EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0601

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Umweltverband WWF Österreich et vs Tiroler Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità u interpretazzjoni – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni nazzjonali għat-teħid ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ tal-ispeċi canis lupus – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Ambitu ġeografiku – Determinazzjoni tad-dannu – Soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti.
Kawża C-601/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:595

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità u interpretazzjoni – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni nazzjonali għat-teħid ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ tal-ispeċi canis lupus – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Ambitu ġeografiku – Determinazzjoni tad-dannu – Soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti”

Fil-Kawża C‑601/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura

Umweltverband WWF Österreich,

ÖKOBÜRO – Allianz der Umweltbewegung,

Naturschutzbund Österreich,

Umweltdachverband,

Wiener Tierschutzverein

vs

Tiroler Landesregierung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Umweltverband WWF Österreich u ÖKOBÜRO – Allianz der Umweltbewegung, sussegwentement għal Umweltdachverband, minn G. K. Jantschgi, Rechtsanwältin,

–        għal Wiener Tierschutzverein, minn M. Lehner, assistita minn C. Pichler, bħala espert,

–        għal la Tiroler Landesregierung, minn J. Egger u C. Ranacher, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll u A. Kögl, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg u C..A.‑S. Maertens, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u M. De Lisi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn F.-L. Göransson u H. Shev, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn T. Haas u A. Maceroni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva “dwar il-habitats””), moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn diversi organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali u tal-ambjent, jiġifieri Umweltverband WWF Österreich, ÖKOBÜRO – Allianz der Umweltbewegung, Naturschutzbund Österreich, Umweltdachverband u Wiener Tierschutzverein, u t-Tiroler Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Tirol, l-Awstrija), dwar deroga temporanja, mogħtija minn dan il-gvern, għall-projbizzjoni ta’ kaċċa ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ li jappartjeni għall-ispeċi canis lupus (lupu).

 Il-kuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva “dwar il-habitats”, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

i)      l-Istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:

–        l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha, u

u

–        il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli, u

u

–        hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjoni tagħha fit-tul;

[...]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5        L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

6        L-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):

(a)      fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

[...]”

7        L-Artikolu 19(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jippreċiża li “[d]awk l-emendi li jkunu meħtieġa biex ikun adattat l-Anness IV għall-progress tekniku u xjentifiku għandhom jiġu adottati mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni [Ewropea] ”.

8        Fost l-ispeċi ta’ annimali “ta’ interess komunitarju fi bżonn ta’ protezzjoni stretta”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Anness IV (a) tad-Direttiva “dwar il-habitats” (iktar ’il quddiem l-“ispeċi ta’ annimali protetti”), tinsab, b’mod partikolari, il-canis lupus (lupu), “minbarra l-popolazzjonijiet tal-Greċja fit-tramuntana tad-39 parallel; il-popolazzjonijiet tal-Estonja, il-popolazzjonijiet ta’ Spanja fit-tramuntana tad-Duero; il-popolazzjonijiet tal-Bulgarija, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Polonja u tas-Slovakkja u l-popolazzjonijiet tal-Finlandja ġewwa ż-żona ta’ kontroll tar-renni kif definit fil-paragrafu 2 tal-Att Finlandiż Nru 848/90 tal-14 ta’ Settembru 1990 fuq il-kontroll tar-renni”.

 Iddritt Awstrijak

9        L-Artikolu 36(2) tat-Tiroler Jagdgesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Tirol dwar il-Kaċċa, tal‑15 ta’ Ġunju 2004, LGBl. 41/2004), fil-verżjoni tagħha tat‑30 ta’ Ġunju 2022 applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TJG 2004”), tipprovdi, essenzjalment, li, barra mill-perijodu ta’ kaċċa stabbilit, l-ebda speċi selvaġġa ma għandha tiġi kkaċċjata.

10      L-Artikolu 52 tat-TJG 2004, intitolat “Miżuri partikolari għall-prevenzjoni ta’ ħsara kkawżata mill-orsijiet, mill-ilpup u mil-linċi”, jipprevedi, essenzjalment, fil-paragrafu 8 tiegħu, li, abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-kumitat ta’ esperti, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol jista’ jikkonstata, permezz ta’ regolament, li ors, lupu jew linċi partikolari jippreżenta perikolu immedjat għas-sigurtà tal-persuni jew perikolu immedjat għall-annimali li jirgħu, kif ukoll il-kulturi u l-installazzjonijiet agrikoli.

11      Skont l-Artikolu 52(9) tat-TJG 2004:

“Fil-każ ta’ adozzjoni ta’ regolament skont il-paragrafu 8, il-Gvern tal-Land, sa fejn teżisti rakkomandazzjoni tal-kumitat ta’ esperti, li ma teżistix alternattiva sodisfaċenti oħra u li d-deroga ma tippreġudikax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fil-firxa naturali tagħha, jeskludi ċerti orsijiet, ilpup jew linċi permezz ta’ deċiżjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 36(2). Dawn id-derogi jistgħu jiġu awtorizzati biss:

(a)      għall-protezzjoni ta’ annimali u pjanti selvaġġi oħra u l-konservazzjoni tal-habitats naturali tagħhom;

(b)      biex jipprevjenu l-ħsara serja lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

(ċ)      fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku jew li għandhom effett pożittiv fuq l-ambjent, u

(d)      għal skopijiet ta’ riċerka u tagħlim.”

