EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0180

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Settembru 2006.
Andrea Vassallo vs Azienda Ospedaliera Ospedale San Martino di Genova e Cliniche Universitarie Convenzionate.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Genova - l-Italja.
Direttiva 1999/70/KE - Klawżoli 1(b) u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss - Kostituzzjoni ta' relazzjoni ta' impjieg għal żmien indefinit f'każ ta' ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti għal terminu fiss suċċessivi - Possibbiltà ta' deroga għall-kuntratti ta' impjieg konklużi ma' amministrazzjoni pubblika.
Kawża C-180/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:518

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

         7 ta’ Settembru 2006 (*)

"Direttiva 1999/70/KE – Klawżoli 1(b) u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss – Kostituzzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit f’każ ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti għal terminu fiss suċċessivi – Possibbiltà ta’ deroga għall-kuntratti ta’ impjieg konklużi ma’ amministrazzjoni pubblika"

Fil-kawża C-180/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Genova (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Marzu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' April 2004, fil-kawża

Andrea Vassallo

vs

Azienda Ospedaliera Ospedale San Martino di Genova e Cliniche Universitarie Convenzionate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta' Lulju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għas-Sur Vassallo, minn G. Bellieni u A. Lanata, avvocati,

–       għall-Azienda Ospedaliera Ospedale San Martino di Genova e Cliniche Universitarie Convenzionate, minn C. Ciminelli, avvocato,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou u E. Mamouna, kif ukoll minn M. Apessos u I. Bakopoulos, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u A. Aresu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 1(b) u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar 'il quddiem il-"ftehim qafas"), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, p. 43).

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Vassallo u l-persuna li kienet timpjegah, l-Azienda Ospedaliera Ospedale San Martino di Genova e Cliniche Universitarie Convenzionate (sptar, sptar San Martino ta’ Ġenova u kliniċi universitarji approvati, iktar 'il quddiem l-"isptar") rigward in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ impjieg li kien jorbtu ma’ l-isptar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, "[l]-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)       li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)       li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss".

4       Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas tipprovdi li dan "japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv[i] jew fil-pratti[ċi fis-seħħ] f’kull Stat Membru".

5       Skond il-klawżola 5 tal-ftehim qafas:

"1.       Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, [l-Istati Membri] wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)       raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)       iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)       in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)       għandhom jitqiesu bħala 'suċċessivi';

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit."

6       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri kellhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom magħha sa l-10 ta’ Lulju 2001.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Permezz tal-Liġi Nru 422 tad-29 ta’ Diċembru 2000, rigward dispożizzjonijiet adottati sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li joħorġu mis-sħubija ta’ l-Italja mal-Komunitajiet Ewropej – Liġi Komunitarja 2000 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 16 ta’ l-20 ta’ Jannar 2001, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 422/2000"), il-leġiżlatur nazzjonali awtorizza lill-Gvern Taljan sabiex jadotta d-digrieti leġiżlattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttivi Komunitarji msemmija fl-Annessi A u B ta’ din il-Liġi. B’mod partikolari fl-Anness B tissemma d-Direttiva 1999/70.

8       L-Artikolu 2(1)(b) tal-Liġi Nru 422/2000 jipprovdi, b'mod partikolari, li "sabiex jiġu evitati eventwali kunflitti mar-regoli fis-seħħ fid-diversi setturi kkonċernati mil-leġiżlazzjoni li għandha tiġi implementata, ir-regoli in kwistjoni ser ikunu, skond il-każ, emendati jew kompletati [...]", u s-subparagrafu (f) ta' l-istess dispożizzjoni jgħid li "id-digrieti leġiżlattivi ser jiggarantixxu f’kull każ li, fl-oqsma ttrattati mid-Direttivi li għandhom jiġu implementati, ir-regoli adottati jkunu għal kollox konformi mal-preskrizzjonijiet tad-Direttivi in kwistjoni [...]".

9       Fis-6 ta’ Settembru 2001, il-Gvern Taljan adotta, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(1)(f) tal-Liġi Nru 422/2000, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4, iktar 'il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001").

