EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0554

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Financijska agencija vs Hann-Invest d.o.o. et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Visoki trgovački sud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-imħallfin – Qorti stabbilita qabel mil-liġi – Smigħ xieraq – Dipartiment ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-istabbiliment ta’ imħallef tar-reġistrazzjoni, fil-qrati tat-tieni istanza, li għandu, fil-prattika, is-setgħa li jissospendi l-għotja ta’ deċiżjoni, li jagħti istruzzjonijiet għat-taħriġ ta’ deċiżjoni u li jitlob il-konvokazzjoni ta’ seduta tas-sezzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-setgħa, għas-seduti ta’ sezzjoni jew tal-imħallfin kollha ta’ qorti, li toħroġ ‘pożizzjonijiet legali’ vinkolanti, inklużi għall-kawżi li diġà ġew deliberati.
Kawżi magħquda C-554/21, C-622/21 u C-727/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:594

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-imħallfin – Qorti stabbilita qabel mil-liġi – Smigħ xieraq – Dipartiment ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-istabbiliment ta’ imħallef tar-reġistrazzjoni, fil-qrati tat-tieni istanza, li għandu, fil-prattika, is-setgħa li jissospendi l-għotja ta’ deċiżjoni, li jagħti istruzzjonijiet għat-taħriġ ta’ deċiżjoni u li jitlob il-konvokazzjoni ta’ seduta tas-sezzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-setgħa, għas-seduti ta’ sezzjoni jew tal-imħallfin kollha ta’ qorti, li toħroġ ‘pożizzjonijiet legali’ vinkolanti, inklużi għall-kawżi li diġà ġew deliberati”

Fil-Kawżi magħquda C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Awwissu 2021 (C‑554/21), tal‑21 ta’ Settembru 2021 (C‑622/21) u tal‑10 ta’ Novembru 2021 (C‑727/21), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Settembru 2021, fis‑7 ta’ Ottubru 2021 u fit‑30 ta’ Novembru 2021 rispettivament, fil-proċeduri

Financijska agencija

vs

HANN-INVEST d.o.o. (C‑554/21),

MINERAL-SEKULINE d.o.o. (C‑622/21)

UDRUGA KHL MEDVEŠČAK ZAGREB (C‑727/21)


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, C. Lycourgos, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, I. Jarukaitis (Relatur), N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Financijska agencija, minn S. Pejaković, espert,

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, M. Mataija u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet, l-ewwel tnejn bejn il-Financijska agencija (l-Aġenzija Finanzjarja, il-Kroazja) u HANN-INVEST d.o.o. (C‑554/21), u MINERAL-SEKULINE d.o.o. (C‑622/21), dwar l-irkupru tal-ispejjeż ta’ din l-aġenzija relatati mal-attivitajiet eżerċitati minnha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza ‑‑ u t-tielet dwar talba mressqa minn UDRUGA KHL MEDVEŠČAK ZAGREB li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja (C‑727/21).

 Ilkuntest ġuridiku

 Illiġi dwar ilQrati

3        L-Artikolu 14 taż-Zakon o sudovima (il-Liġi dwar il-Qrati) (Narodne novine, br. 28/13, 33/15, 82/15, 82/16, 67/18, 126/19, 130/20) jipprevedi:

“1.      Fil-Kroazja, il-ġudikatura hija eżerċitata minn qrati ordinarji, mill-qrati speċjalizzati u mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja).

[...]

3.      Il-qrati speċjalizzati huma t-Trgovački sudovi (il-Qrati tal-Kummerċ, il-Kroazja), l-Upravni sudovi (il-Qrati Amministrattivi, il-Kroazja), il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja), il-Visoki upravni sud (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja), il-Visoki prekršajni sud (il-Qorti tal-Appel għal reati minuri, il-Kroazja) u l-Visoki kazneni sud (il-Qorti Kriminali tal-Appell, il-Kroazja).

4.      L-ogħla qorti tal-Kroazja hija l-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema).

[...]”

4        Skont l-Artikolu 24 ta’ din il-liġi:

“Il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell )

tiddeċiedi dwar l-appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza mit-Trgovački sudovi (il-Qrati tal-Kummerċ),

Tieħu konjizzjoni tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni territorjali bejn it-Trgovački sudovi (il-Qrati tal-Kummerċ) u tiddeċiedi dwar id-delega ta’ ġurisdizzjoni bejn dawn il-qrati,

[...]”

5        L-Artikolu 38 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Is-seduti tas-sezzjoni huma ddedikati għall-eżami ta’ kwistjonijiet li huma ta’ interess għall-ħidma tas-sezzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-attività interna, il-kwistjonijiet ta’ liġi kontroversjali, l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza u l-kwistjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni f’kull qasam legali kif ukoll il-monitoraġġ tal-ħidma u tat-taħriġ tal-imħallfin, tal-konsulenti ġudizzjarji u tal-imħallfin li qed jitħarrġu assenjati lis-sezzjoni.

2.      Huma eżaminati wkoll, waqt is-seduti tas-sezzjonijiet tal-Županijski sud [il-Qorti tal-Kontea], tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske [il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja] u tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell għal Reati Minuri tar-Repubblika tal-Kroazja], il-kwistjonijiet ta’ interess komuni għall-qrati inferjuri fil-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati.

