This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0598
Judgment of the Court (Third Chamber) of 11 July 2024.#Società Italiana Imprese Balneari Srl v Comune di Rosignano Marittimo and Others.#Request for a preliminary ruling from the Consiglio di Stato.#Reference for a preliminary ruling – Article 49 TFEU – Concessions in respect of State-owned coastal land – Expiry and renewal – National rules providing that fixed structures built on State-owned land are to be transferred to the State for no consideration – Restriction – None.#Case C-598/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Società Italiana Imprese Balneari Srl vs Comune di Rosignano Marittimo et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Konċessjonijiet fuq proprjetajiet marittimi fiż-żona tad-dominju pubbliku – Skadenza u tiġdid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment lill-Istat, mingħajr ħlas, ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona ta’ dominju pubbliku – Restrizzjoni – Assenza.
Kawża C-598/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Società Italiana Imprese Balneari Srl vs Comune di Rosignano Marittimo et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Konċessjonijiet fuq proprjetajiet marittimi fiż-żona tad-dominju pubbliku – Skadenza u tiġdid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment lill-Istat, mingħajr ħlas, ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona ta’ dominju pubbliku – Restrizzjoni – Assenza.
Kawża C-598/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:597
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Lulju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Konċessjonijiet fuq proprjetajiet marittimi fiż-żona tad-dominju pubbliku – Skadenza u tiġdid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment lill-Istat, mingħajr ħlas, ta’ xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona ta’ dominju pubbliku – Restrizzjoni – Assenza”
Fil-Kawża C‑598/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura
Società Italiana Imprese Balneari Srl
vs
Comune di Rosignano Marittimo,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Agenzia del demanio – Direzione regionale Toscana e Umbria,
Regione Toscana,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Società Italiana Imprese Balneari Srl, minn E. Nesi u R. Righi, avvocati,
– għall‑Comune di Rosignano Marittimo, minn R. Grassi, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Palmieri u L. Delbono, avvocati dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Società Italiana Imprese Balneari Srl (iktar ’il quddiem “SIIB”) u l-Comune Rosignano Marittimo (il-Komun ta’ Rosignano Marittimo, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Komun”), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Komun ikkonstata li, mal-iskadenza ta’ konċessjoni għall-okkupazzjoni ta’ proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku mogħtija lis-SIIB, ix-xogħlijiet mibnija minn din tal-aħħar fuq dan id-dominju kienu ġew akkwistati, mingħajr ħlas, mill-Istat Taljan u, konsegwentement, impona l-ħlas ta’ miżati inkrementati tad-dominju.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), tipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tagħha:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it‑28 ta’ Diċembru 2009.”
Id‑dritt Taljan
4 Il-Codice della Navigazione (il-Kodiċi tan-Navigazzjoni) approvata permezz tad-Digriet Irjali Nru 327 tat‑30 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 93 tat‑18 ta’ April 1942), jipprovdi, fl-Artikolu 49(1) tiegħu intitolat “Devolviment tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew”:
“Sakemm jiġi stabbilit mod ieħor fl-istrument tal-konċessjoni, meta l-konċessjoni tasal fi tmiemha, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku għandhom jibqgħu f’idejn l-Istat, bla ebda kumpens jew rimbors, bla preġudizzju għad-dritt tal-awtorità tal-għoti sabiex tordna t-twaqqigħ tagħhom, bl-assi fiż-żona tad-dominju pubbliku għalhekk li jiġu rritornati fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom.”
5 Konformement mal-Artikolu 1(251) tal-legge n. 36/296 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2007) (il-Liġi Nru 296, li Tipprovdi Dispożizzjonijiet għat-Tfassil tal-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat (Liġi tal-Finanzi 2007)) tas‑27 ta’ Diċembru 2006 (supplement ordinarju Nru 244 għall-GURI Nru 299 tas‑27 ta’ Diċembru 2006), l-inkorporazzjoni fid-dominju pubbliku ta’ oġġetti mibnija mill-konċessjonarju jwassal biex jiġi applikat fil-konfront tagħhom miżata inkrementata, inkwantu dawn l-istrutturi jitqiesu bħala oġġetti aċċessorji għad-dominju pubbliku.
