EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0265

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' April 2005.
Igor Simutenkov vs Ministerio de Educación y Cultura u Real Federación Española de Fútbol.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Nacional - Spanja.
Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja - Artikolu 23(1) - Effett dirett - Kundizzjonijiet relatati ma' l-impjieg - Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni - Futbol - Limitu tan-numru ta' plejers professjonali ċittadini ta' Stati terzi li jistgħu jilagħbu ma' tim f'kompetizzjoni nazzjonali.
Kawża C-265/03.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2005:213

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta' April 2005 (*)

"Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja – Artikolu 23(1) – Effett dirett – Kundizzjonijiet relatati ma' l-impjieg – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni – Futbol – Limitu tan-numru ta' plejers professjonali ċittadini ta' Stati terzi li jistgħu jilagħbu ma' tim f'kompetizzjoni nazzjonali"

Fil-kawża C-265/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Mejju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Ġunju 2003, fil-proċedura

Igor Simutenkov

vs

Ministerio de Educación y Cultura,

Real Federación Española de Fútbol,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, J. Makarczyk, P. Kūris, Ilešič (Relatur), U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Simutenkov, minn M. Álvarez de la Rosa, abogado, u F. Toledo Hontiyuelo, procuradora,

–       għar-Real Federación Española de Fútbol, minn J. Fraile Quinzaños, abogado, u J. Villasante García, procurador,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, minn F. Hoffmeister u D. Martin, kif ukoll minn I. Martínez del Peral, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 tal-Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropew u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni tar-Russja, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Korfù, fl-24 ta' Ġunju 1994 u approvat f'isem il-Komunitajiet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/800/KEFA, KE, Euratom u tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Ottubru 1997 (ĠU L 327, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Simutenkov u l-Ministerio de Educación y Cultura (Ministeru ta' l-Edukazzjoni u tal-Kultura) u r-Real Federación Española de Fútbol (Federazzjoni Spanjola tal-Futbol, iktar 'il quddiem ir-"RFEF") dwar regoli ta' l-isport li jillimitaw in-numru ta' plejers ta' Stati terzi li jistgħu jilagħbu fil-kompetizzjonijiet nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997. L-Artikolu 23(1) tiegħu, li jinsab fit-Titolu IV ta' dan il-Ftehim, intitolat "Dispożizzjonijiet relatati ma' l-attivitajiet ta' l-impriżi u ma' l-investimenti", taħt il-Kapitolu I, huwa stess intitolat "Kundizzjonijiet relatati ma' l-impjieg", jipprovdi li:

"Salv/Bla ħsara għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli f'kull Stat Membru, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini Russi legalment impjegati fuq it-territorju ta' Stat Membru ma jkunux suġġetti għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' xogħol, ta' remunerazzjoni jew ta' tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat Membru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-Artikolu 27 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jipprovdi kif ġej:

"Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jagħmel rakkamondazzjonijiet għall-implementazzjoni ta' l-Artikoli 23 u 26 ta' dan il-Ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 48 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja, li jinsab taħt l-istess Titolu IV, jipprovdi li:

"Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandha tkun ta' ostakolu għall-applikazzjoni, mill-partijiet, tal-liġijiet u r-regoli tagħhom dwar id-dħul u r-residenza, l-impjieg, il-kundizzjonijiet ta' xogħol, l-istabbiliment ta' persuni fiżiċi u l-prestazzjoni ta' servizzi, bil-kundizzjoni li ma jiġux mnaqqsa fix-xejn jew ma jiġux kompromessi l-vantaġġi li jibbenefika minnhom wieħed mill-partijiet minn dispożizzjoni speċifika ta' dan il-Ftehim. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       Is-Sur Simutenkov huwa ċittadin Russu li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, kien jgħix Spanja, fejn huwa kellu permess ta' residenza u permess ta' xogħol. Billi kien impjegat bħala plejer tal-futbol professjonali skond kuntratt ta' xogħol konkluż mal-Club Deportivo Tenerife, huwa kellu liċenzja federali fil-kwalità ta' plejer mhux Komunitarju.