3.      Is-seduti tas-sezzjoni tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja] huma ddedikati għall-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni għal uħud jew il-qrati kollha fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja kif ukoll għall-eżami u għall-formazzjoni ta’ opinjoni dwar l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li jaqgħu f’qasam legali partikolari.”

6        Skont l-Artikolu 39 tal-istess liġi:

“1.      Il-president tas-sezzjoni, jew il-president tal-qorti, isejjaħ seduta tas-sezzjoni kull darba li din tkun meħtieġa u tal-inqas darba kull tliet xhur; huwa jmexxi l-ħidma tagħha. Meta l-president tal-qorti jipparteċipa fil-ħidma tas-seduta tas-sezzjoni, huwa jippresjedi s-seduta u jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali.

2.      Għandha tissejjaħ seduta tal-imħallfin kollha tal-qorti meta s-sezzjoni tal-qorti jew kwart tal-imħallfin kollha tagħha jitolbu dan.

3.      Waqt is-seduti tal-imħallfin tal-qorti jew tas-sezzjoni, id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti tal-imħallfin, jew tal-imħallfin tas-sezzjoni.

4.      Għandu jiġi redatt proċess verbali tal-ħidma tas-seduta.

5.      Il-president tal-qorti, jew tas-sezzjoni, jista’ wkoll jistieden xjentisti eminenti u esperti f’qasam legali partikolari sabiex jipparteċipaw fis-seduta tal-imħallfin kollha jew tas-sezzjoni.”

7        L-Artikolu 40 tal-Liġi dwar il-Qrati jipprovdi:

“1.      Seduta ta’ sezzjoni jew ta’ mħallfin tissejjaħ meta jiġi kkonstatat li jeżistu interpretazzjonijiet differenti bejn sezzjonijiet, awli jew imħallfin dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi jew meta awla jew imħallef ta’ sezzjoni jinjora l-pożizzjoni legali adottata preċedentement.

2.      Il-pożizzjonijiet legali adottati waqt seduta tal-Imħallfin kollha jew tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske [il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske [il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja], tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske [il-Qorti tal-Appell għar-Reati ż-Żgħar tar-Repubblika tal-Kroazja] u waqt seduta tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Županijski sud [il-Qorti tal-Kontea] jorbtu fit-tieni istanza lill-awli jew lill-imħallfin kollha li jiddeċiedu f’kompożizzjoni ta’ Mħallef uniku fi ħdan tali sezzjoni jew qorti.

3.      Il-president ta’ sezzjoni jista’, jekk ikun il-każ, jistieden professuri tal-fakultà tal-liġi, xjentisti eminenti jew esperti f’qasam partikolari tal-liġi sabiex jipparteċipaw fis-seduta tas-sezzjoni. ”

 IrRegoli talProċedura talQrati

8        L-Artikolu 177(3) tas-Sudski poslovnik (ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati (Narodne novine, Nri. 37/14, 49/14, 8/15, 35/15,123/15, 45/16, 29/17, 33/17, 34/17, 57/17, 101/18, 119/18, 81/19, 128/19, 39/20, 47/20, 138/20, 147/20, 70/21, 99/21 u 145/21) jipprevedi:

“Quddiem qorti tat-tieni istanza, kawża hija kkunsidrata magħluqa fid-data meta tintbagħat id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-imħallef, wara li tirritorna l-kawża mid-dipartiment tal-monitoraġġ u tar-Reġistru. Sa mid-data minn meta jirċievi l-proċess, id-dipartiment tal-monitoraġġ u tar-Reġistru għandu jibagħtu lura lill-uffiċċju tal-imħallef fl-iqsar żmien possibbli. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tintbagħat f’terminu ġdid ta’ tmint’ijiem.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

9        Il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell), li hija l-qorti tar-rinviju, hija adita bi tliet appelli. Fil-kawżi C‑554/21 u C‑622/21, l-appelli jirrigwardaw digrieti li ċaħdu t-talbiet tal-Aġenzija Finanzjarja għar-rimbors ta’ spejjeż relatati mal-attivitajiet eżerċitati minnha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Fil-kawża C‑727/21, l-appell jirrigwarda digriet li jiċħad it-talba li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja.

10      Il-Qorti tar-rinviju, sedenti f’kulleġġi ġudikanti bi tliet Imħallfin, eżaminat dawn it-tliet appelli u ċaħdithom b’unanimità, u b’hekk ikkonfermat id-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza. L-imħallfin ta’ din il-qorti ffirmaw is-sentenzi tagħhom u ttrażmettewhom sussegwentement lid-dipartiment tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħha, konformement mal-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati.

11      Madankollu, l-imħallef tad-dipartiment tar-reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“imħallef tar-reġistrazzjoni”) irrifjuta li jirreġistra dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u bagħathom lill-kulleġġi ġudikanti rispettivi, flimkien ma’ ittra li tindika li huwa ma kienx jaqbel mas-soluzzjonijiet adottati f’dawn id-deċiżjonijiet.

