Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0529

    Presuda Suda (drugo vijeće) od 08. svibnja 2013.
    Olaitan Ajoke Alarape i Olukayode Azeez Tijani protiv Secretary of State for the Home Department.
    Zahtjev za prethodnu odluku podnesena po Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London.
    Predmet C-529/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:290

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    8 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-persuni — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Konjuġi ddivorzjata ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ħadem fi Stat Membru ieħor — Wild maġġorenni li jkompli l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti — Dritt ta’ residenza għall-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz — Direttiva 2004/38/KE — Artikoli 16 sa 18 — Dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru — Residenza legali — Residenza bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 12”

    Fil-Kawża C‑529/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit), b’deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

    Olaitan Ajoke Alarape,

    Olukayode Azeez Tijani

    vs

    Secretary of State for the Home Department,

    fil-preżenza ta’:

    AIRE Centre,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal O.A. Alarape u O.A. Tijani, minn Z. Jafferji, barrister,

    għal AIRE Centre, minn A. Weiss, legal director, u A. Berry, barrister,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn F. Saheed u minn B. Kennelly, barristers,

    għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, rettifiki ĠU L 299, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”), u tal-Artikoli 16(2) u 17(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn O.A. Alarape u binha, O.A. Tijani, u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) rigward iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba tagħhom sabiex jiksbu dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit skont id-Direttiva 2004/38.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1612/68

    3

    L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li tħassru bid-Direttiva 2004/38, kien jipprovdi:

    “It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

    Stati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

    Id-Direttiva 2004/38

    4

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    1)

    ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

    2)

    ‘membru tal-familja’ tfisser:

    a)

    ir-raġel jew martu;

    […]

    (ċ)

    id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

    […]

    3)

    ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

    5

    Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha. L-Artikolu 6 jikkonċerna “[d]ritt ta’ residenza sa tliet xhur”.

    6

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” huwa miktub kif ġej:

    “1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

    a)

    ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

    b)

    għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

    ċ)

    miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

    għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

    d)

    membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

    2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a),(b) jew (ċ).

    3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    a)

    il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

    b)

    il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

    ċ)

    il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

    d)

    il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

    4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

    7

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja fil-każ ta’ mewt jew [ta’] tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, jipprovdi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti m’għandux jolqot id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

    2.   Mingħajr preġudizzju tat-tieni sottoparagrafu, il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ma jwassalx it-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li kienu qed jgħixu fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja għal ta’ l-inqas sena qabel il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

    Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ suġġett għall-ħtieġa li jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, kif ukoll li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma parti min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

    Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.

    3.   It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

    8

    Taħt it-titolu “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ Stat Membru.

    Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

    2.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

    a)

    qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

    b)

    ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom il-kustodja tat-tfal taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizjarja; jew

    ċ)

    dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; jew

    d)

    ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ aċċess għal tifel/tifla minorenni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, b’kondizzjoni li l-Qorti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti, u għal tul ta’ żmien meqjus bħala neċessarju.

    Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

    Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

    9

    Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom” huwa miktub kif ġej:

    “1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

    3.   Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

    4.   Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

    10

    Taħt it-titolu “Derogi favur persuni li m’għadhomx jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti u għall-membri tal-familja tagħhom”, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprevedi għal dawn il-ħaddiema u lill-membri tal-familja tagħhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti li għandu jitgawda qabel ma jgħaddi perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza.

    11

    Taħt l-istess Kapitolu IV, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti minn ċerti membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”, jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti.”

    Id-dritt tar-Renju Unit

    12

    Ir-Regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”] daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2006 u huwa intiż sabiex jimplementa, fid-dritt tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

    13

    L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-2006 jipprovdi:

    “1)   Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, b’‘membru tal-familja li żamm id-dritt ta’ residenza’, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8, huwa mifhum persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5.

