EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0760

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
Proċedura kriminali kontra FP et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – Possibbiltà għal akkużat li jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza.
Kawża C-760/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:574

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – Possibbiltà għal akkużat li jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza”

Fil-Kawża C‑760/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura kriminali kontra

FP,

QV,

IN,

YL,

VD,

JF,

OL,

fil-preżenza ta’:

Sofiyska gradska prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FP, minn H. Georgiev, advokat,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Baumgart, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra FP, QV, IN, YL, VD, JF u OL għal fatti ta’ parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li għandha bħala għan l-arrikkiment permezz tat-twettiq ta’ reati fiskali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 10, 33, 36 u 47 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:

“(9)      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

(10)      Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.

[...]

(33)      Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni [Ewropea] kollha.

[…]

(44)      Il-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji xierqa u effettivi fil-każ li jkun hemm ksur ta’ dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni. Rimedju effettiv disponibbli fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva għandu, sa fejn hu possibbli, ikollu l-effett li jpoġġi lill-persuni suspettati jew akkużati fl-istess pożizzjoni li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku ma kienx seħħ il-ksur, bil-ħsieb li jkunu protetti d-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

[...]

(47)      Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”] u fil-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”], inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jistipula:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

(a)      ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

(b)      id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.      Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.”

 Id‑dritt Bulgaru

6        L-Artikolu 6a(2) taż-Zakon za merkite i deystviyata po vreme na izvanrednoto polozhenie, obyaveno s reshenie na Narodnoto sabranie 13.03.2020 g. i za preodolyavane na posleditsite (il-Liġi dwar il-Miżuri u l-Azzjonijiet Meħuda Waqt l-Istat ta’ Emerġenza Ddikjarat fid-Deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tat-13 ta’ Marzu 2020 u dwar il-Ġestjoni tal-Effetti), applikabbli sal-31 ta’ Mejju 2022, kien jipprovdi:

“Matul l-istat ta’ emerġenza jew is-sitwazzjoni epidemika straordinarja u għal xahrejn wara li tkun tneħħiet, is-seduti pubbliċi, inklużi l-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, jistgħu jinżammu mill-bogħod billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni diretta u virtwali tal-partijiet u tal-parteċipanti fil-proċess jew fil-proċedura, rispettivament. Il-proċessi verbali tas-seduti miżmuma għandhom jiġu prodotti u ppubblikati mingħajr dewmien, u l-verbal tas-seduta għandu jinżamm sal-iskadenza tat-terminu sabiex jiġi rrettifikat u kkompletat il-proċess verbal, sakemm ir-regoli tal-proċedura ma jipprevedux mod ieħor. Il-qorti, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni jew il-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, skont il-każ, għandha tinnotifika lill-partijiet jekk is-seduta tkun ser titmexxa mill-bogħod.”

7        Skont l-Artikolu 55(1) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), il-persuna akkużata tgawdi, b’mod partikolari, mid-dritt li tipparteċipa fil-proċess kriminali.

8        L-Artikolu 269(1) tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-persuna akkużata tiġi akkużata b’reat kriminali serju, il-preżenza tagħha għas-seduta hija mandatorja.”

9        L-Artikolu 115(2) tan-NPK jistipula:

“Il-persuna akkużata għandha tiġi interrogata minn imħallef delegat jew permezz ta’ videokonferenza biss jekk tkun tinsab barra mill-Bulgarija u dan ma jipprekludix li l-verità tiġi stabbilita oġġettivament.”

10      L-Artikolu 474(1) tan-NPK jipprovdi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat ieħor tista’ tinterroga individwu li jkun xhud jew perit fi proċeduri kriminali u li jinsab fir-Repubblika tal-Bulgarija permezz ta’ videokonferenza jew telekonferenza, jew tmexxi l-interrogatorju bil-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata, biss jekk dan ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt Bulgaru. L-interrogatorju permezz ta’ videokonferenza bil-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata jista’ jsir biss bil-kunsens ta’ din tal-aħħar u wara li l-awtorità ġudizzjarja Bulgara parteċipanti u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat l-ieħor ikunu qablu fuq il-mod ta’ kif ikollha titmexxa l-videokonferenza.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) beda, bil-preżentata ta’ talba għal istruttorja, proċeduri kriminali quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kontra seba’ persuni, fosthom FP, akkużati li pparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali maħluqa għal finijiet ta’ arrikkiment u bl-għan ta’ twettiq ta’ reati fiskali, fis-sens tal-Artikolu 255 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali Bulgaru). Skont il-Kodiċi Kriminali, dan huwa reat kriminali serju.

12      Fit-12 ta’ Ottubru 2021, FP ipparteċipa, quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), fl-ewwel seduta pubblika tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza. Huwa ddikjara li, fin-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tal-partijiet l-oħra fil-proċess, huwa xtaq jipparteċipa fil-proċess online peress li kien jgħix u jaħdem fir-Renju Unit. L-avukat tiegħu, li kien fiżikament preżenti fl-awla, indika li l-klijent tiegħu kellu għarfien tad-dokumenti kollha tal-kawża. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, waqt is-seduta, kull dokument ġdid seta’ jintbagħat lil FP b’mod elettroniku għall-finijiet ta’ eżami fi żmien xieraq, u li l-konsultazzjonijiet bejn dan tal-aħħar u l-avukat tiegħu setgħu jiġu organizzati b’mod kunfidenzjali permezz ta’ konnessjoni separata.

13      Waqt din is-seduta, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), abbażi tal-Artikolu 6a(2) tal-liġi msemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, awtorizzat lil FP sabiex jipparteċipa fil-proċess permezz ta’ videokonferenza b’osservanza tal-garanziji u tal-kundizzjonijiet li din il-qorti stabbilixxiet. Għalhekk, FP ipparteċipa fis-seduti ta’ wara permezz ta’ videokonferenza, bl-eċċezzjoni ta’ dik tat-28 ta’ Frar 2022, li fiha huwa kien fiżikament preżenti.

14      Waqt is-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2022, FP esprima x-xewqa tiegħu li jkompli jipparteċipa fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza. L-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) madankollu kellha dubji dwar jekk din il-possibbiltà kinitx għadha teżisti fid-dritt Bulgaru, peress li l-Artikolu 6a(2) tal-imsemmija liġi kien applikabbli biss sal-31 ta’ Mejju 2022. Barra minn hekk, dik il-qorti rrilevat li n-NPK ma jipprovdix għall-possibbiltà għall-persuni akkużati li jipparteċipaw permezz ta’ videokonferenza fil-proċeduri ġudizzjarji, ħlief f’ċerti każijiet speċifiċi li ebda wieħed minnhom ma kien applikabbli għal din il-proċedura. Madankollu, l-imsemmija qorti enfasizzat li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipprojbixxix espliċitament l-użu tal-videokonferenza.

15      Fid-dawl tal-assenza ta’ bażi legali speċifika, l-avukat ta’ FP talab sabiex dan ikun jista’ jipparteċipa fis-seduta mill-bogħod filwaqt li jitqies li jkun assenti.

16      L-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ma laqgħetx din it-talba. Hija kkunsidrat li l-fatt li l-akkużat jiġi ttrattat bħala assenti ma kienx jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fil-proċess. Fil-fatt, minkejja li ma kienx fiżikament preżenti fl-awla, l-akkużat seta’ jara u jisma’ dak li kien qiegħed isir, jagħmel dikjarazzjonijiet, jagħti spjegazzjonijiet, jamministra provi u jifformula talbiet.

17      Wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ ċerti kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti tal-aħħar, fosthom il-kawża prinċipali, ġiet ittrasferita, minn din id-data, lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

18      Fl-assenza ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali li tippermetti espressament l-użu tal-videokonferenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-possibbiltà offruta lil persuna akkużata li tipparteċipa fis-seduti tal-proċess tagħha bl-użu ta’ din it-teknika hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2016/343, b’mod partikolari mal-Artikolu 8(1) tagħha.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ikun hemm ksur tad-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tkun preżenti waqt il-proċess ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2016/343], ikkunsidrat flimkien mal-premessi 33 u 44 tagħha, jekk din il-persuna tipparteċipa fis-seduti quddiem il-qorti fil-każ tagħha permezz ta’ konnessjoni online, fuq talba tagħha stess, jekk din il-persuna kienet difiża minn avukat imqabbad minnha u li kien preżenti fl-awla, jekk il-konnessjoni tippermettilha ssegwi l-iżvolġiment tal-proċess, tidentifika u tifhem il-provi, jekk setgħet tinstema’ mingħajr diffikultajiet tekniċi u jekk kellha l-garanzija ta’ komunikazzjoni effettiva u kunfidenzjali mal-avukat?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li akkużat ikun jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza.

21      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343, din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni), (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 39).

23      L-għan ta’ din id-direttiva huwa, kif jistabbilixxu l-premessi 9 u 10 tagħha, it-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 53).

24      Kif jirriżulta mill-premessa 33 tal-imsemmija direttiva, id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq, li huwa stipulat fl-Artikolu 6 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondu, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 47 u kif ukoll l-Artikolu 48 tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni), (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dehra ta’ akkużat għandha importanza kbira fl-interess ta’ proċess kriminali xieraq u li l-obbligu li din il-persuna tiġi ggarantita d-dritt li tkun preżenti fl-awla jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni), (C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 41).

26      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont id-dritt stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, persuna akkużata għandha tkun f’pożizzjoni li tidher personalment għas-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li għalih tkun suġġetta, mingħajr ma din id-direttiva teżiġi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligu għal kull persuna ssuspettata jew akkużata li tkun preżenti fil-proċess tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 40, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni), C‑348/21, EU:C:2022:965, punti 34 u 36).

27      B’dan premess, mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kif ukoll id-dritt tal-persuni ssuspettati u ta’ dawk akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, u mhux li titwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċedura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 41).

28      Għaldaqstant, fid-dawl tal-portata limitata tal-armonizzazzjoni mwettqa mill-imsemmija direttiva u tal-fatt li l-Artikolu 8(1) tagħha ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu li l-akkużat jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess kriminali tiegħu permezz ta’ videokonferenza, tali kwistjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju), (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 42).

29      Peress li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jirregolax din il-kwistjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tipprekludi li akkużat, li jkun għamel talba espressa f’dan is-sens, jiġi awtorizzat jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza.

30      Xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, meta l-Istati Membri jippermettu lill-persuna akkużata teżerċita d-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha mill-bogħod, ir-regoli li huma jistabbilixxu ma jistgħux jippreġudikaw l-għan imfittex mid-Direttiva 2016/343, imfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li huwa dak li jissaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Bl-istess mod, dawn ir-regoli għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-parteċipazzjoni fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza ma hijiex, fiha nnifisha, inkompatibbli mal-kunċett ta’ smigħ xieraq u pubbliku, iżda għandu jiġi żgurat li l-individwu jkun f’pożizzjoni li jsegwi l-proċedura u li jinstema’ mingħajr ostakoli tekniċi kif ukoll li jikkomunika b’mod effettiv u kunfidenzjali mal-avukat tiegħu (Qorti EDB, 2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovski vs Ir-Russja, CE:ECHR:2010:1102JUD002127203, punt 98).

32      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li akkużat ikun jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza, b’dan li d-dritt għal smigħ xieraq għandu, barra minn hekk, jiġi ggarantit.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li akkużat ikun jista’, fuq talba espressa tiegħu, jipparteċipa fis-seduti tal-proċess tiegħu permezz ta’ videokonferenza, b’dan li d-dritt għal smigħ xieraq għandu, barra minn hekk, jiġi ggarantit.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top