EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0173

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-12 ta' Jannar 2006.
Deutsche SiSi-Werke GmbH & Co. Betriebs KG vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - trademark Komunitarja - Artikolu 7 (1) (b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 - Forom tridimensjonali ta' pakketti li jżommu wieqfa għal xarbiet tal-frott u meraq tal-frott- Raġuni assoluta għal rifjut - Karattru distintiv.
Kawża C-173/04 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:20

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

12 ta' Jannar 2006(*)

"Appell – trademark Komunitarja – Artikolu 7 (1) (b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Forom tridimensjonali ta' pakketti li jżommu wieqfa għal xarbiet tal-frott u meraq tal-frott– Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv"

Fil-kawża C-173/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-6 ta' April 2004,

Deutsche SiSi-Werke GmbH & Co. Betriebs KG, stabbilita f'Eppelheim (il-Ġermanja) irrappreżentata minn H. Eichmann, G. Barth, U. Blumenröder, C. Niklas-Falter, M. Kinkeldey, K. Brandt, A. Franke, U. Stephani, B. Allekotte, E. Pfrang, K. Lochner u B. Ertle, Rechtsanwälte,

rikorrenti

il-parti l-oħra fil-proċedimenti li hija

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentati minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. H. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Ġunju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali waqt is-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, Deutsche SiSi-Werke GmbH & Co. Betriebs KG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Jannar 2004, Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI (pakket bil-qiegħ ċatt) (T‑146/02 à T‑153/02, Ġabra. P. II-447, iktar 'il quddiem "is-sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) tat-28 ta' Frar 2002 (Sentenzi R 719/1999‑2 sa R 724/1999‑2, R 747/1999‑2 R 748/1999‑2), li jiċħdu r-reġistrazzjoni ta' tmien trademarks tridimensjonali magħmula minn pakketti differenti għax-xorb li jistgħu jżommu wieqfa (iktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati")

 Il-Qafas Ġuridiku

2       L-Artikolu 7 (1) (b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 fuq it-trademark Komunitarja (JO 1994, L 11, p. 1), jgħid:

"Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trademarks li mhumiex ta' karattru distintiv;

c)      trademarks li jikkonsistu esklussivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, [l-użu li għalih huma intiżi], il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3       Fit-8 ta' Lulju 1997 ir-rikorrenti ppreżentat lill-UASI, skond ir-Regolament Nru 40/94, tmien applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trademarks tridimensjonali Komunitarji.

4       Dawn it-trademarks jikkonsistu f'forom differenti ta' pakketti għall-xarbiet li jistgħu jżommu wieqfa. Dawn il-pakketti għandhom forma tonda b'qiegħ iktar wiesgħa u għandhom, skond l-applikazzjonijiet, naħa li tixbaħ triangolu mtawwal jew forma ovali, u f'ċerti każijiet b'daħliet fil-ġemb.

5       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni b'kunsiderazzjoni għall-modifiki magħmula mir-rikorrenti f'dan ir-rigward, huma "ix-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott", li jaqgħu taħt il-klassi 32 skond l-ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

6       Permezz tad-deċiżjonijiet ta' l-24 u s-27 ta' Settembru 1999 l-eżaminatur ta' l-UASI ċaħad t-tmien talbiet minħabba li t-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni ma kellhomx karattru distinitv.

7       Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati t-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkonferma d-deċiżjonijiet ta' l-eżaminatur. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li l-konsumaturi ma jirrikonoxxux fil-pakketti li jżommu wieqfa ebda indikazzjoni ta' oriġini kummerċjali, imma biss forma ta' ppakkjar. Huwa żied li fl-interess tal-kompetituri, tal-fabbrikanti ta' l-ippakkjar u tal-produtturi tax-xarbiet dan it-tip ta' ppakkjar ma jistax jkun is-suġġett ta' monopolju.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

8       Ir-rikorrenti ressqet rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

9       Permezz tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-Tieni Bord ta' Appell ta' l-UASI kien korrett meta kkunsidra li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni ma kellhomx karattru distintiv f'dak li jikkonċerna x-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott.

