EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62003CJ0323

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Regolament (KEE) Nru 3577/92 - kabotaġġ marittimu - Applikabbiltà għas-servizzi ta' ġarr ta' passiġġieri fir-Ria de Vigo (daħla ta' Vigo) - Konċessjoni amministrattiva ta' għoxrin sena lil operatur wieħed - Kompatibbiltà - Possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta' servizz pubbliku jew li jiġu imposti obbligi ta' servizz pubbliku - Klawżola ta' waqfien totali (jew ta' "standstill').
Kawża C-323/03.

Identifiant ECLI: ECLI:EU:C:2006:159

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2006 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KEE) Nru 3577/92 – kabotaġġ marittimu – Applikabbiltà għas-servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri fir-Ria de Vigo (daħla ta' Vigo) – Konċessjoni amministrattiva ta’ għoxrin sena lil operatur wieħed – Kompatibbiltà – Possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta’ servizz pubbliku jew li jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku – Klawżola ta’ waqfien totali (jew ta’ ‘standstill’)”

Fil-kawża C-323/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-24 ta’ Lulju 2003, fl-ismijiet,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral u K. Simonsson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Fraguas Gadea u J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni:

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta' Vigo jingħataw lil operatur wieħed għal perijodu ta’ għoxrin sena u li tipprevedi li waħda mill-kriterji sabiex tingħata din il-konċessjoni hija l-esperjenza ta’ trasport fl-imsemmija daħla,

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport staġonali mal-gżejjer jew is-servizzi ta’ trasport regolari bejn il-portijiet kontinentali jkunu suġġetti għal obbbligi ta' servizz pubbliku,

–       li tippermetti li tiġi stabbilita sistema iżjed restrittiva minn dik li kienet applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7), f’dan il-każ is-sistema adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 1984,

–       li ma kienet is-suġġett ta’ ebda konsultazzjoni mal-Kummissjoni qabel ma ġiet adottata,

ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 1, 4, 7 u 9 tar-Regolament Nru 3577/92 u naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dan ir-Regolament u skond it-Trattat KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

2       L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49) jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu [p]provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi."

3       L-Artikolu 62 tat-Trattat KE (abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam) kien jgħid li:

"L-Istati Membri m'għandhomx jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-fatt miksuba fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat preżenti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat."

4       Ir-Regolament Nru 3577/92 jipprevedi fl-Artikolu 1(1) tiegħu li:

"Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru[…]"

5       Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3577/92:

"Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.       "servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)" tfisser servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni u għandhom b’mod partikolari jinkludu:

(a)       kabotaġġ fl-art ewlenija: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija jew it-territorju prinċipali ta’ l-istess Stat Membru mingħajr waqfien fi gżejjer;

[…]

(ċ)       kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

-       portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru,

-       portijiet li jinstabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;

[…]"

6       L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3577/92 jgħid li:

"Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet [obbligi] ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer."

7       L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3577/92 jgħid kif ġej:

"1.      Bħala mezz ta’ deroga, is-servizzi ta’ trasport marittimu li ġejjin magħmula ġewwa l-Mediterran u madwar il-kosta ta’ Spanja, il-Portugall u Franza għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

–       servizzi ta’ vapuri tal-passiġġieri, sa l-1 ta’ Jannar 1995,

–       trasport ta’ oġġetti strateġiċi (żejt, prodotti taż-żejt u ilma tax-xorb) sa l-1 ta’ Jannar 1997,

–       servizzi minn vapuri iżgħar minn 650 gt, sa l-1 ta’ Jannar 1998,

–       servizzi regolari ta’ passiġġieri u servizzi tal-laneċ, sa l-1 ta’ Jannar 1999.

2.      Bħala deroga, kabotaġġ tal-gżejjer fil-Mediterran u kabotaġġ għar-rigward ta’ l-arċipelagi Kanarji, Ażores u Madejra, Ceuta u Melilla, il-gżejjer Franċiżi madwar il-kosta tal-Atlantiku u d-dipartimenti mbiegħda Franċiżi għandhom ikunu temporanjament eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Jannar 1999.