12      Fil-kawża C‑554/21, din l-ittra tirreferi għal kawżi li fihom, f’ċirkustanzi simili, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet b’mod differenti, iżda wkoll kawża oħra li fiha din iddeċidiet bl-istess mod bħall-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda fil-kawża prinċipali. L-imħallef tar-reġistrazzjoni wasal għall-konklużjoni li l-kawża prinċipali kellha tintbagħat lura quddiem l-awla kkonċernata u li, jekk din tal-aħħar kienet iżżomm id-deċiżjoni tagħha, din il-kawża prinċipali kellha tiġi eżaminata waqt “laqgħa tas-sezzjoni” ikkonċernata. B’dan il-mod, l-imħallef tar-reġistrazzjoni ssuġġetta r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja fl-imsemmija kawża prinċipali għall-adozzjoni ta’ soluzzjoni differenti, u b’hekk ipprefera waħda miż-żewġ tendenzi diverġenti osservati fil-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, billi ppreċiża li, fin-nuqqas ta’ din l-awla li teżamina mill-ġdid il-kawża kkonċernata u li tbiddel is-soluzzjoni adottata, hija tidher li tittrażmetti din id-deċiżjoni ġudizzjarja sabiex teżamina t-taqsima tal-kontenzjuż kummerċjali u tilwim ieħor tal-imsemmija qorti għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ “pożizzjoni legali” dwar il-mod kif jiġu deċiżi l-kawżi ta’ dan it-tip.

13      Fil-kawża C‑622/21, l-ittra tal-imħallef ta’ reġistrazzjoni tiġġustifika r-rinviju tal-kawża prinċipali quddiem l-awla kkonċernata mill-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju li jadottaw soluzzjonijiet kuntrarji għal dik adottata f’din il-kawża prinċipali. Din il-qorti tindika madankollu li dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fl-imsemmija kawża prinċipali. Fir-realtà, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni ġiet imblukkata u din ma ntbagħtitx sakemm dawn id-deċiżjonijiet ulterjuri, li jirriflettu perspettiva ġuridika differenti, ma kinux intbagħtu.

14      Fil-kawża C‑727/21, mill-ittra tal-imħallef tar-reġistrazzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar ma jaqbilx mal-interpretazzjoni ġuridika adottata mill-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda fil-kawża prinċipali. Madankollu, din l-ittra ma tidhirx li ssemmi deċiżjoni oħra li għandha sens differenti minn dik adottata minn dan il-kulleġġ ġudikanti.

15      F’din il-kawża prinċipali, wara r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-ewwel deċiżjoni ġudizzjarja tiegħu, l-imsemmi kulleġġ ġudikanti ltaqa’ għal deliberazzjonijiet ġodda, li matulhom huwa eżamina mill-ġdid l-appell u l-opinjoni tal-imħallef tar-reġistrazzjoni qabel ma ddeċieda li ma jibdilx is-soluzzjoni li huwa kien adotta preċedentement. Għaldaqstant, huwa ta deċiżjoni ġudizzjarja ġdida u bagħatha lid-Dipartiment tar-reġistrazzjoni.

16      Filwaqt li pprefera soluzzjoni legali differenti, l-imħallef tar-reġistrazzjoni ttrasferixxa l-imsemmija kawża prinċipali lis-sezzjoni tal-kontenzjuż kummerċjali u tilwimiet oħra tal-qorti tar-rinviju sabiex il-kwistjoni ġuridika kkontestata tiġi eżaminata waqt laqgħa ta’ din is-sezzjoni.

17      Waqt is-seduta tagħha, din is-sezzjoni adottat “pożizzjoni legali”, li fiha hija sostniet is-soluzzjoni ppreferuta mill-Imħallef tar-reġistrazzjoni. Sussegwentement, l-istess kawża prinċipali ntbagħtet lura quddiem il-kulleġġ ġudikanti kkonċernat sabiex dan jiddeċiedi konformement ma’ din il- “pożizzjoni legali”.

18      Fit-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont l-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati, ix-xogħol ġudizzjarju, f’kawża deċiża fit-tieni istanza, jitqies li ntemm biss meta d-deċiżjoni ġudizzjarja kkonċernata tkun ġiet irreġistrata mid-Dipartiment tar-reġistrazzjoni. Ikun biss wara tali reġistrazzjoni u l-ispedizzjoni sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni lill-partijiet li l-kawża titqies li hija magħluqa. Għalhekk, skont l-ispjegazzjonijiet tal-imħallef tar-rinviju, minkejja li din id-deċiżjoni ġudizzjarja ġiet adottata b’mod kolleġjali minn kulleġġ ġudikanti, din titqies li hija ffinalizzata biss meta tiġi kkonfermata mill-imħallef tar-reġistrazzjoni, li huwa maħtur mill-President tal-qorti kkonċernata, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li teżerċita uffiċċju fi ħdan l-amministrazzjoni ġudizzjarja, fil-kuntest tal-programm annwali ta’ assenjazzjoni tal-imħallfin. Din il-qorti tippreċiża wkoll li l-intervent u l-isem tal-imħallef tar-reġistrazzjoni ma humiex magħrufa mill-partijiet u li, minkejja li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni ma hijiex prevista mil-liġi bħala kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tali konsegwenza tirriżulta mill-prassi tal-qrati tat-tieni istanza, skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati.

19      Il-Qorti tar-rinviju tqis li mħallef bħall-imħallef tar-reġistrazzjoni, li ma huwiex magħruf mill-partijiet, li r-rwol tiegħu ma huwiex previst mir-regoli proċedurali applikabbli għall-appelli u li, mingħajr ma jkun imħallef ta’ grad superjuri, jista’ jħeġġeġ lill-kulleġġ ġudikanti responsabbli mill-kawża jemenda d-deċiżjoni tagħha, jista’ jkollu effett notevoli fuq l-indipendenza tal-imħallfin.

