EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0093

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Novembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Impriża li twettaq kemm attivitajiet ċivili u militari – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru – Artikolu 346(1)(b) TFUE – Sanzjonijiet finanzjarji – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Fattur ‘n’ – Fatturi li huma l-bażi tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas – Prodott domestiku gross – Ippeżar tal-voti tal-Istat Membru fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Regola ta’ votazzjoni ġdida fil-Kunsill.
Kawża C-93/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:903

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Impriża li twettaq kemm attivitajiet ċivili u militari – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru – Artikolu 346(1)(b) TFUE – Sanzjonijiet finanzjarji – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa – Kapaċità ta’ ħlas – Fattur ‘n’ – Fatturi li huma l-bażi tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas – Prodott domestiku gross – Ippeżar tal-voti tal-Istat Membru fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Regola ta’ votazzjoni ġdida fil-Kunsill”

Fil-Kawża C-93/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fit-22 ta’ Frar 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u B. Stromsky, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”, EU:C:2012:395), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 34974 għal kuljum, għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3828 bin-numru ta’ ġranet li matulhom il-ksur ippersista mill-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sad-data li fiha dan l-Istat Membru temm il-ksur jew, fin-nuqqas ta’ waqfien tal-ksur, sal-jum li fih ser tingħata s-sentenza f’din il-kawża, u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 346(1)(b) TFUE jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

[…]

b)

kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurta’ tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew tal-kummerċ ta’ l-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-għanijiet speċifikament militari.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Hellenic Shipyards SA (Ellinika Nafpigeia AE, iktar ’il quddiem “ENAE”), proprjetarja ta’ tarzna ċivili u militari Griega li tinsab f’Skaramagkas (il-Greċja), hija speċjalizzata fil-kostruzzjoni ta’ bastimenti militari. Matul l-1985, ENAE temmet l-operazzjonijiet tagħha u daħlet fi proċess ta’ likwidazzjoni. F’Settembru 1985, Elliniki Trapeza Viomichanikis Anaptixeos AE (iktar ’il quddiem “ETVA”), bank Elleniku li jappartjeni lill-Istat Grieg, xtara lil ENAE. Fit-18 ta’ Settembru 1995, ETVA biegħ 49 % tal-ishma ta’ ENAE lill-impjegati ta’ din il-kumpannija.

4

Matul l-1998, fil-kuntest ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni tal-flotta ta’ sottomarini tagħha, ir-Repubblika Ellenika kkonkludiet ma’ ENAE kuntratt, imsejjaħ “Archimedes”, għall-bini ta’ tliet sottomarini “HDW klassi 214”, kif ukoll għall-bini fakultattiv tar-raba’, u kuntratt, imsejjaħ “Neptune II”, għall-modernizzazzjoni ta’ tliet sottomarini “HDW klassi 209”.

5

Matul l-2001, ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li tipprivatizza lil ENAE. Fil-11 ta’ Ottubru 2001, ġie ffirmat ftehim ta’ bejgħ tal-ishma ta’ ENAE bejn, minn naħa, ETVA u l-impjegati ta’ ENAE, u, min-naħa l-oħra, konsorzju kkostitwit minn Howaldtswerke-Deutsche Werft GmbH (iktar ’il quddiem“HDW”) u Ferrostaal AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “HDW-Ferrostaal”). HDW-Ferrostaal ħolqot lil Greek Naval Shipyard Holding (Elliniki Nafpigokataskevastiki AE Chartofylakeiou, iktar ’il quddiem “GNSH”), miżmuma f’ishma ugwali minn HDW u minn Ferrostaal, bil-għan li tamministra l-parteċipazzjoni tagħhom f’ENAE.

6

F’Jannar 2005, ThyssenKrupp AG xtrat lil HDW. F’Novembru 2005, ThyssenKrupp akkwistat l-ishma ta’ GNSH miżmuma minn Ferrostaal. Għaldaqstant, minn dik id-data, ThyssenKrupp kellha l-ishma kollha u l-kontroll ta’ ENAE. GNSH u ΕΝΑΕ ġew integrati f’ThyssenKrupp Marine Systems AG, taqsima ta’ ThyssenKrupp speċjalizzata fis-sistemi għall-bastimenti militari u l-bastimenti kummerċjali speċjalizzati.

7

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika, matul is-snin 1996 sa 2003, adottat għadd ta’ miżuri, li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital, ta’ garanziji u ta’ self favur ENAE, li kienu s-suġġett ta’ bosta deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni.

8

Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/610/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-għajnuna C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Hellenic Shipyards SA (ĠU 2009, L 225, p. 104), li l-Artikoli 2, 3, 8, 9 u 11 sa 15 tagħha jistipulaw li dawn il-miżuri huma għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

9

Konformement mal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni, l-għajnuna speċifikata fiha, għalkemm il-Kummissjoni kienet awtorizzatha, ġiet applikata b’mod abbużiv b’mod li kien meħtieġ li tiġi rkuprata.

10

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, il-garanzija ta’ kumpens mogħtija minn ETVA lil HDW-Ferrostaal li kienet tipprovdi li dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati għal kull għajnuna mill-Istat irkuprata mingħand ENAE tikkostitwixxi għajnuna li ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, din il-garanzija kellha titwaqqaf immedjatament.

11

Billi kkonstatat li l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata kienu bbenefikaw minnha biss l-attivitajiet ċivili ta’ ENAE, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 17 tad-deċiżjoni msemmija, li din l-għajnuna kellha tiġi rkuprata mill-assi ċivili ta’ din il-kumpannija.

12

L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2009/610 impona fuq ir-Repubblika Ellenika l-irkupru immedjat tal-għajnuna ddefinita fl-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15 ta’ dik id-deċiżjoni. Skont dan l-Artikolu 18, ir-Repubblika Ellenika għandha tadotta l-miżuri neċessarji biex dik id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mit-13 ta’ Awwissu 2008, li hija d-data tan-notifika tagħha.

13

Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ ENAE, ir-Repubblika Ellenika sostniet li l-irkupru sħiħ tal-għajnuna inkwistjoni seta’ jwassal għall-falliment tagħha, u b’hekk, jaffettwa l-attivitajiet militari tagħha, inkluż il-kostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sottomarini “HDW klassi 214” u “HDW klassi 209”, b’tali mod li seta’ jaffettwa l-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tar-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 346 TFUE. Sabiex tiġi evitata din l-eventwalità, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika u ENAE laħqu, wara negozjati matul il-perijodu minn Ġunju sa Ottubru 2010 u b’ittri ta’ impenn minn ENAE u mir-Repubblika Ellenika, datati rispettivament fis-27 u fid-29 ta’ Ottubru 2010, ftehim li jipprovdi li d-Deċiżjoni 2009/610 titqies bħala li ġiet implimentata b’mod korrett, bla ħsara għar-rispett tal-impenji li ġejjin:

l-interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, mill-1 ta’ Ottubru 2010;

l-assi marbuta mal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE jinbiegħu u r-rikavat tal-bejgħ jitħallas lill-awtoritajiet Griegi. Jekk l-irkant ma jwassalx għall-bejgħ ta’ dawn l-assi ċivili kollha jew ta’ parti minnhom, ENAE tittrasferihom lill-Istat Grieg bħala eżekuzzjoni alternattiva tal-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan il-każ, l-Istat Grieg għandu jiżgura li ebda wieħed mill-assi msemmija ma jinxtara mill-ġdid minn ENAE jew mill-azzjonisti attwali jew futuri tagħha matul il-perijodu msemmi ta’ ħmistax-il sena;

