Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0628

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Jannar 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Suq tal-istrumenti finanzjarji – Direttivi 2014/65/UE u (UE) 2016/1034 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-pagament ta’ somma f’daqqa.
Kawża C-628/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Suq tal-istrumenti finanzjarji – Direttivi 2014/65/UE u (UE) 2016/1034 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-pagament ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑628/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fil‑5 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf, G. von Rintelen u B. Rous Demiri, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn T. Mihelič Žitko, A. Dežman Mušič u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn S. Eisenberg, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, A. Kumin, N. Wahl u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2020,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottatx, l-iktar tard sat‑3 ta’ Lulju 2017, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi neċessarji biex tikkonforma mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 64, p. 116) kif ukoll mad-Direttiva (UE) 2016/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ĠU 2016, L 175, p. 8), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni dawn il-miżuri, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE kif emendata mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/1034,

timponi fuq ir-Repubblika tas-Slovenja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagament ta’ somma f’daqqa ta’ ammont ta’ EUR 1028560 li għandha titħallas f’kont li l-Kummissjoni tindika lilha, b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza f’dan il-każ, u

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/65/UE:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti ta’ investiment, operaturi tas-suq, il-fornituri tas-servizzi ta’ rappurtar tad-data u d-ditti ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet tal-investiment bl-istabiliment ta’fergħa fl-Unjoni.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti b’rabta ma’ li ġej:

a)

awtorizzazzjoni u kundizzjonijiet operatorji għad-ditti ta’ investiment;

b)

forniment ta’ servizzi jew ativitajiet ta’ investiment minn ditti ta’ pajjiż terz permezz tal-istabiliment ta’ fergħa;

c)

awtorizzazzjoni u operat tas-swieq regolati;

d)

awtorizzazzjoni u operat tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data; u

e)

superviżjoni, kooperazzjoni u infurzar mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE, meta jipprovdu servizz wieħed ta’ investiment jew iktar u/jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment:

a)

l-Artikolu 2(2), Artikolu 9(3), u l-Artikoli 14 u 16 sa 20,

b)

il-Kapitolu II tat-Titolu II bl-esklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(2),

c)

il-Kapitolu III tat-Titolu II bl-esklużjoni tal-Artikolu 34(2) u (3) u l-Artikolu 35(2) sa (6) u (9),

d)

l-Artikoli 67 sa 75 u l-Artikoli 80, 85 u 86.

4.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukollgħad-ditti ta’ investiment u għall-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati taħt id-Direttiva 2006/36/UE meta jkunu qed ibigħu lill-klijenti jew jikkonsultawhom f’rabta ma’ depożiti strutturati:

a)

l-Artikolu 9(3), l-Artikolu 14, u l-Artikolu 16(2), (3) u (6);

b)

l-Artikoli 23 sa 26, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29 bl-esklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, u l-Artikolu 30; u

c)

l-Artikoli 67 sa 75.

5.   L-Artikolu 17(1) sa (6) għandu japplika wkoll għall-membri jew parteċipanti tas-swieq regolati u l-MTFs [(Multilateral Trading Facilities), faċilitajiet ta’ negozju multilaterali] li mhux meħtieġa li jiġu awtorizzati skont din id-Direttiva bis-saħħa tal-punti (a), (e), (i) u (j) tal-Artikolu 2(1).

6.   L-Artikoli 57 u 58 għandhom japplikaw ukoll għal persuni eżentati taħt l-Artikolu 2.

7.   Is-sistemi multilaterali kollha fl-istrumenti finanzjarji għandhom joperaw f’konformita’ mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II rigward l-MTFs jew l-OTFs [(Organised Trading Facilities), faċilitajiet ta’ negozju organizzati] jew id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III rigward is-swieq regolati.

Kull ditta ta’ investiment li, fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali, titratta f’isimha stess meta tesegwixxi l-ordnijiet tal-klijent barra suq regolat, MTF jew OTF għandhom joperaw f’konformita’ mat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84, rettifiki fil-ĠU 2015, L 270, p. 4, ĠU 2016, L 187, p. 30, ĠU 2017, L 278, p. 54)].

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, it-transazzjonijiet kollha fi strumenti finanzjarji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi li ma jiġux konklużi fuq sistemi multilaterali jew internalizzaturi sistematiċi għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.”

3

L-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65, intitolat “Traspożizzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-3 ta’ Lulju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta' Jannar 2017 ħlief għad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 65(2) li għandhom japplikaw mit-3 ta' Settembru 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva jew għandu jiġu akkumpanjati b’riferiment ta’ dan it-tip meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandu jsir it-tali riferiment. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-riferimenti fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttivi revokati minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandu jsir it-tali riferiment u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.

[...]

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġislazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/1034 jipprevedi:

“Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

[...]

7)

Fl-Artikolu 93(1), id-data ‘3 ta’ Lulju 2016' hija sostitwita bi ‘3 ta’ Lulju 2017', id-data ‘3 ta’ Jannar 2017' hija sostitwita bi ‘3 ta’ Jannar 2018' u d-data ‘3 ta’ Settembru 2018' hija sostitwita bi ‘3 ta’ Settembru 2019’”.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5

Il-Kummissjoni, peress li ma rċeviet mingħand ir-Repubblika tas-Slovenja ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/65, kif emendata bid-Direttiva 2016/1034/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID II”), sal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 93 ta’ din id-direttiva, jiġifieri t‑3 ta’ Lulju 2017, bagħtet lil dan l-Istat Membru, fis‑26 ta’ Settembru 2017, ittra ta’ intimazzjoni.

