EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0173

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta' Ġunju 2006.
Traghetti del Mediterraneo SpA vs Repubblica italiana.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Genova - l-Italja.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Istati Membri - Danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza - Limitazzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, tar-responsabbiltà ta' l-Istat għall-każijiet ta' frodi u ta' nuqqas gravi tal-qorti - Esklużjoni ta' kull responsabbiltà marbuta ma' l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt u ma' l-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' fatt u ta' provi mwettqa fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja.
Kawża C-173/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:391

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-173/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Genova (l-Italja), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-20 ta' Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' April 2003, fil-proċedura

Traghetti del Mediterraneo SpA, fi stralċ

vs

Repubblica italiana,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, MK. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Diċembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Traghetti del Mediterraneo SpA, fi stralċ, minn V. Roppo, P. Canepa u S. Sardano, avvocati,

– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello u G. De Bellis, avvocati dello Stato,

– għall-Gvern Grieg, minn E. Samoni u Z. Chatzipavlou, kif ukoll minn M. Apessos, K. Boskovits u K. Georgiadis, bħala aġenti,

– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Sreenan, SC, u P. McGarry, BL,

– għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, u M. Hoskins, barrister,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-prinċipju u l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta' l-Istati Membri għal danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju, meta dan il-ksur ikun attribwit lil qorti nazzjonali.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedimenti mibdija kontra r-Repubblica italiana minn Traghetti del Mediterraneo SpA, impriża ta' trasport marittimu li attwalment tinsab fi stralċ (iktar 'il quddiem "TDM"), sabiex tingħata kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba interpretazzjoni żbaljata, mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta' kassazzjoni), tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuniet mogħtija mill-Istat u, b'mod partikolari, minħabba r-rifjut minn din ta' l-aħħar li tilqa' t-talba tagħha sabiex isiru domandi rilevanti ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3. Skond l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 117, tat-13 ta' April 1988, dwar il-kumpens għal danni kkawżati fl-eżerċizzju ta' karigi ġudizzjarji u r-responsabbiltà ċivili tal-Maġistrati [legge n° 117 (sul) risarcimento dei danni cagionati nell’esercizio delle funzioni giudiziarie e responsabilità civile dei magistrati (GURI Nru 88, tal-15 ta' April 1988, p. 3, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 117/88")], din il-liġi hija applikabbli "għall-membri kollha tal-maġistraturi ta' dritt ordinarju, amministrattiv, finanzjarju, militari u speċjali, li jeżerċitaw kariga ġudizzjarja, indipendentement min-natura tal-karigi, kif ukoll għall-persuni oħrajn li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja".

4. L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 117/88 jipprovdi:

"1. Kull persuna li tkun sofriet dannu mhux iġġustifikat minħabba mġiba, att jew miżura ġudizzjarja mwettqa minn maġistrat li jkun ħati ta' frodi jew ta' nuqqas gravi fl-eżerċizzju tal-kariga tiegħu, jew minħabba ċaħda ta' ġustizzja, tista' taġixxi kontra l-Istat sabiex tikseb kumpens għad-danni finanzjarji li hija tkun sofriet kif ukoll id-danni mhux finanzjarji li jirriżultaw mill-privazzjoni tal-libertà personali.

2. Fl-eżerċizzju tal-karigi ġudizzjarji, l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt u l-evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi ma jisgħux jagħtu lok għal responsabbiltà.

3. Dan li ġej jikkostitwixxi nuqqas gravi:

a) ksur gravi tal-liġi li jirriżulta minn negliġenza li mhijiex skużabbli;

b) l-istqarrija, minħabba negliġenza li mhijiex skużabbli, ta' fatt li l-eżistenza tiegħu hija eskluża b'mod inkontestabbli mid-dokumenti fil-proċess;

c) iċ-ċaħda, minħabba negliġenza li mhijiex skużabbli, ta' fatt li l-eżistenza tiegħu hija stabbilita b'mod inkontestabbli mid-dokumenti fil-proċess;

d) l-adozzjoni ta' miżura li tirrigwarda l-libertà personali f'każijiet li mhumiex previsti fil-liġi jew mingħajr raġuni."

