Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0283

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
    A. H. Kuipers vs Productschap Zuivel.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
    Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Ħalib u prodotti tal-ħalib - Regolament (KEE) Nru 804/68 - Sistema nazzjonali li permezz tagħha l-imħaleb japplikaw tnaqqis fil-prezz li jitħallas lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib jew iħallsuhom premji addizzjonali skond il-kwalità tal-ħalib ikkunsinnat - Inkompatibbiltà.
    Kawża C-283/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:314

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Mejju 2005 (*)

    "Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħalib u prodotti tal-ħalib – Regolament (KEE) Nru 804/68 – Sistema nazzjonali li permezz tagħha l-imħaleb japplikaw tnaqqis fil-prezz li jitħallas lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib jew iħallsuhom premji addizzjonali skond il-kwalità tal-ħalib ikkunsinnat – Inkompatibbiltà"

    Fil-kawża C-283/03,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ġunju 2003, fil-proċedura

    A. H. Kuipers

    vs

    Productschap Zuivel,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal A. H. Kuipers, minn A. Noordhuis, advocaat,

    –       għall-Productschap Zuivel u għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u J. van Bakel, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, A. Stobiecka-Kuik u H. van Vliet, bħala aġenti, assistiti minn M. van der Woude, advocaat,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1538/95, tad-29 ta' Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 17, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 804/68"), kif ukoll ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 87 KE) u ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE).

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa minn A. H. Kuipers kontra l-Productschap Zuivel (l-Uffiċċju tal-Prodotti tal-Ħalib) dwar tnaqqis magħmul minn dan ta' l-aħħar f'Lulju u f'Awwissu tas-sena 1995 fil-prezz li kellu jitħallas lil A. H. Kuipers għal kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 804/68:

    "1.      Qabel l-1 ta' Awwissu ta' kull sena, prezz indikattiv għall-ħalib għandu jiġi stabbilit għall-Komunità fir-rigward tas-sena tal-ħalib li tibda fis-sena kalendarja ta' wara.

    [...]

    2.      Il-prezz indikattiv huwa l-prezz tal-ħalib li huwa mmirat li jinkiseb għat-total tal-ħalib mibjugħ mill-produtturi tal-ħalib fis-suq tal-Komunità u fis-swieq esterni, skond l-opportunitajiet li jkun hemm, matul is-sena tal-ħalib.

    3.      Il-prezz indikattiv għandu jiġi stabbilit fir-rigward tal-ħalib li jkun fih 3.7% xaħam, ikkunsinnat lill-imħaleb.

    4.      Il-prezz indikattiv għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4       L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 804/68 jipprovdi li:

    "Kull sena, flimkien mal-prezz indikattiv u skond l-istess proċedura, għandu jiġi stabbilit prezz ta' intervent għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5       L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 804/68 jipprovdi li:

    "Ħlief jekk dan ir-Regolament jistabbilixxi mod ieħor, l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat għandhom ikunu applikabbli għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6       L-Artikolu 24 ta' l-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej:

    "1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(2) tat-Trattat, huma pprojbiti dawk l-għajnuniet li l-ammont tagħhom huwa ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1.

    2.      Għandhom ikunu pprojbiti wkoll dawk il-miżuri nazzjonali li jippermettu li l-prezzijiet tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 jinġiebu ndaqs." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7       Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1411/71, tad-29 ta' Ġunju 1971, li jippreskrivi regoli addizzjonali dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fl-intestatura 04.01 tat-tariffa doganali komuni (ĠU L 148, p. 4):

    "1.      Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika dwar il-ħalib adegwat għall-konsum uman, il-ħalib tax-xorb, minbarra l-ħalib mhux ipproċessat, ma jistax jiġi prodott fil-Komunità ħlief minn impriżi li jipproċessaw il-ħalib.

    Il-ħalib użat għall-produzzjoni ta' dan il-ħalib tax-xorb għandu jkun ġie suġġett għal sistema ta' ħlas li jiddependi fuq il-kwalità. Din is-sistema għandha tiggarantixxi li l-ħalib użat bħala materja prima għall-produzzjoni ta' ħalib tax-xorb jissodisfa ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-kwalità, inkluża l-kompożizzjoni.

    […]

    3.      Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 billi jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni skond il-proċedura ta' votazzjoni prevista fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat.

    4.      Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68."

     Il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-ħlas għall-ħalib mhux ipproċessat li jiddependi mill-kwalità

    8       L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Agrikoltura ta' Kwalità (Landbouwkwaliteitswet, Staatsblad 1971, p. 371), kif emendata mil-Liġi tat-23 ta' Diċembru 1993 (Staatsblad 1993, p. 690), jawtorizza l-adozzjoni ta' regoli dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, fosthom il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, li huma intiżi sabiex jiffavorixxu l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Dawn ir-regoli jistgħu, b'mod partikolari, jikkonċernaw il-"ħlas li jiddependi mill-kwalità tal-prodotti".