10     Fil-punti 39 sa 43 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza warrbet l-argument tar-rikorrenti li l-ippakkjar ta' xarbiet tal-frott u tal-meraq tal-frott f'pakketti li jżommu wieqfa, huwa fih innifsu mhux tas-soltu.

11     Peress li r-rikorrenti wkoll allegat li r-rappreżentazzjonijiet mitluba fihom elementi ta' disinn li mhumiex limitati għal karatteristiċi komuni jew funzjonali, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li għamlet, fil-punti 44 sa 51 tas-sentenza kkontestata, eżami suċċessiv ta' l-elementi differenti tal-preżentazzjoni użata, eżaminat, fil-punt 52 ta' l-istess sentenza l-impressjoni kompluta mogħtija mill-apparenza tal-pakketti in kwistjoni u kkonkludiet li l-imsemmija rappreżentazzjonijiet ma kellhomx karattu distintiv.

12     Għalhekk, wara li warrbet l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikorsi tagħha u kkundannatha tbati l-ispejjeż.

 L-appell

13     Fl-appell tagħha, li fih tinvoka tliet raġunijiet in sostenn tiegħu, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata u tikkundana l-UASI jbati l-ispejjeż.

14     L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni

 L-argumenti tal-partijiet

15     Permezz ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tikkunsidra s-settur tal-prodotti li għalihom qed tintalab ir-reġistrazzjoni u, għaldaqstant il-forom ta' ippakkjar li għandhom iservu bħala paragun sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trademarks mitluba.

16     Ir-rikorrenti ssostni li, fis-settur tax-xarbiet, kuntrarjament għas-suppożizzjoni arbitrarja msemmija fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, il-konsumaturi ilhom għal żmien twil imdorrija jaraw fl-ippakkjar tal-prodott indikazzjoni ta' l-oriġini tiegħu. Ġaldaqstant, il-forma ta' ippakkjar ta' xarbiet tikkostitwixxi mezz ta' identifikazzjoni li huwa mifhum mill-konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' l-oriġini, u għaldaqstant bħala trademark.

17     Minn dan jirriżulta li, skond ġurisprudenza kostanti, il-forma ta' ippakkjar ta' xarbiet li, b'mod sinjifikanti, titbiegħed minn norma u mill-użanzi tas-settur tissodissfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tindika l-oriġini.

18     Skond ir-rikorrenti l-Qorti tal-Prim'Istanza stess ikkonstatat li mhemmx prova ta' l-użu ta' pakketti li jżommu wieqfa għax-xarbiet tal-frott u tal-meraq tal-frott. Fil-fatt, fis-suq Ewropew, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti, ix-xarbiet tal-frott u tal-meraq tal-frott huma ppakjati biss fi flixken tal-ħġieġ jew f'pakketti tal-kartun. Għaldaqstant dawn il-pakketti ma jikkostitwixxux forma komuni ta' ppakkjar għall-imsemmija xarbiet u l-karattur distintiv tagħhom kellu jiġi rrikonoxxut.

19     Il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball fid-dritt meta evalwat il-karattru komuni ta' l-imsemmija pakketti, billi kkunsidrat mhux l-użanzi fis-settur tax-xarbiet tal-frott u tal-meraq tal-frott fuq livell Ewropew, imma l-użanzi fis-settur tal-likwidi ta' l-ikel in ġenerali fuq livell mondjali.

20     Il-Qorti tal-Prim'Istanza xorta waħda għamlet żball fid-dritt billi kklassifikat il-pakketti li jżommu wieqfa in kwistjoni fost "il-forom ġeometriċi ta' bażi. Fil-fatt peress li, minn barra dawk użati mir-rikorrenti, ebda pakkett li jżomm wieqaf mhuwa użat fis-suq Ewropew tax-xarbiet tal-frott u tal-meraq tal-frott, ma jistax jkun hemm "forma ta' bażi" ta' tali pakkett għall-imsemmija prodotti.