5. Barra minn hekk, skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 117/88, ċaħda ta' ġustizzja hija "ir-rifjut, l-ommissjoni jew id-dewmien tal-Maġistrat fit-twettiq ta' atti li għandhom x'jaqsmu mal-kompetenza tiegħu meta, wara l-għeluq tat-terminu legali għat-twettiq ta' l-att in kwistjoni, il-parti tkun ippreżentat talba għall-att in kwistjoni u li, mingħajr raġuni valida, ma tkun ittieħdet ebda miżura fi tletin jum wara d-data meta t-talba tkun ġiet ippreżentata fir-reġistru".

6. L-Artikoli sussegwenti tal-Liġi Nru 117/88 jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom il-proċedimenti għal kumpens jistgħu jinbdew taħt l-Artikoli 2 u 3 ta' din il-liġi, kif ukoll il-proċedimenti li jistgħu jittieħdu, a posteriori, fir-rigward tal-maġistrat li kien ħati ta' frodi jew ta' nuqqas gravi fl-eżerċizzju tal-kariga tiegħu, jew ta' ċaħda ta' ġustizzja.

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7. TDM u Tirrenia di Navigazione (iktar 'il quddiem "Tirrenia") huma żewġ impriżi ta' trasport marittimu li, fis-snin 70, kienu jwettqu kunsinni marittimi regolari bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer ta' Sardinja u ta' Sqallija. Fl-1981, meta daħlet fi ftehim mal-kredituri tagħha, TDM bdiet proċedimenti kontra Tirrenia quddiem il-Tribunale di Napoli sabiex tingħata kumpens għad-dannu li hija kienet sofriet, matul is-snin ta' qabel, minħabba l-politika ta' prezzijiet baxxi pprattikata minn din ta' l-aħħar.

8. F'dan ir-rigward, TDM invokat li l-kompetitriċi tagħha ma osservatx l-Artikolu 2598(3) tal-Kodiċi Ċivili Taljan, dwar l-atti ta' kompetizzjoni mhux ġusta, u kisret l-Artikoli 85, 86, 90 u 92 tat-Trattat KEE (li saru, rispettivament, l-Artikoli 81 KE, 82 KE, 86 KE u, wara emenda, 87 KE) peress illi, skond hi, Tirrenia kienet kisret ir-regoli bażiċi ta' dan it-Trattat u, b'mod partikolari, abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq in kwistjoni billi pprattikat prezzijiet inferjuri ħafna mill-valur tal-prezz bis-saħħa ta' sussidji pubbliċi li l-legalità tagħhom hija dubjuża taħt id-dritt Komunitarju.

9. Permezz ta' deċiżjoni tat-Tribunale di Napoli tas-26 ta' Mejju 1993, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Corte d’appello di Napoli tat-13 ta' Diċembru 1996, din it-talba għal indennizz ġiet madankollu miċħuda mill-awtoritajiet Taljani minħabba l-fatt li s-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet ta' dan l-Istat kienu legali peress li ngħataw għal raġunijiet ta' interess pubbliku marbuta, b'mod partikolari, ma' l-iżvilupp tal-Mezzogiorno u fejn, f'kull każ, huma ma setgħux jeffettwaw l-eżerċizzju ta' attivitajiet ta' konnessjonijiet marittimi differenti u li jikkompetu ma dawk ikkontestati minn TDM. Għaldaqstant, ma seta' jiġi imputat ebda att ta' kompetizzjoni mhux ġusta lil Tirrenia.

10. Billi kkunsidrat, min-naħa tagħha, li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji huma vvizzjati bi żbalji fid-dritt peress li huma, b'mod partikolari, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat, il-kuratur tal-falliment ta' TDM appella mis-sentenza tal-Corte d’appello di Napoli, u fil-kuntest tagħha huwa talab lill-Corte suprema di cassazione tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju rilevanti skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 KE).

