EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0540

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pakketti tal-ivjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Id-Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) sa (4) – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar – Ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli – Il-pandemija tal-COVID‑19 – Rimbors tal-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur konċernat fir-rigward ta’ pakkett – Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew fil-forma ta’ pakkett ta’ vvjaġġar ta’ sostituzzjoni – Obbligu ta’ rimbors ta’ dak il-vjaġġatur mhux aktar tard minn 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporanja minn dan l-obbligu.
Kawża C-540/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:450

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pakketti tal-ivjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Id-Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) sa (4) – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar – Ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli – Il-pandemija tal-COVID‑19 – Rimbors tal-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur konċernat fir-rigward ta’ pakkett – Rimbors fil-forma ta’ somma flus jew fil-forma ta’ pakkett ta’ vvjaġġar ta’ sostituzzjoni – Obbligu ta’ rimbors ta’ dak il-vjaġġatur mhux aktar tard minn 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ikkonċernat – Deroga temporanja minn dan l-obbligu”

Fil-Kawża C‑540/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑27 ta’ Awwissu 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lindenthal, I. Rubene u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, sussegwentement minn M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

parti intervenjenti

vs

Ir-Repubblika tas-Slovakkja, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Aġent Reġistratur: T. Henze

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet, bl-adozzjoni taż-zákon č. 136/2020 Z. z. (Liġi Nru 136/2020 Ġabra), tal‑20 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 136/2020”), l-Artikolu 33a fiż-zákon č. 170/2018 Z. z. o zájazdoch, spojených službách cestovného ruchu, niektorých podmienkach podnikania v cestovnom ruchu a o zmene a doplnení niektorých zákonov (Liġi Nru 170/2018 Ġabra, dwar il-vjaġġi kollox kompriż, is-servizzi turistiċi marbuta u ma’ ċerti kundizzjonijiet applikabbli għall-attività turistika, li temenda u tikkompleta ċerti liġijiet, tal‑15 ta’ Mejju 2018, (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 170/2018”), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 12(2), (3)(b), u l-paragrafu (4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2015/2302

2

Skont il-premessi 4, 5, 31, 40 u 46 tad-Direttiva 2015/2302:

“(4)

Id-Direttiva 90/314/KEE [tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132)] tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri rigward it-traspożizzjoni. Għalhekk, għad fadal diverġenzi sinifikanti bejn il-liġijiet tal-Istati Membri. Il-frammentazzjoni legali twassal għal spejjeż ogħla għan-negozji u ostakoli għal dawk li jixtiequ joperaw b’mod transkonfinali, u għalhekk qiegħda tiġi limitata l-għażla tal-konsumaturi.

(5)

[…] L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti marbuta ma’ pakketti tal-ivvjaġġar u ma’ arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta hija meħtieġa għall-ħolqien ta’ suq intern reali għall-konsumatur f’dak il-qasam, billi toħloq bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u l-kompetittività tan-negozji.

[…]

(31)

Il-vjaġġaturi għandhom ikunu jistgħu wkoll jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett permezz ta’ ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikata, fejn jitqies l-iffrankar mistenni tal-ispejjeż u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Għandu jkollhom ukoll id-dritt li jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr il-ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkunu ser jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Dan jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar.

[…]

(40)

Sabiex il-protezzjoni mill-insolvenza tkun effettiva, hija għandha tkopri l-ammonti prevedibbli ta’ ħlasijiet affettwati mill-insolvenza tal-organizzatur u, fejn applikabbli, l-ispiża prevedibbli għar-ripatrijazzjonijiet. […] B’mod ġenerali dak ser ifisser li l-garanzija għandha tkopri perċentwal għoli biżżejjed tal-fatturat tal-organizzatur fir-rigward tal-pakketti […] Madankollu, protezzjoni effettiva mill-insolvenza m’għandhiex tqis riskji remoti ħafna, pereżempju l-insolvenza simultanja ta’ diversi mill-akbar organizzaturi, fejn jekk dan isir se jaffettwa b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-protezzjoni, u b’hekk tiddgħajjef l-effettività tagħha. F’każijiet bħal dawn il-garanzija għar-rifużjonijiet tista’ tkun limitata.

[…]

(46)

Għandu jkun ikkonfermat li l-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet li joriġinaw minn din id-Direttiva u li l-organizzaturi jew il-kummerċjanti li jiffaċilitaw arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta ma jistgħux jaħarbu mill-obbligi tagħhom billi jsostnu li huma sempliċiment qed jaġixxu bħala fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar, intermedjarju, jew fi kwalunkwe kapaċità oħra.”

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

6.

‘vjaġġatur’ tfisser kull persuna li qiegħda tipprova tikkonkludi kuntratt jew li hija intitolata li tivvjaġġa abbażi ta’ kuntratt konkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

[…]

8.

‘organizzatur’ tfisser kummerċjant li jikkombina u jbigħ jew joffri għall-bejgħ pakketti, kemm direttament jew permezz ta’ kummerċjant ieħor jew flimkien ma’ kummerċjant ieħor, jew il-kummerċjant li jibgħat id-data tal-vjaġġatur lill-kummerċjant ieħor […]

[…]

12.

‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni”, jipprevedi:

“Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inkluż dispożizzjonijiet li jkunu iktar jew inqas stretti li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur.”

6

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […]

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.

3.   L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk:

[…]

l-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-vjaġġatur dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr dewmien żejjed qabel il-bidu tal-pakkett.

4.   L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta ta’ terminazzjoni mnaqqsa. Dawn ir-rifużjonijiet jew rimborżi għandhom isiru lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14‑il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat.

[…]”

7

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi:

“[…]

2.   Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.”

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/648.

8

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 (ĠU 2020, L 151, p. 10), tiddikjara, fil-premessi 9, 13 sa 15, 21 u 22 tagħha:

“(9)

Id-Direttiva [2015/2302] tipprevedi li, jekk vjaġġ b’kollox kompriż jiġi kkanċellat minħabba ‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’, il-vjaġġaturi għandhom id-dritt li jiksbu rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament li jkun sar għall-pakkett, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 14‑il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. F’dan il-kuntest, l-organizzatur jista’ joffri rimborż lill-vjaġġaturi fil-forma ta’ voucher. Madankollu, din il-possibbiltà ma ċċaħħadx lill-vjaġġaturi mid-dritt tagħhom għal rimborż fi flus.

[…]

(13)

Il-kanċellazzjonijiet numerużi li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 wasslu għal sitwazzjoni mhux sostenibbli ta’ likwidità u ta’ dħul għas-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar. Il-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi huma aggravati mill-fatt li jridu jirrimborżaw il-prezz sħiħ tal-pakkett lill-vjaġġaturi filwaqt li huma stess mhux dejjem jirċievu, fi żmien xieraq, ir-rimborż ta’ servizzi mħallsa minn qabel li jiffurmaw parti mill-pakkett. Dan jista’, de facto, jirriżulta f’kondiviżjoni inġusta tal-piż fost l-operaturi fl-ekosistema tal-ivvjaġġar.

