EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0632

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
AB Volvo vs Transsaqui S.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji – Azzjoni għal ħlas tad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Att promotur innotifikat fis-sede ta’ sussidjarja tal-konvenuta – Validità tan-notifika – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-632/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:601

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji – Azzjoni għal ħlas tad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE u mill-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Att promotur innotifikat fis-sede ta’ sussidjarja tal-konvenuta – Validità tan-notifika – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑632/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

Volvo AB

vs

Transsaqui SL,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Volvo AB, minn N. Gómez Bernardo, abogada,

–        għal Transsaqui SL, minn J. Bonet Martínez, J. Bonet Sánchez u A. Penalba Ferrer, abogados, kif ukoll minn F. Pérez Cruz, procurador,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, M. Domecq u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, kif ukoll mal-Artikolu 53 tal-Karta.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Volvo AB u Transsaqui SL fir-rigward tad-dannu allegatament imġarrab minn din tal-aħħar b’konsegwenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), imwettaq minn numru ta’ manifatturi ta’ trakkijiet, fosthom Volvo.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007

3        Il-premessi 2, 8, 11, 12, 16 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91), kienu jiddikjaraw:

“(2)      Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għan-notifika bejn l-Istati Membri.

[...]

(8)      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal notifika ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

[...]

(11)      Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u n-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)      L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika. [...]

[...]

(16)      Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, l-ispejjeż meħtieġa għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew persuna kompetenti skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. Il-ħtieġa ta’ ħlas fiss uniku m’għandhiex tipprekludi l-possibbiltà li Stati Membri jiffissaw ħlasijiet differenti għal tipi differenti ta’ notifika sakemm jibqgħu jirrispettaw dawn il-prinċipji.

(17)      Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq notifika tad-dokumenti direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla tal-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti. ”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (‘acta iure imperii’).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf. ”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “raduzzjoni ta’ dokumenti”, kien ifformulat kif ġej:

“1.      L-aġenzija mittenti għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.      L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż. ”

6        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument ” kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)      lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

(b)      il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika. ”

7        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1393/2007, intitolat “Spejjeż tan-notifika”, kien jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu:

“L-ispejjeż għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew ta’ persuna kompetenti skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem, li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn ir-rati fissi lill-Kummissjoni [Ewropea]. ”

8        Skont l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament:

“Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq in-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla tal-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti. ”

9        L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1:

“Meta ċitazzjoni [att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

(a)      id-dokument [l-att] kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew;

(b)      Id-dokument [l-att] kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu. ”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

10      L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[...]

(2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...] ”

11      Skont l-Artikolu 28(2) u (3) ta’ dan ir-regolament:

“2.      Il-qorti għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta’ jirċievi d-dokument li jniedi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan.

3.      L-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 1393/2007] għandu japplika minflok il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jekk id-dokument li jniedi l-proċedimenti [l-att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti kellu jkun trażmess minn Stat Membru wieħed lil Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dak ir-Regolament. ”

12      L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

[...]

(b)      meta s-sentenza tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibli għalih li jagħmel hekk;

[...] ”

13      Skont l-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

(a)      is-sede statutorja;

(b)      iċ-ċentru amministrattiv; jew

(c)      il-post prinċipali tan-negozju tagħha. ”

 Iddritt Spanjol

14      L-Artikolu 155 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat‑8 ta’ Jannar 2000), jipprovdi:

“1.      Meta l-partijiet ma jkunux irrappreżentati minn mandatarju ġudizzjarju jew meta l-konvenut jirċievi ċitazzjoni jew notifika biex jidher għall-ewwel darba, l-atti ta’ komunikazzjoni għandhom jiġu kkunsinnati fid-domiċilju tal-partijiet. [...]

2.      Id-domiċilju tar-rikorrent huwa dak indikat fit-talba, fir-rikors jew fit-talba għall-ftuħ tal-proċedura. Ir-rikorrent għandu jindika wkoll bħala domiċilju tal-konvenut għall-finijiet tal-ewwel notifika ta’ dehra jew ċitazzjoni, post jew numru ta’ postijiet minn dawk imsemmija fil-paragrafu segwenti ta’ dan l-artikolu. Jekk ir-rikorrent jindika numru ta’ postijiet bħala domiċilju, huwa għandu jindika l-ordni li fiha, fl-opinjoni tiegħu, il-komunikazzjoni tista’ sseħħ b’suċċess.