11. Madankollu, permezz tas-sentenza Nru 5087 tagħha tad-19 ta' April 2000 (iktar 'il quddiem is-"sentenza tad-19 ta' April 2000"), il-Corte suprema di cassazione rrifjutat li tilqa' din it-talba peress li s-soluzzjoni adottata mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu kienet tosserva d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u kienet, barra minn hekk, perfettament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari mas-sentenza tagħha tat-22 ta' Mejju 1985, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Kawża 13/83, Ġabra p. 1513).

12. Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Corte suprema di cassazione fakkret, minn naħa, fir-rigward tal-ksur allegat ta' l-Artikoli 90 u 92 tat-Trattat, li dawn l-artikoli jippermettu li ssir deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-projbizzjoni tal-prinċipju ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat sabiex jiġi inċentivat l-iżvilupp ekonomiku ta' reġjuni żvantaġġati jew sabiex jiġu sodisfatti domandi għal oġġetti jew servizzi li ma jistgħux jiġu sodisfatti totalment bil-kompetizzjoni ħielsa. Skond din il-qorti, dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti preċiżament fil-kawża preżenti għaliex, matul il-perijodu in kwistjoni (jiġifieri bejn l-1976 u l-1980), it-trasporti tal-massa bejn l-Italja kontinentali u l-gżejjer prinċipali tagħha ma setgħux, minħabba l-ispiża tagħhom, jiġu assigurati ħlief b'mezz marittimu, b'tali mod li kien neċessarju li tiġi sodisfatta domanda, li kienet dejjem qed tikber, għal dan it-tip ta' servizzi billi l-ġestjoni ta' dawn it-trasporti tiġi fdata lil kumpannija pubblika li kienet tapplika prezzijiet fissi.

13. Skond l-istess qorti, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-eżistenza ta' din il-konċessjoni ma timplikax, madankollu, li l-għajnuna mogħtija hija awtomatikament illegali. Fil-fatt, l-għoti ta' tali konċessjoni ta' servizz pubbliku dejjem tinvolvi, b'mod impliċitu, effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u TDM ma rnexxilhiex turi li Tirrenia kisbet vantaġġ mill-għajnuna mogħtija mill-Istat sabiex tagħmel dħul minn attivitajiet oħra minn dawk li għalihom ingħataw is-sussidji.

14. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat, il-Corte suprema di cassazione ċaħditha bħala infondata minħabba li l-attività ta' kabotaġġ marittimu kienet għadha ma ġietx illiberalizzata fiż-żmien meta seħħew il-fatti in kwistjoni u li n-natura u l-kuntest territorjali limitati ta' din l-attività ma kinux jippermettu identifikazzjoni ċara tas-suq rilevanti fis-sens ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat. F'dan il-kuntest, din il-qorti osservat madankollu li, jekk l-identifikazzjoni ta' l-imsemmi suq kienet diffiċli, kien ikun hemm xorta waħda kompetizzjoni reali fis-settur ikkonċernat peress li l-għajnuna mogħtija fil-kawża preżenti kienet intiża biss għal attività waħda fost dawk il-ħafna attivitajiet li tradizjonalment jeffettwaw impriża ta' trasport marittimu u kienet limitata, barra minn hekk, għal Stat Membru wieħed.

15. Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione ċaħdet l-appell, wara li ċaħdet ukoll l-ilmenti mqajma minn TDM ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar atti ta' kompetizzjoni mhux ġusti u n-nuqqas tal-Corte d’appello di Napoli li tiddeċiedi dwar it-talba ta' TDM sabiex tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi rilevanti ta' interpretazzjoni. Hija din id-deċiżjoni ta' ċaħda li tat lok għall-proċedimenti pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

16. Billi kkunsidra li s-sentenza tad-19 ta' April 2000 hija fondata fuq interpretazzjoni mhux preċiża tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuniet mogħtija mill-Istat u fuq il-premessa żbaljata li teżisti ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam, il-kuratur tal-falliment ta' TDM, impriża li fir-rigward tagħha sadattant inbdew proċeduri ta' stralċ, beda proċedimenti kontra r-Repubblica italiana quddiem it-Tribunale di Genova sabiex jikseb kumpens minn din ta' l-aħħar għad-dannu li din l-impriża allegatament sofriet minħabba l-iżbalji ta' interpretazzjoni mwettqa mill-Corte suprema di cassazione u minħabba l-ksur ta' l-obbligu ta' rinviju li kien impost fuq din il-qorti skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 KE.