(14)

Jekk l-organizzaturi jew it-trasportaturi jsiru insolventi, hemm riskju li ħafna mill-vjaġġaturi u mill-passiġġieri ma jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li t-talbiet tagħhom kontra l-organizzaturi u t-trasportaturi ma jkunux protetti. L-istess problema tista’ tirriżulta f’kuntest minn negozju għal negozju, fejn l-organizzaturi jirċievu voucher bħala rimborż għal servizzi mħallsa minn qabel mingħand trasportaturi, li aktar tard isiru insolventi.

(15)

Jekk il-vouchers isiru aktar attraenti, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, dan għandu jżid l-aċċettazzjoni tagħhom mill-passiġġieri u mill-vjaġġaturi. Dan għandu jgħin biex jittaffew il-problemi ta’ likwidità tat-trasportaturi u tal-organizzaturi u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għal protezzjoni aħjar tal-interessi tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi.

[…]

(21)

Fir-rigward tal-bżonnijiet possibbli ta’ likwidità addizzjonali tal-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport, fid‑19 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata appoġġ lill-ekonomija fil-kriżi tal-COVID‑19 […] abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) [TFUE] biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija tal-Istati Membri. […]

(22)

Il-Qafas Temporanju japplika, fil-prinċipju, għas-setturi u għall-impriżi kollha inklużi l-impriżi tat-trasport u tal-ivvjaġġar u jirrikonoxxi t-trasport u l-ivvjaġġar bħala tnejn mis-setturi l-aktar affettwati. Il-Qafas għandu l-għan li jirrimedja n-nuqqas ta’ likwidità li l-kumpaniji jħabbtu wiċċhom miegħu billi, pereżempju, jippermetti għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa, garanziji mill-Istat għal self u self pubbliku sussidjat. […] F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar l-appoġġ li jipprovdu lill-operaturi fis-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar biex jiżguraw li jiġu ssodisfati t-talbiet għal rimborż ikkawżati mit-tifqigħa tal-COVID‑19, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, kif ukoll it-trattament ugwali tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi.”

9

Skont il-punt 1 ta’ din il-rakkomandazzjoni:

“Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-vouchers li t-trasportaturi jew l-organizzaturi jistgħu jipproponu lill-passiġġieri jew lill-vjaġġaturi, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, u li huma soġġetti għall-aċċettazzjoni volontarja tal-passiġġieri jew tal-vjaġġaturi, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ kanċellazzjoni mit-trasportatur jew mill-organizzatur li sseħħ mill‑1 ta’ Marzu 2020 għal raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet:

[…]

(5)

l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

[…]”

Id-dritt Slovakk

10

L-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, li ġie introdott fiha permezz tal-Liġi Nru 136/2020, huwa intitolat “Dispożizzjonijiet provviżorji dwar is-sitwazzjoni eċċezzjonali dovuta għall-COVID‑19”. Dan huwa redatt kif ġej:

“1.   Jekk, minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-COVID‑19 fis-Slovakkja jew sitwazzjoni simili fil-post tad-destinazzjoni jew fi kwalunkwe punt tal-itinerarju tal-pakkett tal-ivvjaġġar, ma jkunx possibbli li l-vjaġġatur jiġi pprovdut bl-elementi essenzjali tal-arranġamenti turistiċi previsti f’kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jkun awtorizzat:

(a)

joffri lill-vjaġġatur bidla fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar; jew

(b)

tintbagħat lill-vjaġġatur notifika li tipproponi pakkett alternattiv lill-vjaġġatur, jekk il-vjaġġatur ma jaċċettax il-bidla fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar offrut skont il-punt (a).

2.   Jekk il-vjaġġatur jaqbel mal-bidla fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-prezz tal-pakkett ta’ vvjaġġar li jirriżulta minn din il-bidla jkun differenti mis-somma tal-pagamenti diġà riċevuti skont il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, il-partijiet għandhom jirregolaw bejniethom id-differenza bejn il-prezz tal-vjaġġ li huwa s-suġġett tal-bidla fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u s-somma tal-pagamenti riċevuti skont il-kuntratt inizjali.

3.   In-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni għandha ssir bil-miktub u għandha tiġi kkomunikata lill-vjaġġatur fuq mezz li jservi għal żmien twil bl-istess mod li bih il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar inizjali ġie kkomunikat lill-vjaġġatur, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. In-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni għandha ssemmi b’mod partikolari:

(a)

is-somma tal-pagamenti riċevuti skont il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivjaġġar;

(b)

il-fatt li l-elementi essenzjali tal-arranġamenti turistiċi previsti fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jistgħu, bi ftehim mal-vjaġġatur, jinbidlu bħala parti mill-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni;

(c)

id-dritt tal-vjaġġatur li jittrasferixxi l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 18.

4.   Il-vjaġġatur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta l-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni bil-miktub fi żmien 14-il jum mid-data li fiha jirċievi n-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, jekk dan ikun:

(a)

sakemm iddum is-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-COVID‑19 fis-Slovakkja, irreġistrat fir-reġistru tal-persuni li qed ifittxu xogħol, li jintwera permezz ta’ notifika bil-miktub tar-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-persuni li qed ifittxu xogħol;

(b)

persuna li taħdem għal rasha jew kumpanija b’membru wieħed b’responsabbiltà limitata li rċeviet assistenza finanzjarja fi proġett biex tippromwovi ż-żamma tal-impjiegi wara dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali, stat ta’ emerġenza jew stat ta’ eċċezzjoni u li ssolvi l-konsegwenzi tagħhom, kif muri mill-konferma tal-għoti ta’ tali għajnuna;

(c)

ġenitur iżolat li jkun kiseb id-dritt għal allowance għal assistenza fi żminijiet ta’ pandemija, kif muri mill-konferma tal-għoti ta’ din l-allowance u dikjarazzjoni fuq l-unur tiegħu dwar l-istatus tiegħu ta’ ġenitur iżolat;

(d)

persuna tqila fid-data li fiha tirċievi n-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, kif muri b’ċertifikat mediku; jew

(e)

persuna ta’ 65 sena jew iktar, li jintwera billi tissemma d-data tat-twelid fuq il-karta tal-identità jew kwalunkwe dokument tal-identità simili ieħor.

5.   Il-vjaġġatur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta parti biss mill-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, bil-miktub u fi żmien 14-il jum mid-data tal-wasla tan-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, jekk mill-inqas wieħed mill-vjaġġaturi elenkati fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikun jinsab fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4.

