EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0037

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2005.
BioID AG, en liquidation vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-37/03 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:547

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

15 ta' Settembru 2005 (*)

«Appell – Trademark Komunitarja – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Trademark verbali u figurattiva – BioID – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Trademark li mhijiex ta' karattru distintiv»

Fil-kawża C-37/03 P

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-3 ta' Frar 2003,

BioID AG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), fi proċedura ta' stralċ mill-qorti, irrappreżentata minn A. Nordemann, Rechtsanwalt,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.‑P. Puissochet, S. von Bahr, J. Malenovský u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Jannar 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-kumpannija BioID AG qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Diċembru 2002, BioID vs UASI (BioID) (T-91/01, Ġabra p. II-5159, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (iktar 'il quddiem l-"UASI"), ta' l-20 ta' Frar 2001 (kawża R 538/1992-2) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni appellata"), li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' trademark kumplessa li fiha l-akronimu "BioID" bħala trademark Komunitarja.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1):

"Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra."

3       L-Artikolu 7 ta' l-istess Regolament jipprovdi li:

"1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)         trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[...]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4       Fit-8 ta' Lulju 1998, ir-rikorrenti, li kienet qiegħda taġixxi bl-isem preċedenti tagħha, jiġifieri D.C.S. Dialog Communication Systems AG, talbet lill-UASI jirreġistra bħala trademark Komunitarja trademark kumplessa (iktar 'il quddiem it-"trademark li għaliha saret l-applikazzjoni"), ikkostitwita mis-sinjal riprodott hawn taħt:

Image not found Image not found

5       Il-prodotti u servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija trademark jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 38 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Huma jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti, li tidher fl-applikazzjoni għat-trademark:

–       Klassi 9: "softwer, ħardwer u partijiet tagħhom, apparati ottiċi, akustiċi u elettroniċi u partijiet tagħhom, il-prodotti kollha msemmija qabel b'mod partikulari dawk għal u relatati mal-kontroll ta' awtorizzazzjonijiet ta' aċċess, għal komunikazzjoni bejn kompjuters u għall-identifikazzjoni u/jew l-verifika kompjuterizzata ta' persuni ħajjin ibbażata fuq waħda jew iktar karatteristiċi bijometriċi speċifiċi";

–       Klassi 38: "servizzi ta' telekomunikazzjonijiet; servizzi ta' sigurtà relatati mal-komunikazzjoni bejn kompjuters, l-aċċess għal bażi ta' data [databases], il-ħlasijiet elettroniċi, il-verifika ta' awtorizzazzjonijiet ta' aċċess u l-identifikazzjoni u/jew il-verifika kompjuterizzata ta' persuni ħajjin ibbażata fuq waħda jew iktar karatteristiċi bijometriċi speċifiċi";

–       Klassi 42: "il-provvista ta' softwer permezz ta' l-Internet u netwerkijiet oħrajn ta' komunikazzjoni, il-manutenzjoni on-line ta' programmi għall-kompjuter, ipprogrammar għall-kompjuter, is-servizzi kollha msemmija qabel b'mod partikulari dawk għal u relatati mal-kontroll ta' awtorizzazzjonijiet ta' aċċess, għal komunikazzjoni bejn kompjuters u għall-identifikazzjoni u/jew l-verifika kompjuterizzata ta' persuni ħajjin ibbażata fuq waħda jew iktar karatteristiċi bijometriċi speċifiċi; żvilupp tekniku ta' sistemi għall-kontroll ta' awtorizzazzjonijiet ta' aċċess, għal komunikazzjoni bejn kompjuters u għall-identifikazzjoni u/jew il-verifika kompjuterizzata ta' persuni ħajjin ibbażata fuq waħda jew iktar karatteristiċi bijometriċi speċifiċi".

6       Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 1999, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni minħabba li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddeskrivi prodotti kkonċernati u kienet nieqsa minn kull karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni.

