EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0402

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024 (Estratti).
UniCredit Bank AG vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (MRU) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Ċertezza legali – Protezzjoni legali effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.
Kawża T-402/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:484

 SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

17 ta’ Lulju 2024 ( *1 ) ( i )

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (MRU) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Ċertezza legali – Protezzjoni legali effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża T‑402/21,

UniCredit Bank AG, stabbilita fi München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Schäfer, H. Großerichter, F. Kruis u N. Bartmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, C. Flynn u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn G. Coppo, S. Reinart u K. Bongs, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, UniCredit Bank AG, qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

[omissis]

III. It‑talbiet tal‑partijiet

19

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha, sa fejn din tikkonċernaha;

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

20

Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata sakemm din tiġi ssostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

21

Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV. Id-dritt

[omissis]

B.   Fuq il‑motivi li jirrigwardaw il‑legalità tad‑Deċiżjoni kkontestata

[omissis]

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata hija nieqsa mill-motivazzjoni suffiċjenti meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta

80

It-tieni motiv huwa maqsum f’seba’ partijiet.

[omissis]

b) Fuq l-ewwel parti, dwar l-esklużjoni ta’ ċerti indikaturi ta’ riskju

95

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma fissirx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex huwa la kien applika, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-indikaturi ta’ riskju “proporzjon ta’ finanzjament nett stabbli” (iktar ’il quddiem l-“indikatur RFNS”) u “fondi proprji u passiv eliġibbli miżmum mill-istituzzjoni lil hinn mir-[rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ passiv eliġibbli]” (iktar ’il quddiem l-“indikatur EMEE” u l-“EMEE”), u lanqas is-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63.

96

Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

97

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li “[m]eta l-informazzjoni meħtieġa minn indikatur speċifiku kif imsemmi fl-Anness II [ta’ dan ir-regolament delegat] ma tkunx inkluża fir-rekwiżit tar-rappurtar superviżorju applikabbli msemmi fl-Artikolu 14 [tal-imsemmi regolament delegat] għas-sena ta’ riferiment, dak l-indikatur tar-riskju ma japplikax qabel [ma] dak ir-rekwiżit ta’ rappurtar superviżorju jsir applikabbli”.

98

F’dan il-każ, is-SRB indika, fil-premessi 21 sa 29 tad-Deċiżjoni kkontestata, li huwa la kien applika l-indikaturi RFNS u EMEE u lanqas is-sottoindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà” minħabba li, fil-mument li fih ittieħdet din id-deċiżjoni, l-informazzjoni meħtieġa minn dawn l-indikaturi u sottoindikaturi ta’ riskju ma kinitx disponibbli f’forma armonizzata għall-istituzzjonijiet kollha.

99

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-indikatur RFNS, is-SRB irrileva li “ebda standard vinkolanti armonizzat fil-qasam tar-RFNS ma [kien] applikat [fl-Unjoni] u għalhekk ma [kienx] f’pożizzjoni li jidentifika indikaturi fil-livell nazzjonali”. Fir-rigward tal-indikatur EMEE, is-SRB ippreċiża li, “peress li r-rekwiżiti relatati mal-EMEE [kienu] ġew implimentati b’mod gradwali, huwa ma [kellux] data li tippermettilu japplika dan l-indikatur fil-livell ta’ kull istituzzjoni li tikkontribwixxi għas-[SRF]”. Fir-rigward tas-sottoindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, is-SRB spjega li “d-data meħtieġa għal [dawn is-sottoindikaturi] ma [kinitx] disponibbli f’forma armonizzata għall-istituzzjonijiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti għas-sena ta’ riferiment 2019”.

100

Tali motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għaliex is-SRB ma applikax l-indikaturi u s-sottoindikaturi ta’ riskju kkonċernati u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq.

101

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

102

L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li s-SRB kellu jispjega fid-Deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għaliex huwa qies li għandu setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilu li la japplika l-indikaturi RFNS u EMEE, u lanqas is-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, peress li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB ma għandux setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex ma japplikax indikatur ta’ riskju, peress li, ladarba l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, huwa marbut li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali indikatur.