12      L-Artikolu 52a(10) tat-TJG 2004 jipprovdi:

“Id-deċiżjoni ta’ deroga adottata skont il-paragrafu 9 għandha fi kwalunkwe każ tispeċifika:

(a)      l-għanijiet li għalihom tingħata d-deroga;

(b)      l-ispeċi ta’ annimali li għalihom tapplika d-deroga u, fejn xieraq, is-sess, l-età, jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni tal-kampjun(i) kkonċernat(i);

(ċ)      il-perjodu li għalih tingħata d-deroga;

(d)      iż-żona ġeografika li għaliha tingħata d-deroga, u

(e)      il-miżuri awtorizzati mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u r-regolamenti adottati bis-saħħa tagħha, bħall-użu ta’ ċerti armi jew munizzjon, ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew l-applikazzjoni ta’ ċerti metodi;

(f)      fejn applikabbli, restrizzjonijiet personali u materjali oħra li għalihom hija suġġetta d-deroga.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      F’opinjoni tal‑25 ta’ Lulju 2022, kumitat ta’ esperti indipendenti rrileva li, bejn l‑10 ta’ Ġunju u t‑2 ta’ Lulju 2022, lupu identifikat, jiġifieri l-lupu 158MATK, kien qatel madwar 20 nagħġa ta’ merħla li tinsab fuq mergħat mhux protetti fil-Land tat-Tirol. Peress li qies li dan il-lupu kien jirrappreżenta perikolu immedjat sinjifikattiv għall-annimali li jirgħu u peress li l-merħliet inkwistjoni kienu impossibbli li jiġu protetti, dan il-kumitat irrakkomanda t-tneħħija tal-imsemmi lupu.

14      Wara din l-opinjoni, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol, permezz tar-Regolament tas‑26 ta’ Lulju 2022, ikkonstata li l-lupu 158MATK kien jirrappreżenta perikolu immedjat kbir għall-annimali li jirgħu u l-għelejjel u l-faċilitajiet agrikoli. Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fid‑29 ta’ Lulju 2022 mingħajr limitu ta’ żmien.

15      Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2022, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol awtorizza t-tneħħija tal-lupu 158MATK, billi eskludih mill-protezzjoni permanenti prevista mil-liġi ta’ dan il-gvern dwar il-kaċċa. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tipprevedi li d-deroga mill-protezzjoni permanenti tal-ispeċi tal-lupu hija limitata fiż-żmien, peress li din tintemm fil‑31 ta’ Ottubru 2022 u tiskadi qabel din id-data jekk il-preżenza tal-lupu 158MATK ferm barra miż-żona ġeografika kkonċernata tiġi stabbilita diversi drabi permezz ta’ tekniki ta’ bijoloġija molekulari.

16      Fl-ewwel lok, sabiex jiġġustifika din id-deroga, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol invoka, fid-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, tliet kategoriji ta’ danni li seħħew jew li hemm riskju li jseħħu. L-ewwel nett, dawn huma danni imputabbli lil-lupu 158MATK fil-forma ta’ telf ekonomiku dirett u indirett, marbut mat-telf tal-annimali maqtula, mal-ispiża addizzjonali ta’ nżul prematur mill-Alpi, mat-telf ta’ valur għat-trobbija, maż-żieda fl-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ għalf tal-annimali li issa huma miżmuma fl-azjenda ta’ oriġini, u mat-tnaqqis, fuq medda twila ta’ żmien, tat-trobbija fl-azjendi f’każ ta’ waqfien tar-ragħa fl-Alpi. It-tieni nett, huma kkonċernati danni mhux materjali li jirriżultaw mit-telf tas-sodisfazzjoni li trabbi l-bhejjem u l-istress psikoloġiku mġarrab mill-operaturi tal-mergħat Alpini kkonċernati. It-tielet nett, hemm inkwistjoni ħsarat indiretti, li ma humiex imputabbli lil-lupu 158MATK, u li jirriżultaw minn abbandun tal-azjenda kif ukoll mit-tnaqqis tan-numru totali ta’ annimali li jirriżulta minn dan. Din is-sitwazzjoni toriġina min-nuqqas ta’ użu tal-għalf li jikber fil-mergħat Alpini, l-avvanz tal-foresti, il-ħsad tal-mergħat Alpini, l-erożjoni tal-ħamrija kif ukoll it-telf tal-bijodiversità u tal-pajsaġġi attraenti ta’ importanza kbira għad-divertiment u t-turiżmu.

