This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0533
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 17 October 2013. # European Commission v Kingdom of Belgium. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 91/271/EEC - Urban waste-water treatment - Judgment of the Court establishing a failure to fulfil obligations - Non-compliance - Article 260 TFEU - Financial penalties - Imposition of a lump sum and a penalty payment. # Case C-533/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tas-17 ta' Ottubru 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 91/271/KEE - Trattament tal-ilma urban mormi - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 260 TFUE - Sanzjonijiet pekunjarji - Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità.
Kawża C-533/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tas-17 ta' Ottubru 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 91/271/KEE - Trattament tal-ilma urban mormi - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 260 TFUE - Sanzjonijiet pekunjarji - Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità.
Kawża C-533/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:659
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità”
Fil-Kawża C‑533/11,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260 TFUE, ippreżentat tad-19 ta’ Ottubru 2011,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wils u A. Marghelis kif ukoll minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u M. Neumann kif ukoll minn T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn A. Lepièce, E. Gillet, J. Bouckaert u H. Viaene, avukati,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell, bħala aġent, assistit minn D. Anderson, QC,
intervenjent,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ April 2013,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea inizjalment kienet talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li:
|
2 |
Matul is-seduta, filwaqt li kkunsidrat l-elementi ta’ informazzjoni li waslulha fl-4 ta’ Mejju 2012, id-data tar-replika f’din il-kawża, il-Kummissjoni bidlet it-talba tagħha. Għalhekk, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lir-Renju tal-Belġju jħallasha:
|
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”), tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. Hija għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki ta’ ilma urban mormi. |
4 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“ilma mormi urban” tfisser “ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;” |
5 |
Dan l-istess artikolu jiddefinixxi wkoll l-e.p. bħala “it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;” |
6 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/271: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,
Għall-ilma mormi urban li jispiċċa f’ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala “żoni sensittivi” kif mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p. [...]” |
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi fil-paragrafu 1: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:
|
8 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271 jistipula li: “1. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p. […] 4. Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 hawn fuq m’għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75 % għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75 % għan-nitroġenu totali. 5. Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4. [...]” |
9 |
L-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 91/271 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom sal-31 ta’ Diċembru 1993 jistabbilixxu programm għall-implementazzjoni tad-Direttiva 91/271 u li għandhom sat-30 ta’ Ġunju 1994 jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar dan il-programm. |
10 |
Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 91/271, il-metodi u l-formati li għandhom jiġu adottati għar-rappurtar fuq il-programmi nazzjonali għandhom ikunu ddeterminati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva. |
11 |
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 1993 li tikkonċerna l-format ta’ kif għandhom jiġu ppreżentati l-programmi nazzjonali kif previst mill-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (93/481/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 297), li tistabbilixxi l-metodu u l-formati li l-Istati Membri għandhom jużaw sabiex ifasslu r-rapport finali tagħhom li jikkonċerna l-programm nazzjonali tagħhom għall-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE. |
Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju
12 |
Fid-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat u ddeċidiet li billi naqas milli jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implementazzjoni sħiħa tal-Artikoli 3,5 u 17 tad-Direttiva 91/271, moqrija mal-Artikoli 3 u 4, tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 1993, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 226 KE kif ukoll skont l-imsemmija direttiva u deċiżjoni. |