20      Fil-kawża C‑554/21, il-qorti tar-rinviju żżid li, minkejja bidla fil-ġurisprudenza li seħħet f’deċiżjoni preċedenti meħuda minn wieħed mill-kulleġġi ġudikanti tiegħu dwar l-istess kwistjoni legali, l-imħallef tar-reġistrazzjoni ma kienx aġixxa, fl-okkażjoni ta’ din il-bidla, bl-istess mod bħal fil-kawża prinċipali u kien approva u rreġistra d-deċiżjoni li wettqet l-imsemmija bidla u għalhekk ippermettiet l-ispedizzjoni ta’ din id-deċiżjoni lill-partijiet, fatt li, skont din il-qorti, juri l-eżerċizzju ta’ influwenza sostanzjali tal-imħallef tar-reġistrazzjoni fuq l-indipendenza tal-imħallfin li jifformaw il-kulleġġ ġudikanti kompetenti.

21      Fil-kawża C‑622/21, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din l-influwenza hija kkonfermata mill-fatt li l-imħallef tar-reġistrazzjoni ddeċieda, mingħajr ma ssottometta d-domanda għal-laqgħa tas-sezzjoni kkonċernata, li jaċċetta r-reġistrazzjoni u n-notifika ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li kienu ġew adottati minn awli oħra wara dik adottata fil-kawża prinċipali, filwaqt li ddeċieda li jdewwem ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja f’din il-kawża prinċipali u li jibgħatha lura lill-awla kkonċernata, unikament għaliex ma kienx jaqbel mas-soluzzjoni adottata f’din l-aħħar deċiżjoni.

22      Il-Qorti tar-rinviju tindika, f’dawn iż-żewġ kawżi, li l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kienet iġġustifikata, sa issa, min-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tal-ġurisprudenza. Madankollu, il-mod li bih id-Dipartiment tar-reġistrazzjoni jipproċedi wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni ġudizzjarja jmur kontra, fil-fehma ta’ din il-qorti, l-indipendenza ġudizzjarja. Kif jixhdu ċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, id-dipartiment tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jagħżel id-deċiżjonijiet li jintbagħtu minn qorti tat-tieni istanza u jiddeċiedi l-każijiet li fihom għandha jew ma tirrendix pubblika deċiżjoni li tiddevja mill-ġurisprudenza.

23      Fil-kawża C‑727/21, il-qorti tar-rinviju tindika wkoll, fir-rigward tal-laqgħat tas-sezzjoni, li dawn ma humiex previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati u li huma biss l-imħallfin tar-reġistrazzjoni u l-presidenti tas-sezzjoni jew il-presidenti tal-qorti li jiddeċiedu liema punti għandhom jitniżżlu fl-aġenda ta’ tali laqgħa. Il-partijiet fi proċedura jidher li ma jafux bir-rwol ta’ din is-seduta u ma jistgħux jipparteċipaw fiha. Issa, skont l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-Qrati, il-“pożizzjonijiet legali” adottati waqt laqgħa tas-sezzjoni ta’ qorti superjuri jidhru li jkunu imposti fuq l-imħallfin jew l-awli kollha ta’ din is-sezzjoni fil-proċeduri partikolari li huma jittrattaw. Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li dan ir-rwol kważi leġiżlattiv tas-sezzjonijiet tal-qorti jmur kontra s-separazzjoni tripartitika tas-setgħat u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Hija tippreċiża, madankollu, li l-“pożizzjonijiet legali” adottati waqt il-laqgħa tal-imħallfin tal-qrati tat-tieni istanza ma jkunux imposti fuq il-qrati ta’ grad superjuri u li, f’diversi każijiet, il-qrati supremi, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors ippreżentat quddiemhom, adottaw “pożizzjonijiet legali” differenti minn dawk adottati mill-qrati tat-tieni istanza.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, li hija fformulata f’termini identiċi fil-Kawżi C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21:

“Jista’ jiġi kkunsidrat li r-regola stabbilita fit-tieni parti tal-ewwel sentenza u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 177(3) tas-Sudski poslovnik (ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati), li tipprevedi li “[q]uddiem qorti tat-tieni istanza, kawża hija kkunsidrata magħluqa fid-data meta tintbagħat id-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-imħallef, wara li tirritorna l-kawża mid-dipartiment tar-Reġistru. Sa mid-data minn meta jirċievi l-proċess, id-dipartiment tar-Reġistru għandu jibagħtu lura lill-uffiċċju tal-imħallef fl-iqsar żmien possibbli. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tintbagħat f’terminu ġdid ta’ tmint’ijiem”, hija konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta]?”

25      Barra minn hekk, fil-Kawża C‑727/21, il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 40(2) taż-Zakon o sudovima (il-Liġi dwar il-Qrati), li jipprevedi li: ‘[i]l-pożizzjonijiet legali adottati waqt seduta tal-Imħallfin kollha jew tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki kazneni sud Republike Hrvatske (il-Qorti tal-Appell Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja), tal-Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske (il-Qorti tal-Appell għar-Reati ż-Żgħar tar-Repubblika tal-Kroazja) u waqt seduta tal-Imħallfin ta’ waħda mis-sezzjonijiet tal-qorti reġjonali [tal-Kontea] jorbtu fit-tieni istanza lill-awli jew lill-imħallfin kollha li jiddeċiedu f’kompożizzjoni ta’ Mħallef uniku fi ħdan tali sezzjoni jew qorti’ huwa konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta]?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Novembru u tal‑15 ta’ Novembru 2021, il-Kawżi C‑554/21 u C‑622/21 ġew sospiżi sad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑361/21, PET-PROM.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Frar 2022, il-Kawża C‑727/21 ġiet sospiża sakemm tasal ir-risposta tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑361/21, PET-PROM, fir-rigward tal-istat tal-proċedura fil-kawża prinċipali f’din l-aħħar kawża, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-Kawża C‑727/21.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Marzu 2022, il-proċedura kompliet fil-Kawżi C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, fid-dawl tal-fatt li l-eżistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali li wasslet għall-Kawża C‑361/21 kienet tqajjem dubji. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess jum, il-Kawżi C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan id-dawl, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni din li tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx indikazzjoni li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tiġi implimentata fil-livell nazzjonali.