6

Ir-risposta tar-Repubblika tas-Slovakkja, tat-23 ta’ Novembru 2017, kienet turi li, sa dik id-data, il-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu għadhom qegħdin jiġu ppreparati u kellhom jiġu adottati f’April 2018. Għaldaqstant, fis‑26 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-imsemmi Stat Membru, u talbitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva MiFID II f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

7

Peress li t-talba tagħha għal proroga tat-terminu ta’ risposta għal din l-opinjoni motivata ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għall-imsemmija opinjoni motivata, permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2018, li l-abbozzi ta’ liġi li jinkludu l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II kienu għaddejjin u kellhom jitlestew sa April 2018. Mal-imsemmija risposta ġew annessi l-abbozzi ta’ liġi.

8

Fl‑1 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja informat lill-Kummissjoni biż-żamma ta’ elezzjonijiet bikrija u bl-installazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida u talbet lill-Kummissjoni sabiex ikollha attitudni li turi li qiegħda tifhem fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. F’din l-istess ittra, dan l-Istat Membru indika barra minn hekk li huwa kien ser iwettaq il-proċeduri kollha dwar l-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, li kienet tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II, għall-aħħar ta’ Settembru 2018.

9

Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx adottat il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID, il-Kummissjoni ppreżentat, fil‑5 ta’ Ottubru 2018, dan ir-rikors fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u timponi fuq dan l-Istat Membru l-pagament mhux biss ta’ somma f’daqqa, iżda wkoll ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

10

Permezz tar-replika tagħha, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qiegħda tirrinunzja parzjalment għar-rikors tagħha sa fejn hija ma kinitx għadha qiegħda titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, peress li dan il-kap tat-talbiet ma kienx fadallu skop wara t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttivi 2014/65 u 2016/1034 fid-dritt Sloven, b’effett mis‑6 ta’ Diċembru 2018. Hija ppreċiżat ukoll li l-ammont tas-somma f’daqqa li tagħha hija kienet qiegħda titlob il-kundanna għall-pagament f’dan il-każ kien jammonta għal EUR 1028560 u kien ikopri l-perijodu mill‑4 ta’ Lulju 2017 sas‑6 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri 520 jum b’rata ta’ EUR 1978 kuljum.

11

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Jannar, tas‑7 ta’ Frar kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja kif ukoll ir-Repubblika tal-Awstrija ġew, rispettivament, ammessi jintervjenu insostenn tar-Repubblika tas-Slovenja.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

12

Skont il-Kummissjoni, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Lulju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva MiFID II jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 93 ta’ din id-direttiva.

13

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva MiFID II seħħet biss bl-adozzjoni taż-Zakon o trgu finančnih strumentov (il-Liġi dwar is-Suq tal-Istrumenti Finanzjarji, Uradini list RS, Nru 77/18), ikkomunikata lill-Kummissjoni fis‑6 ta’ Diċembru 2018. Il-miżuri nazzjonali kkomunikati fit‑3 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri tliet testi leġiżlattivi, żewġ deċiżjonijiet u dispożizzjonijiet li jemendaw u jissupplimentaw il-Kodiċi tal-Borża ta’ Ljubljana (Uradini list RS, Nru 76/17), jikkostitwixxu biss, l-iktar l-iktar, traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2014/65.

14

Il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward li r-Repubblika tas-Slovenja stess irrikonoxxiet li dawn il-miżuri ttrasponew biss parzjalment id-Direttiva MiFID II, peress li ċerti dispożizzjonijiet ma ġewx trasposti, u oħrajn ġew trasposti biss parzjalment. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet applikabbli kemm għas-sistemi multilaterali ta’ negozju (MTF) kif ukoll għas-sistemi organizzati ta’ negozju (OTF).

15

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva MiFID II introduċiet dispożizzjonijiet ġodda meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p 263), li l-miżuri kkomunikati fit‑3 ta’ Diċembru 2018 jiżguraw it-traspożizzjoni tagħhom, sabiex jirregolaw pjattaformi u attivitajiet ġodda ta’ negozju li żviluppaw u li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39 u, għaldaqstant, jevitaw kwalunkwe regolamentazzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tad-Direttiva MiFID II u r-Regolament Nru 600/2014, implimenta qafas regolatorju ġdid, iktar affidabbli, li jippermetti li tiġi affaċċjata l-kumplessità tas-suq, ikkaratterizzata minn diversità dejjem tikber tal-istrumenti finanzjarji u metodi ġodda ta’ negozju.