    9       L-Artikolu 3(1) tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli: ħalib mhux ipproċessat u produzzjoni ta' prodotti tal-ħalib (Landbouwkwaliteitsbesluit rauwe melk en zuivelbereiding, Staatsblad 1994, p. 63), kif emendat mir-Regolament tas-26 ta' Ġunju 1995 (Nederlandse Staatscourant 1995, p. 122, aktar 'il quddiem id-"Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli"), jipprovdi li:

    "Għall-ħalib mhux ipproċessat, għall-ħalib tax-xorb ipproċessat bis-sħana u għall-prodotti b'bażi tal-ħalib, il-Ministru jista' jistabbilixxi regoli dwar:

    a.      […] fir-rigward tal-ħalib mhux ipproċessat, il-ħlas li jiddependi fuq il-kwalità;

    […]

    c.      l-obbligu ta' ċerti impriżi membri li jħallsu lill-COKZ [Centraal Orgaan voor Kwaliteitsaangelegenheden in de Zuivel (il-Korp ċentrali għall-kwalità tal-prodotti tal-ħalib)] it-tnaqqis impost u somom oħra marbuta mal-kwalità tal-ħalib mhux ipproċessat kif ukoll l-obbligu tal-COKZ li jħallas lil ċerti impriżi li huma membri tiegħu premji marbuta mal-kwalità tal-ħalib mhux ipproċessat."

    10     Skond l-Artikolu 4 tad-Digriet dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, il-Ministru jista', madankollu, jiddeċiedi li r-regoli msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' dan l-istess digriet għandhom jiġu adottati mid-direzzjoni tal-Productschap, korp irregolat mil-Liġi dwar l-Organizzazzjoni ta' Impriżi (Wet op de Bedrijfsorganisatie) li tiġbor l-impriżi skond il-prodott.

    11     Ir-Regolament dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli: ħlas għall-ħalib ta' razzett skond il-kwalità (Landbouwkwaliteitsregeling uitbetaling van boerderijmelk naar kwaliteit, Nederlandse Staatscourant 1994, p. 25), ġie adottat mis-Staatssecretaris van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij (Ministru ta' l-Agrikoltura, tal-Konservazzjoni tan-Natura u tas-Sajd). L-Artikolu 2 ta' dan ir-regolament jikkonferixxi lil-Productschap Zuivel (l-Uffiċċju ta' Prodotti tal-Ħalib, aktar 'il quddiem il-"Productschap") il-kompetenza li jistabbilixxi, permezz ta' regolament, ir-regoli dwar il-ħlas li jiddependi fuq il-kwalità tal-ħalib ta' razzett, b'mod partikolari fir-rigward taż-"żamma tat-tnaqqis kif ukoll il-ħlas ta' premju ta' kwalità".

    12     Id-direzzjoni tal-Productschap adottat ir-Regolament ta' l-1994 dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli: ħlas skond il-kwalità (Landbouwkwaliteitsverordening 1994, Uitbetaling van boerderijmelk naar kwaliteit, PBO blad 1994, afl. Nru 9, aktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' l-1994"). L-Artikolu 2(1) ta' dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

    "Min jirċievi l-ħalib ta' razzett għandu, b'konformità mad-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament jew mad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu, iħallas lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib ikkonċernata għal dan il-ħalib skond il-kwalità tiegħu."

    13     L-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta' l-1994 jipprovdi li:

    "L-impjant ta' kontroll tal-ħalib għandu jattribwixxi evalwazzjoni lir-riżultati tat-test ta' kwalità skond sistema adottata mill-president, wara konsultazzjoni mal-COKZ, li tistabbilixxi normi, punti ta' tnaqqis u tnaqqis ieħor li għandu jiġi impost."

    14     Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament ta' l-1994:

    "1.      Dawk li jirċievu l-ħalib ta' razzett għandhom, fuq perijodu predeterminat ta' tnax-il ġimgħa, iħallsu premju ta' kwalità lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib li ma jkunux irċevew aktar minn punt ta' tnaqqis matul dan il-perijodu kollu u li fil-ħalib tagħhom ma nstabitx il-preżenza ta' antibiotiċi […]

    2.      L-ammont tal-premju ta' kwalità għandu jiġi stabbilit għal kull 100 kilogramma ta' ħalib għal kull reġjun, iddeterminat mill-president wara konsultazzjoni mal-COKZ, b'tali mod li l-ammont totali tal-premji ta' kwalità f'perijodu jkun ugwali jew kważi ugwali għall-ammont totali ta' tnaqqis miżmum."

    15     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Frar 1995, il-president tal-Productschap identifika t-territorju ta' l-Olanda kollu bħala reġjun fis-sens ta' l-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' l-1994.

    16     L-Artikolu 12 ta' l-istess regolament jipprovdi:

    "Għal kull perijodu li matulu jittieħdu l-kampjuni, min jirċievi l-ħalib ta' razzett għandu jżomm, abbażi tan-numru totali ta' punti ta' tnaqqis mogħtija, tnaqqis, li għandu jiġi stabbilit mill-president wara konsultazzjoni mal-COKZ, fuq il-kwantità totali ta' ħalib ta' razzett ikkunsinnat matul dan il-perijodu mill-persuna li trabbi baqar tal-ħalib ikkonċernata kif ukoll it-tnaqqis eventwali għal kull kunsinna minħabba l-preżenza ta' antibiotiċi."