    […]

    5)   Persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu jekk:

    a)

    hija tkun waqfet milli tkun membru tal-familja ta’ persuna eliġibbli wara t-tmiem taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili ta’ din il-persuna eliġibbli;

    b)

    hija kienet tirrisjedi fir-Renju Unit skont dan ir-regolament fid-data tat-tmiem;

    c)

    hija tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 6, u

    d)

    hija tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    i)

    qabel il-bidu tal-proċedura li wasslet għat-tmiem taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili, iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili dam tal-inqas tliet snin u, matul dan iż-żmien, il-partijiet fiż-żwieġ jew fl-unjoni ċivili rrisjedew fir-Renju Unit matul tal-inqas sena;

    ii)

    l-ex konjuġi jew sieħeb ċivili tal-persuna eliġibbli għall-kustodja tal-wild tal-persuna eliġibbli;

    iii)

    l-ex konjuġi jew sieħeb ċivili tal-persuna eliġibbli jgawdi minn dritt ta’ aċċess għal wild tal-persuna eliġibbli ta’ mhux iktar minn 18-il sena u qorti tkun ordnat li dan id-dritt jiġi eżerċitat fir-Renju Unit, jew

    iv)

    sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeħtieġu ż-żamma tad-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit tal-persuna, pereżempju l-fatt li hija stess jew membru ieħor tal-familja ieħor kien vittma ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ jew l-unjoni rreġistrata jkunu għadhom fis-seħħ.

    6)   Il-kundizzjoni prevista f’dan il-paragrafu hija li l-persuna

    a)

    ma hijiex ċittadina taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] iżda, jekk hija kienet ċittadina taż-ŻEE, hija tkun ħaddiema impjegata jew li taħdem għal rasha jew persuna li tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha stess skont l-Artikolu 6, jew

    b)

    hija membru tal-familja ta’ persuna li taqa’ taħt il-punt (a).

    […]”

    14

    Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-2006 jipprovdi:

    “1)   Il-persuni li ġejjin jiksbu dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit:

    a)

    kull ċittadin taż-ŻEE li rrisjeda fir-Renju Unit skont dan ir-regolament matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin;

    b)

    kull membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE li ma huwiex huwa stess ċittadin taż-ŻEE, iżda li rrisjeda fir-Renju Unit maċ-ċittadin taż-ŻEE b’mod konformi ma’ dan ir-regolament matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin;

    c)

    kull ħaddiem impjegat jew mhux impjegat li waqaf milli jeżerċita l-attività tiegħu;

    d)

    il-membru tal-familja ta’ ħaddiem impjegat jew mhux impjegat li waqaf milli jeżerċita l-attività tiegħu;

    e)

    kull persuna li kienet membru tal-familja ta’ ħaddiem impjegat jew mhux impjegat, jekk

    i)

    il-ħaddiem impjegat jew mhux impjegat miet;

    ii)

    il-membru tal-familja kien jirrisjedi miegħu immedjatament qabel il-mewt tiegħu, u

    iii)

    il-ħaddiem impjegat jew mhux impjegat irrisjeda fir-Renju Unit matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas sentejn immedjatament qabel il-mewt tiegħu jew jekk il-mewt huwa l-konsegwenza ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol;

    f)

    kull persuna li:

    i)

    rrisjediet fir-Renju Unit b’mod konformi ma’ dan ir-regolament matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, u

    ii)

    li kienet, fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, membru tal-familja li żammet id-dritt ta’ residenza.

    2)   Ladarba miksub, id-dritt ta’ residenza permanenti li jirriżulta minn dan ir-regolament ma jintilifx minħabba assenzi mir-Renju Unit ta’ tul ta’ żmien iktar minn sentejn konsekuttivi.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    O.A. Alarape u binha O.A. Tijani, it-tnejn ta’ nazzjonalità Niġerjana, twieldu rispettivament fid-9 ta’ Lulju 1970 u fit-28 ta’ Frar 1988. Wara li stabbilixxew ruħhom fir-Renju Unit, fix-xahar ta’ Lulju 2004 u fix-xahar ta’ Awwissu 2005, huma kisbu permess ta’ residenza inkwantu, rispettivament, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u dixxendenti ta’ inqas minn 21 sena jew dipendenti, fejn it-terminu ta’ dawn it-titoli kien jiskadi fis-17 ta’ Frar 2009.

    16

    Matul ir-residenza tagħha fir-Renju Unit, O.A. Alarape eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha part-time bi dħul fix-xahar ta’ madwar GPB 1 600. Hija ħallset it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali tagħha.

    17

    O.A. Tijani segwa edukazzjoni full-time sa minn meta wasal fir-Renju Unit, l-ewwel fi skola, sussegwentement fil-London Metropolitan University u, fl-aħħar nett, fil-London South Bank University. Fit-data meta tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kien ġie formalment ammess fl-università ta’ Edinburgh sabiex jipprepara dottorat. Bħala prinċipju, huwa kien previst li jgħix f’Edinburgh (ir-Renju Unit) matul il-perijodu tal-kors. Matul is-snin 2006 sa 2008, huwa ħadem part-time.