16

Il-kontribuzzjonijiet prinċipali tad-Direttiva MiFID II għall-implimentazzjoni ta’ sistema finanzjarja iktar sikura, iktar b’saħħitha, iktar trasparenti u iktar responsabbli, li tiffunzjona għas-servizz tal-ekonomija u tas-soċjetà jinsabu, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 27(3) tagħha, fl-istabbiliment ta’ qafas għal struttura tas-suq li tirrimedja l-lakuni u li tiggarantixxi li t-tranżazzjonijiet jitwettqu, meta dan ikun xieraq, fuq pjattaformi ta’ negozju irregolati. L-Artikoli 20 u 27 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu regoli li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għas-swieq irregolati u l-MTF. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-imsemmija direttiva huma intiżi għat-tisħiħ tat-trasparenza tas-swieq tat-titoli finanzjarji u l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza għall-istrumenti finanzjarji minbarra azzjonijiet jew strumenti simili. Regoli armonizzati li jikkonċernaw il-limiti ta’ pożizzjoni u kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjonijiet f’derivattivi ta’ komoditaijiet huma stabbiliti. L-Artikoli 64 u 66 tad-Direttiva MiFID II isaħħu l-effikaċja tal-konsolidazzjoni u tal-pubblikazzjoni tad-data tan-negozju. L-Artikoli 57 u 58 tagħha jsaħħu wkoll is-setgħat ta’ sorveljanza u jistabbilixxu sistema armonizzata li tikkonċerna l-limiti ta’ pożizzjoni fuq derivattivi fuq materji primi sabiex titjieb it-trasparenza, tiġi promossa kwotazzjoni ordnata u tipprevjeni l-abbużi tas-suq. Il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom jiżvolġi n-negozju u l-kumpens ta’ strumenti finanzjarji ser jitjiebu. B’hekk, l-Artikolu 25 tad-Direttiva MiFID II isaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri u l-Artikolu 70 tagħha jemenda s-sistema ta’ sanzjonijiet eżistenti sabiex jiġu ddeterminati sanzjonijiet amministrattivi effikaċi u armonizzati. Taħt it-Titolu V ta’ din id-direttiva, huwa introdott tip ġdid ta’ servizzi suġġetti għall-approvazzjoni u għas-sorveljanza, jiġifieri s-“servizzi ta’ rapportur tad-data”. Barra minn hekk, l-Artikoli 39 sa 43 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu sistema armonizzata ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess għas-swieq tal-Unjoni għall-impriżi ta’ Stati terzi meta huma jipprovdu ċerti servizzi fl-Unjoni jew jeżerċitaw ċerti attivitajiet fl-Unjoni f’isem klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli.

17

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta direttiva tipprevedi espressament, bħall-Artikolu 93 tad-Direttiva MiFID II, li d-dispożizzjonijiet li jittrasponuha għandhom jinkludu riferiment għaliha jew għandhom jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni li fiha tali riferiment (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja,C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda mill-miżuri kkomunikati mir-Repubblika tas-Slovenja fit‑3 ta’ Diċembru 2018 ma tagħmel riferiment għad-Direttiva MiFID II.

18

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tas-Slovenja ma adottatx u, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikatx, fit-terminu previst, id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

19

Ir-Repubblika tas-Slovenja, filwaqt li ma tikkontestax li naqset milli tinforma lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bit-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva MiFID II, issostni li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata, il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kienu ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Sloven permezz tal-miżuri nazzjonali kkomunikati fit-3 ta’ Diċembru 2018, elenkati fil-punt 13 ta’ din is-sentenza. Dawn il-miżuri kienu jittrasponu d-Direttiva 2004/39 fl-ordinament ġuridiku Sloven, sabiex ikunu wkoll jittrasponu parzjalment id-Direttiva MiFID II, imfassla fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/39. Dan l-Istat Membru jindika li ma kkomunikax lill-Kummissjoni, qabel it‑3 ta’ Diċembru 2018, dawn il-miżuri bħala atti li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II, minħabba li l-abbozzi ta’ liġijiet li dwarhom kien informa lill-Kummissjoni li kienu għadhom qegħdin jiġu adottati u li kellhom l-għan li jirriformaw il-qafas legali tas-suq tal-istrumenti finanzjarji kellhom ikunu adottati mill-Assemblea Nazzjonali mhux iktar tard minn April 2018. Issa, minħabba bidla fil-gvern u l-elezzjonijiet bikrija, dawn l-abbozzi ta’ liġi ġew adottati iktar minn tmien xhur wara l-preżentata tagħhom, li seħħet fi Frar u Marzu 2018.

20

Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja tirrileva li, fid-19 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors mhux biss kontra r-Repubblika tas-Slovenja, iżda wkoll kontra r-Renju ta’ Spanja. Hija tirrileva li l-Kummissjoni, wara li ġiet informata mir-Renju ta’ Spanja bit-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva MiFID II u bit-tlestija tal-fażi ta’ traspożizzjoni kompleta qabel l-aħħar ta’ Novembru 2018, kienet iddeċidiet provviżorjament li tissospendi l-proċedura li tikkonċerna lil dak l-Istat Membru. Issa, ir-Repubblika tas-Slovenja tippreċiża li hija kienet taf bil-fatt li hija ma kinitx informat lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni parzjali qabel ma din ippreżentat ir-rikors inkwistjoni, iżda li hija kien irnexxielha tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II f’Novembru 2018, u b’hekk tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 93 tagħha, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għar-Renju ta’ Spanja. Ir-Repubblika tas-Slovenja tindika li, skont il-punt 7 tal-Komunikazzjoni tal-President tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005 intitolata “Riformulazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 228 KE” (SEC(2005) 1658), is-sanzjonijiet proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni għan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom jiġu kkalkolati skont metodu li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-Istat Membru jqis li din l-istituzzjoni għandha tirrinunzja għar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontrih.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 23; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 19; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 30).

22

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, fi kwalunkwe każ huwa neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑137/96, EU:C:1997:566, punt 8; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C-549/18, EU:C:2020:563, punt 20; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 31).