17      Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni tiegħu tad‑29 ta’ Lulju 2022, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol jikkonstata l-assenza ta’ alternattiva sodisfaċenti, li tippreċiża, minn naħa, li l-irtirar ta’ lupu adult tan-natura sabiex dan jinżamm b’mod permanenti fil-magħluq ma jikkostitwixxix miżura inqas radikali adegwata fid-dawl tat-tbatija sinjifikattiva li hija tikkawża lil-lupu li, sa dak iż-żmien għex fil-libertà, ma jkunx jista’ jadatta ruħu għal ħajja fil-magħluq. Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ protezzjoni tal-merħliet lanqas ma jikkostitwixxu alternattiva sodisfaċenti oħra.

18      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fil-firxa naturali tagħha, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol ippreċiża li, f’dan il-każ, it-teħid ta’ kampjun tal-ispeċi tal-lupu ma għandux l-effett li jaffettwa l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni Alpina ta’ din l-ispeċi u li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni biss it-territorju Awstrijak, li fih l-istat ta’ konservazzjoni għadu ma huwiex favorevoli, ma hemmx lok li wieħed jistenna li dan l-istat ta’ konservazzjoni jaggrava jew li l-istabbiliment mill-ġdid fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli jiġi ostakolat.

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2022 quddiem il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, fejn sostnew li din id-deċiżjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

20      Din il-qorti tippreċiża, preliminarjament, li, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2022 tal-Gvern tal-Land ta’ Tirol li tawtorizza l-kaċċa ta’ kampjun ta’ lupu hija fis-seħħ biss sal‑31 ta’ Ottubru 2022, risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta madankollu rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali peress li r-Regolament tal-Land ta’ Tirol li fuqu hija bbażata din id-deċiżjoni ma għandux, min-naħa tiegħu, limitazzjoni ratione temporis, b’tali mod li deċiżjoni ġdida dwar il-lupu 158MATK tista’ tiġi adottata f’kull mument.

21      Fir-rigward tal-mertu, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, konformement mal-Anness IV tad-direttiva “dwar il-habitats”, ċerti popolazzjonijiet ta’ lpup fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fosthom il-popolazzjoni tal-ispeċi li tinsab fit-territorju Awstrijak, huma esklużi mis-sistema ta’ protezzjoni stretta stabbilita fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. Issa, peress li qieset li l-popolazzjoni tal-ilpup fl-Awstrija żviluppat u, għaldaqstant, ma tistax tibqa’ titqies li hija iżolata, din il-qorti tistaqsi jekk iż-żamma ta’ din il-popolazzjoni fl-Awstrija fil-lista tal-ispeċi ta’ annimali li għandhom jiġu protetti b’mod strett tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, jekk u sa fejn l-Istati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Awstrija, jinsabu attwalment fl-istess sitwazzjoni jew, tal-inqas, f’sitwazzjoni paragunabbli.

22      Sussegwentement, hija tistaqsi dwar il-portata tat-territorju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi tal-lupu, kif meħtieġ għall-għoti ta’ deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17 (EU:C:2019:851, punt 58), li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, “huwa l-obbligu tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddetermina [dan l-istat ta’ konservazzjoni], b’mod partikolari fuq il-livell nazzjonali jew, skont il-każ, fuq il-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teżiġi dan u, sa fejn possibbli, fuq il-livell transkonfinali”.

23      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, barra minn hekk, li mid-Dokument ta’ Gwida fuq il-Protezzjoni Stretta tal-Ispeċi ta’ Annimali ta’ Interess Komunitarju skont id-Direttiva “dwar il-habitats” C(2021) 7301 final, ikkomunikat mill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Ottubru 2021 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida”), jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħsara serja” jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi, b’tali mod li din il-qorti tistaqsi jekk dannu ekonomiku indirett futur, mhux imputabbli għal kampjun ta’ lupu, bħan-nuqqas ta’ użu tal-għalf fil-mergħat Alpini, l-avvanz tal-foresti, il-proliferazzjoni tal-ħaxix ħażin fil-mergħat Alpini, l-erożjoni tal-ħamrija kif ukoll it-telf tal-bijodiversità u tal-pajsaġġi attraenti ta’ importanza kbira għad-divertiment u t-turiżmu, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett.

24      Fl-aħħar nett, din il-qorti ssemmi s-sitwazzjoni speċifika tal-Land ta’ Tirol, ikkaratterizzata minn azjendi agrikoli żgħar u minn paġni li ma jistgħux jiġu protetti jew li ma jistgħux jiġu protetti permezz ta’ miżuri raġonevoli u proporzjonati ta’ protezzjoni tal-merħliet, bħall-kostruzzjoni ta’ ċnut, l-użu ta’ klieb tal-għassa jew l-akkumpanjament tal-merħliet minn rgħajja. Għaldaqstant, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi speċifiċi fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ “alternattiva sodisfaċenti”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 12[(1)] ikkunsidrat flimkien mal-Anness IV, tad-Direttiva [“dwar il-habitats”], li bis-saħħa tiegħu l-lupu jaqa’ taħt is-sistema ta’ protezzjoni stretta, għalkemm popolazzjonijiet tal-lupu f’diversi Stati Membri huma eżentati minn din is-sistema u filwaqt li ebda eżenzjoni bħal din ma hija prevista fir-rigward ta[r-Repubblika ta]l-Awstrija, imur kontra l-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri” previst fl-Artikolu 4(2) TUE?