    18

    B’deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2010, is-Secretary of State ċaħad it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża sabiex jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit skont id-Direttiva 2004/38. Fis-16 ta’ Frar ta’ wara, O.A. Alarape ddivorzjat.

    19

    Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni tas-Secretary of State ġie miċħud mill-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), minħabba l-fatt li huma ma kinux ipproduċew il-prova, skont din il-qorti, li l-membru tal-familja tagħhom, li huwa ċittadin tal-Unjoni, kien eżerċita fir-Renju Unit drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat KE matul il-perijodu kkonċernat, fejn il-provi prodotti f’dan ir-rigward ma jistabbilixxux il-kundizzjoni ta’ ħaddiem impjegat tal-persuna kkonċernata ħlief għall-perijodu inkluż bejn ix-xahar ta’ April 2004 u dak ta’ April 2006. Din il-qorti ċaħdet ukoll l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, minn naħa, O.A. Alarape kienet kisbet iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħha wara d-divorzju tagħha u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kien ġie miksur permezz ta’ din id-deċiżjoni dwar ċaħda.

    20

    Fil-kuntest tal-proċedura tal-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni tal-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qajmu għall-ewwel darba argument ibbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) jista’ jkun li wettaq żball ta’ liġi meta ma eżaminax, fil-kawża prinċipali, l-effett possibbli tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li tali effett imissu ġie eżaminat ex officio, b’mod li ċ-ċirkustanza li dan l-artikolu ma kienx ġie invokat fl-ewwel istanza mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma hijiex ta’ natura li tista’ tinfluwenza l-proċedura.

    22

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Sabiex ġenitur ikun jikkwalifika bħala ‛il-persuna li għandha effettivament il-kustodja tat-tfal’ bil-għan li jakkwista dritt ta’ residenza minn fuq tfal li għandhom iktar minn 21 sena u li qegħdin jeżerċitaw dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 [...], huwa neċessarju li dawk it-tfal ikunu

    a)

    dipendenti fuq il-ġenitur,

    b)

    jirrisjedu fl-istess dar tal-ġenitur, u

    ċ)

    jirċievu appoġġ emozzjonali minn dak il-ġenitur?

    2)

    Jekk ma jkunx meħtieġ li l-ġenitur iressaq prova li huma sodisfatti t-tliet rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq biex dan ikun jista’ jikkwalifika għal dan id-dritt ta’ residenza derivat, huwa biżżejjed li jressaq prova li huma sodisfatti wieħed jew tnejn biss minn dawn ir-rekwiżiti?

    3)

    Fir-rigward [tal-ewwel domanda taħt il-punt (b)], it-tfal li huma studenti adulti jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala li jirrisjedu fl-istess dar tal-ġenitur(i) tagħhom anki meta dawn it-tfal ikunu jgħixu ’l bogħod mid-dar matul l-istudji tagħhom (ħlief għall-vaganzi u matul tmiem il-ġimgħa xi kultant)?

    4)

    Fir-rigward [tal-ewwel domanda taħt il-punt (ċ)], huwa neċessarju li l-appoġġ emozzjonali pprovdut mill-ġenitur ikun ta’ kwalità partikolari (jiġifieri mill-qrib jew fiżikament mill-viċin) jew huwa biżżejjed jekk ikun jikkonsisti f’rabta emozzjonali normali bejn il-ġenitur u t-tfal adulti?

    5)

    Meta persuna kellha dritt għal residenza fl-UE skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 [...] għal perjodu kontinwu ta’ iktar minn ħames snin, din ir-residenza tikkwalifika għal għan li jiġi akkwistat dritt ta’ residenza permanenti skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38 [...] dwar id-‘Dritt ta’ residenza permanenti’) u għall-ħruġ ta’ karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 19 tal-istess Direttiva?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel erba’ domandi

    23

    Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, liema huma l-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-ġenitur ta’ wild ta’ iktar minn 21 sena li jkun ibbenefika minn tagħlim abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 sabiex ikompli jibbenefika minn dritt idderivat ta’ residenza skont dan l-istess artikolu.

    24

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-għeluq ta’ età maġġorenni ma għandu l‑ebda effett dirett fuq id-drittijiet, mogħtija lill-wild mill-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress illi, fid-dawl tal-għan u tal-iskop tagħhom, kemm id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim stabbilit f’dan l-artikolu kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrelattiv tal-wild ikomplu jeżistu sakemm dan ikun temm l‑istudji tiegħu (sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C-480/08, Ġabra p. I-1107, punt 78 u 79).