23

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata lir-Repubblika tas-Slovenja fis‑26 ta’ Jannar 2018, it-terminu ta’ xahrejn li kien ingħatalha sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha kien jiskadi fis‑26 ta’ Marzu 2018. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 21, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 32).

24

F’dan ir-rigward, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-miżuri nazzjonali, li r-Repubblika tas-Slovenja ssostni li jiżguraw traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva MiFID II, ġew innotifikati bħala miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fit‑3 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

25

Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mit-tweġiba tar-Repubblika tas-Slovenja għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, huwa paċifiku li, kuntrarjament għal dak li jistabbilixxi l-Artikolu 93 tad-Direttiva MiFID II, dawn il-miżuri ma jinkludu l-ebda riferiment għaliha.

26

Minn dan isegwi li l-miżuri inkwistjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikkostitwixxu att pożittiv ta’ traspożizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

27

B’hekk, għandu jiġi konkluż li, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-8 ta’ Diċembru 2017, ir-Rumanija la kienet adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

28

B’hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva MiFID II u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 93 ta’ din id-direttiva.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) KE

– L-argumenti tal-partijiet

29

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE ġie introdott bit-Trattat ta’ Lisbona bil-għan li jsaħħaħ id-dispożittiv ta’ sanzjoni preċedentement stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht. Fid-dawl tan-natura ġdida ta’ din id-dispożizzjoni u tal-ħtieġa li tiġi ppreżervata t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, din l-istituzzjoni adottat il-Komunikazzjoni “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE”, ippubblikata fil‑15 ta’ Jannar 2011 (ĠU 2011, C 12, p. 1).

30

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħajjar b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-termini ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

31

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm fil-każ ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni parzjali ta’ dawn il-miżuri.

32

Din l-istituzzjoni tqis barra minn hekk li, peress li l-Artikolu 260(3) TFUE jsemmi n-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri li jittrasponu direttiva, din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss f’każ ta’ assenza li jikkomunika l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda wkoll fil-każ li Stat Membru ma jkunx adotta tali miżuri. Interpretazzjoni purament formalista ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha din tal-aħħar kienet intiża biss sabiex tiżgura l-komunikazzjoni effettiva dwar il-miżuri nazzjonali, ma tkunx tiżgura traspożizzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva inkwistjoni u ċċaħħad lill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi fid-dritt nazzjonali minn kull effett utli.

33

F’dan il-każ, qiegħed jiġi ssanzjonat speċifikament, minbarra l-assenza ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ adozzjoni u ta’ pubblikazzjoni, mir-Repubblika tas-Slovenja, tal-liġijiet kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID fid-dritt nazzjonali.

34

Bi tweġiba għall-argument tar-Repubblika tas-Slovenja li jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għal dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li, sat‑3 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kienet innotifikat l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II. Din l-istituzzjoni tirrikonoxxi li, bejn it‑3 u s‑6 ta’ Diċembru 2018, l-istat ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien jikkorrispondi għal traspożizzjoni parzjali, wara l-komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ebda miżura ta’ traspożizzjoni ma kienet ġiet ikkomunikata. Billi tipproponi l-impożizzjoni tal-pagament ta’ somma f’daqqa, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissanzjona l-perijodu ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, inkluż bejn il-jum ta’ wara dak tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, jiġifieri l‑4 ta’ Lulju 2017, u t‑3 ta’ Diċembru 2018. Barra minn hekk, huwa inkontestabbli li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 260(3) TFUE japplikax fil-każ ta’ traspożizzjoni parzjali. Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika tas-Slovenja li l-Artikolu 260(3) TFUE ma jibqax applikabbli meta Stat Membru jkun ikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali, anki jekk din il-komunikazzjoni tkun ingħatat f’data li fiha l-proċedura ġudizzjarja kienet diġà pendenti, iċaħħad lill-Artikolu 260(3) TFUE minn kull effett utli.

35

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja li l-Kummissjoni kellha tapplikalha l-istess trattament bħal dak li hija rriżervat għar-Renju ta’ Spanja, jiġifieri provviżorjament is-sospensjoni tal-proċedura ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontriha, il-Kummissjoni tispjega li dan l-aħħar Stat Membru kkomunikalha l-miżuri ta’ traspożizzjoni fit-terminu li kien indika. Issa, ir-Repubblika tas-Slovenja, minkejja l-impenji tagħha, ma kienet ikkomunikat ebda miżura ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni qabel l-aħħar ta’ Settembru 2018. B’hekk, il-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni għalfejn tipposponi iktar il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

36

Ir-Repubblika tas-Slovenja tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE f’dan il-każ.

37

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija ssostni, qabel kollox, li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ traspożizzjoni parzjali ta’ direttiva. F’dan il-każ, id-Direttiva MiFID II ġiet trasposta parzjalment fid-dritt Sloven qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, l-assenza ta’ informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni minn Stat Membru dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li huwa adotta ma hijiex ekwivalenti għal assenza ta’ traspożizzjoni, anki jekk din hija traspożizzjoni inkorretta jew inkompleta ta’ din id-direttiva. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss fil-każ fejn Stat Membru ma jadotta ebda miżura ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu u għalhekk ma jindirizza lill-Kummissjoni ebda komunikazzjoni dwar dan is-suġġett.