[...]

3.      Għall-finijiet tal-atti ta’ komunikazzjoni, l-indirizz li jidher fir-reġistru muniċipali tal-popolazzjoni jew dak li huwa uffiċjalment irreġistrat għal finijiet oħra, kif ukoll l-indirizz li jidher f’reġistru uffiċjali jew fil-pubblikazzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet professjonali fil-każ, rispettivament, ta’ impriżi u ta’ entitajiet oħra jew ta’ persuni li jeżerċitaw professjoni li tirrikjedi s-sħubija f’ordni professjonali, jista’ jiġi indikat bħala domiċilju. Għal dan il-għan, il-post fejn titwettaq attività mhux temporanja professjonali jew ta’ impjieg jista’ jiġi indikat ukoll bħala domiċilju.

[...]

Jekk it-talba titressaq kontra persuna ġuridika, l-indirizz ta’ kull persuna elenkata bħala amministratur, maniġer jew aġent tal-impriża kummerċjali, jew bħala president, membru jew amministratur tal-bord ta’ tmexxija kwalunkwe assoċjazzjoni mniżżla f’reġistru uffiċjali jista’ wkoll jiġi indikat bħala domiċilju.

[...] ”

15      Skont l-Artikolu 510(1) ta’ din il-liġi:

“Deċiżjoni definittiva tista’ tkun suġġetta għal reviżjoni:

[...]

4°)      Jekk id-deċiżjoni nkisbet inġustament b’forza, vjolenza jew manuvrar frawdolenti. ”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 (1) li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet), li tagħha ġie ppubblikat sunt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6). Volvo hija fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

17      Fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li ħmistax-il manifattur ta’ trakkijiet, fosthom Volvo, kienu ħadu sehem f’akkordju, li ħa s-sura ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ibbażat fuq arranġamenti kollużorji dwar, minn naħa, l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet grossi tal-vetturi tal-kummerċ medji u tal-vetturi tqal tal-merkanzija fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u, min-naħa l-oħra, il-ħinijiet u l-mogħdija tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6.

18      Fir-rigward ta’ Volvo, dan il-ksur ġie stabbilit għall-perijodu mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

19      Fit‑12 ta’ Lulju 2018, Transsaqui, li kienet xtrat, matul is-sena 2008, żewġ trakkijiet tad-ditta Volvo, ippreżentat quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia, Spanja) rikors għad-danni kontra Volvo, intiż għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab minnha b’konsegwenza tal-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza u li tikkorrispondi għal ħlas addizzjonali impost fuqha li evalwat li kien jammonta għal EUR 24 420.69.

20      Fir-rikors tagħha, Transsaqui indikat li s-sede ta’ Volvo kienet tinsab f’Göteborg (l-Isvezja) filwaqt li tippreċiża li n-notifika taċ-ċitazzjoni kellha tiġi ppreżentata fis-sede tas-sussidjarja ta’ din il-kumpannija fi Spanja, jiġifieri Volvo Group España SAU (iktar ’il quddiem “Volvo España”), stabbilita f’Madrid (Spanja).

21      Il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia, Spanja) iddikjarat l-azzjoni ammissibbli u, sabiex tinnotifika lil Volvo biċ-ċitazzjoni u biex tirrispondi, bagħtitilha, fl-indirizz tas-sede ta’ Volvo España, ittra rreġistrata li kienet tinkludi kopja tar-rikors u d-dokumenti li kienu jakkumpanjawh. Din l-ittra ġiet irrifjutata u fiha tniżżlet nota miktuba bl-idejn bl-indirizz ta’ Volvo fl-Isvezja.

22      Waqt is-seduta quddiem dik il-qorti, Transsaqui ressqet osservazzjonijiet li fihom hija qalet li r-rifjut ta’ Volvo España li tirċievi n-notifika diretta kontra Volvo bħala strateġija ta’ dewmien in mala fide, billi sostniet li, peress li Volvo España kienet 100 % miżmuma minn Volvo, dawn kienu jiffurmaw flimkien l-istess impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

23      Fit‑22 ta’ Mejju 2019, l-imsemmija qorti tat deċiżjoni li permezz tagħha hija aċċettat, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ “unità tal-impriżi”, li Volvo tiġi nnotifikata biċ-ċitazzjoni fid-domiċilju tas-sussidjarja tagħha fi Spanja. Sabiex tipproċedi b’din in-notifika, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) bagħtet talba ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja lill-qrati ta’ Madrid.

