EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0147

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. N. Emiliou, ippreżentati l-14 ta’ Marzu 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità – Determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru – Kriterju demografiku.
Kawża C-147/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:241

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C147/23

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva – Artikolu 260(3) TFUE – Sanzjonijiet finanzjarji – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni meta tipproponi sanzjonijiet finanzjarji lill-Qorti tal-Ġustizzja – Koeffiċjent ta’ serjetà – Nuqqas totali ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri li jittrasponu direttiva – Applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ 10 – Kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru – Fattur ‘N’ – Teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru”






I.      Introduzzjoni

1.        Meta xufier ta’ karozza jingħata ċitazzjoni għal sewqan eċċessiv, probabbilment jassumi li l-ammont ta’ dik il-multa ser jirrifletti s-serjetà tal-ksur u, għaldaqstant, ikun proporzjonat għan-numru ta’ kilometri fis-siegħa li bih huwa jkun eċċeda l-limitu tal-veloċità. F’xenarju differenti, kumpannija li tinħarġilha multa għal ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni jew dwar id-data personali, probabbilment tistenna (kif huwa rikjest mid-dritt tal-Unjoni) (2) li l-ammont ta’ tali multa jkun ġie ddeterminat b’kunsiderazzjoni, inter alia, tas-serjetà u tat-tul tal-ksur, kif ukoll tal-kapaċità tagħha li tħallas il-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha. Madankollu, la x-xufier u lanqas il-kumpannija, f’dawn iż-żewġ eżempji, ma jimmaġinaw li l-ammont tal-multa tagħhom jiżdied minħabba li n-numru ta’ persuni fid-dar tax-xufier jew in-numru ta’ persuni impjegati minn din il-kumpannija fil-mument tal-ksur huwa komparattivament ogħla minn dak tax-xufier medju jew ta’ kumpannija oħra.

2.        Għandha tapplika loġika differenti meta jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji fuq Stat Membru għal nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva? Jista’ l-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet ivarja skont id-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru?

3.        Essenzjalment din hija waħda mill-kwistjonijiet prinċipali tal-kawża preżenti.

4.        B’mod iktar speċifiku, din il-kwistjoni tqum fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika tal-Polonja, abbażi tal-fatt li hija naqset milli tadotta u tikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Informaturi”). Ir-Repubblika tal-Polonja ma tinnegax dan in-nuqqas. Madankollu, hija toġġezzjona għall-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni tipproponi li għandhom jiġu imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta żewġ elementi tal-metodi ta’ kalkolu applikati mill-Kummissjoni. Fl-opinjoni tagħha, wieħed minn dawn l-elementi sistematikament jirriżulta f’sanzjonijiet finanzjarji ogħla għall-Istati Membri li, bħall-Polonja, għandhom popolazzjoni ikbar minn dik ta’ oħrajn.

5.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 260(3) TFUE, li l-ewwel sentenza tiegħu tintitola lill-Kummissjoni li tispeċifika l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li tqis li huma xierqa meta tibda proċeduri kontra Stat Membru abbażi tal-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva adottati skont proċedura leġiżlattiva.

II.    Ilkuntest ġuridiku

1.      IdDirettiva dwar lInformaturi

6.        L-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar l-Informaturi jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-entitajiet ġuridiċi fis-settur privat b’50 sa 249 ħaddiem, l-Istati Membri għandhom sas‑17 ta’ Diċembru 2023 idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligu li jiġu stabbiliti kanali ta’ rapportar interni taħt l-Artikolu 8(3).

3.      Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

2.      IlKomunikazzjoni tal2023 (4)

7.        Il-Komunikazzjoni tal‑2023 tinkludi l-metodi ta’ kalkolu li jiġu applikati mill-Kummissjoni meta tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha timponi sanzjonijiet finanzjarji fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dawn is-sanzjonijiet finanzjarji jistgħu jkunu fil-forma ta’ pagamenti ta’ penalità jew ta’ somma f’daqqa jew it-tnejn flimkien.

8.        Fit-taqsima ta’ din il-komunikazzjoni intitolata “Prinċipji ġenerali”, il-Kummissjoni tiddikjara li hija “tqis li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti jenħtieġ li jkunu bbażati fuq tliet kriterji fundamentali […]:

–        is-serjetà tal-ksur,

–        Iż-żmien li dam,

–        il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sanzjoni finanzjarja nnifisha tkun ta’ deterrent għal aktar ksur”.

9.        Il-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 huwa intitolat “Nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni (l-Artikolu 260(3) TFUE)”. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi:

“Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu”.

10.      Il-punt 3.4 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li jikkonċerna l-pagamenti ta’ penalità, huwa intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”. Dan jipprovdi:

“L-ammont tal-pagament ta’ penali għandu jiżgura li s-sanzjoni tkun kemm proporzjonata kif ukoll dissważiva. L-effett ta’ deterrent tal-pagament ta’ penali għandu żewġ aspetti. Is-sanzjoni trid tkun għolja biżżejjed biex tiżgura li:

–        l-Istat Membru jtemm il-ksur (għalhekk trid tkun ogħla mill-benefiċċju li l-Istat Membru jikseb mill-ksur),

–        l-Istat Membru ma jirrepetix il-ksur.

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Image not found

[…]

Il-mod li bih il-fattur n jiġi kkalkolat […] li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas”.

11.      Il-punt 4.2.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li jikkonċerna somom f’daqqa, huwa intitolat “Elementi oħra tal-metodu ta’ kalkolu għas-somma f’daqqa”. Dan jipprovdi li “[g]ħall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali”.

12.      Il-fatturi n għal kull Stat Membru huma stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

III. Ilproċedura prekontenzjuża

13.      Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja, li fiha allegat li din tal-aħħar kienet naqset milli tikkomunika lilha l-miżuri adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi. B’risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, tat‑23 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika tal-Polonja sempliċement indikat li tali miżuri kienu fil-proċess li jiġu adottati fil-livell nazzjonali.

14.      Fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, li fiha stiednet lil din tal-aħħar sabiex twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Informaturi fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika formali tal-opinjoni motivata.

15.      Fir-risposta tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ konsultazzjoni inter-ministerjali intensiva dwar il-kwistjonijiet koperti mid-direttiva, hija kienet tbassar l-għeluq tax-xogħlijiet parlamentari pendenti fil-livell nazzjonali fl-aħħar tas-sena 2022. Sussegwentement, hija kkomunikat lill-Kummissjoni li hija kellha l-ħsieb li tippubblika l-miżuri intiżi li jittrasponu d-Direttiva dwar l-Informaturi f’Awwissu tal‑2023.

16.      Fil‑15 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet imressqa

17.      Fir-rikors tagħha ppreżentat fl‑10 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Informaturi, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u billi naqset milli tikkomunikahom lill-Kummissjoni;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni:

(a)      somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin:

–        EUR 13 700 kuljum mid-data li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi sad-data li fiha jinġieb fi tmiemu l-allegat ksur jew, f’każ li l-ksur jitkompla, sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti,

–        ammont minimu ta’ EUR 3 836 000;

(b)      fil-każ li l-allegat ksur jitkompla sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 53 430 għal kull jum ta’ dewmien fit-twettiq tal-obbligi skont id-Direttiva dwar l-Informaturi, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data li fiha jitwettqu dawn l-obbligi;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ħlas tal-ispejjeż.

18.      Ir-Repubblika tal-Polonja, wara li ġiet debitament innotifikata bir-rikors promotur, ippreżentat risposta fil‑31 ta’ Mejju 2023. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        alternattivament, tastjeni milli timponi somma f’daqqa u pagamenti ta’ penalità;

–        b’mod ulterjorment sussidjarju, tnaqqas sostanzjalment l-ammonti proposti mill-Kummissjoni għal dawn is-sanzjonijiet finanzjarji;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.      Il-partijiet fil-kawża preżenti ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw it-tieni serje ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fit‑3 ta’ Lulju 2023 u fid‑9 ta’ Awwissu 2023, rispettivament.

20.      Ma saret l-ebda seduta.

V.      Analiżi

21.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva dwar l-Informaturi fl‑2019, wara li serje ta’ rivelazzjonijiet madwar l-Unjoni (fosthom, l-iktar notevoli, dawk marbuta mal-“iskandlu tal-Lux Leaks”) (5) qajmu l-interess sinjifikattiv kemm tal-pubbliku kif ukoll tal-midja, fatt li kien juri l-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Din id-direttiva għandha l-għan li tipprovdi protezzjoni “bbilanċjata u effettiva” lil persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni li dwaru huma jakkwistaw informazzjoni f’kuntest marbut max-xogħol u li huwa ta’ “ħsara għall-interess pubbliku” (6). Kif huwa ddikjarat fl-Artikolu 1 tagħha, l-għan tagħha huwa li “jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni” f’ċerti oqsma speċifiċi li huma importanti għall-interess pubbliku, permezz tal-istabbiliment ta’ standards minimi komuni li jipprovdu “protezzjoni ta’ livell għoli” lil dawn il-persuni (7).

22.      L-Istati Membri kienu meħtieġa, skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar l-Informaturi, li jadottaw “il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi” neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021 (8). Dawn kienu meħtieġa wkoll, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li jinkludu referenza għad-Direttiva dwar l-Informaturi f’dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, huma kellhom jikkomunikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni (kif inhuma b’mod ġenerali obbligati li jagħmlu fil-każ tad-direttivi kollha).

23.      Il-kawża preżenti tifforma parti minn serje ta’ sitt kawżi (9) li jikkonċernaw l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi minn diversi Stati Membri.

24.      Kif diġà aċċennajt fl-introduzzjoni hawn fuq, il-proċeduri preżenti essenzjalment jikkonċernaw “manquement non contesté” (nuqqas mhux ikkontestat). Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax il-fatt li hija naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar l-Informaturi fid-dritt Pollakk. Lanqas ma tikkontesta l-fatt li, a fortiori, hija naqset milli tikkomunika kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Madankollu, hija tinvoka diversi ġustifikazzjonijiet għal dan in-nuqqas. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li l-Kummissjoni tipproponi li jiġu imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

25.      Sejjer l-ewwel nispjega għaliex il-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Polonja, fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jiġu miċħuda minnufih mill-Qorti tal-Ġustizzja (A). Sussegwentement, sejjer nindirizza l-kritika diretta minn dan l-Istat Membru lejn l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji propost mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti u, b’mod iktar speċifiku, il-metodi applikati mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ dan l-ammont, kif iddettaljati fil-Komunikazzjoni tal‑2023 (B). Din il-kwistjoni hija ta’ importanza għas-sitt kawżi kollha kemm huma li hemm riferiment għalihom fil-punt 23 iktar ’il fuq, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għall-każijiet kollha li fihom il-Kummissjoni tispeċifika l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li hija tipproponi li jiġi impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

A.      Ilġustifikazzjonijiet tarRepubblika talPolonja għannuqqas ta’ traspożizzjoni tadDirettiva dwar lInformaturi

1.      LArgumenti talpartijiet

26.      Ir-Repubblika tal-Polonja essenzjalment tipprovdi tliet ġustifikazzjonijiet għan-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni u, konsegwentement, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi fid-dritt Pollakk fil-perijodu preskritt mill-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva.

27.      Fl-ewwel lok, hija tispjega li, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva dwar l-Informaturi u l-impatt sinjifikattiv tagħha fuq firxa wiesgħa ta’ setturi, kienet meħtieġa proċedura ta’ konsultazzjoni itwal fil-livell nazzjonali. Ħafna partijiet ikkonċernati ġew inkoraġġiti jew talbu li jissottomettu osservazzjonijiet matul dik il-proċedura ta’ konsultazzjoni. Uħud mid-dubji fformulati minn dawn il-partijiet ikkonċernati fl-osservazzjonijiet tagħhom taw lok għall-ħtieġa ta’ analiżi iktar approfondita, fatt li għaldaqstant wassal għal dewmien fl-adozzjoni ta’ miżuri li jittrasponu din id-direttiva.

28.      It-tieni u t-tielet ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Polonja hija marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 u mal-kunflitt militari pendenti fl-Ukraina. Minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja tispjega li l-pandemija tal-COVID‑19 irrendiet iktar diffiċli l-organizzazzjoni ta’ laqgħat fiżiċi u t-tmexxija tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Hija tiddikjara wkoll li kellha tingħata prijorità lil leġiżlazzjoni oħra, iktar urġenti, marbuta mal-ġestjoni u t-trażżin tal-pandemija tal-COVID‑19.

29.      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li l-Ministeru għall-Familja u l-Politika Soċjali (li kien responsabbli għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi fid-dritt Pollakk) kellu rwol prinċipali fl-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-integrazzjoni ta’ rifuġjati Ukraini fis-sistema ta’ sigurtà soċjali Pollakka u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tagħhom fil-Polonja, wara li faqqgħet il-gwerra fl-Ukraina. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida u li jiġu mmobilizzati riżorsi b’rabta ma’ dawn il-kwistjonijiet wasslet għal iktar dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi fid-dritt Pollakk.

30.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li n-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi ma jirriżultax minn difett fil-proċess leġiżlattiv tagħha iżda min-neċessità li tingħata prijorità lil kwistjonijiet urġenti oħra ta’ saħħa pubblika, sigurtà u politika.

31.      Il-Kummissjoni ma taċċettax il-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Polonja.

32.      Fl-ewwel lok, hija tqis li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka l-kumplessità tad-Direttiva dwar l-Informaturi sabiex tiġġustifika d-dewmien tagħha għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali. Il-kumplessità ta’ att ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tikkostitwixxix ostaklu “anormali jew mhux prevedibbli” għat-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri marbuta mat-traspożizzjoni ta’ direttivi. Lanqas ma jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri, id-diffikultajiet li jinqalgħu matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni fil-livell nazzjonali, sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas tagħhom ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva.

33.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax issostni li n-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 26(1) ta’ din tal-aħħar kien dovut għall-pandemija tal-COVID‑19. Il-pandemija tista’ sservi bħala ġustifikazzjoni f’żewġ sitwazzjonijiet biss: l-ewwel, meta l-att rilevanti tal-Unjoni jkun jippermetti derogi jew eċċezzjonijiet minħabba d-diffikultajiet marbuta mal-pandemija jew, it-tieni, meta jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti għal difiża ta’ forza maġġuri (diffikultajiet li ma jistgħux jintegħlbu). Skont il-Kummissjoni, ma tinstab l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet fil-każ preżenti.

34.      Finalment, il-Kummissjoni tinnota li l-kunflitt militari pendenti fl-Ukraina beda fl‑24 ta’ Frar 2022, jiġifieri, wara l-iskadenza tal-perijodu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi. Għaldaqstant, hija ssostni li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tibbaża ruħha fuq il-konsegwenzi ta’ dan il-kunflitt sabiex tiġġustifika n-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fil-perijodu stabbilit mill-Artikolu 26(1) ta’ din tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, dawn il-konsegwenzi huma wisq indiretti jew remoti sabiex tkun tista’ tapplika d-difiża ta’ forza maġġuri.

2.      Evalwazzjoni

35.      It-tliet ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Polonja fil-proċeduri tal-lum, bl-ebda mod ma huma ġodda jew mhux komuni. Fl-opinjoni tiegħi, dawn jistgħu jiġu miċħuda mingħajr wisq diffikultà.

36.      Kif tindika l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’numru ta’ okkażjonijiet, li Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet relattivi għall-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu (jiġifieri, diffikultajiet interni) sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jikkonforma ruħu mal-obbligi u t-termini stabbiliti f’direttiva (10). B’mod partikolari, huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ tali Stat Membru huwa r-riżultat ta’ dibattiti politiċi (11) jew li huwa dovut għall-ħtieġa li jiġu segwiti proċeduri ta’ konsultazzjoni fil-livell nazzjonali (12).

37.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ċaħdet ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq l-allegata kumplessità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (13). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li, jekk jirriżulta li l-perijodu pprovdut għall-implementazzjoni ta’ direttiva huwa qasir wisq, l-unika triq li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li hija disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat hija li dan jikseb estensjoni tal-perijodu mill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni (14).

38.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidhirli b’mod ċar ħafna li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka diffikultajiet li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva dwar l-Informaturi, il-kumplessità tagħha jew id-dubji mqajma minn ċerti partijiet ikkonċernati u l-impatt tagħhom fuq it-tul tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fil-livell nazzjonali sabiex tiġġustifika n-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-istrument (l-ewwel ġustifikazzjoni).

39.      Fir-rigward tat-tieni ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Polonja, li essenzjalment issostni li s-sitwazzjoni sfavorevoli marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 ipprekludietha milli tittrasponi d-Direttiva dwar l-Informaturi fil-perijodu stabbilit, ninnota li d-direttiva ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni ftit xhur biss qabel seħħew l-ewwel ftit każijiet tal-COVID‑19.

40.      Nista’ tabilħaqq naċċetta, kif għamlet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi oħrajn (15), li kriżi tas-saħħa ta’ skala bħal dik tal-pandemija tal-COVID‑19 tmur lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri u hija kemm anormali kif ukoll mhux prevedibbli. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma jfissirx li r-Repubblika tal-Polonja tista’ tibbaża ruħha fuq l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID‑19 sabiex tinvoka difiża ta’ forza maġġuri fil-kawża preżenti, li teżentaha mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar l-Informaturi.

41.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, aċċettat il-kunċett ta’ forza maġġuri bħala difiża, inkluż f’każijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva (16). Madankollu, tali difiża tista’ tintlaqa’ b’suċċess biss jekk ikunu preżenti “ċirkustanzi estranji” li jirrendu “impossibbli” l-adozzjoni tal-miżuri rilevanti ta’ traspożizzjoni. Minkejja li tali definizzjoni ma tippreżumix “impossibbiltà assoluta”, hija madankollu tirrikjedi “diffikultajiet anormali” li jidhru “inevitabbli anki bit-teħid ta’ kull viġilanza” (17). Dan huwa livell minimu għoli li jillimita b’mod ċar il-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jinvokaw b’suċċess difiża ta’ forza maġġuri. Barra minn hekk, tali difiża ma tibqax disponibbli għal Stat Membru jekk il-perijodu ta’ nuqqas ta’ azzjoni tiegħu jmur lil hinn mill-punt li fih l-effetti ta’ dawn iċ-ċirkustanzi estranji ma jkunux għadhom jeżistu (18).

42.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-fatt li kellha tingħata prijorità lill-proposti leġiżlattivi li jikkonċernaw il-ġestjoni u t-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19 u li l-organizzazzjoni ta’ laqgħat fiżiċi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi saret sempliċement iktar diffiċli matul dan iż-żmien ma ssuġġettax l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għal “diffikultajiet anormali” li ma setgħux jiġu evitati anki bit-teħid ta’ kull viġilanza, tal-inqas, ċertament mhux għall-perijodu rilevanti kollu.

43.      Infakkar li l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar l-Informaturi jirrikjedi l-Istati Membri jadottaw il-“liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi” neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri, bejn wieħed u ieħor sena u disa’ xhur wara l-bidu tal-pandemija tal-COVID‑19. Ir-Repubblika tal-Polonja ibbenefikat minn disa’ xhur oħra (li jikkorrispondu għaż-żmien ta’ bejn l-iskadenza ta’ dan il-perijodu u t-tmiem tal-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni) sabiex twettaq dan l-obbligu, iżda xorta waħda naqset milli tagħmel dan. Fid-data li fiha nbdew il-proċeduri preżenti mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kienet għadha ma adottatx il-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ dan l-istrument.

44.      Ma hemmx għalfejn tkun espert fil-ħidma interna ta’ gvern sabiex tkun tista’ tosserva li ma hijiex xi ħaġa mhux komuni li jinbidlu l-prijoritajiet tal-aġenda legiżlattiva jew tal-aġendi tal-ministeri. Din l-osservazzjoni tapplika anki meta l-avvenimenti li jwasslu għal tali tibdil (bħat-tifqigħa ta’ virus) ikunu, min-naħa tagħhom, imprevedibbli. Filwaqt li nsegwi r-raġunament tas-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (19), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-difiża ta’ forza maġġuri teħtieġ li n-nuqqas ta’ twettiq tal-att inkwistjoni jkun minħabba ċirkustanzi anormali u imprevedibbli (u għalhekk ma hijiex disponibbli jekk persuna diliġenti u prudenti setgħet tadotta l-passi neċessarji sabiex tevita l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dawn iċ-ċirkustanzi), jiena tal-opinjoni li, anki qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar l-Informaturi, ir-Repubblika tal-Polonja setgħet naqqset it-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19 u setgħet adottat il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura li l-kwistjoni tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva xorta waħda ġiet indirizzata. Barra minn hekk, hija setgħet sabet alternattivi għal-laqgħat fiżiċi.

45.      F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanzi invokati mir-Repubblika tal-Polonja jidhru fl-opinjoni tiegħi li jirriżultaw minn “diffikultajiet interni”, iktar milli minn sitwazzjoni ta’ forza maġġuri (20). Il-konklużjoni opposta, li fl-opinjoni tiegħi hija diffiċilment difensibbli, tkun tfisser li l-Istati Membri jkunu, essenzjalment, eżentati mill-obbligu li jadottaw miżuri ta’ traspożizzjoni għal kull direttiva li l-perijodu ta’ traspożizzjoni tagħha b’xi mod ikkoinċida mal-perijodu tal-pandemija tal-COVID‑19.

46.      It-tielet ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Polonja, li tikkonċerna l-impatt tal-gwerra fl-Ukraina, ukoll ma tikkonvinċinix. Kif tindika l-Kummissjoni, il-gwerra fl-Ukraina bdiet fi Frar tal‑2022, filwaqt li l-perijodu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva dwar l-Informaturi ġie fi tmiemu fis‑17 ta’ Diċembru 2021 (qabel il-bidu ta’ din il-gwerra). Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tiġġustifika n-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi fil-perijodu stabbilit minn din id-dispożizzjoni billi tibbaża ruħha fuq l-impatt ta’ dan il-kunflitt.

47.      Ovvjament, ma jistax jiġi eskluż kompletament li l-gwerra fl-Ukraina seta’ sussegwentement kellha xi effett fuq l-abbiltà tar-Repubblika tal-Polonja li twettaq l-obbligu tagħha li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Informaturi u li tikkomunika l-miżuri rilevanti ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Madankollu, anki fid-dawl ta’ dan il-perijodu, li huwa wara l-bidu ta’ dan il-kunflitt, għandi diffikultà naċċetta t-tielet ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Polonja.

48.      Tabilħaqq, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja f’dan ir-rigward huma pjuttost dgħajfa, sabiex ma nżid xejn iktar. Fil-fatt, dan l-Istat Membru sempliċement isostni li l-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni kienet ġiet ittardjata iktar, f’dan il-perijodu sussegwenti, minħabba l-fatt li l-Ministeru għall-Familja u l-Politika Soċjali kellu jagħti prijorità lill-proposti li jikkonċernaw l-integrazzjoni tar-rifuġjati Ukraini fis-sistema Pollakka tas-sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tagħhom fil-Polonja. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk ipprovduti fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, ninnota li r-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax, pereżempju, għaliex it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma setgħetx issir minn ministeru ieħor, jekk din ma setgħetx issir mill-Ministeru għall-Familja u l-Politika Soċjali.

49.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jiena konvint minn ebda waħda mit-tliet ġustifikazzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Polonja.

B.      Lammont tassanzjonijiet finanzjarji u lmetodi ta’ kalkolu applikati millKummissjoni

50.      Il-kwistjoni prinċipali fil-kawża preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u l-metodi ta’ kalkolu applikati mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51.      L-Artikolu 260(3) TFUE ġie deskritt mill-Kummissjoni bħala “strument innovattiv” introdott mit-Trattat FUE “bil-għan li jipprovdi soluzzjoni effettiva għall-problema mifruxa tat-traspożizzjoni tardiva ta’ direttivi” (21). Skont l-ewwel sentenza tiegħu, “[m]eta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 258 [TFUE], fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva, din tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi” (22).

52.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 260(3) TFUE tindika li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li jeżisti tali ksur, hija tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat, somma f’daqqa u/jew pagamenti ta’ penalità.

53.      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni essenzjalment għandha funzjoni doppja. Minn naħa, hija intiża li tagħti prerogattivi speċifiċi lill-Kummissjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, tfittex li tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tiddetermina, fi proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat wettaqx l-obbligi tiegħu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, li timponi s-sanzjonijiet finanzjarji li hija tqis li huma l-iktar xierqa (23).

54.      Fl-opinjoni tiegħi, hemm żewġ karatteristiċi tal-Artikolu 260(3) TFUE li jimmeritaw iktar attenzjoni.

55.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax jiġi applikat b’mod iżolat, iżda għandu jkun marbut mal-bidu tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE (24). Fi kliem sempliċi, il-“valur miżjud” tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa li, għall-kuntrarju tal-ksur li huwa kopert biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, il-ksur li għalih japplikaw iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jeħtieġx proċedura oħra, separata, għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji (25). Tabilħaqq, l-Artikolu 260(3) TFUE jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi somma f’daqqa u/jew pagamenti ta’ penalità fl-istess sentenza li fiha tiddeċiedi li hemm ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet l-għan tas-sistema introdotta mill-Artikolu 260(3) TFUE bħala li huwa mhux biss li jħajjar lill-Istati Membri sabiex itemmu n-nuqqas tagħhom li jwettqu dan l-obbligu kemm jista’ jkun malajr, iżda wkoll li jissimplifika u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji (26).

56.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ddikjarat li l-metodi ta’ kalkolu li hija tapplika f’dan il-kuntest huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk taħt l-Artikolu 260(2) TFUE. Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tipproponi, u lill-Qorti tal-Ġustizzja li tordna, sanzjonijiet finanzjarji f’sitwazzjoni separata, jiġifieri meta Stat Membru jonqos milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (27). Madankollu, peress li l-istess tipi ta’ sanzjonijiet jistgħu, essenzjalment, jiġu ordnati taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet u l-evalwazzjoni f’dan ir-rigward jeħtieġ li tkun iggwidata mill-istess prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat l-approċċ tal-Kummissjoni u ddeċidiet li l-ġurisprudenza marbuta mal-Artikolu 260(2) TFUE tapplika b’analoġija għall-Artikolu 260(3) TFUE (28).

57.      Madankollu, din id-dikjarazzjoni hija suġġetta għal riżerva: is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-aħħar imsemmija dispożizzjoni hija suġġetta għal limitazzjoni li ma hemmx ekwivalenti tagħha fl-Artikolu 260(2) TFUE. Fil-fatt, filwaqt li, fiż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tvarja mill-proposti tal-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprovdi (b’differenza għall-Artikolu 260(2) TFUE) li l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji finalment deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jeċċedi l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni (29).

58.      Ġaladarba saru dawn il-kjarifiki, infakkar li l-Kummissjoni tiddeskrivi żewġ metodi ta’ kalkolu separati fil-Komunikazzjoni tal‑2023: wieħed għal somom f’daqqa u wieħed għal pagamenti ta’ penalità. Is-somom f’daqqa jiġu imposti sabiex tiġi ssanzjonata l-kontinwazzjoni tal-ksur mill-Istat Membru sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew sa meta tinkiseb osservanza sħiħa, jekk din tinkiseb qabel. Il-pagamenti ta’ penalità huma intiżi, min-naħa tagħhom, li jħeġġu lill-Istat Membru sabiex itemm il-ksur kemm jista’ jkun malajr wara l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, bħala prinċipju, huma iġġustifikati biss jekk in-nuqqas ikun tkompla sal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-fatti (30).

59.      Iż-żewġ metodi huma bbażati fuq il-multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa bi tliet elementi. L-ewwel żewġ elementi jirrappreżentaw is-serjetà tal-ksur (riflessa minn koeffiċjent ta’ serjetà) u t-tul tiegħu (rifless minn koeffiċjent għat-tul jew għan-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ippersista jew għadu jippersisti). It-tielet element huwa deskritt mill-Kummissjoni bħala “fattur ‘n’ li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat”.

60.      Kif indikajt fil-punt 17 iktar ’il fuq, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tas-somma f’daqqa bħala wieħed minn dawn iż-żewġ ammonti: EUR 13 700 kuljum mid-data li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi sad-data li fiha jintemm l-allegat ksur jew, f’każ li l-ksur ikompli, sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti jew inkella ammont minimu ta’ EUR 3 836 000, skont liema minnhom ikun l-ogħla. Dik l-istituzzjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 53 430 għal kull jum ta’ dewmien fit-twettiq tal-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Informaturi mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha jitwettqu dawn l-obbligi.

61.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn is-sanzjonijiet huma eċċessivi u sproporzjonati. B’mod speċifiku, hija tilmenta dwar żewġ elementi tal-metodi ta’ kalkolu applikati mill-Kummissjoni li huma deskritti fil-Komunikazzjoni tal‑2023: l-ewwel nett, il-koeffiċjent ta’ serjetà li, skont il-linji gwida stabbiliti f’din il-komunikazzjoni, huwa l-istess fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ nuqqas sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat li jikkomunika l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva (1); u, it-tieni nett, il-fattur “n”, li huwa bbażat, parzjalment, fuq id-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru (2). Il-kwistjonijiet imqajma mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ elementi ma humiex limitati għall-kawża preżenti, iżda jpoġġu f’dubju l-adegwatezza tal-metodi ta’ kalkolu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal‑2023 b’mod ġenerali. Sejjer l-ewwel nindirizza dawn il-kwistjonijiet iktar ġenerali, qabel ma nikkummenta dwar in-natura eċċessiva u sproporzjonata tal-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji speċifikat mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti (3).

1.      Ilkwistjoni ġenerali (i): Ilkoeffiċjent ta’ serjetà applikat millKummissjoni

a)      Largumenti talpartijiet

62.      Il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent ta’ serjetà, li jirrifletti s-serjetà tal-ksur, huwa stabbilit għal valur ta’ bejn 1 u 20. Hija żżid li, kif indikat fil-Komunikazzjoni tal‑2023, hija tapplika “sistematikament” koeffiċjent ta’ 10 f’każijiet li jikkonċernaw nuqqas sħiħ tat-twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Il-kawża preżenti tikkonċerna tali nuqqas sħiħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10.

63.      Il-Kummissjoni tispjega li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (31), l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni huwa “obbligu essenzjali”, li jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Istanzi ta’ nuqqas sħiħ fit-twettiq ta’ dan l-obbligu għandhom jitqiesu bħala “ta’ gravità ċerta”. Dan jiġġustifika, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 f’dawn il-każijiet kollha.

64.      Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li d-direttivi kollha adottati skont proċedura leġiżlattiva għandhom jitqiesu bħala li huma ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fil-perijodi speċifikati fihom. Fl-opinjoni tagħha, in-natura tad-direttiva inkwistjoni ma għandu jkollha l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ serjetà.

65.      Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 fil-każijiet kollha li jikkonċernaw nuqqas sħiħ fit-twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ssaħħaħ iċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, tali applikazzjoni sistematika tirrendi s-sanzjonijiet finanzjarji proposti mill-Kummissjoni iktar prevedibbli u tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri.

66.      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni l-applikazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent hija, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li d-Direttiva dwar l-Informaturi għandha rwol prinċipali fil-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni f’numru ta’ oqsma importanti u li, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jista’ jkollu konsegwenzi għal strumenti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni (dawk adottati fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva). It-tieni nett, hija targumenta li n-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva tal-informaturi fi Stat Membru jista’ jaffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom, aspett li jsaħħaħ is-serjetà tal-ksur. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma hija konxja minn ebda dispożizzjoni tad-dritt Pollakk li ssegwi l-istess għanijiet bħal, jew li tirrifletti l-kontenut tad-Direttiva dwar l-Informaturi. Ir-raba’ nett, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja kkooperat mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża ma jattenwax in-nuqqas tagħha.

67.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 fil-każijiet kollha ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tevita l-obbligu tagħha li twettaq, f’kull każ, evalwazzjoni bir-reqqa tas-serjetà tal-allegat ksur.

68.      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt Pollakk diġà jipprovdi xi forma ta’ protezzjoni lill-informaturi u li, għaldaqstant, in-nuqqas tagħha ta’ traspożizzjoni tad-direttiva dwar il-protezzjoni ta’ dawn il-persuni għandu biss effett limitat fuq l-interessi li dan l-istrument huwa intiż li jipproteġi. Fl-opinjoni tagħha, dan il-fatt għandu jitqies bħala fattur attenwanti fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ serjetà; inkella, il-koeffiċjent applikat mill-Kummissjoni jkun ibbażat biss fuq l-effetti potenzjali tal-ksur (b’kuntrast mal-konsegwenzi reali tiegħu).

69.      Ir-Repubblika tal-Polonja tinnota wkoll li l-fatt li Stat Membru jikkoopera b’sinċerità (kif hija għamlet) mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża wkoll jikkostitwixxi fattur attenwanti (32).

b)      Evalwazzjoni

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti fuq l-Istati Membri għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kemm “adattat[i] għaċ-ċirkustanzi” u “proporzjonat[i] għall-ksur […] kif ukoll [għall-]kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni” (33). Il-Kummissjoni tindika li ħadet dawn ir-rekwiżiti debitament inkunsiderazzjoni fil-Komunikazzjoni tal‑2023 (34).

71.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nifhem li l-koeffiċjent ta’ serjetà applikat mill-Kummissjoni huwa intiż, speċifikament, sabiex jiġi żgurat li l-ammont tas-somom f’daqqa u/jew tal-pagamenti ta’ penalità speċifikat mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ikun proporzjonat mas-serjetà tal-ksur, evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti. Fil-fatt, dan huwa l-uniku element mill-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal‑2023 li jista’ jirrifletti l-gravità tal-ksur (35).

72.      Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tapplika b’mod sistematiku koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 kull meta l-ksur allegat, li fuq il-bażi tiegħu hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, ikun jikkonsisti f’nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Din il-kwistjoni għadha qatt ma ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, qabel il-Komunikazzjoni tal‑2023, il-Kummissjoni ma kinitx tapplika b’mod sistematiku l-istess koeffiċjent f’sitwazzjonijiet bħal dawn (36).

73.      Għal finijiet ta’ ċarezza, infakkar li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika meta l-“Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva”. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għal istanzi ta’ nuqqasijiet sħaħ ta’ twettiq tal-obbligu “ta’ komunikazzjoni” iżda jkopri wkoll sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni b’mod parzjali jew inkella b’mod skorrett. Madankollu, filwaqt li l-Kummissjoni ma tiddikjarax, fil-Komunikazzjoni tal‑2023, liema koeffiċjent ta’ serjetà għandu jiġi applikat f’dan it-tieni xenarju (37), hija tindika li hija tapplika b’mod sistematiku koeffiċjent ta’ 10 fl-ewwel wieħed.

74.      Kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem, inqis li tali approċċ huwa xieraq (u kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità) strettament fil-każ biss li fih l-istanzi ta’ ksur ikkonċernati minnu jistgħu kollha jitqiesu li huma tal-istess grad ta’ serjetà meta mqabbla, l-ewwel nett, ma’ tipi oħra ta’ ksur u, it-tieni nett, ma’ xulxin. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

1)      Lewwel raġuni: istanzi ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ adozzjoni u, għaldaqstant, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ma humiex neċessarjament iktar serji minn tipi oħrajn ta’ ksur

75.      Ipotetikament, l-approċċ tal-Kummissjoni (li huwa li tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10) jista’ jkopri żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet: l-ewwel nett, meta l-Istat Membru kkonċernat jkun adotta l-miżuri neċessarji ta’ traspożizzjoni (totalment jew parzjalment) iżda sempliċement naqas b’mod sħiħ milli jikkomunikahom; u, t-tieni nett, meta dan l-Istat Membru jkun naqas għal kollox milli jittrasponi d-direttiva inkwistjoni.

76.      F’dan ir-rigward, infakkar li, kif spjega l-Avukat Ġenerali Szpunar, l-obbligu li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex l-obbligu ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda l-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom (38). Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ Stat Membru li “jikkomunika” miżuri ta’ traspożizzjoni (b’differenza min-nuqqas sħiħ tiegħu ta’ adozzjoni ta’ tali miżuri) huwa suffiċjenti sabiex tiġi skattata l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE.

77.      Madankollu, nista’ faċilment naċċetta (kif jidher li tagħmel ukoll il-Kummissjoni) li l-ewwel xenarju ma huwiex probabbli fil-prattika. Fil-fatt, fil-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet (jekk mhux kollha), ir-raġuni għaliex Stat Membru jonqos milli jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni hija dik li jkun naqas ukoll milli jadotta tali miżuri. Fil-fatt, huwa diffiċli li nimmaġina għaliex Stat Membru li jkun “għamel xogħolu korrettament” u adotta l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva jonqos milli jikkomunikahom lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jidhirli b’mod ċar li, meta dik l-istituzzjoni titkellem dwar istanzi ta’ nuqqas sħiħ li “jikkomunika”, hija għandha f’moħħha n-nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ traspożizzjoni (u mhux, purament u sempliċement, in-nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni), b’mod konformi mal-perċezzjoni tagħha tal-Artikolu 260(3) TFUE bħala dispożizzjoni li tintroduċi mekkaniżmu mfassal sabiex jipprovdi “soluzzjoni effettiva għall-problema mifruxa tat-traspożizzjoni tardiva ta’ direttivi” (39).

78.      F’tali każijiet, l-Istat Membru kkonċernat huwa effettivament responsabbli għal ksur doppju. Huwa mhux biss ikun naqas milli jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda jkun naqas ukoll milli jadotta tali miżuri (l-ewwel nuqqas ikun il-konsegwenza tat-tieni nuqqas).

79.      Prima facie, l-eżistenza ta’ tali ksur doppju tista’, effettivament tidher, kif targumenta l-Kummissjoni, bħala pjuttost serja. Madankollu, huwa propju f’dan il-punt li timmanifesta ruħha d-dgħufija tas-soluzzjoni tal-Kummissjoni ta’ “soluzzjoni waħda għal kull każ”: hija soluzzjoni manifestament simplistika wisq. Skont dan l-approċċ, il-Kummissjoni “tagħżel” ksur wieħed biss (in-nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu tal-adozzjoni u, għaldaqstant, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni) bħala li huwa intrinsikament iktar serju minn tipi oħrajn ta’ ksur, b’mod partikolari ħafna minn dawk koperti mill-Artikolu 260(2) TFUE. B’dan, hija tinjora l-fatt li dan ma huwiex neċessarjament il-każ (40).

80.      Sabiex jintwera dan il-punt, jista’ jsir riferiment għan-nuqqas tar-Repubblika Ċeka li tittrasponi ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (41), liema nuqqas ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (42). Għalkemm dan in-nuqqas kien parzjali, mhux sħiħ, kien ukoll newtrali. Fil-fatt, l-attività irregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet (in casu, provvista ta’ irtirar okkupazzjonali) ma kinitx teżisti fir-Repubblika Ċeka. Għall-kuntrarju, il-ksur stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (43), li kienet tikkonċerna n-nuqqas tar-Repubblika ta’ Franza li twettaq ċerti obbligi ta’ kontroll għal attivitajiet tas-sajd minn bastimenti Franċiżi (ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 260(2) TFUE), kien ħafna iktar sever f’termini ta’ konsegwenzi li huwa kellu fuq l-interessi pubbliċi u privati affettwati (44).

2)      Ittieni raġuni: istanzi ta’ nuqqas sħiħ ta’ adozzjoni u, għaldaqstant, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni għandhom livelli differenti ta’ serjetà

81.      It-tieni raġuni għaliex inqis li l-approċċ tal-Kummissjoni bħala mhux xieraq hija li mhux l-istanzi kollha ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ adozzjoni u, għaldaqstant, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni koperti mill-Artikolu 260(3) TFUE jistgħu huma stess jitqiesu li huma tal-istess serjetà.

82.      Ftit wara li t-Trattat FUE introduċa din id-dispożizzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni spjegat li l-għan tagħha kien li tiġi inkoraġġita t-traspożizzjoni f’waqtha tad-direttivi mill-Istati Membri, li hija ddeskriviet bħala ta’ “importanza kruċjali”, mhux biss f’termini ta’ “salvagwardja tal-interessi ġenerali” segwiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll, u fuq kollox, f’termini ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li jgawdu minn drittijiet individwali skont din il-leġiżlazzjoni (45).

83.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha tkun ibbażata (kif inhuwa l-każ ukoll taħt l-Artikolu 260(2) TFUE) fuq evalwazzjoni tal-“konsegwenzi […] fuq l-interessi privati u pubbliċi” tan-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li jwettaq l-obbligi tiegħu (46). L-istess kunsiderazzjonijiet (kif ukoll kemm hi urġenti li l-Istat Membru kkonċernat iwettaq l-obbligi tiegħu) huma rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità (47).

84.      Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tal‑2023, li tapplika b’mod sistematiku l-istess koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 fil-każijiet kollha meta Stat Membru jonqos b’mod sħiħ milli jadotta u, għaldaqstant, milli “jikkomunika” l-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni ma hijiex konsonanti ma’ dan l-approċċ u ma’ din il-ġurisprudenza. Ser nispjega din l-osservazzjoni.

85.      F’dan id-dokument, il-Kummissjoni tiġġustifika l-approċċ il-ġdid tagħha billi tiddikjara li “id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu” (48). Hija żżid li l-“importanza li tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-direttivi leġiżlattivi mill-Istati Membri fl-iskadenzi stabbiliti minn dawk id-direttivi tapplika għad-direttivi leġiżlattivi kollha bl-istess mod” (49). Għall-kuntrarju, hija tispjega li, għal nuqqas parzjali (u mhux sħiħ) fit-twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-koeffiċjent ta’ serjetà għandu jkun f’livell ta’ inqas minn 10 u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-ksur fuq l-“interessi ġenerali u partikolari”.

86.      Minn dawn id-dikjarazzjonijiet nifhem li l-Kummissjoni tqis li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-kwistjoni dwar liema interessi u drittijiet speċifiċi huma affettwati mill-ksur hija rilevanti biss f’każijiet li ma humiex dawk li jikkonċernaw nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżura ta’ traspożizzjoni.

87.      Dan iħallini bi kwistjoni li għadha ma hijiex solvuta: jekk, kif targumenta l-Kummissjoni, l-għan aħħari tas-sanzjonijiet finanzjarji li hija tista’ tipproponi li jiġu imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa dak li jiġu “protetti l-interessi ġenerali” segwiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u d-“drittijiet individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni”, kif inhu possibbli li l-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet ma jiġix aġġustat skont il-punt sa fejn dawn l-interessi u drittijiet jiġu affettwati jew sa fejn dawn jistgħu potenzjalment jiġu affettwati mill-ksur fil-każijiet kollha li huma koperti minn din id-dispożizzjoni?

88.      F’dan ir-rigward, diġà irrimarkajt fil-punt 21 iktar ’il fuq li huwa ġeneralment aċċettat (kif muri, per eżempju, mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae stess tad-Direttiva dwar l-Informaturi) li ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni huma ta’ importanza ikbar għall-interess ġenerali minn oħrajn. Nuqqas sħiħ ta’ Stat Membru li jittrasponi direttiva f’wieħed minn dawn l-oqsma huwa, bħala prinċipju, u b’mod speċjali jekk din tkun intiża li tagħti drittijiet individwali liċ-ċittadini tal-Unjoni, iktar serju minn nuqqas tal-istess Istat Membru li jittrasponi direttiva f’qasam differenti (50).

89.      Fl-opinjoni tiegħi, wieħed ma jistax jargumenta, għaldaqstant, li d-direttivi kollha adottati skont proċedura leġiżlattiva huma ta’ importanza ugwali. Naqbel li l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ traspożizzjoni fil-ħin japplika “b’mod ugwali” għal dawn it-tali direttivi kollha. Madankollu, huwa argument ieħor li jingħad, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dawn l-istrumenti għandhom kollha kemm huma jitpoġġew fl-istess livell peress li huma ugwalment importanti (51). Il-fatt li ksur huwa intrinsikament serju ma jfissirx li s-serjetà tiegħu ma tistax tvarja minn sitwazzjoni waħda għal oħra.

90.      Nixtieq nagħmel żewġ rimarki oħrajn.

91.      L-ewwel nett, din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali” (52). F’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li għadni kif iddeskrivejt iktar ’il fuq.

92.      Inżid li l-ġustifikazzjoni invokata mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri, jidhirli li hija partikolarment mhux konvinċenti. Ma nistax nifhem kif l-aġġustament tal-koeffiċjent ta’ serjetà sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-importanza tad-direttiva inkwistjoni jista’ jippreġudika l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri.

93.      It-tieni nett, fil-Komunikazzjoni tal‑2023, il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-Artikolu 260(2) TFUE, l-importanza tal-ksur inkwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni “in-natura u l-firxa tad-dispożizzjonijiet [legali] ikkonċernati”. Hija żżid li “ksur li jaffettwa d-drittijiet fundamentali jew l-erba’ libertajiet fundamentali […] għandu ġeneralment jitqies bħala partikolarment serju u għandu jirriżulta f’penali xierqa” (53). Barra minn hekk, hija tispjega li l-effetti fuq l-interessi ġenerali u partikolari għandhom jitkejlu fuq bażi ta’ każ b’każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, it-telf ta’ riżorsi tal-Unjoni, id-dannu serju lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-impatt tal-ksur fuq il-mod kif tiffunzjona l-Unjoni, id-dannu serju jew irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, kwalunkwe vantaġġ finanzjarju possibbli li l-Istat Membru jikseb min-nuqqas ta’ konformità u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata mill-ksur.

94.      Ma nara l-ebda raġuni għaliex l-istess prinċipji ta’ gwida u fatturi ma jista’ jkollhom l-ebda rwol fl-istabbiliment tal-koeffiċjent ta’ serjetà meta l-ksur ikun jikkonsisti f’nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ adozzjoni u, għaldaqstant, ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

95.      F’dan ir-rigward, inżid ukoll li, fl-ewwel komunikazzjoni tagħha dwar l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni kienet indikat li l-koeffiċjent ta’ serjetà kellu jiġi stabbilit f’konformità mar-regoli u mal-kriterji applikabbli għal ksur kopert mill-Artikolu 260(2) TFUE, li minnhom irriżulta li dan il-koeffiċjent sempliċement kellu jkun ta’ bejn 1 u 20 (54). Ir-raġunijiet għall-varjazzjoni minn dan l-approċċ (minbarra dak tal-importanza ugwali tad-direttivi kollha adottati skont proċedura leġiżlattiva) ma humiex deskritti fil-Komunikazzjoni tal‑2023.

96.      Ninnota li, fil-kawża preżenti, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi attenwanti: l-ewwel nett, il-fatt li l-informaturi huma diġà protetti mid-dritt Pollakk u, t-tieni nett, li r-Repubblika tal-Polonja ikkooperat b’mod sinċier mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża.

97.      Sejjer nirriżerva għal iktar tard l-evalwazzjoni tiegħi tal-kawża preżenti (ara t-Taqsima 3 iktar ’il quddiem). Għalissa, sempliċement nixtieq niċċara l-fatt li jiena inqis li l-Kummissjoni għandha tirriżerva, fil-każijiet kollha, il-possibbiltà ta’ aġġustament tal-koeffiċjent ta’ serjetà fid-dawl ta’ fatturi attenwanti u/jew aggravanti rilevanti.

3)      Konklużjoni

98.      Fl-opinjoni tiegħi, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 fil-każijiet kollha li jinvolvu nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma hijiex xierqa għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ sanzjonijiet finanzjarji li huma suffiċjentement dissważivi u proporzjonati għall-ksur rilevanti.

2.      Kwistjoni ġenerali (ii): ilmetodu ta’ kalkolu talfattur “n”

a)      Largumenti talpartijiet

99.      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-fattur “n” huwa intiż sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru u b’hekk jiġi żgurat li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti skont l-Artikolu 260(3) TFUE ikollhom effett dissważiv. Żewġ terzi minn dan il-fattur jirrappreżentaw il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istati Membri (meta mqabbel mal-PDG medju madwar l-Istati Membri kollha) u terz minnu jirrappreżenta l-popolazzjoni tagħhom (meta mqabbla mal-popolazzjoni medja tal-Istati Membri kollha).

100. Il-Kummissjoni tindika li, fil-kawża preżenti, hija applikat fattur “n” ta’ 1.37, skont il-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

101. Il-Kummissjoni żżid li, fid-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” f’din il-komunikazzjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (55). Mill-punt 116 ta’ din is-sentenza hija tifhem li, minkejja li l-PDG tal-Istati Membri għandu jkun il-fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom, dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tipproponi sanzjonijiet pekunjarji li huma bbażati fuq diversi kriterji, b’mod speċjali jekk tali kriterji oħrajn ikunu intiżi li jżommu differenza raġonevoli bejn l-Istati Membri.

102. Il-Kummissjoni tqis li l-integrazzjoni ta’ element ibbażat fuq id-daqs tal-popolazzjoni tal-Istati Membri fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” tissodisfa, b’mod speċifiku, dan l-għan. Hija targumenta li l-kriterju demografiku jiżgura wkoll l-istabbiltà tal-fattur “n” fuq il-medda ta’ żmien, peress li d-daqs tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru huwa inqas probabbli li jvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali mill-PDG tiegħu.

103. Barra minn hekk, il-Kummissjoni issostni li l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” adottat fil-Komunikazzjoni tal‑2023 isegwi l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (56), li fihom huwa ddikjara li “l-għan li jinżamm proporzjon partikolari bejn il-koeffiċjenti applikati għad-diversi Stati Membri” jista’ jintlaħaq “billi jintuża bħala bażi kriterju demografik a li jippermetti r-relativizzazzjoni tar-riżultati miksuba mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-PDG sempliċi jew komparattiv”.

104. Ir-Repubblika tal-Polonja ma taqbilx mal-Kummissjoni. Hija tqis li l-kriterju demografiku użat fil-kalkolu tal-fattur “n” huwa inkompatibbli mal-għan ġenerali ta’ dan il-fattur, li huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri filwaqt li jiġi żgurat ukoll li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti fuqhom ikunu suffiċjentement dissważivi.

105. Ir-Repubblika tal-Polonja issostni wkoll li l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” tal-Kummissjoni jwassal għal riżultati inkonsistenti, peress li l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri tista’ tiġi vvalutata iżżejjed jew mhux biżżejjed, skont id-daqs rispettiv tal-popolazzjoni tagħhom, ħaġa li ma tistax tiġri jekk il-fattur “n” ikun ibbażat biss fuq il-PDG tagħhom.

106. Ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara wkoll li għandhom ikunu mistennija varjazzjonijiet fil-fattur “n” tal-Istati Membri, peress li mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess kapaċità ta’ ħlas. B’mod ġenerali, hija targumenta li l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji sproporzjonati fuq Stati Membri li għandhom PDG iktar baxx iżda popolazzjoni ikbar.

107. Finalment, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (57), l-Avukat Ġenerali Wathelet iddikjara li “ma huwiex eskluż li ċerti Stati Membri li għandhom popolazzjoni speċifika għandhom kapaċità ta’ ħlas iktar baxxa minn Stati Membri oħrajn li għandhom popolazzjoni inqas numeruża” u li dan il-kriterju huwa, għaldaqstant, “wkoll irrilevanti għall-kalkolu tal-penali”.

108. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li, sa mill‑2017 (wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja), il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ħadet inkunsiderazzjoni elementi oħrajn minbarra l-PDG għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, ir-riferiment għal “kriterju demografiku” fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) għandu jinftiehem sempliċement bħala indikazzjoni li jista’ jkun xieraq li l-PDG tal-Istati Membri jiġi diviż bid-daqs tal-popolazzjoni tagħhom sabiex tinkiseb immaġni iktar preċiża tal-kapaċità ta’ ħlas tagħhom.

109. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-fattur “n” applikat mill-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri, riflessa biss fil-PDG tagħhom.

b)      Evalwazzjoni

110. Il-metodu applikat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-fattur “n” huwa l-istess wieħed applikat kemm għall-ksur kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE kif ukoll għal dak kopert mill-Artikolu 260(3) TFUE.

111. Inizjalment, dan il-metodu kien ibbażat fuq żewġ elementi: il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat, fuq naħa waħda, u n-numru ta’ voti li dan l-Istat Membru kellu fil-Kunsill għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, fuq in-naħa l-oħra (58). Madankollu, ir-regoli għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill inbidlu wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ April 2017, tar-“regola [l-ġdida] ta’ maġġoranza doppja”, introdotta mill-Artikolu 16(4) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-konsegwenzi ta’ dan l-iżvilupp fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (59), li fiha hija ddeċidiet li din is-sistema l-ġdida ma kinitx tipprovdi għal kriterji sodisfaċenti għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri u, għaldaqstant, ma setgħetx tissostitwixxi s-sistema l-antika tal-ippeżar tal-voti effettivament. Hija nnotat ukoll li, fi kwalunkwe każ, sa mill‑1 ta’ April 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet inkunsiderazzjoni biss il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu.

112. Il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni ġdida fl‑2019 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2019”) (60), li fiha hija inkludiet metodu rivedut ta’ kalkolu tal-fattur “n”. Dan il-metodu l-ġdid kompla jinkludi fih komponent li ma kienx marbut mal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, dan il-komponent ma kienx għadu iktar ibbażat fuq in-numru ta’ voti fil-Kunsill, iżda fuq in-numru ta’ siġġijiet ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew.

113. Fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat mill-ġdid li kien neċessarju li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat bħala l-fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dak l-Istat Membru u li l-għan li jiġu stabbiliti sanzjonijiet finanzjarji li huma suffiċjentement dissważivi ma kienx neċessarjament jirrikjedi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni Ewropea, peress li dan l-element ma kienx marbut mal-karatteristiċi tal-ksur inkwistjoni.

114. Il-Komunikazzjoni tal‑2023 ġiet adottata wara dik is-sentenza.

115. F’din il-komunikazzjoni, il-fattur “n” huwa deskritt mill-Kummissjoni bħala medja ġeometrika ponderata li hija bbażata “l-iktar” fuq il-PDG tal-Istati Membri u “t-tieni” fuq il-popolazzjoni tagħhom “bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri”.

116. Jiena naqbel mar-Repubblika tal-Polonja li dan il-“kriterju demografiku” ma huwiex xieraq għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas relattiva tal-Istati Membri. Tliet raġunijiet prinċipali jwassluni għal din il-konklużjoni.

117. Fl-ewwel lok, jista’ jsir l-argument li l-elementi deskritti fil-punt 113 iktar ’il fuq ma jeskludux il-possibbiltà li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni fatturi jew parametri oħrajn għall-istabbiliment tal-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n”. Fil-fatt, kif tirrimarka l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal‑2023, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (62) (is-sentenza li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-metodu ta’ kalkolu tagħha ta’ dan il-fattur u sabiex tadotta din il-komunikazzjoni), li l-fatt li l-PDG tal-Istat Membru kkonċernat kien il-fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-abbiltà tiegħu li jħallas kien “bla ħsara” għall-possibbiltà tal-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji “bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri”.

118. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dak li juru dawn l-elementi huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tirrikjedi korrelazzjoni bejn il-PDG tal-Istati Membri u l-fatturi “n” attribwiti lilhom rispettivament (63). Tabilħaqq, li kieku Stat Membru li għandu PDG iktar baxx meta mqabbel ma’ Stat Membru ieħor kellu jiġi attribwit fattur “n” ogħla minn dan l-aħħar imsemmi Stat Membru ieħor, u bil-kontra, dan il-fattur sempliċement ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas rispettiva tal-Istati Membri.

119. Dan huwa preċiżament fejn jimmanifesta ruħu d-difett fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” magħżul mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal‑2023. L-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jindika li l-fatturi “n” elenkati fih ġew ikkalkulati fuq il-bażi tal-PDG tal-Istati Membri fl‑2020. Minn ħarsa lejn il-PDG tal-Istati Membri matul dik is-sena (64) u l-fatturi “n” li ġew attribwiti lil kull wieħed minnhom mill-Kummissjoni, jirriżulta li:

–        l-PDG tal-Lussemburgu huwa ogħla minn dak tal-Bulgarija, tal-Kroazja, tal-Litwanja u tas-Slovenja, iżda l-fattur “n” li l-Kummissjoni tapplika għal-Lussemburgu huwa iktar baxx minn dak li hija tapplika għal dawn l-Istati Membri l-oħrajn;

–        il-PDG tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa b’mod sinjifikattiv ogħla minn dak tal-Polonja, iżda l-fatturi “n” tagħhom huma prattikament identiċi (1.39 kontra 1.37);

–        b’kuntrast, il-PDG tal-Polonja huwa biss ftit ogħla minn dak tal-Isvezja, iżda l-fatturi “n” tagħhom ivarjaw b’mod sinjifikattiv (1.37 kontra 0.83).

120. Barra minn hekk, jekk wieħed jiddeċiedi li janalizza l-fatturi “n” stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal‑2023 fid-dawl tal-PDG per capita tal-Istati Membri kif kien fl‑2020 (65), minflok janalizza l-PDG tagħhom (peress li huwa possibbli li l-PDG per capita jippermetti paragun aħjar tal-kapaċità ta’ ħlas rispettiva tal-Istati Membri), dan isib riżultati iktar inkonsistenti:

–        il-PDG per capita tad-Danimarka huwa ogħla minn dak tal-Ġermanja, iżda l-fattur “n” tal-Ġermanja huwa kważi 12‑il darba ogħla minn dak tad-Danimarka (6.16 kontra 0.52);

–        b’kuntrast, l-Irlanda u d-Danimarka ġew attribwiti fatturi “n” li huma simili (0.55 kontra 0.52), minkejja li l-PDG tal-Irlanda per capita huwa kważi darba u nofs ogħla minn dak tad-Danimarka;

–        bl-istess mod, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja għandhom fatturi “n” simili (1.39 u 1.37), iżda hemm differenza sinjifikattiva bejn il-PDG per capita tagħhom (il-PDG per capita tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kważi erba’ darbiet ogħla minn dak tal-Polonja);

–        l-Italja u Ċipru għandhom PDG per capita simili, iżda l-fattur “n” tal-Italja huwa ta’ 3.41 filwaqt li l-fattur “n” ta’ Ċipru huwa ta’ 0.05 (b’hekk il-fattur “n” tal-Italja huwa bejn wieħed u ieħor 68 darba ogħla minn dak ta’ Ċipru);

–        il-Lussemburgu għandu fattur “n” li huwa wieħed mill-iktar baxxi, iżda għandu l-ogħla PDG per capita fost l-Istati Membri kollha.

121. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli b’mod ċar li l-fatturi “n” elenkati fil-Komunikazzjoni tal‑2023 ma humiex rappreżentattivi tal-kapaċitajiet ta’ ħlas rispettivi tal-Istati Membri (irrispettivament minn jekk din il-kapaċità tiġix iddeterminata fid-dawl tal-PDG jew tal-PDG per capita tagħhom). Fl-opinjoni tiegħi, l-argument invokat minn ċerti awturi (66) u Stati Membri (67) waqt iż-żmien li fih il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kien għadu bbażat fuq id-drittijiet tal-vot fil-Kunsill jew fuq in-numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew li dan il-fattur ma kienx neċessarjament jipprovdi immaġni preċiża tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri, peress li jivvaluta iżżejjed jew mhux biżżejjed l-abbiltà ta’ ċerti Stati Membri sabiex iħallsu, ċertament għadu validu (68).

122. Dan kollu jwassalni għat-tieni raġuni għaliex inqis li l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” stabbilit fil-Komunikazzjoni tal‑2023 ma huwiex xieraq. Jidhirli b’mod ċar li, meta stabbilixxiet dan il-metodu, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni mhux biss li timplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (69), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat il-metodu ta’ kalkolu preċedenti (jiġifieri, dak stabbilit fil-Komunikazzjoni tal‑2019), iżda wkoll li tiżgura li l-ammonti tas-sanzjonijiet finanzjarji li hija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu kemm jista’ jkun qrib tal-valuri miksuba skont dan il-metodu preċedenti.

123. Fil-fatt, anki fl-istadju tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal‑2019, il-Kummissjoni kienet indikat li l-użu tal-PDG tal-Istati Membri bħala kriterju uniku kien ser jikkawża differenza bejn l-ogħla fattur “n” u dak l-iktar baxx li, fl-opinjoni tagħha, ma kienx aċċettabbli (70). Nista’ nimmaġina faċilment li l-Kummissjoni seta’ kellha tħassib simili meta ssuġġerixxiet l-inklużjoni ta’ kriterju demografiku fil-metodu ta’ kalkolu l-ġdid tagħha fil-Komunikazzjoni tal‑2023, minflok ma jintuża biss il-PDG jew il-PDG per capita. Tabilħaqq, minn paragun bejn il-fatturi “n” elenkati fl-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni u dawk elenkati fl-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2019, ma tirriżulta ebda diskrepanza maġġuri bejniethom.

124. F’dan ir-rigward, jiena naqbel, ovvjament, mal-Kummissjoni li l-għan li jiġi żgurat li l-fattur “n” jibqa’ fi ħdan firxa ta’ valuri simili minn metodu ta’ kalkolu għal ieħor u li jkollu xi livell ta’ stabbiltà matul iż-żmien ma huwiex għan totalment żbaljat. Madankollu, jidhirli li l-istabbiltà tista’ tinkiseb faċilment permezz ta’ mezzi oħra iktar xierqa. Bħala suġġeriment inizjali, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-PDG jew il-PDG per capita tal-Istati Membri matul diversi snin u tibbaża ruħha fuq il-valur medju tagħhom fuq perijodu ta’, pereżempju, ħames snin. Barra minn hekk, sabiex tiżgura li d-differenzi bejn il-fatturi “n” tal-Istati Membri differenti ma jkunux kbar wisq u li jibqgħu bejn wieħed u ieħor fl-istess firxa ta’ valuri kif inhuma bħalissa (jiġifieri, bejn 0.03 u 6.16), il-Kummissjoni tista’ ċċekken il-valuri miksuba abbażi ta’ medja tal-PDG jew tal-PDG per capita sabiex dawn jidħlu, b’mod preċiż, fi ħdan din il-firxa.

125. Ippermettuli nuri kif. Skont l-approċċ li qiegħed nissuġġerixxi, l-Istat Membru bl-ogħla PDG jew PDG per capita jingħata fattur “n” ta’ 6.16. L-Istati Membri l-oħrajn kollha jingħataw fattur “n” li jirrifletti il-PDG jew il-PDG per capita rispettiv tagħhom iżda li jibqa’ taħt dan il-valur. Pereżempju, jekk il-Lussemburgu għandu l-ogħla PDG per capita, il-fattur “n” tiegħu jista’ jkun 6.16. Il-fattur “n” għall-Pajjiżi l-Baxxi, li l-PDG per capita tiegħu kien (fl‑2020) bejn wieħed u ieħor in-nofs ta’ dak tal-Lussemburgu, ikun viċin 3.

126. Fl-opinjoni tiegħi, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Avukat Ġenerali Pitru zzella kellu kunsiderazzjonijiet simili f’moħħu meta ddikjara, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (71) li “l-għan li jinżamm proporzjon partikolari bejn il-koeffiċjenti applikati għad-diversi Stati Membri” jista’ jintlaħaq bl-użu ta’ metodi differenti, pereżempju billi jintuża bħala bażi kriterju demografika li jippermetti r-relativizzazzjoni tar-riżultati miksuba mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-PGD sempliċi jew komparattiv”. Tabilħaqq, ma narax kif din is-silta tista’ tinqara’ bil-mod kif tipproponi l-Kummissjoni, peress li, fil-punt 35 tal-istess konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Pitruzzella jindika li, fl-opinjoni tiegħu, il-“PGD (sempliċi, per capita jew komparattiv) […] jista’ jipprovdi indikazzjoni adegwata tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat”.

127. It-tielet raġuni għaliex nemmen li l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni tal-fattur “n” ma huwiex xieraq hija marbuta ma’ riflessjonijiet iktar wiesgħa dwar ir-rilevanza tad-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-istadju tad-determinazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas sanzjonijiet finanzjarji.

128. Kif stqarrejt iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi (bl-istess mod bħall-Avukat Ġenerali Pitruzzella) jista’ jkun utli, jekk mhux aħjar, sabiex tinkiseb immaġni preċiża tal-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru, li jintuża il-PDG per capita tiegħu (fatt li, ovvjament, jirrikjedi li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tal-popolazzjoni tiegħu). Madankollu, dan ma huwiex l-approċċ li tadotta l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal‑2023. Tabilħaqq, kif spjegajt iktar ’il fuq, f’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tiddividix il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat bid-daqs tal-popolazzjoni tiegħu, kif isir sabiex jiġi kkalkolat il-PDG per capita ta’ dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, hija tadotta l-approċċ li l-ġid relattiv tal-Istat Membru kkonċernat (il-PDG tiegħu, evalwat fl-isfond tal-medja tal-PDG tal-Istati Membru kollha) għandu jiġi mmultiplikat bid-daqs tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (għal darba oħra, evalwat fl-isfond tal-medja tad-daqs tal-popolazzjoni tal-Istati Membri kollha).

129. Kif ġustament targumenta r-Repubblika tal-Polonja, ir-riżultat ta’ dan l-approċċ huwa li Stat Membru b’daqs ta’ popolazzjoni komparattivament ikbar huwa b’mod sistematiku meqjus bħala li għandu kapaċità ta’ ħlas ogħla minn dik ta’ Stat Membru bl-istess ġid ġenerali (PDG) u popolazzjoni komparattivament iżgħar. Ma narax kif dan kollu jista’ jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri.

130. Barra minn hekk, jidhirli li l-approċċ tal-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal riżultat sfortunat ħafna, fejn id-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat effettivament jiġi ttrattat bħala fattur aggravanti jew bħala fattur attenwanti (skont jekk id-daqs tal-popolazzjoni huwiex kbir jew żgħir) fl-istadju tad-determinazzjoni tal-fattur “n”. Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx lok għal kunsiderazzjoni bħal din fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas relattiva tal-Istati Membri. Tabilħaqq, kif argumenta l-Avukat Ġenerali Wathelet, “ma huwiex eskluż li ċerti Stati Membri li għandhom popolazzjoni speċifika għandhom [fil-fatt] kapaċità ta’ ħlas iktar baxxa minn Stati Membri oħrajn li għandhom popolazzjoni inqas numeruża” (72).

131. Dan kollu jwassalni għall-aħħar rimarka tiegħi. Nista’ naċċetta liberament li l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni, partikolarment dawk marbuta mat-traspożizzjoni tad-direttivi, huma b’xi mod “dovuti” minn dawn l-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom. Meta Stat Membru jonqos milli jittrasponi direttiva, nista’ nifhem kif jista’ jkun rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fit-territorju tiegħu li huma milquta minn dan in-nuqqas. Fl-opinjoni tiegħi, din hija d-differenza prinċipali bejn in-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu tad-dritt tal-Unjoni u x-xufier ta’ karozza jew il-kumpannija, li jiena wżajt bħala eżempji, fl-introduzzjoni iktar ’il fuq. Kif naraha jien, ix-xufier jew il-kumpannija qatt ma jimmaġinaw, lanqas għal sekonda waħda biss, li l-ammont tal-multa tagħhom jista’ jvarja skont in-numru ta’ persuni li jgħixu fid-dar tax-xufier jew in-numru ta’ persuni impjegati mill-kumpannija fil-mument tal-ksur għas-sempliċi raġuni li r-regoli li huma kisru (irrispettivament minn jekk dawn ikunux marbuta mar-regoli tat-traffiku, mal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tad-data personali) ma jinvolvux obbligi li huma dovuti lil dawn l-individwi.

132. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li Stat Membru jingħata sanzjoni ikbar peress li għandu popolazzjoni ikbar minn dik ta’ Stat Membru ieħor, jista’ ma jkunx totalment inġust fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ippreżentata skont l-Artikolu 258 TFUE. Madankollu, inqis li dan l-element huwa marbut mas-serjetà tal-ksur, mhux mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li nqis li d-daqs tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jintuża bħala fattur aggravanti jew attenwanti fl-istadju tad-determinazzjoni tal-fattur “n”. Għall-kuntrarju, dan jista’, fejn xieraq, jiġi inkluż fost il-fatturi attenwanti jew aggravanti li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-koeffiċjent ta’ serjetà f’kull każ partikolari. F’dan ir-rigward, ninnota li, kif diġà indikajt fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni diġà tirrendi dan kollu possibbli għal ksur kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE.

3.      Ilkawża preżenti

133. Fit-taqsimiet preċedenti, jiena spjegajt għaliex fl-opinjoni tiegħi ma huwiex xieraq, l-ewwel nett, li jiġi applikat “b’mod sistematiku” l-istess koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10, fil-każijiet kollha ta’ nuqqas sħiħ ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni u, it-tieni nett, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, li jintuża l-kriterju demografiku li sistematikament jippenalizza Stati Membri li, bħall-Polonja, għandhom popolazzjoni kbira.

134. Nixtieq issa nindirizza il-kwistjoni rimanenti tas-sanzjonijiet finanzjarji li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

135. F’dan ir-rigward, infakkar, minn naħa, li l-ammont globali tas-sanzjonijiet finanzjarji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax, kif diġà ddikjarajt fil-punt 57 iktar ’il fuq, jeċċedi dak li huwa speċifikat mill-Kummissjoni.

136. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod ripetut li, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ġeneralment, ma hijiex marbuta bil-linji gwida stabbiliti fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, li l-għan tagħhom huwa li jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet stess ta’ din l-istituzzjoni jkunu trasparenti, prevedibbli u konsistenti maċ-ċertezza legali meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat li l-varjabbli matematiċi użati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji jikkostitwixxu “punt ta’ riferiment utli”. Fi kliem ieħor, dawn huma regoli indikattivi li sempliċement jistabbilixxu l-approċċ li l-Kummissjoni tipproponi li jiġi segwit (73).

137. Fil-kawża preżenti, isegwi li, minkejja li l-proposti magħmula mill-Kummissjoni ġew adottati skont il-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal‑2023 u huma, għaldaqstant, milquta miż-żewġ difetti li jiena identifikajt fil-punt 133 iktar ’il fuq, dawn id-difetti ma jipprekludux lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tordna sanzjonijiet finanzjarji f’ammont iktar baxx minn dak speċifikat mill-Kummissjoni, b’mod li ma josservax il-metodi ta’ kalkolu stabbiliti f’din il-komunikazzjoni.

138. Fl-istess ħin, ġaladarba dawn il-proposti jpoġġu “livell massimu” fuq l-ammont li jista’ jiġi impost mill-Qorti tal-Ġustizzja skont din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi eskluż li dawn ikunu jistgħu, f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tagħżel sanzjonijiet finanzjarji ta’ ammont ogħla minn dak speċifikat mill-Kummissjoni (kwistjoni li, fortunatament, fl-opinjoni tiegħi, ma tirriżultax fil-kawża preżenti), iċaħħdu lill-Qorti tal-Ġustizzja minn din il-possibbiltà. Huwa għalhekk li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika espressament id-difetti fil-metodi ta’ kalkolu tal-Kummissjoni fis-sentenza tagħha fil-kawża preżenti (kif għamlet preċedentement fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, (74) u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (75).

139. Ġaladarba għamilt dawn il-kjarifiki, ninnota li, sa llum, ir-Repubblika tal-Polonja għadha ma kkomunikatx il-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi lill-Kummissjoni.

140. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li huwa xieraq li jiġu imposti kemm somma f’daqqa kif ukoll pagamenti ta’ penalità fuq ir-Repubblika tal-Polonja, u dan sabiex tiġi inkoraġġita tadotta l-miżuri neċessarji sabiex ittemm il-ksur stabbilit.

141. Madankollu, sabiex tiżgura li l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa u ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità jkun fih innifsu kemm “adattat għaċ-ċirkustanzi” kif ukoll “proporzjonat għall-ksur […] kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas” tar-Repubblika tal-Polonja (76) il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-fehma tiegħi, il-fatt li r-Repubblika tal-Polonja għandha kapaċità ta’ ħlas iktar baxxa minn dik riflessa fil-fattur “n” li intuża mill-Kummissjoni (77).

142. Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tagħha tas-serjetà tal-ksur inkwistjoni, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi attenwanti jew aggravanti rilevanti kollha (bħal dawk li jiena elenkajt fil-punt 93 iktar ’il fuq). Tali fatturi jinkludu l-fatt li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi mir-Repubblika tal-Polonja jista’ jaffettwa d-drittijiet ta’ numru pjuttost kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni, u dan fid-dawl tal-fatt li dan l-Istat Membru għandu popolazzjoni relattivament kbira u tal-fatt li din id-direttiva hija intiża speċifikament li tagħti drittijiet individwali lill-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni.

143. F’termini ta’ effetti li n-nuqqas tar-Repubblika tal-Polonja għandu fuq interessi pubbliċi u privati, infakkar li, kif innotajt fil-punt 21 iktar ’il fuq, id-Direttiva dwar l-Informaturi hija intiża li tagħti protezzjoni “bbilanċjata u effettiva” lil persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni li dwaru huma jakkwistaw informazzjoni f’kuntest marbut max-xogħol u li “jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni” f’ċerti oqsma speċifiċi li huma importanti għall-interess pubbliku. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-istrument għandu jitqies bħala partikolarment serju peress li jiġġenera konsegwenzi importanti għal tali “oqsma […] li huma importanti għall-interess pubbliku”, kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali tal-informaturi.

144. Madankollu, jidhirli li dawn il-konsegwenzi importanti huma b’xi mod attenwati mill-fatt li l-informaturi huma diġà protetti mid-dritt Pollakk (u għaldaqstant li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma huwiex milqut b’mod negattiv min-nuqqas tar-Repubblika tal-Polonja li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Informaturi daqskemm wieħed jista’ jaħseb inizjalment). F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li s-serjetà tal-ksur tista’ tiddependi mill-effetti prattiċi tiegħu, b’mod partikolari, il-fatt li dawn l-effetti jibqgħu relattivament limitati (78). Għaldaqstant, bħala prinċipju, jiena nikkondividi l-opinjoni tar-Repubblika tal-Polonja li l-livell ta’ protezzjoni pprovdut lill-informaturi skont id-dritt Pollakk jista’ jitqies bħala fattur attenwanti.

145. Barra minn hekk, jiena naqbel mar-Repubblika tal-Polonja li l-fatt li hija kkooperat b’mod sinċier mal-Kummissjoni matul il-proċedura li wasslet għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ wkoll jitqies bħala fattur attenwanti (79).

146. B’mod ġenerali, jidhirli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali rilevanti li għadni kif iddeskrivejt (u, b’mod partikolari, il-kapaċità ta’ ħlas iktar baxxa tar-Repubblika tal-Polonja), li jkun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji f’ammont iktar baxx minn dak li huwa speċifikat mill-Kummissjoni, jiġifieri somma f’daqqa ta’ EUR 8 700 kuljum mid-data li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti, u pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 34 000 għal kull jum ta’ dewmien fit-twettiq tal-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Informaturi mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fihom dawn l-obbligi jkunu twettqu.

VI.    Konklużjoni

147. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Informaturi”), billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunikahom lill-Kummissjoni;

–        tiddikjara li l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ serjetà ta’ 10 fil-każijiet kollha li jinvolvu nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva ma hijiex xierqa għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ sanzjonijiet finanzjarji li huma suffiċjentement dissważivi u proporzjonati għall-ksur rilevanti;

–        tiddikjara li, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ tali sanzjonijiet finanzjarji, il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” għad-determinazzjoni tal-fattur “n” ma huwiex xieraq sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 8 700 kuljum mid-data li fiha skadiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi sad-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża preżenti, u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 34 000 għal kull jum ta’ dewmien fit-twettiq tal-obbligi skont id-Direttiva dwar l-Informaturi mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha dawn l-obbligi jkunu twettqu.

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u l-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 305, p. 17).


4      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur (ĠU 2023, C 2, p. 1).


5      L-“iskandlu tal-Lux Leaks” jirreferi għar-rivelazzjonijiet, fl‑2014, ta’ iktar minn 300 “deċiżjoni tat-taxxa” (skemi tat-taxxa) miftehma mill-amministrazzjoni tat-taxxa Lussemburgiża ma’ impriżi u kumpanniji u l-proċeduri ġudizzjarji sussegwenti miġjuba kontra wħud mill-persuni li kienu involuti f’dawn ir-rivelazzjonijiet.


6      Ara l-premessa 1 u l-Artikolu 4, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni personali”, tad-Direttiva dwar l-Informaturi.


7      Ir-regoli inklużi fid-Direttiva dwar l-Informaturi jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma u jestendu kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat. Dawn jinkludu projbizzjoni stretta ta’ kull forma ta’ ritaljazzjoni kontra l-informaturi. Għal kummentarju ġenerali dwar din id-direttiva, ara V. Abazi “The European Union Whistleblower Directive: A ‘game changer’ for whistleblowing protection?”, Industrial Law Journal, Vol. 49, Ħarġa 4, 2020, p. 640 sa 656.


8      Ħlief għall-miżuri neċessarji sabiex jitwettaq l-obbligu li jiġu stabbiliti kanali ta’ rapportar interni skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar l-Informaturi, fir-rigward tal-entitajiet legali fis-settur privat b’ 50 sa 249 ħaddiem, li għalihom l-Istati Membri bbenefikaw minn sentejn oħra addizzjonali (sas‑17 ta’ Diċembru 2023) (ara l-Artikolu 26(2) ta’ din id-direttiva).


9      Ara l-Kawżi C‑149/23, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja; C‑150/23, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu; C‑152/23, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka; C‑154/23, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, u C‑155/23, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija. Dawn il-kawżi kollha huma attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10      Ara, inter alia, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑468/00, EU:C:2001:482, punt 10).


11      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 54).


12      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑468/00, EU:C:2001:482, punti 8 sa 10) u tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑273/07, EU:C:2008:122, punti 8 sa 10).


13      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑52/96, EU:C:1997:382, punti 8 sa 11).


14      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 46).


15      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż) (C‑540/21, EU:C:2023:450, punt 83).


16      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑236/99, EU:C:2000:374, punti 21 sa 24).


17      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (70/86, EU:C:1987:374, punt 8), u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punti 46 u 47).


18      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (101/84, EU:C:1985:330, punt 16), u tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż) (C‑540/21, EU:C:2023:450, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑527/12, EU:C:2014:90, punti 47 sa 53).


19      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010 (C‑297/08, EU:C:2010:115, punti 80 sa 86).


20      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑236/99, EU:C:2000:374, punti 21 sa 24).


21      Ara l-punt 11 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1).


22      Kif speċifikat fl-Artikolu 260(3) TFUE, id-direttiva inkwistjoni għandha tkun ġiet “adottata skond il-proċedura leġislattiva”. Dan ma japplikax għal direttivi mhux leġiżlattivi.


23      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Dan huwa dovut għall-fatt li t-talba għal sanzjonijiet finanzjarji taħt l-Artikolu 260(3) TFUE hija biss mekkaniżmu aċċessorju tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija għandha tiżgura l-effettività tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


25      Għal finijiet ta’ kompletezza, nirrimarka li, għalkemm l-Artikolu 260(3) TFUE huwa sieket dwar jekk l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu mas-sanzjonijiet jiġix “skattat” sa mid-data tal-għoti tas-sentenza (mingħajr ebda perijodu ta’ grazzja sussegwenti), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’għadd ta’ okkażjonijiet, li s-sanzjonijiet għandhom effett immedjat (ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573). Għad-diskussjoni dwar id-duttrina dwar din il-kwistjoni, ara Materne, T. “La Procédure en Manquement d’État - Guide Pratique”, it-Tieni Edizzjoni, Bruylant, p .483.


26      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus)  (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      F’dan ir-rigward, inżid li filwaqt li l-Artikolu 260(2) TFUE huwa mmirat lejn dak li essenzjalment huwa “ksur kumpless” jew “ksur doppju” (in-nuqqas oriġinali tal-Istat Membru flimkien man-nuqqas tiegħu li jikkonforma ruħu mas-sentenza taħt l-Artikolu 258 TFUE), l-Artikolu 260(3) TFUE japplika fil-kuntest ta’ ksur uniku (jiġifieri, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva) (ara Wahl, N. u Prete, L., “Between certainty, severity and proportionality: some reflections on the nature and functioning of Article 260(3) TFEU”, European Law Reporter, Nru 6, 2014, p. 170 sa 189, f’p. 173).


28      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Din il-limitazzjoni ma taffettwax biss l-ammont innifsu, iżda wkoll l-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tip ta’ sanzjonijiet (somma f’daqqa jew pagamenti ta’ penalità jew it-tnejn) li hija tqis li huwa xieraq (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 52)). Madankollu ninnota li, kif indikat fil-Komunikazzjoni tal‑2023, il-Kummissjoni “tipproponi b’mod sistematiku lill-Qorti [tal-Ġustizzja] biex timponi kemm somma f’daqqa kif ukoll pagament ta’ penali”.


30      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punti 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑-Slovenja (MiFID II) (C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 75).


32      F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423), u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659).


33      Ara, fir-rigward ta’ pagamenti ta’ penalità, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 90), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 62); fir-rigward ta’ pagamenti fil-forma ta’ somma f’daqqa, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 81), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73).


34      Ara l-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023.


35      Effettivament, l-elementi l-oħrajn tal-metodi ta’ kalkolu applikati mill-Kummissjoni (jiġifieri, l-ammont b’rata fissa, il-koeffiċjent tat-tul jew tan-numru ta’ jiem li matulhom il-ksur ippersista jew għadu jippersisti u l-fattur “n”) ma humiex ibbażati fuq is-serjetà tal-ksur.


36      Ara l-punt 25 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1).


37      Għal iżjed dettalji, ara l-punt 85 iktar ’il quddiem.


38      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, punt 69).


39      Ara l-punt 51 iktar ’il fuq.


40      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE - Netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, punt 56). Ara wkoll N. Wahl u L. Prete, “Between certainty, severity and proportionality: some reflections on the nature and functioning of Article 260(3) TFEU”, European Law Reporter, 2014, Nru 6, p. 170 sa 189, f’p. 173.


41      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350).


42      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2013 (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 53).


43      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005 (C‑304/02, EU:C:2005:444).


44      Ara, f’dan ir-rigward, N. Wahl u L. Prete, “Between certainty, severity and proportionality: Some reflections on the nature and functioning of Article 260(3) TFEU”, European Law Reporter, Nru 6, 2014, p. 170 sa 189, f’p. 173.


45      Ara l-punt 7 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1).


46      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 96).


48      Ara l-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023.


49      Ara l-punt 2.2. ta’ din il-komunikazzjoni.


50      Dan ingħad, ovvjament, naqbel li, anki f’qasam li huwa meqjus bħala ġeneralment importanti għall-interess pubbliku, huwa possibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta direttiva dwar punt ta’ importanza relattivament żgħira (pereżempju, dwar punt tekniku ħafna), u viċi versa. Għaldaqstant, is-serjetà tal-ksur għandha tiġi evalwata f’kull każ individwali.


51      Huwa possibbli li kien proprju fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ tipi simili li l-Kummissjoni ddikjarat, fl-ewwel komunikazzjoni tagħha dwar l-Artikolu 260(3) TFUE, li r-regoli u l-kriterji ġenerali li hija kienet ifformulat b’rabta ma’ din id-dispożizzjoni kellhom jiġu applikata fuq bażi ta’ “każ b’każ” u li kull sanzjoni finanzjarja dejjem kellha tkun imfassla għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara l-punt 10 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1)).


52      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II) (C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 75). Enfasi miżjud minni.


53      Ara l-punt 3.2.1.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023.


54      Ara l-punt 25 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011 C 12, p. 1), li jagħmel riferiment għall-punt 16.6 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (SEG/2005/1658).


55      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022 (C‑51/20, EU:C:2022:36).


56      C‑51/20, EU:C:2021:534, punt 37.


57      C‑93/17, EU:C:2018:315.


58      Ara t-Taqsima D, intitolata “Il-Kunsiderazzjoni tal-Kapaċità Kontributtiva ta’ l-Istat Membru Kkonċernat” tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (SEG/2005/1658). Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid li l-fattur “n” deher għall-ewwel darba fid-dokument intitolat Informazzjoni mill-Kummissjoni – Metodu għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità previsti fl-Artikolu 171 tat-Trattat KE tat‑28 ta’ Frar 1997 (ĠU 1997, C 63, p. 2), iżda kien biss fl‑2005 li beda jiġi applikat ukoll għall-kalkolu ta’ somom f’daqqa.


59      C‑93/17, EU:C:2018:903 (punti 139 sa 141).


60      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 70, p. 1).


61      C‑51/20, EU:C:2022:36 (punti 113 sa 115).


62      C‑51/20, EU:C:2022:36 (punt 116).


63      F’dan ir-rigward, inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’numru ta’ sentenzi, li, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xejriet reċenti fil-prodotti domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, inter alia, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97)). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-opinjoni li l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji għandu jitnaqqas f’sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru kkonċernat ikun f’sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika (u l-PDG tiegħu ikun naqas b’mod sinjifikattiv) (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑374/11, EU:C:2012:827, punt 44)).


64      Abbażi tal-valuri pprovduti mill-Eurostat disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/NAMA_10_GDP__custom_1799513/bookmark/bar?lang=en&bookmarkId=d8b13929-28c2-478f-8c40-492f2c166c77.


65      Abbażi tal-valuri pprovduti mill-Eurostat disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_08_10/default/table?lang=en.


66      Ara, f’dan ir-rigward, Kornezov, A. “Imposing the right amount of sanctions under Article 260(2) TFEU: Fairness v. predictability, or how to ‘bridge the gaps”’, Vol. 20, Nru 3, Columbia Journal of European Law, 2014, p. 307 sa 331, f’p. 329.


67      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-Data Personali – Dritt kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 49), li fiha r-Renju ta’ Spanja argumenta li l-fattur “n” assenjat lilu fil-Komunikazzjoni tal‑2019 poġġiha fir-raba’ pożizzjoni fost l-Istati Membri f’termini ta’ abbiltà ta’ ħlas, filwaqt li kieku dan il-fattur ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-PDG biss, Spanja kienet issib ruħha fl-14‑il post.


68      Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑197/98, EU:C:1999:597, punti 39 sa 43).


69      C‑51/20, EU:C:2022:36.


70      Ara l-Komunikazzjoni tal‑2019, punt 2.


71      C‑51/20, EU:C:2021:534, punt 37.


72      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:315, punt 139).


73      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat - Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 95, 109 u 110).


74      C‑93/17, EU:C:2018:903.


75      C‑51/20, EU:C:2022:36.


76      Ara l-ġurisprudenza li għamilt riferiment għaliha fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Bl-użu tal-metodu li jiena ddeskrivejt fil-punt 125 iktar ’il fuq, il-fattur “n” tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jkun, pereżempju, ta’ 0.97, peress li l-PDG per capita tagħha, bejn l‑2018 u l‑2022, kien ta’ medja ta’ EUR 13 354 (meta mqabbel ma’ EUR 84 280 għal-Lussemburgu) (fuq il-bażi tal-valuri pprovduti mill-Eurostat disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_08_10/default/table?lang=en).


78      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II) (C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 80).


79      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 51), u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju  (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 40). Għall-kuntrarju, jiena naqbel mal-Kummissjoni li nuqqas ta’ kooperazzjoni jikkostitwixxi fattur aggravanti. Tabilħaqq, l-Istati Membri huma obbligati li jikkooperaw b’mod sinċier mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(3) TUE.

Top