17. Billi tibbaża ruħha, b'mod partikolari, fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/851/KE, tal-21 ta' Ġunju 2001, dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Italja lill-kumpannija marittima Tirrenia di Navigazione (ĠU L 318, p. 9) – deċiżjoni li tirrigwarda, ċertament, is-sussidji mogħtija wara ż-żmien in kwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda adottata wara li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedimenti qabel is-seduta li fiha l-Corte suprema di cassazione semgħet is-sottomissjonijiet fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta' April 2000 – TDM issostni li, li kieku dik il-qorti rreferiet għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riżultat ta' l-appell kien ikun totalment differenti. L-istess bħall-Kummissjoni fid-deċiżjoni ċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tenfasizza fuq il-perspettiva Komunitarja ta' l-attivitajiet ta' kabotaġġ marittimu kif ukoll id-diffikultajiet inerenti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' sussidji pubbliċi mar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat, liema fatt kien iwassal lill-Corte suprema di cassazione tiddikjara li l-għajnuniet mogħtija lil Tirrenia huma illegali.

18. Ir-Repubblica italiana kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni, billi bbażat ruħha fuq il-kliem tal-liġi Nru 117/88 u, b'mod partikolari, fuq l-Artikolu 2(2) tiegħu li jgħid li l-interpretazzjoni tan-normi ġuridiċi mwettqa fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja ma tistax tinvolvi r-responsabbiltà ta' l-Istat. Madankollu, fil-każ li dan ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli mill-qorti tar-rinviju, hija ssostni, sussidjarjament, li r-rikors għandu f'kull każ jiġi miċħud peress illi l-kundizzjonijiet ta' rinviju preliminari m'humiex sodisfatti u peress illi s-sentenza tad-19 ta' April 2000, billi għaddiet b'ġudikat, ma tistax iktar tiġi kkontestata.

19. B'risposta għal dawn l-argumenti, TDM tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-liġi Nru 117/88 fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Hija ssostni, b'mod partikolari, li l-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà ta' rikorsi mniżżla fl-imsemmija liġi u l-proċedura adottata fil-qasam mill-qrati nazzjonali (inkluża l-Corte suprema di cassazione) tant huma restrittivi li jirrenduha diffiċli ħafna, jekk mhux prattikament impossibbli, li jinkiseb kumpens mill-Istat għad-danni kkawżati mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tikser il-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari, fis-sentenzi tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357), u tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029).

20. F'dawn iċ-ċirkustanzi, billi kellu dubji dwar id-deċiżjoni li għandha tingħata għall-kawża quddiemu u dwar il-possibbiltà li jestendi għal setgħat ġudizzjarji l-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, għal dak li jirrigwarda l-ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq fl-eżerċizzju ta' attività leġiżlattiva, il-Tribunale di Genova ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1) Stat [Membru] għandu responsabbiltà mhux kuntrattwali fir-rigward ta' persuni minħabba żbalji tal-qrati tiegħu fl-applikazzjoni jew fin-nuqqas ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta' qorti ta' l-aħħar istanza li tosserva l-obbligu tagħha li tagħmel rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat?