2)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [“dwar il-habitats”], li bis-saħħa tiegħu deroga mis-sistema ta’ protezzjoni stretta għal-lupu hija permessa biss meta, fost oħrajn, il-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata jkunu jinsabu, minkejja l-eżenzjoni, “fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ma għandux jinżamm jew jiġi stabbilit mill-ġdid fir-rigward tat-territorju ta’ Stat Membru iżda fir-rigward tal-firxa naturali ta’ popolazzjoni, li tista’ tkopri reġjun bioġeografiku ferm ikbar li jmur lil hinn mill-fruntieri ta’ pajjiż wieħed?

3)      L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva [“dwar il-habitats”] , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“ħsara serja”, minbarra l-ħsara diretta kkawżata minn lupu partikolari, għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi wkoll il-ħsara “ekonomika” futura diretta li ma tkunx tista’ tiġi attribwita lil lupu partikolari?

4)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [“dwar il-habitats”], għandu jiġi interpretat fis-sens li “alternattiva sodisfaċenti”, fid-dawl tal-kundizzjonijiet topografiċi, agrikoli u operazzjonali fil-Land Federali ta’ Tirol, għandha tiġi vverifikata biss abbażi ta’ jekk din l-alternattiva hijiex fattibbli fil-verità jew għandha tiġi vverifikata wkoll fid-dawl ta’ kriterji ekonomiċi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva, huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, sa fejn dan l-Anness IV jeskludi l-popolazzjonijiet tal-ilpup li jinsabu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri mis-sistema ta’ protezzjoni stretta stabbilita fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, iżda ma jeskludix il-popolazzjoni tal-ilpup preżenti fl-Awstrija.

27      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqiegħed fid-dubju l-validità ta’ dan l-Artikolu 12 minħabba li, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva “dwar il-habitats”, id-distinzjoni bejn, minn naħa, l-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-ilpup tagħhom tinsab barra mis-sistema ta’ protezzjoni stretta u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija li fit-territorju tagħha din l-ispeċi ta’ annimali ma tibbenefikax minn tali eċċezzjoni, ma għadhiex iġġustifikata peress li, fit-territorju Awstrijak, il-popolazzjoni tal-ilpup ma tkunx għadha popolazzjoni iżolata meta mqabbla mal-popolazzjonijiet l-oħra tal-ilpup. Din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, jekk l-assenza ta’ eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni stretta f’dak li jirrigwarda lir-Repubblika tal-Awstrija, tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq lammissibbiltà

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, Umweltverband WWF Österreich, ÖKOBÜRO – Allianz der Umweltbewegung u Umweltdachverband sostnew li l-ewwel domanda kienet inammissibbli peress li r-risposta għal din id-domanda ma għandha ebda influwenza fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali. Skont il-Kunsill, l-imsemmija domanda hija inammissibbli peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-Artikolu 16 tad-Direttiva “dwar il-habitats”, u mhux l-Artikolu 12 tagħha, li huwa s-suġġett ta’ din l-istess domanda. Il-Kummissjoni, essenzjalment, qablet ma’ dan l-argument tal-Kunsill.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ tali regola tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la Statistika u tal-Istudji Ekonomiċi, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva, huwa invalidu, dan ikollu influwenza fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga minn dan l-Artikolu 12. Issa, ma tistax teżisti deroga fl-assenza ta’ regola prinċipali. Fi kliem ieħor, f’każ bħal dan, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat il-kontenut il-ġdid tal-Artikolu 12 tad-Direttiva “dwar il-habitats”, moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva, qabel ma jiġi evalwat jekk id-deroga li tinsab fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, jew anki jekk ikun għadu neċessarju li jsir użu minn din id-deroga.

31      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tielet domanda hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

32      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) TUE jipprovdi li l-Unjoni tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

33      Barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm din id-differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑567/22 P sa C‑570/22 P, EU:C:2024:336, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u apprezzati fid-dawl tal-iskop tad-dispożizzjonijiet L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għaldaqstant, in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, MG vs BEI, C‑173/22 P, EU:C:2023:932, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu qabelxejn jitfakkar li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fid-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, id-Direttiva “dwar il-habitats” ġiet adottata fil‑21 ta’ Mejju 1992 u ġiet emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21 u ĠU 1995, L 1, p. 1) wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Jannar 1995.

37      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma fformulat, f’din l-aħħar data, ebda riżerva fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness IV tad-Direttiva “dwar il-habitats” tal-popolazzjoni tal-ilpup preżenti fit-territorju tagħha u lanqas ma pproduċiet prova ta’ natura li turi li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-Istati Membri l-oħra li l-popolazzjoni tal-ilpup tagħhom kienet, fl-istess data, eskluża mis-sistema ta’ protezzjoni stretta.