    17     Id-Digriet li jistabbilixxi l-frekwenza u l-evalwazzjoni tar-riżultati ta' l-eżami ta' kwalità (Besluit vaststelling frequentie en beoordeling resultaten kwaliteitsonderzoek, kif emendat mid-digrieti tad-19 ta' Lulju 1994 u tal-15 ta' Frar 1995), adottat mill-president tal-Productschap, jistabbilixxi, b'mod partikolari, it-tnaqqis li għandu jiġi impost.

    18     F'dan ir-rigward, fin-noti ta' osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvern Olandiż u l-Productschap osservaw li l-punti ta' tnaqqis huma applikati skond kemm il-ħalib ikkunsinnat ivarja min-norma, bit-tnaqqis innifsu stabbilit bħala NLG 0.02 għal kull kilogramma ta' ħalib u għal kull punt. B'deroga minn din l-iskala, tnaqqis ta' NLG 0.50 jiġi applikat għal kull kilogramma ta' ħalib ikkunsinnat li fih tinstab il-preżenza ta' antibiotiċi.

    19     Bl-istess mod, dan il-gvern u l-Productschap indikaw li, sabiex il-COKZ ikun jista' jikkalkula l-ammont tal-premju ta' kwalità għal kull 100 kilogramma ta' ħalib ikkunsinnat, l-imħaleb jgħaddulu, fit-tmiem ta' perijodu li matulu jittieħdu l-kampjuni, għal kull produttur tal-ħalib, l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta' ħalib ikkunsinnati, il-punti ta' tnaqqis u l-ammonti ta' tnaqqis miżmuma matul dan il-perijodu. Wara li jkun għamel kalkolu bħal dan, il-COKZ jinforma lil kull maħleb dwar l-ammont totali ta' premji ta' kwalità li huwa għandu jħallas. Fil-każ fejn l-ammont tat-tnaqqis miżmum minn maħleb jirriżulta li huwa aktar mill-ammont ta' premji li huwa għandu jħallas, il-maħleb jittrasferixxi d-differenza lill-COKZ filwaqt li dan ta' l-aħħar għandu r-responsabbiltà li jħallas lura l-ammonti miġbura b'dan il-mod lill-imħaleb li jkollhom iħallsu ammont ta' premji akbar mill-ammont ta' tnaqqis li jkunu żammew.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20     A. H. Kuipers, li huwa stabbilit fl-Olanda, irabbi baqar tal-ħalib. Wara li kkunsinna diversi drabi lill-maħleb De Kievit, dan informah, permezz ta' ittri ta' l-24 u t-28 ta' Lulju 1995, kif ukoll tat-8 u l-15 ta' Awwissu 1995, li, minħabba l-preżenza ta' antibiotiku fil-ħalib ikkunsinnat, huwa kien ser iżomm tnaqqis fuq il-prezz li kellu jitħallas għal dawn il-kunsinni bir-rata ta' NLG 0.50 għal kull kilogramma, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament ta' l-1994.

    21     Peress li l-ilment imressaq minn A. H. Kuipers kontra din id-deċiżjoni kienet ġiet miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-COKZ, A. H. Kuipers ikkontesta l-pożizzjoni meħuda mill-COKZ quddiem l-Arrondissementsrechtbank te Groningen. Din il-qorti, permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' April 1999, iddikjarat ruħha inkompetenti li tisma' l-kawża.

    22     Din id-deċiżjoni ta' l-aħħar ġiet imħassra fl-appell mir-Raad van State, li, permezz ta' sentenza tas-16 ta' Mejju 2000, annullat ukoll id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet tal-COKZ u ordnat li l-ilment inizjali ta' A. H. Kuipers jintbagħat lill-Productschap, li hija l-unika awtorità kompetenti li titratta dan l-ilment.

    23     Fl-imsemmija sentenza, ir-Raad van State ppreċiżat, b'mod partikolari, li "[f]ir-[Regolament ta' l-1994] […] huwa veru li l-Artikolu 12 jobbliga maħleb iżomm tnaqqis fuq il-kwantità totali ta' ħalib ta' razzett ikkunsinnat minn persuna li trabbi baqar tal-ħalib matul perijodu predeterminat […] u li l-Artikolu 11 jobbligah ukoll iħallas premju ta' kwalità, iżda, skond l-istruttura ta' dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet dwar dan il-ħlas u din iż-żamma ta' tnaqqis għandhom ikunu attribwiti lill-[Productschap]. Ir-regolament kien adottat mid-direzzjoni tal-[Productschap] u hija din id-direzzjoni li imponiet fuq maħleb l-obbligi msemmija f'dan ir-regolament. Mill-Artikolu 12 jirriżulta li l-president ta' Productschap jistabbilixxi t-tnaqqis li għandu jinżamm. Is-sistema ta' normi u ta' tnaqqis li għandha tiġi imposta hija stabbilita wkoll mill-president. Ir-rwol tal-maħleb huwa limitat għall-għoti ta' l-assistenza finanzjarja u amministrattiva tiegħu bħala parti kontraenti fis-suq tal-prodotti tal-ħalib. Huwa m'għandux il-kompetenza taħt id-dritt pubbliku sabiex jiddetermina l-pożizzjoni ġuridika (id-drittijiet u/jew l-obbligi) ta' persuni oħra suġġetti għal-liġi".