33      Għaldaqstant, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 47 tal-Karta bħala tali.

34      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv f’dawn l-oqsma (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement minn jekk l-Istati Membri humiex qegħdin jimplimentaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li tista’, fil-fatt, tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan id-dritt, taħt is-sistema Kroata tar-rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’dawn il-kawżi.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal deċiżjoni preliminari

39      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE jikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li biha tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn ikunu neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li huma msejħa li jiddeċiedu dwarhom. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qorti tar-rinviju “tkun tista’ tagħti s-sentenza” fil-kawża li tkun adita biha (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesponi li t-tliet kulleġġi ġudikanti responsabbli mill-kawżi prinċipali huma kkonfrontati, fil-Kawżi C‑554/21 u C‑622/21, bl-istruzzjonijiet tal-imħallef tar-reġistrazzjoni u, fil-Kawża C‑727/21, bl-obbligu li tiddeċiedi konformement ma’ “pożizzjoni legali” tal-laqgħa tas-sezzjoni tal-kontenzjuż kummerċjali u tilwimiet oħra ta’ din il-qorti. Hija tindika li dawn l-istruzzjonijiet u din il-“pożizzjoni legali” jirrigwardaw il-kontenut tad-deċiżjonijiet diġà meħuda minn dawn it-tliet kulleġġi ġudikanti u li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-għeluq definittiv tal-kawżi prinċipali kif ukoll ir-reġistrazzjoni u n-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet lill-partijiet. Issa, permezz tad-domandi preliminari tagħha, hija tixtieq tkun taf preċiżament jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi “interventi”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-attività ġudizzjarja ta’ kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, minn persuni oħra li jeżerċitaw ex officio fi ħdan din il-qorti. Konsegwentement, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi preliminari tkun neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħlaq b’mod definittiv it-tliet kawżi prinċipali.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

43      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt nazzjonali jipprevedi mekkaniżmu intern għal qorti nazzjonali li skontu, minn naħa, deċiżjoni ġudizzjarja tista’ tintbagħat lill-partijiet għall-finijiet tal-għeluq tal-kawża kkonċernata biss jekk imħallef tar-reġistrazzjoni, li ma jkunx jagħmel parti mill-kulleġġ ġudikanti li jkun adotta din id-deċiżjoni, japprova l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, laqgħa tas-sezzjoni ta’ din il-qorti nazzjonali jkollha l-kompetenza li tadotta “pożizzjonijiet legali” imposti fuq l-awli jew l-imħallfin kollha tal-imsemmija qorti.

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-Istati, dawn xorta huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, IlKummissjoni vs IlPolonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li għalih jikkorrispondi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19 C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 219 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’dawn il-kawżi tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, għandu jitfakkar li kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għaldaqstant, kull miżura jew prattika nazzjonali intiża sabiex jiġu evitati diverġenzi fil-ġurisprudenza jew sabiex tirrimedja għalihom u sabiex b’hekk tiġi żgurata ċ-ċertezza legali inerenti għall-prinċipju tal-Istat tad-dritt għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew suġġetta għal xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121).

51      It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aħħar aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u n-nuqqas ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima apparti l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 122).

52      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123).

53      F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-imħallfin ikunu ħielsa minn indħil jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u għalhekk tiġi eskluża assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema Dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għalkemm l-aspett “estern” tal-indipendenza huwa intiż essenzjalment sabiex jippreżerva l-indipendenza tal-qrati fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, dan l-aspett għandu madankollu jinftiehem bħala li jkopri wkoll il-protezzjoni tal-imħallfin minn influwenzi indebiti li jirriżultaw mill-intern tal-qorti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Diċembru 2009, Parlov-Tkalčić vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2009:1222JUD002481006, punt 86).

55      Fit-tieni lok, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga ta’ mħallef), C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi wkoll l-eżistenza ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”. Din l-espressjoni, li tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt, tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti kkonċernata, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti sedenti f’kull kawża. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs IlKunsill u HG vs IlKummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 73). Dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, li l-kulleġġ ġudikanti responsabbli mill-kawża għandu jieħu biss id-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

56      L-espressjoni “stabbilita minn qabel mil-liġi” għandha l-għan b’mod partikolari li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi. Barra minn hekk, fil-pajjiżi tad-dritt ikkodifikat, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja lanqas ma tista’ titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, li madankollu ma jeskludix li tingħatalhom ċerta setgħa ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      “Qorti stabbilita bil-liġi” hija kkaratterizzata mir-rwol ġudizzjarju tagħha, jiġifieri li tiddeċiedi, abbażi ta’ regoli tad-dritt u wara proċedura organizzata, kull kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Għaldaqstant, minbarra l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tagħha, hija għandha tissodisfa wkoll kundizzjonijiet oħra, b’mod partikolari, dik dwar l-eżistenza ta’ garanziji offruti mill-proċedura segwita quddiemha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 99).