    25

    Għalhekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jinkludi wkoll l-istudji superjuri, id-data li fiha l-wild itemm l-istudji tiegħu tista’ tkun wara li dan jilħaq l-età maġġorenni (ara s-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna d-dritt idderivat ta’ residenza tal-ġenitur, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-uliedl jibbenefikaw, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mid-dritt li jkomplu l-edukazzjoni skolastika tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-ġenituri li jkollhom il-kustodja tagħhom ikunu fil-perikolu li jitilfu d-drittijiet ta’ residenza tagħhom, ir-rifjut li dawn il-ġenituri jingħataw il-possibbiltà li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu li fih it-tfal tagħhom ikunu qegħdin jirċievu l-edukazzjoni skolastika tagħhom jista’ jkun ta’ natura tali li jċaħħad lil dawn l-ulied minn dritt li rrikonoxxielhom il-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C-310/08, Ġabra p. I-1065, punt 30).

    27

    Bl-istess mod, ġie deċiż li l-fatt li l-ġenituri tat-tfal ikkonċernati jkunu fil-frattemp iddivorzjaw, il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri huwa ċittadin tal-Unjoni u l-fatt li dan il-ġenitur ma jkunx iktar ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti, ma għandhomx effett f’dan ir-rigward (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 63, kif ukoll Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    28

    Minbarra dan, fir-rigward tad-dritt idderivat ta’ residenza ta’ ġenitur li kellu l-kustodja ta’ wild li laħaq l-età ta’ maġġorenni u li jeżerċita d-dritt tiegħu li jkompli l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki jekk dan tal-aħħar fil-prinċipju huwa preżunt li huwa kapaċi jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu stess, id-dritt ta’ dan il-ġenitur jista’ madankollu jiġi estiż iktar minn dik l-età meta l-wild jibqa’ jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur tiegħu sabiex ikompli u jtemm l-istudji tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

    29

    Min-naħa l-oħra, jekk il-benefiċjarju tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jieqaf milli jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur li kellu l-kustodja tiegħu sabiex ikun jista’ jkompli u jtemm l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt idderivat ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan il-ġenitur jintemm malli dan il-benefiċjarju jsir maġġorenni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87).

    30

    Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni jekk il-wild maġġorenni jkomplix jew le, li jkollu bżonn il-preżenza u l-kura tal-ġenitur tiegħu sabiex ikompli u jtemm l-istudji tiegħu, hija waħda ta’ fatt li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward, din il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi u indikazzjonijiet relatati mal-kawża prinċipali li juru neċessità reali, bħal, b’mod partikolari, l-età tal-wild, ir-residenza tal-familja jew il-bżonn ta’ sostenn tal-ġenitur fuq livell finanzjarju jew emozzjonali għall-finijiet ta’ tkomplija u ta’ konklużjoni tal-istudji tiegħu.

    31

    Konsegwentement, l-ewwel erba’ domandi għandhom jiġu risposti li l-ġenitur ta’ wild li laħaq l-età ta’ maġġorenni u li kellu aċċess għat-tagħlim abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, jista’ jkompli jibbenefika minn dritt idderivat ta’ residenza skont dan l-istess artikolu jekk il-preżenza u l-kura tiegħu jibqgħu neċessarji għal dan il-wild sabiex ikun jista’ jkompli u jtemm l-istudji tiegħu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li titressaq quddiemha.

    Fuq il-ħames domanda

    32

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-perijodi ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti, imwettqa minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba minn dawn il-membri tal-familja tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 tirreferi għal żewġ sitwazzjonijiet differenti li fihom il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru jistgħu jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva. Minn naħa, skont l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ residenza permanenti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jibbenefika wkoll lil dawn il-membri tal-familja jekk huma rrisjedew legalment, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi, taħti ċerti kundizzjonijiet, derogi għall-ħaddiema li jkunu waqfu l-attività tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u l-membri tal-familja tagħhom. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 12(2) u 13(2) tagħha, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment, kontinwament, matul ħames snin fl-Istat Membru ospitanti.

    34

    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi kkonstatat li l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, tiddependi fi kwalunkwe każ mill-fatt li, minn naħa, dan iċ-ċittadin jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, dawn il-membri kienu rrisjedew miegħu matul il-perijodu kkonċernat.