21     L-UASI jfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' forma ta' ippakkjar, għandu jiġi vverifikat jekk il-konsumatur medju effettivament jistax jifhem l-imsemmija forma, irrispettivament mill-funzjoni tagħha ta' kontenitur, bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott in kwistjoni. F'dan ir-rigward trademark twettaq il-funzjoni ta' oriġini tagħha meta hija titbiegħed b'mod sinjifikanti minn norma jew mill-użanzi tas-settur.

22     Meta hija tirreferi għat-tbegħid ta' forma minn norma jew mill-użanzi tas-settur, din il-ġurisprudenza tiddefinixxi kuntest ta' paragun iktar wiesgħa minn dak tal-forom komuni tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trademark. Skond l-UASI, jekk konsumatur diġà kien abitwalment imdorri jiltaqgħa ma' tip partikolari ta' ippakkjar għal prodott partikolari, meta ser jiltaqgħa, għall-ewwel darba, ma' l-użu ta' dan l-istess tip ta' ippakkjar għal prodott ieħor, huwa ser jibqa' jaħseb li dan huwa biss froma oħra ta' ippakkjar u mhux indikazzjoni ta' l-oriġini ta' dan il-prodott l-ieħor. Għalhekk ikun żbaljat li l-perċezzjoni tal-pubbliku tiġi evalwata biss billi jitqis l-ippakkjar li diġà jeżisti biss għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark.

23     Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet ebda żball fid-dritt billi kkunsidrat l-ippakkjar tal-prodotti ta' l-ikel likwidi barra dawk li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tat-trademarks.

24     Barra minn hekk, il-mod li bih il-Qorti tal-Prim'Istanza konkretament iddefiniet il-materjal li għandu jiġi pparagunat neċessarju għall-evalwazzjoni tal-preċezzjoni tal-pubbliku huwa kwistjoni ta' konstatazzjoni u ta' evalwazzjoni tal-fatti u ma jistax jkun suġġett għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25     Skond ġurisprudenza kostanti, il-karattru distintiv ta' trademark skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi evalwat minn naħa b'rigward għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, min-naħa l-oħra b'rigward għall-perċezzjoni tagħhom li l-pubbliku kkonċernat għandu, li huwa magħmul mill-konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Henkel vs l-UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra. p. I‑5089, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26     F'dan il-każ mhux qed jiġi kkontestat li r-reġistrazzjoni tat-trademarks in kwistjoni hija mitluba għax-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott u li l-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mill-konsumaturi finali, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 34 u 36 tas-sentenza kkontestata.

27     Skond ġurisprudenza wkoll kostanti, il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trademarks tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta' trademarks (sentenzi Henkel vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38, u tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs l-UASI, C‑136/02 P, Ġabra. p. I‑9165, punt 30).

28     Madankollu, kif ġustament fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 37 tal-sentenza kkontestata, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trademark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta' trademark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew ta' kitba, m'għandhomx l-użanza li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma ta' l-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista' jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f'dak li jirrigwarda tali trademark tridimensjonali milli f'dak li jirrigwarda trademark verbali jew figurattiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 38, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 30).

29     F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, trademarks tridimensjonali magħmula mill- ippakkjar ta' prodotti, bħal mhuma l-likwidi li huma ppakkjati għall-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess tal-prodott, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċiediet li dawn għandhom jippermettu lill-konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti, li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun, u mingħajr ma jagħmel attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta l-impriżi l-oħra [ara f'dan ir-rigward, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trademarks 89/104/KEE (ĠU 1989, L 40, p. 1), dispożizzjoni li hija identika għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C‑218/01, Ġabra. p. I‑1725, punt 53].