38

Sussegwentement, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li kwalunkwe interpretazzjoni differenti minn dik li hija tissuġġerixxi tippreġudika l-prevedibbiltà tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prattika tal-Kummissjoni ma tippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn traspożizzjoni inkompleta u traspożizzjoni inkorretta. Tali sitwazzjoni jkollha effett negattiv fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri fil-konfront tat-Trattati. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 260(3) TFUE li jikkostitwixxi eċċezzjoni u ma hijiex sostnuta mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

39

Fl-aħħar nett, minkejja li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni kellha tagħti effett utli ċert lil din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “effett utli” ma jistax jintuża bħala mezz sabiex tiżdied l-effettività u l-utilità tad-dritt tal-Unjoni sal-punt li l-Artikolu 260(3) TFUE jiġi interpretat f’sens kuntrarju għal dak tal-intenzjoni ċara tal-awturi tat-Trattat. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn tipprevedi sistema ta’ sanzjonijiet sproporzjonati meta mqabbla mal-effetti negattivi ta’ nuqqas minuri ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri nuqqas ta’ għoti ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni.

40

Ir-Repubblika tas-Slovenja tikkunsidra li, fid-dawl tat-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva MiFID II, tal-effetti minimi għas-swieq finanzjarji Sloveni u tal-Unjoni tal-assenza ta’ traspożizzjoni kif ukoll tal-assenza ta’ deċiżjoni minn qabel li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-ammont f’daqqa propost huwa infondat u għoli wisq. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li hija ttrasponiet kompletament id-Direttiva MiFID II sena u erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 93 tagħha. Hija tirrileva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444), li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatatu. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, ikkundannat lill-Istati Membri għall-pagament ta’ somma f’daqqa biss għal nuqqasijiet li damu iktar fit-tul minn dak inkwistjoni f’dan il-każ u dan, barra minn hekk, biss wara deċiżjoni preliminari li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Konsegwentement, hija tqis li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija sproporzjonata u mhux konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri kif ukoll mal-għan tas-somom f’daqqa kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41

Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika biss meta Stat Membru jonqos, fit-terminu stabbilit, milli jadotta l-iċken miżura ta’ traspożizzjoni u milli jikkomunika lill-Kummissjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkoprix l-ipoteżi li fiha Stat Membru jkun ikkomunika lill-Kummissjoni miżuri ta’ traspożizzjoni, li din tal-aħħar tikkunsidra sussegwentement li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkorretta jew inkompleta tad-direttiva inkwistjoni.

42

Ma’ dan jiżdied, skont dawn l-Istati Membri, il-fatt li l-Artikolu 260(3) TFUE jista’ japplika biss meta l-Kummissjoni tkun immotivat b’mod iddettaljat id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji. Fil-fatt, tali deċiżjoni għandha tkun speċifikament iġġustifikata fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, peress li l-impożizzjoni tal-pagament ta’ somma f’daqqa ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun awtomatika. Barra minn hekk, hija biss analiżi taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina n-natura tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta fuq l-Istat Membru kkonċernat sabiex twassalha sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni u tistabbilixxi l-ammont tiegħu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, ikun sproporzjonat li jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa filwaqt li r-Repubblika tas-Slovenja ttrasponiet id-Direttiva MiFID II.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 258 TFUE għaliex tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha li huwa xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru li tqis li huwa adattat għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ penalità li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni fejn l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data ffissata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

44

Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien meħtieġ li tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, minn naħa, tippermetti kemm li jiġu ggarantiti l-prerogattivi tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri taħt l-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 258 u tal-Artikolu 260(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti f’li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat issodisfax l-obbligi tiegħu fil-qasam ta’ għoti ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, f’li tevalwa l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u f’li timponi s-sanzjoni pekunjarja li hija tqis li hija l-iktar adattata għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 45; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 55).

45

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li dawn jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba sseħħ din il-komunikazzjoni, jekk ikun il-każ akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li għandu jkun mifhum li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59); tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 46; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 56).

46

Peress li, kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

47

Fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif isostnu r-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE jew jekk din l-istituzzjoni tistax tagħmel dan mingħajr motivazzjoni, fil-każijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjana tat-Trattati bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta tali deċiżjoni.

48

Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma tistax tinftiehem b’mod iżolat, iżda għandha tintrabat mal-introduzzjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE. Issa, sa fejn it-talba għal kundanna għal sanzjoni pekunjarja konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE tikkostitwixxi sempliċement modalità anċillari tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tagħha hija għandha tiżgura l-effikaċja, u sa fejn il-Kummissjoni għandha, fir-rigward tal-opportunità li tibda tali proċedura, setgħa diskrezzjonali li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita stħarriġ ġudizzjarju (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 49, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 59), il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu iktar restrittivi minn dawk wara l-implimentazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE.

49

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta tali deċiżjoni fi tmiem dibattitu kontradittorju, hija għandha timmotivaha. Għaldaqstant, l-assenza ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-għażla tagħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma taffettwax il-garanziji proċedurali tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 50, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 60).

50

Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ma jeżentax lil din l-istituzzjoni mill-obbligu li timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, billi f’dan ir-rigward tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li, filwaqt li ma jivvinkolawx lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 51, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 61).

51

Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tan-natura u tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba huwa ulterjorment importanti inkwantu, b’differenza ta’ dak li huwa previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 260 TFUE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa diskrezzjonali speċifikata, fejn għalhekk f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jivvinkolaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 52, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 62).