6 L-Artikolu 1 tad-Digriet Presidenzjali tal-Gvern Reġjonali tat-Toscana Nru 52/R tal‑24 ta’ Settembru 2013 emenda d-Digriet tal-President tal-Gvern Reġjonali tat-Toscana Nru 18/R tal‑2001 billi żied, f’dan tal-aħħar, l-Artikolu 44a li jipprevedi:
“Għandhom jiġu kklassifikati bħala faċli li jitneħħew u li jistgħu jkunu suġġetti għal sgombru l-kostruzzjonijiet u l-istrutturi użati għall-finijiet tat-twettiq ta’ attività turistika u ta’ rekreazzjoni, mibnija kemm fuq kif ukoll taħt l-art ta’ proprjetà marittima f’żona ta’ dominju pubbliku suġġetta għall-konċezzjoni li [...] jistgħu jitneħħew kompletament possono essere completamente bl-użu ta’ metodi normali disponibbli bl-inġinerija bil-konsegwenti restawr għall-kundizzjoni oriġinali tas-siti sa mhux iktar tard minn 90 jum.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
7 Sa mis-sena 1928, SIIB tmexxi mingħajr interruzzjoni, fit-territorju tal-Komun, stabbiliment tal-għawm li fil-parti l-kbira jinsab fuq proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku. SIIB jallega li bena legalment fuq din il-medda art sensiela ta’ kostruzzjonijiet li parti minnhom kienet suġġetta għal inventarju ta’ inkorporazzjoni matul is-sena 1958. Kostruzzjonijiet oħra saru ulterjorment bejn is-sena 1964 u s-sena 1995.
8 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2007, il-Komun ikklassifika, fost l-oġġetti aċċessorji ta’ proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku, diversi xogħlijiet li jiskonfinaw fuq dan id-dominju u li huma meqjusa diffiċli biex jitneħħew. Dawn ġew legalment akkwistati mill-Komun mal-iskadenza tal-Konċessjoni Nru 36/2002 li kienet tkopri l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1999 sal‑31 ta’ Diċembru 2002 u li ġiet imġedda, sal‑31 ta’ Diċembru 2008, permezz tal-Konċessjoni Nru 27/2003.
9 Fit‑23 ta’ Settembru 2008, il-Komun informa lil SIIB bil-ftuħ tal-proċedura ta’ inkorporazzjoni tal-oġġetti aċċessorji tad-dominju pubbliku li kienu għadhom ma ġewx akkwistati, madankollu, mingħajr ma kkonkludiet din il-proċedura.
10 Sussegwentement, hija ħarġet il-konċessjoni fuq il-proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku Nru 181/2009, fil-konfront ta’ din il-kumpannija, għal terminu ta’ sitt snin mill‑1 ta’ Jannar 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“konċessjoni tal‑2009”).
11 Billi invoka l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-President tal-Gvern Reġjonali ta’ Toscana Nru 52/R tal‑24 ta’ Settembru 2013, SIIB issottomettiet dikjarazzjoni li skontha x-xogħlijiet kollha li jiskonfinaw fuq id-dominju pubbliku setgħu jitneħħew fi żmien 90 jum, fejn għalhekk kellhom jitqiesu li jistgħu jitneħħew faċilment.
12 Il-Komun irrikonoxxa din il-kategorizzazzjoni lix-xogħlijiet inkwistjoni f’deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2014 qabel ma tenna, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2014, minħabba li oġġetti li kienu jiskonfinaw fuq id-dominju pubbliku konċess diġà kienu ġew akkwistati mill-Istat bis-saħħa tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.