    35

    F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa ċ-ċittadin tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, wara li analizzat l-għanijiet kif ukoll il-kuntest globali u partikolari ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ residenza legali inkluż fit-termini “li għex legalment” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, għandu jfisser residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti taħt din l-istess direttiva, b’mod partikolari dawk inklużi fl-Artikolu 7(1) tagħha, u li, konsegwentement, residenza konformi mad-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1), ma tistax titqies li hija residenza “legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski et Szeja, C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punti 46 u 47).

    36

    Fir-rigward tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, l-obbligu, imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li jirrisjedu ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu kkonċernat jimplika l-eżistenza neċessarja u konkomitanti għalihom ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, bħala membri tal-familja li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin.

    37

    Isegwi li, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, huma biss il-perijodi ta’ residenza ta’ dawn il-membri li jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tagħha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    38

    Bl-istess mod, billi jirreferi għall-Artikoli 12(2) u 13(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jillimita d-dritt ta’ residenza permanenti li għalih jirreferi, peress illi, minn naħa, tali dritt ta’ residenza japplika biss għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li d-dritt ta’ residenza tagħhom jinżamm fil-każ ta’ mewt ta’ dan iċ-ċittadin, ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata, u fejn, min-naħa l-oħra, dan id-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati jistgħu juru bejniethom, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li huma jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (d) tad-Direttiva 2004/38.

    39

    Bħala konsegwenza, huma biss il-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38 li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.

    40

    Iċ-ċirkustanza li l-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u rrisjeda fi Stat Membru abbażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/38 ma jista’ għalhekk ikollha ebda effett fuq il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

    41

    Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-konstatazzjoni magħmula fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C-162/09, Ġabra p. I-9217), li skont din il-perijodi ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, imwettqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat membru kkonċernat, b’mod konformi ma’ strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-data, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

    42

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, hekk kif jirriżulta mill-punti 33 sa 39 ta’ din is-sentenza, huma biss il-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38 li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.

    43

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwalità ta’ “ħaddiem” tal-persuna kkonċernata fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, il-fatt li hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma kinitix tagħmel parti mis-suġġett ta’ diskussjoni.

    44

    Huwa ċertament veru li, sa fejn il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru kkonċernat kienu preċedenti għad-Direttiva 2004/38, dawn il-perijodi ma setgħux ġew imwettqa ħlief “skont strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti” tagħha. Madankollu, tali test tas-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jinftiehem fil-kuntest tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li kienu jikkonċernaw mhux il-kundizzjonijiet materjali tar-residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iżda l-ipproċessar tal-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet imwettqa preċedentement għad-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva f’dan l-Istat Membru.

    45

    Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ residenza legali implikat mit-termini “li għex legalment”, li jinsabu fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ġie analizzat għall-ewwel darba biss fis-sentenza Ziolkowski et Szeja, iċċitata iktar ’il fuq.

    46

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/38, minn naħa, għandha bħala għan li tegħleb approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, billi tiżviluppa att leġiżlattiv wieħed li jikkodifika u jirrevedi l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, ipprevediet sistema gradwali f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-livelli u l-kundizzjonijiet previsti fl-istrumenti differenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (ara s-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

    47

    Għalhekk it-termini “strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti” fid-Direttiva 2004/18, li hija l-kwistjoni fil-punt 40 tas-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, għandhom jinftiehmu bħala li huma relatati mal-istrumenti li din id-direttiva kkodifikat, irrevediet u ħassret u mhux dawk li, bħall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, ma kinux affettwati minnha.

    48

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames domanda għandha tiġi risposta li l-perijodi ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti, imwettqa minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti sabiex jittieħed benefiċċju minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba minn dawn il-membri tal-familja tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-ġenitur ta’ wild li laħaq l-età ta’ maġġorenni u li kellu aċċess għat-tagħlim abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, jista’ jkompli jibbenefika minn dritt idderivat ta’ residenza skont dan l-istess artikolu jekk il-preżenza u l-kura tiegħu jibqgħu neċessarji għal dan il-wild sabiex ikun jista’ jkompli u jtemm l-istudji tiegħu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li titressaq quddiemha.

     

    2)

    Il-perijodi ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti, imwettqa minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif emendat bid-Direttiva 2004/38, u mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti sabiex jittieħed benefiċċju minn dritt ta’ residenza skont din id-direttiva, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba minn dawn il-membri tal-familja tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens ta’ din id-direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Fuq