38      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li kemm il-Gvern tal-Land ta’ Tirol kif ukoll il-Gvern Awstrijak sempliċement jikkontestaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-validità tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva minħabba l-iżvilupp favorevoli li kellha l-popolazzjoni tal-ilpup fit-territorju Awstrijak sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea, kif esposta fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jikkorrispondi preċiżament għal wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha.

39      Barra minn hekk, mill-istess direttiva jirriżulta li din tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi li jistgħu jseħħu fil-qasam li taħtu taqa’ d-Direttiva “dwar il-habitats”, dak tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, li l-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi li hija tipprevedi “livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni” u li hija bbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Fil-fatt, sabiex jadatta dan il-qafas tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni daħħal, fl-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva, klawżola ta’ evoluzzjoni, li tippermetti lill-Kunsill, li jiddeċiedi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jadatta l-Anness IV tal-imsemmija direttiva għall-progress tekniku u xjentifiku.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Awstrijak isostni, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jirrikorri għall-Artikolu 19(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats” sabiex jirtira l-popolazzjoni tal-ilpup fl-Awstrija mis-sistema ta’ protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

41      B’dan il-mod, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-gvern ma jikkontestax il-validità bħala tali tal-imsemmija direttiva, iżda jikkontesta, fir-realtà, nuqqas ta’ azzjoni eventwali mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, b’mod preliminari, in-nuqqas ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, nuqqas li tittieħed azzjoni li jista’ jiġi stabbilit biss fil-kuntest ta’ rikors f’dan is-sens ippreżentat minn Stat Membru, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, kontra istituzzjoni, korp, organu jew aġenzija tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1996, T. Port, C‑68/95, EU:C:1996:452, punt 53) Kif ippreċiża l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija sal-lum għadha ma ppreżentatx tali rikors.

42      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien obbligat jaġixxi billi jadatta, abbażi tal-Artikolu 19 tad-Direttiva “dwar il-habitats”, l-Anness IV tagħha sabiex ineħħi l-lupu preżenti fl-Awstrija mis-sistema ta’ protezzjoni stretta, xorta jibqa’ l-fatt li l-eventwali nuqqas tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward ma jistax jikkostitwixxi, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, raġuni ta’ invalidità tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-imsemmi Anness IV.

43      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-klassifikazzjoni tal-lupu nżammet fil-lista tal-ispeċi msemmija fl-Anness II tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ambjent naturali tal-Ewropa, iffirmata fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Berna (ĠU 1982, L 38, p. 3) (iktar ’il quddiem il- “Konvenzjoni ta’ Berna”), li hija s-suġġett ta’ protezzjoni stretta bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni, li l-Unjoni hija parti minnha u li torbotha taħt id-dritt internazzjonali, kif osservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni u kif enfasizzat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha.

44      Min-naħa l-oħra, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-għanijiet tad-Direttiva “dwar il-habitats”, intiżi li jiżguraw iż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, jirriżulta li, sa fejn din id-direttiva tkopri wkoll iż-“żamma” ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, għandu jitqies li l-ispeċi li jkunu laħqu tali stat ta’ konservazzjoni għandhom jiġu protetti kontra kull deterjorazzjoni ta’ dan l-istat. Għaldaqstant, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni li tipprevedi din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-ispeċi li jkunu laħqu stat ta’ konservazzjoni favorevoli. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen, C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punti 65 u 66).

45      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-popolazzjoni tal-ilpup hija, ċertament, ta’ ritorn fit-territorju Awstrijak, xorta jibqa’ l-fatt li, kif ammetta l-Gvern Awstrijak stess fl-osservazzjonijiet tiegħu u kkonferma waqt is-seduta, din il-popolazzjoni ma tinsabx hemmhekk fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stabbilita fih, li tipprovdi li d-deroga mogħtija skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun ta’ ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss it-territorju lokali u nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew billi wieħed jibbaża ruħu fuq ir-reġjun bijoġeografiku kollu, li jaqbeż il-fruntieri nazzjonali.

48      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851), fil-kuntest tal-eżami li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni reġjun ġeografiku iktar estiż minn dak tat-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija, b’tali mod li r-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi tal-lupu li jipprevali f’dan ir-reġjun huwa eskluż.