13 SIIB ikkontesta din l-aħħar deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiv Reġjonali ta’ Toscana, l-Italja).
14 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2015, il-Komun afferma mill-ġdid li l-binjiet ikkostruwiti fiż-żona konċessa kienu oġġetti aċċessorji tad-dominju pubbliku. Konsegwentement, huwa applika fil-konfront tagħhom miżata inkrementata għall-perijodu mis-sena 2009 sas-sena 2015 konformement mal-Artikolu 1(251) tal-Liġi Nru 296 tas‑27 ta’ Diċembru 2006. Permezz ta’ atti oħra, il-Komun iffissa l-ammonti dovuti għas-snin segwenti.
15 SIIB ikkontestat ukoll id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti quddiem l-istess qorti. Din tal-aħħar ċaħdet ir-rikorsi kollha permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021 li kontriha SIIB appellat quddiem il-Consiglio di Stat (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju.
16 Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni huwa interpretat fis-sens li l-akkwist ta’ oġġetti mill-Istat isir awtomatikament mal-iskadenza tal-konċessjoni, anki fil-każ ta’ tiġdid tagħha, ġaladarba t-tiġdid tagħha jagħti lok għall-waqfien tal-kontinwità bejn it-titoli ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ estensjoni tat-terminu ta’ konċessjoni qabel l-iskadenza normali tagħha, ix-xogħlijiet imwettqa mill-konċessjonarji fuq id-dominju pubbliku jibqgħu proprjetà privata esklużiva tal-konċessjonarju sal-iskadenza effettiva jew ir-revoka minn qabel tal-konċessjoni u ma tkun dovuta ebda miżata fir-rigward ta’ dawn ix-xogħlijiet.
17 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-ewwel istanza, it-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (il-Qorti Amministrattiv Reġjonali ta’ Toscana) iddeċieda li kemm l-inventarju ta’ inkorporazzjoni tal‑1958 kif ukoll il-konċessjoni tal‑2009 ipproduċew effetti li saru definittivi, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni fi żmien utli min-naħa ta’ SIIB. Dik il-qorti żiedet li l-kategorizzazzjoni tax-xogħlijiet mibnija minn SIIB fuq proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku bħala xogħlijiet diffiċli biex jitneħħew u bħala oġġetti aċċessorji ta’ dan id-dominju ma kinitx tirriżulta minn deċiżjoni unilaterali tal-Komun iżda minn ftehim komuni li seħħ permezz tat-titolu ta’ konċessjoni ffirmat miż-żewġ partijiet.
18 L-imsemmija qorti eskludiet b’mod partikolari l-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni twassal għal esproprjazzjoni de facto tal-konċessjonarju mingħajr kumpens. Fil-fatt, l-akkwist mingħajr ħlas mill-Istat tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fuq id-dominju pubbliku jseħħ, skont din id-dispożizzjoni, biss fl-assenza ta’ stipulazzjoni kuntrarja fl-att ta’ konċessjoni. Għaldaqstant, ir-regola tal-akkwist mingħajr ħlas tkun tapplika biss bil-qbil bejn il-partijiet.
19 Madankollu SIIB issostni li, fil-każ ta’ tiġdid ta’ konċessjoni, l-inkorporazzjoni mal-proprjetajiet marittimi fiż-żona ta’ dominju pubbliku tal-Istat mingħajr kumpens tax-xogħlijiet mibnija mill-konċessjonarju fuq dan id-dominju u li huma diffiċli biex jitneħħew hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati fis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60). Skont il-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-inkorporazzjoni mingħajr ħlas fl-imsemmi dominju jkun ġustifikat bin-neċessità li jiġi żgurat li x-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew intiżi li jibqgħu fuq dan id-dominju jkunu għad-dispożizzjoni sħiħa tal-konċedent. Dan premess, meta l-konċessjoni, minflok ma tintemm, tiġi mġedda mingħajr interruzzjoni, l-effett ta’ akkwist previst fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni ma jkunx ġustifikat. Barra minn hekk, dan l-effett jagħmel inqas attraenti l-istabbiliment ta’ operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra interessati mill-istess oġġett u jimponi lill-konċessjonarju sagrifiċċju sproporzjonat fuq id-drittijiet tiegħu peress li jkollu jittrasferixxi l-beni tiegħu lill-Istat mingħajr ma jirċievi korrispettiv.