7       Fid-deċiżjoni appellata, it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-imsemmi rikors minħabba li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 ma jippermettux ir-reġistrazzjoni tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni peress li, meta tinqara fl-intier tagħha, din it-trademark tikkostitwixxi taqsira tal-kliem "biometric identification" (identifikazzjoni bijometrika) u, għaldaqstant, tindika karatteristiċi ta' prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni. Huwa wasal għall-konklużjoni wkoll li l-elementi grafiċi mhumiex ta' natura li jagħtu karattru distintiv lit-trademark skond l-imsemmi Artikolu 7(1)(b).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

8       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' April 2001, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni appellata. Hija qajmet żewġ raġunijiet ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta' l-Artikoli 7(1)(b) u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

9       Sabiex tiċħad ir-rikors li fuqu kellha tiddeċiedi, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret l-ewwel nett, fil-punt 23 tas-sentenza kkontestata, li:

"Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, it-trademarks koperti mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma, b'mod partikulari, dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma użati komunement fil-kummerċ fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta' prodotti jew ta' servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, għall-inqas, indizji konkreti li jippermettu li jiġi ddeterminat liema minn dawn huma suxxettibbli li jintużaw b'dan il-mod. Barra minn hekk, tali trademarks ma jagħtux il-possibbiltà lill-pubbliku rilevanti li jerġa' jixtri l-istess ħaġa f'każ li jkun sodisfatt jew inkella li jevita milli jerġa' jixtriha f'każ li ma jkunx sodisfatt, meta jinxtraw prodotti jew servizzi ulterjuri in kwistjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Rewe Zentral vs l-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 26]."

10     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 25 tas-sentenza kkontestata, li l-pubbliku rilevanti huwa, f'kull każ, infurmat fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi in kwistjoni.

11     Fil-punt 27 ta' l-imsemmija sentenza, Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ukoll u b'mod partikulari li peress it-trademark fiha diversi elementi u sabiex il-karattru distintiv tagħha jiġi evalwat, għandha tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha mingħajr li dan ma jkun inkompatibbli ma' eżamijiet suċċessivi ta' l-elementi varji li jiffurmaw t-trademark.

12     L-ewwel nett, fir-rigward tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza semmiet, fil-punt 28 ta' l-istess sentenza, li, bil-lingwa Ingliża, l-element "ID" jikkostitwixxi taqsira kurrenti tas-sostantiv "identification" u, f'dak li jirrigwarda l-prefiss "Bio", li dan jista' jikkostitwixxi kemm taqsira ta' aġġettiv ["biological" (bijoloġiku) jew "biometrical" (bijometriku)], kif ukoll taqsira ta' sostantiv ["biology" (bijoloġija)]. Ikkonstatat, fil-punt 29 ta' l-imsemmija sentenza, li, fid-dawl tal-prodotti u s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għat-trademark, il-pubbliku rilevanti jifhem l-akronimu BioID fis-sens ta' "biometrical identification" (identifikazzjoni bijometrika).

13     It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni ta' l-imsemmija trademark, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet min-naħa, fil-punti 30 sa 32 tas-sentenza kkontestata u f'dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 9, li l-identifikazzjoni bijometrika ta' persuni ħajjin timplika jew aħjar titlob l-użu ta' l-imsemmija prodotti u, min-naħa l-oħra, f'dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 38 u 42, li, safejn dawn is-servizzi jiġu effettwati permezz ta' identifikazzjoni bijometrika jew bl-għan li jiġu żviluppati sistemi għal dawn l-identifikazzjonijiet, l-akronimu BioID jirreferi direttament għal waħda mill-kwalitajiet tagħhom, li jista' jammonta għal fattur ta' evalwazzjoni meta l-pubbliku rilevanti jiġi biex jagħżel dawn is-servizzi.

14     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ssostni, fil-punt 34 ta' l-imsemmija sentenza, li l-akronimu BioID jaf ikun, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, użat komunement fil-kummerċ sabiex jiġu ppreżentati prodotti u servizzi li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-applikazzjoni għall-imsemmija trademark. Għaldaqstant, din hija nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jirrigwarda dawn il-kategoriji ta' prodotti u servizzi.

15     Fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrimarkat li l-elementi figurattivi tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, magħmula minn karattri bit-tipa Arial kif ukoll minn karattri ta' ħxuna differenti, huma użati komunement fil-kummerċ sabiex jiġi ppreżentat kull tip ta' prodott u servizz u, għalhekk, huma nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jirrigwarda l-kategoriji ta' prodotti u servizzi kkonċernati.