30     Il-Qorti tal-Prim'Istanza għalhekk m'għamlet l-ebda żball fid-dritt meta ddeċiediet, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata li l-konsumatur medju jipperċepi l-forma ta' ippakkjar ta' xarba bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott, biss jekk din il-forma tista' tiġi pperċepita mill-ewwel bħala tali indikazzjoni. Barra minn hekk, fl-imsemmi punt tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma ddeċidiet li l-konsumatur ikun bħala prinċipju indifferenti għall-forma bħala indikazzjoni ta' l-oriġini jew li l-ippakkjar ta' prodott likwidu ma jista' qatt jippreżenta karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

31     Skond ġurisprudenza kostanti, hija biss trademark li, b'mod sinjifikanti, titbiegħed minn norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f'hekk, tista' tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta' oriġini li mhijiex nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 39, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 31).

32     Minn naħa, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li jeħtieġ li jiġi sistematikament limitat is-settur li fih jsir il-paragun bejn il-prodotti stess li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Ma jistax jiġi eskluż li l-konsumaturi ta' prodott partikolari jkunu, skond il-każ influwenzati fil-perċezzjoni tagħhom tat-trademark li l-prodott għandu fih, mill-metodi ta' kummerċalizzazzjoni żviluppati għal prodotti oħra li huma wkoll jikkunsmaw. Għalhekk skond in-natura tal-prodotti in kwistjoni u tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni jista' jkun neċessarju, sabiex jiġi evalwat jekk it-trademark għandiex jew le karattru distintiv, li jittieħed in kunsiderazzjoni settur ikbar.

33     B'mod partikolari, meta, bħal fil-każ in kwistjoni, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija magħmula mill-forma tridimensjonali ta' l-ippakkjar tal-prodotti kkonċeranti – a fortiori meta l-kummerċalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti teżiġi minħabba n-natura tagħhom stess, ippakkjar, tali li huwa l-ippakkjar magħżul li jagħti l-forma lill-prodott u, għall-finijiet ta' evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trademark, għandu jiġi assimilat mal-forma tal-prodott (sentenza Henkel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33) – in-norma jew l-użanzi relevanti jistgħu jkunu dawk li japplikaw fis-settur ta' l-ippakkjar ta' prodotti ta' l-istess natura u intiżi għall-istess konsumaturi bħal dawk li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

34     Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur medju, li huwa mdorri jara diversi prodotti li joriġinaw minn impriżi separati ppakkjati fl-istess tip ta' ippakkjar, ma jagħrafx mill-ewwel l-użu ta' dan it-tip ta' ippakkjar minn impriża għall-kummerċalizzazzjoni ta' prodott partikolari, bħala li huwa indikazzjoni fih innifsu ta' l-oriġini tiegħu, meta l-istess prodott huwa kkummerċalizzat mill-kompetituri ta' din l-impriża f'tipi oħra ta' ippakkjar. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-konsumatur medju, li ma jagħmilx studju tas-suq ma jkunx jaf minn qabel, li impriża waħda biss tikkummerċalizza prodott partikolari f'ċertu tip ta' ippakkjar partikolari, filwaqt li kompetituri tagħha jużaw metodi oħra ta' ippakkjar għal dan il-prodott.

35     Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni tas-settur li fih għandu jsir il-paragun taqa' taħt l-evalwazzjoni tal-fatti. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58, ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Appell huwa limitat għall-punti ta' liġi. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija għaldaqstant l-unika kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-elementi ta' prova. L-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u elementi ta' prova għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ li b'riżerva għal każ ta' dawn jiġu distorti, li mhuwiex qed jiġi allegat f'dan il-każ, punt ta' liġi, suġġett bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' l-appell (ara s-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 22, u Mag Instrument vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

36     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, mingħajr ma tagħmel żball ta' dritt, tikkunsidra metodi ta' ippakkjar użat fis-suq Ewropew għall-likwidi alimentari in ġenerali, sabiex jiġi determinat jekk l-użu ta' wieħed jew l-ieħor mit-tmien pakketti li jżommu wieqfa, in kwistjoni, jippermettix lill-konsumatur medju ta' xarbiet tal-frott jew ta' meraq tal-frott li jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun u mingħajr ma jagħmel attenzjoni partikolari, il-prodotti tar-rikorrenti minn dawk ta' impriżi oħra.