    24     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2000, il-Productschap iddikjara l-ilment ta' A. H. Kuipers infondat. Għalhekk, dan ta' l-aħħar appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven.

    25     Din il-qorti tqis, l-ewwel nett, li ż-żamma ta' tnaqqis magħmula mill-maħleb De Kievit fuq l-ammonti dovuti lil A. H. Kuipers għandha tiġi attribwita lill-Productschap.

    26     It-tieni nett, hija tqis li l-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-ħlas għall-ħalib mhux ipproċessat li jiddependi mill-kwalità ma tikser la r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90, tas-26 ta' Ġunju 1990, li jistabbilixxi [...] proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti ta’ l-ikel ta’ oriġini mill-annimali (ĠU L 224, p. 1), la d-Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE, tas-16 ta' Ġunju 1992, li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ħalib mhux ipproċessat, ta' ħalib ittrattat bis-sħana u prodotti bbażati fuq il-ħalib (ĠU L 268, p. 1), u lanqas id-Direttiva tal-Kunsill 92/47/KEE, tas-16 ta' Ġunju 1992, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' derogi temporanji u limitati mir-regoli ta' saħħa speċifiċi tal-Komunità dwar il-produzzjoni u l-kummerċ ta' ħalib mhux proċessat u prodotti b'bażi ta' ħalib (ĠU L 268, p. 33). Skondha, fil-fatt, dawn l-atti Komunitarji ma jeskludux li fir-rigward tal-ħalib mhux ipproċessat li jissodisfa n-normi stabbiliti b'dan il-mod issir, madankollu, distinzjoni abbażi tal-kwalità tiegħu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz li għandu jitħallas lill-produttur.

    27     Fl-aħħar nett, il-qorti ta' rinviju tqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali lanqas ma tmur kontra r-Regolament Nru 1411/71. Skondha, fil-fatt, l-Artikolu 5 ta' dan ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri jimplementaw sistema ta' ħlas li tagħmel distinzjoni abbażi tal-kwalità fir-rigward tal-ħalib użat fil-produzzjoni tal-ħalib tax-xorb u la l-kliem u lanqas l-iskop ta' din id-dispożizzjoni ma jippermettu li jitqies li l-għan tagħha, jiġifieri li jiġu offerti prodotti għall-konsum ta' kwalità għolja, ma jistax jintlaħaq ukoll permezz ta' sistemi nazzjonali ta' ħlas skond il-kwalità li japplikaw għall-ħalib intiż għall-produzzjoni ta' prodotti oħra b'bażi ta' ħalib.

    28     Mill-banda l-oħra, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din mar-Regolament Nru 804/68 fid-dawl, minn naħa, ta' l-effett li din il-leġiżlazzjoni jista' jkollha fuq is-sistema ta' prezzijiet komuni stabbilita mill-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' twassal li l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib jinġiebu ndaqs, li huwa pprojbit mill-Artikolu 24(2) ta' dan ir-Regolament, jew sabiex tistabbilixxi għajnuna determinata abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-ħalib ikkunsinnat, li hija pprojbita mill-Artikolu 24(1) ta' l-istess regolament.

    29     Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-premji stabbiliti mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali jikkostitwixxux għajnuniet fis-sens ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat u dwar jekk din il-leġiżlazzjoni kienx imissha, minħabba f'hekk, ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 93(3) tat-Trattat.

    30     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het Bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Sistema nazzjonali ta' tnaqqis u ta' premji marbuta mal-kwalità tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnat lill-maħleb, bħal dik in kwistjoni, hija kompatibbli mar-Regolament (KEE) Nru 804/68, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, u b'mod partikolari mal-projbizzjoni li "l-prezzijiet […] jinġiebu ndaqs" li tinsab fl-Artikolu 24(2) ta' dan ir-regolament […]?

    2)      Sistema nazzjonali ta' premji marbuta mal-kwalità tal-ħalib ikkunsinnat lill-maħleb, bħal dik in kwistjoni, hija kompatibbli mal-projbizzjoni li jingħataw għajnuniet li tinsab fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KEE) Nru 804/68?

    3)      Jekk it-tieni domanda titlob risposta fl-affermattiv, sistema bħal din għandha titqies bħala għajnuna li l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE […]?"