16     Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-punt "■", il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fil-punti 38 sa 40 ta' l-imsemmija sentenza li r-rikorrenti stess iddikjarat li dan l-element huwa użat komunement bħala l-aħħar element fost ħafna elementi ta' trademark verbali li jindika li l-kelma hija taqsira u li, fir-rigward tas-sinjal "®", il-funzjoni ta' dan hija biss li jindika li t-trademark in kwistjoni ġiet irreġistrata għal territorju speċifiku u li, fin-nuqqas ta' tali registrazzjoni, l-użu ta' dan l-element grafiku jkun ta' natura li jġiegħel il-pubbliku jiżbalja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni li l-imsemmija elementi grafiċi jistgħu jiġu użati fil-kummerċ sabiex jiġi ppreżentat kull tip ta' prodott u servizz u li għalhekk huma nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jirrigwarda dawn il-prodotti u servizzi.

17     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 41 ta' l-istess sentenza, u wara li ħadet in kunsiderazzjoni kull element li jifforma t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija magħmula minn taħlita ta' elementi fejn kull wieħed minn dawn l-elementi, li jista' jiġi użat fil-kummerċ sabiex jiġu ppreżentati prodott u servizzi li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-applikazzjoni għall-imsemmija trademark, huwa nieqes minn karattru distintiv f'dak li jikkonċerna dawn il-prodotti u servizzi.

18     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza kkontestata, li, peress li ma rriżultax li kienu jeżistu indizji konkreti, b'mod partikulari l-mod kif id-diversi elementi huma magħquda flimkien, li jindikaw li t-trademark kumplessa li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tirrappreżenta iktar mit-totalità ta' l-elementi li jiffurmawha, l-imsemmija trademark hija nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

19     Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-eżistenza ta' trademarks Komunitarji oħrajn li huma rreġistrati, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li fakkret fil-punt 47 ta' l-imsemmija sentenza li raġunijiet fattwali jew ta' dritt imsemmija f'deċiżjoni preċedenti ta' l-UASI jistgħu jikkostitwixxu argumenti għas-sostenn ta' raġuni bbażata fuq il-ksur ta' dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, sostniet madankollu li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma invokatx raġunijiet li jissemmew f'deċiżjonijiet oħrajn li jistgħu jqajmu dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet mogħtija fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

20     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni, fil-punti 49 u 50 ta' l-istess sentenza, li r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kellha tiġi miċħuda u li ma kienx neċessarju li teżamina r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) ta' l-imsemmi Regolament.

 Fuq l-appell

21     Permezz ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġuistizzja tannulla s-sentenza kkontestata, tannulla d-deċiżjoni appellata u tikkundanna l-UASI jħallas l-ispejjeż.

22     L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

23     Ir-rikorrenti tressaq żewġ raġunijiet għas-sostenn ta' l-appell tagħha. Permezz ta' l-ewwel raġuni, hija tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat u b'mod wiesa' wisq ir-raġuni assoluta għal rifjut ta' trademark li hija nieqsa minn karattru distintiv kif previst fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tat-tieni raġuni, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, li kieku interpretat b'mod korrett din l-aħħar dispożizzjoni ta' l-imsemmi regolament, wettqet żball fid-dritt meta ma eżaminatx it-tieni raġuni mressqa fl-ewwel istanza, ibbażata fuq ksur ta' l-imsemmi Regolament.

 Fuq l-ewwel raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

24     Din ir-raġuni hija maqsuma f'erba' kontestazzjonijiet.

 Fuq l-ewwel kontestazzjoni, dwar it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-impressjoni kumplessiva mogħtija mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni

25     Permezz ta' din il-kontestazzjoni, ir-rikorrenti timputa lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma bbażatx ruħha, fl-evalwazzjoni tal-kapaċità tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni li jkollha karattru distintiv, fuq il-kriterju ta' l-effett li għandha l-imsemmija trademark fl-intier tagħha fuq il-pubbliku rilevanti. Skond hi, għalkemm il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat kull wieħed mill-elementi figurattivi u grafiċi differenti ta' din it-trademark u waslet għal konklużjonijiet minn dan l-eżami, hija ma analizzatx verament l-impressjoni kumplessiva.