ENAE tirrinunzja għall-konċessjoni ta’ baċir imbattal li l-użu tiegħu ma huwiex meħtieġ għat-twettiq tal-attivitajiet militari tagħha. L-Istat Grieg jiżgura li din il-konċessjoni u l-art koperta minnha ma jerġgħux jinxtraw minn ENAE jew mill-azzjonisti attwali jew futuri tagħha matul il-perijodu msemmi ta’ ħmistax-il sena;

ENAE tirrinunzja għall-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610 u ma tibda ebda proċedura bbażata fuq din il-garanzija jew marbuta magħha. Ir-Repubblika Ellenika għandha tinvoka l-invalidità ta’ din il-garanzija quddiem kull awtorità ġudizzjarja jew extraġudizzjarja;

fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni taċċetta l-lista tal-impenji, ir-Repubblika Ellenika għandha tagħtiha l-provi tar-ritorn tal-baċir imbattal lill-Istat Grieg u l-informazzjoni aġġornata dwar il-bejgħ b’irkant tal-assi ċivili ta’ ENAE. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika għandha tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli, inkluż billi tippreżenta evidenza tal-fatt li ENAE ma għadhiex twettaq attivitajiet ċivili, tagħrif dwar il-proprjetà u l-użu tal-assi mogħtija lura lill-Istat Grieg kif ukoll dwar l-użu tal-art koperta mill-konċessjoni tal-baċir imbattal.

14

Fit-8 ta’ Ottubru 2010, billi l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjoni 2009/610, hija ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 108(2) TFUE kontra r-Repubblika Ellenika bl-għan li jiġi kkonstatat li din ma kinitx adottat, fit-terminu previst, il-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni.

15

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li, jekk l-impenji elenkati fil-punt 13 ta’ din is-sentenza kienu effettivament implementati, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-Deċiżjoni 2009/610 hija implimentata b’mod sħiħ. Din l-istituzzjoni ppreċiżat f’din l-ittra li l-assi ta’ ENAE, allokati għall-attivitajiet ċivili tagħha, kellhom jinbiegħu jew jiġu ttrasferiti lill-Istat Grieg fi żmien sitt xhur wara dik l-ittra.

16

Permezz tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2012 li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi d-Deċiżjoni 2009/610 u, billi ma ppreżentatx lill-Kummissjoni, fit-terminu previst, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni.

Il-proċedura prekontenzjuża

17

Wara li ngħatat is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, is-servizzi tal-Kummissjoni skambjaw diversi ittri mal-awtoritajiet Elleniċi dwar l-istat tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli.

18

F’dan il-kuntest, il-Parlament Elleniku adotta l-Liġi Nru 4099/2012 li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2012. L-Artikolu 169(2) tagħha jipprovdi li “[m]id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, id-dritt ta’ użu esklużiv, mogħti lil [ENAE] fl-Artikolu 1(15) tal-Liġi Nru 2302/1995 […] kif ikkompletat bl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 2941/2011, huwa abolit sa fejn jirrigwarda l-parti tal-art tal-Istat ABK 266 b’medda ta’ (216 663.985 m2) indikata [fuq il-pjanta topografika ppubblikata fl-Anness I għal din il-Liġi] kif ukoll iż-żona kostali li tinsab quddiem l-art pubblika ABK imsemmija iktar ’il fuq.”

19

Fil-11 ta’ Jannar 2013, ENAE u s-sidien tagħha f’dik id-data adixxew lill-Qorti Internazzjonali tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-arbitraġġ tal-KIK”), b’rikors għad-danni kontra r-Repubblika Ellenika minħabba allegat ksur, fl-ewwel lok, ta’ ftehim qafas (Framework Agreement) konkluż f’Marzu 2010 bejn ir-Repubblika Ellenika, ENAE, HDW, ThyssenKrupp u Abu Dhabi Mar LLC li matul l-2009 xtrat 75.1 % tal-ishma ta’ ENAE miżmuma minn ThyssenKrupp, li l-Artikolu 11 tiegħu jirreferi għall-obbligu tar-Repubblika Ellenika li tirkupra l-għajnuna mill-Istat, fit-tieni lok, ta’ ftehim ta’ implimentazzjoni (Implementation Agreement) bejn l-istess partijiet għal dan il-ftehim qafas li kellu jindirizza numru ta’ kwistjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II”, u, fit-tielet lok, tal-kuntratti ta’ kostruzzjoni u ta’ modernizzazzjoni tas-sottomarini konklużi fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet. Fit-23 ta’ April 2014, ir-Repubblika Ellenika ippreżentat ukoll quddiem il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK rikors għad-danni kontra ENAE u l-azzjonisti tagħha għal ksur tal-ftehim ta’ implimentazzjoni u tal-kuntratti ta’ kostruzzjoni u ta’ modernizzazzjoni tas-sottomarini, u b’mod partikolari tal-obbligu li s-sottomarini jiġu kkunsinnati fil-kundizzjonijiet u fit-termini previsti.

20

Barra minn hekk, il-Parlament Elleniku adotta l-Liġi Nru 4237/2014 li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Frar 2014 u li l-Artikolu 12 tagħha jipprovdi li, fid-dawl tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika Ellenika, il-kontinwazzjoni ta’ kull forma ta’ eżekuzzjoni forzata kontra l-proprjetà mobbli u immobbli ta’ ENAE għandha tiġi sospiża.

21

Ir-Repubblika Ellenika, permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 4258/2014, li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 2014, attribwixxiet lill-flotta militari l-proġett dwar il-kostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sottomarini, minħabba ċ-ċirkustanza li ENAE ma rrispettatx l-impenji kuntrattwali tagħha biex jiġu żgurati l-kapaċitajiet operazzjonali neċessarji għad-difiża u s-sigurtà nazzjonali. Din id-dispożizzjoni kienet tipprovdi wkoll li l-flotta militari kienet ser twettaq ix-xogħlijiet fuq is-sottomarini fil-faċilitajiet ta’ ENAE mingħajr kontroparti u tħallas il-pagi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema bħala kumpens għax-xogħol tagħhom.

22

Fis-27 ta’ Novembru 2014, billi qieset li d-Deċiżjoni 2009/610 kienet għadha ma ġietx eżegwita, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Elleniċi skont l-Artikolu 260(2) TFUE fejn tathom terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ xahrejn.

23

Permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux irkupraw l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli u ma kinux tawha l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610.

24

L-awtoritajiet Griegi wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tat-23 ta’ Jannar 2015. Minn naħa, fiha huma rreferew għat-tfixkil u għan-nuqqas ta’ kull kooperazzjoni min-naħa ta’ ENAE fl-implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Min-naħa l-oħra, dawn invokaw il-ħtieġa li din il-kumpannija tibqa’ topera għal 18 sa 20 xahar ieħor biex il-flotta militari tkun tista’ tlesti, fil-faċilitajiet ta’ ENAE, il-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini previsti fil-kuntratti “Archimedes” u “Neptune II”.

25

Fl-4 ta’ Diċembru 2015, l-awtoritajiet Elleniċi bagħtu lil ENAE ordni ta’ rkupru li jammonta għal EUR 523 352 889.23, li jirrappreżenta madwar 80 % tal-ammont li kellu jiġi rkuprat, inklużi l-interessi sat-30 ta’ Novembru 2015. Fil-5 ta’ Frar 2016, ENAE ppreżentat rikors quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) intiż għall-annullament ta’ din l-ordni ta’ rkupru. Matul Marzu 2016, l-awtoritajiet tat-taxxa Elleniċi adottaw atti ta’ implimentazzjoni tal-imsemmi ordni ta’ rkupru. Fit-13 ta’ April 2016, ENAE ressqet oppożizzjoni quddiem l-istess qorti kontra dawk l-atti ta’ implimentazzjoni. Fit-23 ta’ Mejju 2016, ENAE ppreżentat quddiem l-imsemmija qorti talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni intervjeniet bħala amicus curiae f’dawn il-kawżi skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

26

Fid-29 ta’ Settembru 2016, id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza ta’ Ateni) ċaħdet it-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mressqa minn ENAE.