52

Fil-fatt, mill-Artikolu 260(3) TFUE jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tindika “l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas” l-Istat Membru inkwistjoni, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi l-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja biss jekk “ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat” mill-Kummissjoni. L-awturi tat-Trattat FUE b’hekk stabbilixxew korrelazzjoni diretta bejn is-sanzjoni rikjesta mill-Kummissjoni u dik li tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 53, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 63).

53

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja bbażat fuq id-differenza fit-trattament meta mqabbla mar-Renju ta’ Spanja f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II jew it-tul medju tal-proċeduri prekontenzjużi f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-argument ma huwiex relatat mal-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħal dak inkwistjoni, iżda jikkonċerna l-fondatezza tar-rikors intiż għall-pagament ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ, li l-evalwazzjoni tiegħu ser tiġi indirizzata ulterjorment. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru, il-fatt li hija ma ppreżentatx tali rikors kontra r-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkontesta l-possibbiltà għall-Kummissjoni li titlob, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-kundanna tar-Repubblika tas-Slovenja għall-pagament ta’ sanzjoni pekunjarja.

54

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

Fuq l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

– L-argumenti tal-partijiet

55

Fir-rigward tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni tqis, konformement mal-pożizzjoni riflessa fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni ppubblikata fil‑15 ta’ Jannar 2011, li, sa fejn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma huwiex inqas gravi minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jkun suġġett għas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(2) TFUE, il-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 260(3) TFUE għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-kuntest tal-proċedura ddefinita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

56

F’dan il-każ, il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont il-linji gwida li jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-President tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2005, kif aġġornata permezz tal-Komunikazzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2017, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur” (C(2017) 8720), u li l-ammont minimu b’rata fissa għar-Repubblika tas-Slovenja huwa ta’ EUR 496000. Madankollu dan l-ammont minimu fiss ma japplikax f’dan il-każ ġaladarba huwa inferjuri għall-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tas-somma f’daqqa konformement ma’ dawn il-komunikazzjonijiet. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kuljum li jservi bħala bażi għal dan il-kalkolu, għandha tiġi mmultiplikata s-somma b’rata fissa bażika uniformi, jiġifieri EUR 230, bil-koeffiċjent ta’ gravità, li f’dan il-każ huwa ta’ 10 fuq skala minn 1 sa 20, u bil-fattur “n”, li huwa ta’ 0.86 għar-Repubblika tas-Slovenja. L-ammont ta’ kuljum jammonta għalhekk għal EUR 1978 kuljum u għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn l‑4 ta’ Lulju 2017, jiġifieri l-għada tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni prevista mid-Direttiva MiFID II, u l‑5 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri l-jum ta’ qabel dak li fih ir-Repubblika tas-Slovenja kkomunikat il-miżuri ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ din id-direttiva, jiġifieri 520 jum. B’hekk, is-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta tammonta għal EUR 1028560.

57

Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903), li ma huwiex iktar neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju relatat man-numru ta’ voti li Stat Membru għandu fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun ikkalkolat l-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu imposti, b’tali mod li l-fattur “n” użat mill-Kummissjoni ma għadux xieraq, il-Kummissjoni tindika li s-servizzi tagħha żviluppaw metodu ġdid ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-prodott domestiku gross (PDG) kif ukoll il-piż politiku ta’ kull Stat Membru, iżda dan il-metodu l-ġdid, ippubblikat wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, ma jistax japplika għal dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proposta tagħha tibqa’ riferiment utli għas-sanzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi.

58

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tan-natura sproporzjonata tal-ammont tas-sanzjonijiet rikjesti filwaqt li hija kkomunikat, fit‑3 ta’ Diċembru 2018, miżuri ta’ traspożizzjoni parzjali, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni hija, fiha nnifisha, suġġetta għal sanzjonijiet. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tissanzjona mhux biss il-fatt li direttiva ma ġietx trasposta, iżda wkoll in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu formali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

59

Fir-rigward tal-argumenti dwar is-sitwazzjoni tas-suq finanzjarju Sloven, li huma intiżi li jissostanzjaw l-allegazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja li għandu jitnaqqas il-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur minħabba li l-effetti tal-assenza ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II f’dan l-Istat Membru huma inqas minn dawk li l-Kummissjoni qieset, din tal-aħħar tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li n-natura obbligatorja tad-direttivi timplika l-obbligu għall-Istati Membri kollha li josservaw it-termini li huma jistabbilixxu sabiex tiġi żgurata b’mod uniformi l-eżekuzzjoni tagħhom fl-Unjoni kollha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1976, Il-Kummissjoni vs L-Italja,EU:C:1976:125, punt 12). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 39 u 42 rispettivament tas-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, (C‑343/08, EU:C:2010:14), li l-ineżistenza fi Stat Membru partikolari ta’ ċerta attività koperta minn direttiva ma tistax teħles lil dan l-istess Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta miżuri leġiżlattivi jew regolamentari sabiex jiżgura traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva u li huwa biss meta t-traspożizzjoni ta’ direttiva ma jkollhiex skop għal raġunijiet ġeografiċi li ma tkunx meħtieġa.