2) Fil-każ li l-Istat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala responsabbli għall-iżbalji tal-qrati tiegħu fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, għan-nuqqas li jsir rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti ta' l-aħħar istanza skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittratta l-qasam ta' responsabbiltà ta' l-Istat minħabba żbalji tal-qrati tipprekludi l-obbligu ta' tali responsabbiltà – u hija, għalhekk, inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju – meta:

– hija teskludi r-responsabbiltà marbuta ma' l-interpretazzjoni ta' regoli ta' dritt u ma' l-evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi effettwata fil-kuntest ta' kariga ġudizzjarja,

– hija tillimita r-responsabbiltà ta' l-Istat għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti?"

21. Wara li ngħatat is-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239), ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat kopja ta' din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju u saqsiha jekk, fid-dawl tal-kontenut tagħha, hija xtaqitx tkompli r-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari.

22. Permezz ta' ittra tat-13 ta' Jannar 2004, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Jannar 2004, it-Tribunale di Genova, wara li sema' l-partijiet fil-kawża prinċipali, ikkunsidra li s-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, kienet tagħti tweġiba eżawrjenti għall-ewwel waħda miż-żewġ domandi li huwa kien saqsa, b'tali mod li ma kienx iktar neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwarha.

23. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra li kien neċessarju li r-rinviju jitkompla fir-rigward tat-tieni domanda sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni, "fid-dawl ukoll tal-prinċipji stipulati […] fis-sentenza Köbler", fuq jekk "leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' responsabbiltà ta' l-Istat minħabba żbalji tal-qrati tipprekludix l-obbligu ta' din ir-responsabbiltà meta hija teskludi r-responsabbiltà marbuta ma' l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt u ma' l-evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi effettwata fil-kuntest ta' kariga ġudizzjarja, u tillimita r-responsabbiltà ta' l-Istat għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti".

Fuq id-domanda preliminari

24. Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju għandha bħala għan li tiddetermina r-responsabbiltà ta' l-Istat minħabba deċiżjoni, li mhijiex suġġetta għal appell, minn qorti suprema. Għaldaqstant, id-domanda li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet iżżomm għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, essenzjalment, għall-kwistjoni ta' jekk id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, il-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li, minn naħa, teskludi kull responsabbiltà ta' l-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza meta dan il-ksur jirriżulta minn interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt jew minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa minn din il-qorti u li, min-naħa l-oħra, tillimita wkoll din ir-responsabbiltà għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti.

25. Kemm għal TDM u kemm għall-Kummissjoni, din id-domanda kjarament għandha tingħata risposta affermattiva. Peress illi l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi kif ukoll l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt huma inerenti għal kariga ġudizzjarja, l-esklużjoni, f'tali każijiet, tar-responsabbiltà ta' l-Istat għad-danni kkawżati lil persuni minħabba l-eżerċizzju ta' tali kariga, ikollha l-effett, fil-prattika, li teżenta lill-Istat minn kull responsabbiltà għall-ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lill-qrati.

26. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-limitazzjoni ta' din ir-responsabbiltà għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti, din ukoll hija ta' natura li twassal għal eżenzjoni fil-fatt ta' kull responsabbiltà ta' l-Istat peress illi, minn naħa, il-kunċett stess ta' "nuqqas gravi" ma jiġix ikkunsidrat mill-qorti li għandha tiddeċiedi dwar rikors għad-danni kkawżati minn deċiżjoni ġudizzjarja, iżda huwa stabbilit strettament mil-leġiżlatur nazzjonali li jelenka minn qabel – u b'mod restrittiv – il-każijiet li jikkostitwixxu nuqqas gravi.

27. Skond TDM, jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-esperjenza miksuba fl-Italja fl-implementazzjoni tal-liġi Nru 117/88 li l-qrati ta' dan l-Istat u, b'mod partikolari, il-Corte suprema di cassazione, jinterpretaw din il-liġi kif ukoll il-kunċetti ta' "nuqqas gravi" u "negliġenza li mhijiex skużabbli" b'mod ristrett ħafna. Dawn il-kunċetti huma interpretati minn din il-qorti bħala "ksur manifest, gravi u fuq skala kbira ta' dritt" jew meta dan il-ksur jingħata interpretazzjoni "li tmur kontra kull kriterju ta' loġika", li jwassal, fill-prattika, għaċ-ċaħda kważi sistematika ta' l-ilmenti mressqa kontra l-Istat Taljan.