26     Skond l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat fl-intier tagħha t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, anki jekk hija sostniet korrettament li dan ma jeskludix il-possibbiltà li tibda b'analiżi ta' kull wieħed mill-komponenti tagħha. L-UASI, li wettaq hu stess dan l-analiżi, ikkonkluda li l-impressjoni globali ta' kull wieħed mill-elementi tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet waħda ta' trademark li mhijiex distintiva.

27     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-funzjoni essenzjali tat-trademark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur, jew lill-persuna aħħarija li tuża l-prodott jew s-servizz, l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trademark, u li tippermettilu li jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti (ara, b'mod partikulari, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 1978, Hoffmann La Roche, 102/77, Ġabra p. 1139, punt 7, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 30). Fil-fatt, l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu l-għan li jimpedixxi r-reġistrazzjoni ta' trademarks li huma nieqsa minn karattru distintiv li, waħdu, jirrendi t-trademarks adattati sabiex jissodisfaw din il-funzjoni essenzjali (ara s-sentenza tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs l-UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 23).

28     It-tieni nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk sinjal għandux karattru li jippermetti li jiġi rreġistrat bħala trademark, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-perspettiva tal-pubbliku rilevanti.

29     It-tielet nett, billi hija trademark kumplessa, bħal dik li hija s-suġġett ta' din l-kawża preżenti, karattru distintiv eventwali jista' jiġi eżaminat, parzjalment, għal kull wieħed mill-kliem jew mill-elementi tat-trademark, ikkunsidrati separatament, iżda f'kull każ irid ikun ibbażat fuq il-perċezzjoni globali ta' din it-trademark mill-pubbliku rilevanti u mhux fuq is-suppożizzjoni li elementi waħedhom li huma nieqsa minn karattru distintiv ma jistgħux jkollhom tali karattru ladarba jingħaqdu ma' elementi oħra (ara s-sentenza SAT.1 vs l-UASI, ċitata iktar 'il fuq, punt 35). Fil-fatt, iċ-ċirkustanza waħedha li kull wieħed minn dawn l-elementi, ikkunsidrati separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv ma teskludix li l-għaqda li jiffurmaw ma tistax ikollha tali karattru (ara, b'analoġija, is-sentenzi tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punti 99 u 100; Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punti 40 u 41, kif ukoll SAT.1 vs l-UASI, ċitata iktar 'il fuq, punt 28).

30     Fil-kawża li wasslet għas-sentenza SAT.1 vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, dwar ir-reġistrazzjoni bħala trademark Komunitarja tas-sintamma SAT.2, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2002 SAT.1 vs l-UASI (SAT.2) (T-323/00, Ġabra p. II-2839) minħabba li din ta' l-aħħar, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta' reġistrazzjoni tas-sintamma, ibbażat ruħha fuq is-suppożizzjoni li elementi waħedhom li huma nieqsa minn karattru distintiv ma jistgħux jkollhom tali karattru ladarba jingħaqdu ma' elementi oħra. Il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat għalhekk l-impressjoni sħiħa mogħtija mill-imsemmija sintamma biss sussidjarjament, mingħajr ma tagħti importanza lil ċertu informazzjoni, bħal l-eżistenza ta' element ta' fantasija, li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni f'dik l-analiżi.

31     Fil-punt 27 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ġustament li, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' trademark kumplessa, il-fatt li din it-trademark tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha mhuwiex inkompatibbli ma' l-eżamijiet suċċessivi ta' elementi differenti li jiffurmaw it-trademark.

32     Huwa minnu li fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li rat li l-elementi differenti tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni m'għandomx karattru distintiv, osservat li kellu jiġi preżunt li din kienet nieqsa minn tali karattru.