103

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata tinkludi ċerti “affermazzjonijiet ċirkustanzjali” dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-indikaturi u tas-sottoindikaturi ta’ riskju kkonċernati, li r-rikorrenti u l-qrati tal-Unjoni ma humiex f’pożizzjoni li jivverifikaw l-eżattezza tagħhom. Issa, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata, anki jekk jitqiesu “ċirkustanzjali”, iżommuha milli tifhem ir-raġunijiet għaliex ma ġewx applikati l-indikaturi u s-sottoindikaturi ta’ riskju kkonċernati, iktar u iktar meta, kif ġie rrilevat fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi, dwar dan il-punt, spjegazzjonijiet suffiċjenti.

104

It-tielet nett, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tallega li s-SRB ma fissirx, fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex huwa ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ riskju li kienu disponibbli fil-Ġermanja, sabiex jiġi kkalkolat il-perċentwali tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha ddeterminata fuq il-bażi nazzjonali. Madankollu, tali spjegazzjonijiet huma neċessarji, peress li, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3) u (6) ta’ dan l-istess regolament delegat, indikatur ta’ riskju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta, skont id-dritt nazzjonali, ikunu japplikaw rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali relatati ma’ dan l-indikatur.

105

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq jirriżulta li n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni.

106

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-indikatur RFNS, is-SRB spjega, fil-premessa 23 tad-Deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-punt 31 tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni, li “[huwa] ma [kienx] [...] f’pożizzjoni li jidentifika indikaturi fil-livell nazzjonali”, peress li kien qies ir-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali fir-rigward ta’ dan l-indikatur bħala inadegwati. Bl-istess mod, mill-premessa 25 ta’ din id-deċiżjoni, moqrija flimkien mal-punti 32 u 33 tal-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta, essenzjalment, li s-SRB ma kellux data miġbura fil-livell nazzjonali li, abbażi tagħha, seta’ japplika l-indikatur EMEE, minħabba l-implimentazzjoni progressiva tar-rekwiżiti relatati ma’ dan l-indikatur mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”).

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ta raġunament adegwat li jispjega li d-data meħtieġa għall-applikazzjoni tal-indikaturi RFNS u EMEE ma kinitx disponibbli fil-livell nazzjonali.

108

Sussegwentement, l-Anness III tad-Deċiżjoni kkontestata jindika, fil-punt 32 tiegħu, li d-determinazzjoni tas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” tiddependi mill-qrib mill-eżerċizzju ta’ ppjanar tar-riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet, peress li dawn is-sottoindikaturi ta’ riskju huma marbuta mat-tfassil tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.

109

Issa, bħala operatur ekonomiku prudenti, ir-rikorrenti kellha tkun f’pożizzjoni li tkun taf li l-ARN ma kinux fasslu tali pjanijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jindika s-SRB fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu mingħajr ma ġie kontradett, u li, konsegwentement, dawn il-pjanijiet ma kinux tlestew fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha bis-sede tagħhom fil-Ġermanja. B’hekk, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem li, minħabba l-assenza ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mfassla fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ġermaniżi kollha, is-SRB ma kellux data adegwata miġbura fil-livell nazzjonali għall-applikazzjoni tas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

110

Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li s-SRB kellu jispjega r-raġunijiet għaliex huwa ma kienx aġġusta f’livell paragunabbli d-data li ma kinitx inġabret b’mod uniformi fl-Unjoni kollha għandu jiġi miċħud, sa fejn huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jirriżultax li s-SRB huwa marbut jaġġusta, b’xi mod, id-data li tkun inġabret b’mod mhux uniformi.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

c) Fuq it-tieni parti, dwar il-motivazzjoni tal-livell fil-mira annwali

112

Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni mogħtija mis-SRB ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex huwa ffissa l-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.35 % tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2020. B’mod partikolari, is-SRB ma spjegax kif huwa kien eżamina l-mudell ekonomiku mfassal miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni sabiex tiġi mbassra r-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti u tat-total tad-depożiti fi ħdan l-Unjoni Bankarja matul il-perijodu inizjali. Bl-istess mod, is-SRB ma tax spjegazzjonijiet dwar l-użu tal-mudell ta’ simulazzjoni li jikkonċerna xenarji differenti ta’ żieda fid-depożiti koperti u tal-livell fil-mira finali.

113

Is-SRB isostni li, fil-premessi 35 sa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fil-punti 46 sa 84 tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni, huma deskritti b’mod ċar u preċiż il-passi li ttieħdu sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali u l-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Barra minn hekk, mill-premessa 40 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-immudellar ekonometriku tal-JRC kien ibbażat — bħall-evalwazzjoni tas-SRB — fuq data storika dwar it-total tad-depożiti u tad-depożiti koperti u jirriżulta wkoll li ġiet ikkonfermata t-tendenza ta’ żieda kontinwa fid-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha. Barra minn hekk, il-mudell ta’ simulazzjoni użat mis-SRB kien ikopri firxa tant wiesgħa li kien evidenti li dan il-mudell kien ikun biss stadju wieħed fil-proċess deċiżjonali.

114

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom, fi tmiem il-perijodu inizjali, jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

115

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom, matul il-perijodu inizjali, jitqassmu b’mod kemm jista’ jkun uniformi sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 114 iktar ’il fuq, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jistgħu jħallu fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

116

L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

117

Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena ta’ qabel, ikkalkolat kull tliet xhur, għal kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

118

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iffissa l-ammont tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 għal EUR 11 287 677 212.56.

119

Fil-premessi 36 u 37 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin ta’ qabel, ta’ kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll abbażi ta’ analiżi tal-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies li jkun xieraq li jiffissa koeffiċjent ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, bil-għan li jintlaħaq il-livell fil-mira annwali.

120

Is-SRB fisser il-mod kif wasal għall-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata.

121

Fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kontinwa ta’ żieda fid-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, kien jammonta għal EUR 6.689 triljun għas-sena 2020.

122

Fil-premessi 40 u 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin li jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ żieda fid-depożiti koperti sal-aħħar tal-perijodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

123

Fil-premessi 42 sa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett proċikliku li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Għal dan il-għan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħat-tbassir ta’ żieda fil-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u l-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dan ir-rigward jew il-fluss ta’ kreditu tas-settur privat bħala perċentwali tal-prodott domestiku gross.

124

Fil-premessa 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, filwaqt li kien raġonevoli li wieħed jistenna li tissokta ż-żieda fid-depożiti koperti fi ħdan l-Unjoni Bankarja, ir-ritmu ta’ din iż-żieda għandu jkun inqas minn dak tas-sena 2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ żieda fid-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

125

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB, fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, iffissa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement, huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, skont il-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total ta’ depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

126

Madankollu, waqt is-seduta, is-SRB indika li kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 bil-mod kif ġej.

127

L-ewwel nett, is-SRB iffissa, abbażi ta’ analiżi prospettiva, l-ammont tad-depożiti koperti ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, imbassar sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ żieda annwali fid-depożiti koperti ta’ 4 %, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal sa’ tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

128

It-tieni nett, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kkalkola 1 % ta’ dawn EUR 7.5 triljun sabiex jasal għall-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

129

It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex wasal għall-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal qabel tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun.

130

Ir-raba’ nett, is-SRB iddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien għad fadal. B’hekk, il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

131

Is-SRB afferma wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien ippubblika informazzjoni li fuqha kien ġie bbażat il-metodu deskritt fil-punti 127 sa 130 iktar ’il fuq u li, abbażi tagħha, ir-rikorrenti seta’ jifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li huwa kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara li ttieħdet id-Deċiżjoni kkontestata, iżda qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, skeda informattiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien ukoll disponibbli fuq is-sit internet tiegħu, kif ukoll fuq sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel ma ttieħdet id-Deċiżjoni kkontestata.

132

Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar jirriżultaw matul il-proċedura.

133

Għal dan il-għan, matul il-fażi orali tal-proċedura, il-partijiet instemgħu dwar kull nuqqas ta’ motivazzjoni li jista’ jivvizzja d-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, mistoqsi espressament f’dan ir-rigward, is-SRB iddeskriva, stadju wara ieħor, il-metodu li huwa kien effettivament segwa sabiex jiddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif imfisser fil-punti 127 sa 130 iktar ’il fuq.

134

Fir-rigward, imbagħad, tal-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet veri għal din id-deċiżjoni u sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 2045 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

135

Bl-istess mod, meta, matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-awtur tad-Deċiżjoni kkontestata jagħti ċerti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet imfissra f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 5455).

136

Fil-fatt, jekk il-kunsiderazzjonijiet imfissra fid-Deċiżjoni kkontestata ma jkunux konsistenti ma’ tali spjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma taqdix il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkonsistenza żżomm, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu r-raġunijiet veri għad-Deċiżjoni kkontestata qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet u żżomm ukoll, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika r-raġunijiet li jkunu servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

137

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jieħu deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

138

L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 15 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis f’dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

139

Mill-premess jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa obbligat jagħti lill-istituzzjonijiet, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu effettivament applikat.

140

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

141

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-Deċiżjoni kkontestata fissret, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Madankollu, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 127 sa 130 iktar ’il fuq, is-SRB wasal għall-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sa tmiem il-perijodu inizjali, u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma jissemmew imkien fl-imsemmija formula matematika.

142

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mid-dikjarazzjoni tas-SRB li, f’Mejju 2021, huwa ppubblika l-iskeda informattiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ kalkoli msemmija fil-punt 141 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li, barra minn hekk, il-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas biss ma semmiethom.

143

Inkonsistenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li, madankollu, jaqdi rwol importanti fil-formula matematika msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq iż-żieda mbassra fid-depożiti koperti matul is-snin li jifdal mill-perijodu inizjali. Issa, kif irrikonoxxa s-SRB matul is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie ffissat b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji mfissra fil-punti 127 sa 130 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, billi jiddividi bi tlieta l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata.

144

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda informattiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien bejn EUR 70 u EUR 75 biljun. Issa, jirriżulta li din il-firxa hija inkonsistenti mal-firxa tar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li, b’hekk, kien wasal għal-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk, jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom wasslet, madankollu, għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk l-ammonti inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għaliex is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex jasal għalihom, kien meħtieġ li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li, madankollu, ma hijiex inkluża fil-firxa relatata mar-rata ta’ żieda fid-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

145

Dan ifisser li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu effettivament applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod li r-raġunijiet veri, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-Deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

146

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

147

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, huwa, madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors.

[omissis]

4. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 6, 7 u 20 tar-Regolament Delegat 2015/63

250

Ir-rikorrenti tallega li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 6 u 7, kif ukoll l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, sa fejn is-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament, l-indikaturi RFNS u EMEE u s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”. B’mod partikolari, l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament delegat ma jagħtux lis-SRB is-setgħa diskrezzjonali li jinjora ċerti indikaturi ta’ riskju. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament delegat, moqri flimkien mal-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament delegat, lanqas ma jista’ jservi ta’ bażi għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-indikaturi ta’ riskju. L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 effettivament japplika biss għall-informazzjoni msemmija fl-Anness II tiegħu. Issa, dan l-anness la jsemmi, b’xi mod, l-indikatur EMEE u lanqas is-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

251

Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

252

Skont l-Artikolu 6(2)(a), (3)(a) u (5)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu, bħala prinċipju, jieħu inkunsiderazzjoni l-indikaturi EMEE u RFNS u s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” sabiex jiddetermina l-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

253

Madankollu, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali ġenerali”, indikatur ta’ riskju ma għandux japplika kemm‑il darba l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-indikatur ta’ riskju speċifiku, imsemmi fl-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat, ma tkunx inkluża mir-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali msemmija fl-Artikolu 14 tal-istess regolament delegat, jiġifieri r-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 680/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rapportar prudenzjali li għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 575/2013 (ĠU 2014, L 191, p. 1), jew, jekk ikun il-każ, mid-dritt nazzjonali.

254

B’hekk, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, li l-legalità tiegħu ma ġietx ikkontestata f’din il-kawża, jissuġġetta l-possibbiltà li ma jiġix applikat indikatur ta’ riskju għal żewġ kundizzjonijiet li, fl-ewwel lok, l-informazzjoni meħtieġa minn tali indikatur ma tkunx inkluża fir-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament delegat u, fit-tieni lok, li dan l-indikatur ikun imsemmi fl-Anness II tal-imsemmi regolament delegat, li huwa intitolat “Dejta li trid tiġi sottomessa lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni” u li fih ħmistax‑il kategorija ta’ data.

255

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, l-informazzjoni meħtieġa minn indikatur ta’ riskju speċifiku tkunx inkluża fir-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali, huwa s-SRB li għandu jivverifika jekk l-istituzzjonijiet kinux obbligati, konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 680/2014 jew mad-dritt nazzjonali, li, għal finijiet prudenzjali, jirrapportaw din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti għas-sena ta’ referenza inkwistjoni. Skont qari konġunt tal-Artikolu 4(1) u tal-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat 2015/63, din is-sena ta’ referenza hija dik li għaliha jirreferu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali approvati li jsiru disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ kontribuzzjoni. Dan ifisser li, f’din il-kawża, is-sena ta’ riferiment hija dik li għaliha jirreferu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali approvati li saru disponibbli fil‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem is-“sena ta’ riferiment rilevanti”). Kif jafferma s-SRB, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, din is-sena ta’ referenza tikkorrispondi għas-sena 2019.

256

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, imsemmija fil-punt 254 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tapplika, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn id-data msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat tkun tikkostitwixxi fiha nnifisha indikatur ta’ riskju.

257

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 japplika wkoll f’sitwazzjoni li fiha l-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat jirreferi għad-data li, mingħajr ma tkun tikkostitwixxi fiha nnifisha indikatur ta’ riskju, tkun determinanti għall-kalkolu ta’ tali indikaturi ta’ riskju li, min-naħa tagħhom, ma jkunux jissemmew f’dan l-anness. B’hekk, indikatur ta’ riskju jista’ ma japplikax f’sitwazzjoni fejn id-data meħtieġa għall-kalkolu tiegħu tkun tidher fl-imsemmi anness.

258

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tad‑19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 12). Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett utli tagħha (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, BLV Wohn‑ und Gewerbebau, C‑395/11, EU:C:2012:799, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259

Fir-rigward tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, din id-dispożizzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċess li bih jiġu stabbiliti r-rekwiżiti prudenzjali u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni korrispondenti huwa ta’ natura progressiva li jinfirex maż-żmien. Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat f’mument meta dawn ir-rekwiżiti kienu għadhom ma ġewx deċiżi b’mod definittiv jew kienu għadhom qegħdin jiġu aġġustati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx serjament l-affermazzjoni tas-SRB li l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw b’mod progressiv xi wħud mill-imsemmija rekwiżiti li, min-naħa tagħhom, jinfluwenzaw id-data li għandha tkun disponibbli sabiex jiġu kkalkolati l-indikaturi ta’ riskju previsti fir-Regolament Delegat 2015/63. Dan ifisser li tali data, neċessarja sabiex jiġu kkalkolati xi wħud minn dawn l-indikaturi ta’ riskju, setgħet ma tkunx disponibbli għal kull istituzzjoni kkonċernata jew, tal-inqas, għal kull istituzzjoni li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, għal minn tal-inqas parti mill-perijodu inizjali, u filwaqt li jiġi ppreċiżat li din id-data setgħet ma tiġix iddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali skont id-dritt tal-Unjoni jew, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali.

260

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jfittex li jevita li l-istituzzjonijiet jiġu mgħobbija, jekk ikun il-każ, b’piżijiet sproporzjonati jew diskriminatorji fil-waqt li jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet ex ante preċiżament minħabba din l-implimentazzjoni progressiva tar-rekwiżiti prudenzjali u tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni relatati magħhom. Fil-fatt, dan il-kalkolu jinvolvi eżerċizzju komparattiv. F’dan ir-rigward, is-SRB spjega, essenzjalment, mingħajr ma ġie kontradett, li, jekk id-data li hija indispensabbli sabiex jiġu kkalkolati xi wħud mill-indikaturi ta’ riskju ma tiġix iddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali mill-istituzzjonijiet kollha jew, tal-inqas, mill-istituzzjonijiet kollha li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru, is-SRB ikun obbligat jieħu inkunsiderazzjoni data dwar tali indikaturi li ma tkunx, madankollu, paragunabbli.

261

Tali riskju ma jeżistix biss meta d-data inkwistjoni tkun tikkostitwixxi, fiha nnifisha, indikatur ta’ riskju, iżda wkoll meta din id-data, mingħajr ma tkun tikkostitwixxi indikatur ta’ riskju fiha nnifisha, tkun, madankollu, neċessarja sabiex jiġi kkalkolat dan tal-aħħar.

262

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax biss meta d-data msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat tkun tikkostitwixxi fiha nnifisha indikatur ta’ riskju, iżda wkoll meta d-data msemmija f’dan l-anness tkun indispensabbli sabiex jiġu kkalkolati l-indikaturi ta’ riskju.

263

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk is-SRB setax jastjeni milli japplika, fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, żewġ indikaturi ta’ riskju, jiġifieri l-indikaturi RFNS u EMEE, u żewġ sottoindikaturi ta’ riskju, jiġifieri s-sottoindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, mingħajr ma jikser l-Artikoli 6 u 7, kif ukoll l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63.

264

Fir-rigward tal-indikatur RFNS, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU 2021, L 97, p. 1), moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 ta’ dan l-istess regolament ta’ implimentazzjoni, jirriżulta li kien biss mit‑28 ta’ Ġunju 2021, jiġifieri wara s-sena ta’ riferiment rilevanti, li l-istituzzjonijiet kellhom jiddikjaraw lill-awtorità kompetenti d-data speċifika għall-indikatur RFNS għal finijiet prudenzjali u fuq bażi armonizzata.

265

Barra minn hekk, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ obbligu fid-dritt nazzjonali li tiġi ddikjarata l-informazzjoni meħtieġa għall-indikatur RFNS, bħala informazzjoni prudenzjali, kinitx tobbliga lis-SRB jeħodha inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat dan l-indikatur, almenu fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fuq il-bażi nazzjonali, is-SRB spjega, fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, kif ukoll matul is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett, li, fi kwalunkwe każ, tali obbligu ma kienx jirriżulta mid-dritt tal-Istat Membru fejn kienet stabbilita r-rikorrenti, jiġifieri l-Ġermanja, għas-sena ta’ riferiment rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma juri li, għas-sena ta’ riferiment rilevanti, id-data dwar l-indikatur RFNS kienet inkluża mir-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali skont id-dritt Ġermaniż.

266

Il-fatt li r-rikorrenti ddikjarat din id-data fil-Ġermanja huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti, peress li ma ġiex stabbilit li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu saru abbażi ta’ rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali, konformement mar-Regolament Nru 680/2014 jew mad-dritt Ġermaniż.

267

Fit-tieni lok, l-indikatur RFNS jagħmel parti mid-data elenkata b’mod espliċitu fl-Anness II tar-Regolament Delegat 2015/63.

268

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-indikatur RFNS fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, ma kisirx l-Artikoli 6, 7 u 20 tar-Regolament Delegat 2015/63.

269

Fir-rigward tal-indikatur EMEE, ebda dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 680/2014 ma kienet teżiġi li l-istituzzjonijiet jipprovdu, għas-sena ta’ riferiment rilevanti, informazzjoni dwar il-passiv eliġibbli tagħhom lill-awtorità kompetenti bħala informazzjoni prudenzjali. Tali obbligu daħal fis-seħħ biss mit‑28 ta’ Ġunju 2021, kif jirriżulta mit-Titolu I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/763 tat‑23 ta’ April 2021 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju u d-divulgazzjoni pubblika tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU 2021, L 168, p. 1), moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

270

L-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59, invokat mir-rikorrenti, ma jqegħedx f’dubju din il-konstatazzjoni. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet jissodisfaw, f’kull ħin, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji u ta’ passiv eliġibbli meta dan ikun meħtieġ mill-imsemmi artikolu jew minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix l-obbligu li jiġi ddikjarat il-passiv eliġibbli bħala informazzjoni prudenzjali matul is-sena ta’ riferiment rilevanti.

271

Barra minn hekk, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ obbligu fid-dritt nazzjonali li jiġi ddikjarat il-passiv eliġibbli bħala informazzjoni prudenzjali kinitx tobbliga lis-SRB jeħodha inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-indikatur EMEE fir-rigward, tal-inqas, tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fuq il-bażi nazzjonali, is-SRB spjega, fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, kif ukoll waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li, fi kwalunkwe każ, tali obbligu ma kienx jirriżulta mid-dritt Ġermaniż għas-sena ta’ riferiment rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma juri li, skont id-dritt Ġermaniż, l-informazzjoni dwar l-indikatur EMEE kienet suġġetta għar-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali matul is-sena ta’ riferiment rilevanti.

272

Il-fatt li r-rikorrenti ddikjarat fil-Ġermanja, sa mis-sena 2017, informazzjoni dwar l-indikatur EMEE ma jippermettix li tinġieb il-prova kuntrarja, peress li, kif jirriżulta mill-punt 271 iktar ’il fuq, ma huwiex stabbilit li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, din l-informazzjoni kienet iddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali.

273

Barra minn hekk, għalkemm l-indikatur EMEE ma huwiex imsemmi bħala tali fl-Anness II tar-Regolament Delegat 2015/63, dan l-anness isemmi, madankollu, l-“obbligazzjonijiet eliġibbli” [“passiv eliġibbli”] fost id-data li għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, dan il-passiv huwa wkoll data li hija determinanti għall-kalkolu ta’ dan l-indikatur ta’ riskju. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6(2)(a) u mal-Anness I, taħt it-titolu “Stadju 1”, tar-Regolament Delegat 2015/63, l-imsemmi indikatur huwa bbażat fuq data bħal, b’mod partikolari, il-fondi proprji, il-passiv eliġibbli u l-EMEE, peress li, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan l-indikatur, is-SRB għandu jiddetermina l-eċċess tal-fondi proprji u tal-passiv eliġibbli mqabbla mal-EMEE.

274

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB seta’ jastjeni milli japplika l-indikatur EMEE mingħajr ma jikser l-Artikoli 6, 7 u 20 tar-Regolament Delegat 2015/63.

275

Fir-rigward tas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, mill-Artikolu 6(6)(a)(iv) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li, meta s-SRB jiddetermina s-sottoindikatur ta’ riskju “kumplessità”, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni sa fejn, konformement mal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/59, il-mudell ekonomiku u l-istruttura organizzattiva tal-istituzzjoni kkonċernata jkunu meqjusa kumplessi. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 6(6)(b)(ii) tal-istess regolament delegat, meta s-SRB jiddetermina s-sottoindikatur ta’ riskju “riżolvibbiltà”, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni sa fejn, konformement mal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-istess direttiva, din l-istituzzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni rapida u mingħajr impedimenti legali.

276

B’hekk, is-SRB għandu jiddetermina s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” billi jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/59, jiġifieri “Riżolvibbiltà”, li jinkludi fih l-Artikoli 15 sa 18.

277

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2014/59, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni għandha ssir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fl-istess waqt li jitfassal u jiġi aġġornat il-pjan ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva.

278

Bl-istess mod, kif spjega s-SRB waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett, sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tagħha, filwaqt li iktar ma tkun kumplessa l-istruttura ta’ tali istituzzjoni, iktar ikunu sinjifikattivi l-effetti fuq il-possibbiltà tagħha ta’ riżoluzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-riferiment tal-Artikolu 6(6)(a)(iv) tar-Regolament Delegat 2015/63 għall-Artikoli 15 sa 18 tad-Direttiva 2014/59, inkluż għalhekk għall-Artikolu 15(3) tiegħu, l-evalwazzjoni tal-kumplessità għandha ssir ukoll filwaqt li jitfassal il-pjan ta’ riżoluzzjoni.

279

Dan ifisser li t-tfassil tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni huwa kundizzjoni preliminari għad-determinazzjoni mis-SRB tas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

280

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/59, sabiex jitħejja l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha, tal-inqas, tieħu inkunsiderazzjoni il-fatturi indikati fit-Taqsima C tal-anness ta’ din id-direttiva. Fost dawn il-fatturi, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-punt 17 tat-Taqsima C ta’ dan l-anness, l-ammont tal-passiv li jista’ jintuża għal bail-in tal-istituzzjoni, kif ukoll it-tip tiegħu, liema passiv huwa ddefinit fil-punt 71 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59 fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 150, p. 296, u rettifiki fil-ĠU 2020, L 283, p. 2 u fil-ĠU L, 2024/90017).

281

Issa, kif jirriżulta minn qari konġunt tal-punt 17 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 u tal-punt 71 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, l-imsemmi passiv jikkorrispondi għall-“obbligazzjonijiet eliġibbli” fis-sens ta’ dan ir-regolament delegat.

282

Minn dan jirriżulta li l-passiv eliġibbli jikkostitwixxi data neċessarja sabiex is-SRB ikun jista’ jistabbilixxi s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

283

F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-punti 269 sa 271 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istituzzjonijiet ma kinux obbligati, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 680/2014, jiddikjaraw, għal finijiet prudenzjali, il-passiv eliġibbli lill-awtorità kompetenti għas-sena ta’ riferiment rilevanti. Min-naħa l-oħra, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ tali obbligu li jiġi ddikjarat il-passiv eliġibbli kinitx tobbliga lis-SRB jeħodha inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, fir-rigward, tal-inqas, tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fuq il-bażi nazzjonali, ebda element li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma juri li tali obbligu kien jeżisti fid-dritt Ġermaniż.

284

Konsegwentement, l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 hija ssodisfatta fir-rigward tas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

285

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, għalkemm is-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” ma jidhrux, bħala tali, fl-Anness II tar-Regolament Delegat 2015/63, il-passiv eliġibbli, li huwa data neċessarja sabiex jiġu ddeterminati dawn is-sottoindikaturi, jissemma fih b’mod espliċitu.

286

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB, billi ma ħax inkunsiderazzjoni s-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, ma kisirx l-Artikoli 6, 7 u 20 tar-Regolament Delegat 2015/63.

287

Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

288

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-SRB kellu jikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante b’mezz ieħor li ma huwiex dak li din l-informazzjoni tiġi kkomunikata permezz ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn kull istituzzjoni għal finijiet prudenzjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali obbligu ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

289

Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ma tistax, b’mod partikolari, tallega li s-SRB kien obbligat japplika l-indikatur RFNS billi juża d-data nazzjonali tal-ARN, peress li, kif jirriżulta mill-punt 265 iktar ’il fuq, ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma jistabbilixxi li l-informazzjoni relatata ma’ dan l-indikatur ta’ riskju kellha tiġi ddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali skont id-dritt Ġermaniż.

290

It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-punt 137 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), għandu jiġi miċħud, peress li la dan il-punt u lanqas din is-sentenza ma ddeċidew dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63.

291

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-approċċ tas-SRB dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa żbaljat fir-rigward tal-parti mill-kontribuzzjoni ex ante kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali, peress li huwa stabbilit li l-indikaturi RFNS u EMEE, kif ukoll is-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, kienu disponibbli għall-istituzzjonijiet Ġermaniżi. B’hekk, is-SRB kellu jeħodhom inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni ddeterminata fuq il-bażi nazzjonali. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-indikaturi u ta’ dawn is-sottoindikaturi ta’ riskju ma tistax tiġi ġġustifikata mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi, fil-kuntest tad-Direttiva 2014/59, huma biss l-istituzzjonijiet tal-istess Stat Membru li għandhom jiġu pparagunati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-informazzjoni dwar dawn l-indikaturi, disponibbli f’kull wieħed mill-Istati Membri, ma tkunx l-istess bejn kull wieħed minn dawn l-Istati, ma jmurx kontra dan il-prinċipju.

292

F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ obbligu fid-dritt nazzjonali li tiġi ddikjarata d-data relatata mal-indikaturi RFNS u EMEE u mas-sottoindikaturi ta’ riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà” kinitx tobbliga lis-SRB jeħodhom inkunsiderazzjoni fir-rigward, tal-inqas, tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante fuq il-bażi nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 265, 271 u 283 iktar ’il fuq, ma ġiex stabbilit li fil-Ġermanja kien jeżisti tali obbligu għas-sena ta’ riferiment rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li kienet teżisti bażi legali li tippermetti jew li tobbliga lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni din id-data biss fir-rigward tal-bażi nazzjonali.

293

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tqis li kien effettivament possibbli u, għaldaqstant, obbligatorju li jittieħed inkunsiderazzjoni kull indikatur u sottoindikatur ta’ riskju, peress li s-SRB kellu jiżgura li jiġi organizzat ġbir ta’ data xierqa jew li tiġi adattata a posteriori d-data pprovduta b’mod mhux uniformi sabiex jagħtiha l-livell meħtieġ ta’ uniformità. Barra minn hekk, is-SRB seta’ jikkompleta d-data nieqsa bl-għajnuna ta’ stima jew ta’ għarfien espert.

294

Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni applikabbli la teħtieġ li s-SRB jikkompleta d-data nieqsa fil-kuntest tar-rekwiżiti ta’ rrapportar prudenzjali u lanqas li jaġġusta, bi kwalunkwe mod, id-data miġbura b’mod mhux uniformi.

295

Fid-dawl tal-premess, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil UniCredit Bank AG.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil UniCredit Bank AG, huma miżmuma sakemm tidħol fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, deċiżjoni ġdida tas-SRB li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

 

3)

Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn UniCredit Bank AG.

 

4)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Lulju 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) Fid-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.

Top