24      Fil‑5 ta’ Settembru 2019, dawn ippruvaw jinnotifikaw lil Volvo fl-indirizz ta’ Volvo España. Madankollu, avukat, li deher bħala r-rappreżentant legali ta’ Volvo España, irrifjuta n-notifika billi sostna li din kellha ssir fis-sede ta’ Volvo, fl-Isvezja.

25      Fit‑30 ta’ Ottubru 2019, waqt tentattiv ġdid ta’ notifika mwettqa fl-indirizz ta’ Volvo España, in-notifika effettivament ġiet ippreżentata lil persuna li identifikat lilha nnifisha bħala persuna li tappartjeni għad-dipartiment legali ta’ Volvo España.

26      Wara kull waħda mit-tentattivi ta’ notifika, Volvo España bagħtet lill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) ittra li tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx qed taċċetta li tirċievi n-notifika indirizzata lil Volvo.

27      Fiha, hija sostniet, b’mod partikolari, li:

–        Volvo España hija persuna ġuridika distinta minn Volvo, li hija ma għandhiex ir-rwol ta’ amministratur tagħha u li hija ma għandhiex is-setgħa li tirċievi notifiki f’isem entità oħra;

–        konformement mad-dritt proċedurali Spanjol, Volvo għandha tiġi nnotifikata fis-sede tagħha;

–        meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, in-notifika għandha ssir konformement mar-Regolament Nru 1393/2007;

–        rikorrent ma jistax jirrikorri għal indirizz alternattiv mingħajr relazzjoni mal-konvenut u li tali aġir jikkostitwixxi strateġija frawdolenti li, konformement mal-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jista’ barra minn hekk ikollu bħala konsegwenza n-nuqqas ta’ rikonoxximent, fi Stat Membru ieħor, ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja kontra l-konvenut.

28      Peress li n-notifika kienet ġiet ippreżentata validament lil Volvo u din il-kumpannija ma dehritx fil-proċedura fit-terminu mogħti lilha, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) iddikjaratha kontumaċi u sejħet lill-partijiet fis-seduta preliminari prevista mid-dritt proċedurali Spanjol biex jiċċaraw it-termini tat-tilwima u biex jipproponu provi. Din il-qorti ppruvat tinnotifika din id-deċiżjoni lil Volvo fl-indirizz ta’ Volvo España, iżda din tal-aħħar għal darb’oħra rrifjutat in-notifika billi sostniet li s-sede ta’ Volvo kienet stabbilita fl-Isvezja.

29      Fis‑26 ta’ Frar 2020, l-imsemmija qorti tat sentenza fejn laqgħet it-talba ta’ Transsaqui u kkundannat lil Volvo tħallasha kumpens ta’ EUR 24 420.69, flimkien mal-interessi mid-data ta’ xiri tat-trakkijiet, kif ukoll mal-ispejjeż (iktar ’il quddiem is-“sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020”).

30      Din is-sentenza ġiet ikkomunikata lil Volvo permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċeviment mibgħuta lil Volvo España li aċċettata fl‑10 ta’ Marzu 2020. Madankollu, Volvo España bagħtet lill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) ittra li fiha hija kkontestat il-fatt li s-sentenza b’dan il-mod ġiet validament ikkomunikata lil Volvo, filwaqt li tenniet l-argumenti li hija kienet ressqet preċedentement.

31      Transsaqui talbet lil dik il-qorti tintaxxa l-ispejjeż li għalihom Volvo kienet ġiet ikkundannata. L-imsemmija qorti, li kkunsidrat li s-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Frar 2020 kienet saret definittiva, ipproċediet għall-intaxxar tal-ispejjeż.

32      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċeviment mibgħuta fl-indirizz ta’ Volvo España, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) stiednet lil Volvo għal seduta ta’ tassazzjoni sabiex tippermettilha tikkontesta l-ispejjeż hekk intaxxati. Din l-ittra ġiet ippreżentata lil persuna preżenti f’dan l-indirizz u li ffirmat id-dikjarazzjoni ta’ riċeviment.

33      Ftit jiem wara, Volvo España bagħtet ittra lil dik il-qorti li fiha hija kkontestat, għar-raġunijiet invokati preċedentement, il-fatt li t-tassazzjoni tal-ispejjeż attribwiti lil Volvo kienet ġiet ikkomunikata b’mod validu.