3.      Għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, id-deroga mogħtija fil-paragrafu 2 għandha tkun estiża għall-Greċja sa’ l-1 ta’ Jannar 2001 għal servizz regolari ta’ passiġġieri u servizzi ta’ laneċ ipprovduti minn vapuri ta’ anqas minn 650 gt."

8       L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92 jgħid li:

"L-Artikolu 62 tat-Trattat għandu japplika għall-materji koperti b’dan ir-Regolament."

9       Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3577/92:

"Qabel jadottaw liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni. Dawn għandhom jinfurmaw lil din ta’ l-aħħar bil-miżuri li jkunu ġew adottati."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     Fid-9 ta’ April 1999, il-Komunità Awtonoma ta' Galizja adottat il-liġi 4/1999 li tiddikjara l-ġarr pubbliku marittimu ta’ min jivvjaġġa fid-daħla ta’ Vigo bħala servizz pubbliku li jappartjeni lill-Gvern Reġjonali ta' Galizja (ley4/1999dedeclaración de servicio públicode titularidad de la Junta de Galicia del transporte público marítimode viajeros en la ría de Vigo,BOE Nru 118, tat-18 ta’ Mejju 1999, p. 18552, iktar ’il-quddiem il-"liġi 4/1999").

11     Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din il-liġi, l-amministrazzjoni reġjonali ta' Galizja indirettament tamministra s-servizzi tat-trasport marittimu ta’ min jivvjaġġa fid-daħla ta’ Vigo permezz ta' l-għoti ta’ konċessjoni amministrattiva ta’ għoxrin sena li tista’ tiġi mġedda għal perijodu massimu ta’ għaxar snin.

12     L-Artikolu 3 tal-liġi 4/1999 jipprevedi li din il-konċessjoni għandha tingħata permezz ta’ sejħa għal offerti pubblika u li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fost oħrajn, l-esperjenza akkwiżita fil-qasam ta’ trasport fid-daħla ta’ Vigo, il-kwalità tas-servizz, it-tariffi, l-impjieg ta' ħaddiema tat-trasport fid-daħla ta’ Vigo abbażi ta’ kriterji ta’ anzjanità u ta’ professjonalità kif ukoll il-garanziji ta’ preservazzjoni ta’ l-ambjent naturali tal-Gżejjer Cíes.

13     Is-sistema li kienet fis-seħħ qabel il-liġi 4/1999 kienet ġiet adottata permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 1984 bis-saħħa ta’ liema l-provvista ta’ servizzi regolari ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bejn Vigo u Cangas kif ukoll bejn Vigo u Moaña kienet suġġetta għal għoti ta’ awtorizzazzjoni għal perijodu ta’ għaxar snin li jista' jiġi mġedded.

 Il-proċedura prekontenzjuża

14     Wara li rċiviet numru ta’ lmenti, il-Kummissjoni, peress li kienet tikkunsidra li l-liġi 4/1999 ma kinitx konformi mar-Regolament Nru 3577/92, fid-19 ta’ Lulju 2000, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, li huwa wieġeb permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2000.

15     Peress illi l-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra l-ispjegazzjonijiet mogħtija f’din ir-risposta bħala suffiċjenti, fis-7 ta’ Mejju 2001, hija indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

16     Madankollu, peress illi l-awtoritajiet Spanjoli ma adottawx il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 3577/92, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92 għas-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa d-daħla ta’ Vigo

17     Qabel ma jiġu eżaminati l-erba’ ilmenti invokati mill-Kummissjoni u bbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’l-Artikoli 1, 4, 7 u 9 tar-Regolament Nru 3577/92, hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Gvern Spanjol skond liema r-rikors mhuwiex, f'kull każ, fondat, minħabba li dan ir-Regolament ma japplikax għas-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa d-daħla ta’ Vigo rregolati mil-liġi 4/1999.