10     L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jipprovdi li "il-kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi konkluż għal terminu fiss minħabba raġunijiet tekniċi jew minħabba raġunijiet marbuta ma’ l-eżiġenzi ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni ta’ impjegati".

11     Skond l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, it-terminu tal-kuntratt ta’ impjieg jista’ jiġi estiż darba biss meta t-terminu inizjali tiegħu kien inqas minn tliet snin "bil-kundizzjoni li dan ikun minħabba raġunijiet oġġettivi u li jkun relatat ma’ l-istess xogħol bħal dak li għalih il-kuntratt kien stipulat għal terminu fiss". Madankollu, f’dan il-każ, it-terminu totali ta’ l-imsemmi kuntratt ma jistax jaqbeż tliet snin.

12     L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, intitolat "Skadenza tat-terminu u penali. Kuntratti suċċessivi", jipprovdi:

"1.      Jekk ir-relazzjoni ta’ impijeg tkompli wara d-data ta’ skadenza inizjalment iffissata jew ulterjorment estiża skond l-Artikolu 4, il-persuna li tħaddem għandha l-obbligu li żżid ir-rimunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiem b'20% kull ġurnata sa l-għaxar ġurnata u b'40% għal kull ġurnata ulterjuri.

2.      Jekk ir-relazzjoni ta’ impijeg tkompli għal aktar mill-għoxrin ġurnata fil-każ ta’ kuntratti ta' terminu ta' inqas minn sitt xhur, jew wara t-tletin ġurnata fil-każijiet l-oħra, il-kuntratt jitqies li huwa għal żmien indefinit ma’ l-iskadenza ta’ l-imsemmija termini.

3.      Meta l-ħaddiem jiġi impjegat mill-ġdid għal terminu fiss skond l-Artikolu 1, fi żmien għaxar granet mid-data ta’ l-iskadenza ta’ kuntratt li t-terminu tiegħu huwa ta' sitt xhur jew inqas, jew fi żmien għoxrin ġurnata mid-data ta’ l-iskadenza ta’ kuntratt li t-terminu tiegħu huwa ta' aktar minn sitt xhur, it-tieni kuntratt jitqies li ġie konkluż għal żmien indefinit.

4.      Fil-każ ta’ żewġ impjiegi suċċessivi għal terminu fiss, jiġifieri li jsiru mingħajr interruzzjoni, il-kuntratt ta’ impjieg jitqies li ġie konkluż għal żmien indefinit mid-data tal-konklużjoni ta’ l-ewwel kuntratt."

13     L-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 fih lista ta’ każijiet li fihom l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kuntratti għal terminu fiss hija eskluża. Ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma jirreferi għas-settur ta’ l-amministrazzjoni pubblika.

14     Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 daħal fis-seħħ, skond il-qorti tar-rinviju, fil-21 ta’ Settembru 2001. L-Artikolu 11(1) tiegħu jispeċifika li "[m]id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digiret Leġiżlattiv [...] id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha li huma inkompatibbli u li mhumiex espressament imsemmija f’dan id-Digriet Leġiżlattiv, huma mħassra". Il-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu jżid jgħid li "il-kuntratti individwali stabbiliti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sa l-iskadenza tagħhom".

15     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat-30 ta’ Marzu 2001, rigward regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjonijiet pubbliċi (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001, iktar 'il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001"):

"1.      Filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet relattivi għar-reklutaġġ tal-persunal imsemmija fil-paragrafi preċedenti, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirrikorru għal forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet ta’ impjieg fl-impriża. Il-ftehim kollettivi nazzjonali għandhom jirregolaw il-kuntratti għal terminu fiss, il-kuntratti ta’ taħriġ u ta’ impjieg, ir-relazzjonijiet l-oħra fil-qasam ta’ taħriġ u ta’ impjieg temporanju [...]