20 Il-Komun, min-naħa tiegħu, ifakkar li huwa kien ta l-konċessjoni tal‑2009 waqt it-tiġdid tal-konċessjoni Nru 27/2003 mhux b’mod awtomatiku iżda wara struzzjoni speċifika li fil-kuntest tagħha għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Għalhekk kien ġie previst li l-konċessjoni l-ġdida tiġi kkunsidrata bħala konċessjoni għalkollox differenti minn dik preċedenti. Barra minn hekk, l-assenza ta’ stipulazzjoni kuntrarja fl-att ta’ konċessjoni tixhed li l-konċessjonarju kkunsidra li t-telf tal-proprjetà tax-xogħlijiet imwettqa kien kompatibbli mal-ekwilibriju ġenerali tal-konċessjoni.
21 Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat, fit‑8 ta’ Settembru 2023, li SIIB kellha interess ġuridiku kontra l-inkorporazzjoni mal-proprjetajiet marittimi fiż-żona ta’ dominju pubbliku tal-Istat tal-oġġetti li ma jistgħux jitneħħew li hija bniet fuq dan id-dominju pubbliku, li hija tista’ tinvoka b’mod partikolari fiċ-ċirkustanza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-konċedent li timponilu jħallas miżati inkrementati. Din il-qorti spjegat ukoll li t-trasferiment fil-patrimonju tal-Istat tal-proprjetà ta’ tali xogħlijiet isir ipso jure mal-iskadenza tal-konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju. Il-konstatazzjoni possibbli, b’mezz amministrattiv jew ġudizzjarju, tad-dritt ta’ proprjetà tal-Istat fuq dawn ix-xogħlijiet hija biss ta’ natura dikjarattiva u tawtorizza lill-konċedent jinkrementa l-ammont tal-miżata.
22 L-imsemmija qorti indikat li, f’dan il-każ, l-inkorporazzjoni mal-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew imwettqa minn SIIB seħħet fil‑31 ta’ Diċmbru 2008 mal-iskadenza tal-konċessjoni Nru 27/2003. Din l-inkorporazzjoni wasslet lill-Komun japplika fil-konfront ta’ SIIB miżata inkrementata mis-sena 2009.
23 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, essenzjalment, li l-Kodiċi tan-Navigazzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi Taljani u għal dawk ta’ Stati Membri oħra.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-prinċipji li jistgħu jinsiltu mis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60), sa fejn jitqiesu applikabbli, jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 49 [tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni] fis-sens li tipprevedi, mal-iskadenza tal-konċessjoni, meta din tiġġedded, mingħajr interruzzjoni, anki bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġdida, it-trasferiment mill-konċessjonarju, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mwettqa fiż-żona tad-dominju pubbliku li hija parti mill-assi kollha organizzati għall-operazzjoni tal-istabbiliment ta’ għawm, peress li dan l-effett ta’ inkorporazzjoni immedjata jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan effettivament segwit mil-leġiżlatur nazzjonali u li għaldaqstant huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ dan l-għan?”
Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali
25 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ April 2024, SIIB talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
26 Insostenn tat-talba tagħha, SIIB issostni li, fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali marret lil hinn mill-għan tad-domanda preliminari billi kkonkludiet, impliċitament iżda neċessarjament, li ma kienx jeżisti ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, SIIB titlob biex tinżamm seduta sabiex il-kwistjoni tar-rilevanza tal-Artikolu 17 tal-Karta fil-kuntest ta’ din il-kawża tkun tista’ tiġi sottomessa għal dibattitu kontradittorju.