18     Skond dan il-Gvern, "kabotaġġ marittimu" jfisser il-ġarr bil-baħar ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bejn il-portijiet. Issa, it-trasport marittimu ġewwa d-daħla ta’ Vigo ma jikkostitwixxi la ġarr bil-baħar u l-anqas ġarr bejn il-portijiet, skond it-tifsira li dawn il-kunċetti għandhom fil-kuntest tar-Regolament Nru 3577/92.

19     L-ewwel nett, f'dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ trasport bil-baħar, il-Gvern Spanjol isostni li l-leġiżlatur Komunitarju, meta rregolamenta t-trasport marittimu, intenda l-ibħra esterni u mhux l-ibħra interni. Issa, l-ibħra esterni jikkorrispondu għall-ibħra territorjali, kif definiti mit-trattati internazzjonali u, b’mod partikulari, mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-""Konvenzjoni ta’ Montego Bay"),li jiddistingwihom mill-ibħra interni, jiġifieri mill-ibħra li jinstabu lil hinn mill-linja bażi ta’ l-ibħra territorjali.

20     Barra minn hekk, skond l-imsemmi Gvern, ir-Regolament Nru 3577/92 huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-kabotaġġ huwa fl-istess ħin element essenzjali għas-sistema Komunitarja ta’ komunikazzjoni u huwa għodda neċessarja sabiex ikun stabbilit suq intern. Issa, b’differenza għan-navigazzjoni esterna jew fl-ibħra territorjali, in-navigazzjoni mwettqa kollha kemm hi fl-ibħra interni jkollha impatt ekonomiku u soċjali limitat ħafna li jeffettwa biss b'mod minimu l-għan li jkun stabbilit suq intern fil-kuntest Komunitarju.

21     It-tieni nett, il-Gvern Spanjol jsostni li n-navigazzjoni fid-daħla ta’ Vigo ma tikkostitwixxix navigazzjoni bejn il-portijiet peress li, minn naħa, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-imsemmija daħla, fit-totalità tagħha, tifforma parti miż-żona ta’ servizzi tal-port ta’ Vigo u min-naħa l-oħra, il-Gżejjer Cíes m’għandhomx port iżda biss moll intiż sabiex jiġu żbarkati l-vjaġġaturi, li l-possibbiltà ta’ rmiġġar miegħu hija limitata ħafna.

22     Fl-aħħar, l-imsemmi Gvern isostni li jirriżulta wkoll mid-definizzjoni tal-kunċetti ta’ żona tal-baħar u żona tal-port, li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE, tas-17 ta’ Marzu 1998, dwar ir-regoli u n-normi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 144, p. 1), li ż-żona ta’ port tkopri l-ibħra kollha tad-daħla ta' Vigo. Għaldaqstant, l-istess leġiżlazzjoni Komunitarja ma tikkunsidrax din iż-żona bħala żona tal-baħar.

23     Għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti trid tilħaq (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24     Minn dan isegwi li, sabiex jiġi interpretat il-kliem "ġarr bil-baħar […] bejn portijiet" li jifforma parti mid-definizzjonijiet ta’ kabotaġġ fl-art ewlenija u kabotaġġ tal-gżejjer li jinsabu fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 3577/92, għandu jiġi kkunsidrat l-għan tal-kabotaġġ, jiġifieri l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' kabotaġġ marittimu skond il-kundizzjonijiet u l-eċċezzjonijet li dan ir-Regolament jipprovdi (ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 19).

25     Issa, assimilazzjoni tal-kunċetti ta' baħar skond ir-Regolament Nru 3577/92 u ta’ ibħra territorjali skond il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tista’ tippreġudika dan l-imsemmi għan. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament għall-ibħra territorjali biss, skond din il-Konvenzjoni, tkun tali li teskludi l-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport marittimu potenzjalment importanti, intiża minn dan ir-Regolament, meta dawn ta’ l-aħħar jitwettqu lil hinn mil-linja bażi ta’ l-ibħra territorjali li l-Istati jistgħu jistabbilixxu, bis-saħħa ta' din il-Konvenzjoni, billi jagħlqu l-punti naturali ta’ dħul tal-bajjiet.