2.      F’kull każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet mandatorji fil-qasam ta’ reklutaġġ ta’ impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-kostituzzjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit ma’ l-imsemmija amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għall-penali li huma jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għal kumpens tad-dannu li jirriżulta minn prestazzjoni ta’ xogħol li ssir bi ksur ta’ dispożizzjonijiet mandatorji. L-amministrazzjonijiet għandhom l-obbligu li jirkupraw mingħand l-amministraturi responsabbli s-somom imħallsa b’dan il-mod, meta l-ksur ikun intenzjonali jew jirriżulta minn nuqqas gravi."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien impjegat mill-isptar bħala kok permezz ta' żewġ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi; l-ewwel kuntratt kien ikopri l-perijodu mill-5 ta’ Lulju 2001 sa l-4 ta’ Jannar 2002, u t-tieni wieħed, iffirmat fit-2 ta’ Jannar 2002, estenda dan il-perijodu sal-11 ta’ Lulju 2002.

17     It-tieni kuntratt tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ġiex imġedded mill-isptar meta skada u dan ta’ l-aħħar ipproċeda għat-tkeċċija formali tal-persuna kkonċernata fil-mument meta marret fuq il-post ta’ xogħol tagħha fit-tmiem ta’ l-imsemmi kuntratt.

18     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija quddiem it-Tribunale di Genova, billi talab lil dan ta’ l-aħħar, minn naħa, li jikkonstata, fuq il-bażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit ma’ l-isptar u, min-naħa l-oħra, li jikkundannah iħallas ir-rimunerazzjonijiet dovuti u l-kumpens tad-dannu subit.

19     L-isptar isostni li l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 mhuwiex applikabbli f’dan il-każ, minħabba li l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 jipprojbixxi lill-amministrazzjonijiet pubbliċi milli jikkonkludu kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit.

20     Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 ma ħassarx l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, li għandu n-natura ta’ lex specialis li tirriżulta mill-prinċipji kostituzzjonali fil-qasam tal-funzjonament u ta’ l-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

21     Min-naħa tagħha, f’dan ir-rigward hija tistrieħ fuq is-sentenza tal-Corte costituzionale (Qorti Kostituzzjonali), li minnha jirriżulta li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 hija konformi mal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza u ta’ amministrazzjoni tajba msemmija rispettivament fl-Artikoli 3 u 97 tal-Kostituzzjoni Taljana. Il-Corte costituzionale kkunsidrat li l-prinċipju fundamentali li permezz tiegħu l-aċċess għall-impjiegi fl-entitajiet pubbliċi jsir permezz ta’ kompetizzjoni, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 97 ta’ l-imsemmija Kostituzzjoni, jilleġittima d-differenza fit-trattament li teżisti bejn il-ħaddiema tas-settur privat u dawk ta’ l-amministrazzjoni pubblika f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità fil-konklużjoni ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi.

22     Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, huwa eskluż li l-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, li jimplementa d-Direttiva 1999/70. Hija tistaqsi jekk is-sistema implementata mill-Artikolu 36 ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv tinkludix "miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż" skond il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. Minbarra dan, jekk wieħed kellu jaċċetta li r-Repubblika Taljana ma wettqitx traspożizzjoni kompleta ta’ din id-Direttiva, peress li ttrasponietha biss f'dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet ta’ impjieg fis-settur privat, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-imsemmija Direttiva tagħtix lill-individwi dritt speċifiku għat-tibdil tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom jew jekk, fid-dawl ta’ l-ispeċifiċitajiet ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol fis-settur pubbliku u, għaldaqstant, ta’ l-impossibbiltà li jiġu applikati għalih id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, tali nuqqas jistax joħloq biss drittijiet għal kumpens kontra l-Istat Membru inadempjenti, skond il-ġurisprudenza inizjata bis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