34      Billi kkunsidrat li Volvo ma kinitx ikkontesat l-ispejjeż fit-terminu previst mil-liġi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) tat deċiżjoni li kienet tapprova t-tassazzjoni tagħhom u li kienet tammonta għal EUR 8 310.64. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil Volvo permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċeviment mibgħuta fl-indirizz ta’ Volvo España fejn din ġiet aċċettata minn persuna preżenti f’dan l-indirizz u li ffirmat id-dikjarazzjoni ta’ riċeviment. Ulterjorment, Volvo España bagħtet ittra lil dik il-qorti li fiha hija rrifjutat li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet validament ikkomunikata lil Volvo.

35      L-imsemmija qorti laqgħet it-talba ta’ Transsaqui biex teżegwixxi s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020 u ordnat lil Volvo tiddikjara f’terminu ta’ għaxart ijiem l-oġġetti u d-drittijiet li tagħhom kienet proprjetarja, bil-għan tas-sekwestru tagħhom. Id-deċiżjonijiet mogħtija għal dawn il-finijiet ġew ikkomunikati fis-sede ta’ Volvo España fis‑17 ta’ Marzu 2021.

36      Fil‑15 ta’ Ġunju 2021, fuq il-bażi tal-punt 4 tal-Artikolu 510(1) tal-Liġi 1/2000 dwar il-Proċedura Ċivili, Volvo adixxiet lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, b’talba għal reviżjoni tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020 li saret definittiva. Insostenn tat-talba tagħha, Volvo sostniet li Transsaqui kienet kisbet din is-sentenza permezz ta’ strateġija frawdolenti. Hija żiedet li kellha għarfien indirett tal-eżistenza tal-imsemmija sentenza meta d-deċiżjonijiet li kienu jordnaw l-eżekuzzjoni tagħha ġew ikkomunikati fl-indirizz ta’ Volvo España fis‑17 ta’ Marzu 2021.

37      Min-naħa tagħha, Transsaqui ssotni li Volvo aġixxiet in mala fide billi adottat strateġija proċedurali b’intenzjonijiet ħżiena intiża li ġġegħilha, bħal fil-każ ta’ numru ta’ rikorrenti oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tiddeżisti mir-rikors tagħha. Hija ssostni wkoll li l-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Valencia (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Valencia) aċċettat li n-notifika taċ-ċitazzjoni u l-komunikazzjonijiet lil Volvo jiġu nnotifikati fl-indirizz ta’ Volvo España għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u konformement mal-prinċipju ta’ “unità tal-impriżi”. Barra minn hekk, ir-rifjut minn Volvo España, minħabba li hi u Volvo huma persuni ġuridiċi distinti, ma hijiex fondata peress li dawn iż-żewġ kumpanniji jiffurmaw flimkien l-istess impriża għall-finijiet tal-kompetizzjoni.

38      Il-qorti tar-rinviju, li tibda mill-premessa li l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha tista’ tiġġustifika li l-atti intiżi għal tal-ewwel jistgħu jiġu kkomunikati lil tat-tieni, tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li notifika ta’ ċitazzjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru, indirizzata lil kumpannija omm li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, tiġi nnotifikata fid-domiċilju ta’ sussidjarja tagħha li tinsab fl-Istat Membru fejn ġie ppreżentat ir-rikors, meta din tal-aħħar ma tinvoka ebda ċirkustanza li teskludi l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ta’ impriża għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

39      Skont din il-qorti, minn naħa, rekwiżit, f’tali ċirkustanzi, li n-notifika jew il-komunikazzjoni sseħħ fis-sede tal-kumpannija omm tkun tinvolvi spejjeż għoljin ta’ traduzzjoni li jistgħu jikkomplikaw, jew saħansitra jostakolaw, l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-persuni leżi mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u jippreġudikaw serjament l-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE inkwantu tali rekwiżit jista’ jiddiswadi lil ħafna persuni leżi milli jitolbu kumpens.

40      Meta l-ammont tad-danni mitluba ma tantx ikun għoli u r-rikorrenti tkun impriża ta’ daqs żgħir jew medju, tali spejjeż jistgħu jikkostitwixxu ostakolu serju għad-dritt għal rimedju effettiv. Dan ikun wisq iktar minnu meta, bħalma huwa l-każ fi Spanja, id-dritt proċedurali tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedi li, fil-każ li t-talba tintlaqa’ parzjalment, kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż komuni.