7       Matul ix-xahar ta' Jannar 2001, is-Sur Simutenkov ippreżenta, permezz ta' l-intermedjarju ta' l-imsemmi klabb, talba lir-RFEF sabiex din ta' l-aħħar tissostitwixxi l-liċenzja federali li kellu b'liċenzja identika għal dik li għandhom il-plejers Komunitarji. B'sostenn għal din it-talba, huwa invoka l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja.

8       B'deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2001, ir-RFEF ċaħdet din it-talba b'applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali tagħha u tal-ftehim konkluż fit-28 ta' Mejju 1999 bejnha u bejn il-kampjonat nazzjonali tal-futbol professjonali (iktar 'il quddiem il-"Ftehim tat-28 ta' Mejju 1999").

9       Skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Ġenerali tar-RFEF, liċenzja ta' plejer tal-futbol professjonali hija dokument maħruġ minn din il-federazzjoni, li tippermetti lill-plejer jippratika dan l-isport bħala membru ta' din ta' l-aħħar u li jiġi magħżul biex jilgħab fil-partiti u fil-kompetizzjonijiet uffiċjali bħala plejer li jappartjeni għal klabb partikolari.

10     L-Artikolu 173 ta' dan l-istess Regolament Ġenerali jipprovdi li:

"Il-plejers tal-futbol għandu jkollhom nazzjonalità Spanjola jew għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea biex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati u jiksbu l-liċenzja ta' plejer professjonali, salv/bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament."

11     L-Artikolu 176(1) ta' l-imsemmi Regolament Ġenerali jipprovdi li:

"1.      It-timijiet li jidħlu għal kompetizzjonijiet uffiċjali organizzati fuq skala nazzjonali u li huma ta' natura professjonali jistgħu jirreġistraw plejers barranin li mhumiex ċittadini Komunitarji, li n-numru tagħhom huwa ffissat fil-ftehim konklużi għal dan il-għan bejn ir-RFEF, il-kampjonat nazzjonali tal-futbol professjonali u l-assoċazzjoni tal-plejers tal-futbol Spanjoli, ftehim li jirregolaw, fost l-oħrajn, in-numru ta' plejers ta' din il-kategorija li jistgħu jilgħabu simultanjament.

[…]"

12     Skond il-Ftehim tat-28 ta' Mejju 1999, in-numru ta' plejers li mhumiex ċittadini ta' Stati Membri li jistgħu jilagħbu simultanjament fl-ewwel diviżjoni huwa limitat għal tlieta għall-istaġuni 2000/2001 sa 2004/2005 u, f'dak li jirrigwarda t-tieni diviżjoni, għal tlieta għall-istaġuni 2000/2001 kif ukoll 2001/2002 u għal tnejn għat-tliet staġuni segwenti/ta' wara.

13     Billi jikkunsidra li d-distinzjoni li saret minn dan ir-regolament bejn iċ-ċittadini ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-"ŻEE") u ċ-ċittadini ta' Stati terzi hija, għal dak li jirrigwarda l-plejers Russi, inkompatibbli ma' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja u li hija tillimita l-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, is-Sur Simutenkov ressaq rikors quddiem il-Juzgado Central de lo Contencioso Administrativo kontra d-deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2001 li tiċħad it-talba tiegħu għal liċenzja ġdida.

14     Billi l-imsemmi rikors ġie miċħud b'sentenza tat-22 ta' Ottubru 2002, is-Sur Simutenkov appella minn din ta' l-aħħar quddiem l-Audiencia Nacional li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"L-Artikolu 23 tal-Ftehim ta' Sħubija [bejn il-Komunitajiet u r-Russja] jimpedixxi l-applikazzjoni minn federazzjoni sportiva għal bniedem li jieħu sehem fl-isports professjonalment, li huwa ta' nazzjonalità Russa, impjegat regolarment minn klabb tal-futbol Spanjol, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ta' regola li tistabbilixxi li, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq skala nazzjonali, il-klabbs mhumiex awtorizzati jilagħbu ħlief numru limitat ta' plejers li huma minn Stati terzi li mhumiex parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea?"