58      Fost dawn il-garanziji hemm, fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti integrali mid-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 59; tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61; tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 92, kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 46). Dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, li l-partijiet għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2009, IlKummissjoni vs LIrlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 41).

59      Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 47 sa 58 ta’ din is-sentenza jeżiġu għalhekk, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ regoli trasparenti u magħrufa mill-partijiet fil-kawża dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti, li jkunu ta’ natura li jeskludu kull indħil indebitu, fil-proċess deċiżjonali relatat ma’ kawża partikolari, ta’ persuni li huma esterni għall-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn din il-kawża u li quddiemhom il-partijiet ma setgħux isostnu l-argumenti tagħhom.

60      Għalkemm, ċertament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-prinċipji kollha li għadhom kif tfakkru, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dak li jirrigwarda l-intervent tal-imħallef tar-reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati ma jipprevedix li din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bi kwalunkwe mod u sabiex tipprekludi li din tingħata formalment u tiġi nnotifikata lill-partijiet jekk ma taqbilx mal-kontenut tagħha.

62      Minn dawn il-proċessi jirriżulta wkoll li tali ġurisdizzjoni lanqas ma hija prevista fil-Liġi dwar il-Qrati, b’mod partikolari fl-Artikolu 40(2) tagħha, li jikkonċerna n-natura vinkolanti tal-“pożizzjonijiet legali” tal-laqgħat tas-sezzjoni.

63      Madankollu, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u kif juru ċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tliet kawżi prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, fil-prattika, li jiġu applikati b’tali mod li r-rwol tal-imħallef tar-reġistrazzjoni jeċċedi l-funzjoni ta’ reġistrazzjoni.

64      Fil-fatt, għalkemm dan l-imħallef ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti responsabbli mill-kawża kkonċernata bl-evalwazzjoni tiegħu, huwa tista’, fil-fatt, jimblokka r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja adottata u, għalhekk, jostakola l-konklużjoni tal-proċess deċiżjonali u n-notifika ta’ din id-deċiżjoni lill-partijiet, billi jibgħat lura l-kawża lil dan il-kulleġġ ġudikanti għal eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjoni fid-dawl tal-osservazzjonijiet legali tiegħu stess u, fil-każ ta’ persistenza ta’ nuqqas ta’ qbil mal-imsemmi kulleġġ ġudikanti, billi jistieden lill-President tas-sezzjoni kkonċernata jsejjaħ laqgħa tas-sezzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ “pożizzjoni legali” imposta, b’mod partikolari, għal dan l-istess kulleġġ ġudikanti.

65      Tali prattika għandha l-effett li tippermetti l-indħil tal-imħallef tar-reġistrazzjoni fil-kawża inkwistjoni, peress li dan l-indħil jista’ jwassal sabiex dan l-imħallef jinfluwenza s-soluzzjoni definittiva li ser tiġi adottata f’din il-kawża.

66      Issa, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tipprevedi intervent ta’ din in-natura mill-imħallef tar-reġistrazzjoni.

67      It-tieni nett, dan l-intervent iseħħ wara li l-kulleġġ ġudikanti li lilu ġiet assenjata l-kawża kkonċernata jkun adotta, fi tmiem id-deliberazzjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħu, minkejja li dan l-imħallef ma huwiex f’dan il-kulleġġ ġudikanti u għalhekk ma pparteċipax fl-istadji preċedenti tal-proċedura li wasslet għal dan it-teħid ta’ deċiżjoni. L-imsemmija mħallef jista’ għalhekk jeżerċita l-influwenza tiegħu fuq il-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija minn kulleġġi ġudikanti li tagħhom huwa ma jkunx jifforma parti.

68      It-tielet nett, is-setgħa ta’ intervent tal-imħallef tar-reġistrazzjoni lanqas biss tidher li hija limitata minn kriterji oġġettivi ddikjarati b’mod ċar, li jirriflettu ġustifikazzjoni partikolari u xierqa sabiex jiġi evitat l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, fit-tilwima fil-kawża prinċipali li tat lok għall-Kawża C‑554/21, il-qorti tar-reġistrazzjoni kkonstatat li d-deċiżjoni ġudizzjarja mressqa quddiemha kienet koerenti ma’ deċiżjoni preċedenti oħra, iżda mhux ma’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti oħra, u ffavorixxiet waħda miż-żewġ soluzzjonijiet legali diverġenti. Fit-tilwima fil-kawża prinċipali li tat lok għall-Kawża C‑622/21, l-imħallef tar-reġistrazzjoni ġġustifika r-rinviju tal-kawża quddiem il-kulleġġ ġudikanti kkonċernat mill-eżistenza ta’ deċiżjonijiet li, wara d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, ipprefera perspettiva kuntrarja. Fit-tilwima fil-kawża prinċipali li tat lok għall-Kawża C‑727/21, huwa minħabba li ma kienx jaqbel mal-perspettiva legali espressa fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-imħallef ta’ reġistrazzjoni, mingħajr ma semma xi deċiżjoni preċedenti, bagħat lura l-kawża lill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat li madankollu kien irrefera, fid-deċiżjoni tiegħu stess, għal deċiżjoni preċedenti li adottat soluzzjoni simili.