60

Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, il-punt li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tikkostitwixxi eċċezzjoni u li hija obbligatorja biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, it-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi ma tikkawżax preġudizzju biss għas-salvagwardja tal-interessi ġenerali li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li ma tista’ tittollera ebda dewmien, iżda wkoll u fuq kollox għall-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jisiltu drittijiet suġġettivi minn din il-leġiżlazzjoni.

61

Il-Kummissjoni ssostni, fl-aħħar nett, li hija ma għandhiex tikkalkola r-“riskju reali” tal-ksur f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li hija kkaratterizzata mill-fatt li r-Repubblika tas-Slovenja ma kienet, sad-data tal-preżentata tar-rikors, ikkomunikat ebda miżura ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali. Hija tippreċiża li hija tivverifika n-natura kompleta tat-traspożizzjoni tad-direttivi fid-dritt nazzjonali abbażi biss tal-miżuri kkomunikati mill-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma tista’ tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward l-eżistenza eventwali ta’ elementi oħra preeżistenti li ma ġewx ikkomunikati tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li jistgħu eventwalment jimlew lakuni li jirriżultaw mill-miżuri ta’ traspożizzjoni kkomunikati. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddetermina l-ammont tal-penalità proposta biss fir-rigward tal-miżuri ta’ traspożizzjoni li ġew ikkomunikati lilha u mhux tal-miżuri l-oħra kollha li jistgħu jeżistu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

62

Ir-Repubblika tas-Slovenja tikkontesta l-ammont tas-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni billi ssostni li dan huwa infondat u li huwa għoli wisq. Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, dan l-Istat Membru jirrileva li l-Kummissjoni tista’ tapplika biss, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 260(3) TFUE, l-istess metodu ta’ kalkolu bħal fil-kawżi mressqa abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu. Barra minn hekk, ma hemmx iktar lok li jsir riferiment għall-fattur “n” adottat mill-Kummissjoni peress li l-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat il-kriterju bbażat fuq in-numru ta’ voti li għandu Stat Membru fil-Kunsill u tibbaża ruħha biss fuq il-PDG tal-Istat Membru inkwistjoni bħala fattur determinanti (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja,C‑93/17, EU:C:2018:903, punt 141). L-iktar l-iktar, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tapplika bħala riferiment il-fattur “n”, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, ippubblikata fil‑25 ta’ Frar 2019 (ĠU 2019, C 70, p. 1), li fiha hija ffissat l-imsemmi fattur abbażi tal-PDG u tan-numru ta’ siġġijiet tal-Istat Membru fil-Parlament Ewropew, jekk hija tqis li dan jikkostitwixxi metodu iktar adegwat sabiex tiddetermina s-somma f’daqqa milli tirreferi biss għall-PDG.

63

Barra minn hekk, skont l-imsemmi Stat Membru, il-Kummissjoni ma tistax, meta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, tapplika l-istess skala ta’ gravità mill‑1 sal-20 bħal dik li tapplika għall-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE. Din l-iskala għandha, f’każ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, titnaqqas fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet b’mod ġenerali għall-importanza tar-regoli tal-Unjoni miksura u għall-gravità tal-effetti tal-assenza ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II fuq l-interessi ġenerali u partikolari, billi ppreżumiet assenza sħiħa ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti speċifiċi għal din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-każ, it-traspożizzjoni parzjali tal-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku Sloven ma kellhiex effetti negattivi fuq il-kummerċ fuq il-pjattaformi tan-negozju, fuq il-funzjonament tas-suq tal-istrumenti finanzjarji fis-Slovenja jew fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-provvista transkonfinali ta’ servizzi għad-diversi servizzi u attivitajiet ta’ investiment, fuq iċ-ċertezza legali jew fuq is-suq finanzjarju Ewropew, jew fuq l-impriżi u l-operaturi l-oħra tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur għandu jkun inqas minn 10, sabiex l-ammont tas-somma f’daqqa jkun adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat għaliha.

64

Ir-Repubblika tas-Slovenja żżid, f’dan ir-rigward, li xahrejn wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, fis‑6 ta’ Diċembru 2018, hija ssodisfat b’mod sħiħ l-obbligi tagħha fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II u li hija informat b’dan lill-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar madankollu ma naqqsitx l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba. Issa, jekk il-pagament ta’ somma f’daqqa kien verament intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom, Stat Membru li, sa mill-ewwel fażi tal-proċedura ġudizzjarja ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ħa miżuri ta’ traspożizzjoni u kkomunikahom lill-Kummissjoni, ma għandux jiġi suġġett għall-pagament tal-ammont kollu rikjest bħala somma f’daqqa.

65

Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu, b’mod partikolari, li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 260(2) TFUE ma tistax tiġi applikata awtomatikament għall-paragrafu 3 tal-istess artikolu, peress li dan il-paragrafu 3 għandu l-għan li jissanzjona ksur inqas gravi minn dak imsemmi f’dan il-paragrafu 2, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet ikkooperat lealment mal-Kummissjoni u d-dewmien fit-traspożizzjoni tal-Direttiva MiFID II ma kienx imputabbli lilha. Għaldaqstant, il-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur propost mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat u għandu jitnaqqas.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa tkun sproporzjonata peress li, fil-mori tal-kawża, ir-Repubblika tas-Slovenja temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li, minn naħa, in-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, sew jekk minħabba assenza totali jew parzjali ta’ informazzjoni jew minħabba informazzjoni mhux suffiċjentement ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE li tirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus),C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 64; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 74).