37     Bl-istess mod il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet b'kull dritt tirreferi, fil-punti 47, 48, u 50 tas-sentenza kkontestata għall-"forma ġenerika" u għall-"forma ta' bażi" għall-"forma bażika" jew għall-"apparenza ġenerika" tal-pakketti li joqgħodu wieqfa tal-pakketti li jżommu wieqfa, forom u apparenza li hi setgħet tiddetermina, fuq il-bażi ta' pakketti li jżommu wieqfa użati għall-kummerċalizzazzjoni ta' likwidi alimentari fis-suq Ewropew.

38     Għaldaqstant l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni

 L-argumenti tal-partijiet

39     Permezz ta' l-ewwel parti tat-tieni raġuni ta' l-appell, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet kundizzjonijiet eżiġenti wisq għat-trademarks tridimensjonali b'rigward għal-livell baxx ta' karattru distintiv mitlub sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tapplika l-istess prassi bħal dik żviluppata għat-trademarks bidimensjonali, li tgħid li t-trademarks li għandhom biss differenza żgħira meta mqabbla mal-forom ġeometriċi sempliċi jistgħu xorta waħda jiġu rreġistrati.

40     Anke jekk wieħed jissupponi li l-pakketti li jżommu wieqfa jikkostitwixxu forom komuni ta' ppakkjar għax-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott fis-suq Ewropew, il-forom tridimensjonali tal-pakketti li għalihom saret applikazzjoni għar- reġistrazzjoni bħala trademarks Komunitarji għandhom biżżejjed elementi ta' disinn sabiex jissodisfaw il-funzjoni ta' oriġini.

41     Permezz tat-tieni parti ta' l-istess raġuni, ir-rikorrenti ssostni li, meta, bħal fil-każ in kwistjoni, l-UASI jkun diġà aċċetta r-reġistrazzjoni ta' trademarks oħra ta' l-istess tip fl-istess settur u, fl-istess ħin, it-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni diġà ġew irreġistrati f'diversi Stati Membri bħala trademarks nazzjonali, l-UASI u l-Qorti tal-Prim'Istanza għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmija trademarks ma jkunux pperċepiti mill-konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti. Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tatx din il-ġustifikazzjoni fis-sentenza kkontestata.

42     B'risposta għall-ewwel parti tat-tieni raġuni, l-UASI josserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma applikatx l-iktar kriterji iebsa dwar il-karattru distintiv ta' trademarks tridimensjonali imma llimitat ruħa li tfakkar il-ġurisprudenza kostanti li tgħid li l-perċezzjoni tal-pubbliku mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trademark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott, bħal fil-każ ta' trademark verbali jew figurattiva.

43     L-UASI jżid li fil-kuntest ta' appell ir-rikorrenti ma tistax b'mod validu tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li l-elementi ta' disinn tat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma wisq insinjifikanti sabiex jiġu mmemorizzati mill-pubbliku kkonċernat.

44     F'dak li jikkonċerna t-tieni parti ta' l-istess raġuni, l-UASI jikkunsidra li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni huwa, skond l-evidenza, mhux fondat. Il-fatt li trademark ġiet rreġistrata fuq livell nazzjonali ma joħloq ebda obbligu ta' motivazzjoni speċifika minn naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza meta hija tikkunsidra li tagħti deċiżjoni differenti minn dik ta' awtorità nazzjonali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza hija biss obbligata tagħti motivazzjoni għall-applikazzjoni tagħha tal-liġi.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45     F'dak li jikkonċerna l-ewwel parti tar-raguni, il-karattru distintiv ta' trademark skond l-Artikolu 7 (1) (b) tar-Regolament 40/94 jfisser li din it-trademark tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizz, li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala li joriġina minn impriża partikolari u għaldaqstant li dawn il-prodotti jew servizzi jiġu distinti minn dawk ta' impriżi oħra (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 34, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 29)

