EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0179

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam) vs Guvernul României u Ministerul Finanțelor.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kummissjoni ta’ ġestjoni miġbura minn soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati għall-ġbir, għad-distribuzzjoni u għall-ħlas tar-remunerazzjonijiet dovuti lid-detenturi ta’ drittijiet – Remunerazzjonijiet li ma jifformawx parti minn tranżazzjoni taxxabbli.
Kawża C-179/23.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:571

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kummissjoni ta’ ġestjoni miġbura minn soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati għall-ġbir, għad-distribuzzjoni u għall-ħlas tar-remunerazzjonijiet dovuti lid-detenturi ta’ drittijiet – Remunerazzjonijiet li ma jifformawx parti minn tranżazzjoni taxxabbli”

Fil-Kawża C‑179/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam)

vs

Guvernul României,

Ministerul Finanțelor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tas-Seba’ Awla, u M. L. Arastey Sahún, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam), minn S. Brăileanu, A.‑M. Gheorghişan u M. Niculeasa, avocaţi,

–        għall-Gvern Rumen minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u M. Herold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam) u, min-naħa l-oħra, il-Guvernul României (il-Gvern Rumen) u l-Ministerul Finanțelor (il-Ministeru għall-Finanzi, ir-Rumanija) dwar emenda leġiżlattiva li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) l-attività tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fir-rigward tal-ġbir, tad-distribuzzjoni u tal-ħlas tar-remunerazzjonijiet dovuti lid-detenturi ta’ dawn id-drittijiet, meta dawn ir-remunerazzjonijiet ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva talVAT

3        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[...]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta' Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala “attività ekonomika. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        Skont l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

6        L-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(ċ)      it-twettiq ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

7        L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.”

8        Skont l-Artikolu 73 tal-imsemmija direttiva:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

 IdDirettiva 2014/26

9        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71) jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv’ tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)      tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

[...]

(h)      ‘dħul mid-drittijiet’ tfisser id-dħul miġbur minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens;

(i)      ‘tariffi għall-immaniġġjar’ tfisser l-ammonti imposti, imnaqqsa jew paċuti minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati;

[...]”

 Iddritt Rumen

 IlKodiċi tatTaxxa

10      L-Artikolu 268 tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), bit-titolu “Tranżazzjonijiet taxxabbli” jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-VAT, huma taxxabbli fir-Rumanija t-tranżazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)      it-tranżazzjonijiet li, fis-sens tal-Artikoli 270 sa 272, jikkostitwixxu jew huma assimilati ma’ kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, li jaqgħu taħt il-VAT, imwettqa bi ħlas;

[...]”

11      Skont l-Artikolu 271 tal-Kodiċi tat-Taxxa, bit-titolu “Provvista ta’ servizzi”:

“1.      Provvista ta’ servizzi tfisser kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti , hekk kif iddefinita fl-Artikolu 270.

2.      Meta persuna taxxabbli, li tkun taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li tkun rċeviet u pprovdiet dawn is-servizzi hija stess.

3.      Il-provvisti ta’ servizzi jinkludu tranżazzjonijiet bħal:

(a)      il-kiri jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ leasing;

(b)      iċ-ċessjoni ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk din tkun u kemm jekk din ma tkunx is-suġġett ta’ att li jistabbilixxi titolu, b’mod partikolari: it-trasferiment u/jew iċ-ċessjoni ta’ drittijiet tal-awtur, ta’ privattivi, ta’ liċenzji, ta’ trade marks u ta’ drittijiet simili oħra;

(c)      l-impenn ta’ nuqqas ta’ eżerċitar ta’ attività ekonomika, ta’ nuqqas ta’ dħul f’kompetizzjoni ma’ persuna oħra jew ta’ tollerazzjoni ta’ azzjoni jew ta’ sitwazzjoni;

(d)      l-eżekuzzjoni ta’ servizz skont ordni magħmula minn jew f’isem l-awtorità pubblika jew skont il-liġi;

(e)      servizzi ta’ intermedjazzjoni mwettqa minn persuni li jkunu qegħdin jaġixxu f’isem u għall-benefiċċju ta’ persuni oħra, meta dawn ikunu involuti fil-kuntest ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi.”

 IlLiġi Nru 8/1996

12      L-Artikolu 144 tal-Legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 489 tal‑14 ta’ Ġunju 2018, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 8/1996”), jipprovdi:

“1.      L-awtur jew id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati għandu jeżerċita d-drittijiet irrikonoxxuti lilu permezz ta’ din il-liġi b’mod individwali jew kollettiv, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

[...]”

13      Skont l-Artikolu 145 tal-Liġi Nru 8/1996:

“1.      Il-ġestjoni kollettiva għandha tkun obbligatorja għall-eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin:

(a)      id-dritt għal remunerazzjoni kumpensatorja għal kopja privata;

(b)      id-dritt għal remunerazzjoni xierqa għas-self lill-pubbliku previst fl-Artikolu 18(2);

(c)      id-dritt ta’ xandir ta’ xogħlijiet mużikali;

(d)      id-dritt għal remunerazzjoni xierqa unika rrikonoxxut lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi għall-komunikazzjoni lill-pubbliku u għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew ta’ riproduzzjonijiet ta’ dawn il-fonogrammi;

(e)      id-dritt ta’ ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-cable;

(f)      id-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid;

(g)      id-dritt għal kumpens xieraq għax-xogħlijiet orfni.

2.      Fir-rigward tal-kategoriji ta’ drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom jirrappreżentaw ukoll lid-detenturi ta’ drittijiet li ma jkunux inkarigawhom jagħmlu dan.”

14      L-Artikolu 150 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom, fis-sens ta’ din il-liġi, ikunu persuni ġuridiċi kkostitwiti permezz ta’ assoċjazzjoni libera, li għandhom bħala għan ta’ attività, uniku jew prinċipali, il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, tal-kategoriji ta’ drittijiet, tat-tipi ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti oħra protetti, li hija fdata lilhom minn diversi awturi jew detenturi ta’ drittijiet tal-awtur, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawn tal-aħħar.

2.      [...] drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jew l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ttrasferiti jew ċeduti lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva.

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, tal-kategoriji ta’ drittijiet, tat-tipi ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti oħra protetti għandha tinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji, il-kontroll tal-użu tad-drittijiet jew tat-tipi ta’ xogħlijiet ġestiti, il-garanzija tal-osservanza ta’ dawn id-drittijiet, il-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ħlas tas-somom dovuti lill-awturi jew lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati li jirriżultaw mir-remunerazzjonijiet imħallsa għall-isfruttament tad-drittijiet ġestiti jew mill-investiment tad-dħul miksub minn dawn id-drittijiet.”

15      L-Artikolu 169 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Il-ġestjoni kollettiva għandha tiġi eżerċitata skont ir-regoli li ġejjin:

[...]

(b)      ir-remunerazzjonijiet imħallsa lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva ma għandhomx u ma jistgħux jiġu assimilati mad-dħul ta’ dawn tal-aħħar.

[...]

(d)      l-ammonti miġbura minn soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għandhom jiġu ddistribwiti u jitħallsu lill-membri tagħha [...];

[...]

(h)      il-kummissjoni ta’ ġestjoni għandha tikkorrispondi għall-perċentwali miżmum mingħand l-awturi jew id-detenturi tad-drittijiet fuq id-dħul li jkun jirriżulta minn drittijiet jew fuq kull dħul li jkun jirriżulta mill-investiment tad-dħul li jkun jirriżulta minn drittijiet, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha sostnuti minħabba l-funzjonament tas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva, il-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ħlas tar-remunerazzjonijiet. Il-kummissjoni dovuta mill-membri u mid-detenturi ta’ drittijiet li jkollhom rabta diretta mas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għandha tinżamm fil-mument tad-distribuzzjoni u ma għandhiex taqbeż il‑15 % tas-somom distribwiti individwalment [...]”

 IlModalitajiet ta’ Applikazzjoni talLiġi Nru 227/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tatTaxxa, Approvati bidDeċiżjoni talGvern Nru 1/2016

16      L-Artikolu 8(12) u (13) tat-Titolu VII tan-Normele metodologice de aplicare a Legii nr. 227/2015 privind Codul fiscal, aprobate prin Hotărârea Guvernului nr. 1/2016 (il‑Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal‑Liġi Nru 227/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat‑Taxxa, Approvati bid‑Deċiżjoni tal‑Gvern Nru 1/2016), tas‑6 ta’ Jannar 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti  I, Nruo22 tat‑13 ta’ Jannar 2016), kif emendati bil-Hotărârea Guvernului nr. 354/2018 pentru modificarea și completarea Normelor metodologice de aplicare a Legii nr. 227/2015 privind Codul fiscal, aprobate prin Hotărârea Guvernului nr. 1/2016 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 354/2018 li Temenda u li Tikkompleta l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Nru 227/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, Approvati bid-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1/2016), tas‑16 ta’ Mejju 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 442 tal‑25 ta’ Mejju 2018) jipprovdi:

“12.      Taħt l-Artikolu 271 tal-Kodiċi tat-Taxxa, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni ma jipprovdux servizzi, fis-sens tal-VAT, lill-produtturi u lill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni li mingħandhom is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati jiġbru, għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi iżda f’isimhom, remunerazzjonijiet kumpensatorji mill-bejgħ ta’ dan l-apparat u ta’ dan it-tagħmir. L-Artikolu 271(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa ma japplikax għall-ġbir tar-remunerazzjoni kumpensatorja għal kopja privata, peress li din ma tikkostitwixxix il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa favur id-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni, li l-korrispettiv għalihom huwa l-kummissjoni ta’ ġestjoni miżmuma mis-somom miġbura.

13.      L-Artikolu 271(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa għandu japplika għall-ammonti għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 12, miġbura mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, li jirriżultaw mid-drittijiet ġestiti.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

17      Credidam hija soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li teżerċita l-attività tagħha fil-forma ta’ assoċjazzjoni ta’ artisti. B’mod partikolari, l-għan tagħha huwa li tiġbor u li tiddistribwixxi r-remunerazzjonijiet dovuti lill-artisti mill-utenti tas-servizzi artistiċi tagħhom. Hija tiġbor, għal dan l-għan, kummissjoni ta’ ġestjoni intiża li tkopri l-ispejjeż operattivi tagħha, li tinżamm minn dawn ir-remunerazzjonijiet.

18      Fl‑20 ta’ Lulju 2018, Credidam adixxiet lill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors ippreżentat kontra l-Gvern Rumen intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 354/2018 li Temenda u li Tikkompleta l-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxa inkwantu din integrat id-dispożizzjonijiet tal-punti (12) u (13) fl-Artikolu 8 tat-Titolu VII tal-Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Nru 227/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, Approvati bid‑Deċiżjoni tal‑Gvern Nru 1/2016, dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”). Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, b’mod partikolari, li r-remunerazzjonijiet għal kopja privata miġbura mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, iżda li l-kummissjonijiet ta’ ġestjoni miżmuma minn dawn is-soċjetajiet minn dawn ir-remunerazzjonijiet huma suġġetti għal din it-taxxa.

19      Insostenn tat-talbiet tagħha, Credidam sostniet li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu jmorru kontra d-Direttiva dwar il-VAT, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22), kif ukoll mill-qrati nazzjonali, fir-rigward tal-identifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari billi jinkludu l-kummissjonijiet ta’ ġestjoni miżmuma minn dawn is-soċjetajiet mir-remunerazzjonijiet dovuti lid-detenturi ta’ drittijiet.

20      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Credidam u annullat id-dispożizzjonijiet ikkontestati. Skont dik il-qorti, il-kummissjonijiet ta’ ġestjoni tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni huma anċillari għar-remunerazzjonijiet tad-detenturi ta’ drittijiet li minnhom dawn jinżammu, b’tali mod li, meta dawn ir-remunerazzjonijiet ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, bħar-remunerazzjoni għal kopja privata, l-istess ikollu japplika għall-kummissjonijiet ta’ ġestjoni relatati magħhom.

21      Il-Gvern Rumen u l-Ministeru għall-Finanzi, li kien intervjena insostenn tal-Gvern Rumen fl-ewwel istanza, ippreżentaw appell quddiem il-Înalta Curte de Casavores i Justihebie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħhom, huma jsostnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati identifikaw korrettament it-tranżazzjonijiet tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn il-kummissjonijiet ta’ ġestjoni.

22      Quddiem dik il-qorti, il-Gvern Rumen u l-Ministeru għall-Finanzi jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu dawn jipprovdu li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva huma suġġetti għall-VAT u li l-kummissjonijiet ta’ ġestjoni li huma jiġbru mingħand id-detenturi ta’ drittijiet jirrappreżentaw il-korrispettiv għal servizz pprovdut favur dawn tal-aħħar, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u barra minn hekk jikkorrispondu wkoll għal-Linji gwida tal-Kumitat tal-VAT adottati matul il-111‑il laqgħa tiegħu tat‑30 ta’ Novembru 2018. Barra minn hekk, huma jirrilevaw li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22), ma tatx deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk tali kummissjonijiet humiex suġġetti għall-VAT.

23      Min-naħa tagħha, Credidam sostniet li l-kummissjonijiet ta’ ġestjoni miżmuma minn remunerazzjonijiet li ma humiex suġġetti għall-VAT, peress li dawn tal-aħħar jinkludu barra minn hekk mhux biss ir-remunerazzjoni għal kopja privata, iżda wkoll ir-remunerazzjoni xierqa għal kategoriji oħra ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, lanqas ma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT sa fejn dawn il-kummissjonijiet huma ta’ natura anċillari meta mqabbla ma’ tali remunerazzjonijiet u għalhekk isegwu s-sistema fiskali tagħhom.

24      Skont Credidam, fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-imsemmija kummissjonijiet ma humiex ta’ natura anċillari, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala l-korrispettiv għal servizz, peress li ma hemm ebda relazzjoni legali bejn is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva u d-detenturi ta’ drittijiet li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, fejn l-obbligu li jitħallsu l-istess kummissjonijiet huwa impost mil-liġi, li tiddetermina wkoll l-ammont tagħhom fil-forma ta’ perċentwali ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm hija f’pożizzjoni, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti deċiżjoni fuq is-sistema fiskali li għandha tiġi applikata għar-remunerazzjonijiet miġbura mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda s-sistema applikabbli għall-kummissjonijiet ta’ ġestjoni miżmuma minn dawn ir-remunerazzjonijiet.

26      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija titlaq mill-premessa li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva huma persuni taxxabbli fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT inkwantu dawn jeżerċitaw attività ekonomika li tikkonsisti prinċipalment f’li jirrappreżentaw l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet li huma jiġġestixxu ir-repertorju tagħhom u f’li jservu ta’ intermedjarji fir-relazzjonijiet legali bejn id-detenturi ta’ drittijiet u l-utenti finali.

27      Madankollu, hija tistaqsi jekk tali tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni mwettqa fir-rigward tad-detenturi ta’ drittijiet jikkostitwixxux provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li l-kummissjonijiet ta’ ġestjoni miżmuma fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet huma dovuti skont il-liġi, indipendentement minn jekk il-ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet tkunx obbligatorja jew fakultattiva u jekk id-detenturi ta’ drittijiet jkunux jew le membri tas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva.

28      Fit-tieni lok, dik il-qorti tippreċiża li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA (C‑501/19, EU:C:2021:50), li fiha soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kienet tipparteċipa , fis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, fi provvista ta’ servizzi mwettqa mid-detentur ta’ drittijiet għall-benefiċċju tal-utent finali, is-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għandha tibgħat fattura lill-utenti finali li tkun tinkludi l-VAT ikkalkolata fuq l-ammont totali tar-remunerazzjoni miġbura minn din is-soċjetà, inkluż fuq il-perċentwali ta’ din ir-remunerazzjoni li jikkorrispondi għall-kummissjoni ta’ ġestjoni. F’tali sitwazzjoni, il-kummissjoni ta’ ġestjoni tkun suġġetta għall-VAT inkwantu parti mir-remunerazzjoni miġbura għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet.

29      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kummissjoni ta’ ġestjoni taqax ukoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT meta r-remunerazzjoni li din tirrelata magħha ma tkunx il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT, bħar-remunerazzjoni għal kopja privata. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li s-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tista’ tibbenefika, fir-rigward ta’ din il-kummissjoni, mill-istess sistema fiskali bħal dik applikabbli għar-remunerazzjoni nnifisha, b’analoġija mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Henfling et (C‑464/10, EU:C:2011:489, punt 36), li abbażi tagħha r-relazzjoni legali bejn il-prinċipal u l-aġent tkun eżentata mill-VAT meta l-provvista ta’ servizzi li fiha dan tal-aħħar jipparteċipa tkun hija stess eżentata mill-VAT.

30      Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk, fuq il-preżunzjoni li l-kummissjoni ta’ ġestjoni miżmuma mis-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tikkostitwixxi l-korrispettiv għal tranżazzjoni distinta mit-tranżazzjoni li tkun tikkonsisti fil-ġbir tar-remunerazzjoni dovuta lid-detentur ta’ drittijiet, l-ewwel tranżazzjoni għandhiex, fir-rigward tat-tieni waħda, natura awtonoma jew natura anċillari.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, l-attività tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li tinvolvi l-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ħlas ta’ remunerazzjoni, u li jkollha bħala korrispettiv il-kummissjoni li tali soċjetajiet jirċievu, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(ċ) tad-[Direttiva dwar il-VAT]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-attività tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tad-[Direttiva dwar il-VAT] anki f’sitwazzjoni fejn huwa meqjus li d-detenturi tad-drittijiet, li f’isimhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jirċievu r-remunerazzjoni, ma jipprovdux servizzi lill-utenti obbligati li jħallsu r-remunerazzjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

32      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, hekk kif miġbura fil-qosor fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-domandi tagħha jirrigwardaw it-trattament fiskali li għandu jiġi rriżervat, għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, għall-attività ta’ ġestjoni mwettqa minn soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati favur id-detenturi ta’ drittijiet ikkonċernati, u dan fil-każ fejn din l-attività ma għandha ebda rabta ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli eventwali mwettqa minn dawn id-detenturi.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati tipprovdi servizzi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta, minn naħa, hija tiġbor, tiddistribwixxi u tħallas, skont il-liġi, lid-detenturi ta’ drittijiet ir-remunerazzjonijiet dovuti lilhom mill-utenti ddefiniti mil-liġi u meta, min-naħa l-oħra, hija żżomm minn dawn ir-remunerazzjonijiet kummissjoni ta’ ġestjoni dovuta lilha minn dawn id-detenturi u li hija intiża li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw minn din l-attività, fil-każ fejn ir-remunerazzjonijiet hekk miġbura għall-benefiċċju tal-imsemmija detenturi ma jkunux jikkostitwixxu l-korrispettiv għall-provvisti ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, imwettqa mill-istess detenturi favur dawn l-utenti.

34      Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li tkun qiegħda taġixxi bħala tali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, kull tranżazzjoni li ma tkunx tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti għandha titqies li hija provvista ta’ servizzi. L-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva jelenka, b’mod indikattiv, tliet tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi, fosthom dik li tidher fil-punt (ċ) tiegħu, li tikkonsisti fit-twettiq ta’ servizz abbażi ta’ ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skont il-liġi.

35      Peress li l-qorti tar-rinviju qieset li t-tranżazzjonijiet ta’ ġbir, ta’ distribuzzjoni u ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali jifformaw parti minn attività ekonomika mwettqa mis-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernata bħala persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dubji tagħha jirrigwardaw il-kwistjoni, fl-ewwel lok, dwar jekk il-provvisti ta’ servizzi hekk imwettqa humiex “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) (ċ) ta’ din id-direttiva.

36      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-possibbiltà li provvista ta’ servizzi tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni bi ħlas teħtieġ biss l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn din il-provvista u korrispettiv li fir-realtà tirċievi l-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta tkun stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jiġbor il-fornitur tkun tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 36).

37      F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, is-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernata, jiġifieri Credidam, twettaq, għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet li hija tirrappreżenta, b’mod partikolari servizzi ta’ ġestjoni taħt is-sistema ta’ ġestjoni kollettiva obbligatorja prevista fl-Artikolu 145 tal-Liġi Nru 8/1996, fosthom dawk li jirrigwardaw id-“dritt għal remunerazzjoni kumpensatorja għal kopja privata” imsemmi fl-Artikolu 145(1)(a) paragunabbli mas-servizzi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22). Dawn is-servizzi ta’ ġestjoni kollettiva jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 150(3) ta’ din il-liġi, “il-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ħlas tas-somom dovuti lill-awturi jew lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati” abbażi tad-drittijiet tagħhom.

38      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 169(1)(h) tal-imsemmija liġi, id-detenturi ta’ drittijiet huma responsabbli fil-konfront tas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għall-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ġestjoni stabbilita għal mhux iktar minn 15 % tas-somom miġbura, li hija intiża li “tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti fil-funzjonament tas-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva, fil-ġbir, fid-distribuzzjoni u fil-ħlas tar-remunerazzjonijiet” u li tinżamm fil-mument tad-distribuzzjoni tas-somom dovuti.

39      B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt nazzjonali, relazzjoni legali hija stabbilita bejn is-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernata u d-detenturi ta’ drittijiet li din tirrappreżenta li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati servizzi reċiproċi u li b’hekk tistabbilixxi rabta diretta bejn is-servizzi ta’ ġestjoni kollettiva pprovduti minn din is-soċjetà u s-servizz monetarju mwettaq minn dawn id-detenturi li jikkonsisti fil-ħlas tal-kummissjoni ta’ ġestjoni. Fil-fatt, din il-kummissjoni hija dovuta biss inkwantu dawn is-servizzi ta’ ġestjoni kollettiva huma mwettqa u tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għalihom.

40      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-provvista tas-servizzi ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernati kif ukoll il-ħlas tal-kummissjoni ta’ ġestjoni dovuta f’dan ir-rigward huma rregolati mil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA,C‑501/19, EU:C:2021:50, punti 36 u 37). Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa, f’dan il-każ, preċiżament dan il-qafas leġiżlattiv li jistabbilixxi rabta diretta bejn il-provvista ta’ dawn is-servizzi u l-ħlas tal-kummissjoni ta’ ġestjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi espressament li provvista ta’ servizzi tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fit-twettiq ta’ servizz skont il-liġi.

41      Huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-fatt li s-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernata hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, peress li l-kummissjoni ta’ ġestjoni hija intiża biss li tkopri l-ispejjeż ta’ din l-assoċjazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, persuna taxxabbli tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq attività ekonomika, ikunu x’ikunu l-għanijiet u r-riżultati ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C‑174/14, EU:C:2015:733, punti 39 u 40).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 24(1) u mal-Artikolu 25(ċ) ta’ din id-direttiva.

43      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva jistgħu jseħħu wkoll fil-kuntest ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa mid-detenturi ta’ dritt stess u għandhom għalhekk jiġu analizzati bħala li jikkostitwixxu parteċipazzjoni mis-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva f’dawn il-provvisti, sitwazzjoni li għaliha japplika l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT.

44      Issa, skont dik il-qorti, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2011, Henfling et (C‑464/10, EU:C:2011:489, punt 36), ikollha bħala konsegwenza li l-kummissjoni ta’ ġestjoni tkun għalhekk suġġetta għall-VAT inkwantu parti mir-remunerazzjonijiet miġbura għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet u tkun issegwi s-sistema fiskali applikabbli għal dawn tal-aħħar. Hija tistaqsi f’dan il-kuntest jekk tali soluzzjoni ma tkunx valida ukoll, b’analoġija, meta, bħal f’dan il-każ, ir-remunerazzjonijiet li fuqhom tinżamm il-kummissjoni ta’ ġestjoni ma jikkostitwixxux il-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar il-VAT u għalhekk ma humiex intaxxati.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, ITH Comercial Timişoara, C‑734/19, EU:C:2020:919, punt 48).

46      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT, meta persuna taxxabbli, li tkun qegħda taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi, hija meqjus li tkun irċeviet u pprovdiet is-servizz inkwistjoni hija stess.

47      Għalhekk, din id-dispożizzjoni toħloq il-finzjoni legali ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi pprovduti b’mod konsekuttiv. Bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, l-operatur, li jipparteċipa fil-provvista ta’ servizzi u li jikkostitwixxi l-aġent, huwa meqjus li, fl-ewwel lok, irċieva s-servizzi inkwistjoni mingħand l-operatur li għall-benefiċċju tiegħu huwa jkun qiegħed jaġixxi, li jikkostitwixxi l-prinċipal, qabel ma jipprovdi, fit-tieni lok, dawn is-servizzi lill-klijent huwa stess (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑274/15, EU:C:2017:333, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju u hekk kif enfasizzaw ukoll il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-VAT ma huwiex applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-detenturi ta’ drittijiet ma jipprovdu ebda servizz li fih tipparteċipa s-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva.

49      Fil-fatt, f’dan il-każ, fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali tal-attività kkonċernata, jeżistu biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, is-servizzi pprovduti direttament lid-detenturi ta’ drittijiet mis-soċjetà ta’ ġestjoni kkonċernata, li jikkonsistu fil-ġbir, fid-distribuzzjoni u fil-ħlas tar-remunerazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għalihom il-kummissjoni ta’ ġestjoni tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv.

50      Il-fatt li dawn il-provvisti ta’ servizzi jimplikaw il-ġbir, mingħand l-utenti u għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi ta’ drittijiet, ta’ remunerazzjonijiet li jirriżultaw minn relazzjoni legali, eżistenti bejn dawn il-partijiet, li ma tagħtix lok, bħala tali, għal tranżazzjonijiet taxxabbli u, b’mod partikolari, għal provvisti ta’ servizzi, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT — bħal dik li tagħti lill-imsemmija detenturi, fir-rigward ta’ dawn l-utenti, dritt għal remunerazzjoni għal kopja privata –, u li huma għalhekk “anċillari” għall-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex suġġetti għall-VAT, ma jistax ibiddel il-fatt li l-imsemmija servizzi, imwettqa mis-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva, huma ta’ natura taxxabbli għall-finijiet tal-VAT.

51      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, filwaqt li huwa minnu li d-Direttiva dwar il-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma koperti minn din it-taxxa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li attività tista’ tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, biss jekk din tkun tikkorrispondi għal waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C‑846/19, EU:C:2021:277, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fosthom provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas.

52      Minn dan isegwi li t-tranżazzjonijiet mhux taxxabbli bħal dawk imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “attività ekonomika” għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-VAT u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP, C‑37/16, EU:C:2017:22, punt 32).

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li tali tranżazzjonijiet ma humiex ikkontemplati fid-Direttiva dwar il-VAT, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, la b’analoġija mal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva u lanqas mod ieħor, sabiex tiġi kkontestata n-natura taxxabbli ta’ tranżazzjoni oħra li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, fis-sens tal-imsemmija direttiva, fl-assenza ta’ kwalunkwe bażi prevista għal dan l-għan fl-istess direttiva.

54      Bl-istess mod, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, lanqas ma hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija tranżazzjonijiet fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mill-punti 40 sa 42 tas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito (C‑581/19, EU:C:2021:167), dwar il-possibbiltà li tiġi analizzata, jekk ikun il-każ, tranżazzjoni ekonomika bħala komposta minn provvista ta’ servizzi prinċipali u minn provvista waħda jew iktar ta’ servizzi anċillari.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati tipprovdi servizzi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta, minn naħa, hija tiġbor, tiddistribwixxi u tħallas, skont il-liġi, lid-detenturi ta’ drittijiet remunerazzjonijiet dovuti lilhom minn ċerti utenti ddefiniti mil-liġi u meta, min-naħa l-oħra, hija żżomm minn dawn ir-remunerazzjonijiet kummissjoni ta’ ġestjoni li hija dovuta lilha minn dawn id-detenturi u li hija intiża li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw minn din l-attività, fil-każ fejn ir-remunerazzjonijiet hekk miġbura għall-benefiċċju tal-imsemmija detenturi ma jkunux jikkostitwixxu l-korrispettiv għall-provvisti ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, imwettqa mill-istess detenturi favur dawn l-utenti.

 Fuq lispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati tipprovdi servizzi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta, minn naħa, hija tiġbor, tiddistribwixxi u tħallas, skont il-liġi, lid-detenturi ta’ drittijiet remunerazzjonijiet dovuti lilhom minn ċerti utenti ddefiniti mil-liġi u meta, min-naħa l-oħra, hija żżomm minn dawn ir-remunerazzjonijiet kummissjoni ta’ ġestjoni li hija dovuta lilha minn dawn id-detenturi u li hija intiża li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw minn din l-attività, fil-każ fejn ir-remunerazzjonijiet hekk miġbura għall-benefiċċju tal-imsemmija detenturi ma jkunux jikkostitwixxu l-korrispettiv għall-provvisti ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, imwettqa mill-istess detenturi favur dawn l-utenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top