41      Min-naħa l-oħra, l-obbligu li ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji fi Stat Membru ieħor jagħti lok għal termini itwal li jkunu ġġustifikati biss fl-ipoteżi fejn in-notifika jew il-komunikazzjoni f’indirizz li jinsab fl-Istat Membru li fih tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja tkun tipprekludi lill-konvenut jieħu effettivament konjizzjoni tat-tilwima fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

42      Il-qorti tar-rinviju żżid li huwa paradossali li l-persuna leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ taġixxi kontra sussidjarja u li din tista’ tiġi kkundannata għall-aġir tal-kumpannija omm, filwaqt li s-sussidjarja ma tkunx tista’ tiġi nnotifikata biċ-ċitazzjoni jew tirċievi l-komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji li jirrigwardaw direttament lill-kumpannija omm li magħha tifforma l-istess impriża għall-finijiet tal-kompetizzjoni.

43      Jekk jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li minnu tgawdi wkoll il-konvenuta, li n-notifika ta’ ċitazzjoni lil kumpannija omm issir fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha fl-Istat Membru fejn tiġi deċiża t-tilwima, din il-qorti tosserva li, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-Karta, ebda dispożizzjoni tagħha ma għandha tiġi interpretata fis-sens li tillimita jew tippreġudika d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mill-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri. Issa, fil-kuntest ta’ kawżi oħra dwar azzjonijiet għad-danni ppreżentati minn xerrejja ta’ trakkijiet li wkoll huma vittmi tal-akkordju msemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), adita b’rikors ippreżentat mill-kumpannija omm li ma kienx irnexxielha tikseb l-annullament tal-proċedura meta l-atti ġudizzjarji li kienu intenzjonati għaliha kienu ġew innotifikati fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, ikkunsidrat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni Spanjola lill-konvenuta kienu ġew miksura.

44      Konsegwentement, l-Artikolu 53 tal-Karta jista’ jipprekludi li, minkejja li teżisti unità ekonomika bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha, notifika ta’ ċitazzjoni intiża għal din il-kumpannija omm, iżda ppreżentata fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, tista’ titqies li ġiet validament innotifikata lilha preċiżament minħabba l-eżistenza ta’ tali unità. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta joħloqx ostakolu serju għad-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv tal-persuna leża mill-akkordju, kif ukoll għall-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE.

45      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kontenzjuż relatat mal-akkordju tat-trakkijiet deskritti f’din id-deċiżjoni, l-Artikolu 47 tal- [Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li n-notifika ta’ kumpannija omm li kontriha titressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni titqies li ssir b’mod korrett meta tali notifika tkun saret (jew ipprovat issir) fid-domiċilju tal-kumpannija sussidjarja ddomiċiljata fl-Istat li fih tkun tressqet il-proċedura ġudizzjarja u l-kumpannija omm, iddomiċiljata fi Stat Membri ieħor, ma tkunx dehret għall-proċedura u tkun baqgħet kontumaċi?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tkun kompatibbli mal-Artikolu 53 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional [(il-Qorti Kostituzzjonali)] dwar in-notifika tal-kumpanniji omm iddomiċiljati fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tat-tilwim relatat mal-akkordju tat-trakkijiet? ”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

46      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija omm li fil-konfront tagħha jiġi ppreżentat rikors għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tiġix validament innotifikata b’ċitazzjoni meta n-notifika tal-att promotur tkun seħħet fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fl-Istat Membru fejn ir-rikors ġie ppreżentat u li magħha hija tifforma unità ekonomika.

47      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-fatt li ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li kumpannija omm u waħda mis-sussidjarji tagħha li s-sede tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor kienu jiffurmaw, meta seħħew il-fatti, unità ekonomika waħda, jistax jiġġustifika li l-atti indirizzati lil tal-ewwel jiġu kkomunikati fl-indirizz fejn hija ddomiċiljata tat-tieni, u dan sabiex jiġu mnaqqsa l-ispejjeż ta’ traduzzjoni u ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji redatti mir-rikorrenti, kif ukoll sabiex jiġi evitat li ma jiġux imtawla t-termini ta’ proċedura.