67

Min-naħa l-oħra, l-għan li għandu jintlaħaq bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss dak li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, ikollu t-tendenza jippersisti, iżda wkoll li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqasijiet marbuta mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva, filwaqt li huwa speċifikat li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja fuq l-Istati Membri li ma kinux ikkonformaw ruħhom fit-termini stabbiliti ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma osservawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni setgħet issir biss wara diversi snin wara din l-aħħar sentenza (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 64; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 74).

68

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Artikolu 260(3) TFUE, huma previsti żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità.

69

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Filwaqt li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi pjuttost fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista għal perijodu twil (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 66, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 76).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors li bih il-Kummissjoni titlob, bħal f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi miċħud bħala sproporzjonat għas-sempliċi raġuni li għandu bħala suġġett nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, filwaqt li baqa’ għaddej matul iż-żmien, intemm fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti kontenzjużi.

71

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-opportunità li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 78; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 68; u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 78).

72

F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Repubblika tas-Slovenja kkooperat mas-servizzi tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha, li hija żammet informati lil dawn tal-aħħar bl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ adozzjoni tad-Direttiva MiFID II u li hija wettqet sforzi li ppermettewlha, fil-mori tal-kawża, ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 69, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 79).

73

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, qabel kollox, kif tfakkar f’dak il-punt, hija l-Kummissjoni, b’mod partikolari, li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru u li tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih. Sussegwentement, ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li r-Renju ta’ Spanja, kuntrarjament għar-Repubblika tas-Slovenja, kien ikkomunika lill-Kummissjoni miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II fit-terminu impost fuqu għal dan il-għan. Fl-aħħar nett, ma huwiex allegat li t-termini ta’ risposta li ġew stabbiliti f’dan il-każ fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kienu partikolarment qosra jew irraġonevoli u kienu ta’ natura li jikkontestaw l-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jsostni b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fatti msemmija fil-punti 5 u 6 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tas-Slovenja kellha għarfien sħiħ tal-fatt li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 93 tad-Direttiva MiFID II, tal-inqas mill‑4 ta’ Lulju 2017.

74

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li l-impożizzjoni tagħha hija xierqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan ir-rigward hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, kif dan ġie spjegat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li din tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra proporzjonata għall-ksur imwettaq. B’mod partikolari fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm elementi bħall-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-perijodu li matulu dan il-ksur ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ pagament tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 72, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 81).

75

L-ewwel nett, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85; tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 73; u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 82).

76

Ma’ dan jiżdied li d-Direttiva MiFID II hija strument importanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għas-swieq finanzjarji sa fejn hija intiża sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni billi toħloq suq uniku tas-servizzi u tal-attivitajiet ta’ investiment, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli u armonizzat ta’ protezzjoni tal-investituri fis-settur tal-istrumenti finanzjarji. L-assenza jew l-insuffiċjenza, fil-livell nazzjonali, ta’ regoli nazzjonali li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji u l-protezzjoni tal-investituri għandhom jitqiesu li huma partikolarment gravi fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom għall-interessi pubbliċi u privati fi ħdan l-Unjoni.

77

Għalkemm ir-Repubblika tas-Slovenja, fil-mori tal-kawża, temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih ġiet ikkritikata minħabba l-assenza tal-komunikazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jeżisti fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri s‑26 ta’ Marzu 2018, b’tali mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx żgurata f’kull ħin.

78

Il-gravità ta’ dan in-nuqqas hija barra minn hekk imsaħħa mill-fatt li, f’din l-aħħar data, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kienet għadha kkomunikat l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II.

79

L-argument imressaq mir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tispjega d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva MiFID II, jiġifieri l-interruzzjoni tal-proċess leġiżlattiv diġà mibdi minħabba l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ġenerali bikrija, ma huwiex tali li jinfluwenza l-gravità tal-ksur inkwistjoni peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 41).

80

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni in concreto tal-gravità tal-ksur, il-fatt li, hekk kif sostniet ir-Repubblika tas-Slovenja mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, l-effetti prattiċi tat-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva MiFID II fid-dritt Sloven fuq is-suq finanzjarju Sloven u s-swieq finanzjarji l-oħra tal-Unjoni kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-investituri baqgħu, fid-dawl tal-volum tas-suq finanzjarju Sloven, relattivament imnaqqsa.

81

Fir-rigward, it-tieni nett, tat-tul tal-ksur, jeħtieġ li jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dik li fiha din tal-aħħar tiġi adita mill-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li seħħet fid-data tal-għeluq tal-proċedura (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 77, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 86).

82

F’dan il-każ, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ntemm fis-6 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri f’data qabel l-għeluq ta’ din il-proċedura.

83

Fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

84

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 93 tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri t‑3 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikat il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fis‑6 ta’ Diċembru 2018, baqa’ għaddej għal madwar 17‑il xahar.

85

It-tielet nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ pagament tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp reċenti tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

86

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak tal-Artikolu 93 tad-Direttiva MiFID II u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 750000.

87

Konsegwentement, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 750000.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tas-Slovenja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

89

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx, l-iktar tard sad-data fl-opinjoni motivata, jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni Ewropea d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi neċessarji biex tikkonforma mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2016, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE kif emendata mid-Direttiva 2016/1034.

 

2)

Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 750000.

 

3)

Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: is-Sloven.

Top