This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0461
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 11 July 2024.#MK v WB.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Hannover.#Reference for a preliminary ruling – Protection of natural persons with regard to the processing of personal data – Regulation (EU) 2016/679 – Article 2(2)(c) – Scope – Exclusion – Purely personal or household activity – Article 4(7) – Controller – Former guardian who performed his or her duties in a professional capacity – Article 15 – Access of the person who has been placed under legal guardianship to data collected by that former guardian during the performance of his or her duties.#Case C-461/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
MK vs WB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hannover.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) Nru 2016/679 – Artikolu 2(2)(c) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjonijiet – Attività strettament personali jew domestika – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kontrollur – Ex kuratur li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali – Artikolu 15 – Aċċess tal-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur għad-data miġbura minn dan l-ex kuratur matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
Kawża C-461/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
MK vs WB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hannover.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) Nru 2016/679 – Artikolu 2(2)(c) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjonijiet – Attività strettament personali jew domestika – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kontrollur – Ex kuratur li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali – Artikolu 15 – Aċċess tal-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur għad-data miġbura minn dan l-ex kuratur matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
Kawża C-461/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:607
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
11 ta’ Lulju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) Nru 2016/679 – Artikolu 2(2)(c) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjonijiet – Attività strettament personali jew domestika – Punt 7 tal-Artikolu 4 – Kontrollur – Ex kuratur li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali – Artikolu 15 – Aċċess tal-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur għad-data miġbura minn dan l-ex kuratur matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu”
Fil-Kawża C‑461/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura
MK
vs
WB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher u H. Kranenborg, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MK, persuna fiżika ddomiċiljata fil-Ġermanja u mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur, u WB, l-ex kuratur tiegħu, dwar l-aċċess ta’ din il-persuna għad-data u għall-informazzjoni li tikkonċernaha miġbura minn WB waqt li kien inkarigat mill-kurazija tiegħu.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Skont il-premessa 18 tal-GDPR:
“Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali minn persuna fiżika matul attività purament personali jew fid-dar u għalhekk mingħajr ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali. L-attivitajiet personali jew fid-dar jistgħu jinkludu korrispondenza u ż-żamma ta’ indirizzi, jew netwerking soċjali u attività online imwettqa fil-kuntest ta’ tali attivitajiet. Madankollu, dan ir-Regolament japplika għal kontrolluri jew proċessuri li jipprovdu l-mezzi għall-ipproċessar tad-data personali għal tali attivitajiet personali jew fid-dar.”
4 L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi li:
“1. Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:
[…]
(c) minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;
[…]”
5 L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
(7) ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;
[…]”
6 L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jistabbilixxi li:
“1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:
[…]
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. […]
[…]”
Id‑dritt Ġermaniż
7 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1896(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fit‑2 ta’ Jannar 2002 (BGBl. 2002 I, p. 42) (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprevedi li, meta jkun impossibbli għal persuna maġġorenni li tamministra l-affarijiet tagħha kollha jew parti minnhom minħabba marda mentali jew diżabbiltà fiżika, mentali jew psikoloġika, il-qorti tal-kurazija għandha taħtrilha, fuq talba tagħha jew ex officio, kuratur.
8 Skont l-Artikolu 1897(1) tal-BGB, il-qorti tal-kurazija għandha taħtar bħala kuratur persuna fiżika kapaċi li tamministra legalment l-affarijiet tal-persuna taħt kurazija u li tassistiha personalment. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li persuna li teżerċita l-funzjonijiet ta’ kuratur fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tagħha għandha tinħatar bħala kuratur biss fl-assenza ta’ kwalunkwe persuna oħra li tkun kapaċi taqdi l-funzjonijiet ta’ kuratur fuq bażi volontarja.
9 Skont l-Artikolu 1902 tal-BGB, fil-kuntest tal-kompiti tiegħu, il-kuratur jirrappreżenta lill-persuna mqiegħda taħt kurazija f’atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10 WB, avukat Ġermaniż li jagħmel parti miċ-ċirku personali ta’ MK, inħatar minn qorti Ġermaniża sabiex jeżerċita, fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu, il-funzjonijiet ta’ kuratur ta’ MK għal ċertu żmien, sakemm jitneħħa minn dawn il-funzjonijiet u jinħatar kuratur ġdid.
11 MK jixtieq iressaq talba ġudizzjarja sabiex jikseb rendikont tal-kontijiet u l-aċċess, skont l-Artikolu 15 tal-GDPR, għad-data personali li tikkonċernah li WB ġabar matul l-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet.
12 Għal dan l-għan, MK ressaq talba għal għajnuna legali quddiem l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja), li ċaħdet din it-talba sa fejn din kienet tikkonċerna t-tressiq ta’ talba għal aċċess skont l-Artikolu 15 tal-GDPR, għar-raġuni li kuratur li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu ma jikkostitwixxix “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jirregola r-relazzjoni bejn suġġett tad-data u kontrollur. Issa, skont l-Artikolu 1902 tal-BGB, il-kuratur maħtur legalment huwa r-rappreżentant legali tas-suġġett tad-data. Konsegwentement, id-data personali dwar din il-persuna tista’ tiġi pproċessata mill-kuratur f’isem l-imsemmija persuna mingħajr ma jkun hemm “dikotomija bejn il-kuratur u s-suġġett tad-data”, skont l-espressjoni użata mill-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi.