     Fuq l-ordni li fiha d-domandi għandhom jiġu ttrattati

    31     Kif jirriżulta mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, din ta' l-aħħar qiegħda titlob l-eżami tas-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta' diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

    32     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-każ ta' kawża li tikkonċerna settur agrikolu rregolat minn organizzazzjoni komuni ta' suq, il-problema mqajma għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett minn dan l-aspett, fid-dawl tal-preċedenza li l-Artikolu 38(2) tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 32(2) KE) jagħti lid-dispożizzjonijiet speċifiċi adottati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat dwar l-istabbiliment tas-suq komuni (sentenza tas-26 ta' Ġunju 1979, Mc Carren, 177/78, Ġabra p. 2161, punt 9).

    33     Applikat għal din il-kawża, dan il-prinċipju jfisser li, effettivament, fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni domandi, li jikkonċernaw is-sistema ta' prezzijiet komuni stabbilita mir-Regolament Nru 804/68 u l-Artikolu 24(1) u (2) ta' dan ir-regolament, dispożizzjonijiet li kollha jagħmlu parti integrali mill-organizzazzjoni komuni tas-suq stabbilita minn dan ir-regolament (ara, b’ analoġija, is-sentenza Mc Carren, iċċitata aktar 'il fuq, punt 10).

    34     Dan il-metodu ta' kif għandhom jiġu ttrattati d-domandi huwa neċessarju wkoll minħabba kunsiderazzjoni oħra. Skond l-Artikolu 42 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 36 KE), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tiegħu, dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni, japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli biss safejn jiġi deċiż mill-Kunsill fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tas-swieq agrikoli. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 804/68 jipprovdi li, ħlief fejn id-dispożizzjonijiet ta' l-istess regolament jistabbilixxu mod ieħor, l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE) huma applikabbli għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti koperti mill-istess regolament. Mill-Artikolu 23 jirriżulta li minkejja li l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat huma applikabbli kompletament għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, din l-applikazzjoni, madankollu, hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni ta' suq stabbilita mill-imsemmi regolament. Fi kliem ieħor, ir-rikors minn Stat Membru għad-dispożizzjonijiet ta' dawn l-Artikoli 92 sa 94, dwar l-għajnuniet, ma jistax jingħata prijorità fuq id-dispożizzjonijiet tar-regolament li jorganizza dan is-settur tas-suq (ara, b'analoġija, is-sentenza Mc Carren, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11).

    35     Minn dan isegwi li l-possibbiltà li jkun meħtieġ li tiġi eżaminata t-tielet domanda, li hija intiża sabiex is-sistema nazzjonali in kwistjoni tiġi evalwata fid-dawl ta' l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat, tiddependi mit-tweġiba li ser tingħata lill-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju.

     Fuq l-ewwel domanda

    36     Kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-motivi tad-deċiżjoni ta' rinviju, l-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk is-sistema ta' prezzijiet komuni stabbilita mir-Regolament Nru 804/68 tipprekludix sistema nazzjonali bħal dik deskritta fil-punti 8 sa 19 ta' din is-sentenza (aktar 'il quddiem is-"sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali"), li tipprovdi li l-imħaleb għandhom iżommu tnaqqis fil-prezz tal-ħalib li għandu jitħallas lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib jew iħallsu premji lil dawn il-persuni skond il-kwalità tal-ħalib mhux ipproċessat li huma jikkunsinnaw, u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 24(2) ta' dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li sistema nazzjonali bħal din tammonta għal miżura li tippermetti "li l-prezzijiet tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1" ta' l-istess regolament "jinġiebu ndaqs", eżerċizzju li huwa pprojbit minn din id-dispożizzjoni.

     Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda

    37     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda, dwar il-portata tas-sistema ta' prezzijiet komuni stabbilita mir-Regolament Nru 804/68, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta jkun hemm regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f'settur partikolari, l-Istati Membru huma obbligati li ma jadottaw l-ebda miżura li tkun ta' natura li tidderoga minn jew li tippreġudika dan ir-regolament. Ir-regoli li jostakolaw il-funzjonament tajjeb ta' organizzazzjoni komuni ta' swieq huma wkoll inkompatibbli ma' din l-organizzazzjoni anki jekk l-aspett in kwistjoni ma kienx irregolat b'mod eżawrjenti minn din l-organizzazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta' Marzu 1998, Compassion in World Farming, C-1/96, Ġabra p. I-1251, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38     Meta jsostnu li l-għan waħdani tar-regoli adottati mis-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jinkoraġġixxu lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib sabiex jikkunsinnaw biss ħalib ta' kwalità b'tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu tkun aktar faċli, il-Gvern Olandiż u l-Productschap, madankollu, jinvokaw ġurisprudenza, li hija wkoll stabbilita, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-istabbiliment ta' organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli taħt l-Artikolu 40 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 34 KE) m'għandux l-effett li jeħles lill-produtturi agrikoli minn kull leġiżlazzjoni nazzjonali li l-għanijiet tagħha huma differenti minn dawk koperti mill-organizzazzjoni komuni iżda li, minħabba li tolqot il-kundizzjonijiet ta' produzzjoni, jista' jkollha effett fuq il-volum jew l-ispejjeż tal-produzzjoni nazzjonali u, għaldaqstant, fuq il-funzjonament tas-suq komuni fis-settur ikkonċernat (ara s-sentenzi ta' l-1 ta' April 1982, Holdijk et, 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 12; tas-6 ta' Ottubru 1987, Nertsvoederfabriek Nederland, 118/86, Ġabra p. 3883, punt 12, u tat-18 ta' Diċembru 1997, Annibaldi, C-309/96, Ġabra p. I-7493, punt 20).