46     Minn naħa, kif hija ilmentat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li fil-punti 37 u 38 tas-sentenza kkontestata ddeċiediet, li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trademark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott, bħal fil-każ ta' trademark verbali jew figurattiva, u li l-konsumatur medju jipperċepixxi l-forma ta' ippakkjar ta' xarba bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott biss jekk din il-forma tista' tiġi pperċepita mill-bidu bħala tali indikazzjoni, din il-parti mhijiex fondata minħabba l-motivi msemmija fil-punti 28 sa 30 ta' din is-sentenza.

47     Minn naħa, f'dak illi tilmenta, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċiediet fil-punti 44 sa 52 tas-sentenza kkontestata li l-forom tridimensjonali tal-pakketti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trademarks Komunitarji m'għandhomx biżżejjed elementi ta' disinn biex jissodissfaw il-funzjoni tagħhom li juri l-oriġini, l-imsemmija parti tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet u għandha tiġi ddikkjarata inammissibbli għall-motivi mfakkra fil-punt 35 ta' din is-sentenza.

48     F'dak li jikkonċerna t-tieni parti tat-tieni raġuni, hemm lok li jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI huma mitluba jieħdu skond ir-Regolament Nru 40/94 dwar ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trademark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta' kompetenza limitata u mhux ta' setgħa diskrezzjonali. Għalhekk kif iddeċiediet il-Qorti tal-Prim'Istanza essenzjalment fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, il-legalità ta' l-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti għal dan (sentenza tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs l-UASI, C‑37/03 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

49     Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ddeċidiet, fil-punt 56 ta' l-istess sentenza, li r-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jikkostitwixxu biss elementi li, mingħajr ma huma ddeterminati, jistgħu biss jiġu kkunsidrati għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja (ara, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' trademarks nazzjonali f'diversi Stati Membri b'applikazzjoni tad-Direttiva 89/104, is-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, Henkel, punti 62 u 63). Jaqbel li jingħad ukoll li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 ma tobbliga lill-UASI, jew f'rikors lill-Qorti tal-Prim'Istanza, li jasal għall-istess konklużjonijiet bħal dawk li waslu għalihom l-awtoritajiet nazzjonali f'sitwazzjoni simili (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza DKV vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

50     Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza, li żviluppat fit-tul ir-raġunijiet li għalihom it-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament 40/94, immotivat biżżejjed id-deċiżjoni tagħha.

51     It-tieni raġuni ta' l-appell għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel raġuni u fuq it-tielet raġuni

 L-argumenti tal-partijiet

52     Permezz tat-tieni parti ta' l-ewwel raġuni u t-tielet argument ta' l-appell, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment li l-Qorti tal-Prim'Istanza, evalwat ħażin il-karattru distintiv tat-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni, skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament 40/94, fid-dawl ta' l-interess ta' kompetituri eventwali li jkunu jistgħu jużaw il-pakketti li jżommu wieqfa għall-prodotti tagħhom stess.

53     Hi tfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kull waħda mir-raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 7(1), tar-Regolament 40/94 hija independenti mill-oħra u teħtieġ eżami separat. Barra minn hekk huwa adattat li l-imsemmija raġunijiet jkunu interpretati fid-dawl ta' l-interess ġenerali li hemm taħt kull waħda minnhom.

54     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat il-karattru distintiv tat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni mill-lat tal-forom ta' bażi fittizji u l-użu possibbli, fil-futur, ta' pakketti li jżommu wieqfa għall-prodotti kkonċernati. Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-pakketti li jżommu wieqfa jistgħux jiġu użati mill-kompetituri għax-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott, taqa' barra l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, iżda taqa' biss taħt il-punt (c) ta' l-istess sub-paragrafu.