27

B’riżultat ta’ dan iċ-ċħid, l-awtoritajiet Elleniċi nedew, fit-3 ta’ Frar 2017, proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fuq l-assi ċivili ta’ ENAE. Fis-6 ta’ Frar 2017, dawn l-awtoritajiet ħarġu ordnijiet ta’ sekwestru f’idejn tliet banek li magħhom ENAE kellha xi kontijiet. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma rkuprat l-ebda ammont minħabba sekwestri preċedenti mwettqa minn kredituri oħra u minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ din l-impriża.

28

B’mod parallel, fit-12 ta’ Mejju 2016, ENAE u l-azzjonisti tagħha talbu lill-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK miżuri protettivi kontra l-atti amministrattivi nazzjonali adottati mill-awtoritajiet Elleniċi f’Diċembru 2015 u f’Marzu 2016 intiżi għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. Il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK ċaħdet din it-talba għal miżuri provviżorji. Dawn talbu wkoll lit-tribunal tal-arbitraġġ tal-KIK sabiex jipprojbixxi lill-awtoritajiet Griegi milli jibdew proċeduri ta’ falliment kontra ENAE waqt il-proċedura ta’ arbitraġġ.

29

B’digriet provviżorju tal-5 ta’ Awwissu 2016, il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK ċaħdet din it-talba ta’ ENAE u tal-azzjonisti tagħha billi ddeċidiet li hija ma setgħetx tinterferixxi fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610. Madankollu, din iddeċidiet li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni jista’ jwassal għall-falliment ta’ ENAE u għalhekk ipprojbixxa lir-Repubblika Ellenika milli tieħu miżura ta’ nazzjonalizzazzjoni fil-konfront ta’ din il-kumpannija, milli tieħu f’idejha l-amministrazzjoni tal-kumpannija msemmija jew milli tissuġġetta lilha u lill-assi tagħha għal proċedura ta’ insolvenza, mingħajr ma tinformaha minn qabel.

30

Fit-13 ta’ Frar 2017, l-awtoritajiet Elleniċi informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jissuġġettaw lil ENAE għal proċedura ta’ likwidazzjoni speċjali skont il-Liġi Nru 4307/2014, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“ġestjoni speċjali”), u talbu għal laqgħa mal-Kummissjoni sabiex jiġu diskussi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura.

31

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ressqet ir-rikors preżenti.

L-iżviluppi wara li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja

32

Saret laqgħa dwar it-tqegħid ta’ ENAE taħt il-ġestjoni speċjali fit-8 ta’ Marzu 2017. Matul din il-laqgħa, l-awtoritajiet Elleniċi ppreżentaw lill-Kummissjoni pjan dettaljat biex ENAE titqiegħed taħt il-ġestjoni speċjali proposta.

33

Fil-21 ta’ Marzu 2017, ġew issekwestrati żewġ tankijiet li jżommu f’wiċċ l-ilma li jappartjenu lil ENAE.

34

Fl-10 ta’ April 2017, ENAE ressqet talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK intiża għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji li jipprojbixxu lill-awtoritajiet Elleniċi li jiftħu proċedura bil-għan li din il-kumpannija tiġi ssuġġettata għal ġestjoni speċjali skont il-Liġi Nru 4307/2014. Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK fakkret li d-deċiżjoni tagħha kienet imminenti. Għaldaqstant, din iddeċidiet li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ ġestjoni speċjali kontra ENAE jkollha l-effett li ċċaħħad lill-azzjonisti tagħha mill-kontroll tagħhom fuq il-kumpannija u li l-amministratur speċjali, magħżul mill-kredituri, ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ ENAE fil-proċedura ta’ arbitraġġ. F’dan il-kuntest, il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK iddeċidiet li l-awtoritajiet Elleniċi għandhom jastjenu, sal-adozzjoni finali tad-deċiżjoni tagħha, minn kull miżura ta’ rkupru li twassal, direttament jew indirettament, għal tibdil fil-kontroll tal-ġestjoni ta’ ENAE, inklużi l-proċeduri ta’ falliment u t-tqegħid ta’ din il-kumpannija taħt ġestjoni speċjali.

35

Fid-29 ta’ Ġunju 2017, l-awtoritajiet Elleniċi bagħtu ittra lil ENAE fejn stidnuha tħallas l-20 % li kien fadal mill-ammont tal-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, inklużi l-interessi sat-30 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri EUR 95 098 200.99. Peress li dan il-ħlas ma sarx, il-Ypourgeio Oikonomias kai Anaptyxis (Ministeru tal-Ekonomija u tal-Iżvilupp, il-Greċja) inkariga lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jirkupraw dan l-ammont permezz tal-ittra tal-31 ta’ Lulju 2017.

36

Fit-12 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Elleniċi bdew proċedura quddiem il-qrati Griegi biex ENAE tiġi suġġetta għal proċedura ta’ ġestjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Liġi Nru 4307/2014 li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2014.

37

Matul il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet tliet talbiet tar-Repubblika Ellenika dwar il-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda skont l-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kull darba, ingħata terminu lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar dawn id-dokumenti.

38

Mid-dokumenti msemmija jirriżulta, l-ewwel nett, li permezz tas-sentenza tagħha Nru 725/2018, tat-8 ta’ Marzu 2018, il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti Għolja b’Imħallef uniku ta’ Ateni, il-Greċja) laqgħet it-talba tal-awtoritajiet Griegi, qiegħdet lil ENAE taħt ġestjoni speċjali u ħatret lil amministratur speċjali.

39

It-tieni nett, dawn l-istess dokumenti juru l-fatt li, fis-26 ta’ Marzu 2018, l-awtorità indipendenti tad-dħul mit-taxxi pubbliku pprovat, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ kreditu tat-22 ta’ Marzu 2018, tippreżenta quddiem l-amministratur speċjali l-pretensjonijiet ta’ kreditu tar-Repubblika Ellenika relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġestjoni speċjali ta’ din il-kumpannija. B’mod partikolari, din l-aġenzija ħabbret ammont ta’ EUR 713 883 282.19 biż-żidiet dovuti għal pagament tardiv tal-kreditu. Dan l-ammont jinkludi l-ammonti ta’ EUR 524 896 095.75 u ta’ EUR 95 171 888.92 li l-Istat Grieg għandu jirkupra sabiex jikkonforma mad-Deċiżjoni 2009/610 u b’hekk mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

40

L-amministratur speċjali rċieva notifika ta’ dawn l-azzjonijiet kollha permezz ta’ ittra reġistrata ddepożitata fl-uffiċċju postali.

41

It-tielet nett, mid-dokumenti prodotti mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fis-26 ta’ Ġunju 2018, permezz ta’ protokoll ta’ konsenja, ENAE, irrappreżentata mill-amministratur speċjali tagħha, ikkunsinnat il-pussess tal-art ABK 266 kif ukoll il-parti tal-kosta li tinsab quddiemha lill-Etaireia Akiniton Dimosiou A.E. (Kumpannija tal-Beni Immobbli tal-Istat (kumpannija b’responsabbiltà limitata), (iktar ’il quddiem “KBII”).

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

42

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li, għaddew bosta snin kemm wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 kif ukoll wara l-adozzjoni ta’ din is-sentenza mingħajr ma l-awtoritajiet Elleniċi rkupraw l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand ENAE.