23     Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Genova ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Fid-dawl tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ effettività u, għal dak li jikkonċerna l-Italja, fid-dawl tal-miżuri meħuda minnha għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni ta’ impjieg li torbot ħaddiem mal-persuna li tħaddmu fis-settur li mhuwiex pubbliku, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 [l-Artikolu 1 kif ukoll il-klawżoli 1(b) u 5 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol konkluż bejn l-ETUC, l-UNICE u s-CEEP, u sanċit bid-Direttiva], għandha tinftiehem fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni interna bħal dik ta’ l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat-30 ta’ Marzu 2001, li ma tiddeterminax 'taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indefinit', filwaqt li saħansitra teskludi mill-ewwel u b’mod assolut li l-abbuż tar-rikors għal din il-forma ta’ kuntratt u ta’ relazzjonijiet jista’ jagħti lok għall-ħolqien ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indefinit?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-[ewwel] domanda [...]: fid-dawl ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, id-[Direttiva 1999/70] (u b’mod partikolari l-klawżola 5 tagħha), u l-prinċipji tad-dritt Komunitarju applikabbli, għand[hom] jitqiesu – ukoll fid-dawl tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 5 tiegħu, li jipprovdi, bħala konsegwenza normali ta’ l-abbuż tal-kuntratt għal terminu fiss jew tar-relazzjoni ta’ impjieg għal terminu fiss, it-tibdil f'relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit – li jagħtu lill-individwi dritt, attwali u li jista' jiġi eżerċitat immedjatament skond ir-regoli ta’ dritt intern li l-aktar li jersqu qrib ta' dan il-każ (u għalhekk skond ir-regoli definiti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001), li jiġi rikonoxxut lilhom il-benefiċċju ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit?

3)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-[ewwel] domanda [...] u negattiva għat-[tieni] domanda [...]: fid-dawl ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, id-Direttiva 1999/70 [...] (u b’mod partikolari l-klawżola 5 tagħha) u l-prinċipji tad-dritt Komunitarji applikabbli għandhom jitqiesu li jagħtu lill-individwi sempliċement dritt għal kumpens tad-dannu eventwalment subit minħabba li r-Repubblika Taljana ma adottatx il-miżuri adegwati sabiex jipprevjenu l-abbużi tar-rikors għall-kuntratt u/jew għar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss fl-amministrazzjonijiet pubbliċi?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

24     L-isptar jikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli billi d-Direttiva 1999/70 mhijiex direttament applikabbli għall-kawża prinċipali, fid-dawl tan-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi, minħabba li l-isptar la jiddependi mill-Istat Taljan u lanqas minn xi Ministeru. Dan huwa stabbiliment awtonomu li għandu l-amministraturi tiegħu stess, li għandhom l-obbligu, fil-kuntest tal-ġestjoni tagħhom, li japplikaw ir-regoli tad-dritt intern li ma jistgħux jerġaw jikkontestaw u li ma jistgħux jidderogaw minnhom.

25     Il-Gvern Taljan ukoll isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Huwa jikkunsidra li din it-talba bl-ebda mod ma hija rilevanti għad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali peress li l-ewwel kuntratt ġie konkluż qabel it-tmiem tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, iffissat għall-10 ta’ Lulju 2001.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-isptar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti nazzjonali tikkunsidra bħala pprovat il-fatt li dan l-istabbiliment jikkostitwixxi istituzzjoni tas-settur pubbliku marbuta ma’ l-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li direttiva tista’ tiġi invokata mhux biss kontra l-awtoritajiet ta’ l-Istat, imma wkoll kontra korpi jew entitajiet suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ l-Istat jew li għandhom setgħat li jeċċedu dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, bħalma huma l-awtoritajiet lokali jew korpi li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom, ikunu ġew inkarigati bis-saħħa ta' att ta’ l-awtorità pubblika li jwettqu, taħt il-kontroll ta’ din ta’ l-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 31; tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 19, kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte, C-157/02, Ġabra p. I-1477, punt 24).