26     Għaldaqstant, mir-Regolament Nru 3577/92 ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju ried jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss għall-ibħra territorjali skond il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

27     Għaldaqstant, assimilazzjoni ta’ dan it-tip ma tistax tiġi aċċettata.

28     L-argument li n-navigazzjoni mwettqa f’daħla bħal dik ta’ Vigo teffettwa biss b’mod minimu l-għan li jkun stabbilit suq intern huwa wkoll bla rilevanza. Fil-fatt, ma teżisti ebda indikazzjoni fir-Regolament Nru 3577/92 li tippermetti li jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiddependi mill-effett li n-navigazzjoni f’żona determinata jkollha, f’termini ekonomiċi u soċjali, fuq l-istabbiliment ta' suq intern.

29     Isegwi li l-elementi invokati mill-Gvern Spanjol mhumiex tali li juru li daħla, jiġifieri wied ta' xmara li minnu jgħaddi l-baħar, bħal mhija dik ta’ Vigo, ma tiffurmax parti mill-baħar skond ir-Regolament Nru 3577/92.

30     Barra minn hekk, l-argument li s-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta' Vigo ma jitwettqux bejn portijiet, skond ir-Regolament Nru 3577/92, ma jistax lanqas jiġi milqugħ.

31     Fil-fatt, kuntrarjament għad-Direttiva 98/18 li, fl-Artikolu 2(p), tiddefinixxi ż-"żona ta’ port" bħala "żona apparti minn żona tal-baħar, kif definita mill-Istati Membri […]", ir-Regolament Nru 3577/92 ma jagħmel ebda referenza għad-dritt ta’ l-imsemmija Stati sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ port.

32     Issa, kemm minn neċessità li d-dritt Komunitarju jiġi applikat b'mod uniformi kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ l-imsemmi dritt Komunitarju li ma tagħmel ebda referenza b’mod dirett għad-dritt ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tingħata b'kunsiderazzjoni għall-kuntest tad-dispożizzjoni u għall-għan li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tkun trid tilħaq (is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Stadt Sundern, C-43/04, Ġabra p. I-4491, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     F’dan ir-rigward, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest tar-Regolament Nru 3577/92 u għall-għan li l-istess Regolament jrid jilħaq, jiġifieri l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' kabotaġġ marittimu, il-kunċett ta’ port intiż mill-imsemmi Regolament jinkludi l-infrastrutturi, anki dawk ta’ importanza minima, li l-funzjoni tagħhom hija li tippermetti l-imbarkazzjoni jew l-iżbarkazzjoni ta’ oġġetti jew ta’ persuni li jkunu nġarru bil-baħar. Għaldaqstant, l-infrastrutturi preżenti fil-Gżejjer Cíes għandhom jiġu kkunsidrati bħala portijiet skond ir-Regolament Nru 3577/92.

34     Barra minn hekk, l-interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ port skond dan ir-Regolament twassal li jiġi kkunsidrat li l-infrastrutturi preżenti fl-ibliet ta’ Vigo, ta’ Cangas u ta’ Moaña jikkorrispondu ma’ dan il-kunċett in kwantu kull waħda minn dawn il-bliet għandha infrastrutturi li jippermettu l-imbarkazzjoni jew l-iżbarkazzjoni ta’ persuni u t-tgħabija u l-ħatt ta’ oġġetti li jinġarru bil-baħar.