33     Madankollu, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza SAT.1 vs l-UASI (SAT.2), iċċitata iktar 'il fuq, din l-osservazzjoni ma effettwatx, fil-kawża preżenti, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq dan il-punt peress li din ma llimitatx ruħha li teżamina b'mod sussidjarju l-impressjoni mogħtija mit-trademark sħiħa li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda ddedikat parti tar-raġunament sabiex tevalwa, billi hija trademark kumplessa, il-karattru distintiv tas-sinjal sħiħ.

34     Fil-fatt, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li, peress ma rriżultax li jeżistu indizji konkreti, b'mod partikulari l-mod kif id-diversi elementi huma magħquda flimkien, li jindikaw li trademark kumplessa, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tirrappreżenta iktar mit-totalità ta' l-elementi li jiffurmawha, tali trademark hija nieqsa minn karattru distintiv f'dak li jirrigwarda l-prodotti u servizzi kkonċernati.

35     Barra minn hekk, fil-punti 43 u 44 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet riferenza, fl-analiżi dettaljata tagħha, min-naħa, għal elementi tipografiċi deskritti fil-punt 37 ta' l-istess sentenza, u, min-naħa l-oħra, għal elementi grafiċi msemmija fil-punti 38 u 39 ta' dik is-sentenza. Permezz ta' dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza inkorporat l-imsemmija analiżi fl-eżami li hija wettqet ta' l-impressjoni mogħtija mit-trademark sħiħa li għaliha saret l-applikazzjoni bl-għan li tiddetermina jekk din għandhiex karattru li jippermettiha li tiġi rreġistrata bħala trademark.

36     Fl-aħħarnett, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li l-istruttura tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tippermettix li tiġi eskluża l-konklużjoni li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkunsidrata fl-intier tagħha, hija nieqsa minn karattru distintiv.

37     Din il-motivazzjoni mhijiex vizjata bi żball fid-dritt, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza vverifikat jekk l-imsemmija trademark, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kellhiex jew le karattru distintiv.

38     Jirriżulta li l-ewwel kontestazzjoni ta' l-ewwel raġuni hija bla bażi u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni kontestazzjoni, dwar il-prova li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet użata effettivament mill-pubbliku jew mill-kompetituri

39     Permezz ta' din il-kontestazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, meta jiġi kkunsidrat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li ma setax jiġi muri li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet użata effettivament mill-pubbliku jew mill-kompetituri, li ma kinitx f'dizzjunarju u li, għalkemm riċerka fuq l-internet tal-kliem "biometrical identification" tirriżulta f'19 075 riżultat, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ntużat biss fil-pubblikazzjonijiet tar-rikorrenti dwar "biometric identification".

40     L-UASI jsostni li l-evalwazzjoni konkreta ta' l-impatt ta' trademark fuq il-konsumatur, iddefinita b'mod ċar b'relazzjoni mal-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi osservazzjoni fattwali li mhijiex eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief meta jsir ilment li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin il-fatti. Peress li r-rikorrenti ma semmiet ebda element li jista' jinvalida l-osservazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq dan il-punt, din il-kontestazzjoni hija inammissibbli.

41     F'dak li jirrigwarda l-prova li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet użata effettivament mill-pubbliku jew mill-kompetituri, huwa biżżejjed li jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-ipoteżi li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija użata komunement mill-pubbliku jew mill-kompetituri hija fattur rilevanti fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament 40/94, iżda mhux fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(b) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Ottubru 2004, l-UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 u 46).

42     It-tieni nett, l-evalwazzjoni konkreta ta' l-impatt ta' trademark fuq il-konsumatur, iddefinita b'mod ċar b'relazzjoni mal-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi osservazzjoni fattwali. Għaldaqstant, fir-realtà, r-rikorrenti qegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma' dik imwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

43     Jirriżulta mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kompetenti sabiex tevalwa u tagħmel ossrvazzjonijiet fuq il-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-elementi ta' prova. Għalhekk, ħlief f'każ ta' interpretazzjoni ħażina, l-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u l-elementi ta' prova ma tikkostitwixxix punt ta' dritt li huwa suġġett għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22; tat-2 ta' Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 20, u tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs l-UASI, C-136/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

44     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni kontestazzjoni ta' l-ewwel raġuni hija parzjalment bla bażi u parzjalment inammissibbli u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet kontestazzjoni, dwar it-teħid in kunsiderazzjoni ta' trademarks oħra li huma rreġistrati bħala trademarks Komunitarji

45     Permezz ta' din il-kontestazzjoni, ir-rikorrenti qegħda tippretendi li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trademarks l-oħrajn irreġistrati mill-UASI bħala trademarks Komunitarji, inklużi mhux biss trademarks oħrajn ikkostitwiti mill-prefiss "Bio" u minn kliem deskrittiv ieħor, iżda wkoll it-trademark verbali Bioid, jikkostitwixxu indizji ta' karattru distintiv tat-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni.