69      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, prassi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha d-deċiżjoni ġudizzjarja adottata mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli mill-kawża tista’ titqies li hija definittiva u mibgħuta lill-partijiet biss jekk il-kontenut tagħha jkun ġie approvat minn imħallef tar-reġistrazzjoni li ma jagħmilx parti minn dan il-kulleġġ ġudikanti ma hijiex konċiljabbli mar-rekwiżiti inerenti għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

70      F’dak li jirrigwarda l-intervent ta’ laqgħa ta’ sezzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 40(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati jirriżulta li laqgħa ta’ sezzjoni jew ta’ mħallfin ta’ qorti tista’ tissejjaħ meta jkunu jeżistu, b’mod partikolari, differenzi ta’ interpretazzjoni bejn sezzjonijiet, awli jew imħallfin ta’ din il-qorti dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi u li, sussegwentement, din il-laqgħa tifformula “pożizzjoni legali” li torbot lill-awli jew lill-imħallfin kollha ta’ din is-sezzjoni jew tal-imsemmija qorti.

71      Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li tali laqgħa tas-sezzjoni tista’ tissejjaħ minn president ta’ sezzjoni fuq talba tal-imħallef tar-reġistrazzjoni meta dan tal-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun intbagħtitlu mill-kulleġġ ġudikanti inkarigat mill-kawża kkonċernata, tal-inqas meta dan il-kulleġġ ġudikanti jkollu l-intenzjoni li jżomm id-deċiżjoni tiegħu wara li jkun wettaq eżami mill-ġdid tagħha kif mitlub minn dan l-imħallef.

72      Skont dawn l-ispjegazzjonijiet, l-imħallfin kollha tas-sezzjoni kkonċernata jistgħu jipparteċipaw f’din il-laqgħa, inklużi l-imħallfin li jisimgħu fil-kawża kkonċernata u l-imħallef tar-reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, kif jirriżulta mill-proċess dwar il-Kawża C‑727/21, l-Imħallef jew l-imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti kkonċernat jidher li pparteċipaw fil-laqgħa tas-sezzjoni inkwistjoni, il-maġġoranza tal-Imħallfin li pparteċipaw f’din il-laqgħa tas-sezzjoni jkunu mħallfin membri oħra tal-qorti kkonċernata, iżda li ma jaqgħux taħt dan il-kulleġġ ġudikanti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(3) tal-Liġi dwar il-Qrati, “professuri tal-fakultà tad-dritt, xjenzati eminenti jew esperti f’qasam partikolari tad-dritt”, li huma personalitajiet esterni għall-qorti kkonċernata, jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jipparteċipaw f’tali laqgħa tas-sezzjoni u għalhekk fi proċess ġudizzjarju.

73      Mill-imsemmija spjegazzjonijiet jirriżulta wkoll li ma huwiex il-kompitu ta’ laqgħa ta’ sezzjoni li tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża li wasslet għat-tressiq tagħha jew li tipproponi soluzzjoni konkreta f’din il-kawża. Madankollu, anki jekk “pożizzjoni legali” ta’ din il-laqgħa tas-sezzjoni hija fformulata b’mod ftit jew wisq astratt u torbot lill-imħallfin kollha, l-imsemmija laqgħa, sabiex tesprimi din il-pożizzjoni legali, tinterpreta d-dritt fid-dawl ta’ każijiet konkreti.

74      Skont l-Artikolu 40(2) tal-Liġi dwar il-Qrati, l-osservanza ta’ “pożizzjoni legali” ta’ laqgħa ta’ sezzjoni tapplika b’mod partikolari għall-kulleġġ ġudikanti li jkun adotta d-deċiżjoni ġudizzjarja fil-kawża li wasslet sabiex jiġi adit jekk din id-deċiżjoni tkun għadha ma ġietx irreġistrata u lanqas mibgħuta. Fil-fatt, l-imħallef tar-reġistrazzjoni, li, fil-prattika, għandu l-missjoni li jiżgura l-osservanza tal- “pożizzjonijiet legali” adottati mil-laqgħa tas-sezzjoni kkonċernata, jista’ għalhekk jirrifjuta r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja “ġdida” adottata minn dan il-kulleġġ ġudikanti jekk dan jitbiegħed minn din il-“pożizzjoni legali”.

75      L-intervent tal-laqgħa tas-sezzjoni jippermetti, fil-fatt, l-indħil, fis-soluzzjoni definittiva ta’ kawża deliberata u deċiża minn qabel mill-kulleġġ ġudikanti kompetenti, iżda li tkun għadha ma ġietx irreġistrata u mibgħuta, ta’ grupp ta’ mħallfin li jipparteċipaw f’din il-laqgħa tas-sezzjoni.

76      Fil-fatt, il-perspettiva, għal dan il-kulleġġ ġudikanti, li jara, fil-każ ta’ żamma min-naħa tiegħu minn perspettiva legali opposta għal dik tal-imħallef tar-reġistrazzjoni, id-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha suġġetta għall-istħarriġ ta’ laqgħa ta’ sezzjoni, kif ukoll l-obbligu, għall-imsemmi kulleġġ ġudikanti, li josserva, wara deliberazzjonijiet li madankollu ntemmu, il-“pożizzjoni legali” li kienet ġiet iddefinita minn din il-laqgħa tas-sezzjoni, hija ta’ natura li tinfluwenza l-kontenut finali ta’ din id-deċiżjoni.