28 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (Digriet tal‑4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punt 2, u s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
29 Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Għalhekk din ma hijiex opinjoni intiża għall-imħallfin jew għall-partijiet li toħroġ minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru tal-istituzzjoni nnifisha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li biha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
30 Dan premess, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk din tqis li ma hijiex suffiċjentement informata jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
31 Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.
32 L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE li jistabbilixxu, rispettivament, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din il-qorti ma talbitx speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-dritt għall-proprjetà.
33 It-tieni nett, fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali llimitat ruħha ssemmi ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-eżami ta’ restrizzjoni stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali taħt l-Artikolu 49 TFUE jkopri wkoll ir-restrizzjonijiet possibbli tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta, b’tali mod li eżami separat tad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 50, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 56).
34 Sa fejn, permezz tat-talba tagħha ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, SIIB qed tipprova, fil-verità, tikkonfuta din l-aħħar evalwazzjoni, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
35 It-tielet nett, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji biex tirrispondi d-domanda magħmula lilha.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
37 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex rilevanti bil-għan li tiġi deċiża l-kawża prinċipali.
38 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domanda li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza li tista’ tinqaleb, b’mod partikolari, jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punti 15 u 18; tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 42).
39 F’dan il-każ, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li SIIB żammet interess ġuridiku kontra l-inkorporazzjoni mal-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku ta’ oġġetti li ma jistgħux jitneħħew li hija bniet fuq dan id-dominju, sa fejn din l-inkorporazzjoni fissret inkrementazzjoni fil-miżata ta’ okkupazzjoni tad-dominju li hija kellha tħallas. Skont dik il-qorti, SIIB tista’ tikkontesta l-imsemmija inkorporazzjoni fl-okkażjoni ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-konċedent jimponilu, konformement mal-Artikolu 1(251) tal-Liġi Nru 296 tas‑27 ta’ Diċembru 2006, iħallas miżata inkrementata.
40 Għaldaqstant risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula hija utli biex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.
41 Barra minn hekk, minkejja li din it-tilwima hija ta’ natura purament interna, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li l-Kodiċi tan-Navigazzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi Taljani u għal dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu jew huma interessati jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi biex jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju Taljan u, għaldaqstant, li din il-leġiżlazzjoni tista’ tipproduċi effetti li ma humiex limitati għall-imsemmi territorju.
42 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli inkwantu tirrigwarda l-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50).
43 Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.
Fuq id‑domanda preliminari
44 Sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi, fid-domanda tagħha, għall-Artikoli 49 u 56 TFUE, li jistabbilixxu rispettivament il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi ppreċiżat li l-għoti ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku jimplika neċessarjament l-aċċess tal-konċessjonarju għat-territorju tal-Istat Membru ospitanti bil-għan ta’ sehem stabbli u kontinwu, relattivament fit-tul, fil-ħajja ekonomika ta’ dan l-Istat. Għalhekk l-għoti ta’ tali konċessjoni taqa’ taħt id-dritt ta’ stabbiliment previst fl-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 25; tal‑11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑84/08, EU:C:2010:133, punt 39, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 50).
45 Barra minn hekk, bis-saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 57 TFUE, id‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat dwar il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi huma applikabbli biss jekk, b’mod partikolari, ma jkunux applikabbli d‑dispożizzjonijiet dwar id‑dritt ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi eskluż.
46 Barra minn hekk, peress li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li ratione temporis din ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE biss.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li, fl-iskadenza ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kuntrarja fl-att ta’ konċessjoni, il-konċessjonarju għandu l-obbligu li jittrasferixxi, immedjatament, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li wettaq fuq id-dominju konċess anki fil-każ ta’ tiġdid tal-konċessjoni.
48 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni marbuta maċ-ċittadinanza, jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ggarantita fl-Artikolu 49 TFUE, għandhom jitqiesu li jirrestrinġu din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 48, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 61).
