuda fl-applikazzjoni ta' regola Komunitarja li tagħha l-legalità hija kkontestata, iżda l-effetti ta' liġi nazzjonali li tagħha l-konformità mad-dritt Komunitarju hija kkontestata.

80     Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni Komunitarja f'dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' miżuri provviżorji intiżi li jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt komunitarju.

81     Konsegwentement, l-għoti ta' miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju huwa rregolat mill-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli quddiem din il-qorti.

82     Madankollu, dawn il-kriterji ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta' effettività).

83     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta' dubju dwar il-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-għoti eventwali ta' miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju huwa rregolat mill-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli quddiem il-qorti msemmija, kemm-il darba dawn il-kriterji ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta' natura interna u ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja ta' dawn id-drittijiet.

 Fuq ir-raba domanda

84     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għar-raba domanda.

 Fuq l-ispejjeż

85     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, ta' rimedju awtonomu bil-għan li jevalwa b'mod prinċipali l-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ma' l-Artikolu 49 KE, kemm-il darba jeżistu rimedji legali effettivi oħra, li mhumiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw il-kawżi nazzjonali simili, li jippermettu li tiġi evalwata din il-konformità b'mod inċidentali, ħaġa li huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jistħarreġ.

2)      Il-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta' Stat Membru, li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati miżuri provviżorji sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, fejn l-għoti ta' dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza ta' dawn id-drittijiet.

3)      Il-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta' dubju dwar il-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-awtorizzazzjoni eventwali ta' miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju huwa rregolat mill-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli quddiem il-qorti msemmija, kemm-il darba dawn il-kriterji ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta' natura interna u ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja ta' dawn id-drittijiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.

Top