55     Fil-fatt l-interess ġenerali li hemm taħt l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 jinkludi l-interess tal-konsumatur medju li jkun jista' jgħaraf il-prodotti koperti mit-trademark u li jassoċjhom ma produttur partikolari. L-interss tal-kompetituri qiegħed jiġi biżżejjed ikkunsidrat fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/947 – dispożizzjoni li ma ġietx invokata kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademarks in kwistjoni.

56     Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, fl-evalwazzjoni ta' l-interess eventwali tal-kompetituri li jkunu jistgħu jużaw il-pakketti li jżommu wieqfa għall-prodotti tagħhom stess, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset b'mod żbaljat milli tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti ilha għal ħafna snin tuża dawn it-tip ta' pakketti sabiex tippakkja l-prodotti tagħha mingħajr ma ġiet imitata.

57     L-UASI josserva li, meta trademark m'għandhiex karattru distintiv, l-interess ġenerali tal-konsumaturi ma jistax jipprekludi li r-reġistrazzjoni ta' din it-trademark tiġi rrifjutata b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/947. Fil-fatt, ipotetikament, il-konsumaturi ma jidentifikawx din it-trademark bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti. B'konsegwenza, l-argument tar-rikorrenti f'dan ir-rigward huwa bla bażi ġuridika u għandu jiġi miċħud bħala manifestament mhux fondat.

58     Barra minn hekk, mill-punt 54 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'adottax il-possibbiltà ta' riskju ta' monopolizzazzjoni tal-pakketti li jżommu wieqfa baħla kriterju għall-applikazzjoni ta' l-Artilkolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94, b'mod illi m'hemmx bżonn li jiġi mistoqsi, f'dan il-każ, dwar jekk tali riskju jeżistix verament.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59     Skond ġurisprudenza kostanti, kull waħda mir-raġunijiet għar-rifjut ta' reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat. Barra minn hekk, l-imsemmija raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess ġenerali li hemm taħt kull waħda minnhom. L-interess ġenerali kkunsidrat waqt l-eżami ta' kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal-rifjut tista', jew għandha, tirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skond ir-raġuni għal rifjut in kwistjoni (sentenzi Henkel vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punti 45 u 46; tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs l-UASI C‑329/02 P, Ġabra. p. I-8317, punt 25, u BioID vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).

60     L-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' trademarks li m'għandhomx karattru distintiv, li waħdu jirrendihom kapaċi jissodisfaw il-funzjoni essenzjali tat-trademark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trademark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 1978, Hoffmann-La Roche, 102/77, Ġabra. p. 1139, punt 7; tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra. p. I-5475, punt 30, u SAT.1 vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

61     Fir-rigward ta' l-estent tal-protezzjoni mogħtija lil trademark mir-Regolament Nru 40/94, l-interess ġenerali li hemm taħt l-Artikolu 7(1)(b) ta' dan ir-Regolament evidentement jiġi konfuż ma' l-imsemmija funzjoni essenzjali tat-trademark (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq SAT.1 vs l-UASI, punt 27, u BioID vs l-UASI, punt 60).

62     F'dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, billi jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trademark Komunitarji ta' sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu fil-kummerċ sabiex jiġu identifikati karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huwa għandu għan ta' interess ġenerali, jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant, bħala konsegwenza timpedixxi, li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jiġu riżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trademark (ara s-sentenza tat-23 ta' Ottubru 2003, l-UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra. p. I‑12447, punt 31, u Digrieti tal-5 ta' Frar 2004, Telefon & Buch vs l-UASI, C‑326/01 P, Ġabra. p. I‑1371, punt 27, et Streamserve vs l-UASI, C‑150/02 P, Ġabra. p. I‑1461, punt 25).

63     F'dawn iċ-ċirkustanzi, kif diġà ddeċiediet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju li bih ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trademarks li jistgħu jiġu użati komunement fil-kummerċ għall-preżentazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati huwa rilevanti fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, imma mhuwiex il-kejl li fuqu l-Artikolu 7(1)(b) għandu jiġi interpretat (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq SAT.1 vs l-UASI, punt 36, u BioID vs l-UASI, punt 62).

