Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0519

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' April 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
    Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri - Sostituzzjoni tal-leave tal-ġenituri bil-leave tal-maternità - Data minn meta d-dritt individwali għal-leave tal-ġenituri huwa mogħti.
    Kawża C-519/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:234

    62003J0519



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża 519/03,

    li għandha bħala għan rikors għal nuqqas tat-twettiq ta' obbligu minn Stat Membru skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2003 fl-ismijiet,

    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn D. Martin, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    il-Gran Dukat tal-Lussemburgu , irrappreżentat minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn H. Dupong, avocat,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

    komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li jaqdi l-funzjoni ta' President tat-Tielet Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr, U. Lhmus u A. Ó Caoimh, Mħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2004,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Jannar 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi adotta l-Artikolu 7(2) u l-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 19 tal-liġi tat-12 ta' Frar 1999 li ħolqot il- leave tal-ġenituri u l- leave għhal raġunijiet familjari (iktar 'il quddiem il-liġi ta' l-1999), introdotti fis-sistema legali Lussembuġiża permezz ta' l-Artikolu XXIV tal-liġi tat-12 ta' Frar 1999 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali favur ix-xogħol 1998 ( Mémorial A 1999, p. 190), Artikoli li jikkonċernaw rispettivament:

    - is-sostituzzjoni tal- leave tal-ġenituri bil- leave tal-maternità, u

    - id-data li minn meta d-dritt individwali għal- leave tal-ġenituri huwa mogħti,

    il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li tiegħu li jirriżultaw mill-klawsola 2, punt 1, tal-ftehim qafas fuq il- leave tal-ġenituri (iktar 'il quddiem il-ftehim qafas) li tinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il- leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta' KETU (ĠU L 145, p. 4).

    Il-qafas legali

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/34 jipprovdi li l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw magħha, l-iktar tard, sat-3 ta' Ġunju 1998.

    3. Il-klawsola 2, punt 1, tal-ftehim qafas, tipprovdi li ġej:

    Dan il-ftehim jagħti, b'riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema irġiel u dawk nisa id-dritt individwali għal- leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta' l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-inqas għal tlett xhur, sa' l-età li tista' tkun ta' tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

    A - Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    4. L-Artikolu 7(2) tal-liġi ta' l-1999 jipprovdi li:

    Fil-każ li, matul il- leave tal-ġenituri, ikun hemm tqala jew jiġi milqugħ wild u b'hekk jitnissel rispettivament id-dritt għal- leave tal-maternità jew għal- leave sabiex jiġi milqugħ wild, il- leave tal-ġenituri jispiċċa u jiġi sostitwit mil- leave tal-maternità jew mil- leave sabiex jiġi milqugħ wild.

    5. Il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 19 ta' l-istess liġi jipprovdi li:

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel Kapitolu fuq il- leave tal-ġenituri jistgħu jiġu invokati mill-ġenituri fil-każ ta' wlied mwielda wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew ta' wlied li l-proċedura ta' l-adozzjoni tagħhom ġiet ippreżentata lill-qorti kompetenti wara din id-data.

    6. Skond is-sitt paragrafu ta' l-Artikolu 10 tal-liġi ta' l-1999, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tal-21 ta' Novembru 2002, li, fost affarijiet oħra, emendat il-liġi tat-12 ta' Frar 1999 li ħolqot il- leave tal-ġenituri u l- leave għal raġunijiet familjari ( Mémorial A 2002, p. 3098, iktar 'il quddiem il-liġi ta' l-2002):

    Iċ-ċaħda definittiva, mill-Fond [nazzjonali tal-benefiċċji tal-familja], tat-talba għall-benefiċċju tal-familja, prevista mill-Artikolu 8, ma tippreġudikax l-għotja eventwali ta' leave tal-ġenitur minn min iħaddem taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 96/34 [...]

    Il-proċedura pre-kontenzjuża

    7. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Mejju 2001 li kienet tiswa bħala intimazzjoni, il-Kummissjoni infurmat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li hija kienet tikkunsidra li l-Artikoli 7(2) u l-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 19 tal-liġi ta' l-1999 ma kienux konformi mad-Direttiva 96/34.

    8. Il-Gvern Lussemburġiż wieġeb għal din l-intimazzjoni permezz ta' ittra tas-26 ta' Lulju 2001, fejn huwa kkontesta n-nuqqas li bih ġie akkużat.