49 Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi infurzata kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fuq it-territorju nazzjonali, li ma għandhiex bħala għan li tirregola l-kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati u li l-effetti restrittivi possibbli tagħha fuq il-libertà ta’ stabbiliment huma wisq każwali u wisq indiretti biex l-obbligu li hija tiddikjara jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà, ma tmurx kontra l-projbizzjoni magħmula mill-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa Uno et, C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, EU:C:1996:242, punt 32, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia, C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 45).
50 F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li l-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni huwa infurzabbli kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fuq it-territorju Taljan. Konsegwentement, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, l-operaturi ekonomiċi kollha huma kkonfrontati bl-istess tħassib, li huwa dak li jsir magħruf jekk huwiex ekonomikament vijabbli li wieħed jikkompeti jew iressaq offerta għall-għoti ta’ konċessjoni bil-konsapevolezza li, mal-iskadenza tagħha, ix-xogħlijiet mibnija li ma jistgħux jitneħħew jiġu inkorporati fid-dominju pubbliku.
51 Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax, bħala tali, il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tal-konċessjonarji awtorizzati joperaw attività turistika u rekreattiva fuq il-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku Taljana. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss li, mal-iskadenza tal-konċessjoni u fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kontrarja fl-att ta’ konċessjoni, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija mill-konċessjonarju jiġu inkorporati immedjatament u mingħajr kumpens finanzjarju mal-proprjetà marittima fiż-żona tad-dominju pubbliku.
52 Għalkemm l-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni għaldaqstant ma għandux bħala għan li jirregola l-kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-impriżi kkonċernati, hemm ukoll lok li jiġi vverifikat li ma jipproduċix xorta waħda effetti restrittivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.
53 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni jieħu l-ħsieb li jislet il-konsegwenzi tal-prinċipji fundamentali tan-natura tad-dominju pubbliku. Fil-fatt, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 47 tal-Konklużjonijiet tagħha, l-approprjazzjoni mingħajr ħlas u mingħajr kumpens mill-persuna pubblika konċedenti tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija mill-konċessjonarju fuq id-dominju pubbliku tikkostitwixxi l-essenza nnifisha tan-natura inaljenabbli tad-dominju pubbliku.
54 Il-prinċipju ta’ inaljenabbiltà jimplika b’mod partikolari li d-dominju pubbliku jibqa’ l-proprjetà ta’ persuni pubbliċi u li l-awtorizzazzjonijiet ta’ okkupazzjoni tad-dominju huma prekarji, fis-sens li għandhom terminu determinat u huma, barra minn hekk, revokabbli.
55 Konformement ma’ dan il-prinċipju, il-qafas leġiżlattiv applikabbli, f’dan il-każ, għal konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku jiffissa, mingħajr l-inqas ekwivoku, it-terminu tal-awtorizzazzjoni ta’ okkupazzjoni li hija permessa. Għaldaqstant SIIB ma setgħetx tinjora, sa mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni, li l-awtorizzazzjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju li kienet ġiet attribwita lilha kienet prekarja u revokabbli.
56 Barra minn hekk, jidher li l-effetti restrittivi possibbli ta’ dan l-Artikolu 49(1) fuq il-libertà ta’ stabbiliment huma wisq każwali u wisq indiretti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ titqies li hija ta’ natura li tostakola din il-libertà.
57 Fil-fatt, ladarba l-imsemmi Artikolu 49(1) jipprevedi espressament il-possibbiltà li jiġi dderogat permezz ta’ kuntratt mill-prinċipju tal-inkorporazzjoni immedjata, mingħajr ebda kumpens jew rimbors, tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija mill-konċessjonarju fuq il-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku, din id-dispożizzjoni tesponi d-dimensjoni kuntrattwali u għaldaqstant kunsenswali, ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku. Għaldaqstant l-inkorporazzjoni immedjata, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, tax-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija mill-konċessjonarju fuq dan id-dominju, ma tistax tinftiehem bħala metodu ta’ trasferiment forzat ta’ dawn ix-xogħlijiet.