49      F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll tal-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, deroga adottata fuq din il-bażi hija suġġetta, sa fejn din tippermetti lil dawn l-Istati Membri li joħorġu mill-obbligi li tinvolvi s-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi naturali, għall-kundizzjoni li ma teżistix alternattiva sodisfaċenti oħra u li din id-deroga ma tostakolax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor, C‑88/19, EU:C:2020:458, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, li jiddefinixxi b’mod preċiż u eżawrjenti l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll mill-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, jikkostitwixxi eċċezzjoni mis-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li tqiegħed l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, għal kull deroga, fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni ta’ tali deroga (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor, C‑88/19, EU:C:2020:458, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” tista’ tikkostitwixxi biss applikazzjoni konkreta u speċifika sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, hemm dik li tipprovdi li d-deroga ma tistax tkun ta’ ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom. Fil-fatt, l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-imsemmija popolazzjonijiet fl-ambjent naturali tagħhom hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-għoti tad-derogi li jipprevedi l-imsemmi Artikolu 16(1)(sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jikklassifika stat ta’ konservazzjoni bħala favorevoli meta, l-ewwel nett, l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tindika li din l-ispeċi għadha, u x’aktarx tkompli fit-tul, tikkostitwixxi komponent vijabbli tal-habitat naturali tagħha; it-tieni nett, il-firxa naturali tal-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas għandha xejra li ser titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli; u, it-tielet nett, hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed sabiex iżomm il-popolazzjonijiet tiegħu fit-tul (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 56).

54      Deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq kriterji ddefiniti b’tali mod li tiġi żgurata l-preżervazzjoni fit-tul tad-dinamika u tal-istabbiltà soċjali tal-ispeċi inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 57).

55      Minn dan isegwi li, fl-evalwazzjoni tal-ħruġ ta’ deroga bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 16(1), huwa l-obbligu tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddetermina, b’mod partikolari fuq il-livell nazzjonali jew, skont il-każ, fuq il-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teżiġi dan u, sa fejn possibbli, fuq il-livell transkonfinali, fl-ewwel lok, l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, fit-tieni lok, l-impatti ġeografiċi u demografiċi li d-derogi maħsuba jistgħu jipproduċu fuqu (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 58).

56      Barra dan, l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ deroga, fil-kuntest taż-żona ta’ popolazzjoni lokali, hija ġeneralment neċessarja sabiex jiġi ddeterminat l-effett tagħha fuq l-istatus ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni inkwistjoni fuq livell usa’. Fil-fatt, sa fejn tali deroga għandha tissodisfa rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-konsegwenzi ta’ tali deroga ġeneralment jinħassu b’mod l-iktar immedjat fiż-żona lokali koperta minnha (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 59).

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, fir-rigward tal-ewwel stadju tal-evalwazzjoni tad-deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, kif deskritta fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 75 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata għandu jeżisti u jiġi evalwat, fl-ewwel lok u neċessarjament, fil-livell lokali u nazzjonali, b’tali mod li stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli fit-territorju ta’ Stat Membru jew parti minnu ma jiġix moħbi permezz ta’ evalwazzjoni mwettqa biss fil-livell transkonfinali li minnu jirriżulta li l-imsemmija speċi tinsab fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

58      Għalhekk, huwa biss meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata jirriżulta li huwa favorevoli fuq il-livell lokali u nazzjonali li l-evalwazzjoni tista’, fit-tieni lok, jekk id-data disponibbli tippermetti dan, tiġi kkunsidrata fuq livell transkonfinali. Fil-fatt, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni f’dan il-livell tal-aħħar huwa intiż li jevita li tingħata, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, deroga favur Stat Membru, li fit-territorju tiegħu l-istat ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi jkun favorevoli, minkejja li dan l-istat ta’ konservazzjoni jkun sfavorevoli fuq livell transkonfinali.

59      Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tat-tieni stadju tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq skont din id-dispożizzjoni, kif stabbilita fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, jiġifieri d-determinazzjoni tal-effett ta’ tali deroga fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.

60      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-evalwazzjoni tal-effett ta’ deroga mogħtija skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandha titwettaq, fl-ewwel lok, fil-livell lokali u nazzjonali u, fl-eventwalità ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli għal dan il-livell, sa fejn huwa possibbli, fit-tieni lok, fuq il-livell transkonfinali.

61      Tali konklużjoni hija, barra minn hekk, sostnuta mill-qari tal-punt 3–64 tad-Dokument ta’ Gwida li fih il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kliem tal-Artikolu 16 tad-Direttiva “dwar il-habitats” li jsemmi l-“popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati”, l-evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq “fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ikollha tkun f’livell aktar baxx [(pereżempju, fil-livell tas-sit, tal-popolazzjoni)] mir-reġjun bijoġeografiku sabiex tkun sinifikattiva f’termini ekoloġiċi” u sabiex hija tirrispondi għal problemi speċifiċi. Min-naħa l-oħra, huwa ppreċiżat li “[l]-valutazzjoni f’livell aktar baxx ikollha tiġi vvalutata fid-dawl tas-sitwazzjoni fuq skala akbar (eż. bijoġeografika, transfruntiera jew nazzjonali), għal stampa sħiħa tas-sitwazzjoni”.

62      Min-naħa l-oħra, għandu, sussegwentement, jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-parti tal-firxa naturali tal-popolazzjoni kkonċernata li testendi għal ċerti partijiet mit-territorju ta’ Stat terz, li ma huwiex marbut bl-obbligi ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi li huma ta’ interess għall-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 60).