46     L-UASI jsostni li, peress li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell mhumiex deċiżjonijiet li jaqgħu taħt setgħa diskrezzjonali iżda taħt kompetenza limitata, id-deċiżjonijiet preċedenti ma jistgħux ikunu kriterji ta' paragun. Il-lista tat-trademarks verbali li fihom l-element "Bio" u li ġew irrifjutati mill-UASI tkun twila daqs il-lista tat-trademarks li fihom dan l-element u li ġew irreġistrati. Ir-reġistrazzjonijiet komparabbli għandhom jiġu eżaminati skond il-każ, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni b'mod partikulari prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal. Barra minn hekk, l-UASI tenfasizza li t-trademark verbali "Bioid" ma tistax tiġi pparagunata mat-trademark figurattiva BioID. Is-separazzjoni figurattiva, li tidher ċara ukoll fuq livell grafiku, ta' "Bio" min-naħa u "ID" min-naħa l-oħra, turi biċ-ċar li huma żewġ elementi ta' trademark. Fil-każ tat-trademark verbali Bioid, dawn l-elementi ta' separazzjoni huma neqsin kompletament.

47     L-ewwel nett, f'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond ir-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trademark Komunitarja, id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Bordijiet ta' l-Appell jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità ta' deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandhom jiġu evalwati biss fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, kif interpretat mill-qorti nazzjonali, u mhux fuq il-bażi ta' prattika deċiżjonali preċedenti għalihom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs l-UASI (PAPERLAB, T-19/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

48     Barra minn hekk, il-karattru distintiv ta' trademark għandu jiġi evalwat, min-naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalhom intalbet ir-reġistrazzjoni u, mi-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

49     Jirriżulta li l-identiċità jew ix-xebh tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward ta' trademark Komunitarja oħra m'għandha ebda rilevanza meta, bħal fil-kawża preżenti, l-elementi fattwali u ta' dritt li ġew ippreżentati għas-sostenn ta' l-applikazzjoni ta' dik it-trademark l-oħra ma jiġux invokati mir-rikorrenti biex juru l-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

50     F'kull każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma rrifjutat li teżamina l-elementi ta' prova dwar il-prattika deċiżjonali ta' l-UASI.

51     Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li motivi fattwali jew ta' dritt li jissemmew f'deċiżjoni preċedenti jistgħu jikkostitwixxu argumenti għas-sostenn ta' raġuni bbażata fuq il-ksur ta' dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, fl-istess punt ta' l-imsemmija sentenza, hija kkonstatat espressament li, f'dak li jirrigwarda t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ma invokatx motivi li jissemmew f'deċiżjonijiet preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell fejn ġie aċċettat il-karattru li jista' jkun irreġistrat ta' trademarks oħrajn li fihom l-element "Bio" u li jqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni appellata f'dak li jikkonċerna l-karattru distintiv tagħha.

52     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li osservat li fis-seduta r-rikorrenti invokat ukoll ir-reġistrazzjoni mill-UASI tat-trademark verbali Bioid għall-kategoriji ta' prodotti u ta' servizzi bl-isem "materjal stampat", "telekomunikazzjonijiet" u "ipprogrammar ta' kompjuters", ikkonkludiet li, bid-differenza ta' dak li tippretendi r-rikorrenti, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark verbali "Bioid" ma jistgħux jiġu mqabbla ma xulxin u li l-fatt li fl-imsemmija trademark verbali l-ittri "id" huma miktuba b'ittri żgħar jgħin sabiex issir distinzjoni, f'dak li jikkonċerna l-kontenut semantiku tiegħu, mill-akronimu BioID.