35     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li s-servizzi ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri fid-daħla ta’ Vigo, irregolati mill-liġi 4/1999 jikkostitwixxu servizzi ta’ trasport bil-baħar bejn portijiet skond ir-Regolament Nru 3577/92. Għaldaqstant, dan ir-Regolament huwa applikabbli għall-imsemmija servizzi.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92

36     Il-Kummissjoni ssostni li l-liġi 4/1999 tikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92 minn żewġ naħat: minn naħa, billi tirriżerva s-servizzi ta’ trasport marittimu tal-passiġġieri fid-daħla ta’ Vigo lil impriża waħda permezz ta' l-għoti ta’ konċessjoni amministrattiva ta’ għoxrin sena u b'hekk twaqqaf l-aċċess għas-suq matul iż-żmien ta’ din il-konċessjoni; min-naħa l-oħra, billi tikkunsidra l-esperjenza akkwiżita fil-qasam tat-trasport fid-daħla ta’ Vigo bħala kriterju għall-għażla ta’ l-impriża konċessjonarja, liema kunsiderazzjoni tiffavorixxi l-operatur diġà stabbilit u twassal għal diskriminazzjoni fir-rigward ta’ operaturi ta' Stati Membri oħra.

37     Il-Gvern Spanjol joġġezzjona li s-sistema ta’ konċessjoni għat-trasport marittimu ta’ passiġġieri fid-daħla ta' Vigo hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38     L-ewwel nett, dan il-Gvern isostni li s-servizz marittimu li jmur lejn il-Gżejjer Cíes, li huwa l-uniku konnessjoni possibbli ma’ dawn il-gżejjer, għandu jkun limitat għal raġunijiet ekoloġiċi. Fil-fatt, in-numru ta’ persuni li huma kwotidjanament awtorizzati jżuru l-imsemmija gżejjer huwa limitat u l-uniku mod raġonevoli sabiex din in-neċessità tiġi rrispettata huwa li n-numru ta’ vjaġġaturi li jimbarkaw għal din id-destinazzjoni jiġi kkontrollat. Ma' dan tiżdied il-kapaċità limitata tal-moll installat f’dawn il-gżejjer, li ma jistax isostni traffiku marittimu qawwi.

39     It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-konnessjoni marittima bejn l-ibliet ta’ Vigo, ta’ Cangas u ta’ Moaña, dan il-mezz ta’ trasport huwa, skond il-Gvern Spanjol, l-iżjed wieħed dirett, l-iżjed sempliċi, l-iżjed mgħaġġel u l-iżjed ekonomiku. It-tneħħija eventwali ta’ dan is-servizz ikollha riperkussjonijiet serji fuq l-organizzazzjoni tat-traffiku fiż-żona ġeografika ta’ Vigo u fil-peniżola ta’ Morazzo, u twassal għal diffikultajiet fir-rigward ta’ l-użu eċċessiv u ingombranti ta’ infrastrutturi tat-trasport ta’ l-art. Issa, is-servizzi marbuta ma’ din il-konnessjoni jkunu neqsin u jkollhom, għaldaqstant, vijabbiltà ekonomika inċerta jew baxxa. Għaldaqstant, il-liberalizzazzjoni totali ta’ dawn is-servizzi probabbilment twassal għat-tmiem tal-linja Vigo-Cangas-Moaña jew għall-abbuż tagħha b'kundizzjonijiet ta’ sigurtà, ta’ regolarità u ta' tariffi insoddisfaċenti.

40     It-tielet nett, il-Gvern Spanjol isostni li t-traffiku marittimu fid-daħla ta’ Vigo għandu jiġi kkontrollat u l-volum tiegħu limitat. Fil-fatt, dan jirrigwarda spazju ġeografiku definit li fih għandhom jikkoeżistu attivitajiet differenti, li xi wħud minnhom, bħas-sajd tal-frott tal-baħar permezz ta' barkuni jew ta' mezzi li joqgħodu f’wiċċ l-ilma, jimplikaw ovvjament limitazzjonijiet fit-traffiku marittimu.

41     Ir-raba’ nett, skond l-imsemmi Gvern, id-dewmien tal-konċessjoni jista’ jiġi ġġustifikat mill-bżonn li jiġu ammortizzati investimenti kbar.