 Fuq id-domanda preliminari

15     Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja għandux jiġi interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni għal bniedem li jieħu sehem fl-isports professjonalment, li huwa ta' nazzjonalità Russa, regolarment impjegat minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta' regola stabbilita minn federazzjoni sportiva ta' l-istess Stat, li tistabbilixxi li fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq skala nazzjonali, il-klabbs mhumiex awtorizzati jilagħbu ħlief numru limitat ta' plejers li huma minn Stati terzi li mhumiex parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

16     Is-Sur Simutenkov u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jimpedixxi regola bħal dik stabbilita mill-Ftehim tat-28 ta' Mejju 1999.

17     Ir-RFEF, min-naħa l-oħra, tinvoka in sostenn tal-pożizzjoni tagħha t-termini/il-kliem "salv/bla ħsara għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli f'kull Stat Membru", li jinsabu fil-bidu ta' l-imsemmi Artikolu 23(1). Minn din ir-riżerva hija tiddeduċi li l-kompetenza, li hija attribwita lilha mil-liġi, li toħroġ liċenzji għall-plejers tal-futbol, kif ukoll ir-regoli ta' l-isport li hija adottat, għandhom jiġu applikati bi prijorità fuq il-prinċipju ta' non diskriminazzjoni msemmi fl-istess dispożizzjoni. Hija ssostni wkoll li l-ħruġ ta' liċenzja u r-regoli dwar dan jifformaw parti mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet u ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet ta' xogħol.

18     Għal dak li jirrigwarda l-Gvern Spanjol, huwa jadotta l-osservazzjonijiet tar-RFEF u jsostni, b'mod partikolari, li skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ġurisprudenza li tinterpretaha, il-liċenzja federali mhijiex kundizzjoni ta' xogħol, iżda awtorizzazzjoni amministrattiva li sservi ta' permess sabiex wieħed jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet sportivi.

19     Sabiex tingħata risposta effettiva lid-domanda magħmula, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jistax jiġi invokat minn individwu quddiem il-qrati ta' Stat Membru u, fit-tieni lok, f'każ ta' risposta affermattiva, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni stabbilit f'din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-effett dirett ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja

20     Għandu jiġi rrilevat li billi din il-kwistjoni dwar l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja fis-sistema legali tal-partijiet f'dan il-Ftehim (iktar 'il quddiem il-"partijiet") ma ġietx irregolata minn dan ta' l-aħħar, huwa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuqha bl-istess mod bħal ma tiddeċiedi dwar kull kwistjoni oħra ta' interpretazzjoni relatata ma' l-applikazzjoni ta' ftehim fil-Komunità (sentenza tat-23 ta' Novembru 1999, Portugal vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 34).

21     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti/stabbilita, dispożizzjoni ta' ftehim konkluż mill-Komunitajiet ma' Stati terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija ta' applikazzjoni diretta meta, fid-dawl tat-termini/tal-kliem tagħha kif ukoll ta' l-għan u n-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż li mhuwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta' ebda att ulterjuri (sentenzi tas-27 ta' Settembru 2001, Gloszczuk, C-63/99, Ġabra p. I-6369, punt 30, u tat-8 ta' Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C-171/01, Ġabra p. I-4301, punt 54).

22     Mill-kliem ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, f'termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, il-projbizzjoni għal kull Stat Membru li jittratta b'mod diskriminatorju, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, l-impjegati Russi meta mqabbla maċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat, f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' xogħol, remunerazzjoni jew tkeċċija. L-impjegati li jibbenefikaw mill-imsemmija dispożizzjoni huma dawk li għandhom in-nazzjonalità Russa u huma impjegati legalment fuq it-territorju ta' Stat Membru.