48      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni, entità ġuridika li ma hijiex indikata f’din id-deċiżjoni bħala li wettqet il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tinżamm responsabbli fuq din il-bażi minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq minn entità ġuridika oħra, fejn dawn iż-żewġ entitajiet jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u jikkostitwixxu għalhekk impriża li hija l-awtriċi tal-ksur fis-sens tal-imsemmi Artikolu 101 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 48).

49      Madankollu, l-ewwel nett, għalkemm il-kunċett ta’ “impriża” u, bis-saħħa tiegħu, dak ta’ “unità ekonomika” jagħtu lok ipso jure għal responsabbiltà in solidum bejn l-entitajiet li jifformaw l-unità ekonomika meta jitwettaq il-ksur, tali impriża hija madankollu nieqsa minn personalità ġuridika effettiva u awtonoma fir-rigward tal-entitajiet li jifformawha, fejn għalhekk il-vittma tal-prattika antikompetittiva kkonċernata ma tistax tippreżenta azzjoni għad-danni kontra l-impriża bħala tali iżda għandha neċessarjament tinnotifika waħda mill-entitajiet ġuridiċi li jifformawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 44 u 51).

50      It-tieni nett, minkejja li flimkien mal-kumpannija omm tagħha sussidjarja tifforma unità ekonomika waħda fis-sens tad-dritt materjali tal-kompetizzjoni, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li l-imsemmija sussidjarja rċeviet mandat espress jew ġiet maħtura espressament mill-kumpannija omm bħala persuna kompetenti biex tirċievi f’isimha l-atti ġudizzjarji indirizzati lilha. Fil-fatt, tali kompetenza ma tistax tiġi preżunta, inkella jistgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tal-imsemmija kumpannija omm.

51      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-garanzija ta’ riċeviment reali u effettiv tal-atti, jiġifieri n-notifika tal-att lill-konvenut, kif ukoll l-eżistenza ta’ mogħdija ta’ żmien suffiċjenti biex dan tal-aħħar ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu, hija rekwiżit tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Kamra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 72, u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 39).

52      Konsegwentement, meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-vittma allegata ta’ akkordju, li jinvolvi unità ekonomika komposta minn kumpannija omm u sussidjarja jew numru ta’ sussidjarji tagħha, tagħżel li tindirizza r-rikors tagħha għal kumpens kontra din il-kumpannija omm pjuttost milli, kif bħala prinċipju setgħet tagħmel, kontra dik mis-sussidjarji tagħha stabbilita fl-Istat Membru fejn tirrisjedi l-imsemmija vittma, din tal-aħħar ma tistax sussegwentement tuża l-eżistenza ta’ tali unità bħala argument sabiex tinnotifika jew tikkomunika l-atti ġudizzjarji indirizzati lil din il-kumpannija omm fl-indirizz tal-imsemmija sussidjarja.

53      Minkejja d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, la l-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt tal-allegata vittma ta’ akkordju għal smigħ xieraq, u lanqas l-effett utli tal-Artikolu 101(1) TFUE ma jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni differenti, u dan minkejja l-fatt li l-obbligu li l-atti ġudizzjarji jiġu kkomunikati fi Stat Membru ieħor jagħti lok għal oneri addizzjonali fuq l-allegati vittmi.

54      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi enfasizzat li, għalkemm l-allegati vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jinvokaw dritt għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, dan id-dritt jipproteġi wkoll lill-konvenut, inkluż meta jkun ġie preċedentement ikkonstatat li dan tal-aħħar kien kiser l-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, kuntrarjament għal din l-aħħar dispożizzjoni, li tirrigwarda lill-impriżi, id-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jipproteġi lil kull persuna ġuridika kkunsidrata b’mod individwali. B’hekk, il-kontenzjuż tal-kompetizzjoni ma jaħrabx mill-garanziji proċedurali li jirriżultaw minn dan l-artikolu, li jirrikjedu li l-atti ġudizzjarji indirizzati lil persuna jiġu realment u effettivament ippreżentati lilha.

55      Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta numru ta’ atti li japplikaw għat-tilwim transkonfinali li jaqgħu taħt il-qasam ċivili u kummerċjali, b’mod partikolari r-Regolamenti Nru 1215/2012 u Nru 1393/2007, li huma intiżi li jiffaċilitaw il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u sabiex titjieb it-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Membri għall-finijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għall-aċċess għall-ġustizzja.