6.   Jekk vjaġġatur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jirrifjuta, b’applikazzjoni tal-paragrafu 4, il-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jirrimborsalu, mingħajr penali ta’ xoljiment, il-ħlasijiet kollha riċevuti taħt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, mingħajr dewmien u mhux iktar tard minn 14-il jum mid-data li fiha jirċievi r-rifjut tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni. Jekk vjaġġatur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jirrifjuta, skont il-paragrafu 5, parti mill-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni fir-rigward ta’ passiġġier wieħed jew iktar koperti mill-istess kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jirrimborsah, mingħajr penali ta’ terminazzjoni għall-persuni li ma jipparteċipawx fil-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, il-ħlasijiet li jkun irċieva skont il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, mingħajr dewmien u mhux iktar tard minn 14-il jum mid-data tar-riċevuta tar-rifjut parzjali tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni.

7.   L-organizzatur tal-vjaġġi għandu jaqbel mal-vjaġġatur li se jipprovdilu pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Awwissu 2021.

8.   Jekk il-prezz tal-vjaġġ sostitut ikun differenti mis-somma tal-pagamenti riċevuti taħt il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar, il-partijiet għandhom jirregolaw bejniethom id-differenza bejn is-somma indikata fin-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni u l-prezz ta’ dan il-vjaġġ, fi żmien 14-il jum mid-data li fiha l-organizzatur tal-vjaġġi jkun miftiehem mal-vjaġġatur tal-provvista ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni.

9.   Jekk l-organizzatur tal-vjaġġi ma jasalx għal ftehim mal-vjaġġatur dwar il-provvista ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni qabel il‑31 ta’ Awwissu 2021, huwa għandu jitqies li jkun temm il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar u għandu jirrimborsa lill-vjaġġatur kwalunkwe pagament li jkun irċieva taħt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill‑14 ta’ Settembru 2021.

10.   Jekk, matul il-perijodu mit‑12 ta’ Marzu 2020 sad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, vjaġġatur jew organizzatur tal-vjaġġi jkun ittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar skont l-Artikolu 21(2) jew l-Artikolu 21(3)(b) u l-organizzatur tal-vjaġġi, abbażi ta’ din it-terminazzjoni, ma jkunx irrimborsa lill-vjaġġatur il-ħlasijiet kollha rċevuti skont il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar, għandha tapplika l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

11.   Jekk, matul il-perijodu mit‑12 ta’ Marzu 2020 sad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-vjaġġatur ittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 21(1) u jekk il-penali ta’ terminazzjoni ma tkunx ġiet solvuta, għandha tapplika l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

12.   Jekk, minkejja s-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-COVID‑19 fis-Slovakkja jew sitwazzjoni simili fil-post ta’ destinazzjoni jew fi kwalunkwe punt tal-itinerarju tal-pakkett tal-ivvjaġġar, ikun possibbli li jiġi pprovdut pakkett ta’ vvjaġġar f’konformità mal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, iżda l-vjaġġatur jirrifjuta s-servizz, il-vjaġġatur għandu jinforma bil-miktub lill-organizzatur tal-vjaġġi mill-inqas 30 jum qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar; fl-ewwel 30 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dan it-terminu huwa mill-inqas 15-il jum qabel il-bidu tal-pakkett tal-ivvjaġġar. Fi żmien 14-il jum mid-data li fiha jirċievi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jibgħat lill-vjaġġatur in-notifika tal-pakkett tal-ivvjaġġar imsemmi fil-paragrafu 3 u jipproċedi skont il-paragrafi 7 sa 9; id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4, 5 u 6 ma għandhomx japplikaw.

13.   Sakemm iddum is-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-COVID‑19 fis-Slovakkja jew sitwazzjoni simili fil-post tad-destinazzjoni jew fi kwalunkwe punt tal-itinerarju tal-pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur tal-vjaġġi ma jistax jitlob lill-vjaġġatur iħallas ħlas akkont tal-prezz tal-pakkett tal-ivvjaġġar; dan ma għandux japplika jekk il-vjaġġatur jaċċetta l-bidla fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar skont il-paragrafu 1(a).

14.   Il-protezzjoni mill-insolvenza li jibbenefika minnha l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar għandha tapplika mutatis mutandis għall-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar anki wara l-bidla tiegħu jew wara li tintbagħat notifika ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Mejju 2020 indirizzata lir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni indikat li hija kienet irċeviet informazzjoni li tindika li, fil-kuntest tal-pandemija globali tal-COVID‑19, dan l-Istat Membru kien qiegħed jipprepara miżuri nazzjonali li setgħu jmorru kontra d-Direttiva 2015/2302. Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Slovakki biex jipprovdu aktar informazzjoni dwar it-tħejjija ta’ dawn il-miżuri.

12

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2020, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni li l-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka kien adotta, fl‑20 ta’ Mejju 2020, il-Liġi Nru 136/2020, li temenda l-Liġi Nru 170/2018. Dan l-Istat Membru spjega li, skont il-Liġi Nru 136/2020, l-aġenziji tal-ivvjaġġar kellhom il-possibbiltà li jipproponu lill-klijenti tagħhom emenda tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kurrenti jew, jekk il-klijenti jirrifjutaw din il-bidla, pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, li jimplika li l-aġenzija tal-ivvjaġġar u l-klijent ikkonċernati jiftiehmu fuq pakkett ġdid qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2021.

13

Fit‑3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Slovakka, li permezz tagħha hija kkonstatat li, billi introduċa, permezz tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 136/2020, l-Artikolu 33a fil-Liġi Nru 170/2018, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 12(2), (3)(b) u (4) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha.

14

Ir-Repubblika Slovakka wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tat‑28 ta’ Awwissu 2020. F’din l-aħħar ittra, filwaqt li rrikonoxxa li l-emenda tal-Liġi Nru 170/2018 li tirriżulta mil-Liġi Nru 136/2020 kienet tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/2302, dan l-Istat Membru sostna li l-adozzjoni ta’ din l-emenda kienet iġġustifikata għar-raġunijiet leġittimi, peress li l-impriżi attivi fis-settur tat-turiżmu kellhom bżonn ta’ terminu addizzjonali sabiex jirrimborsaw progressivament lill-klijenti kollha tagħhom, taħt piena li jaqgħu taħt falliment.

15

Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Slovakka opinjoni motivata li permezz tagħha, minn naħa, ilmentat li dan l-Istat Membru, billi adotta l-Liġi Nru 136/2020, naqas milli jwettaq l-obbligu msemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, stiednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha, jiġifieri fit‑30 ta’ Diċembru 2020.

16

Ir-Repubblika Slovakka rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2020. F’din l-ittra, dan l-Istat Membru indika li l-emenda leġiżlattiva inkwistjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tas-sitwazzjoni eċċezzjonali marbuta mal-portata tat-tixrid tal-COVID‑19 u li l-għan ta’ din l-emenda ma kienx li ċċaħħad lill-vjaġġaturi mid-drittijiet tagħhom, iżda li tagħti lill-organizzaturi tal-ivvjaġġar perijodu li matulu huma setgħu jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tagħhom mal-vjaġġaturi.

17

Peress li qieset li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kif ukoll, barra minn hekk, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, id-dritt Slovakk baqa’ kuntrarju għad-Direttiva 2015/2302, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Jannar 2022, ġie ammess l-intervent tar-Renju tad-Danimarka insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

19

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 iċaħħad lill-vjaġġaturi mid-dritt tagħhom li jitterminaw kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar u li jirċievu rimbors konformement mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, u dan f’mument meta huma kienu jsofru bil-kbir il-konsegwenzi tal-pandemija globali tal-COVID‑19. Issa, għalkemm l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 ċertament wasslu, għal riskju ikbar ta’ falliment għal diversi organizzaturi tal-ivvjaġġar, la d-Direttiva 2015/2302 u lanqas ebda att legali ieħor tal-Unjoni ma jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw minn dan l-Artikolu 12.

20

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 kien applikabbli għal din il-pandemija, u mhux biss għal sitwazzjonijiet ta’ kobor lokali jew reġjonali. Fil-fatt, l-okkorrenza ta’ tali pandemija taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, li jinsab f’dan l-Artikolu 12 ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Il-fatt li l-premessa 31 tal-imsemmija direttiva tirreferi, f’dan il-kuntest u bħala eżempju, għal okkorrenza ta’ marda serja fil-post ta’ destinazzjoni ma huwiex ta’ natura li juri li l-imsemmi Artikolu 12 jikkonċerna biss avvenimenti lokali.

21

Barra minn hekk, peress li dan il-kunċett huwa marbut ma’ dak ta’ forza maġġuri, dan tal-aħħar ma jistax jiġi applikat barra mill-kuntest iddefinit mid-Direttiva 2015/2302.

22

Skont il-Kummissjoni, minkejja li, waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-possibbiltà ta’ pandemija ta’ portata bħal dik tal-COVID‑19 ma kinitx prevista, l-imsemmija direttiva kienet madankollu maħsuba preċiżament sabiex tindirizza tali ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli. Jekk jiġi aċċettat li d-Direttiva 2015/2302 tapplika f’każ ta’ problemi fuq skala territorjali iżgħar, iżda mhux f’każ ta’ problemi fuq skala ikbar jew fuq livell dinji, dan ikollu konsegwenzi assurdi.

23

Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302, moqri fid-dawl tal-premessi 4 u 5 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva twettaq armonizzazzjoni totali tal-oqsma li għalihom tapplika. Issa, l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 jissodisfa rieda li l-organizzaturi tal-ivvjaġġar jiġu protetti għad-detriment tal-konsumaturi, madankollu affettwati wkoll mill-pandemija globali tal-COVID‑19. F’dan ir-rigward, minkejja li r-Repubblika Slovakka ddeċidiet li tipproteġi lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, diversi Stati Membri oħra jidher li ma għamlux dan. Għalhekk, il-vjaġġaturi kollha tal-Unjoni ma setgħux jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni, li kien jostakola l-għan doppju ta’ armonizzazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2015/2302.

24

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar, fir-rigward tar-riskju immedjat tal-għajbien ta’ numru kbir ta’ organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, allegat minn dan l-Istat Membru, li dawn setgħu jibbenefikaw minn ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat.

25

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li n-notifika ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni, kif previst fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, simili għal voucher, ma tikkorrispondix għall-kunċett ta’ “rimbors”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, rimbors jimplika li persuna li tkun għamlet pagament tirkupra s-somma mħallsa fil-forma ta’ somma flus, li jippermettilha tiddisponi liberament minn din tal-aħħar. Skont il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jawtorizza modalità ta’ rimbors daqstant partikolari u sfavorevoli għall-vjaġġatur, huwa kien isemmi espliċitament tali possibbiltà, kif għamel f’atti leġiżlattivi oħra dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tal-konsumaturi.

26

Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tqis li l-argument ta’ Stat Membru li d-Direttiva 2015/2302 ma kinitx tapplika għall-pandemija globali tal-COVID‑19, iżda li din il-pandemija kienet tikkostitwixxi fl-istess ħin każ ta’ forza maġġuri li jipprekludih milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva, ma jistax jintlaqa’.

27

Ir-Renju tad-Danimarka, li jsostni kompletament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, isostni b’mod partikolari li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jistabbilixxi protezzjoni tal-konsumaturi partikolarment għolja meta jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u eċċezzjonali, bħall-pandemija globali tal-COVID‑19. Għalhekk, il-kriżi sanitarja marbuta ma’ din il-pandemija ma tistax tiġġustifika estensjoni tat-terminu għar-rimbors previst fl-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva.

28

F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ kreditu implimentata f’dan l-Istat Membru fi ħdan ir-Rejsegarantifonden (Fond ta’ garanzija għall-ivvjaġġar), li kienet tippermetti lill-aġenziji tal-ivvjaġġar li għandhom bżonn likwidità addizzjonali li jissellfu b’kundizzjonijiet favorevoli sabiex jiggarantixxu r-rimbors tal-klijenti fit-terminu ta’ 14-il jum previst f’din id-dispożizzjoni, tidher li turi li kien possibbli, minkejja l-imsemmija pandemija, li l-konsumaturi jiġu rrimborsati fil-forma ta’ somma flus f’dan it-terminu.

29

Ir-Repubblika Slovakka titlob li jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 ma japplikax għal sitwazzjoni ta’ kriżi sanitarja globali bħall-pandemija tal-COVID‑19, peress li l-ibbilanċjar tal-interessi tal-vjaġġaturi u tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar imwettaq fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva sar f’ċirkustanzi totalment differenti minn dawk li mmarkaw il-bidu ta’ din il-pandemija.

30

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha jirriżulta li, waqt l-adozzjoni tal-istess direttiva, ittieħdet inkunsiderazzjoni biss l-eventwalità ta’ okkorrenza ta’ marda serja “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu”. Għalkemm l-Artikolu 12(3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 ma jinkludix tali indikazzjoni, huwa għandu, permezz ta’ interpretazzjoni sistematika, jiġi interpretat b’mod identiku. Min-naħa l-oħra, il-kuntest legali stabbilit minn din id-direttiva ma huwiex adattat sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni eċċezzjonali bħall-pandemija globali tal-COVID‑19, kif jirriżulta wkoll mill-portata limitata, esposta fil-premessa 40 tal-imsemmija direttiva u rrikonoxxuta mill-Kummissjoni stess, tas-sistema ta’ protezzjoni tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar mill-insolvenza msemmija fl-Artikolu 17 tal-istess direttiva.

31

Għalhekk ma huwiex minnu li d-Direttiva 2015/2302 ġiet maħsuba preċiżament sabiex tindirizza ċirkustanzi bħal dawk li jirriżultaw minn din il-pandemija. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tenfasizza, billi tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2021:213), li din id-direttiva ma tirregolax is-sitwazzjonijiet ta’ forza maġġuri, li min-naħa l-oħra kienu rregolati mid-Direttiva 90/314 li ppreċedietha. F’dan il-kuntest, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 li ċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” iddefiniti f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu ta’ natura anormali u imprevedibbli, kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, sabiex ċirkustanza partikolari tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala każ ta’ “forza maġġuri”.

32

Mill-bqija, skont dan l-Istat Membru, li kieku ma kinitx ġiet adottata leġiżlazzjoni speċjali, setgħu jiġu ppreġudikati mhux biss l-interessi tal-organizzaturi tal-vjaġġi, iżda wkoll dawk tal-vjaġġaturi, jiġifieri dawk tal-konsumaturi, billi jitpoġġew fil-perikolu l-impriżi kkonċernati u billi sussegwentement isir kull rimbors impossibbli.

33

Għaldaqstant, quddiem is-sitwazzjoni tal-pandemija globali u l-konsegwenzi tagħha, ir-Repubblika Slovakka kienet fondata tadotta miżuri li ma jaqgħux fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302, bħall-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċaqliq maġġuri tal-punt ta’ ekwilibriju bejn l-interessi tal-vjaġġaturi u dawk tal-professjonisti.

34

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni, sussidjarjament, li n-notifika ta’ vjaġġ ta’ sostituzzjoni prevista fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, tista’ tikkostitwixxi rimbors tal-pagamenti mwettqa, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302. Dan l-Istat Membru jenfasizza li tali notifika setgħet tiġi skambjata mal-provvista ta’ servizzi oħra tal-ivvjaġġar, kienet koperta minn protezzjoni kontra l-falliment, kienet trasferibbli lil persuni oħra u, jekk ma kinitx użata matul il-perijodu indikat, kienet tagħti dritt għar-rimbors fil-forma ta’ somma flus tal-pagamenti kollha diġà mwettqa.

35

Fil-fatt, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “rimbors” ma tkoprix biss ir-restituzzjoni ta’ somma flus, iżda tinkludi wkoll il-kumpens għal tali ħlasijiet taħt forma oħra. Tali interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2015/2302, b’mod partikolari fil-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u dik Ingliża tagħhom, jagħmlu distinzjoni bejn l-għoti ta’ rimbors u l-ħlas lura ta’ dawn il-pagamenti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva, huwa possibbli li t-termini “rimbors” jew “rimborsar” jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw ukoll kumpens għall-imsemmija ħlasijiet taħt forma differenti minn somma ta’ flus.

36

Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka tosserva li l-fatt li atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni jipprevedu espressament forom oħra ta’ rimbors ma huwiex rilevanti, peress li dawn l-atti huma differenti mid-Direttiva 2015/2302 kemm min-natura tagħhom kif ukoll mill-oqsma tagħhom u mill-għanijiet tagħhom. Fl-assenza ta’ identiċità bejn ir-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti minn tali atti, l-adozzjoni ta’ kull att teħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-bilanċ li jeżisti bejn id-diversi drittijiet u interessi leġittimi tad-destinatarji kollha tal-att inkwistjoni.

37

Issa, id-Direttiva 2015/2302 hija intiża sabiex tipproteġi lill-vjaġġaturi u d-drittijiet tal-organizzaturi professjonisti tal-pakkett tal-ivvjaġġar. F’dan ir-rigward, meta jkun hemm qbil bejn diversi drittijiet protetti mid-dritt tal-Unjoni, ikun indispensabbli li l-atti inkwistjoni jiġu interpretati fl-osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 62).

38

Fit-tielet u fl-aħħar lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni, iktar sussidjarjament, li s-sitwazzjoni sfavorevoli marbuta mal-pandemija globali tal-COVID‑19 tista’ titqies li tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Dan l-Istat Membru jenfasizza li, peress li tali argument huwa invokat b’mod iktar sussidjarju, bl-ebda mod ma huwa inkompatibbli ma’ dak, invokat prinċipalment, li d-Direttiva 2015/2302 ma hijiex applikabbli għal din il-pandemija. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li din id-direttiva ma tippermettix iktar li l-kunċett ta’ forza maġġuri jiġi applikat barra mill-kuntest irregolat minnha hija żbaljata. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, minn naħa, fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-organizzatur u l-vjaġġatur, previsti mill-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, bħala raġuni li tiġġustifika nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

40

F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri, mifhuma f’dan l-aħħar sens, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti. Fil-fatt, il-pandemija globali tal-COVID‑19 u l-limitazzjoni sinjifikattiva tat-turiżmu li rriżultat minnha fuq livell dinji jikkostitwixxu ċirkustanzi barranin u indipendenti mill-volontà tar-Repubblika Slovakka, li din tal-aħħar la setgħet tipprevedi u lanqas tipprekludi, anki billi tagħmel l-isforzi kollha possibbli u billi tuża d-diliġenza meħtieġa.

41

Dan l-Istat Membru jippreċiża li n-nuqqas ta’ likwidità kif ukoll ir-riskju ta’ insolvenza tal-aġenziji tal-ivvjaġġar u ta’ riperkussjonijiet negattivi għas-settur ekonomiku kollu inkwistjoni, li jirriżultaw mill-iżvilupp ta’ din il-pandemija u mill-miżuri relatati magħha kkostitwixxew diffikultajiet insurmontabbli li pprekludewh temporanjament milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 2015/2302. Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 kienet limitata għat-tul neċessarju u issa waqfet, fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejnu u l-kompetittività tal-impriżi.

42

Fir-rigward tar-rilevanza tal-eżempju ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, bħal dik li ġiet adottata fid-Danimarka permezz tal-mobilizzazzjoni tar-Rejsegarantifonden (Fond ta’ garanzija għall-ivvjaġġar), ir-Repubblika Slovakka tosserva li l-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat permezz ta’ fond ta’ garanzija setgħet tiġi limitata mill-mod kif kienet organizzata s-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni kontra l-insolvenza, fatt li kien jeħtieġ emenda kumplessa tad-dritt Slovakk, li kien impossibbli li jitwettaq fi żminijiet ta’ kriżi akuta. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat għandu jkollha n-natura ta’ miżura tal-aħħar istanza (ultima ratio), peress li tikkostitwixxi interferenza sostanzjali mal-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-suq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 12(2), (3)(b) u (4) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha, billi adottat l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, sa fejn dan tal-aħħar jipprevedi, essenzjalment, minn naħa, li, meta, minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali dovuta għall-pandemija globali tal-COVID‑19, ma kienx possibbli li jiġi eżegwit kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur kien awtorizzat joffri lill-vjaġġaturi kkonċernati pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni minflok ir-rimbors tal-pagamenti mwettqa, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12, u, min-naħa l-oħra, li dawn il-vjaġġaturi kellhom dritt għal dan ir-rimbors biss wara l‑31 ta’ Awwissu 2021 u sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Settembru 2021.

44

Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk din is-sitwazzjoni eċċezzjonali tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, b’tali mod li l-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jista’ japplika għall-każijiet previsti fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018.

45

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li dan il-kunċett huwa mfisser fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”.

46

Il-premessa 31 ta’ din id-direttiva tiċċara l-portata tal-imsemmi kunċett billi tippreċiża li “[d]an jista’ jkopri pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar”.

47

Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli jistgħu jiġġustifikaw biss it-terminazzjoni mill-vjaġġatur, li jagħtuh dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti magħmula fuq pakkett, meta dawn iseħħu “fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu” u meta dawn “jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”.

48

Għalkemm, għall-finijiet tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-klassifikazzjoni ta’ avveniment partikolari bħala sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12, tiddependi neċessarjament miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ u b’mod partikolari mis-servizzi tal-ivvjaġġar konkretament miftiehma kif ukoll mill-konsegwenzi ta’ dan l-avveniment fil-post ta’ destinazzjoni previst, xorta jibqa’ l-fatt li, kif sostniet il-Kummissjoni, kriżi sanitarja globali bħall-pandemija tal-COVID‑19 għandha, bħala tali, titqies li tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett.

49

Fil-fatt, tali avveniment jaħrab manifestament minn kull stħarriġ u l-konsegwenzi tiegħu ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Barra minn hekk, dan l-avveniment jiżvela l-eżistenza ta’ “riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem” imsemmija fil-premessa 31 tal-imsemmija direttiva.

50

Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li, bħall-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva, din il-premessa turi dan il-kliem billi tirrikorri għall-eżempju ta’ okkorrenza ta’ marda serja “fil-post tad-destinazzjoni”, peress li tali preċiżazzjoni ma hijiex intiża sabiex tirrestrinġi l-portata tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali u inevitabbli” għal avvenimenti lokali, iżda sabiex turi li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom, fi kwalunkwe każ, jimmanifestaw ruħhom b’mod partikolari fil-post ta’ destinazzjoni previst u jkollhom, f’dan ir-rigward, konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett ikkonċernat.

51

F’dan ir-rigward, għalkemm it-tixrid ta’ marda gravi fil-post ta’ destinazzjoni inkwistjoni jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett, dan għandu japplika a fortiori għat-tixrid ta’ marda gravi fuq livell dinji, peress li l-effetti ta’ din tal-aħħar jolqtu wkoll dan il-post.

52

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 fis-sens li din id-dispożizzjoni tidher li tapplika biss għal avvenimenti ta’ portata lokali, bl-esklużjoni ta’ avvenimenti ta’ portata ikbar, tmur kontra, minn naħa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn, fl-assenza ta’ kull kriterju ta’ delimitazzjoni previst għal dan l-għan minn din id-direttiva, id-demarkazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ avvenimenti tista’ tkun vaga u varjabbli, fatt li jkollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsegwenza li jirrendi inċert il-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija lill-imsemmija dispożizzjoni.

53

Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tidher li hija inkoerenti fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva, li jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tal-istess direttiva, fil-kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kemm jista’ jkun uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Pakkett tal-ivvjaġġar fil-Gżejjer Kanarji), C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 29).

54

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni timplika li l-vjaġġaturi li jirrexindu l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar tagħhom billi jinvokaw l-okkorrenza ta’ marda lokalment ċirkostritta jidhru li ma jkunux obbligati jħallsu l-ispejjeż ta’ xoljiment, filwaqt li l-vjaġġaturi li jirrexindu l-imsemmi kuntratt minħabba l-okkorrenza ta’ marda ta’ livell dinji jkollhom iħallsu tali spejjeż, b’tali mod li l-vjaġġaturi kkonċernati jidhru li jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni inqas fil-każ li sseħħ kriżi sanitarja dinjija milli fil-każ ta’ okkorrenza ta’ marda ċirkostritta lokalment.

55

Fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ir-Repubblika Slovakka madankollu ssostni li din il-protezzjoni ma tistax tiġi sseparata minn dik tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar kontra l-insolvenza, prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, li ma tirrigwardax il-kopertura ta’ riskji estremament baxxi, bħat-tfaqqigħ ta’ pandemija dinjija. Minn dan, dan l-Istat Membru jiddeduċi li l-applikazzjoni tad-dritt għar-rimbors sħiħ previst fl-Artikolu 12(2) u (3)(b) ta’ din id-direttiva lanqas ma għandha tiġi estiża għal tali ipoteżi.

56

F’dan ir-rigward, kif ġie enfasizzat ukoll fil-premessi 13 u 14 tar-Rakkomandazzjoni 2020/648, huwa inkontestabbli li kriżi sanitarja globali bħall-pandemija tal-COVID‑19 hija ta’ natura li tipparaguna lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar ma’ riskju ikbar ta’ insolvenza mhux kopert mill-assigurazzjoni kkuntrattata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, u li tali riskju jista’ jaffettwa d-dritt tal-vjaġġaturi kkonċernati għar-rimbors tal-pagamenti li huma għamlu abbażi ta’ pakkett.

57

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 li għandha bħala effett, f’tali ċirkustanzi, li ċċaħħad mill-ewwel lill-vjaġġaturi mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt neċessarjament tippreġudika iktar il-protezzjoni tal-interessi tagħhom.

58

F’dak li jirrigwarda d-distinzjoni li, skont ir-Repubblika Slovakka, tidher li għandha ssir bejn il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli” u dak ta’ forza maġġuri, peress li pandemija bħall-pandemija globali tal-COVID‑19 taqa’, fil-fehma tagħha, biss taħt dan l-aħħar kunċett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, tali argument ma għandu ebda bażi fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2021:213).

59

Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna d-Direttiva 90/314, li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2015/2302. Indipendentement mid-distinzjoni stabbilita minn din l-ewwel direttiva bejn il-kunċetti ta’ force majeure u ta’ okkorrenza imprevedibbli jew inevitabbli, imsemmija fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2015/2302 ma rriproduċiet la waħda u lanqas l-oħra minn dawn il-kunċetti, iżda tirreferi biss, f’dan il-kuntest, għall-kunċett ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali u inevitabbli”. Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, kriżi sanitarja globali bħall-pandemija tal-COVID‑19 tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Slovakka, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302 jista’ jkopri t-tfaqqigħ ta’ kriżi sanitarja fuq livell dinji, peress li din id-dispożizzjoni tista’ għalhekk tiġi applikata għall-każijiet previsti fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, jiġifieri dawk li fihom ma kienx possibbli li jiġu pprovduti lill-vjaġġatur l-elementi essenzjali tas-servizzi turistiċi previsti minn kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar “minħabba sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-COVID‑19 fis-Slovakkja jew sitwazzjoni simili fil-post tad-destinazzjoni jew fi kwalunkwe punt tal-itinerarju tal-pakkett tal-ivvjaġġar”.

61

Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, kif issostni r-Repubblika Slovakka, in-notifika ta’ vjaġġ ta’ sostituzzjoni prevista fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 tistax tikkostitwixxi rimbors tal-pagamenti mwettqa, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302.

62

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors”.

63

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens komuni tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni TravelC‑578/19, EU:C:2021:213, punt 37).

64

Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “rimbors” tirreferi għall-fatt li tagħti lil persuna somma flus li hija ħallset jew ħallset bil-quddiem lil persuna oħra u għalhekk timplika li din tal-aħħar għandha tħallas lura din is-somma lill-ewwel waħda. Tali tifsira tirriżulta barra minn hekk mingħajr ambigwità mill-qari tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 fl-intier tagħha, li jippreċiża li r-rimbors sħiħ jirreferi għall- “ħlasijiet magħmula” fir-rigward ta’ pakkett, li b’hekk ineħħi kull dubju dwar l-għan tar-rimbors, peress li dan tal-aħħar jirrigwarda somma flus.

65

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “rimbors”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302, ifisser ħlas lura tal-pagamenti magħmula bħala pakkett fil-forma ta’ somma ta’ flus.

66

Tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-Repubblika Slovakka bbażat fuq id-distinzjoni terminoloġika li tidher li għandha ssir, fir-rigward ta’ dan il-kunċett, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u Ingliża tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302, bejn, minn naħa, restituzzjoni (“reimbursement” bil-lingwa Ingliża, “Rückzahlung” bil-lingwa Ġermaniża) ħlasijiet, imsemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, “rimbors” (“refund” bil-lingwa Ingliża, “Erstattung” bil-lingwa Ġermaniża) tagħhom, imsemmi fl-Artikolu 12(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, fejn dan ir-rimbors ikopri wkoll, skont dan l-Istat Membru, kumpens taħt forma oħra li ma hijiex somma flus.

67

Fil-fatt, mhux biss tali distinzjoni terminoloġika hija perfettament kompatibbli ma’ interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li timplika ħlas lura fil-forma ta’ somma flus, iżda wkoll, anki jekk jiġi preżunt mod ieħor, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li l-imsemmija dispożizzjoni għandha, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi element tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Issa, il-kuntest tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302 u l-għan ta’ din id-direttiva sempliċement jikkorroboraw l-interpretazzjoni litterali adottata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

69

Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li, skont l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, ir-rimbors għandu jseħħ sa mhux iktar tard minn 14-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkonċernat donnu jindika li dan ir-rimbors għandu jsir fil-forma ta’ somma flus sa fejn dan it-terminu huwa intiż li jiggarantixxi li l-vjaġġatur ikkonċernat ikun jista’, ftit wara x-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, jerġa’ jiddisponi liberament mis-somma li huwa kien ħallas għall-finijiet tal-ħlas ta’ dan il-pakkett. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ tali terminu tkun ftit utli jekk dan il-vjaġġatur ikollu jikkuntenta ruħu b’voucher jew servizz ieħor ta’ natura differita, li fi kwalunkwe każ huwa jkun jista’ jibbenefika minnu biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

70

Barra minn hekk, il-kuntest usa’ tad-Direttiva 2015/2302, jiġifieri dak tal-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, juri li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi, f’att leġiżlattiv partikolari dwar dan il-qasam, il-possibbiltà li l-obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus jiġi ssostitwit b’servizz li jkollu forma oħra, bħal, b’mod partikolari, il-proposta ta’ vouchers, din il-possibbiltà hija espressament prevista f’dan l-att leġiżlattiv. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), li jipprevedi li l-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 7 għandu jitħallas “fi flus kontanti”, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, permezz ta’ trasferiment bankarju jew ċekk, jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, fil-forma ta’ vouchers tal-ivvjaġġar u/jew servizzi oħra.

71

L-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, għal tali possibbiltà għalhekk donnha tikkonferma li dan l-artikolu jirrigwarda biss rimborsi fil-forma ta’ somma ta’ flus.

72

Min-naħa l-oħra, id-dritt għar-rimbors mogħti lill-vjaġġaturi mill-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva jissodisfa l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex minnha, imfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rimbors”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12, li tipprovdi li l-vjaġġatur ikkonċernat għandu d-dritt li jingħata lura l-ħlasijiet imwettqa abbażi tal-pakkett inkwistjoni fil-forma ta’ somma flus, li huwa jista’ jiddisponi minnu liberament, huwa iktar kapaċi jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu u, għaldaqstant, għat-twettiq ta’ dan l-għan milli l-interpretazzjoni li tgħid li huwa biżżejjed li l-organizzatur ikkonċernat jipproponilu vjaġġ ta’ sostituzzjoni, voucher jew forma oħra ta’ kumpens iddifferit.

73

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Slovakka li, b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ taqlib totali tas-suq inkwistjoni, huwa neċessarju, fid-dawl tal-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302 u konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 62), li tingħata interpretazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni adottata fil-punt 65 ta’ din is-sentenza tirrifletti l-ibbilanċjar tal-interessi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fl-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva, dispożizzjonijiet li, barra minn hekk, mhux biss jipprevedi obbligu ta’ rimbors għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi, iżda jispeċifikaw barra minn hekk li, f’dawn il-każijiet, l-organizzatur ma huwiex, min-naħa tiegħu, marbut b’kumpens addizzjonali.

74

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-vjaġġatur li huwa parti f’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jagħti l-kunsens tiegħu, fuq bażi volontarja, li jaċċetta, minflok rimbors fil-forma ta’ somma ta’ flus, voucher, sakemm tali possibbiltà ma ċċaħħadx mid-dritt tiegħu għal dan ir-rimbors, kif indikat fil-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni 2020/648.

75

Għaldaqstant hemm lok li jitqies li notifika ta’ vjaġġ ta’ sostituzzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, ma tikkostitwixxix rimbors tal-pagamenti mwettqa, fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3)(b) tad-Direttiva 2015/2302, peress li dan ir-rimbors għandu jinftiehem biss bħala ħlas lura ta’ dawn il-pagamenti fil-forma ta’ somma flus.