63      F’dan il-każ, kif jenfasizzaw il-Gvern tal-Land ta’ Tirol u l-Gvern Awstrijak, it-territorji tal-Konfederazzjoni Svizzera u tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein jistgħu, fl-eventwalità msemmija fil-punti 58 u 60 ta’ din is-sentenza kif ukoll bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fil-livell transkonfinali, tal-effett tad-deroga mogħtija skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu peress li dawn l-Istati terzi huma suġġetti għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, ffirmata fid‑19 ta’ Settembru 1979, f’Berna.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk tali deroga hijiex ser tkun ta’ ħsara jew le għaż-żamma jew għall-irripristinar tal-popolazzjonijiet ta’ speċi f’perikolu ta’ estinzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Istat Membru għandu ma jadottahiex jew ma jimplimentahiex (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66).

65      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk il-popolazzjoni tal-ilpup tinsabx fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, fl-ewwel lok, fil-livell tal-Land ta’ Tirol kif ukoll fil-livell nazzjonali u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-data disponibbli, fit-tieni lok, fil-livell transkonfinali.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stabbilita fih, li tipprovdi li d-deroga mogħtija skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex tippreġudika ż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, tista’ tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-dawl tad-data disponibbli, il-livell tar-reġjun bijoġeografiku, li jaqbeż il-fruntieri nazzjonali, biss meta jkun ġie kkonstatat minn qabel li din id-deroga ma tippreġudikax iż-żamma ta’ tali stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-livell tat-territorju lokali u nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq ittielet domanda

67      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħsara serja”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri d-danni indiretti futuri li ma humiex imputabbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali li huwa s-suġġett tad-deroga mogħtija skont l-imsemmija dispożizzjoni.

68      B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar id-danni indiretti, li ma humiex imputabbli biss għal-lupu li kkawża l-attakki fuq in-nagħaġ fit-territorju tal-Land ta’ Tirol u li jirriżultaw mill-abbandun tal-azjenda kif ukoll mit-tnaqqis tan-numru totali ta’ annimali tat-trobbija li jirriżulta minnhom.

69      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 12 tagħha sabiex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-għelejjel, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà.

70      Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li sseħħ ħsara serja bħala prerekwiżit għall-adozzjoni tal-miżuri derogatorji (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 40). Fil-fatt, peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni ħsara serja, il-probabbiltà kbira li dawn iseħħu hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

71      Madankollu, huwa meħtieġ ukoll, kif tirrileva, essenzjalment, il-Kummissjoni fil-punt 3‑24 tad-Dokument ta’ Gwida tagħha, li, minn naħa, dan id-dannu li ser iseħħ ma jkunx purament ipotetiku, fatt li għandu jintwera permezz ta’ provi, u, min-naħa l-oħra, li dan id-dannu jkun, għall-inqas fil-parti l-kbira tiegħu, attribwibbli għall-ispeċi tal-annimali koperta mid-deroga.

72      Issa, f’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-kategorija ta’ danni esposta mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda ma tirrigwardax interessi ekonomiċi speċifiċi, iżda eventwali żviluppi makroekonomiċi fit-tul, b’tali mod li hija iktar tixbah riskju astratt li l-probabbiltà kbira tas-seħħ tiegħu ma hijiex ipprovata.

73      Barra minn hekk, jekk jiġi aċċettat li tali danni, li ma humiex imputabbli lill-kampjun tal-popolazzjoni tal-ilpup li huwa s-suġġett tad-deroga msemmija fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats” u li jistgħu joriġinaw minn kawżi differenti u multipli, jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan iwassal sabiex jiġi injorat r-rekwiżit, imsemmi fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, l-għoti tad-deroga u, min-naħa l-oħra, id-dannu kkawżat mill-ispeċi ta’ annimali kkonċernata minn din id-deroga.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “ħsara serja”, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, ma jkoprix id-danni indiretti futuri li ma humiex attribwibbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali li huwa s-suġġett tad-deroga mogħtija skont l-imsemmija dispożizzjoni.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħsara serja”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix id-danni indiretti futuri li ma humiex imputabbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali li huwa s-suġġett tad-deroga mogħtija skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq irraba' domanda

76      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “alternattiva sodisfaċenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw biss il-fattibbiltà teknika ta’ miżuri alternattivi oħra jew jekk għandhomx ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji ekonomiċi.

77      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-miżuri ta’ protezzjoni tal-merħliet, fosthom l-istabbiliment ta’ ċnut, l-użu ta’ klieb tal-għassa jew l-akkumpanjament tal-merħliet minn rgħajja, jikkostitwixxux miżura alternattiva għall-qatla tal-lupu li wettaq l-attakki, li huma sodisfaċenti, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, meta l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri twassal għal spejjeż partikolarment għoljin.