43

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx il-miżuri kollha li huma fil-prinċipju meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni bħad-Deċiżjoni 2009/610.

44

Fil-fatt, l-awtoritajiet Elleniċi, meta stabbilixxew il-moratorju previst fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014, għamlu iktar diffiċli l-irkupru tal-għajnuna.

45

Kien biss f’Diċembru 2015 u f’Marzu 2016 li l-awtoritajiet Elleniċi adottaw atti amministrattivi nazzjonali intiżi biex iwettqu rkupru parzjali tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand ENAE. Madankollu, dawn l-atti ma wasslu għal irkupru ta’ ebda ammont mingħand din l-impriża.

46

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika lanqas ma osservat l-impenji stipulati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, liema impenji kienu kkunsidrati bħala metodu alternattiv ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610.

47

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-bejgħ tal-assi ċivili ta’ ENAE ma seħħx u li din kienet qed tikkontesta l-lista tal-assi ċivili.

48

It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm il-Parlament Elleniku vvota liġi dwar ir-restituzzjoni tal-baċir imbattal, ir-Repubblika Ellenika għadha ma bagħtitx il-mappa rilevanti li tindika bi preċiżjoni ż-żona li ngħatat lura u lanqas prova li l-artijiet ma għadhomx jintużaw minn ENAE.

49

It-tielet nett, minbarra riżoluzzjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija ENAE fl-14 ta’ April 2010, li tgħid li din l-impriża kellha twaqqaf l-attivitajiet ċivili tagħha, l-awtoritajiet Elleniċi ma pprovdew l-ebda prova oħra li turi li l-impriża msemmija astjeniet minn kull attività ċivili mid-data ta’ din ir-riżoluzzjoni.

50

Ir-raba’ nett, dawn l-awtoritajiet qatt ma bagħtu dokumenti li juru li l-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610 ġiet abolita u li din qatt ma ntużat.

51

Il-ħames nett, l-awtoritajiet imsemmija qatt ma ppreżentat rapport dwar il-progress tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

52

Is-sitt nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat mir-Repubblika Ellenika huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-Deċiżjoni 2009/610, billi tistabbilixxi n-nuqqas ta’ assi li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, f’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jibda l-proċeduri għall-istralċ u t-twaqqif definittiv tal-attività tal-impriża benefiċjarja.

53

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Elleniċi qatt ma invokaw impossibbiltà assoluta ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Minn naħa, dawn illimitaw ruħhom sabiex isostnu li l-irkupru sħiħ iwassal għall-likwidazzjoni tat-tarzni, liema ħaġa jkollha impatt negattiv fuq l-interessi tad-difiża nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, huma attribwixxew in-nuqqas ta’ rkupru għal tfixkil min-naħa ta’ ENAE, filwaqt li tali tfixkil ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610.

54

F’dak li jirrigwarda l-interessi tad-difiża nazzjonali invokati mir-Repubblika Ellenika li jikkonċernaw biss il-bini tas-sottomarini fil-faċilitajiet ta’ ENAE għall-flotta militari, il-Kummissjoni tosserva li d-deroga prevista fl-Artikolu 346 TFUE tikkonċerna każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar u għaldaqstant ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva. Għalhekk, huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li din id-deroga hija meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

55

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-interessi ta’ sigurtà invokati mir-Repubblika Ellenika. L-awtoritajiet Elleniċi qatt ma spjegaw għalfejn il-bini u l-immodernizzar tas-sottomarini kellhom neċessarjament isiru fil-faċilitajiet ta’ ENAE u mhux f’dawk ta’ tarzni oħra Griegi, b’mod partikolari wara l-attribuzzjoni lill-flotta militari, prevista fl-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 4258/2014, tal-proġett ta’ kostruzzjoni u ta’ modernizzazzjoni tas-sottomarini.

56

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ħadet il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

57

Dan l-Istat Membru josserva li l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 4237/2014 ma jikkostitwixxix miżura li trendi iktar diffiċli l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, peress li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata kontra l-assi ta’ ENAE prevista f’dan l-artikolu tapplika biss sa fejn eżekuzzjoni forzata taffettwa l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sottomarini għall-flotta militari, ħaġa li hija konformi mal-Artikolu 346(1)(b) TFUE. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi sussegwentement ħadu xi miżura ta’ infurzar kontra ENAE juri li l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi ma jeskludix li jseħħ dan l-irkupru.

58

Ir-Repubblika Ellenika tinvoka, sussegwentement, l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, fis-sens tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, billi targumenta li rkupru ma għandu jippreġudika la t-tkomplija tal-attivitajiet militari tal-ikbar u tal-iktar tarzna produttiva fil-Greċja u lanqas is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha sabiex tagħżel il-miżuri li hija tqis meħtieġa.

59

Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tipprovoka l-falliment ta’ ENAE, sa fejn din il-proċedura tkun taffettwa l-assi kollha ta’ din l-impriża u tipperikola l-kontinwazzjoni tajba tal-attivitajiet militari tat-tarzna u, għaldaqstant, tal-kapaċitajiet ta’ difiża ta’ dan l-Istat Membru. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-awtoritajiet Elleniċi taw prijorità lill-implimentazzjoni tal-impenji li ssemmi l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

60

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tosserva, fir-rigward tal-bejgħ tal-assi ċivili ta’ ENAE, li hija ħabbtet wiċċha ma’ tfixkil ta’ din il-kumpannija li ma qablitx dwar il-lista tal-assi ċivili maħsuba biex jinbiegħu.

61

Minħabba dawn l-ostakli, l-awtoritajiet Elleniċi bagħtu lill-kumpannija msemmija ordnijiet ta’ rkupru u ta’ sekwestru.

62

Peress li dawn il-miżuri ma taw lok għal ebda ħlas lura minħabba s-sekwestru preċedenti ta’ kredituri oħrajn u minħabba n-nuqqas manifest ta’ assi suffiċjenti ta’ ENAE, l-awtoritajiet Elleniċi qiesu li din il-kumpannija kellha tkun suġġetta għal ġestjoni speċjali skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 4307/2014. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Ellenika, wara l-għoti tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tas-sottomarini lill-flotta militari, l-awtoritajiet Elleniċi setgħu jieħdu miżuri ta’ likwidazzjoni kontra ENAE mingħajr ma jikkompromettu l-eżekuzzjoni tal-programmi militari.

63

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-suġġettar ta’ ENAE għal ġestjoni speċjali huwa l-miżura adegwata sabiex dik il-kumpannija tiġi likwidata, peress li din il-miżura hija konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni peress li l-proċedura tippermetti l-bejgħ bl-irkant pubbliku komplet jew parzjali tan-negozji jew tal-assi individwali tal-kumpannija msemmija taħt ir-responsabbiltà ta’ amministratur indipendenti u taħt kontroll ġudizzjarju. Din il-proċedura ta’ ġestjoni speċjali, li tista’ tiġi konkluża f’perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-ħatra tal-amministratur speċjali, tiżgura mill-inqas l-istess garanziji bħal dawk tal-proċedura ta’ insolvenza ordinarja u tippreżenta ħeffa u trasparenza ħafna ikbar. Il-proċedura msemmija tippermetti li jkun evitat id-deprezzament tal-valur tal-assi kkonċernati u tiżgura l-bejgħ tal-assi militari ta’ ENAE bħala fergħa unika, skont l-interessi essenzjali tas-sigurtà tar-Repubblika Ellenika.

