EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0148

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2024.
Gestore dei Servizi Energetici SpA - GSE vs Erg Eolica Ginestra Srl et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 1 – Artikolu 3(3)(a) – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bidla tal-iskema ta’ appoġġ applikabbli – Għoti tal-appoġġ ikkonċernat suġġett għall-konklużjoni ta’ kuntratti.
Kawża C-148/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:555

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/28/KE – Artikolu 1 – Artikolu 3(3)(a) – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bidla tal-iskema ta’ appoġġ applikabbli – Għoti tal-appoġġ ikkonċernat suġġett għall-konklużjoni ta’ kuntratti”

Fil-Kawża C‑148/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Gestore dei Servizi Energetici SpA GSE

vs

Erg Eolica Ginestra Srl,

Erg Eolica Campania SpA,

Erg Eolica Fossa del Lupo Srl,

Erg Eolica Amaroni Srl,

Erg Eolica Adriatica Srl,

Erg Eolica San Vincenzo Srl,

Erg Eolica San Circeo Srl,

Erg Eolica Faeto Srl,

Green Vicari Srl,

Erg Wind Energy Srl,

Erg Wind Sicilia 3 Srl,

Erg Wind Sicilia 6 Srl,

Erg Wind 4 Srl,

Erg Wind 6 Srl,

Erg Wind Sicilia 5 Srl,

Erg Wind 2000 Srl,

Erg Wind Sicilia 2 Srl,

Erg Wind Sardegna Srl,

Erg Wind Sicilia 4 Srl,

Enel Hydro Appennino Centrale Srl, li kienet Erg Hydro Srl,

Erg Power Generation SpA,

Erg Renew SpA,

Ministero dello Sviluppo economico,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Imħallef tas-Seba’ Awla, u M. L. Arastey Sahún, Imħallef,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Gestore dei Servizi Energetici SpA ‑ GSE, minn F. Degni, P. R. Molea u A. Pugliese, avvocati,

–        għal Erg Eolica Ginestra Srl, Erg Eolica Campania SpA, Erg Eolica Fossa del Lupo Srl, Erg Eolica Amaroni Srl, Erg Eolica Adriatica Srl, Erg Eolica San Vincenzo Srl, Erg Eolica San Circeo Srl, Erg Eolica Faeto Srl, Green Vicari Srl, Erg Wind Energy Srl, Erg Wind Sicilia 3 Srl, Erg Wind Sicilia 6 Srl, Erg Wind 4 Srl, Erg Wind 6 Srl, Erg Wind Sicilia 5 Srl, Erg Wind 2000 Srl, Erg Wind Sicilia 2 Srl, Erg Wind Sardegna Srl, Erg Wind Sicilia 4 Srl, Enel Hydro Appennino Centrale Srl, li kienet Erg Hydro Srl u Erg Power Generation SpA, minn E. Bruti Liberati, A. Canuti u P. Tanferna, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. G. V. Delbono, S. Fiorentino u P. Garofoli, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 14 u 25 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gestore dei Servizi Energetici SpA ‑ GSE, l-amministratur tas-servizzi tal-enerġija fl-Italja, minn naħa, u 21 kumpannija li jipproduċu l-elettriku minn sorsi rinnovabbli li ma humiex fotovoltajċi, li huma Erg Eolica Ginestra Srl, Erg Eolica Campania SpA, Erg Eolica Fossa del Lupo Srl, Erg Eolica Amaroni Srl, Erg Eolica Adriatica Srl, Erg Eolica San Vincenzo Srl, Erg Eolica San Circeo Srl, Erg Eolica Faeto Srl, Green Vicari Srl, Erg Wind Energy Srl, Erg Wind Sicilia 3 Srl, Erg Wind Sicilia 6 Srl, Erg Wind 4 Srl, Erg Wind 6 Srl, Erg Wind Sicilia 5 Srl, Erg Wind 2000 Srl, Erg Wind Sicilia 2 Srl, Erg Wind Sardegna Srl, Erg Wind Sicilia 4 Srl, Enel Hydro Appennino Centrale Srl, li kienet Erg Hydro Srl u Erg Power Generation SpA, kif ukoll Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar is-sostituzzjoni ta’ skema ta’ appoġġ lill-produtturi ta’ dan l-elettriku bi skema oħra li ġġiegħel lil dawn il-produtturi jikkonkludu ftehim mal-GSE sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-aħħar skema ta’ appoġġ.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 8, 14 u 25 tad-Direttiva 2009/28 huma fformulati kif ġej:

“(8)      Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni [Ewropea] tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata ‘Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli — L-Enerġija Rinnovabbli fis-seklu 21: il-bini ta’ futur iżjed sostenibbli’ wera li mira ta’ 20 % għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u mira ta’ 10 % għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport ikunu miri xierqa u li jistgħu jinkisbu, u li qafas li jinkludi miri mandatorji għandu jipprovdi lill-komunità kummerċjali bl-istabbiltà fuq -perijodu twil li għandha bżonn biex tagħmel investimenti sostenibbli u razzjonali fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li jkunu kapaċi li jnaqqsu d-dipendenza fuq karburanti fossili impurtati u ssaħħaħ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija. Dawn il-miri jeżistu fil-kuntest tal-20 % titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020 stabbilit permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2006 intitolata ‘Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: It-Twettiq tal-Potenzjal’, li ġie endorsjat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2007, u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal‑31 ta’ Jannar 2008 dwar dak il-Pjan ta’ Azzjoni.

[…]

(14)      L-għan ewlieni ta’ miri nazzjonali mandatorji huwa li jipprovdi ċertezza għall-investituri u li jinkoraġġixxi żvilupp kontinwu ta’ teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija mit-tipi kollha ta’ sorsi rinnovabbli. Għalhekk mhux xieraq li tkun differita deċiżjoni dwar jekk mira hijiex mandatorja sakemm iseħħ avveniment ieħor.

[…]

(25)      L-Istati Membri għandhom potenzjali għall-enerġija rinnovabbli differenti u joperaw skemi differenti ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-livell nazzjonali. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw skemi ta’ appoġġ li jagħtu benefiċċji biss lill-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fit-territorju tagħhom. Għall-iffunzjonar tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali huwa kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effett u l-ispejjeż tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali tagħhom skont il-potenzjali differenti tagħhom. Mezz importanti biex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva hu li jkun garantit il-funzjonament tajjeb ta’ skemi ta’ appoġġ nazzjonali, bħal fid-Direttiva 2001/77/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121)], sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investitur u sabiex jiġi permess lill-Istati Membri jfasslu miżuri nazzjonali effettivi għall-konformità mal-mira. […]”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. Hija tistabbilixxi regoli relatati mat-trasferimenti tal-istatistika bejn l-Istati Membri, il-proġetti konġunti bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, mal-garanziji tal-oriġini, proċeduri amministrattivi, informazzjoni u taħriġ u aċċess għall-grilja tal-elettriku għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi.”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, jipprovdi:

“(1)      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli […] fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. Dawn il-miri globali nazzjonali mandatorji huma konsistenti ma’ mira ta’ sehem ta’ mill-inqas 20 % mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija tal-Komunità [Ewropea] fl-2020. Sabiex il-miri stabbiliti f’dan l-Artikolu jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod aktar faċli, kull Stat Membru għandu jippromwovi u jinkuraġġixxi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija.

2.      L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.      Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)      skemi ta’ sostenn;

[…]”

 Iddritt Taljan

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 79/1999

6        Permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 – Attuazione della direttiva 96/92/KE recante norme comuni per il mercato interno dell’ energia elettrica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 79 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 96/92/KE dwar ir-Regoli Komuni għas-Suq Intern tal-Elettriku), tas‑16 ta’ Marzu 1999 (GURI Nru 75, tal‑31 ta’ Marzu 1999, p. 8), ir-Repubblika Taljana kienet stabbilixxiet skema ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli billi imponiet fuq l-importaturi u fuq il-produtturi tal-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli, l-obbligu li jintroduċu, fin-network nazzjonali, matul is-sena ta’ wara, kwota ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli jew alternattivament li jakkwistaw l-ekwivalenti tal-kwota kollha jew ta’ parti minnha jew tad-drittijiet relatati, fil-forma ta’ ċertifikati, imsejħa ‘ċertifikati ħodor’, mogħtija lill-produtturi ta’ dan l-elettriku, mingħand produtturi oħra bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jintroduċu fin-network dan l-elettriku (iktar ’il quddiem l-“iskema taċ-ċertifikati ħodor”).

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 28/2011

7        Id‑Digriet Leġiżlattiv Nru 28 – Attuazione della direttiva 2009/28/KE sulla promozione dell’ uso dell’ energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/CE e 2003/30/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE), tat‑3 ta’ Marzu 2011 (GURI Nru 71, tat‑28 ta’ Marzu 2011, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 81, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011”), li daħlet fis-seħħ fid‑29 ta’ Marzu 2011, jipprovdi li, b’effett mis-sena 2013, l-iskema taċ-ċertifikati ħodor għandha progressivament titneħħa u tiġi ssostitwita, mis-sena 2016, bi skema ta’ appoġġ ibbażata fuq l-għoti ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv”).

8        L-Artikolu 24 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi:

“1.      Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn installazzjonijiet operati minn sorsi rinnovabbli u li bdew joperaw wara l-31 ta’ Diċembru 2012 għandha tibbenefika minn inċentiv permezz tal-istrumenti u abbażi tal-kriterji ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 u tal-kriterji speċifiċi msemmija fil-paragrafi 3 u 4. [...]

2.      Il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika mill-installazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tibbenefika minn miżuri ta’ inċentiv abbażi tal-kriterji ġenerali li ġejjin:

[…]

(d)      l-inċentivi jingħataw permezz ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat konklużi bejn il-GSE u l-entità responsabbli għall-installazzjonijiet, abbażi ta’ kuntratt standard iddefinit mill-Autorità per l’Energia Elettrica e il Gas [(AEEG) (l-Awtorità għall-Enerġija Elettrika u l-Gass, l-Italja), li saret l-Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA) (l-Awtorità Regolatorja għall-Enerġija, in-Networks u l-Ambjent, l-Italja)], fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel wieħed mid-digrieti msemmija fil-paragrafu 5;

[…]

5.      Permezz ta’ digrieti tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku b’konsultazzjoni mal-Ministro dell’ Ambiente u della Tutela del Territorio e del Mare [(il-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, l-Italja)] u, għall-profili ta’ kompetenza, mal-Ministro delle Politiche Agricole e Forestali [(il-Ministru għall-Politika Agrikola u Forestali, l-Italja)], wara konsultazzjoni mal-[AEEG] u l-Konferenza Unifikata [(il-Konferenza Unifikata, l-Italja)], imsemmija fl-Artikolu 8 tad-decreto legislativo Nru 281 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 281), tat‑28 ta’ Awwissu 1997, il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ inċentiv previsti f’dan l-artikolu huma ddefiniti fl-osservanza tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 iktar ’il fuq. Id-digrieti jirregolaw, b’mod partikolari:

[…]

(c)      il-modalitajiet tat-tranżizzjoni mill-mekkaniżmu ta’ inċentiv l-antik għall-ġdid. Il-modalitajiet stabbiliti għandhom ikopru b’mod partikolari s-sostituzzjoni tad-dritt għaċ-ċertifikati ħodor għas-snin ta’ wara s-sena 2015, inkluż għall-installazzjonijiet mhux operati minn sorsi rinnovabbli, bi dritt ta’ aċċess, għall-kumplament tal-perijodu tad-dritt għaċ-ċertifikati ħodor, għal skema ta’ inċentiv tat-tip imsemmija fil-paragrafu 3, sabiex tiġi żgurata l-profittabbiltà tal-investimenti magħmula.

[…]”

9        L-Artikolu 25(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 jipprevedi li l-GSE għandha tirtira kull sena ċ-ċertifikati ħodor maħruġa għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli matul is-snin 2011 sa 2015 li possibbilment jaqbżu dawk meħtieġa sabiex tiġi osservata l-kwota relatata mal-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija rinnovabbli. Il-prezz tal-irtirar taċ-ċertifikati msemmija hawn fuq għandu jkun 78 % tal-prezz imsemmi fl-Artikolu 2(148) tal-legge n. 244 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2008) (il-Liġi Nru 244 — Dispożizzjonijiet dwar l-Elaborazzjoni tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi dwar il-Finanzi tal-2008)), tal‑24 ta’ Diċembru 2007 (GURI Nru 300, tat‑28 ta’ Diċembru 2007, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 285).

 IdDigriet tas6 ta’ Lulju 2012

10      Il-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku, b’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar u l-Ministru għall-Politika Agrikola u għall-Foresti adotta d-decreto – Attuazione dell’ Art. 24 del decreto legislativo 3 marzo 2011, n. 28, recante incentivazione della produzione di energia elettrica da impianti a fonti rinnovabili diversi dai fotovoltaici (id-Digriet – Implimentazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 tat‑3 ta’ Marzu 2011 dwar Inċentivi favur l-Enerġija Elettrika minn Installazzjonijiet li joperaw b’sorsi rinnovabbli li ma humiex fotovoltajċi), tas‑6 ta’ Lulju 2012 (GURI Nru 159, tal‑10 ta’ Lulju 2012, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 143, iktar ’il quddiem id-“Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012”).

11      L-Artikolu 19 tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012, intitolat “Konverżjoni tad-dritt għaċ-ċertifikati ħodor b’inċentiv”, jipprevedi:

“1.      Il-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 [...], li kisbu d-dritt għaċ-ċertifikati ħodor, għandha tingħata, għall-kumplament tal-perijodu ta’ dritt, wara s-sena 2015, tariffa feed‑in I fuq il-produzzjoni netta li taqa’ taħt l-iskema ta’ inċentiv skont id-dispożizzjonijiet applikabbli preċedentement […] [formola matematika hija sussegwentement stabbilita sabiex tiġi kkalkolata din it-tariffa feed‑in I]

[…]”

12      L-Artikolu 20 ta’ dan id-digriet, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-irtirar taċ-ċertifikati ħodor maħruġa għall-produzzjonijiet annwali sal-2015”, jipprovdi:

“(1)      Għall-finijiet tal-ħruġ u tal-irtirar taċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjonijiet tas-snin 2012 sa 2015, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 28/2011], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi li ġejjin.

2.      Fuq talba tal-produttur, il-GSE għandha toħroġ, fuq bażi trimestrali, ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-trimestru preċedenti, li jibdew mill-miżuri trażmessi kull xahar mill-operaturi tan-network lill-GSE, abbażi ta’ proċedura speċifika ppubblikata mill-GSE fi żmien 60 jum mid-dħul fis-seħħ tad-digriet preżenti.

3.      […] fuq talba tal-proprjetarju, il-GSE għandha tirtira, għall-prezz iddefinit fl-Artikolu 25(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 […]:

[…]

(b)      iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tal-ewwel nofs tas-sena 2012 qabel il‑31 ta’ Marzu 2013; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tieni nofs tas-sena 2012 qabel it‑30 ta’ Settembru 2013;

(c)      iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tal-ewwel trimestru tas-sena 2013 qabel il‑31 ta’ Diċembru 2013; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tieni trimestru tas-sena 2013 qabel il‑31 ta’ Marzu 2014; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tielet trimestru tas-sena 2013 qabel it‑30 ta’ Ġunju 2014; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tar-raba’ trimestru tas-sena 2013 qabel it‑30 ta’ Settembru 2014;

(d)      iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tal-ewwel trimestru tas-sena 2014 qabel it‑30 ta’ Settembru 2014; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tieni trimestru tas-sena 2014 qabel il‑31 ta’ Diċembru 2014; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tielet trimestru tas-sena 2014 qabel il‑31 ta’ Marzu 2015; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tar-raba’ trimestru tas-sena 2014 qabel it‑30 ta’ Ġunju 2015;

(e)      iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tal-ewwel trimestru tas-sena 2015 qabel it‑30 ta’ Settembru 2015; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tieni trimestru tas-sena 2015 qabel il‑31 ta’ Diċembru 2015; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tat-tielet trimestru tas-sena 2015 qabel il‑31 ta’ Marzu 2016; iċ-ċertifikati ħodor relatati mal-produzzjoni tar-raba’ trimestru tas-sena 2015 qabel it‑30 ta’ Ġunju 2016;

[…]”

13      L-Artikolu 21(8) tal-imsemmi digriet jipprevedi li:

“Għal kull installazzjoni, qabel ma jikseb id-dritt ta’ aċċess għall-mekkaniżmi ta’ inċentiv imsemmija f’dan id-digriet, il-persuna responsabbli għandha tikkonkludi kuntratt irregolat mid-dritt privat mal-GSE. Il-GSE għandha tipprovdi lill-[AEEG] l-informazzjoni neċessarja sabiex din tkun tista’ tistabbilixxi, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, il-kuntratt standard imsemmi fl-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 28/2011].”

14      L-Artikolu 30 tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012, intitolat “Konverżjoni tal-mekkaniżmu ta’ inċentiv l-antik f’wieħed ġdid”, jipprevedi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-investimenti li jkunu qegħdin jitlestew u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni progressiva mill-mekkaniżmu l-antik għall-mekkaniżmu l-ġdid, għall-installazzjonijiet li bdew joperaw qabel it‑30 ta’ April 2013, jew qabel it‑30 ta’ Ġunju 2013 għall-installazzjonijiet operati bi skart imsemmija fl-Artikolu 8(4)(c), huwa possibbli li jintgħażel mekkaniżmu ta’ inċentivi differenti minn dak stabbilit minn dan id-digriet, skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      l-installazzjonijiet li jibdew joperaw fit-terminu previst fil-paragrafu 1 huma suġġetti għat-tariffi globali u għall-koeffiċjenti multiplikattivi għaċ-ċertifikati ħodor indikati fit-tabelli 1 u 2 annessi mal-Liġi Nru 244 tal‑2007, kif emendata, u fil-paragrafu 382c tal-legge n. 296 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (il-Liġi Nru 296 dwar Dispożizzjonijiet għall-Formazzjoni tal-Bilanċ Annwali u Multiannwali tal-Istat), tas‑27 ta’ Diċembru 2006 (GURI Nru 299, tas‑27 ta’ Diċembru 2006, Suppliment Ordinarju Nru 244), kif emendata, applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u mnaqqsa bi 3 % fix-xahar mix-xahar ta’ Jannar 2013; dan it-tnaqqis japplika mix-xahar ta’ Mejju biss għall-installazzjonijiet operati bi iskart imsemmija fl-Artikolu 8(4)(c).

[…]

2.      L-installazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom permess qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

[…]”

 IlFtehimiet Standard

15      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 207/2013/R/EFR, tas‑16 ta’ Mejju 2013, l-AEEG approvat l-abbozz ta’ ftehim standard intitolat “Fonti energetiche rinnovabili” (Ftehim dwar Sorsi Rinnovabbli, iktar ’il quddiem il-“Ftehim FER”) ippreparat mill-GSE għall-finijiet tal-għoti tal-inċentivi previsti mid-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal-AEEG fis‑17 ta’ Mejju 2013.

16      Fl‑20 ta’ April 2016, il-GSE ppubblikat fuq is-sit internet tagħha abbozz ta’ ftehim standard intitolat “Gestione Riconoscimento Incentivo” (Ftehim Standad dwar il-Ġestjoni tar-Rikonoxximent ta’ Miżura ta’ Inċentiv, iktar ’il quddiem il-“Ftehim GRIN”).

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Il-21 kumpannija msemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”) huma proprjetarji ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sors rinnovabbli, minbarra l-enerġija fotovoltajka, li kienu jibbenefikaw minn appoġġ għall-produzzjoni ta’ dan l-elettriku previst mill-iskema taċ-ċertifikati ħodor u, għaldaqstant, setgħu jbigħu ċertifikati ħodor lil operaturi oħra sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jinjettaw ċerta kwantità ta’ dan l-elettriku fis-sistema tal-elettriku Taljana.

18      Wara l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 li jipprevedu s-sostituzzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati ħodor bl-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv, dawn il-proprjetarji ppreżentaw rikors, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), intiż sabiex jikkontesta l-legalità tal-ftehim GRIN li huma kellhom jikkonkludu mal-GSE sabiex isseħħ it-tranżizzjoni bejn dawn l-iskemi.

19      Dik il-qorti laqgħet ir-rikors tal-imsemmija proprjetarji għar-raġuni li la d-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u lanqas id-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 ma kienu espressament ipprevedew li din it-tranżizzjoni kienet teħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim mal-GSE. Skont l-imsemmija qorti, l-obbligu li jiġi konkluż “kuntratt irregolat mid-dritt privat” sabiex wieħed jibbenefika mill-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv, kif previst fl-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, kien japplika biss għall-operaturi ta’ installazzjonijiet operati minn sorsi rinnovabbli li kienu bdew joperaw wara l‑31 ta’ Diċembru 2012, u mhux għall-operaturi ta’ installazzjonijiet, bħal dawk tal-istess proprjetarji, li kienu bdew joperaw qabel din id-data u li minnhom l-operaturi kienu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċertifikati ħodor.

20      Il-GSE appellat mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li hija l-qorti tar-rinviju.

21      Preliminarjament, din il-qorti tirrileva, essenzjalment, li mill-ġurisprudenza tagħha u minn dik tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fl-ewwel istanza, l-obbligu li jiġi konkluż ftehim mal-GSE sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv kien japplika kemm għall-operaturi li l-installazzjonijiet tagħhom kienu bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll għall-operaturi li l-installazzjonijiet tagħhom kienu bdew joperaw wara l-31 ta’ Diċembru 2012. Skont il-qorti tar-rinviju, il-GSE setgħet għalhekk tuża, bla ħsara għall-emendi neċessarji marbuta mal-partikolaritajiet tat-tranżizzjoni, il-Ftehim FER approvat mill-AEEG jew il-Ftehim GRIN, li ser jieħu post il-Ftehim FER, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ miżuri ta’ għajnuna tariffarja lill-operaturi ta’ installazzjonijiet li bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012.

22      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li jista’ jitqies li, sa fejn timponi l-konklużjoni ta’ ftehim mal-GSE fuq l-operaturi li jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċertifikati ħodor sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali emendat unilateralment il-kundizzjonijiet legali li fuqhom il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu bbażaw l-attività ekonomika tagħhom, u dan jista’ jmur kontra l-għan tad-Direttiva 2009/28 li toffri lill-investituri ċerta sigurtà.

23      Fil-fatt, l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkonkludu tali ftehim ma huwiex ir-riżultat ta’ negozjati liberi. Barra minn hekk, dan il-ftehim jimponi obbligi addizzjonali fuq dawn l-impriżi. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jipprevedix sempliċement il-konverżjoni, abbażi ta’ formola matematika, taċ-ċertifikati ħodor tal-imsemmija impriżi f’għajnuna tariffarja, iżda jinkludi b’mod partikolari l-obbligu għalihom li jistallaw tagħmir ġdid għall-qari mill-bogħod sabiex jippermetti lill-GSE tiġbor data dwar kejl (Artikolu 5 tal-Ftehim GRIN), il-limitazzjonijiet għat-trasferiment ta’ krediti (Artikoli 7 u 8 tal-Ftehim GRIN), is-setgħa tal-GSE li timmodifika jew itemm unilateralment l-iskemi ta’ inċentivi fil-każ ta’ bejgħ tal-installazzjoni kkonċernata lil terz (Artikolu 9(2) tal-Ftehim GRIN), il-possibbiltà tal-GSE li xxolji l-imsemmi ftehim sempliċement minħabba l-eżistenza ta’ data falza (Artikolu 12 tal-Ftehim GRIN) kif ukoll id-dritt tal-GSE li xxolji u tissospendi l-istess ftehim (Artikolu 13(3) u (4) tal-Ftehim GRIN).

24      Skont il-qorti tar-rinviju, billi jbiddel unilateralment il-kundizzjonijiet legali li fuqhom il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu bbażaw l-attività ekonomika tagħhom, l-obbligu li jiġi konkluż tali ftehim jista’ jmur kontra kemm l-għan tad-Direttiva 2009/28, kif jirriżulta mill-premessi 8, 14 u 25 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 1 u 3 tagħha, li huwa li joffri lill-investituri ċerta ċertezza, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

25      Il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm jista’ jiġi sostnut li, fil-każ ineżami, operatur prudenti u informat kien perfettament kapaċi jipprevedi preċiżament l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u r-riskju li jiġu adottati bħala konsegwenza miżuri li jistgħu jippreġudikaw l-interessi tiegħu. Hija tqis li, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280), il-leġiżlazzjoni applikabbli preċedentement ma kinitx tinkludi indikazzjoni suffiċjentement ċara għall-operaturi ekonomiċi dwar il-fatt li l-miżuri ta’ inċentiv tal-iskema taċ-ċertifikati ħodor setgħu jiġu emendati jew imħassra.

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ineżami, jista’ jkun hemm ukoll ksur tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta. Fil-fatt, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li tikkostitwixxi interferenza fil-libertà kuntrattwali tal-operaturi tal-installazzjonijiet li jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċertifikati ħodor, peress li l-leġiżlatur issostittwixxa din l-iskema bl-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv u impona fuq dawn l-operaturi kundizzjonijiet ġodda sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema tal-aħħar meta dawn kienu ppjanaw u organizzaw l-attività ekonomika tagħhom għal perijodu li l-istabbiltà tiegħu kellha tinżamm għal perijodu raġonevoli. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali taffettwa d-dritt ta’ kull impriża li tkun tista’ tuża liberament, fil-limiti tar-responsabbiltà tal-atti tagħha, ir-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji li hija għandha.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2009/28], u b’mod partikolari il-premessi 8, 14, 25 u l-Artikoli 1 u 3 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 16 tal-[Karta], ikkunsidrati fid-dawl tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippreklud[u] leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011] u [tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012] – kif interpretata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) – li tissuġġetta l-għoti tal-inċentivi għall-iffirmar ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat bejn GSE u l-entità responsabbli mill-impjant, anki fil-każ ta’ impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli li bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

28      Il-GSE ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li ma hijiex determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-GSE tikkunsidra li r-rikors li ta lok għal din it-tilwima għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-qorti tar-rinviju jew għandu jwassal sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni wara l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu bbażata fuq il-fatt li l-Ftehim GRIN ikkontestat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kienx jikkawżalhom preġudizzju.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid et, C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, EU:C:2024:149 punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja jew li tikkontesta l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li l-GSE allegat quddiem il-qorti tar-rinviju li r-rikors fil-kawża prinċipali kien inammissibbli jew li kellu jwassal sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

 Fuq iddomanda preliminari

33      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2009/28, moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 14 u 25 tagħha u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll l-Artikolu 16 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tas-sostituzzjoni ta’ skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli bbażata fuq kwoti ta’ dan l-elettriku li għandhom jiġu injettati fin-network nazzjonali u fuq l-għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-impriżi li jipproduċu l-imsemmi elettriku bi skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-istess elettriku bbażata fuq l-għoti ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv lil dawn l-impriżi, tissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-iskema tal-aħħar għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-appoġġ bejn tali impriża u entità kkontrollata mill-Istat responsabbli mill-ġestjoni u mill-kontroll tal-imsemmija skema tal-aħħar, inkluż għall-impriżi li, fid-dawl tad-data li fiha l-installazzjonijiet tagħhom bdew joperaw, kienu jibbenefikaw mill-iskema nazzjonali ta’ appoġġ ibbażata fuq kwoti u l-għoti ta’ ċertifikati ħodor.

34      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28 jirriżulta li hija għandha l-għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, objettivi nazzjonali vinkolanti dwar il-parti tal-enerġija prodotta minn tali sorsi fil-konsum finali gross tal-enerġija. Konformement ma’ dan l-għan, l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi għanijiet li għandhom jintlaħqu li jikkonsistu, minn naħa, f’li, għal kull Stat Membru, il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tiegħu fl-2020 tikkorrispondi mill-inqas għall-għan nazzjonali globali tiegħu, kif previst fil-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, f’li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri mfassla b’mod effikaċi sabiex jiggarantixxu li l-parti tagħhom ta’ enerġija prodotta minn tali sorsi tkun tal-inqas ugwali għal dik prevista fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I tal-istess direttiva.

35      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 8 u 14 tad-Direttiva 2009/28, id-definizzjoni ta’ dan il-qafas komuni u ta’ dawn l-għanijiet għandha tagħti lill-komunità kummerċjali l-istabbiltà meħtieġa sabiex isiru investimenti sostenibbli fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li jippermettu li jiżdied l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda li jiġġeneraw l-enerġija mit-tipi kollha ta’ sorsi rinnovabbli.

36      L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tagħha, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet u li, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-iskemi ta’ appoġġ, huwa essenzjali li dawn l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-effetti u l-ispejjeż tal-iskemi tagħhom skont il-potenzjal tagħhom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli peress li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Din il-premessa tenfasizza wkoll li l-garanzija tal-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali previsti mid-Direttiva 2001/77 hija mezz importanti sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri u sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2009/28.

37      Għaldaqstant, għalkemm il-fatt li tiġi żgurata ċerta stabbiltà għall-komunità kummerċjali huwa importanti għat-twettiq ta’ investimenti sostenibbli fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li ser jikkontribwixxu sabiex jiżdied il-konsum ta’ dawn l-enerġiji, tali assigurazzjoni tingħata lil din il-komunità, minn naħa, billi jiġi ddefinit qafas komuni li jipprevedi miri vinkolanti fir-rigward tal-parti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija f’kull Stat Membru u, min-naħa l-oħra, billi jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-iskemi ta’ appoġġ adottati mill-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

38      Il-ħtieġa li tiġi offruta ċerta ċertezza lill-investituri rrikonoxxuta fil-premessi 8 u 14 tad-Direttiva 2009/28 ma tistax madankollu, bħala tali, taffettwa l-marġni ta’ diskrezzjoni, mogħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 3(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tagħha, sabiex jadottaw u jżommu skemi ta’ appoġġ effikaċi, u għalhekk li ma jiswewx wisq, li jippermettulhom jilħqu l-objettivi vinkolanti stabbiliti mill-imsemmija direttiva fil-qasam tal-konsum ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli. Fil-fatt ġie deċiż li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jimplika li dawn l-Istati huma liberi li jadottaw, jemendaw jew jabolixxu skemi ta’ appoġġ, sakemm l-imsemmija għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 28 kif ukoll id-digriet tal‑1 ta’ Marzu 2022, Milis Energy et, C‑306/19, C‑512/19, C‑595/19 u C‑608/20 sa C‑611/20, EU:C:2022:164, punt 30).

39      Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/28 ma tipprekludix, fiha nnifisha, is-sostituzzjoni mil-leġiżlatur Taljan tal-iskema ta’ ċertifikati ħodor bl-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv, li ttemm, għal ċerti impriżi, il-vantaġġ li tagħtihom l-ewwel skema u li timponi fuq dawn l-impriżi li jikkonkludu ftehim mal-GSE, entità kompletament ikkontrollata mill-Istat responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-għoti ta’ miżuri ta’ inċentivi previsti minn skema nazzjonali ta’ appoġġ lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, sabiex tkun tista’ tibbenefika mit-tieni skema, sa fejn din l-iskema tal-aħħar tippermetti lir-Repubblika Taljana tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-parti ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija stabbiliti minn din id-direttiva.

40      Madankollu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom b’osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Coöperatieve Producentenorganisatie en Beheersgroep Texel, C‑386/18, EU:C:2019:1122, punt 55, u tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-imsemmija prinċipji, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha biss ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lil dik il-qorti bil-kriterji kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità. Il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji għal tali evalwazzjoni ta’ konformità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Viterra Hungary, C‑366/22, EU:C:2023:876, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom l-għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu bħala li jipprekludu lil leġiżlatur nazzjonali milli juża, fil-kuntest ta’ regola li jadotta, kunċett ġuridiku astratt, u lanqas bħala li jimponu li tali regola astratta ssemmi d-diversi ipoteżijiet konkreti li fihom tista’ tiġi applikata din ir-regola, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati minn qabel mil-leġiżlatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 224 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konsegwentement, il-fatt li att leġiżlattiv jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, minnu nnifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa mill-arbitrarjetà (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 225 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-każ ineżami u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jidhru li jistabbilixxu b’mod ċar u preċiż l-eliminazzjoni progressiva tal-iskema taċ-ċertifikati ħodor u s-sostituzzjoni tagħha bl-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv kif ukoll il-modalitajiet ta’ din l-eliminazzjoni progressiva u ta’ din is-sostituzzjoni.

46      Fil-fatt, l-Artikolu 24 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 jipprevedi li l-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku operati minn sorsi rinnovabbli li bdew joperaw wara l‑31 ta’ Diċembru 2012 jistgħu jibbenefikaw minn skema ta’ appoġġ ibbażata fuq tariffi ta’ xiri feed-in ta’ inċentiv permezz tal-osservanza ta’ ċerti kriterji. Barra minn hekk, għall-installazzjonijiet li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012, l-Artikolu 19 tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ konverżjoni tad-drittijiet għaċ-ċertifikati ħodor fi drittijiet għal tariffi feed-in ta’ inċentiv b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016. L-Artikolu 25(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u l-Artikolu 20 tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-irtirar ta’ ċertifikati ħodor maħruġa għall-produzzjonijiet annwali sal-aħħar tas-sena 2015. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jipprevedi l-possibbiltà għall-installazzjonijiet li bdew joperaw qabel it‑30 ta’ April 2013 li jagħżlu mekkaniżmu ta’ inċentiv speċifiku matul it-tranżizzjoni mill-mekkaniżmu ta’ inċentiv l-antik għall-mekkaniżmu l-ġdid.

47      Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u l-Artikolu 21(8) tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jesponu b’mod ċar li l-għoti tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv jeħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-GSE u l-entità responsabbli għall-installazzjonijiet.

48      L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet prevedibbli għall-produtturi kollha tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, kemm jekk l-installazzjonijiet tagħhom bdew joperaw qabel jew wara l‑31 ta’ Diċembru 2012, peress li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u d-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 ġew adottati qabel il-bidu tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2013 sal‑31 ta’ Diċembru 2015 li matulu l-iskema taċ-ċertifikati ħodor kellha progressivament tiġi ssostitwita mill-iskema ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv.

49      F’dak li jirrigwarda l-klawżoli tal-ftehim li għandu jiġi konkluż minn impriżi mal-GSE sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 21(8) tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012, l-AEEG adottat, fis‑6 ta’ Lulju 2012, fuq proposta tal-GSE, kuntratt standard, jiġifieri l-Ftehim FER. Barra minn hekk, fl‑20 ta’ April 2016, il-GSE ppubblikat l-abbozz tal-Ftehim GRIN li kellu jiġi wara l-Ftehim FER.

50      Fir-rigward tal-Ftehim GRIN, li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, il-klawżoli tiegħu jidhru, prima facie, ċari u prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 tas-sentenza preżenti.

51      Fil-fatt, kif isostnu l-GSE u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-kontenut tal-klawżoli tal-Ftehim GRIN jidher li jikkorrispondi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim FER jew tal-qafas regolatorju applikabbli għall-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Italja u, b’mod partikolari, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jew li jirriżultaw minnhom. Jekk il-qorti tar-rinviju kellha, wara verifika, tikkonferma din l-evalwazzjoni, il-kontenut ta’ dawn il-klawżoli għandu jitqies li kien prevedibbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

52      Din l-evalwazzjoni tal-aħħar ma hijiex neċessarjament ikkontestata mill-fatt li wħud mill-imsemmija klawżoli jagħtu, hekk kif jirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza preżenti, ċerta setgħa diskrezzjonali lill-GSE, b’mod partikolari, sabiex temenda jew ittemm unilateralment il-ftehim ikkonċernat fil-każ ta’ bejgħ tal-installazzjoni lil terzi jew sabiex ittemm jew tissospendi unilateralment dan il-ftehim fil-każ ta’ varjazzjonijiet sostanzjali fil-konfigurazzjoni tal-installazzjoni kkonċernata meta mqabbla ma’ dik li ġiet iddikjarata.

53      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza preżenti, huwa biss jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tal-GSE ma humiex iddefiniti b’mod suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex jipprovdu protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà li hija tista’ tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

54      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull operatur ekonomiku li fir-rigward tiegħu awtorità nazzjonali tkun ħolqitlu aspettattivi fondati, b’mod partikolari, minħabba assigurazzjonijiet preċiżi li din tkun tatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fejn operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka dan il-prinċipju jekk il-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jpoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-qafas tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fil-każ ineżami u bla ħsara għal evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, qabel l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012, l-awtoritajiet Taljani adottaw xi miżura jew taw xi assigurazzjoni li setgħet nisslet aspettattivi fondati fil-konfront tal-operaturi, bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-iskema taċ-ċertifikati ħodor kienet ser tinżamm.

56      Barra minn hekk, kif huwa indikat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2009/28 tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Taljani sabiex jemendaw jew jeliminaw l-iskemi ta’ appoġġ implimentati sabiex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli stabbiliti f’din id-direttiva.

57      Minn dan isegwi li operaturi ekonomiċi prudenti u informati kellhom ikunu f’pożizzjoni li jipprevedu li l-awtoritajiet Taljani jistgħu jeżerċitaw dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. Għaldaqstant, huma ma kinux iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ skema ta’ appoġġ li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati ħodor u fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ obbligi ġodda, bħall-obbligu li jiġi konkluż ftehim mal-GSE, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tariffa ta’ feed-in ta’ inċentiv għall-elettriku li huma jipproduċu minn sorsi rinnovabbli.

58      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-obbligu li jiġi konkluż il-Ftehim GRIN, dejjem bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom kienu joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 kellhom kwalunkwe assigurazzjoni li huma ma kinux ser ikunu suġġetti għal dan l-obbligu sabiex jibbenefikaw minn tariffa feed-in ta’ inċentiv. Għall-kuntrarju, hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, kemm mill-ġurisprudenza tagħha kif ukoll minn dik tal-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jirriżulta li l-Artikolu 24(2)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 21(8) tad-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta kemm lill-produtturi li l-installazzjonijiet tagħhom bdew joperaw wara l‑31 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll dawk li l-installazzjonijiet tagħhom kienu joperaw qabel din id-data għall-imsemmi obbligu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali tariffa.

59      Għal dak li jirrigwarda t-termini tal-Ftehim GRIN, sa fejn jista’ jiġi stabbilit li dawn jikkorrispondu, essenzjalment, għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim FER, adottat permezz tad-deċiżjoni tal-AEEG tas‑16 ta’ Mejju 2013, u tal-qafas regolatorju applikabbli għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Italja, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija produtturi għandhom jitqiesu li kienu f’pożizzjoni li jippreveduhom.

60      Għaldaqstant, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-installazzjonijiet tagħhom kienu bdew joperaw qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 u li kienu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċertifikati ħodor, ma setax ikollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ din l-iskema u fl-assenza ta’ obbligu li jiġi konkluż mal-GSE ftehim bħall-Ftehim GRIN, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv li jissostitwixxu l-imsemmija skema.

61      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, dan l-Artikolu 16 japplika fil-każ ineżami peress li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u d-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 jittrasponu d-Direttiva 2009/28 fid-dritt Taljan.

62      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 16, li jirrigwarda l-libertà ta’ intrapriża, jipproteġi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà li tkun tista’ tuża, fil-limiti tar-responsabbiltà li tinkorri għall-atti tagħha stess, ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li impriża jkollha kif ukoll il-libertà kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punti 56 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, is-sostituzzjoni tal-iskema ta’ ċertifikati ħodor bl-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011 u mid-Digriet tas‑6 ta’ Lulju 2012 ma tidhirx li taffettwa l-libertà tal-impriżi benefiċjarji ta’ din l-ewwel skema li jeżerċitaw attività ekonomika jew kummerċjali. B’mod partikolari, din is-sostituzzjoni ma tidhirx li taffettwa d-dritt ta’ dawn l-impriżi li jużaw liberament ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li huma għandhom.

64      F'dan ir-rigward, għandu fil-fatt jitfakkar li restrizzjoni ta’ dan id-dritt hija kkostitwita, b’mod partikolari, mill-obbligu li jittieħdu miżuri li jistgħu jirrappreżentaw, għal operatur ekonomiku, spiża kbira, u li jkollhom impatt kunsiderevoli fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tiegħu jew li jeħtieġu soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, it-tranżizzjoni bejn is-sistemi kkonċernati ma tidhirx li għandha spiża sinjifikattiva, li teħtieġ soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi jew li għandha impatt kunsiderevoli fuq l-attivitajiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

65      Għal dak li jirrigwarda l-libertà kuntrattwali stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jitfakkar li din tirrigwarda, b’mod partikolari, l-għażla libera ta’ sieħeb ekonomiku kif ukoll il-libertà li jiġi ddeterminat il-prezz mitlub għal servizz partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Madankollu, fil-każ ineżami, l-obbligu għall-impriżi benefiċjarji tal-iskema taċ-ċertifikati ħodor li jikkonkludu mal-GSE ftehim bħall-Ftehim GRIN, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tariffi feed-in ta’ inċentiv, ma jidhirx li jaffettwa din il-libertà.

67      Fil-fatt, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-ftehim jidher li huwa biss għodda ta’ implimentazzjoni mill-GSE, entità kkontrollata, hekk kif espost fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, kompletament mill-Istat inkarigata mill-ġestjoni u mill-kontroll tal-għoti ta’ miżuri ta’ inċentivi, tal-iskema tat-tariffi feed-in ta’ inċentiv. L-imsemmi ftehim jidher li huwa biss anċillari għal deċiżjoni amministrattiva ta’ ammissjoni għall-profitti ta’ miżuri tariffarji ta’ inċentivi u li ma għandu ebda effett fuq l-ammont tal-inċentiv inkwistjoni peress li huwa stabbilit mill-qafas regolatorju applikabbli u li għaldaqstant ma huwiex negozjabbli.

68      F’tali ċirkustanzi, huwa ġġustifikat li l-impriżi ma għandhomx l-għażla tas-sieħeb kuntrattwali tagħhom u ma għandhomx setgħa ta’ negozjar fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim GRIN jew tal-ammont tal-appoġġ. Il-libertà kuntrattwali ta’ dawn l-impriżi tillimita ruħha leġittimament sabiex jiddeċiedu jekk huma jaċċettawx jew le t-termini ta’ dan il-ftehim.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2009/28, moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 14 u 25 tagħha u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll l-Artikolu 16 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tas-sostituzzjoni ta’ skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli bbażata fuq kwoti ta’ dan l-elettriku li għandhom jiġu injettati fin-network nazzjonali u fuq l-għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-impriżi li jipproduċu l-imsemmi elettriku bi skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-istess elettriku bbażata fuq l-għoti ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv lil dawn l-impriżi, tissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-iskema tal-aħħar għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-appoġġ bejn tali impriża u entità kkontrollata mill-Istat responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-imsemmija skema tal-aħħar, inkluż għall-impriżi li, fid-dawl tad-data li fiha l-installazzjonijiet tagħhom bdew joperaw, kienu jibbenefikaw mill-iskema nazzjonali ta’ appoġġ ibbażata fuq kwoti u l-għoti ta’ ċertifikati ħodor.

 Fuq lispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, moqrija fid-dawl tal-premessi 8, 14 u 25 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tas-sostituzzjoni ta’ skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli bbażata fuq kwoti ta’ dan l-elettriku li għandhom jiġu injettati fin-network nazzjonali u fuq l-għoti ta’ ċertifikati ħodor lill-impriżi li jipproduċu l-imsemmi elettriku bi skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-istess elettriku bbażata fuq l-għoti ta’ tariffi feed-in ta’ inċentiv lil dawn l-impriżi, tissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-iskema tal-aħħar għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-appoġġ bejn tali impriża u entità kkontrollata mill-Istat responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-imsemmija skema tal-aħħar, inkluż għall-impriżi li, fid-dawl tad-data li fiha l-installazzjonijiet tagħhom bdew joperaw, kienu jibbenefikaw mill-iskema nazzjonali ta’ appoġġ ibbażata fuq kwoti u l-għoti ta’ ċertifikati ħodor.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top