27     Għaldaqstant, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa' f’dan il-każ.

28     Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-Direttiva 1999/70, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fl-10 ta’ Lulju 2001, li din hija intiża sabiex tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi u li d-dispożizzjonijiet tagħha jirrigwardaw prinċipalment it-tiġdid tal-kuntratti għal terminu fiss u l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett tali tiġdid. Issa t-tiġdid tal-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ fit-2 ta’ Jannar 2002 u għalhekk wara d-data li fiha l-imsemmija Direttiva kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-interpretazzjoni ta' din id-Direttiva mhijiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

29     Għalhekk lanqas din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tista' tintlaqa'.

30     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

31     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, li hija essenzjalment identika għal dik magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza ta' llum, Marrosu u Sardino (C-53/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, f’każ ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-servizz pubbliku, li dawn jinbidlu f’kuntratti jew f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indefinit, filwaqt li tali tibdil huwa previst għal dak li jikkonċerna l-kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi ma’ persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat.

32     Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett jiġi rilevat li kuntrarjament għal dak li jsostnu l-isptar u l-Gvern Taljan, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għandhom jiġu applikati wkoll għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenza ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

33     Issa kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza Marrosu u Sardino, iċċitata iktar 'il fuq, il-klawżola 5 tal-ftehim qafas ma tipprekludix, inkwantu tali, li Stat Membru jirriżerva konsegwenzi differenti għall-abbuż ta’ rikors għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi skond jekk l-imsemmija kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg ikunux ġew konklużi ma' persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat jew ma' persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku.

34     Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 105 tas-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku biss, it-tibdil ta' sensiela ta’ kuntratti għal terminu fiss f'kuntratt ta’ impjieg għal żmien indefinit, tista' tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-ftehim qafas, is-sistema ġuridika interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandha tinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tippenalizza l-użu abużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi.

35     Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas timponi fuq l-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ għall-anqas waħda mill-miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni u intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi, meta ma jkunux diġà jeżistu miżuri ekwivalenti fid-dritt nazzjonali.

36     Minbarra dan, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi f'sitwazzjoni fejn abbużi kienu madankollu ġew ikkonstatati, huwa obbligu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri xierqa sabiex jilqgħu għal tali sitwazzjoni, miżuri li għandhom ikollhom natura mhux biss proporzjonali, imma wkoll effettiva u dissważiva biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skond il-ftehim qafas (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 94).

37     Għalkemm il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ tali regoli jaqgħu taħt is-sistema ġuridika interna ta’ l-Istati Membri skond il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ dawn ta’ l-aħħar, madankollu huma m'għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas m'għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12, kif ukoll Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 95).

38     Minn dan isegwi li, meta jkun seħħ użu abużiv ta' kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tippenalizza debitament dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, skond l-istess termini ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom "jieħdu [l-]miżuri [kollha] neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti bl-[imsemmija] Direttiva" (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 102).

39     Mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju, li, f’dan il-każ, għandha tiddetermina jekk l-eżiġenzi mfakkra fit-tliet punti preċedenti humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tipprovdi kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw il-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 76 u 77).

40     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi regoli mandatorji relattivi għat-terminu u għat-tiġdid tal-kuntratti għal terminu fiss kif ukoll id-dritt għal kumpens tad-dannu subit mill-ħaddiem minħabba r-rikors abużiv mill-amministrazzjoni pubblika għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi, tidher, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, li tissodisfa l-eżiġenzi mfakkra fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza.

41     Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa safejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 36(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, jikkostitwixxu miżura adegwata sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tippenalizza l-użu abużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi.

42     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, f’każ ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku, li dawn jinbidlu f’kuntratti jew f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indefinit, filwaqt li tali tibdil huwa previst għal dak li jikkonċerna l-kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi ma’ persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat, meta din il-leġiżlazzjoni tinkludi miżura effettiva oħra intiża sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, sabiex tippenalizza użu abużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

43     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, f’każ ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku, li dawn jinbidlu f’kuntratti jew f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indefinit, filwaqt li tali tibdil huwa previst għal dak li jikkonċerna l-kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi ma’ persuna li tħaddem li tappartjeni għas-settur privat, meta din il-leġiżlazzjoni tinkludi miżura effettiva oħra intiża sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, sabiex tippenalizza użu abużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi minn persuna li tħaddem li taqa’ taħt is-settur pubbliku.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top