64

F’dak li jirrigwarda r-restituzzjoni tal-artijiet mogħtija lil ENAE għall-użu esklussiv tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fl-20 ta’ Diċembru 2012, id-dritt għall-użu ta’ dawn l-artijiet ġie mħassar mill-Artikolu 169(2) tal-Liġi Nru 4099/2012. Ir-Repubblika Ellenika ssostni li kopji tat-traskrizzjoni mill-ġdid fl-uffiċċju tar-reġistru tal-ipoteki ġeografikament kompetenti, ikkomunikati lill-Kummissjoni, juru li dawn l-artijiet ingħataw lura. Skont dan l-Istat Membru, il-fatt li dawn l-istess artijiet ma għadhomx jintużaw minn ENAE jirriżulta mill-fatt li din l-impriża ilha ma teżerċita attività ċivili mill-2010.

65

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika tqis li r-restituzzjoni tal-artijiet inkwistjoni hija miżura ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610 peress li, fin-nuqqas ta’ assi suffiċjenti, l-awtoritajiet Elleniċi huma obbligati li jipproċedu bil-likwidazzjoni tal-assi ċivili kollha ta’ ENAE. Madankollu, dan l-Istat Membru jsostni li l-valutazzjoni ta’ dawn l-istess artijiet, bil-prezzijiet tal-2008, juri li dawn jirrappreżentaw 60 % tal-valur totali tal-assi ċivili ENAE jew 58 % tal-infrastruttura mhux militari tat-tarzna. Fid-dawl ta’ dan il-kalkolu, fir-realtà, il-bejgħ tal-assi ċivili ta’ ENAE jikkonċerna biss porzjon żgħir tal-valur tat-taqsima ċivili ta’ din l-impriża.

66

Fir-rigward tal-waqfien tal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija kien espressament adotta deċiżjoni fuq dan il-punt u li l-amministrazzjoni l-ġdida tal-kumpannija msemmija kkonfermat diversi drabi li ENAE ilha ma teżerċita attività ċivili sa mill-2010. Dan l-Istat Membru jżid li ENAE ma ppubblikat ebda bilanċ wara t-30 ta’ Settembru 2011 minħabba s-sitwazzjoni ekonomika ħażina tagħha.

67

Finalment, għal dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ENAE li għandha tilmenta dwarha. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jikkonstata li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din il-garanzija ma qamet f’ebda kawża, b’tali mod li l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux f’pożizzjoni li jinvokaw l-invalidità tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa obbligat, skont l-Artikolu 288 TFUE, li jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan għandu jwassal għall-irkupru effettiv tas-somom dovuti sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-vantaġġ kompetittiv mogħti minn din l-għajnuna (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 23).

69

Fil-fatt, l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn ikunu jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha previsti mis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, inklużi l-miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 24).

70

Fir-rigward tal-ipoteżi li tgħid li l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment għandha tiġi rkuprata minn impriżi benefiċjarji f’diffikultà jew fi stat ta’ falliment, għandu jitfakkar li tali diffikultajiet ma jaffettwawx l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna. Għalhekk, l-Istat Membru huwa obbligat, skont il-każ, jikseb l-istralċ tal-kumpannija, jirreġistra l-kreditu tiegħu fil-passiv tagħha jew jieħu kull miżura oħra li tippermetti l-ħlas lura tal-għajnuna (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-363/16, EU:C:2018:12, punt 36).

71

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ ENAE u biex din il-kumpannija ma titpoġġiex fi stat ta’ falliment, biex ma tiġix ipperikolata l-implimentazzjoni tal-programmi “Archimedes” u “Neptune II” għall-flotta militari u, għaldaqstant, biex ma jiġux ippreġudikati l-interessi vitali tas-sigurtà tar-Repubblika Ellenika, fis-sens tal-Artikolu 346 TFUE, il-Kummissjoni, dan l-Istat Membru u ENAE kienu impenjaw ruħhom li jimplimentaw metodu alternattiv ta’ rkupru sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis id-Deċiżjoni 2009/610 bħala implimentata b’mod sħiħ.

72

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Repubblika Ellenika adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-Istat Membru osserva l-impenji stipulati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 jew jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, kif definita fl-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15 tad-Deċiżjoni 2009/610 ġietx kompletament irkuprata mill-imsemmi Stat Membru u jekk l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni ġietx ippreżentata lill-Kummissjoni.

73

Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li f’dak li jikkonċerna l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala data ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 32).

74

F’dan il-każ, hekk kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, peress li fis-27 ta’ Novembru 2014 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, id-data ta’ referenza msemmija fil-punt preċedenti hija dik tal-iskadenza tat-terminu ffissat f’din l-ittra, jiġifieri s-27 ta’ Jannar 2015.

75

Issa, f’dak li jikkonċerna l-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, huwa stabbilit li, sa din id-data tas-27 ta’ Jannar 2015, l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux osservawhom.

76

Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-unika miżura meħuda mir-Repubblika Ellenika f’dik id-data hija l-adozzjoni tal-Liġi Nru 4099/2012 li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2012.

77

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li mill-proċess jirriżulta li kemm il-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK kif ukoll il-Monomeles Protodikeio Athinon (Qorti Għolja b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) ikkonstataw li, minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, ENAE ma kinitx effettivament tat lura l-art pubblika kkonċernata mill-konċessjoni tal-baċir imbattal.

78

Skont il-Protokoll tas-26 ta’ Ġunju 2018, ENAE wettqet il-kunsinna tal-pussess tal-art ABK 266, inkluż il-baċir imbattal li l-użu tiegħu kien ingħatalha b’konċessjoni, kif ukoll tal-parti tal-kosta li tinsab quddiemu. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma werietx li din il-kumpannija kienet effettivament ikkunsinnat lill-Istat Grieg il-pussess ta’ din l-art qabel is-27 ta’ Jannar 2015.

79

Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkonstatat li ENAE rrinunzjat għall-konċessjoni tal-baċir imbattal kif meħtieġ mill-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

80

F’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li ċ-ċirkustanza li l-imsemmija art ma għadhiex tintuża minn ENAE tirriżulta mill-fatt li din il-kumpannija ilha ma twettaq attivitajiet ċivili mill-2010, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija msemmija tal-14 ta’ April 2010, għandu jiġi kkonstatat li la minn din id-deċiżjoni u lanqas mill-proċess ma jirriżulta li ENAE interrompiet l-attivitajiet ċivili tagħha skont l-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

81

Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni tal-bord tad-diretturi ma tistax tikkonċerna l-impenn ta’ waqfien tal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE għal perijodu ta’ ħmistax-il sena mill-1 ta’ Diċembru 2010, peress li d-deċiżjoni ttieħdet qabel l-ittra ta’ impenn ta’ ENAE, fis-27 ta’ Ottubru 2010. Din id-deċiżjoni sempliċiment issemmi l-fatt li, f’konnessjoni ma’ ftehim ta’ self ta’ ENAE, “l-attività mhux navali bħalissa hija wieqfa għalkollox”.

82

Barra minn hekk, mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi dokumenti li jistgħu juru li ENAE osservat l-obbligu ta’ waqfien tal-attivitajiet ċivili tagħha għal perijodu ta’ ħmistax-il sena.

83

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ prova li ENAE interrompiet l-attivitajiet ċivili tagħha b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ellenika ma pprovatx li din il-kumpannija ma baqatx tuża l-art pubblika kkonċernata mill-konċessjoni tal-baċir imbattal.

84

Fir-rigward tal-impenn dwar il-bejgħ tal-assi ċivili ta’ ENAE jew ir-restituzzjoni tagħhom lill-Istat Grieg, huwa ċar li dan il-bejgħ jew din ir-restituzzjoni ma seħħewx. Għaldaqstant, dan l-impenn ma ġiex osservat.