23     Din ir-regola ta' trattament ugwali tippreskrivi obbligu ta' riżultat preċiż u hija tista', essenzjalment, tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex jitlob lil din ta' l-aħħar tannulla d-dispożizzjonijiet diskriminatorji, mingħajr ma l-adozzjoni ta' miżuri ta' applikazzjoni supplementari tkun rikjesta għal dan il-għan (sentenzi tad-29 ta' Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 22, u Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58).

24     Din l-interpretazzjoni mhijiex ikkontestata mit-termini "[b]la ħsara għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli f'kull Stat Membru", li jinsabu fil-bidu ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja, u lanqas mill-Artikolu 48 ta' dan ta' l-aħħar. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikunu interpretati fis-sens li huma jippermettu lill-Istati Membri li jirrestrinġu b'mod diskrezzjonali l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni stabbilit fl-imsemmi Artikolu 23(1), peress li tali interpretazzjoni jkollha r-riżultat li tirrendi lil din l-aħħar dispożizzjoni mingħajr tifsira u b'hekk tipprivaha minn kull effett utli (sentenzi Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 24, kif ukoll tat-8 ta' Mejju 2003, Deutscher Handballbund, C-438/00, Ġabra p. I-4135, punt 29).

25     L-Artikolu 27 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja lanqas ma jimpedixxi effett dirett ta' l-Artikolu 23(1) ta' dan ta' l-aħħar. Il-fatt li dan l-Artikolu 27 jipprovdi li l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 23 hija effettwata fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, ma jissuġġettax l-applikabbiltà ta' din l-aħħar dispożizzjoni, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta' att ulterjuri. Ir-rwol li l-imsemmi Artikolu 27 jagħti lil dan il-kunsill huwa li jiffaċilita' r-rispett tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, iżda m'għandux ikun ikkunsidrat bħala li jillimita' l-applikazzjoni immedjata ta' din ta' l-aħħar (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-31 ta' Jannar 1991, Kziber, C-18/90, Ġabra p. I-199, punt 19, u ta' l-4 ta' Mejju 1999, Sürül, C-262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 66).

26     Il-konstatazzjoni li l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja għandu effett dirett mhijiex, barra minn hekk, ikkontradetta mill-għan u n-natura ta' dan il-ftehim.

27     Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Ftehim, dan għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija bejn il-partijiet, intiża sabiex tippromwovi, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet politiċi mill-viċin bejn dawn il-partijiet, kummerċ u relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bejn dawn ta' l-aħħar, libertajiet politiċi u ekonomiċi, kif ukoll it-twettiq ta' integrazzjoni progressiva bejn il-Federazzjoni tar-Russja u żona iktar vasta/wiesgħa ta' kooperazzjoni fl-Ewropa.

28     Għaldaqstant il-fatt li l-imsemmi Ftehim jillimita ruħu għall-ħolqien ta' sħubija bejn il-partijiet, mingħajr ma jipprevedi assoċazzjoni jew adeżjoni futura tal-Federazzjoni tar-Russja mal-Komunitajiet, mhuwiex ta' natura li jimpedixxi l-effett dirett ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta ftehim jistabbilixxi kooperazzjoni bejn il-partijiet, ċerti dispożizzjonijiet inklużi fih jistgħu, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 ta' din is-sentenza, jirregolaw direttament is-sitwazzjoni legali ta' l-individwi (ara s-sentenzi Kziber, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21; tal-15 ta' Jannar 1998, Babahenini, C-113/97, Ġabra p. I-183, punt 17, u tas-16 ta' Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punti 34 sa 36).

29     Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja għandu effett dirett, b'tali mod li l-individwi li japplika għalihom għandhom id-dritt li jagħmlu użu minnu quddiem il-qrati ta' l-Istati Membri.