56      Minn naħa ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, li, bħala regola ġenerali, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. B’deroga minn din ir-regola, il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jiddikjara li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ delitt jew kważi delitt, quddiem il-qrati tal-post fejn il-fatt dannuż ikun twettaq jew jista’ jitwettaq. L-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess regolament, il-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi huma ddomiċiljati fejn tinsab is-sede statutorja tagħhom, iċ-ċentru amministrattiv tagħhom jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom.

57      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali inkwistjoni r-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri l-allegata vittma tal-aġir antikompetittiv, invokat il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tadixxi, permezz tar-rikors tagħha għad-danni, il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, jiġifieri qorti Spanjola, filwaqt li d-domiċilju tal-konvenuta, fis-sens tal-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, jinsab fl-Isvezja, fejn din għandha s-sede statutorja tagħha. B’hekk l-imsemmija rikorrenti setgħet, b’applikazzjoni tal-istess regolament, tgawdi minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja.

58      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1393/2007 jistabbilixxi għadd ta’ regoli li jirregolaw il-modalitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ notifika jew komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili u kummerċjali. Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament japplika meta att għandu jiġi jgħaddi minn Stat Membru għal ieħor biex jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, bil-għan, konformement ma’ dak li jiddikjaraw il-premessi 2 u 11 tiegħu, li tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni u, sussegwentement, li jiġi żgurat il-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern.

59      B’mod partikolari, minn qari flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika u l-komunikazzjoni ta’ att ġudizzjarju bejn l-Istati Membri ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tad-destinatarju ma huwiex magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun ħatar rappreżentant b’mandat fl-Istat Membru fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 24).

60      Lil hinn minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet, peress li d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor, in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ dan l-att neċessarjament jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 u, għaldaqstant, għandhom, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, isiru skont il-modalitajiet previsti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 25).

61      F’dan il-każ, peress li, kif ġie osservat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, id-domiċilju tad-destinatarju tal-atti ġudizzjarji jinsab fl-Isvezja, filwaqt li l-proċedura ġudizzjarja tiżvolġi ruħha fi Spanja, tali atti jmisshom ġew trażmessi minn Stat Membru għall-ieħor fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007. Barra minn hekk, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-ipoteżijiet iddikjarati fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, fejn għalhekk għandhom japplikaw il-modalitajiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji bejn Stati Membri, previsti mir-Regolament Nru 1393/2007.

62      F’din il-perspettiva, numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 huma espressament intiżi li jikkonċiljaw l-effikaċja u l-ħeffa tat-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji, u dan b’mod partikolari permezz tal-garanzija li dawn l-istess atti jiġu realment u effettivament irċevuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 36).

63      B’hekk, fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw min-notifika jew mill-komunikazzjoni tal-att ġudizzjarju fl-Istat Membru indirizzat, għandu jiġi osservat li, konformement mal-premessa 16 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1393/2007, dawn l-ispejjeż għandhom, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, jikkorrispondu għal ħlas fiss uniku li l-ammont tiegħu jiġi stabbilit minn qabel minn dan l-Istat Membru u li josserva l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

64      Fir-rigward tal-ispejjeż possibbli ta’ traduzzjoni, li jippreċedu t-trażmissjoni tal-att, huwa minnu li mill-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn għandhom jitħallsu mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-Artikoli 5 u 8 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-premessa 12 tiegħu, jippermettu lid-destinatarju jirrifjuta li jirċievi l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jekk dan la jkun redatt f’lingwa li jifhem u lanqas ma jkun redatt fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

65      Madankollu, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jirrikjedix li, fi kwalunkwe ċirkustanza, issir traduzzjoni tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ġaladarba, kif jirriżulta mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, id-destinatarju tal-att jista’ jirrifjuta li jirċivih biss jekk ma jkunx redatt jew akkumpanjat bi traduzzjoni f’lingwa li jifhem jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, meta l-att ikkonċernat ikun jinkludi l-annessi kkostitwiti minn dokumenti ta’ sostenn li ma jkunux redatti fil-lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini mifhuma mid-destinatarju, id-destinatarju ma għandux id-dritt li jirrifjuta r-riċeviment ta’ dan l-att jekk dan iqiegħed lil dan id-destinatarju f’pożizzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat Membru ta’ oriġini u fejn dawn l-annessi jservu biss bħala prova u ma humiex indispensabbli biex jinftiehem is-suġġett u r-raġuni tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 78).