    39     L-imsemmi gvern u l-Productschap jenfasizzaw, b'mod aktar preċiż, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f'każ fejn kien hemm miżuri nazzjonali dwar il-kwalità ta' prodotti li jipprojbixxu l-produzzjoni ta' ġobon li ma jkunx tal-kwalità prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li, meta ma jkun hemm l-ebda regola Komunitarja dwar il-kwalità ta' prodotti tal-ġobon, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jimponu regoli bħal dawn fuq il-produtturi ta' ġobon stabbiliti fit-territorju tagħhom (sentenza tas-7 ta' Frar 1984, Jongeneel Kaas et, 237/82, Ġabra p. 483, punti 12 sa 14).

    40     Il-Gvern Olandiż u l-Producstchap ifakkru, barra minn hekk, li l-prezz indikattiv imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 804/68 jammonta għal għan politiku fuq il-livell Komunitarju u ma jiggarantixxix lill-produtturi kollha ta' kull Stat Membru li huma ser jiksbu dħul li jikkorrispondi għal dan il-prezz indikattiv (sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers' Union, C-137/00, Ġabra p. I-7975, punt 88).

    41     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra mill-Gvern Olandiż u mill-Productschap bl-ebda mod ma jikkontestaw il-fatt li wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib stabbilita mir-Regolament Nru 804/69 huwa li l-produtturi ta' ħalib jiġu ggarantiti prezz għal dan il-prodott li jkun orjentat lejn l-imsemmi prezz indikattiv u li l-mekkaniżmi stabbiliti minn dan ir-regolament, u intiżi sabiex jintlaħaq dan l-għan – fosthom, b'mod partikolari, sistema ta' prezz ta' intervent prevista fl-Artikolu 5 ta' l-imsemmi regolament, għal ċerti prodotti derivati, kif ukoll imposti fuq l-importazzjoni u rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – jibqgħu taħt il-kontroll esklużiv tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Novembru 1979, Toffoli et, 10/79, Ġabra p. 3301, punt 11).

    42     Il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra mill-Gvern Olandiż u mill-Productschap lanqas m'huma ta' natura tali li jikkontestaw l-evalwazzjoni li, fl-oqsma koperti minn organizzazzjoni komuni, speċjalment meta din l-organizzazzjoni tkun ibbażata fuq sistema komuni ta' prezzijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jintervjenu aktar, permezz ta' dispożizzjonijiet nazzjonali meħudin unilateralment, fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati, fl-istess stadju ta' produzzjoni, mill-organizzazzjoni komuni (sentenzi Toffoli et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 12; tas-7 ta' Frar 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 166/82, Ġabra p. 459, punt 5; tal-21 ta' Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 127/87, Ġabra p. 3333, punt 8, kif ukoll Milk Marque u National Farmers' Union, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63).

    43     Huwa veru li, kif ifakkru l-gvern u l-Productschap, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri nazzjonali intiżi biex jeliminaw distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn abbuż tal-pożizzjoni dominanti li tgawdi minnha kooperattiva agrikola fuq is-suq nazzjonali billi jnaqqsu s-setgħa ta' din ta' l-aħħar fuq dan is-suq kif ukoll il-kapaċità tagħha li żżid il-prezz tal-ħalib tal-produtturi li huma membri tagħha b'tali mod li jeċċedi livelli kkunsidrati li huma kompetittivi, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri li jintervjenu fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati mill-organizzazzjoni komuni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, miżuri ta' dan it-tip ma jseħħux bħala tali fil-formazzjoni tal-prezzijiet iżda huma intiżi sabiex jipproteġu l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi ta' prezzijiet sabiex jintlaħqu livelli ta' prezzijiet li jaqdu l-interess kemm tal-produtturi u kemm tal-konsumaturi (sentenza Milk Marque u National Farmers' Union, iċċitata aktar 'il fuq, punti 64, 84 u 86).

    44     F'dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, b'differenza mill-miżuri in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Milk Marque u National Farmers' Union, iċċitata aktar 'il fuq, jew mill-projbizzjonijiet ta' produzzjoni ta' ġobon li ma jissodisfax ċerti normi ta' kwalità li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Jongeneel Kaas et, iċċitata aktar 'il fuq, is-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fil-fatt tikkostitwixxi, irrispettivament mill-għan allegat jew mistqarr tagħha, intervent bħal dan fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati mill-organizzazzjoni komuni. Fil-fatt, din is-sistema torbot lil kull maħleb jew li żżomm tnaqqis mill-prezz normalment dovut lill-persuna li trabbi baqar tal-ħalib meta jirriżulta li l-ħalib ikkunsinnat ma jissodisfax ċerti kriterji ta' kwalità, jew li jagħti lil din il-persuna, meta l-ħalib jissodisfa l-imsemmija kriterji, premju, għal kull 100 kologramma ta' ħalib ikkunsinnat, li jiżdied mal-prezz normalment dovut lil din il-persuna u ffinanzjat mit-tnaqqis kollu miżmum mill-imħaleb Olandiżi minħabba kunsinni ta' ħalib ta' kwalità baxxa.

    45     Meta tagħmel dan, l-imsemmija sistema, għaldaqstant, għandha l-effett li tiddetermina bil-quddiem ċerti fatturi li għandhom jintervjenu fil-fissazzjoni definittiva tal-prezz li għandu jitħallas mill-maħleb lil kull persuna li trabbi l-baqar tal-ħalib li tkun fornitlu l-ħalib.

    46     Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-għan essenzjali tal-mekkaniżmi ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib huwa li jintlaħaq livell ta' prezz fl-istadji tal-produzzjoni u tal-kummerċ bil-grossa li jieħu in kunsiderazzjoni kemm l-interessi tal-produzzjoni Komunitarja kollha fis-settur ikkonċernat u kemm l-interessi tal-konsumaturi, u li jassigura l-provvisti, mingħajr ma jinkoraġġixxi produzzjoni eċċessiva (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et, 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 20, u Milk Marque u National Farmers' Union, iċċitata aktar 'il fuq, punt 85).

    47     Issa, il-ħlas ta' premji bħal dawk previsti mis-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali lill-persuni kollha li jrabbu baqar tal-ħalib li jkunu kkunsinnaw ħalib ta' kwalità normali fl-Olanda jista’ partikolarment jippreġudika dawn l-għanijiet billi jagħti vantaġġ lill-imsemmija persuni. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-prezz indikattiv imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 804/68 huwa stabbilit fid-dawl ta' ħalib ta' standard normali aċċettat bħala tipiku għall-Komunità kollha (sentenza tad-9 ta' Lulju 1985, Bozzetti, 179/84, Ġabra p. 2301, punt 33).

    48     Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, is-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tfixkel il-mekkaniżmu tal-prezzijiet peress li, fir-rigward tal-ħalib li ma jissodisfax ċerti kriterji u li, minħabba f'hekk, jista' jkun anqas adegwat għal ipproċessar sussegwenti u jista' jkun ta' anqas użu għall-imħaleb, din is-sistema tipprovdi għal tnaqqis fil-prezz li minnu madankollu ma jibbenefikawx l-imħaleb iżda l-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib li jkunu kkunsinnaw ħalib ta' kwalità normali, sabiex b'hekk iġġiegħel lill-imħaleb ibatu l-ispejjeż addizzjonali inkorsi minħabba l-kwalità inferjuri tal-ħalib li jkunu kisbu.

    49     Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-funzjonament ta' organizzazzjoni komuni tas-swieq u, b'mod partikolari, il-formazzjoni tal-prezzijiet fl-istadju tal-produzzjoni għandhom ikunu, fil-prinċipju, irregolati mid-dispożizzjonijiet ġenerali Komunitarji bħalma huma dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ġenerali u adattati kull sena b'tali mod li kull intervent partikolari f'dan il-funzjonament huwa strettament limitat għall-każijiet previsti espressament (sentenza tal-25 ta' Mejju 1977, Cucchi, 77/76, Ġabra p. 987, punt 31).

    50     F'dan ir-rigward, fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1411/71 jipprovdi li l-ħalib użat mill-impriżi li jipproċessaw il-ħalib sabiex jipproduċu ħalib tax-xorb għandu jkun suġġett għal sistema ta' ħlas li tiddependi mill-kwalità, għandu jiġi osservat li l-implementazzjoni ta' din id-dispożizzjoni kienet, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3) ta' l-istess regolament, suġġetta għall-elaborazzjoni sussegwenti, mill-Kunsill, ta' regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 5(1). Issa, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, regoli bħal dawn qatt ma ġew adottati mill-Kunsill.

    51     Huwa veru li fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1411/71 huwa possibbli li wieħed jagħraf l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jimplementa sistema ta' prezzijiet bħal din fir-rigward tal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ħalib tax-xorb li, kif jirriżulta mit-tielet premessa ta' dan l-istess regolament, huwa ta' importanza kbira bħala sors ta' nutrizzjoni bażiku tal-popolazzjoni kollha u huwa suġġett għal rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-kwalità tiegħu.

    52     Madankollu, jidher li, fin-nuqqas ta' adozzjoni tal-miżuri ta' eżekuzzjoni Komunitarji li jipprevedi l-Artikolu 5(3) ta' l-imsemmi regolament, sistema bħal din li, b'differenza mis-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet barra minn hekk tikkonċerna biss il-ħalib intiż għall-produzzjoni ta' ħalib tax-xorb u mhux prodotti tal-ħalib oħra, ma setgħetx tiġi implementata.

    53     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, kif sostnew ġustament il-Kummissjoni u A. H. Kuipers, ir-risposta għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda għandha tkun li s-sistema komuni tal-prezzijiet li fuqha hija bbażata l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib stabbilita mir-Regolament Nru 804/68 tipprekludi li l-Istati Membri jadottaw unilateralment dispożizzjonijiet li jintervjenu fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati, fl-istess stadju ta' produzzjoni, mill-organizzazzjoni komuni. Dan ikun il-każ fir-rigward ta' sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, irrispettivament mill-għan allegat jew mistqarr tagħha, tistabbilixxi mekkaniżmu li permezz tiegħu:

    –       minn naħa, l-imħaleb ikunu marbuta jżommu tnaqqis fuq il-prezz tal-ħalib li jiġi kkunsinnat lilhom meta dan il-ħalib ma jissodisfax ċerti kriterji ta' kwalità u,

    –       min-naħa l-oħra, l-ammont miżmum b'dan il-mod matul perijodu partikolari mill-imħaleb kollha jiġi gglobalizzat qabel ma jitqassam mill-ġdid, wara li jsiru l-aġġustamenti finanzjarji meħtieġa bejn l-imħaleb, fil-forma ta' premji li l-ammont tagħhom ikun indaqs u li jitħallsu minn kull maħleb, għal kull 100 kilogramma ta' ħalib li jkunu ġew ikkunsinnati lilu matul l-imsemmi perijodu, lil dawk il-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib li kienu kkunsinnaw il-ħalib li jissodisfa l-imsemmija kriterji ta' kwalità biss.

     Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel domanda

    54     Peress li r-risposta mogħtija lill-ewwel parti ta' l-ewwel domanda tindika li s-sistema ta' prezzijiet stabbilita mir-Regolament Nru 804/68 tipprekludi l-istabbiliment ta' sistema nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux meħtieġ li tiġi kkunsidrata aktar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 24(2) ta' dan ir-regolament jipprekludix ukoll sistema bħal din u għaldaqstant lanqas m'huwa meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni parti ta' l-imsemmija domanda.

     Fuq it-tieni domanda

    55     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 804/68, li jipprojbixxi l-għajnuniet li l-ammont tagħhom jiġi ddeterminat skond il-prezz jew il-kwantità tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-regolament, jipprekludix li tiġi stabbilita sistema nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-ħlas ta' premji lil ċerti persuni li jrabbu baqar tal-ħalib.

    56     Mir-risposta għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda jirriżulta li s-sistema ta' prezzijiet stabbilita mill-imsemmi regolament tipprekludi l-istabbiliment ta' sistema nazzjonali bħal din. F'dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas m'huwa meħtieġ li tingħata risposta għal din it-tieni domanda.

     Fuq it-tielet domanda

    57     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 92 u 93(3) tat-Trattat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li premji mħallsa lill-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib taħt il-kundizzjonijiet previsti mis-sistema nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammontawx għal għajnuniet mogħtija mill-Istat, fis-sens ta' l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għaldaqstant għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni skond it-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

    58     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 31 sa 35 ta' din is-sentenza u fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li r-rikors għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat ma jistax jemenda r-rekwiżiti li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-osservanza tar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, b'tali mod li mhux meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    59     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) dit pour droit:

    Is-sistema komuni tal-prezzijiet li fuqha hija bbażata l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1538/95, tad-29 ta' Ġunju 1995, tipprekludi li l-Istati Membri jadottaw unilateralment dispożizzjonijiet li jintervjenu fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati, fl-istess stadju ta' produzzjoni, mill-organizzazzjoni komuni. Dan ikun il-każ fir-rigward ta' sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, irrispettivament mill-għan allegat jew mistqarr tagħha, tistabbilixxi mekkaniżmu li permezz tiegħu:

    –       minn naħa, l-imħaleb ikunu marbuta jżommu tnaqqis fil-prezz tal-ħalib li jiġi kkunsinnat lilhom meta dan il-ħalib ma jissodisfax ċerti kriterji ta' kwalità u,

    –       min-naħa l-oħra, l-ammont miżmum b'dan il-mod matul perijodu partikolari mill-imħaleb kollha jiġi gglobalizzat qabel ma jitqassam mill-ġdid, wara li jsiru l-aġġustament finanzjarji meħtieġa bejn l-imħaleb, fil-forma ta' premji li l-ammont tagħhom ikun indaqs u li jitħallsu minn kull maħleb, għal kull 100 kilogramma ta' ħalib li jkunu ġew ikkunsinnati lilu matul l-imsemmi perijodu, lil dawk il-persuni li jrabbu baqar tal-ħalib li kienu kkunsinnaw il-ħalib li jissodisfa l-imsemmija kriterji ta' kwalità biss.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top