13 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-Renju tal-Belġju kien kiser dawn id-dispożizzjonijiet peress li 114-il agglomerazzjoni tar-Reġjun ta’ Vlaanderen, 60 agglomerazzjoni tar-Reġjun ta’ Wallonie u kif ukoll ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271. |
Il-proċedura prekontenzjuża
14 |
Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju deskrizzjoni tal-miżuri li qed jikkunsidra li jieħu bil-għan li jimplementa l-imsemmija sentenza. Fid-dawl tar-risposti li jikkonċernaw it-tliet reġjunijiet Belġjani, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru, fl-ewwel lok, ittra ta’ intimazzjoni, tat-30 ta’ Jannar 2006, skont l-Artikolu 228 KE (li sar l-Artikolu 260 TFUE), sa fejn numru kbir ħafna ta’ agglomerazzjonijiet tar-Reġjun ta’ Wallonie u tar-Reġjun ta’ Vlaanderen kif ukoll tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capital kienu għadhom mhux mgħammra b’sistemi ta’ ġbir u impjanti ta’ purifikazzjoni tal-ilma urban mormi. Barra dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx possibbli li jiġi vverifikat jekk l-impjanti ta’ purifikazzjoni li jinsabu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen kinux jaħdmu skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271. |
15 |
Fit-tieni lok, hija bagħtet lil dan l-Istat, ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, tat-23 ta’ Ottubru 2007, peress li kien għad hemm numru għoli ta’ agglomerazzjonijiet tar-Reġjun ta’ Wallonie u tar-Reġjun ta’ Vlannderen kif ukoll tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale li ma kinux josservaw dak li tipprovdi d-Direttiva 91/271. |
16 |
Wara r-risposti li jikkonċernaw it-tliet reġjunijiet, il-Kummissjoni indirizzat, fit-tielet lok, lir-Renju tal-Belġju, opinjoni motivata skont l-Artikolu 228 KE, tas-26 ta’ Ġunju 2009, minħabba l-fatt li 20 agglomerazzjoni ta’ Vlaanderen ma kinux osservaw l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271, li 50 agglomerazzjoni tal-Wallonie kif ukoll tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale baqgħu ma eżegwewx is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, kemm f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jiddisponu minn sistema ta’ ġbir sħiħ tal-ilma urban mormi kif ukoll f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-imsemmi ilma wara li jinġabar, obbligi li huma rispettivament imposti mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 91/271. Fl-opinjoni motivata tagħha, il‑Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju sabiex jieħu dawk il-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ żmien xahrejn minn meta tirċeviha. |
17 |
Skont il-Kummissjoni, mill-analiżi tar-risposti tal-awtoritajiet Belġjani għall-opinjoni motivata tas-26 ta’ Ġunju 2009, kif ukoll mill-komunikazzjonijiet ulterjuri tagħhom, jirriżulta li l-imsemmi Istat Membru, sal-preżentata ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma eżegwiex b’mod sħiħ is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, agglomerazzjoni ta’ Vlaanderen ma kinitx osservat dak li jipprovdu l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 91/271 u 21 agglomerazzjoni ta’ Wallonie kif ukoll tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale ma kinux osservaw l-Artikoli 3 u/jew 5(2) u (3) tad-Direttiva 91/271. |
18 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
19 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2012, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie ammess bħala intervenjent sabiex isostni t-talbiet tar-Renju tal-Belġju. |
L-iżviluppi li seħħew matul il-kawża preżenti
20 |
Għandu jiġi l-ewwel nett innotat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni llimitat iktar is-suġġett tal-kawża u talbet li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma ġiex ikkonstatat ħlief fi tlettax-il agglomerazzjoni ta’ Wallonie u tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-Gvern Belġjan u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu, qabel it-8 ta’ April 2013 inkluż, informazzjoni dwar l-istat eżatt tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, eżistenti mill-1 ta’ April 2013, fejn jindikaw l-agglomerazzjonijiet, inklużi l-valuri e.p. korrispondenti, li għalihom il-ġbir, it-trattament u l-iskariku tal-ilma urban mormi għadhom ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271. Din l-informazzjoni għandha tindika wkoll il-proporzjonijiet tat-totali f’numru ta’ agglomerazzjonijiet u f’valur e.p. meta mqabbel mat-totali ta’ agglomerazzjonijiet u ta’ valuri e.p. li ma jikkonformawx eżistenti sal-jum tal-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq. |
22 |
Matul is-seduta, il-Kummissjoni qablet li, insegwitu għall-informazzjoni li waslet għandha wara l-4 ta’ Mejju 2012, data tar-replika f’din il-kawża, il-miżuri li jippermettu konformità mal-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinux ġew adottati fir-rigward ta’ ħames agglomerazzjonijiet biss. |
23 |