66      Barra minn hekk, il-ħlas tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni mir-rikorrent huwa mingħajr preġudizzju għal deċiżjoni ulterjuri potenzjali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti dwar il-modalitajiet ta’ qsim tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-proċedura.

67      Mill-bqija, sa fejn huma marbuta maċ-ċirkustanza li, bis-saħħa tar-regoli nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż, rikorrent jista’ jirkupra l-ispejjeż proċedurali li huwa sostna għall-finijiet tal-preżentata tar-rikors tiegħu biss jekk dan ir-rikors jintlaqa’ fl-intier tiegħu, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-kwistjoni jekk l-impossibbiltà, għall-allegata vittma ta’ prattika antikompetittiva, li tikkomunika jew li tinnotifika l-atti ġudizzjarji indirizzati lill-kumpannija omm fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fl-istess territorju bħalha, tippreġudikax id-dritt ta’ din tal-aħħar għal smigħ xieraq, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jew saħansitra għall-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba l-ispejjeż ta’ traduzzjoni kif ukoll ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li inkompatibbiltà possibbli ta’ dawn ir-regoli nazzjonali dwar tali spejjeż mad-dritt tal-Unjoni ma tistax, bħala tali, ikollha bħala konsegwenza li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji ma jibqgħux applikabbli.

68      Bl-istess mod, fir-rigward tal-estensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, huwa minnu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod xieraq, pubblikament u f’terminu raġonevoli. Madankollu, jekk jitqies li, minkejja r-Regolament Nru 1393/2007, l-obbligu li jiġu nnotifikati jew ikkomunikati atti ġuridiċi fi Stat Membru ieħor ikun tali li joħloq estensjoni sinjifikattiva fit-termini ta’ proċedura, tali estensjoni ma tfissirx, fiha nnifisha, ksur ta’ din id-dispożizzjoni ġaladarba n-natura raġonevoli ta’ terminu ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt –Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 181) u, għalhekk, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, in-natura transkonfinali tat-tilwima.

69      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 101(1) TFUE fis-sens li, meta kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika, il-vittma ta’ prattika antikompetittiva ta’ din l-impriża tista’ tippreżenta azzjoni għad-danni irrispettivament kontra l-kumpannija omm li ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni taħt din il-prattika permezz ta’ deċiżjoni jew kontra s-sussidjarja tagħha, minkejja li din tal-aħħar ma hijiex milquta minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 51). Konsegwentement, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-allegata vittma ta’ tali prattika u li tixtieq tinvoka d-drittijiet misluta minnha mill-imsemmi Artikolu 101(1) TFUE li tippreżenta r-rikors tagħha għad-danni kontra s-sussidjarja li s-sede tagħha tinsab fl-Istat Membru tal-qorti adita, li jippermettilha tevita li jkollha ssostni spejjeż eventwali ta’ traduzzjoni jew ta’ notifika tal-atti ġudizzjarji fi Stat Membru ieħor.

70      Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija flimkien mar-Regolament Nru 1393/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija omm li fil-konfront tagħha jiġi ppreżentat rikors għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tiġix validament innotifikata b’ċitazzjoni meta n-notifika tal-att promotur tkun seħħet fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fl-Istat Membru fejn ir-rikors ġie ppreżentat, minkejja l-fatt li l-kumpannija omm tkun tifforma unità ekonomika ma’ din is-sussidjarja.

 Fuq ittieni domanda

71      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 53 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jeżiġi li n-notifika ta’ att promotur issir fis-sede tal-kumpannija destinatarja ta’ dan l-att u mhux fl-indirizz ta’ sussidjarja ta’ din il-kumpannija.

72      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-tieni domanda, din qed issir biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

73      F’din il-perspettiva, kif ġie konkluż fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, din l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

74      Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kumpannija omm li fil-konfront tagħha jiġi ppreżentat rikors għal kumpens għad-danni minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tiġix validament innotifikata b’ċitazzjoni meta n-notifika tal-att promotur tkun seħħet fl-indirizz tas-sussidjarja tagħha, iddomiċiljata fl-Istat Membru fejn ir-rikors ġie ppreżentat, minkejja l-fatt li l-kumpannija omm tkun tifforma unità ekonomika ma’ din is-sussidjarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 Fis-sunt tal-ĠU tal‑2017, “final” ma tidhirx.

Top