58 Fl-aħħar nett, il-punt dwar jekk dan huwiex każ ta’ tiġdid jew tal-ewwel għoti ta’ konċessjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li t-tiġdid ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku jirriżulta fis-suċċessjoni ta’ żewġ titoli ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u mhux fit-tkomplija jew l-estensjoni tal-ewwel titolu. Konsegwentement, tali interpretazzjoni hija ta’ natura li tiggarantixxi li l-għoti ta’ konċessjoni tkun tista’ sseħħ biss fi tmiem proċedura ta’ kompetizzjoni li tqiegħed lill-kandidati u lill-offerenti kollha fuq sitwazzjoni ta’ ugwaljanza
59 Jeħtieġ ulterjorment li jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE mogħtija fil-punti 50 sa 58 ta’ din is-sentenza ma hijiex invalidata mill-“prinċipji li jistgħu jinsiltu mis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60)” li l-qorti tar-rinviju ssemmi fid-domanda tagħha.
60 F’din il-kawża, li kienet tikkonċerna s-settur tal-logħob tal-azzard, il-konċessjonarji kienu jużaw, biex jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom, oġġetti li tagħhom kienu effettivament proprjetarji. Min-naħa l-oħra, fil-kawża preżenti u kif sostna l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-awtorizzazzjoni ta’ okkupazzjoni tal-proprjetà marittima fiż-żona ta’ dominju pubbliku li minnha kienet tibbenefika SIIB ma kinitx tagħtiha sempliċi dritt ta’ superfiċji ta’ natura tranżitorja fuq ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li hija kienet bniet fuq dan id-dominju.
61 Barra minn hekk, mill-punt 43 tas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60) jirriżulta li miżura li tordna t-trasferiment mingħajr ħlas tal-użu tal-oġġetti neċessarji għall-operat tal-logħob tal-azzard kienet taqa’ taħt il-portata tas-sanzjoni, sa fejn din kienet imposta fuq il-konċessjonarju u fejn dan ma setax jinnegozjaha. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-kwistjoni dwar jekk l-oġġetti mibnija mill-konċessjonarju fil-qasam pubbliku matul il-konċessjoni għandhomx jidħlu jagħmlu parti mill-qasam pubbliku mingħajr ħlas taqa’ taħt negozjazzjoni kuntrattwali bejn il-persuna pubblika konċedenti u l-konċessjonarju tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, huwa biss b’mod kundizzjonali (“Sakemm jiġi stabbilit mod ieħor fl-istrument tal-konċessjoni”) li, “meta l-konċessjoni tasal fi tmiemha, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew mibnija fiż-żona tad-dominju pubbliku għandhom jibqgħu f’idejn l-Istat, bla ebda kumpens jew rimbors, bla preġudizzju għad-dritt tal-awtorità tal-għoti sabiex tordna t-twaqqigħ tagħhom, bl-assi fiż-żona tad-dominju pubbliku għalhekk li jiġu rritornati fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom”.
62 Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li tipprevedi li, fl-iskadenza ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kuntrarja fl-att ta’ konċessjoni, il-konċessjonarju għandu l-obbligu li jittrasferixxi, immedjatament, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li wettaq fuq id-dominju konċess anki fil-każ ta’ tiġdid tal-konċessjoni.
Fuq l‑ispejjeż
63 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix regola nazzjonali li tipprevedi li, fl-iskadenza ta’ konċessjoni ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kuntrarja fl-att ta’ konċessjoni, il-konċessjonarju għandu l-obbligu li jittrasferixxi, immedjatament, mingħajr ħlas u mingħajr kumpens, ix-xogħlijiet li ma jistgħux jitneħħew li wettaq fuq id-dominju konċess anki fil-każ ta’ tiġdid tal-konċessjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.