53     Fl-aħħarnett, kif diġà ġie msemmi fil-punt 43 ta' din is-sentenza, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss il-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u li tevalwa l-elementi ta' prova. L-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u elementi ta' prova għalhekk ma jikkostitwixxux, ħlief f'każ ta' interpretazzjoni ħażina, punt ta' dritt li huwa suġġett bħala tali għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

54     Meta r-rikorrenti tqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tax-xebh jew ta' l-identiċità tat-trademarks irreġistrati u, għalhekk, fir-rigward tar-rilevanza ta' deċiżjonijiet preċedenti ta' l-UASI, hija qegħda tillimita ruħha li tikkontesta, mingħajr ma tinvoka jew tallega ebda żball ta' interpretazzjoni, l-evalwazzjoni tal-fatti mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

55     Għaldaqstant, it-tielet kontestazzjoni ta' l-ewwel raġuni hija parzjalment bla bażi u parzjalment inammissibbli u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba' kontestazzjoni, dwar il-kriterju għal rifjut ta' reġistrazzjoni

56     Permezz ta' l-aħħar kontestazzjoni ta' l-ewwel raġuni li r-rikorrenti qajmet għall-ewwel darba fis-seduta, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament meta kkonstatat li t-trademarks li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni huma, b'mod partikulari, dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma użati komunement fil-kummerċ fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta' prodotti jew ta' servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, għall-inqas, indizji konkreti li jippermettu li jiġi ddeterminat liema minn dawn jistgħu jintużaw b'dan il-mod.

57     L-UASI ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqet l-ebda żball meta kkonstatat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tista' tkun użata komunement. Skond hi, l-imsemmija trademark ma tkunx ipperċepita faċilment bħala trademark ta' oriġini mill-pubbliku ristrett li għalihom tapplika l-applikazzjoni fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, fis-seduta, l-UASI qajmet impliċitament il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà ta' din il-kontestazzjoni li ma ġiex invokat fl-appell.

58     Fuq dan il-punt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din il-kontestazzjoni ġiet ippreżentata għas-sostenn ta' l-ewwel raġuni li r-rikorrenti invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li tgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat ir-raġuni assoluta għal rifjut ta' trademarks li m'għandhomx karattru distintiv kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, ma jiskostitwixxix raġuni ġdida fis-sens ta' l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

59     In kwantu għall-fondatezza ta' din il-kontestazzjoni, għandu jiġi osservat li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni enumerati fl-Artikoli 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat (ara s-sentenza l-UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39). Barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess ġenerali li huwa l-bażi ta' kull waħda minnhom. L-interess ġenerali li jittieħed in kunsiderazzjoni fl-eżami ta' kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista', jew aħjar għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti skond ir-raġuni in kwistjoni (ara s-sentenzi tad-29 ta' April 2004, Henkel vs l-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punti 45 u 46, u SAT.1 vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

60     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' interess ġenerali li huwa l-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jiġi konfuż, evidentement, mal-funzjoni essenzjali tat-trademark li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-persuna aħħarija li tuża l-prodott jew s-servizz, l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trademark, u li tippermettilu li jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti (ara s-sentenza SAT.1 vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 27).

61     Fil-punti 23, 34, 41 u 43 tas-sentenza kkontestata, l-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tikkonstata li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni taqa' taħt l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament, ikkunsidrat prinċipalment il-fatt li hija tista' tkun użata komunement fil-kummerċ.

62     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 36 tas-sentenza SAT.1 vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, dan il-kriterju, anki jekk rilevanti fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex dak li abbażi tiegħu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 7(1)(b).

63     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kontestazzjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza użat kriterju li huwa rilevanti mhux fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament, iżda fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(ċ), huwa fondat.

64     Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi milqugħa, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

65     Jirriżulta min dak kollu li ntqal li, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata t-tieni raġuni ta' l-appell, is-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt fl-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-mertu tar-rikors fl-ewwel istanza

66     Skond it-tieni frażi ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta' l-aħħar tista', f'każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat li dan huwa l-każ f'din il-kawża.