 Fuq il-portata tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja

30     Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija analoga/simili għal dik sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar 'il fuq. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim Europew li jistabbilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropew u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Slovakka, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fl-4 ta' Ottubru 1993 u approvat f'isem il-Komunitajiet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/909/KEFA, KE, Euratom, tad-19 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 359, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja"), kellu jiġi interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni għal bniedem li jieħu sehem fl-isports professjonalment, li huwa ta' nazzjonalità Slovakka, regolarment impjegat minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta' regola stabbilita minn federazzjoni sportiva ta' l-istess Stat, li tistabbilixxi li fil-logħbiet għal kampjonat jew għal tazza, il-klabbs mhumiex awtorizzati jilagħbu, ħlief numru limitat ta' plejers li huma minn Stati terzi li mhumiex parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

31     L-ewwel inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 38(1) kien ifformulat kif ġej:

"Salv/Bla ħsara għal kundizzjonijiet u modalitajiet applikabbli f'kull Stat Membru […] il-ħaddiema ta' nazzjonalità Slovakka legalment impjegati fuq it-territorju ta' Stat Membru m'għandhomx ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' xogħol, ta' remunerazzjoni jew ta' tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat Membru". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fost l-oħrajn, li regola li tillimita n-numru ta' plejers professjonali li huma ċittadini ta' Stat terz ikkonċernat li jkun jista' jilgħab fil-kompetizzjoni nazzjonali kienet relatata mal-kundizzjonijiet ta' xogħol fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja, safejn hija kellha effett dirett fuq il-parteċipazzjoni, fil-logħbiet ta' din il-kompetizzjoni, ta' plejer professjonali Slovakk diġà regolarment impjegat fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar 'il fuq, punti 44 sa 46).

33     Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-interpretazzjoni stabbilita fir-rigward ta' l-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 39(2) KE) fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921), fis-sens li l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tapplika għal regoli stabbiliti minn assoċazzjonijiet sportivi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' attività b'salarju minn persuni li jieħdu sehem fl-isports professjonalment u li timpedixxi limitazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, tan-numru ta' plejers li jistgħu jilagħbu simultanjament, setgħet tiġi trasposta għall-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja (sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar 'il fuq, punti 31 sa 37 u 48 sa 51).

34     Għandu jiġi kkonstatat li t-terminoloġija ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jixbah ħafna lil dak ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja. Fil-fatt, l-unika differenza eċċezzjonali fit-terminoloġija ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tinsab fl-użu tat-termini "il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini Russi […] ma jkunux suġġetti għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità […]", minn naħa, u "il-ħaddiema ta' nazzjonalità Slovakka […] m'għandhomx ikunu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità […]", min-naħa l-oħra. Madankollu, fid-dawl tal-konstatazzjoni fil-punti 22 u 23 ta' din is-sentenza li t-terminoloġija ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja tesprimi f'termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, id-differenza fl-abbozzar esposta iktar 'il fuq mhijiex ostakolu għat-traspożizzjoni ta' l-interpretazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar 'il fuq, fl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja.

35     Ċertament, kuntrarjament għall-Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja, il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja m'għandux l-għan li jikkrea assoċazzjoni maħsuba sabiex twassal għall-integrazzjoni progressiva ta' l-Istat terz in kwistjoni fil-Komunitajiet Ewropew, iżda huwa intiż sabiex iwettaq "l-integrazzjoni progressiva bejn ir-Russja u żona iktar vasta/wiesgħa ta' kooperazzjoni fl-Ewropa".