28. Min-naħa l-oħra, skond il-Gvern Taljan, sostnut, fuq dan il-punt, mill-Irlanda u mir-Renju Unit, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali hija perfettament konformi mal-prinċipji stess tad-dritt Komunitarju peress illi hija toħloq bilanċ ġust bejn, minn naħa, in-neċessità li tinżamm l-indipendenza tal-qrati kif ukoll ir-rekwiżiti essenzjali taċ-ċertezza legali, u min-naħa l-oħra, l-għoti ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil persuni fl-iktar każijiet ċari ta' ksur tad-dritt Komunitarju li jiġu attribwiti lill-qrati.

29. Minn din il-perspettiva, ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, jekk din tiġi aċċettata, għad-danni li jirriżultaw minn tali ksur għandha għalhekk tiġi limitata biss għal każijiet li jinvolvu ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali responsabbiltà meta qorti nazzjonali ddeċidiet kawża abbażi ta' interpretazzjoni ta' l-artikoli tat-Trattat, liema interpretazzjoni toħroġ b'mod ċar mir-raġunijiet mogħtija mill-qorti.

30. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, mogħtija wara d-data li fiha l-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, din ta' l-aħħar fakkret li l-prinċipju li Stat Membru għandu l-obbligu jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lilu japplika f'kull każ ta' ksur tad-dritt Komunitarju, tkun xi tkun l-awtorità ta' dak l-Istat Membru li l-azzjoni jew in-nuqqas tagħha jkun ikkawża l-ksur (ara l-punt 31 ta' dik is-sentenza).

31. F'dan ir-rigward, billi bbażat ruħha b'mod partikolari fuq ir-rwol essenzjali li għandhom il-qrati fil-protezzjoni tad-drittijiet li minnhom persuni jibbenefikaw permezz tar-regoli Komunitarji u fuq iċ-ċirkustanza li qorti ta' l-aħħar istanza tikkostitwixxi, b'definizzjoni, l-aħħar istanza li quddiemha huma jistgħu jiddefendu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet tiddgħajjef – u l-effikaċja sħiħa tar-regoli Komunitarji li jikkonferixxu tali drittijiet titqiegħed f'dubju – jekk jiġi eskluż li persuni jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil deċiżjoni ta' qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza (ara s-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, punti 33 sa 36).

32. Għal dak li jirrigwarda l-ispeċifiċità tal-kariga ġudizzjarja kif ukoll ir-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali, ir-responsabbiltà ta' l-Istat f'każ simili ċertament mhijiex illimitata. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-responsabbiltà ma tirriżultax ħlief fil-każ eċċezzjonali fejn qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza tkun kisret b'mod manifest id-dritt applikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, il-qorti nazzjonali li trid tiddeċiedi dwar rikors għad-danni għandha, f'dan ir-rigward, tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni quddiemha u, b'mod partikolari, il-grad ta' ċarezza u preċiżjoni tar-regola li ma ġietx osservata, in-natura volontarja tal-ksur, in-natura skużabbli jew le ta' l-iżball fid-dritt, il-pożizzjoni li ttieħdet, meta applikabbli, mill-istituzzjoni Komunitarja, kif ukoll in-nuqqas ta' eżekuzzjoni, mill-qorti in kwistjoni, ta' l-obbligu tagħha li titlob deċiżjoni preliminari skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 KE (sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, punti 53 sa 55).

33. Bl-istess mod, kunsiderazzjonijiet simili marbuta man-neċessità li tiġi assigurata fir-rigward ta' persuni protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju jipprekludu sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà ta' Stat ma tistax tirriżulta minħabba l-fatt biss li jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, li huwa attribwit lil qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza, mill-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt imwettqa min dik il-qorti.

34. Minn naħa, l-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt tifforma parti mill-essenza stess tal-kariga ġudizzjarja peress illi, ikun xi jkun il-qasam ta' l-attività kkunsidrata, il-qorti, ikkonfrontata b'argumenti differenti jew kunfliġġenti, għandha normalment tinterpreta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti – nazzjonali u/jew Komunitarji – sabiex tirriżolvi l-kwistjoni quddiemha.

35. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li ksur manifest tad-dritt Komunitarju applikabbli jitwettaq preċiżament fl-eżerċizzju ta' tali attività interpretattiva, jekk il-qorti tagħti, per eżempju, lil regola ta' dritt sostantiv jew proċedurali Komunitarju, sinjifikat evidentement żbaljat, b'mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56), jew jekk hija tinterpreta d-dritt nazzjonali b'tali mod li fil-prattika twassal għal ksur tad-dritt Komunitarju applikabbli.

36. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk tiġi eskluża, f'ċirkustanzi simili, kull responsabbiltà ta' l-Istat minħabba l-fatt li l-ksur tad-dritt Komunitarju jirriżulta minn eżerċizzju ta' interpretazzjoni ta' regoli ta' dritt effettwat minn qorti jfisser li tkun qed titneħħa s-sustanza stess tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq. Din il-konstatazzjoni tapplika, iktar u iktar, għall-qrati ta' l-aħħar istanza, li għandhom l-obbligu jassiguraw li, fuq livell nazzjonali, tingħata interpretazzjoni uniformi tar-regoli tad-dritt.

37. Wieħed għandu jasal għal konklużjoni simili għal dak li jirrigwarda leġiżlazzjoni li teskludi, b'mod ġenerali, kull responsabbiltà ta' l-Istat meta l-ksur, li huwa attribwit lil qorti ta' dan l-Istat, jirriżulta minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi.

38. Minn naħa, tali evalwazzjoni tikkostitwixxi, l-istess bħall-interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt, parti oħra essenzjali tal-kariga ġudizzjarja peress illi, indipendentement mill-interpretazzjoni adottata mill-qorti nazzjonali li quddiemha tinsab kawża speċifika, l-applikazzjoni ta' l-imsemmija regoli għall-kawża in kwistjoni jiddependi ħafna drabi mill-evalwazzjoni li tkun wettqet il-qorti fir-rigward tal-fatti tal-kawża kif ukoll fir-rigward tal-valur u r-rilevanza ta' l-elementi ta' prova ppreżentati għal dan l-iskop mill-partijiet fil-kawża.

39. Min-naħa l-oħra, tali evalwazzjoni – li ħafna drabi titlob analiżi kumplessi – tista' twassal ukoll, f'ċerti każijiet, għal ksur manifest tad-dritt applikabbli, kemm jekk din l-evalwazzjoni titwettaq fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' regoli speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-oneru tal-prova, mal-valur ta' dawn il-provi jew ma' l-ammissibbiltà tal-mod kif tingħata prova, jew fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' regoli li jirrikjedu kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

40. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk tiġi eskluża kull possibbiltà ta' responsabbiltà ta' l-Istat minħabba l-fatt li l-ksur allegatament imwettaq mill-qorti jirrigwarda l-evalwazzjoni mwettqa minnha tal-fatti jew tal-provi, il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, għal dak li jikkonċerna l-ksur ċar tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qrati nazzjonali ta' l-aħħar istanza, jerġa' ma jkollu ebda rilevanza.

41. Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan huwa l-każ, b'mod partikolari, fil-qasam ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat. Jekk tiġi eskluża kull possibbiltà ta' responsabbiltà ta' l-Istat minħabba l-fatt li l-ksur tad-dritt Komunitarju mwettaq minn qorti nazzjonali jirriżulta minn evalwazzjoni tal-fatti, ikun hemm ir-riskju li dan iwassal li l-garanziji proċedurali disponibbli għall-persuni jiddgħajfu, f'dak illi l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tkun tiddependi, fil-parti l-kbira, minn operazzjonijiet suċċessivi ta' kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Fil-każ fejn ir-responsabbiltà ta' l-Istat tiġi eskluża, b'mod assolut, minħabba evalwazzjonijiet tal-fatti minn qorti, dawn il-persuni ma jibbenefikaw minn ebda protezzjoni ġudizzjarja jekk qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza tagħmel żball ċar fil-kontroll ta' l-operazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq ta' kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti.

42. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta' l-Istat għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti, għandu jiġi mfakkar, kif ġie osservat fil-punt 32 ta' din is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, li r-responsabbiltà ta' Stat għad-danni kkawżati lil persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lill-qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza ma tirriżultax ħlief fil-każ eċċezzjonali fejn din il-qorti tkun kisret b'mod manifest id-dritt applikabbli.

43. Dan il-ksur manifest għandu jiġi evalwat, b'mod partikolari, fir-rigward ta' ċertu numru ta' kriterji bħall-grad ta' ċarezza u preċiżjoni tar-regola li ma ġietx osservata, in-natura skużabbli jew le ta' l-iżball fid-dritt li twettaq, jew in-nuqqas ta' eżekuzzjoni, mill-qorti in kwistjoni, ta' l-obbligu tagħha li titlob deċiżjoni preliminari skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 234 KE, u huwa preżunt f'kull każ meta d-deċiżjoni kkonċernata tikser b'mod ċar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam (sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, punti 53 sa 56).

44. Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li d-dritt nazzjonali jiddefinixxi l-kriterji dwar it-tip u l-grad tal-ksur li għandhom jiġu sodisfatti sabiex Stat ikun jista' jinsab responsabbli għal ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti nazzjonali ta' l-aħħar istanza, dawn il-kriterji ma jistgħux, f'ebda każ, jimponu rekwiżiti iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mill-kundizzjoni ta' ksur manifest tad-dritt applikabbli, kif stabbilit fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq.

45. Għalhekk, ikun hemm dritt għal kumpens jekk din l-aħħar kundizzjoni tiġi sodisfatta, malli jkun ġie stabbilit li r-regola ta' dritt li ma ġietx osservata għandha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-persuni u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur manifest invokat u d-dannu li sofriet il-persuna kkonċernata (ara b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Francovich et , punt 40; Brasserie du Pêcheur u Factortame, punt 51, kif ukoll Köbler, punt 51). Kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-punt 57 tas-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq, dawn it-tliet kundizzjonijiet huma neċessarji u biżżejjed sabiex persuna tingħata d-dritt li tikseb kumpens, għalkemm dan ma ffissirx li Stat jista' jinsab responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas stretti abbażi tad-dritt nazzjonali.

46. Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li ssemmew, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif ifformulata mill-ġdid permezz ta' l-ittra tagħha tat-13 ta' Jannar 2004, hija li d-dritt Komunitarju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b'mod ġenerali, ir-responsabbiltà ta' l-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti ta' l-aħħar istanza minħabba l-fatt li dan il-ksur in kwistjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt jew minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa minn din il-qorti. Id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din ir-responsabbiltà għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti, jekk tali limitazzjoni teskludi r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru kkonċernat f'każijiet oħrajn fejn jitwettaq ksur manifest tad-dritt Komunitarju, kif stipulat fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza Köbler, iċċitata iktar 'il fuq.

Fuq l-ispejjeż

47. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

Id-dritt Komunitarju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b'mod ġenerali, ir-responsabbiltà ta' l-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti ta' l-aħħar istanza minħabba l-fatt li dan il-ksur in kwistjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tar-regoli ta' dritt jew minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa minn din il-qorti.

Id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din ir-responsabbiltà għall-każijiet biss ta' frodi u ta' nuqqas serju tal-qorti, jekk tali limitazzjoni teskludi r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru kkonċernat f'każijiet oħrajn fejn jitwettaq ksur manifest tad-dritt Komunitarju, kif stipulat fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Köbler (C-224/01).

Top