78      Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, għandu qabelxejn jitfakkar li deroga tista’ tingħata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” biss fl-assenza ta’ miżura alternattiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod sodisfaċenti, filwaqt li jiġu osservati l-projbizzjonijiet previsti minn din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 47).

79      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu motivazzjoni preċiża u adegwata dwar l-assenza ta’ alternattiva sodisfaċenti li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet invokati insostenn tad-deroga. B’hekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jistabbilixxu li fid-dawl, b’mod partikolari, tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku rilevanti kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni, ma teżisti ebda alternattiva sodisfaċenti oħra li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punti 49 u 51).

80      Il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ alternattiva sodisfaċenti oħra sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” tikkostitwixxi għalhekk espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti adottati ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 340 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni u tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-vantaġġi u l-inkonvenjenzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, sabiex tiġi ddeterminata l-aħjar soluzzjoni. Għal dan l-għan, kif tipproponi l-Kummissjoni, essenzjalment, fil-punt 3-51 tad-Dokument ta’ Gwida tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li jirrikorru għal mezzi preventivi mhux letali li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi ta’ ħsara għall-merħliet, bħal, fost oħrajn, dawk imsemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jadattaw, meta dan ikun possibbli, il-prattiki umani li wasslu għall-kunflitti, sabiex jiffavorixxu kultura ta’ koeżistenza bejn il-popolazzjoni tal-ilpup, il-merħliet u l-persuni li jrabbu l-annimali, li l-Gvern Awstrijak irrikonoxxa n-neċessità tagħhom waqt is-seduta.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, il-miżuri meħuda skont din id-direttiva għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali, b’tali mod li l-ispejjeż ekonomiċi ta’ miżura alternattiva teknikament fattibbli jistgħu b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-kriterji li għandhom jiġu mwieżna mingħajr madankollu ma jkunu determinanti. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li alternattiva sodisfaċenti oħra tista’ mill-ewwel tiġi miċħuda għas-sempliċi raġuni li l-ispiża ekonomika tal-implimentazzjoni tagħha tkun partikolarment għolja.

83      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura alternattiva fil-livell tal-ispiża ekonomika għandha titwettaq, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 108, 112 u 114 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri li jfasslu, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva “dwar il-habitats”, miżuri u pjanijiet ta’ ġestjoni sistemiċi neċessarji għall-protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ programmi ta’ finanzjament b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi u ta’ dawn il-pjanijiet ta’ ġestjoni tista’ tintroduċi bidliet fl-attivitajiet agrikoli kkonċernati, bħal dawk imsemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li huma neċessarjament akkumpanjati minn ċerti spejjeż u li, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva “dwar il-habitats”, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, intiżi li jiżguraw iż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jippermettu, skont l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑46/11, EU:C:2012:146, punti 31).

84      Għalhekk, huwa importanti, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva "dwar il-habitats", li l-ispiża ekonomika ta’ miżura alternattiva għat-teħid ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal strettament protetta tiġi bbilanċjata mal-ispiża ekoloġika ta’ dan it-teħid. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, il-Gvern tal-Land ta’ Tirol irrileva, matul is-seduta, in-nuqqas tal-miżura ta’ teħid li tikkonsisti fil-qatla tal-kampjun tal-lupu inkwistjoni.

85      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha li l-Gvern tal-Land ta’ Tirol, fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu tad‑29 ta’ Lulju 2022, evalwa b’mod korrett, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli, l-alternattivi l-oħra possibbli, bħal miżuri ta’ protezzjoni tal-Alpi, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, mingħajr ma dawn huma ta’ natura determinanti, u billi jibbilanċjahom mal-għan ġenerali ta’ żamma jew ta’ stabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjoni tal-ilpup fit-territorju tiegħu.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “alternattiva sodisfaċenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jevalwaw, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli, l-alternattivi l-oħra possibbli billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, mingħajr ma dawn ikunu ta’ natura determinanti, u billi jibbilanċjawhom mal-għan ġenerali ta’ żamma jew ta’ stabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013, moqri flimkien mal-Anness IV tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17.

2)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats” kif emendata bid-Direttiva 2013/17, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stabbilita fih, li tipprovdi li d-deroga mogħtija skont din id-dispożizzjoni ma għandhiex tippreġudika ż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, tista’ tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-dawl tad-data disponibbli, il-livell tar-reġjun bijoġeografiku, li jaqbeż il-fruntieri nazzjonali, biss meta jkun ġie kkonstatat minn qabel li din id-deroga ma tippreġudikax iż-żamma ta’ tali stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-livell tat-territorju lokali u nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

3)      L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħsara serja”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix id-danni indiretti futuri li ma humiex imputabbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali li huwa s-suġġett tad-deroga mogħtija skont l-imsemmija dispożizzjoni.

4)      L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “alternattiva sodisfaċenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jevalwaw, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli, l-alternattivi l-oħra possibbli billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, mingħajr ma dawn ikunu ta’ natura determinanti, u billi jibbilanċjawhom mal-għan ġenerali ta’ żamma jew ta’ stabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top