36     Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta, mill-kuntest jew mill-għan ta' l-imsemmi Ftehim ta' Sħubija, li dan ta' l-aħħar kien intiż sabiex lill-projbizzjoni ta' "diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, f'dan li jirrigwardaw l-kundizzjonijiet ta' xogħol […] meta mqabbla maċ-ċittadini ta' l-imsemmi Stat Membru" jagħtiha sinjifikat ieħor barra dak li jirriżulta mis-sens ordinarju ta' dawn it-termini. Konsegwentement, bħall-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta' Assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet u s-Slovakkja, l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja jistabbilixxi, favur il-ħaddiema Russi legalment impjegati fuq it-territorju ta' Stat Membru, dritt għal trattament ugwali fil-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' l-istess portata bħal dak rikkonoxxut f'termini simili għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri mit-Trattat KE, li jipprekludi limitu bbażat fuq in-nazzjonalità bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja f'ċirkustanzi simili fis-sentenzi Bosman u Deutscher Handballbund, iċċitati iktar 'il fuq.

37     Barra minn hekk, fl-imsemmija sentenzi Bosman u Deutscher Handballbund, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola bħal dik fil-kawża prinċipali hija relatata mal-kundizzjonijiet ta' xogħol (sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar 'il fuq, punti 44 sa 46). Għaldaqstant, il-fatt li l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja japplika biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' xogħol, ta' remunerazzjoni jew ta' tkeċċija u għaldaqstant ma japplikax għar-regoli dwar l-aċċess għall-impjieg, huwa irrilevanti.

38     Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-limitu bbażat fuq in-nazzjonalità ma jirrigwardax logħbiet speċifiċi, bejn timijiet li jirrappreżentaw il-pajjiżi tagħhom, iżda japplika għal-logħbiet uffiċjali bejn klabbs u, għaldaqstant, għall-parti l-kbira ta' l-attività eżerċitata mill-plejers professjonali. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni bħal din m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet sportivi (sentenzi Bosman iċċitati iktar 'il fuq, punti 128 sa 137, u Deutscher Handballbund, punti 54 sa 56).

39     Barra minn hekk, l-ebda argument ieħor ta' natura li jiġġustifika oġġettivament id-differenza fit-trattament bejn il-plejers professjonali li huma ċittadini ta' Stat Membru jew ta' Stat li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, minn naħa, u l-plejers professjonali ta' nazzjonalità Russa, min-naħa l-oħra, ma ġie invokat fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

40     Fl-aħħar, kif ġie kkonstatat fil-punt 24 ta' din is-sentenza, it-termini "[s]alv/[b]la ħsara għal-liġijiet, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli f'kull Stat Membru", li jinsabu fil-bidu ta' l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja, u l-Artikolu 48 ta' l-istess Ftehim m'għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li jirrestrinġu b'mod diskrezzjonali l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni stabbilit permezz ta' l-ewwel minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, peress li tali interpretazzjoni jkollha bħala riżultat li tirrendi lil din id-dispożizzjoni mingħajr tifsira u b'hekk tipprivaha minn kull effett utli.

41     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Komunitajiet u r-Russja għandu jkun interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni għal bniedem li jieħu sehem fl-isports professjonalment, li huwa ta' nazzjonalità Russa, regolarment impjegat minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta' regola stabbilita minn federazzjoni sportiva ta' l-istess Stat, li tipprovdi li, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq skala nazzjonali, il-klabbs mhumiex awtorizzati jilagħbu ħlief numru limitat ta' plejers li huma minn Stati terzi li mhumiex parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

 Fuq l-ispejjeż

42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 23(1) tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni tar-Russja, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Korfù fl-24 ta' Ġunju 1994 u approvat f'isem il-Komunitajiet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 97/800/KEFA, KE, Euratom, tat-30 ta' Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimpedixxi l-applikazzjoni għal bniedem li jieħu sehem fl-isports professjonalment, li huwa ta' nazzjonalità Russa, regolarment impjegat minn klabb stabbilit fi Stat Membru, ta' regola stabbilita minn federazzjoni sportiva ta' l-istess Stat, li tipprovdi li, fil-kompetizzjonijiet organizzati fuq skala nazzjonali, il-klabbs mhumiex awtorizzati jilagħbu ħlief numru limitat ta' plejers li huma minn Stati terzi li mhumiex parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq