EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0051

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali u inkompatibbli – Sanzjonijiet finanzjarji – Natura proporzjonata u dissważiva – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Ponderazzjoni tal-voti tal-Istat Membru fil-Parlament Ewropew.
Kawża C-51/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ;

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:534

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑51/20

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 260 TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Metodu ta’ kalkolu – Fattur ‘n’ – Teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru”

I. Introduzzjoni

1.

Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, meta l-Kummissjoni Ewropea tqis li Stat Membru ma jkunx ħa l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu adottata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, hija tista’ tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors li fih titlob l-impożizzjoni, fuq dan l-Istat Membru, ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonsistu fil-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jew ta’ somma f’daqqa, fejn l-ewwel waħda hija intiża sabiex tiġi ssanzjonata l-kontinwazzjoni tal-ksur wara s-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li t-tieni waħda hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-Istat Membru ma jerġax iwettaq il-ksur ( 2 ). Fir-rikors li bih tressaq Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni għandha tippreċiża l-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet li hija tqis xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Sabiex tiddetermina dan l-ammont, hija tuża metodu ta’ kalkolu espost, l-iktar reċentement, f’Komunikazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2005 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”). Dan il-metodu ta’ kalkolu jieħu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi oħra, bħall-gravità u t-tul tal-ksur, il-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru li jkun wettaq il-ksur, liema kapaċità hija espressa bl-hekk imsejjaħ fattur “n”. Kif ser naraw f’iktar dettall iktar tard, il-kalkolu tal-fattur “n” kien ibbażat inizjalment fuq żewġ komponenti, jiġifieri, minn naħa, il-prodott gross domestiku (iktar ’il quddiem il-“PGD”) tal-Istat Membru inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ voti li dan tal-aħħar kellu fi ħdan il-Kunsill għall-voti b’maġġoranza kkwalifikata. Wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ April 2017, tas-sistema l-ġdida għall-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, prevista fl-Artikolu 16(4) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( 4 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018”), li r-regola ta’ maġġoranza doppja, li fuqha hija bbażata din is-sistema, ma kinitx direttament applikabbli għall-mekkaniżmu ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet li kellhom jiġu imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur u għalhekk ma setgħetx tissostitwixxi s-sistema preċedenti tal-voti ponderati li fuqha, sa dak il-mument, kien ibbażat il-kalkolu tal-fattur “n”. Il-Kummissjoni għalhekk adottat, fl-2019, komunikazzjoni ġdida ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2019”), li permezz tagħha hija emendat l-element tal-fattur “n” li ma huwiex marbut mal-PDG, billi ssostitwixxiet, essenzjalment, il-kriterju kkostitwit min-numru ta’ voti fi ħdan il-Kunsill bil-kriterju differenti tan-numru ta’ siġġijiet assenjati lil kull Stat Membru għar-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew.

2.

L-ammonti tas-sanzjonijiet li l-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika Ellenika fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ġew iddeterminati bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ġdid għall-kalkolu tal-fattur “n”.

3.

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( 6 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”). Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas, minn naħa, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 26 697.89 mill-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3 709.23 bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u l-jum tar-regolarizzazzjoni tal-ksur jew, fin-nuqqas ta’ tali regolarizzazzjoni, bejn dik id-data u l-jum li fih ser tingħata s-sentenza f’din il-kawża. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

4.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tesponi li, konformement mal-metodu ta’ kalkolu previst fil-Komunikazzjoni tal-2005, il-pagamenti ta’ penalità li hija tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika Ellenika għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma kkalkolati billi tiġi mmultiplikata somma f’daqqa bażika uniformi, stabbilita bħala EUR 3116 ( 7 ), b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 7 – iddeterminat fid-dawl tal-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq l-interessi pubbliċi u privati, fid-dawl ta’ paragun ma’ nuqqasijiet paragunabbli u ta’ fatturi attenwanti u aggravanti oħra – u b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 2.4, li jikkorrispondi għall-24 xahar li għaddew bejn id-9 ta’ Novembru 2017, id-data li fiha ngħatat is-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u s-27 ta’ Novembru 2019, id-data li fiha l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-ammont miksub b’dan il-mod ġie mmultiplikat bil-fattur “n”, ikkalkolat skont il-metodu espost fil-Komunikazzjoni tal-2019 u ffissat, għar-Repubblika Ellenika, bħala 0.51 ( 8 ).

5.

Fir-rigward tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tesponi li, skont il-metodu ta’ kalkolu previst fil-Komunikazzjoni tal-2005, l-ammont tagħha ġie ddeterminat abbażi ta’ ammont ta’ kuljum li jikkorrispondi għal ammont b’rata fissa b’bażi uniformi, stabbilit bħala EUR 1039 ( 9 ), immultiplikat b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 7 u bil-fattur “n” ta’ 0.51. Fuq il-bażi ta’ dak li qiegħda tipproponi l-Kummissjoni, l-ammont totali tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta fuq ir-Repubblika Ellenika ma għandux ikun inqas minn somma minima li, għal dan l-Istat Membru, ġiet iffissata bħala EUR 135820 824.35 ( 10 ).

6.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li s-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti skont l-Artikolu 260(2) TFUE jiġu ffissati billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu u, għaldaqstant, il-PDG tiegħu, iżda wkoll il-piż istituzzjonali li huwa għandu fi ħdan l-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, il-kriterju invalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, ibbażat fuq in-numru ta’ voti ta’ kull Stat Membru fi ħdan il-Kunsill, għandu jiġi ssostitwit bi kriterju ġdid li jaġixxi bħala korrezzjoni għall-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG, kemm bil-għan li jinżamm il-bilanċ bejn il-kapaċità ta’ ħlas u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, u kemm bil-għan li jiġi evitat li differenzi eċċessivi bejn il-koeffiċjenti assenjati lil kull Stat Membru joħolqu inugwaljanza fit-trattament mhux iġġustifikata.

7.

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Fir-rigward tas-sanzjonijiet pekunjarji proposti minn din tal-aħħar, ir-Repubblika Ellenika tqis li dawn la huma ġġustifikati u lanqas ma huma proporzjonati. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis neċessarju li tissanzjona n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija taqbel mal-Kummissjoni meta tikkunsidra li l-fattur “n”, u b’mod ġenerali l-ammont tas-sanzjonijiet, għandu jirrifletti wkoll, minbarra l-kapaċità ekonomika tal-Istat Membru inkwistjoni, il-piż istituzzjonali tiegħu. Skont ir-Repubblika Ellenika, il-kriterju adottat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-2019, ibbażat fuq in-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament, jippermetti li jittieħed debitament inkunsiderazzjoni dan l-element tal-aħħar.

8.

Il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex iwieġbu bil-miktub għal numru ta’ mistoqsijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-fattur “n” kif esposti fil-Komunikazzjoni tal-2019.

9.

Dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw esklużivament il-kwistjoni tar-rilevanza, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati, tal-element ikkostitwit mill-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, kif espress, b’mod partikolari, min-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew attribwiti lil dan l-Istat Membru.

II. Evalwazzjoni

A.   Il-fattur “n” qabel is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018

1. Il-Komunikazzjoni tal-2005

10.

Il-fattur “n” deher għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar 1997 dwar il-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ( 11 ) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-1997”). Il-Komunikazzjoni tal-2005 estendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur anki għall-kalkolu tas-somma f’daqqa ( 12 ). Iddefinit bħala “fattur invarjabbli għal kull pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 13 ), il-fattur “n” kien, fil-Komunikazzjoni tal-2005, kif kien preċedentement fil-Komunikazzjoni tal-1997, irregolat f’taqsima separata, intitolata “Il-kunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva ta’ l-Istat Membru kkonċernat” ( 14 ). L-għan tiegħu huwa marbut mar-rekwiżit li tiġi żgurata n-natura effettivament dissważiva tas-sanzjoni. Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, dan jippermetti li l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa jiġu ffissati f’livell għoli biżżejjed sabiex jeżerċita fuq l-Istat Membru pressjoni tali li twassal lil dan tal-aħħar, minn naħa, sabiex itemm il-ksur ( 15 ) u, min-naħa l-oħra, sabiex ma jerġax iwettaq ksur ( 16 ).

11.

Fil-Komunikazzjoni tal-2005, bħalma kien diġà l-każ fil-Komunikazzjoni tal-1997, il-fattur “n” kien deskritt bħala l-“mezz [medja] ġeometriku bbażat, minn naħa, fuq il-PGD ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-ippeżar tad-drittijiet tal-voti fil-Kunsill”. Dan il-fattur kien ikkalkolat bl-għerq kwadru tar-riżultat tal-multiplikazzjoni ta’ żewġ fatturi, fejn l-ewwel fattur jirriżulta mill-proporzjon bejn il-PGD tal-Istat Membru inkwistjoni u l-PGD tal-Lussemburgu filwaqt li t-tieni wieħed jirriżulta mill-proporzjon bejn in-numru ta’ voti li kellu kull wieħed mill-Istati Membri fil-Kunsill skont il-piż previst fl-Artikolu 148 tat-Trattat KE u n-numru ta’ voti tal-Lussemburgu ( 17 ). Skont il-Kummissjoni, permezz ta’ tali formula setgħet tinkiseb diverġenza raġonevoli bejn il-koeffiċjenti attribwiti lil kull Stat Membru, li jvarjaw bejn 0.36 u 25.40 ( 18 ).

12.

Il-Kummissjoni rriżervat id-dritt li taġġusta l-fattur “n” fil-każ ta’ diverġenzi kbar fir-rigward tas-sitwazzjoni reali jew fil-każ ta’ bidla fil-piż tal-voti fi ħdan il-Kunsill, kif ukoll li taġġusta dan il-fattur b’mod perijodiku, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir prevedibbli, proporzjonalment ogħla, fil-PGD tal-Istati Membri l-ġodda ( 19 ). Ir-regoli li fuq il-bażi tagħhom jitwettaq l-aġġornament tad-data fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-PGD u tal-inflazzjoni f’kull Stat Membru huma indikati f’Komunikazzjoni tal-2010 ( 20 ). Konformement ma’ din il-komunikazzjoni tal-aħħar, b’effett mill-2011 dan l-aġġornament twettaq fuq bażi annwali ( 21 ).

1. Il-ġurisprudenza

13.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi linji gwida intiżi sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet għall-kalkolu tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet intlaqgħet, sa mill-bidu, b’mod pożittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja, li enfasizzat li tali “regoli indikattivi” kienu jikkontribwixxu sabiex jiġi ggarantit li l-azzjoni tal-Kummissjoni tkun ikkaratterizzata minn kriterji ta’ trasparenza, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali ( 22 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat fuq il-mertu l-prinċipju li minnhom huma ispirati dawn il-linji gwida, filwaqt li identifikat, konformement ma’ dak li joħroġ mill-komunikazzjonijiet suċċessivi tal-Kummissjoni, it-tul tal-ksur, il-livell ta’ gravità u l-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat bħala l-kriterji fundamentali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ggarantita n-natura koerċittiva, l-adegwatezza fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-proporzjonalità mal-ksur imwettaq tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

14.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fattur “n”, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa mill-ewwel formulazzjoni tiegħu fil-Komunikazzjoni tal-1997, approvat kemm l-għan tiegħu u kemm il-kriterji għad-determinazzjoni tiegħu, filwaqt li speċifikat li “il-proposta tal-Kummissjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-[PGD] tal-Istat Membru kkonċernat u kemm in-numru ta’ voti li dan għandu fi ħdan il-Kunsill tirriżulta adegwata sa fejn tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri” ( 24 ). F’tali każijiet, li kienu sporadiċi u mhux wara l-2009, meta kkalkolat mill-ġdid l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li kellhom jiġu imposti fuq l-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula minnha dwar it-tul u l-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja stess applikat il-koeffiċjent multiplikatur li jikkorrispondi għall-fattur “n” assenjat mill-Kummissjoni lil tali Stat Membru ( 25 ), filwaqt li aġġustatu, fejn kien meħtieġ, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni data ferm iktar aġġornata dwar, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tal-PGD ta’ dan l-Istat ( 26 ). B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod kostanti, bi tweġiba għall-argumenti tal-Istati Membri li naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tagħhom magħmula mill-Kummissjoni u anki meta ma tressqux tali argumenti, il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-inflazzjoni u tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat “kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja” ( 27 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni li, kif sostna l-Istat Membru kkonċernat, il-kapaċità ta’ ħlas tiegħu kienet naqset minħabba l-kriżi ekonomika ( 28 ).

B.   Is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018

15.

Kif diġà għidt, fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-impatt tal-emenda tas-sistema ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill fuq id-determinazzjoni tal-fattur “n” fuq il-bażi tar-regoli stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2005. Ir-Repubblika Ellenika, li fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, sostniet, fost oħrajn, li, minħabba din l-emenda li, kif diġà għidt, introduċiet, għall-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata, sistema ta’ maġġoranza doġja minflok is-sistema preċedenti ta’ voti ponderati ( 29 ), l-Istati Membri b’PGD u b’popolazzjoni komparabbli għal dawk tagħha kienu ġarrbu tnaqqis kunsiderevoli fl-influwenza tagħhom fi ħdan il-Kunsill. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-piż tal-voti fi ħdan il-Kunsill, kif previst qabel ir-riforma, kien baqa’ parametru ta’ referenza raġonevoli, għalkemm issa ta’ natura “storika”, b’mod partikolari sa fejn kien jippermetti li tinżamm differenzazzjoni aċċettabbli bejn l-Istati Membri.

16.

Filwaqt li mxiet mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sistema l-ġdida ta’ maġġoranza doppja ma kinitx tipprovdi kriterji sodisfaċenti sabiex tiġi ddeterminata b’mod adegwat il-kapaċità finanzjarja tal-Istati Membri u li għal dan il-għan kien meħtieġ li tibbaża ruħha fuq il-PGD bħala l-“fattur predominanti” ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, fil-ġurisprudenza tagħha ta’ wara l-1 ta’ April 2017, ittieħed inkunsiderazzjoni biss il-PGD tal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li enfasizzat ukoll l-intenzjoni tagħha li tagħti importanza predominanti lil dan il-parametru b’effett mir-riforma fis-sistema tal-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill ( 32 ).

C.   Il-fattur “n” wara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018

1. Il-Komunikazzjoni tal-2019

17.

Filwaqt li segwiet l-istedina magħmula mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018 ( 33 ) u sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tal-2019. F’din il-komunikazzjoni, hija tispjega li hija biss il-kombinazzjoni tal-kapaċità finanzjarja u tal-“piż istituzzjonali” tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-“valur intrinsiku [tiegħu] fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea” ( 34 ), li tippermetti li jiġi ggarantit bilanċ bejn in-natura effettivament dissważiva u proporzjonali tas-sanzjonijiet proposti minnha fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE. Dan il-bilanċ jintlaħaq b’mod iktar limitat, skont il-Kummissjoni, fil-każ li l-PGD jintuża bħala l-uniku element ta’ kalkolu, sa fejn huwa parametru li jirrifletti b’mod esklużiv l-aspett ekonomiku tal-Istati Membri. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, l-użu esklużiv tal-PGD iwassal sabiex id-differenza bejn l-ogħla u l-iżgħar fattur “n” tgħaddi minn 55 għal 312 u sabiex, għal iktar minn terz tal-Istati Membri, ikun hemm żieda sostanzjali fl-ammonti tas-sanzjonijiet proposti ( 35 ). L-għan prinċipali segwit mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-2019 huwa għalhekk dak li l-ammonti tas-sanzjonijiet proposti jinżammu bejn valuri li jkunu kemm jista’ jkun qrib dawk miksuba permezz tal-metodu ta’ kalkolu preċedenti.

18.

Fuq il-bażi ta’ tali kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tesponi l-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-fattur “n”, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żewġ elementi: il-PGD u n-numru ta’ siġġijiet assenjati lil kull Stat Membru għar-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament ( 36 ). Dan il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu jimplika li l-fattur “n” tal-Lussemburgu ma jibqax jintuża bħala valur ta’ riferiment ( 37 ) u li dan il-fattur issa ġie ssostitwit b’medja bejn iż-żewġ parametri użati (il-PGD u n-numru ta’ rappreżentanti fil-Parlament Ewropew). B’hekk, il-fattur “n” jikkorrispondi għall-medja ġeometrika kkalkolata bl-estrazzjoni tal-għerq kwadru tar-riżultat tal-multiplikazzjoni taż-żewġ fatturi, fejn l-ewwel fattur huwa l-proporzjon bejn il-PGD tal-Istat Membru kkonċernat u l-PGD medju tal-Unjoni ( 38 ) filwaqt li t-tieni wieħed huwa l-proporzjon bejn in-numru ta’ siġġijiet tal-imsemmi Stat Membru fil-Parlament u n-numru totali ta’ siġġijiet tal-Istati Membri ( 39 ).

19.

Madankollu, il-Kummissjoni tesponi li, bl-użu tal-parametri l-ġodda mingħajr ebda aġġustament, jinkiseb valur ta’ riferiment għall-fattur “n” li huwa notevolment iżgħar minn dak użat sa issa. Hija għalhekk tqis li, sabiex jiġi ggarantit li l-ammonti li hija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu proporzjonati u suffiċjentement dissważivi, huwa meħtieġ li koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 jiġi applikat għall-ammonti standard b’rata fissa użati għall-kalkolu, rispettivament, tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum u tas-somma f’daqqa, kif ukoll għall-ammont tas-somma f’daqqa minima għal kull Stat Membru ( 40 ).

20.

Il-metodu ta’ kalkolu espost iktar ’il fuq ġie applikat mill-Kummissjoni b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2019 ( 41 ).

2. Il-ġurisprudenza

21.

Wara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tat disa’ sentenzi li fihom imponiet sanzjonijiet pekunjarji fis-sens tal-Artikolu 260(2) jew (3) TFUE. Fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement issemmi l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni fost il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva tal-pagamenti ta’ penalità, mingħajr indikazzjonijiet dwar il-modalitajiet li permezz tagħhom kienet ġiet evalwata din il-kapaċità ( 42 ). Fis-sentenzi l-oħra, hija ssemmi, bħal f’diversi deċiżjonjiet preċedenti, il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali kapaċità ta’ ħlas, l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-imsemmi Stat Membru, hekk kif din tkun tinsab fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 43 ).

22.

Għandu jiġi rrilevat li huwa biss fil-kawżi li wasslu għall-aħħar żewġ sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, maqtugħa fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2019 ( 44 ), li l-fattur “n” tas-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni kien ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-metodu espost f’din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) ( 45 ), dwar rikors ippreżentat skont l-Artikolu 260(3) TFUE, ir-Renju ta’ Spanja qajjem espliċitament il-kwistjoni tal-validità tal-metodu ta’ kalkolu użat fil-Komunikazzjoni tal-2019, filwaqt li sostna li l-koeffiċjent attribwit lilu f’din il-komunikazzjoni kien iqiegħdu fir-raba’ post fost l-Istati Membri fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas, filwaqt li, li kieku din il-kapaċità kienet ikkalkolata fuq il-bażi biss tal-PGD, huwa kien jiġi fl-erbatax-il post ( 46 ). Kif diġà għidt, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma indirizzatx din il-kwistjoni b’mod espliċitu.

D.   Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

23.

F’dan l-istadju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta tiddeċiedi jekk timponix jew le sanzjonijiet pekunjarji fuq l-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu u meta tiddetermina l-ammont u l-forma ta’ dawn is-sanzjonijiet. L-Artikolu 260 TFUE ma jipprevedi ebda limitazzjoni espliċita fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali – ħlief għall-obbligu li ma jinqabiżx l-ammont propost mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ( 47 ) – u jistabbilixxi biss it-tipi tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti.

24.

Sa mill-ewwel deċiżjonijiet tagħha dwar l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 171(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 228(2) KE u mbagħad l-Artikolu 260(2) TFUE), il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, enfasizzat in-natura mhux vinkolanti tal-proposti fformulati mill-Kummissjoni, li jikkostitwixxu biss “punt ta’ referenza utli” ( 48 ), filwaqt li sostniet li għandha s-setgħa kemm li tiddeċiedi li timponi sanzjonijiet fl-assenza ta’ proposta espliċita f’dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni ( 49 ) jew li ma timponix tali sanzjonijiet fil-preżenza ta’ tali proposta ( 50 ), kif ukoll li temenda, billi tnaqqsu iżda wkoll billi żżidu ( 51 ), l-ammont ta’ din il-proposta jew inkella li taġġusta l-modalitajiet tal-ġbir fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull meta jkunu dovuti l-pagamenti ta’ penalità, tan-natura kostanti jew li tonqos tal-ammont ( 52 ) u tad-data ta’ eżiġibbiltà ( 53 ).

25.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li hija ma hijiex marbuta mil-linji gwida li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 54 ), minkejja li, kif diġà għidt, enfasizzat l-importanza tagħhom f’termini ta’ trasparenza, ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali tal-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni. Fir-rigward tal-modalitajiet għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat diversi drabi li huwa l-kompitu tagħha li tistabbilixxi, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, dawn is-sanzjonijiet “b’tali mod li dawn ikunu, min-naħa, adatti għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas ta’ l-Istat Membru in kwistjoni” ( 55 ). Fir-rigward tas-somma f’daqqa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li kemm il-kundanna għall-ħlas ta’ tali sanzjoni u kemm id-determinazzjoni tal-eventwali ammont tagħha “għandhom, f’kull każ, jibqgħu suġġetti għall-elementi rilevanti kollha relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat” mill-proċedura ta’ ksur ( 56 ). Fuq il-bażi ta’ dawn l-indikazzjonijiet, l-elementi li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina b’mod konkret l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità u tas-somma f’daqqa huma, kif diġà għidt, il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ kull każ ineżami ( 57 ). B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-“kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jew/u ta’ somma ta’ ħlas f’daqqa ma hijiex maħsuba sabiex tikkumpensa kwalunkwe ħsara li setgħet saret mill-Istat Membru in kwistjoni, iżda sabiex teżerċita fuq dan theddida ekonomika li ġġielu jtemm in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu li ġie kkonstatat. Il-[p]enalitajiet finanzjarji imposti jridu għalhekk jiġu deċiżi skond il-grad ta’ persważjoni meħtieġa sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jibdel l-imġieba tiegħu” ( 58 ).

26.

Id-diversi fatturi li jagħmlu parti mill-kalkolu tal-ammonti tas-sanzjonijiet, inkluża l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, li tippermetti li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, huma għalhekk suġġetti għal evalwazzjoni ħielsa min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 59 ).

27.

F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata, minkejja li diġà għamlet dan fil-passat ( 60 ), tapplika l-koeffiċjenti proposti mill-Kummissjoni bħala fattur “n”, u lanqas ma hija obbligata ssegwi l-metodu ta’ kalkolu mfassal minn din tal-aħħar fil-komunikazzjonijiet tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija obbligata tieħu pożizzjoni dwar in-natura leġittima ta’ tali metodu, jew dwar l-applikazzjoni korretta tiegħu min-naħa tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li, f’din il-kawża, kif barra minn hekk diġà għamlet fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar ir-rilevanza tal-element tal-“piż istituzzjonali” tal-Istat Membru kkonċernat fid-determinazzjoni tal-fattur “n”, kif ukoll dwar in-natura adattata tal-kriterju adottat fil-Komunikazzjoni tal-2019 sabiex jiġi rifless tali element, u dan minkejja li ntalbet tagħmel dan mill-Kummissjoni.

28.

Il-kunsiderazzjonijiet segwenti qegħdin isiru fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni.

E.   In-numru ta’ siġġijiet assenjati lil kull Stat Membru fil-Parlament Ewropew bħala kriterju adattat sabiex jiġi rifless il-“piż istituzzjonali” tal-Istat Membru

29.

B’differenza mill-fatturi l-oħra li jagħmlu parti mill-kalkolu tas-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 260 TFUE, il-fattur “n” huwa ta’ natura suġġettiva u huwa indipendenti mill-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Kif diġà għidt, sa mill-Komunikazzjoni tal-1997, il-Kummissjoni qieset li huwa meħtieġ li dan il-fattur jiġi kkalkolat b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni d-dimensjoni kemm ekonomika u kemm politika tal-Istat Membru kkonċernat, li hija riflessa miż-żewġ elementi tal-PGD u tan-numru tal-voti mogħtija lil dan l-Istat Membru taħt is-sistema tal-hekk imsejjaħ vot ponderat. Din is-sistema tal-aħħar kienet tipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, l-attribuzzjoni lil kull Stat Membru ta’ numru miftiehem ta’ voti previst direttament fit-Trattati u li jirrifletti essenzjalment il-piż demografiku tiegħu, skont il-kriterju ddefinit bħala “l-għerq kwadrat”, li kien jagħti lil kull Stat Membru numru ta’ voti inqas minn wieħed proporzjonat għall-popolazzjoni tiegħu, bi proporzjon bejn il-voti assenjati u l-popolazzjoni li, bħala prinċipju, huwa iktar favorevoli għall-iżgħar Stati Membri.

30.

Fl-istqarrija għall-istampa maħruġa mal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-1997 ( 62 ), il-Kummissjoni speċifikat li n-numru ta’ voti fi ħdan il-Kunsill kien ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, bħala kriterju li jista’ jirrifletti l-influwenza ta’ kull Stat Membru fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tkun is-suġġett tal-ksur. F’dan is-sens, il-“piż istituzzjonali” tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur “n” kien b’ċertu mod, għalkemm b’mod approssimattiv u mhux perfett, marbut mal-influwenza tiegħu fil-proċessi deċiżjonali ( 63 ).

31.

Din ir-rabta, li ma kinitx mingħajr kritika ( 64 ), hija inqas importanti fil-metodu l-ġdid ta’ kalkolu propost mill-Kummissjoni. Għalkemm, fil-Komunikazzjoni tal-2019, din tal-aħħar issostni li l-kriterju l-ġdid ibbażat fuq in-numru ta’ siġġijiet li għandu kull Stat Membru fil-Parlament Ewropew jippermetti li tinkiseb “l-aktar riflessjoni xierqa tal-piż istituzzjonali tal-Istati Membri disponibbli llum fit-Trattati tal-UE”, dan il-kriterju huwa manifestament inadegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-influwenza li kull Stat Membru jista’ jeżerċita fil-proċessi deċiżjonali fi ħdan l-Unjoni.

32.

Fil-fatt, kif enfasizzat b’mod korrett fid-duttrina, minbarra li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-Unjoni u mhux lill-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 14(2) TUE, il-Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’kull Stat Membru jiġu eletti fuq il-bażi tas-sħubija tagħhom f’partiti politiċi, bil-konsegwenza li l-voti tagħhom fil-Parlament jirriflettu din is-sħubija iktar milli jirriflettu, b’mod globali, il-pożizzjoni meħuda mill-Istat Membru li minnu jkunu ġew eletti fin-negozjati leġiżlattivi fi ħdan l-Unjoni ( 65 ).

F.   Ir-rilevanza tal-“piż istituzzjonali” tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-fattur “n”

33.

B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu meħtieġa sabiex tiġi żgurata li s-sanzjonijiet imposti fuqu jservu ta’ deterrent għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-“piż istituzzjonali” tiegħu.

34.

Kif diġà għidt, il-metodu li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-fattur “n”, fost oħrajn, tan-numru ta’ voti li għandu l-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fil-votazzjonijiet b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill tqies, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa “adegwat” sabiex tiġi żgurata n-natura fl-istess ħin dissważiva u proporzjonata tas-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni. Madankollu, dan iżda ma jimplikax, kif tidher li qiegħda ssostni l-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li huwa assolutament meħtieġ li l-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu tiġi marbuta mal-“piż istituzzjonali” tiegħu, u lanqas ma jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, a priori, li metodu ta’ kalkolu bbażat esklużivament fuq il-PGD huwa inadegwat. Għall-kuntrarju, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem sostniet, anki meta kien applikabbli l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” ibbażat fuq is-sistema tal-voti ponderati, il-ħtieġa fundamentali li din il-kapaċità finanzjarja tiġi evalwata fuq il-bażi tal-valuri aġġornati tal-PGD u, min-naħa l-oħra, meta ddikjarat li s-sistema l-ġdida ta’ kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata kienet inadegwata, il-Qorti tal-Ġustizzja ma affermatx li kien meħtieġ li jinsab kriterju alternattiv adegwat sabiex jirrifletti l-“piż istituzzjonali” tal-Istat Membru kkonċernat u sempliċement qieset li l-PGD kien il-kriterju predominanti ( 66 ).

35.

Min-naħa tiegħi, inqis li l-għan li jiġu ffissati sanzjonijiet li jkunu suffiċjentement dissważivi fil-kuntest ta’ proċeduri skont l-Artikolu 260 TFUE ma jeħtieġx neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ parametri differenti mill-PGD (sempliċi, per capita jew komparattiv), li fih innifsu jista’ jipprovdi indikazzjoni adegwata tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. B’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, sabiex jintlaħaq dan l-għan ma huwiex meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“piż istituzzjonali” fl-Unjoni ta’ tali Stat Membru, mifhum fis-sens tal-influwenza li dan tal-aħħar jista’ jeżerċita fil-proċessi deċiżjonali jew, b’mod iktar ġeneriku u astratt, fis-sens tal-“valur intrinsiku” tiegħu fuq il-livell istituzzjonali tal-Unjoni ( 67 ). Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, dan il-kriterju ma huwiex importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti fuq Stat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu f’livell li jkun tali li jiġi żgurat l-eżerċizzju ta’ pressjoni suffiċjenti fuq dan l-Istat sabiex jibdel l-aġir (attwali jew futur) tiegħu.

36.

Madankollu, meta tinqara b’iktar attenzjoni, mill-Komunikazzjoni tal-2019 (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula minnha, jirriżulta li l-Kummissjoni għadha tqis li huwa meħtieġ li l-PGD jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ kriterju li jista’ jirrifletti l-“piż istituzzjonali” tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni u dan essenzjalment, jekk mhux esklużivament, bil-għan li l-varjazzjoni bejn il-koeffiċjenti applikati għal kull Stat Membru tinżamm “fi ħdan medda raġonevoli” ( 68 ). Barra minn hekk, dan it-tħassib, li b’mod ġeneriku huwa marbut mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri ( 69 ), wassal lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi, fil-metodu l-ġdid ta’ kalkolu, koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5, li l-unika spjegazzjoni għalih hija l-ħtieġa li l-ammonti miksuba bl-applikazzjoni tal-fatturi “n” attwali, li tqiesu li ma kinux dissważivi biżżejjed, jiġu allineati ma’ dawk proposti preċedentement, sabiex b’hekk tinżamm stabbli l-varjazzjoni bejniethom.

37.

F’dan ir-rigward nosserva biss li l-għan li jinżamm proporzjon partikolari bejn il-koeffiċjenti applikati għad-diversi Stati Membri jista’ jintlaħaq permezz ta’ metodi differenti minn dawk applikati sa issa, pereżempju billi jsir riferiment għal PGD per capita, minflok għal PGD“komparattiv” ( 70 ) jew inkella billi jintuża bħala bażi kriterju demografika li jippermetti r-relativizzazzjoni tar-riżultati miksuba mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-PGD sempliċi jew komparattiv ( 71 ).

II. Konklużjoni

38.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tqis li huwa meħtieġ li tagħti deċiżjoni dwar il-kriterju għad-determinazzjoni tal-fattur “n” ikkostitwit min-numru ta’ siġġijiet assenjati lil kull Stat Membru fil-Parlament Ewropew, tiddikjara li tali kriterju huwa inadegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ pagament tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu għall-finijiet tal-iffissar ta’ sanzjonijiet li jkunu kemm dissważivi u proporzjonati u tikkonferma r-rilevanza, għal dawn il-finijiet, ta’ kriterju bbażat fuq il-prodott gross domestiku tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija ġġustifikata, bħala prinċipju, fil-każ biss li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza preċedenti jippersisti sal-eżami tal-fatti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 64). Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu imposti ż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa, fl-istess sentenza, fid-dawl tal-għanijiet differenti u komplementari tagħhom, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punti 80 sa 86).

( 3 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, SEG(2005) 1658 (ĠU 2007, C 126, p. 15). Din il-komunikazzjoni ġiet estiża mill-Kummissjoni, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għall-proċeduri mressqa taħt l-Artikolu 260(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, tal-15 ta’ Jannar 2011, ĠU 2011, C 12, p. 1, punt 4).

( 4 ) C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 136 sa 142.

( 5 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 70, p. 1).

( 6 ) C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845.

( 7 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur, tat-13 ta’ Settembru 2019 (ĠU 2019, C 309, p. 1).

( 8 ) Konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità previsti fl-Artikolu 171 tat-Trattat KE (ĠU 1997, C 63, p. 2). Din il-komunikazzjoni kienet tispeċifika u tintegra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Memorandum dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 171 tat-Trattat KE tal-5 ta’ Ġunju 1996, l-ewwel komunikazzjoni kronoloġikament (ĠU 1996, C 242, p. 6), li kienet tistabbilixxi biss numru ta’ kriterji ta’ gwida għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità.

( 12 ) Ara l-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

( 13 ) Ara t-Taqsima 1 tal-Komunikazzjoni tal-1997.

( 14 ) Jiġifieri t-Taqsima 4 fil-Komunikazzjoni tal-1997 u t-Taqsima D fil-Komunikazzjoni tal-2005.

( 15 ) Għaldaqstant, is-sanzjoni għandha tkun ikbar mill-vantaġġi li l-Istat Membru jkun kiseb mill-ksur. Ara t-Taqsima 4 tal-Komunikazzjoni tal-1997 u l-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

( 16 ) Ara l-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal-2005

(

17

) Il-formula hija s-segwenti:

Image

. Ara l-punt 18 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 tal-Komunikazzjoni tal-2005. Fil-Komunikazzjoni tal-1997, il-PGD u n-numru ta’ voti fi ħdan il-Kunsill ta’ kull Stat kienu kkunsidrati bħala proporzjon, rispettivament, mal-iktar PGD baxx u mal-iżgħar numru ta’ voti fost il-15-il Stat Membru.

( 18 ) Ara l-punt 18.1 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

( 19 ) Ara l-punt 18.2 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

( 20 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 (SEC (2010) 923/3).

( 21 ) L-aħħar reviżjoni tad-data qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2019 saret fl-2017 (ĠU 2017, C 431, p. 3). Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 (ĠU 2011, C 12, p. 1, punt 24), il-Kummissjoni kkonfermat li kienet ser issegwi l-istess metodu ta’ kalkolu espost fil-Komunikazzjoni tal-2005 fir-rigward tas-sanzjonijiet proposti taħt l-Artikolu 260(3) TFUE.

( 22 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 87).

( 23 ) Ara, fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000 (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 92) u, l-iktar reċenti, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 63); fir-rigward tas-somma f’daqqa, ara, fost oħrajn, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, (EU:C:2020:564, punt 81) u, l-iktar reċenti, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73).

( 24 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 88); tal-25 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punt 59); tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 109); u tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 65). Fis-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja sfumat il-ġudizzju tagħha dwar l-adegwatezza tal-metodu għad-determinazzjoni tal-fattur “n”, filwaqt li speċifikat li tali metodu jikkostitwixxi “bħala regola” mod adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.

( 25 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punti 5960); tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 110); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 76); u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑109/08, EU:C:2009:346, punt 43).

( 26 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 49), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet il-koeffiċjent li jikkorrispondi għall-fattur “n” assenjat lir-Repubblika Portugiża.

( 27 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 131); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:834, punti 7879); tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 104); tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 78); tas-7 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 81); tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101); tat-12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna) (C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punti 158159); u, l-iktar reċenti, tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 83).

( 28 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑374/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:827, punt 44).

( 29 ) L-Artikolu 16(4) TUE jistabbilixxi li, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, “il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija daqs mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li tinkludi mill-inqas ħmistax fosthom u li tirrappreżenta Stati Membri li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta’ l-Unjoni”. Skont l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, ir-riforma daħlet fis-seħħ b’mod definittiv fl-1 ta’ April 2017.

( 30 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:315, punti 137 sa 140).

( 31 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, punti 139 u 142.

( 32 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita s-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98), u tal-31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358), minkejja li fl-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kawżi ma tqajmet mill-partijiet, minn tal-inqas b’mod espliċitu, il-kwistjoni tal-impatt tar-riforma tas-sistema tal-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill. B’mod partikolari, fl-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat biss, bħalma kienet diġà għamlet f’okkażjonijiet oħra, il-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data aġġornata dwar l-evoluzzjoni tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat mogħtija minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 101). Fit-tieni waħda minn dawn is-sentenzi, kif ukoll f’sentenzi oħra mogħtija qabel is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, l-affermazzjoni li l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ dan l-Istat tassumi natura iktar ġenerali, għalkemm mingħajr indikazzjoni ċara tan-natura esklużiva ta’ tali kriterju; ara wkoll, minbarra s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 81), is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑205/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:606, punt 63).

( 33 ) C‑93/17, EU:C:2018:315, nota ta’ qiegħ il-paġna 65.

( 34 ) Ara l-punt 2 fil-paġna 2 tal-Komunikazzjoni tal-2019.

( 35 ) Ara l-paġna 2 tal-Komunikazzjoni tal-2019.

( 36 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, għal-leġiżlatura attwali, għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2018/937 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU 2018, L 165l, p. 1). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 tal-Komunikazzjoni tal-2019.

( 37 ) Din l-għażla tmur lura għall-perijodu li fih il-Lussemburgu kien il-pajjiż bl-iktar PGD totali baxx fost l-Istati Membri.

(

38

) Il-formula użata hija s-segwenti:

Image

( 39 ) Fil-Komunikazzjoni tal-2019, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-Unjoni bi 28 Stat Membru.

( 40 ) L-ammont standard b’rata fissa għall-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum b’hekk sar EUR 690 × 4.5 = EUR 3105 filwaqt li l-ammont standard b’rata fissa għas-somma f’daqqa sar EUR 230 × 4.5 = EUR 1035 u l-ammont minimu b’rata fissa ta’ referenza sar EUR 571000 × 4.5 = EUR 2569500.

( 41 ) Ara l-punt 3 fil-paġna 3 tal-Komunikazzjoni tal-2019. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li teżamina mill-ġdid il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu wara 5 snin mill-adozzjoni tiegħu. L-aħħar aġġornament tad-data makroekonomika użata għall-kalkolu tal-fattur “n” twettaq fil-Komunikazzjoni tat-13 ta’ April 2021 (ĠU 2021, C 129, p. 1), adottata wara l-ħruġ tar-Renju Unit.

( 42 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 8384).

( 43 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Park eoliku ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 124); tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85; fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li tressqet qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2019, ir-Rumanija għamlet riferiment għal din il-komunikazzjoni tal-aħħar, iżda dan biss sabiex tikkontesta l-ammont tas-somma f’daqqa bażika propost mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2005, ara l-punt 62); tas-16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97); tat-13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II) (C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 85; fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li wkoll kienet tressqet qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2019, is-Slovenja għamlet riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018 sabiex tikkontesta l-fattur “n” kif ikkalkolat fil-Komunikazzjoni tal-2005, u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-koeffiċjent indikat fil-Komunikazzjoni tal-2019, punt 62); tas-27 ta’ Frar 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Tniġġis min-nitrati) (C‑298/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:133, punt 53); tat-12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali lis-settur tal-lukandi f’Sardegna) (C‑576/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:202, punt 158); tat-12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli li tinsab barra mill-pajjiż) (C‑842/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:915, punt 58); u tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 83).

( 44 ) Dawn huma s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli li tinsab barra mill-pajjiż) (C‑842/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:915, f’din il-kawża r-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fid-19 ta’ Novembru 2019) u tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, f’din il-kawża r-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fl-4 ta’ Settembru 2019).

( 45 ) C‑658/19, EU:C:2021:138.

( 46 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 49).

( 47 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE.

( 48 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 41); tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 103); tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 34); tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 61); u, iktar reċenti, tat-12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli li tinsab barra mill-pajjiż) (C‑842/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:915, punt 64).

( 49 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 90) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:432, punt 22).

( 50 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695).

( 51 ) Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Park eoliku ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 99 sa134).

( 52 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑278/01, EU:C:2003:635, punti 4445) u tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 111).

( 53 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 125).

( 54 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, iktar reċenti, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli li tinsab barra mill-pajjiż) (C‑842/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:915, punt 64).

( 55 ) B’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 103); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 61); u tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 38).