76

Fit-tielet lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament tafferma li l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 imur kontra l-Artikolu 12(2), (3)(b) u (4) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sa fejn kien jagħti, matul perijodu mit‑12 ta’ Marzu 2020 sal‑31 ta’ Awwissu 2021, lill-vjaġġaturi li l-pakkett tagħhom ma setax jiġi eżegwit minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli marbuta mal-pandemija globali tal-COVID‑19 biss id-dritt li jiġu offruti vjaġġ ta’ sostituzzjoni minflok rimbors sħiħ, fil-forma ta’ somma flus, tal-pagamenti magħmula fir-rigward ta’ dan il-pakkett.

77

Konsegwentement, billi adottat l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, ir-Repubblika Slovakka ma osservatx l-obbligu tagħha li tieħu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2015/2302, konformement mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 69).

78

Madankollu, ir-Repubblika Slovakka ssostni li s-sitwazzjoni sfavorevoli marbuta mal-pandemija globali tal-COVID‑19 kienet tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li pprekludiha milli tissodisfa l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva 2015/2302.

79

Fir-rigward ta’ tali allegazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-biża’ ta’ diffikultajiet interni ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑99/02, EU:C:2004:207, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑591/14, EU:C:2017:670, punt 44).

80

Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta Stat Membru ma jkunx ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex eskluż li dan jista’ jinvoka, fir-rigward ta’ tali nuqqas ta’ konformità, il-forza maġġuri.

81

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk il-kunċett ta’ forza maġġuri ma jippreżupponix impossibbiltà assoluta, dan jeżiġi madankollu li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni jkun dovut għal ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata, fejn barra minn hekk sitwazzjoni ta’ forza maġġuri tista’ tiġi invokata biss għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 evidentement ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri.

83

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, minkejja li kriżi sanitarja ta’ skala bħal dik tal-pandemija tal-COVID‑19 hija estranja għar-Repubblika Slovakka kif ukoll anormali u imprevedibbli, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħles, b’mod ġeneralizzat, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet għall-benefiċċju ta’ kategoriji ta’ vjaġġaturi iktar vulnerabbli, l-organizzaturi kollha ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu tagħhom ta’ rimbors, previst fl-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, fir-rigward tal-kuntratti li ma setgħux jiġu eżegwiti minħabba din il-pandemija, ma tistax, min-natura tagħha stess, tiġi ġġustifikata mir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn tali avveniment u tissodisfa għalhekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-invokazzjoni tal-forza maġġuri.

84

Fil-fatt, billi wasslet, fil-fatt, għal sospensjoni provviżorja ġġeneralizzata ta’ dan l-obbligu ta’ rimbors, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni ma hijiex limitata biss għall-każijiet li fihom tali restrizzjonijiet, b’mod partikolari finanzjarji, kienu jidhru li verament immanifestaw ruħhom, iżda testendi għall-kuntratti kollha li ma setgħux jiġu eżegwiti minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli marbuta mal-pandemija globali tal-COVID‑19, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja konkreta u individwali tal-organizzaturi tal-vjaġġi kkonċernati.

85

Fit-tieni lok, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-konsegwenzi finanzjarji li d-dispożittiv tal-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018 kien intiż li jindirizza ma setgħux jiġu evitati ħlief permezz tal-ksur tal-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302, u b’mod partikolari bl-adozzjoni, għall-benefiċċju tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar ikkonċernati, ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jistgħu jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, possibbiltà mfakkra fil-premessi 21 u 22 tar-Rakkomandazzjoni 2020/648 u li għaliha Stati Membri rrikorrew.

86

F’dan il-kuntest, għalkemm ir-Repubblika Slovakka insistiet fuq il-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kienet marbuta ma’ diffikultajiet partikolari, il-possibbiltà li jiġu adottati dawn il-miżuri fi żmien qasir tiddependi b’mod partikolari mill-istrutturi eżistenti tal-organizzazzjoni tas-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar kif ukoll miż-żmien neċessarju għal tali adozzjoni konformement mal-proċeduri interni tagħhom, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet ta’ natura interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑395/13, EU:C:2014:2347, punt 51).

87

Lanqas ma jista’ jintlaqa’, f’dan il-kuntest, l-argument imressaq mir-Repubblika Slovakka li s-soluzzjoni li tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għandha tkun “rimedju aħħari”. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri, permezz tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan, li jipprevedu ċerti forom ta’ għajnuna mill-Istat u b’mod partikolari dawk li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punt 77 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt ma jippermettilhomx preċiżament li jonqsu mill-obbligu tagħhom li jieħdu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-effett sħiħ ta’ direttiva, f’dan il-każ id-Direttiva 2015/2302.

88

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Istati Membri kellhom ukoll il-possibbiltà li jistabbilixxu dispożittivi intiżi, mhux sabiex jimponu, iżda sabiex jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni, mill-vjaġġaturi, ta’ vouchers minflok rimbors fil-forma ta’ somma flus, peress li tali soluzzjonijiet jistgħu wkoll jikkontribwixxu sabiex itaffu l-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar, kif dan ġie indikat fir-Rakkomandazzjoni 2020/648, b’mod partikolari, fil-premessa 15 tagħha.

89

Fit-tielet lok, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 33a tal-Liġi Nru 170/2018, sa fejn tipprevedi li teħles lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar mill-obbligu tagħhom ta’ rimbors matul perijodu li jista’ jestendi sa kważi 18-il xahar min-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni, manifestament ma hijiex maħsuba b’mod li tillimita l-effetti tagħha għall-perijodu neċessarju sabiex tirrimedja għad-diffikultajiet ikkawżati mill-avveniment li jista’ jaqa’ taħt il-forza maġġuri.

90

Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jintlaqa’.

91

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi introduċiet, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 136/2020, l-Artikolu 33a fil-Liġi Nru 170/2018, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 12(2), (3)(b) u (4) tad-Direttiva 2015/2302, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha.

Fuq l-ispejjeż

92

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Slovakka tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi introduċiet, bl-adozzjoni taż-zákon č. 136/2020 Z. z. (Liġi Nru 136/2020 Ġabra), tal‑20 ta’ Mejju 2020 l-Artikolu 33a fiż-zákon č. 170/2018 Z. z. o zájazdoch, spojených službách cestovného ruchu, niektorých podmienkach podnikania v cestovnom ruchu a o zmene a doplnení niektorých zákonov (Liġi Nru 170/2018 Ġabra, dwar il-vjaġġi kollox kompriż, is-servizzi turistiċi marbuta u ma’ ċerti kundizzjonijiet applikabbli għall-attività turistika, li temenda u tikkompleta ċerti liġijiet), tal‑15 ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 12(2), (3)(b), u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302.

 

2)

Ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

Top