Tnejn minn dawn il-ħames agglomerazzjonijiet, jiġifieri Amay u Malmedy, ma josservawx l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 91/271. It-tlieta l-oħra, jiġifieri Hervem Bastogne-Rhin u Liège Sclessin ma josservawx, huma stess, l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 91/271. Dawn l-agglomerazzjonijiet kollha jirrappreżentaw total ta’ 225710 e.p. li ma humiex konformi. |
24 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li, għall-agglomerazzjonijiet ta’ Amay u ta’ Herve, ir-Renju tal-Belġju ma pprovdiex data li tikkonċerna l-kwalità tal-iskariki skont it-tabelli 1 u 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271. Għat-tliet agglomerazzjonijiet l-oħra, jiġifieri Bastogne-Rhin, Liège‑Sclessin u Malmedy, dan l-Istat Membru ma pprovdiex data li tikkonċerna l-kwalità tal-iskariki skont it-tabelli 1 u 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 fuq perijodu twil biżżejjed. |
25 |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni emendat it-talbiet tagħha, kif inhu wkoll spjegat fil-punt 2 ta’ din is-sentenza. |
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
L-argumenti tal-partijiet
26 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq xi obbligu taħt it-Trattat FUE, dan l-Istat Membru jkun marbut li jieħu l-miżuri kollha sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tat-terminu li fih kellha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ġurisprudenza stabbilita li l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li din l-eżekuzzjoni għandha tiġi mibdija immedjatament u li għandha tiġi milħuqa fl-iqsar terminu possibbli (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
27 |
Ir-Renju tal-Belġju jikkunsidra li, wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, ir-reġjunijiet ta’ Vlaanderen, ta’ Wallonie u ta’ Bruxelles-Capitale bdew pjani ta’ investimenti kbar ħafna sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. |
28 |
Għalhekk, sad-data tas-seduta, dawn l-agglomerazzjonijiet kollha kienu kollha pprovduti b’sistemi ta’ purifikazzjoni u kienu għalhekk konformi mal-imsemmija sentenza. Il-kawża tirrigwarda biss il-prova ta’ din il-konformità fir-rigward ta’ ħames agglomerazzjonijiet biss li jinsabu fir-Reġjun ta’ Wallonie. |
29 |
Ir-Renju Unit jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tipprovdi, fil-kuntest ta’ proġetti ta’ infrastruttura ta’ ċertu kobor, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, terminu ta’ eżekuzzjoni raġonevoli inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ parametri, bħat-tfassil tal-proġett, ir-realizzazzjoni teknika tiegħu jew in-natura tar-rekwiżiti regolatorji li huma meħtieġa sabiex jiżguraw l-osservanza tiegħu. Il-Kummissjoni, għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti li ma humiex imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat, bħalma huwa l-każ ta’ diżastri naturali. Il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali għandhom ikunu fost il-fatti li jippermettu li tiġi evalwata n-natura raġonevoli jew le ta’ terminu. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit sostna li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li ż-żmien meħud sabiex tiġi eżegwita sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex raġonevoli. |
30 |
Skont ir-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha tkun lesta li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat terminu raġonevoli mhux biss għar-realizzazzjoni tax-xogħlijiet minimi neċessarji, iżda wkoll ta’ proġett iktar ambizzjuż u li jibbenefika lill-ambjent li Stat Membru jista’ jkun jixtieq li jibda sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri kollha li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u billi tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat li hija tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi. |
32 |
F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, punt 67, kif ukoll tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑241/11, punt 23). Madankollu, meta l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun inbdiet abbażi tal-Artikolu 228(2) KE d-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri l-1 ta’ Diċembru 2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑496/09, punt 27). |
33 |
Huwa paċifiku li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Renju tal-Belġju ma kienx adotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu kompletament mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 260(1) TFUE. |
Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji
L-argumenti tal-partijiet
35 |
Il-Kummissjoni targumenta li l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba, jiġifieri EUR 6 168 għal kull jum ta’ ksur, u l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 4 722 kienu ġew stabbiliti skont il-kriterji previsti mill-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005 li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE [SEC(2005) 1658], kif aġġornata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE u l-aġġornament tal-informazzjoni użata għal-kalkolu tas-somom f’daqqa u tal-penalitajiet li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur [SEC(2010) 923], magħmula applikabbli għall-proċeduri rregolati mill-Artikolu 260(2) TFUE, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tad-data li tintuża fil-kalkolu tas-somma f’daqqa u tal-pagamenti ta’ penali li jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur [C(2012) 6106 finali]. |
36 |
Skont il-Kummissjoni, l-ammont ta’ penalità ta’ kuljum għandha tiġi kkalkulata billi tiġi mmultiplikata s-somma bażika tal-penalità, jiġifieri EUR 600 għal kull jum immultiplikata bil-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur stabbilit bħala 6 (fuq skala minn 1 sa 20), b’koeffiċjent ta’ tul, li huwa ta’ 3 f’dan il-każ, u b’fattur “n” li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju tal-Belġju, jiġifieri 5.14. L-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu huwa ta’ EUR 55512 kuljum u jikkorrispondi għal penalità ekwivalenti għal 2653000 e.p. ta’ skariki li ma jikkonformawx sad-data tal-preżentata tar-rikors. Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni matul is-seduta, dawn l-iskariki li ma humiex konformi jirrappreżentaw biss 225710 e.p, jew, billi ssir multiplikazzjoni ta’ 225710 b’55 512 u bit-total diviż b’2 653 000, ammont EUR 4722 għal kull jum ta’ ksur. |
37 |
L-ammont tas-somma f’daqqa ta’ kuljum tirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont f’daqqa bażiku ta’ EUR 200 kull jum bil-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur, stabbilit f’dan il-każ għal 6, u b’fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju tal-Belġju, li jitla’ sa 5.14. |
38 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-koeffiċjent ta’ gravità użat f’din il-kawża huwa adattat minħabba l-fatt li, fil-qasam tal-ambjent, ir-regoli miksura f’din il-kawża għandhom importanza kbira ħafna u huma essenzjali għall-benesseri taċ-ċittadini, għall-kwalità tal-ħajja, għas-saħħa tagħhom, iżda wkoll għas-salvagwardja tar-riżorsi naturali u tal-ekosistemi. |
39 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konsegwenzi tal-ksur għall-interessi ġenerali u individwali huma partikolarment gravi sa fejn l-eżekuzzjoni mhux sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, taffettwa l-kwalità tal-mases tal-ilma tal-wiċċ u tal-ekosistemi akwatiċi u terrestri li huma relatati. Il-konsegwenzi ta’ din l-eżekuzzjoni mhux sħiħa huma saħansitra iktar u iktar importanti peress li r-Renju tal-Belġju identifika t-territorju tiegħu kollu bħala “żona sensittiva” u li dan jista’ jaffettwa l-implementazzjoni ta’ regoli oħra ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
40 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni sostniet li r-Renju tal-Belġju kkoopera lealment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-Istat Membru alloka investimenti finanzjarji u materjali qawwija għat-twettiq ta’ dawn l-infrastrutturi kumplessi tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma urban mormi. |
41 |
Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, inbdew biss diversi snin wara l-għoti ta’ din is-sentenza, u dan ma huwiex iġġustifikat, minkejja l-kobor tat-twettiq tal-proġetti nfushom. |
42 |
Fir-rigward tal-kriterju dwar it-tul tal-ksur, li, skont it-talba tal-Kummissjoni, huwa rilevanti biss għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tirrileva li għaddew iktar minn 71 xahar bejn l-imsemmija sentenza u d-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur tal-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Belġju, u dan jiġġustifika koeffiċjent ta’ tul massimu ta’ 3.0. |
43 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu kemm bil-miktub u kif ukoll orali, ir-Renju tal-Belġju argumenta li la l-gravità, la t-tul tal-ksur, u lanqas l-attitudni kooperattiva u diliġenti li huwa adotta matul il-proċedura ma jiġġustifikaw il-kundanna sabiex iħallas somma f’daqqa jew penalità f’din il-kawża. Sussidjarjament, l-Istat Membru jikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija somom. |
44 |
F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-gravità tal-ksur, ir-Renju tal-Belġju jikkunsidra li, anki jekk l-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271 huma ta’ natura karattru fundamentali, il-konsegwenzi ambjentali li ma ġewx eżegwiti l-obbligi imposti minn din id-direttiva ma ġewx evalwati konkretament. Fir-Reġjun ta’ Wallonie u fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, l-istudji u l-kummentarji relatati kienu eċċessivi u/jew żbaljati f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjoni tal-fosfru, tal-kwalità tal-ilma tal-wiċċ, is-saħħa umana, il-kwalità ekoloġika tal-flussi tal-ilma, ir-responsabbiltà għat-tniġġiż kollu mhux miġbur u/jew ittrattat u l-impatt fuq it-turiżmu u l-attività ekonomika. Għar-Reġjun ta’ Vlaanderen, huwa stabbilit li l-agglomerazzjonijiet kollha ta’ iktar minn 10000 e.p. ikollhom infrastruttura ta’ purifikazzjoni adegwata. |
45 |
Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha fehma kuntrarja u applikat il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-somma f’daqqa, il-koeffiċjent ta’ gravità użat għandu neċessarjament ikun sostanzjalment inqas minn 4. Dan il-koeffiċjent ta’ gravità għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni u ta’ interpretazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, u dawk tal-iżvilupp tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/271. |