13 MK ikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal għajnuna legali quddiem il-qorti tar-rinviju.
14 Din il-qorti għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk persuna li eżerċitat f’kapaċità professjonali l-funzjonijiet ta’ kuratur tistax tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens tal-GDPR.
15 Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(c) tal-GDPR, dan ir-regolament japplikax fil-kawża prinċipali, peress li WB jagħmel parti miċ-ċirku personali ta’ MK, mingħajr madankollu ma tagħmel formalment domanda preliminari f’dan ir-rigward.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Il-kuratur innominat legalment li jeżerċita din l-attività professjonalment, huwa kontrollur, fis-sens tal-punt (7) tal-Artikolu 4 [tal-GDPR]?
2. Huwa għandu jagħti informazzjoni konformement mal-Artikolu 15 [tal-GDPR]?”
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
17 Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex konformi mal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma tinkludix deskrizzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, peress li din il-qorti sempliċement tikkritika d-deċiżjoni tal-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), mingħajr ma tesponi l-motivi li ppermettewlha tiddubita mill-interpretazzjoni mogħtija minnha tal-GDPR.
18 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma indikati b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
19 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR mogħtija mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), li tgħid li, essenzjalment, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali u, fi kwalunkwe każ, ex kuratur ma jistax jitqies li huwa “kontrollur”, fis-sens tal-imsemmi regolament, hijiex korretta. Għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdix ir-raġunijiet li wassluha sabiex tiddubita minn din l-interpretazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija tesponi b’mod preċiż ir-raġunament segwit mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), li jippermetti li tinftiehem il-portata tad-domandi magħmula.
20 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li t-talba għal għajnuna legali mressqa minn MK hija intiża li tressaq talba bbażata fuq l-Artikolu 15 tal-GDPR, li l-applikazzjoni tagħha tippreżupponi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.
21 Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq id‑domandi preliminari
22 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li ex kuratur li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali fil-konfront ta’ persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu għandux jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ data personali fil-pussess tiegħu li tikkonċerna din il-persuna u li tali pproċessar għandu josserva d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 15 tiegħu.
23 Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat, bi tweġiba għad-dubji espressi minn din il-qorti dwar l-applikabbiltà tal-GDPR għat-tilwima mressqa quddiemha, li, skont l-Artikolu 2(2)(c) tal-imsemmi regolament, li l-portata tiegħu hija ċċarata mill-premessa 18 tiegħu, l-istess regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuna fiżika matul attività purament personali jew fid-dar u għalhekk mingħajr ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali.
24 Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR l-attività ta’ kuratur eżerċitata fuq bażi professjonali minn persuna fiżika.
25 Il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-kuratur inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntgħażel miċ-ċirku personali tal-persuna mqiegħda taħt kurazija ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni.
26 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ex kuratur li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali fil-konfront ta’ persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu għandux jiġi kklassifikat bħala “kontrollur” ta’ data personali li tikkonċerna din il-persuna, għandu jiġi rrilevat li kuratur, minħabba l-kompiti mogħtija lilu mid-dritt nazzjonali, huwa mitlub iwettaq attivitajiet differenti għall-imsemmija persuna, li fil-kuntest tagħhom huwa jiddetermina wkoll l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali tal-istess persuna, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
27 Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-fatt li, skont ir-regoli tad-dritt Ġermaniż li jirregolaw il-kurazija, il-kuratur huwa r-rappreżentant legali tal-persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu u jaġixxi f’ismu.
28 Madankollu, kif tippreċiża din il-qorti stess, f’dan il-każ, MK jitlob fi kwalunkwe każ l-aċċess għad-data personali li tikkonċernah miżmuma mhux mill-kuratur attwali tiegħu, iżda mill-ex kuratur tiegħu, WB, li issa tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, u li dan tal-aħħar għadu fil-pussess tagħha.
29 Kif tosserva l-Kummissjoni, ex kuratur huwa għalhekk terz fir-rigward ta’ persuna li tqiegħdet taħt il-kurazija tiegħu fil-passat.
30 Minn dan isegwi li ex kuratur li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali fil-konfront ta’ persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur” tad-data personali fil-pussess tiegħu li tikkonċerna din il-persuna u li, konsegwentement, huwa obbligat jipproċessa din id-data b’osservanza tal-GDPR u, b’mod partikolari, tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 15 tiegħu, kif limitati eventwalment skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Österreichische Datenschutzbehörde, C‑33/22, EU:C:2024:46, punti 54 sa 56).
31 id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li ex kuratur li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali fil-konfront ta’ persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ data personali fil-pussess tiegħu li tikkonċerna din il-persuna u li tali pproċessar għandu josserva d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 15 tiegħu.
Fuq l‑ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ex kuratur li jkun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’kapaċità professjonali fil-konfront ta’ persuna mqiegħda taħt il-kurazija tiegħu għandu jiġi kklassifikat bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ data personali fil-pussess tiegħu li tikkonċerna din il-persuna u li tali pproċessar għandu josserva d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 15 tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.