85

Rigward il-garanzija ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2009/610, għandu jiġi nnotat li, skont l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, ENAE kellha tirrinunzja għaliha u ma tressaq ebda proċedura fuq il-bażi tagħha jew b’konnessjoni magħha. Mill-proċess ma jirriżultax li din ir-rinunzja seħħet u lanqas li r-Repubblika Ellenika abolixxiet din il-garanzija b’mezzi leġiżlattivi. Għaldaqstant, din ma osservatx dan l-impenn.

86

Skont il-ftehim bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika u ENAE li jirriżulta mill-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, l-impenji kollha kellhom jiġu rrispettati biex ikun jista’ jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni 2009/610 ġiet implimentata b’mod korrett. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li ma jiġix osservat wieħed biss minn dawn l-impenji biex jiġi kkonstatat il-falliment ta’ dan il-metodu ta’ rkupru. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-impenji elenkati fil-punt 13 ta’ din is-sentenza ma ġewx osservati.

87

Fir-rigward tal-obbligu prinċipali tar-Repubblika Ellenika li tirkupra kompletament l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, kif definita fl-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 15 tad-Deċiżjoni 2009/610, biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa manifest li l-awtoritajiet Elleniċi ma ssodisfawx dan l-obbligu u li ma ppreżentawx lill-Kummissjoni l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni.

88

F’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha, fis-sens tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, ma jippermettulhiex li tipprovoka l-falliment ta’ ENAE, sa fejn tali proċedura kienet taffettwa l-attiv kollu ta’ din il-kumpannija u kienet tqiegħed f’periklu l-kontinwazzjoni tajba tal-attivitajiet militari tat-tarzna u, għaldaqstant, il-kapaċitajiet ta’ difiża ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li kien hemm miżura iktar xieraq għall-istralċ tal-imsemmija kumpannija, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru msemmi, jiġifieri s-suġġettar tagħha għal ġestjoni speċjali, għandu jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà li ENAE tiġi ssuġġettata għal ġestjoni speċjali kienet disponibbli għall-awtoritajiet Elleniċi qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri s-27 ta’ Jannar 2015, peress li l-Liġi Nru 4307/2014 daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2014.

89

Issa, mill-proċess jirriżulta li t-talba għat-tnedija ta’ din il-proċedura tressqet fit-12 ta’ Ottubru 2017.

90

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li r-Repubblika Ellenika tista’ validament tinvoka l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha, fis-sens tal-Artikolu 346(1)(b) TFUE, fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru ma kienx adotta, fis-27 ta’ Jannar 2015, il-miżura li huwa innifsu jikkunsidra bħala xierqa fid-dawl tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

91

B’hekk, ir-Repubblika Ellenika ma tistax validament issostni li adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex timplimenta l-proċedura għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant, sas-27 ta’ Jannar 2015, is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha mhux eżegwita.

92

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx, sad-data li fiha skada t-terminu mogħti, il-miżuri kollha involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

Fuq il-pagamenti ta’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

93

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata r-Repubblika Ellenika kien għadu għaddej fil-mument tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

94

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ kreditu tat-22 ta’ Marzu 2018 li permezz tagħha r-Repubblika Ellenika nnotifikat lill-amministratur speċjali ta’ ENAE bil-krediti tagħha relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġestjoni speċjali ta’ din il-kumpannija, il-Kummissjoni tqis li hija r-reġistrazzjoni fit-tabella tal-krediti ta’ dawk relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata li tista’ titqies bħala li hija, fil-prinċipju, miżura xierqa li tista’ tiżgura l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, sakemm tali miżura tkun segwita jew mill-irkupru sħiħ tal-ammont tal-għajnuna msemmija, jew mill-istralċ tal-impriża u l-waqfien definittiv tal-attivitajiet tagħha, jekk dan l-irkupru jibqa’ impossibbli matul il-proċedura ta’ falliment. Is-sempliċi dikjarazzjoni ta’ dawn il-krediti ma hijiex biżżejjed biex l-Istat Membru jitqies li ssodisfa l-obbligu ta’ rkupru tiegħu. Il-Kummissjoni żżid li, skont l-Artikolu 77 tal-Liġi Nru 4307/2014, ir-reġistrazzjoni formali fl-iskeda tal-krediti għandha ssir wara t-trasferiment tal-assi tal-impriża kkonċernata li jirriżulta mill-ġestjoni speċjali li tkun suġġetta għaliha din l-impriża, u mhux qabel dan it-trasferiment.

95

F’dak li jirrigwarda l-protokoll ta’ kunsinna li bih ENAE kkunsinnat il-pussess tal-art ABK 266 kif ukoll tal-parti tal-kosta li tinsab quddiemha lil ETAD, il-Kummissjoni tosserva li dan il-protokoll sar fis-26 ta’ Ġunju 2018. Għaldaqstant, din il-kunsinna hija tardiva peress li, skont l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, din kellha ssir fi żmien sitt xhur minn din l-ittra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika għadha ma ppreżentatx mappa li tindika b’mod ċar l-art mogħtija lill-Istat u elementi ta’ prova li juru li ENAE ma għadhiex tuża din l-art.

96

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni SEC(2005) 1658, tat-12 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]” (ĠU 2007, C 126, p. 15), biex tipproponi li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum jiġi kkalkolat billi somma f’daqqa ta’ bażi uniformi ta’ EUR 670 tiġi mmultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 fuq skala minn 1 sa 20 u b’koeffiċjent tad-dewmien ta’ 3, jiġifieri l-koeffiċjent massimu. Sussegwentement, ir-riżultat miksub għandu jiġi mmultiplikat b’fattur “n”, ikkalkulat għal 3.48 għar-Repubblika Ellenika, li huwa maħsub sabiex tiġi riflessa l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkriminat u li għal dan il-għan jieħu bħala elementi l-prodott domestiku gross (PGD) ta’ dak l-Istat Membru u n-numru ta’ voti li dan għandu fil-Kunsill.

97

F’dak li jirrigwarda l-koeffiċjent ta’ gravità, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-effett detrimentali li l-għajnuna inkompatibbli u mhux irkuprata kellha fuq is-settur navali, l-ammont kunsiderevoli tal-għajnuna mhux irkuprata u r-repetizzjoni tal-imġiba illegali ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

98

Fir-rigward tal-koeffiċjent tad-dewmien, il-Kummissjoni tosserva li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ilu jippersisti għal diversi snin mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u iktar minn 8 snin wara n-notifika tad-Deċiżjoni 2009/610.

99

Fir-rigward tal-fattur “n”, il-Kummissjoni ssostni li l-kalkolu għandu jsir abbażi tal-evoluzzjoni tal-PGD tar-Repubblika Ellenika matul l-iktar sena riċenti li għaliha hemm dejta ekonomika affidabbli disponibbli, u l-piż ta’ voti ta’ dak l-Istat Membru fil-Kunsill.

100

Fir-rigward tal-ippeżar tal-voti fil-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li l-bidla fis-sistema ta’ votazzjoni fil-Kunsill mill-1 ta’ April 2017 ma tfissirx li hija għandha tadatta l-proposta tagħha ta’ fattur “n”. Hija żżid li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, is-sistema l-qadima ta’ ppeżar tal-voti kienet għadha ma skadietx. Konsegwentement, il-fattur li jirriżulta mis-sistema l-qadima ta’ ppeżar tal-voti jibqa’ punt ta’ riferiment utli għall-kalkolu tal-penali.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li pagament ta’ penalità ta’ EUR 34974 għal kuljum huwa adatt għaċ-ċirkustanzi u huwa proporzjonat man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

102

Ir-Repubblika Ellenika ssostni, fl-ewwel lok, li, bid-dikjarazzjoni ta’ kreditu tat-22 ta’ Marzu 2018, hija ppreżentat il-pretensjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġestjoni speċjali lill-amministratur speċjali ta’ ENAE. Dan l-Istat Membru jżid li din il-kumpannija kienet ukoll, permezz tal-protokoll tas-26 ta’ Ġunju 2018, wettqet il-kunsinna tal-pussess tal-art ABK 266, inkluż il-baċir imbattal li l-użu tiegħu kien ingħatalha b’konċessjoni, kif ukoll tal-parti tal-kosta li tinsab quddiemu. Skont l-Istat Membru msemmi, din il-kunsinna ta’ pussess hija parti importanti tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

103

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-koeffiċjenti tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur stabbiliti mill-Kummissjoni.