( 56 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 91); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 60); u tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 35).

( 59 ) Fir-rigward tal-koeffiċjent tat-tul, ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 71).

( 60 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) C‑658/19, EU:C:2021:138.

( 62 ) IP/97/5 tat-8 ta’ Jannar 1997.

( 63 ) Dan permezz ta’ tip ta’ ekwazzjoni fis-sens li, ma’ kapaċità ikbar ta’ influwenza fuq tali proċessi, tikkorrispondi responsabbiltà ikbar fil-każ ta’ ksur (dejjem bil-kundizzjoni li l-formola applikata mill-Kummissjoni twassal effettivament, għall-Istati Membri bl-ikbar numru ta’ voti, għall-iffissar ta’ koeffiċjent ikbar meta mqabbel ma’ dak li kien jirriżulta li kieku ttieħed inkunsiderazzjoni biss il-PGD).

( 64 ) Ara, bħala kritika, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, EU:C:1999:455, nota 40) u tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑197/98, EU:C:1999:597, punti 38 sa 41). Dan tal-aħħar enfasizza, minn naħa, in-natura adegwata ta’ kriterju bbażat fuq il-piż tal-voti, li huwa r-riżultat fil-parti l-kbira tiegħu ta’ qbil politiku, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, u, min-naħa l-oħra, in-natura inadegwata ta’ tali kriterju fil-każijiet li fihom id-dispożizzjonijiet miksura ma kinux ġew adottati b’maġġoranza kkwalifikata. Fl-istess sens, mid-duttrina joħroġ li mhux kull nuqqas li jitwettaq obbligu jirrigwarda neċessarjament u esklużivament id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, Adam, R., “‘Peso istituzionale’ degli Stati membri e calcolo delle sanzioni per inadempimenti ad obblighi europei”, Il diritto dell’Unione europea, Osservatorio europeo, Ġunju 2019, p. 9); dwar dan il-punt ara wkoll Kornezov, A., “Imposing the Right Amount of Sanctions under Article 260(2) TFEU: Fairness v. Predictability, or How to ‘Bridge the Gaps’”, Columbia Journal of European Law, Vol. 20, Nru 3, 2014, p. 329; Condinanzi, M., u Amalfitano, C., “La procedura d’infrazione dieci anni dopo Lisbona”, Federalismi.it, 19/2020, p. 238 u 239. Barra minn hekk, fid-duttrina tqajmet kritika dwar in-natura kkomplikata b’mod inutli tal-kalkolu propost mill-Kummissjoni fir-rigward tal-fattur “n”, u dwar in-natura inadegwata tar-riżultati sabiex jirriflettu l-kapaċità ta’ ħlas effettiva tal-Istati Membri, bir-riskju li tiġi evalwata iktar milli suppost il-kapaċità finanzjarja tal-iktar Stati Membri fqar u li tiġi evalwata inqas milli suppost dik tal-iktar Stati Membri sinjuri. Ara, b’mod partikolari, Kilbey, I., “The Interpretation of Article 260(2) TFEU”, EL Rev. 2010, p. 370 u Borzsak, L. “Punishing Member States or Influencing their Behaviour or Iudex (Non) Calculate?”, Journal of Economic Literature, 2001, 13, p. 235. Fl-aħħar nett, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kull kunsiderazzjoni ta’ natura politika hija irrilevanti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 90). Tali affermazzjoni, li barra minn hekk tgħodd ukoll għad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja wara tali konstatazzjoni, huwa diffiċli li tiġi kkonċiljata, kif enfasizzat b’mod korrett fid-duttrina, mal-użu ta’ kriterji li jirriskjaw li jissuġġettaw il-livell ta’ tali sanzjonijiet, minn tal-inqas parzjalment, għal kunsiderazzjonijiet ta’ tali natura. Ara Jack, B., “Enforcing Member State Compliance with EU Environmental Law: A Critical Evaluation of the Use of Financial Penalties”, Journal of Environmental Law, 2011, p. 90 et seq.

( 65 ) Adam, R., op. cit., p. 8.

( 66 ) Nosserva li t-traduzzjoni Taljana tal-punt 142 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018 (“occorre basarsi definitivamente sul PIL di tale Stato membro”) titbiegħed mit-test awtentiku Grieg (il-lingwa tal-kawża: «ως κυριότερο στοιχείο, πρέπει να ληφθεί ως βάση το ΑΕΠ του εν λόγω κράτους μέλους»), kif ukoll mit-test Franċiż (il-lingwa li bih ġie redatt id-dokument oriġinali: “il convient de s’appuyer sur le PIB dudit État membre en tant que facteur predominanti”), li t-tnejn li huma huma inqas tassattivi.

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, il-paġna 2 tal-Komunikazzjoni tal-2019.

( 68 ) Barra minn hekk, dan it-tħassib jirriżulta li huwa r-raġuni prinċipali li wassal lill-Kummissjoni sabiex, mill-Komunikazzjoni tal-1997 sas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, tinkludi fil-kalkolu tal-fattur “n” in-numru tal-voti fi ħdan il-Kunsill, kif ukoll il-motiv li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapprova tali metodi ta’ kalkolu.

( 69 ) Sa fejn tista’ tqum il-kwistjoni ta’ jekk jikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament il-fatt li sanzjoni pekunjarja li tkun sinjifikattivament differenti tiġi imposta sabiex jiġi ssanzjonat ksur identiku jew analogu, f’sitwazzjoni fejn tali sanzjoni tkun effettivament proporzjonata, fost oħrajn, għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

( 70 ) Fil-passat, imqabbel mal-PGD tal-“iktar Stat fqir” u attwalment, ma’ dak medju tal-Unjoni.

( 71 ) Ara eżempji ta’ metodi alternattivi ta’ kalkolu, ara Kilbey, I., op. cit, p. 378 u 379; u Borzsak, L., op. cit, p. 258 u 259; u Kornezov, A., op. cit, p. 327.

Top