64     Fil-punt 31 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċiediet li t-trademarks li ma jkollhomx karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 "huma, b'mod partikolari, dawk li mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, huma komunement użati fil-kummerċ, għal preżentazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, ta' l-anqas, indikazzjonijiet konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li dawn jistgħu jintużaw b'dan il-mod". Barra minn hekk, hija kkonstatat, fl-aħħar frażi tal-punt 41 ta' l-istess sentenza, li jeżistu indikazzjonijiet konkreti tal-fatt li l-pakketti li jżommu wieqfa "jistgħu jintużaw" fil-kummerċ għall-preżentazzjoni tal-prodotti in kwistjoni, u fl-aħħar frażi tal-punt 42 ta' l-imsemmija sentenza, li "l-iżvilupp mistenni ta' dan it-tip ta' ippakkjar jikkonferma […] l-użu komuni tagħhom".

65     Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, minkejja dawn il-konstatazzjonijiet imsemmija fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq il-kriterju msemmi fil-punt 63 ta' din is-sentenza.

66     Fil-fatt mill-ewwel u t-tieni frażi tal-punt 42 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-pakketti li jżommu wieqfa jistgħux jiġu użati għax-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li t-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni ma kellhomx karattru distint minħabba li dan il-mod ta' ippakkjar huwa diġà użat fil-Komunità għall-likwidi alimentari in ġenerali u li, għalhekk, m'għandux karattru mhux tas-soltu qawwi biżżejjed sabiex il-konsumatur medju jipperċepixxi dan l-ippakkjar, fih innifsu, bħala li jindika l-oriġini kummerċjali speċifiku ta' prodott ta' din il-kategorija.

67     Il-Qorti tal-Prim'Istanza għalhekk waslet għal din il-konklużjoni billi bbażat ruħha mhux fuq l-eventwalità li l-pakketti li jżommu wieqfa jistgħu jintużaw komunement fil-futur fis-settur tal-likwidi ta' l-ikel – li hija użata bħala qafas ta' l-analiżi tagħha – imma fuq il-fatt li huma diġà komunement użati. Billi għamlet hekk il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha fuq kriterju korrett.

68     Għaldaqstant, huwa biss b'mod sovrabbundanti li fl-aħħar frażi tal-punti 41 u 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat barra minn hekk li l-pakketti li jżommu wieqfa setgħu jintużaw fil-futur min kompetituri tar-rikorrenti għax-xarbiet tal-frott u l-meraq tal-frott.

69     Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-punt 32 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament irrilevat li "l-interess li jista' jkollhom il-kompetituri ta' applikant għal trademark tridimensjonali magħmula mill-preżentazzjoni ta' prodott li jkunu jistgħu jgħażlu liberament il-forma u d-disinn tal-prodotti tagħhom stess mhuwiex, fih innifsu, raġuni li tista' tiġġustifika r-rifjut li tiġi rreġistrata tali trademark, u lanqas kriterju ta' evalwazzjoni, li waħdu jissodisfa, il-karattru distintiv tagħha".

70     Fil-fatt fl-analiżi tat-trademarks, li għalihom saret applikazzjoni, li hija għamlet fil-punti 44 sa 54 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma bbażatx ruħha bl-ebda mod fuq l-interess ta' l-eventwali kompetitutri, iżda llimitat ruħha sabiex tiddetermina jekk l-imsemmija trademarks jippermettux lill-konsumatur medju ta' xarbiet tal-frott u ta' meraq tal-frott jiddistingwi mingħajr ebda possibbiltà ta' konfużjoni l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk li għandhom oriġini oħra.

71     Konsegwentement, it-tieni parti ta' l-ewwel raġuni kif ukoll it-tielet raġuni għandhom ukoll jiġu miċħuda, u għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

72     Taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Deutsche SiSi-Werke GmbH & Co. Betriebs KG hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top