104

F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx sensiela ta’ elementi li jnaqqsu l-gravità tal-ksur, bħall-fatt li ENAE ilha ma jkollha attività ċivili mill-2010 u għalhekk ma għadhiex teżerċita pressjoni kompetittiva fuq impriżi oħra fis-settur navali. Hija tirreferi wkoll għal diversi diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610, fosthom id-deċiżjoni tal-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK tas-27 ta’ Ġunju 2017. Hija tikkontesta wkoll l-allegata repetizzjoni tal-imġiba illegali tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dawn ir-raġunijiet, hija tqis li l-koeffiċjenti tal-gravità u tad-dewmien ma jistgħux ikunu ikbar minn “1”.

105

Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità ta’ ħlas, ir-Repubblika Ellenika tqis, minn naħa, li l-fattur “n” għandu jiġi aġġornat, bl-użu tal-iktar dejta finanzjarja riċenti. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni reali tal-ekonomija Ellenika u, b’mod partikolari, tal-fatt li dan l-Istat Membru għadu suġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku peress li ma jistax jiffinanzja lilu nnifsu b’mod effettiv fis-swieq finanzjarji.

106

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika tqis li l-fattur “n” ma ġiex ikkalkolat korrettament peress li, mill-1 ta’ April 2017, it-Trattat abbanduna b’mod definittiv is-sistema tal-voti ponderati fi ħdan il-Kunsill u ssostitwiha b’sistema ta’ maġġoranza doppja tal-Istati Membri u tal-popolazzjonijiet skont liema kull Stat Membru għandu biss vot wieħed fi ħdan il-Kunsill. Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li l-Istati Membri li għandhom popolazzjoni u PGD simili għal tagħha tilfu ħafna mill-influwenza tagħhom fil-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 63).

108

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 64).

109

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet wettqet l-impenji stipulati fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 u fid-Deċiżjoni 2009/610.

110

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tosserva li hija ppreżentat il-krediti tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġestjoni speċjali lill-amministratur speċjali ta’ ENAE u li hija wettqet il-kunsinna tal-pussess tal-art ABK 266, inkluż il-baċir imbattal li l-użu tiegħu kien ngħatalha b’konċessjoni, kif ukoll il-parti tal-kosta li tinsab quddiemha.

111

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument dwar il-preżentazzjoni tal-krediti, f’dan il-każ, huwa ċar li, fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx irreġistrat fit-tabella tal-krediti dawk relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata. Fil-fatt, mill-proċess ma jirriżultax li l-amministratur speċjali rreġistra dawn il-krediti fit-tabella tal-krediti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 77 tal-Liġi Nru 4307/2014, ir-reġistrazzjoni formali fit-tabella tal-krediti ssir wara t-trasferiment tal-assi tal-impriża kkonċernata li jirriżulta mill-ġestjoni speċjali li tkun suġġetta għaliha din l-impriża, u mhux qabel dan it-trasferiment. Issa, huwa stabbilit li tali trasferiment ta’ assi ma seħħx. B’hekk, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni utilment li, bid-dikjarazzjoni ta’ kreditu tat-22 ta’ Marzu 2018, hija ppreżentat il-krediti tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġestjoni speċjali lill-amministratur speċjali ta’ ENAE.

112

F’kull każ, ir-reġistrazzjoni fit-tabella tal-krediti ta’ dawk relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 103). Fil-fatt, tali reġistrazzjoni titqies, fil-prinċipju, bħala miżura xierqa li tista’ tiżgura l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, sakemm tali miżura tkun segwita jew bl-irkupru sħiħ tal-ammont tal-imsemmija għajnuna, jew bl-istralċ tal-impriża u bil-waqfien definittiv tal-attivitajiet tagħha, jekk tali rkupru jibqa’ impossibbli matul il-proċedimenti ta’ falliment (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑363/16, EU:C:2018:12, punt 42).

113

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument dwar il-kunsinna tal-pussess tal-art ABK 266, biżżejjed li jiġi ppreċiżat li, f’kull każ, din hija biss implimentazzjoni parzjali tal-obbligu ta’ rkupru. Dan it-trasferiment ma jiżgurax, waħdu, l-irkupru sħiħ tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni u lanqas l-osservanza tal-impenji kollha msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010.

114

Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li hija ħadet, fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

115

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat fil-konfront tar-Repubblika Ellenika baqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità hija mezz pekunjarju xieraq sabiex iġġegħelha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

117

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu deċiżi skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jbiddel l-aġir tiegħu u jtemm il-ksur li bih huwa akkużat (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 68).

118

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità, b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 69).

119

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, Linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jippersisti minn Stat Membru minkejja l-fatt li dan l-istess nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu diġà ġie kkonstatat fl-ewwel sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE jew skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lil dan l-Istat Membru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 70)

120

Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 71).

121

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandha tiġi enfasizzata, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

122

Fil-fatt, ir-regoli li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni 2009/610 u tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huma l-espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern, kif ukoll mill-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali mit-trattati, u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

123

L-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni miksura f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża hija b’mod partikolari riflessa fil-fatt li, permezz tar-rimbors tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub minnha u li, b’dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 127).

124

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’din il-kawża, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-Repubblika Ellenika la rkuprat kompletament l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni u lanqas ma osservat l-impenji msemmija fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-penalità għandha tkun adatta għaċ-ċirkustanzi u proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ENAE, irrappreżentata mill-amministratur speċjali tagħha, ikkunsinnat il-pussess tal-art ABK 266, inkluż il-baċir imbattal li l-użu tiegħu ngħatalha b’konċessjoni, kif ukoll il-parti tal-kosta li tinsab quddiemu, lil ETAD, u li din l-art tirrappreżenta parti sinifikanti mill-assi ċivili ta’ ENAE.

125

It-tieni nett, għandha tiġi enfasizzata n-natura sostanzjali tal-ammont tal-għajnuna mhux irkuprata. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammont li għandu jiġi rkuprat jiżdied kontinwament bl-interessi applikabbli u, fil-mument tas-seduta, kien jeċċedi EUR 670 miljun, jiġifieri iktar minn 2.6 darbiet l-ammont inizjali.

126

It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq tal-kostruzzjoni tal-bastimenti huwa transkonfinali. Dan is-settur ekonomiku huwa mifrux fi kważi l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, l-effett dannuż tal-għajnuna inkompatibbli mhux irkuprata jkollu impatt fuq impriżi mhux biss fil-Greċja, iżda wkoll fil-bqija tal-Unjoni.

127

Ir-raba’ nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li jeżistu ċirkustanzi li jdgħajfu l-gravità tal-ksur, b’mod partikolari diffikultajiet bħat-tfixkil u n-nuqqas ta’ kull kooperazzjoni min-naħa ta’ ENAE fl-implimentazzjoni tal-impenji deskritti fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 u l-effetti tad-deċiżjoni tal-qorti tal-arbitraġġ tal-KIK tas-27 ta’ Ġunju 2017, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-Istat Membru kkonċernat kellu jiffaċċja biex jimplimenta deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali, mingħajr ma jieħu passi reali mal-impriżi inkwistjoni għall-finijiet li tiġi rkuprata l-għajnuna u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni xi modalitajiet alternattivi għall-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjoni li setgħu jippermettu li jingħelbu dawn id-diffikultajiet, ma jistgħux jiġġustifikaw ksur minn dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. L-istess jgħodd għall-allegati problemi interni ffaċċjati fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 29). Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-diffikultajiet invokati mir-Repubblika Ellenika ma jistgħux, f’dan il-każ, jitqiesu bħala ċirkustanzi attenwanti.

128

Finalment, għandha tiġi kkonstatata repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ġiet ikkundannata, minn naħa, fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 108(2) TFUE għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ għajnuna, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑354/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:109), tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑263/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:673), tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845), u tas-17 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑363/16, EU:C:2018:12), kif ukoll, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 228(2) KE, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428).

129

Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-ksur tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat hija ta’ natura importanti.

130

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak li fih din tal-aħħar tkun adita mill-Kummissjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 78).

131

F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx turi li ġie mitmum in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li teżegwixxi għalkollox is-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jitqies li dan in-nuqqas ilu għaddej għal iktar minn sitt snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din is-sentenza, u dan jikkostitwixxi tul kunsiderevoli.

132

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas u, b’mod partikolari, tal-proposta tal-Kummissjoni li l-ammont bażi jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent speċifiku applikabbli għar-Repubblika Ellenika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li dan il-metodu ta’ kalkolu jikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi riflessa l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat ikkonċernat, filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 123).

133

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod konsistenti, sabiex tikkalkola l-pieni finanzjarji, li jittieħed inkunsiderazzjoni tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat u n-numru ta’ voti li dan għandu fil-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑387/97, EU:C:2000:356, punt 88; tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑278/01, EU:C:2003:635, punt 59; tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 48, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑109/08, EU:C:2009:346, punt 42).

134

F’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-PGD, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ Stat Membru, hekk kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135

Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-PGD tar-Repubblika Ellenika naqas b’iktar minn 25 % bejn l-2010 u l-2016 u, min-naħa l-oħra, li, fl-2017, il-PGD, għall-ewwel darba mill-2007, kien qed jiżdied. L-importanza ta’ din il-kriżi ekonomika hija għalhekk debitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-determinazzjoni l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità.

136

Fir-rigward tal-kriterju tan-numru ta’ voti li Stat Membru għandu fil-Kunsill, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, mill-1 ta’ Novembru 2014 daħlet fis-seħħ proċedura ġdida ta’ maġġoranza kwalifikata, magħrufa bħala l-maġġoranza doppja.

137

Konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ dan il-protokoll, l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Marzu 2017, jitolbu votazzjoni abbażi tar-regola ta’ maġġoranza kkwalifikata preċedenti.

138

Għalhekk, mill-1 ta’ April 2017, is-sistema ta’ voti ppeżati nbidlet bis-sistema ta’ maġġoranza doppja li permezz tagħha l-maġġoranza kkwalifikata tintlaħaq jekk tkun tkopri 55 % tal-membri tal-Kunsill, jew 72 % jekk il-proposta ma tkunx ġejja mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u tkun tirrappreżenta mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni.

139

Fid-dawl tal-modalitajiet tas-sistema l-ġdida ta’ maġġoranza doppja u tad-differenzi tagħha meta mqabbel mas-sistema antika ta’ voti ppeżati, is-sistema l-ġdida ta’ maġġoranza doppja ma hijiex direttament trasponibbli għall-mekkaniżmu ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet u għalhekk ma tistax tissostitwixxi b’mod effettiv is-sistema preċedenti ta’ voti ppeżati.

140

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistema l-ġdida ta’ maġġoranza doppja ma tipprovdix kriterji sodisfaċenti biex tiġi ddeterminata b’mod xieraq il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri.

141

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-ġurisprudenza tagħha wara l-1 ta’ April 2017, id-data li fiha s-sistema l-qadima ta’ voti ppeżati ma baqatx applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri, tieħu inkunsiderazzjoni biss il-PGD tal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358).

142

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju tan-numru ta’ voti li kellu dan l-Istat Membru fi ħdan il-Kunsill jew tas-sistema l-ġdida ta’ maġġoranza doppja, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PGD ta’ dak l-Istat Membru bħala fattur predominanti.

143

F’dak li jirrigwarda l-perjodiċità tal-pagamenti ta’ penalità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità, invokata mir-Repubblika Ellenika, tal-operazzjonijiet ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

144

Jidher li ser ikun partikolarment diffiċli għar-Repubblika Ellenika li tasal fi żmien qasir għal eżekuzzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2009/610, u għalhekk, tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħtha ma jistgħux ikunu immedjati u l-impatt tagħhom ma jistax ikun ipperċepit immedjatament.

145

Fid-dawl ta’ din il-partikolarità, huwa konċepibbli li l-imsemmi Stat Membru jirnexxilu jżid kunsiderevolment il-grad tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2009/610, iżda mingħajr ma jasal għal eżekuzzjoni kompleta f’tali terminu.

146

Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni eventwali tat-tmiem tal-ksur inkwistjoni tista’ sseħħ biss wara perijodu li jippermetti evalwazzjoni globali tar-riżultati miksuba.

147

Konsegwentement, għandhom jiġu stabbiliti pagamenti ta’ penalità kull sitt xhur sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-istat ta’ progress tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, fid-dawl tas-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem il-perijodu inkwistjoni.

148

Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 7294000 għal kull sitt xhur ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tal-imsemmija sentenza.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

149

Fir-rigward tal-ammont ta’ somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeterminaha billi timmultiplika ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur.

150

Il-Kummissjoni tipproponi li għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, jiġi applikat l-istess koeffiċjent ta’ gravità u l-istess fattur “n” bħal fil-kuntest tal-pagamenti ta’ penalità. Min-naħa l-oħra, l-ammont b’rata fissa bażiku għall-kalkolu tas-somma f’daqqa huwa ffissat għal EUR 220 kuljum. B’kuntrast mal-kalkolu tal-pagament ta’ penalità, ma jiġix applikat koeffiċjent ta’ dewmien, peress li t-tul tal-ksur diġà ttieħed inkunsiderazzjoni bil-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

151

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ somma f’daqqa kkalkolata billi l-ammont ta’ EUR 3828 jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li għaddew bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u d-data tal-eżekuzzjoni mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu jew, fin-nuqqas, dik li fiha tingħata s-sentenza f’din il-kawża.

152

Ir-Repubblika Ellenika ma ressqet ebda argument speċifiku dwar is-somma f’daqqa. Sa fejn, għall-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni tuża kriterji identiċi għal dawk użati għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, bħall-gravità u t-tul tal-ksur, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika rigward il-pagamenti ta’ penalità.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

153

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, li timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 96).

154

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu fuq l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ tali sanzjoni u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 97).

155

Fil-kawża preżenti, l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-ripetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.

156

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 99).

157

Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tal-ksur ikkonstatat u l-perijodu li matulu dan ippersista mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat tali ksur (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punt 100).

158

Il-fatti tal-każ ineżami li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 120 sa 142 tas-sentenza preżenti, relattivi mal-gravità u mat-tul tal-ksur, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

159

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Ellenika għandha tħallas jiġi ffissat għal EUR 10000000.

160

Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 10000000.

Fuq l-ispejjeż

161

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta’ Novembru 2014, il-miżuri kollha li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395), ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 7294000 għal kull perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ din is-sentenza sad-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑485/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:395).

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 10000000.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top