67     F'dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 ta' din is-sentenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tiggarantixxix jew le lill-konsumatur jew lill-persuna aħħarija li tuża l-prodott jew s-servizz, l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trademark, billi tippermettilu li jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti, għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-pubbliku rilevanti.

68     Għaldaqstant, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prodotti u s-servizzi li fuqhom tibbaża ruħha l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni deskritta fil-punt 5 ta' din is-sentenza, jidher li l-pubbliku rilevanti huwa pubbliku infurmat fil-qasam tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni, infurmat normalment u attent u avżat raġjonevolment.

69     It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha kemm l-akronimu BioID kif ukoll elementi figurattivi, jiġifieri l-karatteristiċi tipografiċi li għandu dan l-akronimu, u żewġ elementi ġrafiċi mpoġġija wara l-akronimu BioID, jiġifieri punt (■) u sinjal (®).

70     Kif il-UASI ġustament osserva fid-deċiżjoni appellata, f'dak li jirrigwarda l-imsemmi akronimu, il-pubbliku rilevanti jifhem BioID, fid-dawl tal-prodotti u servizzi li għalihom tapplika l-applikazzjoni għat-trademark, bħala magħmul mit-taqsira ta’ aġġettiv “biometrical” u ta’ sostantiv (“identification”) u li għalhekk fl-intier tiegħu jfisser “biometrical identification”. Għaldaqstant, dan l-akronimu, li ma tiddistingwiħx mill-prodotti u servizzi li tkopri l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, m’għandux karattru li jista’ jiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-persuna aħħarija li tuża l-prodott jew s-servizz, l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew servizz indikat mit-trademark mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti.

71     Barra minn hekk, meta tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura rikorrenti ta’ karatteristiċi tipografiċi li għandu l-akronimu BioID u n-nuqqas ta’ kwalsiasi element distintiv partikolari, il-karattri bit-tipa “Arial” kif ukoll il-karattri ta' ħxuna differenti, dawn ma jagħtux l-opportunità lit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni li tiggarantixxi lill-pubbliku rilevanti l-identità ta’ l-oriġini ta’ prodotti u servizzi li għalihom tapplika l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

72     Barra minn hekk, iż-żewġ elementi grafiċi mpoġġija wara l-akronimu BioID, magħmula minn punt (■) u minn sinjal (®), m’għandhom l-ebda karattru li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jagħmel distinzjoni mingħajr ebda konfużjoni possibbli bejn il-prodotti jew is-servizzi li għalihom tapplika l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minn dawk li għandhom oriġini differenti. Jirriżulta li l-imsemmija elementi grafiċi mhumiex suxxettibbli li jwettqu l-funzjoni essenzjali ta’ trademark, kif deskritt fil-punt 25 ta' din is-sentenza, b'relazzjoni għall-prodotti u s-servizzi rilevanti.

73     Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta wieħed jeżamina l-impressjoni sħiħa fuq il-pubbliku rilevanti mogħtija mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-akronimu BioID, li huwa nieqes minn karattru distintiv, jikkostitwixxi l-element dominanti li joħroġ mill-imsemmija trademark.

74     Barra dan, kif osserva l-UASI fil-punt 21 tad-deċiżjoni appellata, l-elementi figurattivi u grafiċi huma ta' natura tant superfiċjali li ma jagħtu l-ebda karattru distintiv lit-trademark sħiħa li għaliha saret l-applikazzjoni. L-imsemmija elementi m'għandhom l-ebda aspett, b'mod partikulari fi kliem ta' fantasija jew fir-rigward għall-mod li huma magħquda flimkien, li jippermetti lill-imsemmija trademark li twettaq il-funzjoni essenzjali tagħha f'dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li għalihom tapplika l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

75     Jirriżulta li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni mhijiex ta' karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni appellata għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76     Skond l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 ta' dan l-istess Regolament, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta' Diċembru 2002, BioID vs l-UASI (T-91/01, Ġabra p. II-5159), hija annullata.

2)      Ir-rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) ta' l-20 ta' Frar 2001 huwa miċħud.

3)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top