46 |
Fir-rigward tal-inklużjoni tal-fattur tat-tul fil-koeffiċjent ta’ gravità, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-fatturi użati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat dan il-koeffiċjent. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-407/09, Ġabra p. I-2467), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2005) 1658, kif aġġornata, il-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom jiġu ddeterminati b’mod strettament separat. |
47 |
Fir-rigward tat-tul tal-ksur, ir-Renju tal-Belġju jikkunsidra li, wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, it-tliet reġjunijiet Belġjani pproċedew immedjatament sabiex jadottaw miżuri fid-dawl tal-eżekuzzjoni tagħha u li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni allegat li ċerti xogħlijiet ma nbdewx għajr diversi snin wara li ġiet deċiża din is-sentenza. Fid-dawl tad-diffikultajiet kunsiderevoli li tinvolvi l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ din is-sentenza, it-tul tal-assenza sħiħa li jkun hemm konformità mad-Direttiva 91/271 ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva u l-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur għandu jitnaqqas għal 1 fir-rigward tat-tul ta’ din tal-aħħar. |
48 |
Il-punt tat-tluq tal-kalkolu tas-somma f’daqqa ma setax fi kwalunkwe każ jibda mill-jum tal-għoti tas-sentenza li kkonstatat l-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li hija ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tkun eżegwita f’din id-data, iżda setgħet tibda minn terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq is-somma f’daqqa
49 |
F’dak li jirrigwarda is-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni indikat fil-proposta tagħha ammont li hija tikkunsidra “xierqa [xieraq] fiċ-ċirkustanzi”. L-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa wkoll gwida għat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li jkunu ġew sottomessi lilha. |
50 |
Skont il-ġurisprudenza, l-eventwalità ta’ tali kundanna u tal-istabbiliment ta’ ammont eventwali ta’ somma f’daqqa għandhom, f’kull każ, jibqgħu l-bażi tal-fatturi kollha rilevanti li jkollhom relevanza kemm għall-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll għall-attitudni nfisha tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Din id-dispożizzjoni f’dan ir-rigward tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jew le li timponi tali sanzjoni u li tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha. B’mod partikolari, il-kundanna ta’ Istat Membru għal somma f’daqqa ma tistax tkun awtomatika (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Għal dan il-għan, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida fir-rigward ta’ kundanna għall-ħlas ta’ somom f’daqqa, bħal dawk li jissemmew fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2005) 1658, kif aġġornata, li din l-istituzzjoni għamlet riferiment f’din il-kawża, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa waħda adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata man-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu kkonstatat u l-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat illi jħallas. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-perijodu ta’ kemm dam jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat wara li ngħatat is-sentenza li kkonstatatu u l-gravità tal-ksur (ara f’dan is-sens, is‑sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 143 u 144, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Fir-rigward tat-tul tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, dam madwar disa’ snin, li huwa eċċessiv, anki jekk għandu jiġi rrikonoxxut li l-kompiti li għandhom jiġu eżegwiti jinħtieġu perijodu sinjifikattiv ta’ diversi snin u li l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tiġi kkunsidrata bħala avvanzata, jew kważi kompluta. |
55 |
Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 91/271 hija intiża sabiex tipproteġi l-ambjent. Billi kklassifika t-territorju sħiħ tiegħu bħala “żona sensittiva”, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u l-Anness II tagħha, ir-Renju tal-Belġju rrikonoxxa n-neċessità ta’ protezzjoni ambjentali ikbar tat-territorju tiegħu. Issa, l-assenza ta’ trattament tal-ilma urban mormi jikkostitwixxi effett ħażin fuq l-ambjent. |
56 |
Barra minn hekk, peress li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa tali li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent, li l-preservazzjoni tiegħu huwa wieħed mill-għanijiet kemm tal-politika tal-Unjoni, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu grad partikolari ta’ gravità (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑279/11, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Għandu jitfakkar, madankollu, li n-numru ta’ agglomerazzjonijiet li għalihom l-Istat Membru konvenut ma pproduċiex il-prova ta’ konformità mad-Direttiva 91/271, fid-data tas-seduta, jikkostitwixxi biss parti relattivament żgħira tan-numru globali ta’ agglomerazzjonijiet li huma s-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq. |
58 |
F’dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Belġju u tar-Renju Unit skont liema l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, terminu ta’ eżekuzzjoni raġonevoli, skont il-kobor u d-diffikultà tat-twettiq ta’ dawn il-proġetti, it-tul tal-ksur li ma jibdiex jiġi evalwat qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, għandu jiġi kkonstatat li huwa ċert li d-data tas-26 ta’ Awwissu 2009 stabbilita għall-opinjoni motivata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala prematura jew irraġonevoli. |
59 |
Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Renju tal-Belġju għamel sforzi ta’ investiment sinjifikattivi sabiex jeżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, u għamel progress kunsiderevoli. Il-progress tar-Renju tal-Belġju kien diġà sostanzjali mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
60 |
Barra dan, għandu jiġi enfasizzat li r-Renju tal-Belġju kkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni matul il-proċedura. |
61 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-ripetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħal dik tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑374/11, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tistabbilixxi għal EUR 10 miljun l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Renju tal-Belġju għandu jħallas. |
63 |
Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun. |
Fuq il-pagamenti ta’ penalità
64 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑374/11, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Għandu jiġi kkonstat f’din il-kawża li, fid-data tas-seduta, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, kienu għadhom ma ġewx adottati b’mod sħiħ. |
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Renju tal-Belġju għall-ħlas ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda C‑374/11, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Min-naħa l-oħra, minħabba l-evoluzzjoni kontinwa lejn eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxuta wkoll mill-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li, fid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, tkun eżegwita b’mod sħiħ. Għalhekk, il-pagamenti ta’ penalità huma imposti biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti sad-data tad-deċiżjoni tas-sentenza f’din il-kawża. |
68 |
Għandu jitfakkar li fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑374/11, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura impożittiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tissuġġerixxi li jittieħed inkunsiderazzjoni, għal kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, it-tnaqqis progressiv tan-numru ta’ e.p. li ma jikkonformawx mal-eżiġenzi tad-Direttiva 91/271, li jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress imwettaq mir-Renju tal-Belġju bil-għan li tiġi eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
71 |
Għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li n-numru ta’ e.p. li ma jikkonformawx fid-data tar-rikors, jiġifieri d-19 ta’ Ottubru 2011, kien ta’ 2653000 e.p. u li żdied fid-data tas-seduta, jiġifieri t-18 ta’ April 2013, għal 225710 e.p. |
72 |
Inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, inklużi l-elementi u l-kunsiderazzjonijiet li jissemmew fil-parti ta’ din is-sentenza taħt it-titolu “Fuq is-somma f’daqqa”, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 4 722 kuljum huwa xieraq. |
73 |
Fir-rigward tal-perjodiċità tal-pagamenti ta’ penalità, skont il-proposta tal-Kummissjoni, peress li l-produzzjoni tal-prova tal-konformità mad-Direttiva 91/271 tista’ tinħtieġ ċertu terminu u bil-għan li jiġi kkunsidrat il-progress li eventwalment ikun twettaq mill-Istat Membru konvenut, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat xieraq li l-pagamenti ta’ penalità jiġu kkalkulati fuq bażi ta’ perijodi ta’ sitt xhur billi jitnaqqas, mit-total ta’ tali perijodi, perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ e.p. li kienu ġew konformi mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq. |
74 |
Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, penalità ta’ EUR 859 404 għal kull semestru ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, li jibda jiddekorri mid-data ta’ meta tingħata din is-sentenza, sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, fejn l-ammont effettiv għandu jiġi kkalkulat fi tmiem ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur billi jitnaqqas, mit-total ta’ tali perijodi, perċentwali li jikkorrispondi għall-proporzjon li jirrappreżenta n-numru ta’ e.p. li kienu ġew konformi mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, sat-tmiem ta’ dan il-perijodu fir-rigward tan-numru ta’ e.p. li ma jkunux konformi ma’ din is-sentenza sad-data ta’ meta tingħata s-sentenza. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ġie kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq obbligu, dan għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.