42     Fl-aħħar nett, f'dak li jikkonċerna l-kriterju għall-għażla ta’ l-impriża aġġudikatriċi b’rabta ma’ l-esperjenza akkwiżita fil-qasam tat-trasport marittimu fid-daħla ta' Vigo, il-Gvern Spanjol isostni li dan il-kriterju ma kienx deċiżiv sabiex tingħata l-konċessjoni u l-anqas ma jwassal għaż-żamma ta' l-impriża li kienet diġà topera fl-imsemmija daħla. Barra minn hekk, dan il-Gvern isemmi, fil-kontroreplika tiegħu, li dan il-kriterju kien ġie mneħħi għal kollox permezz ta’ liġi tat-23 ta’ Diċembru 2003.

43     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92 jistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu fil-Komunità (is-sentenza Analir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u s-sentenza tal- 21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, C-288/02, Ġabra p. I-10071, punt 29).

44     Issa, dispożizzjoni nazzjonali li tirriżerva s-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta' Vigo lil impriża waħda permezz ta’ konċessjoni amministrattiva ta’ għoxrin sena li tista’ tiġi mġedda għal perijodu ta’ għaxar snin hija ta’ natura li xxekkel jew li saħansitra tipprojbixxi l-provista ta’ dawn is-servizzi minn impriżi li jinsabu fi Stati Membri oħra u għaldaqstant tikkostitwixxi restrizzjoni għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-istess japplika għall-kriterju ta’ l-għażla relatat ma' l-esperjenza akkwiżita fil-qasam tat-trasport marittimu fid-daħla ta' Vigo (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Analir et, punt 22, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, punt 30).

45     F'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta' l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu prinċipju fundamentali tat-Trattat, tista' tiġi limitata biss minn leġiżlazzjoni ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali applikabbli għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għandha tkun tali li tiggarantixxi li l-għan li jkun irid jintlaħaq jiġi milħuq u ma teċċeddix dak li hu neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Analir et, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 32). Madankollu, dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

46     Fil-fatt, f'dak li jikkonċerna l-Gżejjer Cíes, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, miżuri inqas restrittivi mill-imsemmija konċessjoni, bħall-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ riżervazzjoni u ta’ bejgħ tad-dħul disponibbli, jistgħu jiġu adottati sabiex it-traffiku lejn dawn il-gżejjer jiġi adattat ma’ l-eżiġenzi ambjentali kif ukoll mal-problema ta’ kapaċitajiet limitati tal-moll li jsemmi l-Gvern Spanjol.

47     Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-eżiġenzi marbuta ma’ l-organizzazzjoni tat-traffiku fiż-żona ġeografika ta’ Vigo u tal-peniżola ta’ Morrazo, hemm lok li jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Gvern Spanjol ma weriex li s-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn ix-xtut tad-daħla ta’ Vigo, li, skond l-informazzjoni msemmija fil-kontro-replika tiegħu, jikkonċernaw 1.3 miljun passiġġier fis-sena, għandhom, taħt il-piena li ma jiġġenerawx iżjed profitti u li jisparixxu, ikunu suġġetti għal konċessjoni mogħtija lil operatur wieħed għal perijodu ta' għoxrin sena, li jista’ jiġi mtawwal għal tletin sena.

48     Barra minn hekk, dan il-Gvern lanqas ma wera’ li l-intensità tat-traffiku marittimu fid-daħla ta’ Vigo twassal għal diffikultajiet li ma jistgħux jiġu indirizzati mod ieħor ħlief bl-adozzjoni ta’ miżura restrittiva daqs l-imsemmija konċessjoni u lanqas li, anki jekk jinħtieġu investimenti kbar sabiex jinżammu l-konnessjonijiet marittimi kkonċernati, dawn jistgħu jiġu ammortiti biss fuq perijodu ta’ għoxrin jekk mhux ta' tletin sena.

49     Fl-aħħar, f'dak li jikkonċerna l-kriterju ta’ għażla relatat ma' l-esperjenza akkwiżita fil-qasam tat-trasport fid-daħla ta' Vigo, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Gvern Spanjol ma jinvokax raġunijiet imperattivi sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni li tirriżulta minn dan il-kriterju.