    9. Fit-13 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni indirizzat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu opinjoni motivata fejn hija kkunsidrat li l-liġi ta' l-1999 kienet għadha mhijiex konformi mad-dritt komunitarju f'dak li jikkonċerna s-sostituzzjoni tal- leave tal-maternità bil- leave tal-ġenituri u d-data minn meta d-dritt individwali għal- leave tal-ġenituri huwa mogħti. F'din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni stiednet lill-imsemmi Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt komunitarju f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha.

    10. Fid-19 ta' Mejju 2003, l-awtoritajiet Lussemburġiżi bagħtu lill-Kummissjoni l-liġi ta' l-2002. Skond is-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ma kinitx irċiviet din il-komunikazzjoni fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti.

    11. Kien f'dawn iċ-ċirkostanzi li l-Kummissjoni, li ma kellha ebda informazzjoni oħra rigward il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati mad-Direttiva 96/34, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    Fuq l-ammissibilità

    Argumentazzjoni tal-partijiet

    12. Il-Gvern Lussemburġiż iqajjem l-inammissibilità tar-rikors billi jsostni li hu bla skop peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien irrimedja għan-nuqqas li kien ġie akkużat bih permezz ta' l-emendi tal-liġi ta' l-1999 li jirriżultaw mil-liġi ta' l-2002, liema emendi kienu saru qabel ma skada t-terminu ta' xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata.

    13. L-imsemmi Gvern jsostni li r-rikors huwa wkoll inammissibbli għaliex il-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħhha fuq premessi żbaljati, billi hija ma kinitx qieset it-tweġiba għall-opinjoni motivata li kienet ġiet indirizzata lilha, liema tweġiba ntilfet mis-servizzi ta' din l-istituzzjoni.

    14. Fil-kontro-replika tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jżid li t-terminu ta' xahrejn li ngħatalu fl-opinjoni motivata sabiex jikkonforma l-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 96/34 ma kienx jikkostitwixxi terminu raġonevoli għaliex kien impossibli li jipproċedi bl-emendi leġislattivi rikjesti mill-Kummissjoni fi żmien daqshekk qasir.

    15. Il-Kummissjoni, l-ewwelnett, jiddispjaċiha li t-tweġiba għall-opinjoni motivata li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu bagħhat lill-Kummissarju Diamantopolou fit-13 ta' Ġunju 2003, ma kinitx ġiet trasmessa lis-Segretarjat Ġenerali ta' din l-istituzzjoni li kien ikun jista' jibgħatha lis-servizz ġuridiku tiegħu.

    16. Il-Kummissjoni mbagħad tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi vvalutata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Din il-ġurisprudenza tikkonferma d-dritt tal-Kummissjoni li tkompli r-rikors tagħha meta n-nuqqas ikun biss ġie rrimedjat wara li jkun skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni/Franza, C-152/00, Ġabra p. I-6973, point 15). Dan id-dritt jeżisti a fortiori fejn in-nuqqas ma jkunx ġie rrimedjat wara li jkun skada l-imsemmi terminu.

    17. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas li titqies it-tweġiba ta' l-awtoritajiet Lussemburġiżi għall-opinjoni motivata m'għandu ebda influwenza fuq l-ammissibilità tar-rikors u ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni/l-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punt 20).

    Valutazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    18. Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi vvalutata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni/il-Greċja, C-173/01, Ġabra p. I-6129, punt 7, u ta' l-10 ta' April 2003, il-Kummissjoni/Franza, C-114/02, Ġabra p. I3783, punt 9).

    19. Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li l-interess tal-Kummissjoni li tippreżenta rikors skond l-Artikolu 226 KE jeżisti anki meta l-vjolazzjoni kkontestata ġiet eleminata wara t-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta' Ġunju 1988, il-Kummissjoni/il-Belġju, 283/86, Ġabra p. 3271, punt 6).

    20. Qabel kollox, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni dwar jekk, qabel it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-liġi ta' l-2002 kinitx irrimedjat għan-nuqqas ikkontestat u jekk, b'riżultat, ir-rikors safa' nieqes minn skop qabel ma ġie ppreżentat, hija kwistjoni li għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta' l-analiżi tal-fondatezza tar-rikors.

    21. It-tieni nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax jibbaża ruħu la fuq in-nuqqas li titqies it-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata u linqas fuq it-trasmissjoni tardiva ta' din it-tweġiba lis-Segretarja Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jiġġustifika l-eċċezzjoni ta' inammissibilità li huwa qiegħed iqajjem kontra r-rikors. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li n-nuqqas li titqies it-tweġiba għall-opinjoni motivata mhuwiex deċiżiv. B'hekk, fil-punt 20 tas-sentenza tagħha il-Kummissjoni/l-Olanda, ċitata iktar 'il fuq, il-Qorti ddeċidiet li, anki kieku l-proċedura kontenzjuża kienet ġiet miftuħa minn rikors tal-Kummissjoni li ma qiesx il-possibiltà ta' elementi ġodda ta' fatt jew ta' dritt imressqa mill-Istat Membru kkonċernat fit-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata, id-drittijiet tad-difiża ta' dan l-Istat ma jkunux ġew miksura minħabba dan.

    22. Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni bbażata fuq l-inadegwatezza tat-terminu ta' xahrejn li ngħata lill-Gran Dukat fl-opinjoni motivata, din it-talba tqajjmet għall-ewwel darba fil-kontro-replika u mhijiex ibbażata fuq elementi ta' dritt u ta' fatt li ġew magħrufa matul il-proċedura.

    23. Din l-eċċezzjoni hija għaldaqstant inammissibbli.

    24. Jirriżulta, minn dak li ntqal qabel, li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

    Fuq il-fondatezza tar-rikors

    Fuq l-ewwel ilment

    - Argumentazzjoni tal-partijiet

    25. Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 7(2) tal-liġi ta' l-1999 li jipprovdi li d-dritt għal- leave tal-maternità li jinħoloq matul il- leave tal-ġenituri jissostitwixxi lil dan ta' l-aħħar li għandu għaldaqstant jintemm, mhuwiex kompatibbli mal-klawsola 2, punt 1 tal-ftehim qafas safejn l-imsemmi Artikolu 7(2) jipprovdi li l- leave tal-ġgenituri għandu obbligatorjament jintemm mal-bidu tal- leave tal-maternità, mingħajr ma l-mara tingħata l-opportunità li tittrasferixxi dik il-parti tal- leave li hija ma kinitx setgħat tibbenefika minnha.

    26. Skond il-Kummissjoni, il- leave tal-ġenituri huwa differenti mil- leave tal-maternità u għandu għan differenti minnu. Il-mara li l- leave tal-maternità tagħha jibda' matul il- leave tal-ġenituri tagħha għandha tkun tista', fid-dawl tad-dritt individwali għal- leave tal-ġenituri ta' mill-inqas tliet xhur li hija għandha taħt il-klawsola 2, punt 1 tal-ftehim qafas, tittrasferixxi dik il-parti tal- leave tal-ġenituri li hija ma setgħatx tieħu minħabba l- leave tal-maternità tagħha.

    27. Abbażi tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ddeċieda li jagħti leave tal-ġenitur ta' sitt xhur full-time jew ta' tnax-il xhar part-time , huwa għandu wkoll jagħti leave tal-ġenituri ta' l-istess tul ta' żmien lill-persuni kollha li jaqgħu ratione personae fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 96/34 u li, fin-nuqqas ta' ġgustifikazzjonijiet oġġettivi, huwa mhuwiex liberu li jiddistingwi fit-trattament tagħhom.

    28. Il-Gvern Lussemburġiż isostni li l-allegat ksur tal-ftehim qafas iseħħ biss f'ipotesijiet estremament rari. Peress li l-Artikolu 3(4) tal-liġi ta' l-1999 jimponi li wieħed mill-ġenituri jieħu l- leave tal-ġenituri minnufih wara l- leave tal-maternità u li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hija l-omm li tieħu dan il- leave , ma jkunx bijoloġikament possibbli li l- leave tal-ġenituri tagħha jiġi interrott minn leave tal-maternità mogħti minħabba tqala oħra.

    29. L-imsemmi Gvern jammetti, min-naħa l-oħra li, kieku jkun il-missier li jitlob il-benefiċċju tal- leave tal-ġenituri meta jiskadi l- leave tal-maternità tal-mara, ma jkunx jista' jiġi eskluż li, matul il- leave tal-ġenituri li jittieħed mill-missier, ikun hemm sussegwentement tqala u, għal din ir-raġuni, ikun hemm leave tal-maternità li twassal għat-tmiem tal- leave tal-ġenituri.

    30. Il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu isostni li huwa, madankollu, irrimedja għal ksur possibbli billi adotta, qabel l-iskadenza tat-terminu li ngħatalu fl-opinjoni motivata, il-liġi ta' l-2002 li inseriet fil-liġi ta' l-1999 verżjoni ġdida ta' l-Artikolu 10 f'din l-istess liġi. Is-sitt paragrafu ta' dan l-Artikolu fil-fatt jipprovdi li iċ-ċaħda definittiva, mill-Fond, tat-talba sabiex jinkiseb il-kumpens previst fl-Artikolu 8 ma tippreġudikax l-għotja eventwali ta' leave tal-ġenituri minn min iħaddem fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 96/34 [...].

    - Valutazzjoni tal-Qorti

    31. Dritt individwali għal- leave tal-ġenituri ta' mill-inqas tliet xhur huwa mogħti lill-ħaddiema, irġiel u nisa, mill-klawsola 2, punt 1 tal-ftehim qafas.

    32. Skond il-punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta' dan il-ftehim qafas, il- leave tal-ġenituri huwa differenti mil- leave tal-maternità. Il- leave tal-ġenituri huwa mogħti lill-ġenituri sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom. Dan il- leave jista' jittieħed sa età stabbilita ta' dan il-wild li tista' tlaħħaq it-tmien snin. F'dak li jirrigwarda l- leave tal-maternità, dan għandu għan differenti. Dan huwa intiż għall-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara u r-relazzjonijiet partikolari bejnha u t-tarbija tagħha matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u t-twelid, billi tevita li dawn ir-relazzjonijiet jiġu disturbati mill-akkumulazzjoni ta' piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta' attività professjonali (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta' Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 43).

    33. Minn dan jirriżulta li kull ġenitur għandu dritt għal leave tal-ġenituri ta' mill-inqas tliet xhur u li dan il- leave ma jistax jitnaqqas meta huwa interrott minn leave ieħor li għandu skop differenti minn dan tal- leave tal-ġenituri, bħal- leave tal-maternità. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leave garantit mid-dritt komunitarju ma jistax jeffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor garantit minn dan id-dritt. B'hekk fis-sentenza tat-18 ta' Marzu 2004, Merino Gómez, (C-342/01, li għadha ma ġietx ippubblikat fil-Ġabra, punt 41), il-Qorti iddeċidiet li t-teħid ta' leave tal-maternità ma setax jeffettwa dritt għal- leave annwali sħiħ.

    34. Huwa ċar li, billi eżiġa li l- leave tal-ġgenituri jintemm bil-fors fid-data meta jiġi interrott minn leave tal-maternità jew minn leave sabiex jiġgi milqugħ wild, mingħajr il-possibiltà għall-ġenitur li jittrasferixxi dik il-parti ta' l-imsemmi leave tal-ġenituri li ma setax jibbenefika minnha, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma ggarantiex leave tal-ġenituri għal żmien minimu ta' tliet xhur għall-ġenituri kollha. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu bis-saħħa tad-Direttiva 96/34.

    35. Din il-konklużjoni m'hijiex effettwata mill-fatt li hemm biss probabbiltà żgħira li leave tal-maternità jew leave sabiex jiġi milqugħ wild jista' jtemm prematurament il- leave tal-ġenituri. Fil-fatt, ċirkostanza bħal din m'għandhiex effett fuq l-eżistenza tan-nuqqas ikkontestat iżda biss fuq il-portata tiegħu. F'dan ir-rigward fil-punt 14 tas-sentenza tagħha tas-27 ta' Novembru 1990, il-Kummissjoni/Italja (C-209/88, Ġabra p. I-4313) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta' rispett ta' obbligu impost minn regola tad-dritt komunitarju jikkostitwixxi, minnu nnifsu, nuqqas ta' twettiq ta' obbligu u li l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta' rispett ma nissilx konsegwenzi negattivi mhijiex pertinenti.

    36. Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-emendi lil-liġi ta' l-1999 permezz tal-liġi ta' l-2002 temmewx l-imsemmi nuqqas.

    37. Dawn l-aħħar emendi daħħlu fil-liġi ta' l-1999 verżjoni ġdida ta' l-Artikolu 10 tagħhha u, b'mod partikolari, sitt paragrafu ta' dan l-Artikolu. Din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt għal- leave tal-ġenituri iżda tillimita ruħha sabiex tipprovdi għall-possibiltà li leave bħal dan ikun jista' jingħata minn min iħaddem u dan fid-diskrezzjoni ta' dan ta' l-aħħar.

    38. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sitt paragrafu ta' l-Artikolu 10 tal-liġi ta' l-1999 ma jtemmx in-nuqqas ikkontestat, li jirriżulta mill-Artikolu 7(2) ta' din l-istess liġi.

    39. Konsegwentement, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni sabiex issostni r-rikors tagħha għandu jiġi kkunsidrat bħhala fondat.

    Fuq it-tieni lment

    - Argumentazzjoni tal-partijiet

    40. Il-Kummissjoni ssostni li l-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 19 tal-liġi ta' l-1999, li jipprovdi li hemm biss id-dritt għal- leave tal-ġenituri fil-każ ta' wlied mwielda wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew li l-proċedura ta' adozzjoni tagħhom ġiet imressqa wara din id-data, huwa inkompatibbli mad-Direttiva 96/34.

    41. Skond il-Kummissjoni, din id-Direttiva ġġiegħel lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt għal- leave tal-ġenituri għall-ġenituri tal-minorenni kollha ta' ċerta età, li tista' tkun sa tmien snin, u li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu stabbilixxa għal ħames snin, indipendentement mill-fatt li huma twieldu qabel jew wara t-3 ta' Ġunju 1998, it-terminu previst għat-traspożizzjoni ta' l-imsemmija Direttiva

    42. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi jeżiġi li l-ulied ikunu twieldu wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew li l-proċedura ta' adozzjoni tkun ġiet imressqa quddiem il-qorti kompetenti wara din id-data, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/34 fis-sistema legali interna tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ssubordina il-benefiċċju tal- leave tal-ġenituri għal kundizzjoni supplementari li ma kinitx awtorizzata mid-Direttiva 96/34.

    43. Il-Gvern Lussemburġiż jirreplika li, min-naħa, l-avveniment li jwassal għad-dritt għal- leave tal-ġenituri huwa t-twelid jew l-adozzjoni ta' wild, avveniment li, sabiex iwassal għad-dritt tal- leave tal-ġenituri, għandu jseħħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/34 fl-Istat Membru kkonċernat.

    44. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Gvern jikkonsidra li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni timplika effett retroattiv tad-Direttiva 96/34. Huwa jfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-miżuri komunitarji għandhom biss effett retroattiv f'każijiet eċċezzjonali meta joħroġ b'mod ċar mit-termini ta' din il-miżura li din hija l-intenzjoni tal-leġiżlatur komunitarju. Dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti għaliex l-Istati Membri kienu, għall-kuntrarju, ipprevedew introduzzjoni progressiva tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva fis-sistema legali tagħhom.

    45. Barra minn dan, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li n-nuqqas ikkontestat kien intemm bl-introduzzjoni fil-liġi ta' l-1999 tas-sitt paragrafu ta' l-Artikolu 10 l-ġdid tagħha.

    - Valutazzjoni tal-Qorti

    46. Hemm lok li jiġi mfakkar li l-klawsola 2, punt 1 tal-ftehim qafas jagħti lill-ħaddiema dritt individwali għal- leave tal-ġenituri sabiex huma jkunu jistgħhu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom, u li dan il- leave jista' jittieħed sa età li tista' tkun sa tmien snin u li għandha tiġi definita mill-Istati Membri. Skond il-leġiżlazzjoni Lussemburġiża, dan il- leave jista' jittieħed sa ma l-wild ikun għalaq il-ħames snin.

    47. Minn dan jirriżulta li d-dritt għal- leave tal-ġgenituri huwa mogħti mid-Direttiva 96/34 lill-ġenituri kollha li għandhom wild ta' età li hija iżgħar minn ċertu limitu. Peress li din id-Direttiva tipprovdi li d-dritt għal- leave tal-ġenituri huwa disponibbli matul ċertu perijodu, sakemm ma l-wild ma jkun għalaq l-età stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, il-fatt li l-wild twieled qabel jew wara t-terminu previst għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward. Id-dritt għal- leave tal-ġenituri mhuwiex marbut mat-twelid jew ma' l-adozzjoni ta' wild, li huma kkunsidrati bħala fatti li, minħabba d-data li fiha huma seħħu, inisslu d-dritt għall-benefiċċju ta' leave bħal dan. Ċertament, il-kliem użat fil-ftehim qafas jistqarr li d-dritt għal- leave tal-ġenituri huwa mogħti għar-raġuni tat-twelid jew ta' l-adozzjoni ta' wild, imma formulazzjoni bħal din ma tirriflettix il-fatt li l-għotja ta' leave tal-ġenituri hija sottomessa għall-kundizzjoni li l-wild ikun twieled jew ikun ġie adottat. Dan ma jimplikax li, sabiex id-dritt għal- leave tal-ġenituri ikun fondat, it-twelid jew l-adozzjoni tal-wild tkun trid tkun seħħet wara d-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmija Direttiva fl-Istat Membru kkonċernat.

    48. Billi jeżiġi li l-wild f'isem min il-ġenitur jista' jibbenefika minn leave tal-ġenitur ikun twieled wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew li l-proċedura ta' l-adozzjoni ta' dan il-wild tkun ġiet imressqa wara din id-data, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu eskluda l-possibiltà li l-ġenituri ta' wlied imwielda jew adottati qabel din id-data, iżda li ma jkunux għalqu l-età ta' ħames snin fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi ta' l-1999, jibbenefikaw minn dan id-dritt. Din it-tip ta' implimentazzjoni tad-Direttiva 96/34 tmur kontra l-għan tagħha li huwa li tagħti dritt għal- leave tal-ġenituri lill-ġenituri ta' wlied li għadhom ma għalqux ċerta età. B'dan il-fatt, l-imsemmi Stat Membru żied kundizzjoni għad-dritt għal- leave tal-ġenituri previst minn din id-Direttiva li ma kinitx awtorizzata minnha.

    49. Hekk kif jinnota ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-Konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi bl-ebda mod ma tagħti effett retroattiv lid-Direttiva 96/34. Hija biss applikazzjoni immedjata tad-Direttiva lis-sitwazzjonijiet li tnisslu qabel id-dħul fis-seħħ tagħha (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta' Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I1049, punt 50).

    50. F'dak li jirrigwarda l-argument tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li huwa temm dan in-nuqqas bl-introduzzjoni tas-sitt paragrafu l-ġdid ta' l-Artikolu 10 tal-liġi ta' l-1999, hemm lok li jiġi mfakkar li dan ma jagħtix dritt għal- leave tal-ġenituri iżda jillimita ruħu sabiex jagħti l-possibiltà lil min iħaddem li joffri lill-impjegat leave tal-ġenituri. F'dawn il-kundizzjonijiet, din id-dispożizzjoni ma temmitx in-nuqqas ikkontestat.

    51. Minn kull ma jippreċedi jirriżulta li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni sabiex issostni r-rikors tagħhha għandu wkoll ikun ikkunsidrat bħala fondat.

    52. Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi pprovda li d-dritt għal- leave tal-maternità jew għal- leave sabiex jiġi milqugħ wild li jinħoloq matul leave tal-ġenituri jissostitwixxi lil dan ta' l-aħħar li għandu għaldaqstant jintemm, mingħajr il-possibiltà għall-ġenitur li jittrasferixxi l-parti mil- leave tal-ġenituri li ma setax jibbenefika minnha, u billi llimita l-għotja tad-dritt għal- leave tal-ġenituri għall-ġenituri ta' wlied imwielda wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew li l-proċedura ta' adozzjoni tagħhom ġiet imressqa wara din id-data, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE.

    Dwar l-ispejjeż

    53. Taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż jekk tkun saret talba f'dan is-sens. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li huwa jiġgi ordnat iħallas l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

    1) Billi pprovda li d-dritt għal- leave tal-maternità jew għal- leave sabiex jiġi milqugħ wild li jinħoloq matul leave tal-ġenituri jissostitwixxi lil dan ta' l-aħħar, li għandu għaldaqstant jintemm, mingħajr il-possibiltà għall-ġenitur li jittrasferixxi l-parti mil- leave tal-ġenituri li ma setax jibbenefika minnha, u billi llimita l-għotja tad-dritt għal- leave tal-ġenituri għall-ġenituri ta' wlied imwielda wara l-31 ta' Diċembru 1998 jew li l-proċedura ta' adozzjoni tagħhom ġiet imressqa wara din id-data, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il- leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta' KETU

    2) Tordna lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jbati l-ispejjeż.

    Top