77      Issa, l-ewwel nett, ma jidhirx li s-setgħa ta’ intervent tal-laqgħa tas-sezzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suffiċjentement irregolata minn kriterji oġġettivi u applikati bħala tali. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar il-Qrati jipprevedi t-tlaqqigħ ta’ laqgħa tas-sezzjoni “meta jiġi kkonstatat li jeżistu differenzi ta’ interpretazzjoni bejn sezzjonijiet, awli jew imħallfin dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi jew meta awla jew imħallef ta’ sezzjoni jiddevja mill-pożizzjoni legali adottata preċedentement”, mid-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑727/21 jirriżulta li l-laqgħa tas-sezzjoni kkonċernata ssejħet sempliċement għar-raġuni li l-imħallef tar-reġistrazzjoni ma kienx jaqbel mal-perspettiva legali tal-kulleġġ ġudikanti kompetenti, anki mingħajr ma ssemmiet kwalunkwe deċiżjoni li turi diverġenza minn din il-perspettiva meta mqabbla ma’ deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti.

78      It-tieni nett, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑727/21 jidher li jirriżulta li, bħall-intervent tal-imħallef tar-reġistrazzjoni, il-konvokazzjoni ta’ laqgħa tas-sezzjoni u l-ħruġ minnha ta’ “pożizzjoni legali” vinkolanti, b’mod partikolari, għall-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn din il-kawża, ma jinġabrux għall-attenzjoni tal-partijiet fi kwalunkwe mument. Għalhekk, dawn il-partijiet ma jidhrux li għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom quddiem tali laqgħa tas-sezzjoni.

79      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil laqgħa ta’ sezzjoni ta’ qorti nazzjonali li tobbliga, permezz tal-ħruġ ta’ “pożizzjoni legali”, lill-kulleġġ ġudikanti responsabbli mill-kawża jbiddel il-kontenut tad-deċiżjoni ġudizzjarja li dan ikun adotta minn qabel, meta din il-laqgħa tas-sezzjoni tinkludi wkoll imħallfin differenti minn dawk ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, persuni esterni għall-qorti kkonċernata li quddiemha l-partijiet ma għandhomx il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom, ma hijiex konċiljabbli mar-rekwiżiti inerenti għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll għal smigħ xieraq.

80      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, sabiex jiġu evitati diverġenzi fil-ġurisprudenza jew sabiex jiġu rrimedjati dawn id-diverġenzi u sabiex b’hekk tiġi żgurata ċ-ċertezza legali inerenti għall-prinċipju tal-Istat tad-dritt, mekkaniżmu proċedurali li jippermetti lil imħallef ta’ qorti nazzjonali li ma jkunx sedenti fil-kulleġġ ġudikanti kompetenti li jibgħat kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż ta’ din il-qorti ma jiksirx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, bil-kundizzjoni li l-kawża tkun għadha ma ġietx deliberata mill-kulleġġ ġudikanti inizjalment maħtur, li ċ-ċirkustanzi li fihom tali rinviju jista’ jsir huma stabbiliti b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni applikabbli u li l-imsemmi rinviju ma jċaħħadx lill-persuni kkonċernati mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura quddiem dan il-kulleġġ ġudikanti estiż. Barra minn hekk, il-kulleġġ ġudikanti inizjalment maħtur dejjem jista’ jiddeċiedi dwar tali rinviju.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt nazzjonali jipprevedi mekkaniżmu intern għal qorti nazzjonali li permezz tiegħu:

–        id-deċiżjoni ġudizzjarja adottata mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn kawża tista’ tintbagħat lill-partijiet għall-finijiet tal-għeluq tagħha biss jekk il-kontenut tagħha jkun ġie approvat minn imħallef tar-reġistrazzjoni li ma jagħmilx parti minn dan il-kulleġġ ġudikanti;

–        laqgħa tas-sezzjoni ta’ din il-qorti għandha s-setgħa li ġġiegħel, permezz tal-ħruġ ta’ “pożizzjoni legali”, lill-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn kawża jbiddel il-kontenut tad-deċiżjoni ġudizzjarja li dan jkun adotta qabel, meta din il-laqgħa tas-sezzjoni tinkludi wkoll imħallfin differenti minn dawk ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, persuni esterni għall-qorti kkonċernata li quddiemha l-partijiet ma għandhomx il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom.

 Fuq lispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li d-dritt nazzjonali jipprevedi mekkaniżmu intern għal qorti nazzjonali li permezz tiegħu:

–        id-deċiżjoni ġudizzjarja adottata mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn kawża tista’ tintbagħat lill-partijiet għall-finijiet tal-għeluq tagħha biss jekk il-kontenut tagħha jkun ġie approvat minn imħallef tar-reġistrazzjoni li ma jagħmilx parti minn dan il-kulleġġ ġudikanti;

–        laqgħa tas-sezzjoni ta’ din il-qorti għandha s-setgħa li ġġiegħel, permezz tal-ħruġ ta’ “pożizzjoni legali”, lill-kulleġġ ġudikanti responsabbli minn kawża jbiddel il-kontenut tad-deċiżjoni ġudizzjarja li dan ikun adotta qabel, meta din il-laqgħa tas-sezzjoni tinkludi wkoll imħallfin differenti minn dawk ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, persuni esterni għall-qorti kkonċernata li quddiemha l-partijiet ma għandhomx il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.

Top