50     Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmi kriterju ma kienx deċiżiv għall-għoti tal-konċessjoni mhuwiex rilevanti peress li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu mhijiex marbuta mad-dannu li jista’ jirriżulta (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C-175/97, Ġabra p. I-963, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51     It-tneħħija ta’ l-imsemmi kriterju permezz ta' liġi datata t-23 ta’ Diċembru 2003, hija wkoll mingħajr ebda relevanza. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru in kwistjoni meta jiskadi t-terminu ta' żmien stabbilit fl-opinjoni motivata, b'tali mod li t-tibdil li jseħħ wara ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, CV-209/02, Ġabra p. I-1211, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92

53     Skond il-Kummissjoni, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 jirriżulta li Stat Membru jista' jikkonkludi kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ kumpanniji ta’ navigazzjoni jew jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku fuq tali kumpanniji biss jekk dawn jipparteċipaw f'servizzi regolari lejn u minn gżejjer kif ukoll bejn gżejjer.

54     Issa, is-servizzi ta’ trasport fid-daħla ta’ Vigo mhumiex servizzi regolari ta’ trasport ma' jew bejn gżejjer. Fil-fatt, minn naħa, is-servizzi regolari, bħal dawk tal-linji Vigo-Cangas u Vigo-Moaña, mhumiex servizzi bejn il-gżejjer u, min-naħa l-oħra, is-servizzi lejn il-Gżejjer Cíes mhumiex regolari, iżda staġonali u ta’ tip turistiku.

55     Il-Gvern Spanjol isostni li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 jista’ madankollu japplika għall-każ in kwistjoni.

56     Fil-fatt, skond l-imsemmi Gvern, il-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta’ servizz pubbliku għal dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport marittimu ma' jew bejn gżejjer jew li dawn is-servizzi jkunu sġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku hija bbażata fuq il-fatt li, fit-tali ipoteżi, f'dak li jikkonċerna ż-żona kkonċernata, dan huwa l-uniku mezz sabiex tiġi stabbilita konnessjoni bejn il-gżejjer jew bejn il-gżejjer u l-art ewlenija. Għalhekk hemm lok li tiġi applikata sistema identika jew komparabbli ma’ dik prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 għall-konnessjonijiet marittimi ġewwa daħla peress illi l-konnessjonijiet eżistenti mill-art ewlenija huma ħafna iżjed diffiċli.

57     Il-Kummissjoni tammetti li l-Artikolu 4 jista b’mod eċċezzjonali japplika għal servizzi ta’ trasport marittimu oħrajn li mhumiex dawk ma' jew bejn gżejjer, partikolarment fil-każ ta’ daħla jew ta’ fjord fejn konnessjoni mill-art hija tant twila jew diffiċli li ma tikkostitwix alternattiva realistika għall-konnessjoni bil-baħar. Hija ssostni madankollu li f’dan il-każ ma teżistix tali sitwazzjoni eċċezzjonali.

58     F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed kellu jissoponi li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3577/92 jista’ japplika, b’mod eċċezzjonali, għal ċerti servizzi ta’ trasport marittimu barra dawk ma' jew bejn gżejjer, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ibliet ta’ Vigo, ta’ Cangas u ta’ Moaña għandhom ukoll, minbarra l-konnessjonijiet bil-baħar, rotta mill-art li hija konnessa b’mod dirett u li tagħmilhom faċilment aċċessibbli. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-servizzi ta’ trasport marittimu regolari bejn dawn l-ibliet, ma jistgħux f’kull każ jiġu mqabbla ma' servizzi ta’ trasport marittimu ma' jew bejn gżejjer.

59     F'dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport marittimu lejn u mill-Gżejjer Cíes, il-Gvern Spanjol ma jikkontestax il-fatt li dawn mhumiex servizzi regolari.

60     Minn dan jirriżulta li t-tieni lment huwa fondat.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92

61     Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92 jipprojbixxi lill-Istati Membri jadottaw sistemi iżjed restrittivi minn dawk li kienu applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1993. Issa, is-sistema eżistenti qabel l-adozzjoni tal-liġi 4/1999 kienet inqas restrittiva minn dik li ġiet adottata bl-imsemmija liġi.

62     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjoni li immedjatament tippreċedih. Filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi Regolament jippermetti lill-Istati Membri, f’ċerti każijiet speċifiċi, iżommu restrizzjonijiet eżistenti, wara l-1 ta’ Jannar 1993 u għal perijodu li jiskadi l-iżjed tard fl-1 ta’ Jannar 2004, l-Artikolu 7 jipprevedi, essenzjalment, li dawn l-Istati ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda b’konnessjoni mas-sitwazzjoni eżistenti. Iż-żewġ dispożizzjonijiet konsegwentement jikkompletaw, u jikkostitwixxu fil-verità, iż-żewġ naħat ta’ sistema ta’ liberalizzazzjoni gradwali.

63     Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3577/92 hija kkoroborata mill-fatt li l-abrogazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat KE mit-Trattat ta’ Amsterdam, għal liema jirreferi l-Artikolu 7, li jipprevedi projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għal dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ikkoinċidiet mat-tneħħija, fit-test ta’ l-Artikolu 49(1), KE, tar-referenza għat-tneħħija progressiva, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġewwa l-Komunità.

64     Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92 għandu sens biss fil-kuntest ta’ liberalizzazzjoni gradwali tas-servizzi li dan ir-Regolament irid jilħaq.

65     Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja naqasx milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/92 minħabba l-adozzjoni tal-liġi 4/1999 mill-Komunità Awtonoma ta' Gallizja titqajjem biss jekk is-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta’ Vigo kienu koperti mill-Artikolu 6 ta’ l-istess Regolament fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

66     Peress li dan ma kienx il-każ, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3577/92

67     Il-Kummissjoni ssostni li l-liġi 4/1999 ma kienet is-suġġett ta’ l-ebda konsultazzjoni qabel ma ġiet adottata, bi ksur ta’ l-obbligu previst mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3577/92.

68     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond dan l-Artikolu 9, "[q]abel jadottaw liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fl-implimentazzjoni ta[r] […] Regolament, Stati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni".

69     Peress li l-liġi 4/1999 tikkostitwixxi tali dispożizzjoni u l-Gvern Spanjol ma jikkontestax li l-Kummissjoni ma kinitx ġiet ikkonsultata fir-rigward ta’ din il-liġi, ir-raba’ lment huwa fondat.

70     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni:

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta’ Vigo jingħataw lil operatur wieħed għal perijodu ta’ għoxrin sena’ u li tipprevedi li waħda mill-kriterji sabiex tingħata din il-konċessjoni hija l-esperjenza ta’ trasport akkwiżita fl-imsemmija daħla ta’ Vigo,

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport staġonali mal-gżejjer jew is-servizzi ta’ trasport regolari bejn il-portijiet kontinentali jkunu suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku,

–       li ma kienet is-suġġett ta’ ebda konsultazzjoni mal-Kummissjoni qabel ma ġiet adottata,

ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 1, 4, 7 u 9 tar-Regolament Nru 3577/92 u naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dan ir-Regolament.

 Fuq l-ispejjeż

71     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi żamm fis-seħħ leġiżlazzjoni:

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport marittimu fid-daħla ta’ Vigo jingħataw lil operatur wieħed għal perijodu ta’ għoxrin sena’ u li tipprevedi li waħda mill-kriterji sabiex tingħata din il-konċesjoni hija l-esperjenza ta’ trasport akkwiżita fl-imsemmija daħla ta’ Vigo;

–       li tippermetti li s-servizzi ta’ trasport staġonali mal-gżejjer jew is-servizzi ta’ trasport regolari bejn il-portijiet kontinentali jkunu suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku,

–       li ma kienet is-suġġett ta’ ebda konsultazzjoni mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qabel ma ġiet adottata,

ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikoli 1, 4, 7 u 9 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), u naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond dan ir-Regolament.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Haut