EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0424

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' April 2011.
Christina Ioanni Toki vs Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Symvoulio tis Epikrateias - il-Greċja.
Direttiva 89/48/KEE - Subparagrafi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 - Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla - Inġinier ambjentali - Attività meqjusa bħala attività professjonali regolata - Mekkaniżmu għar-rikonoxximent applikabbli - Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’.
Kawża C-424/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:210

Kawża C-424/09

Christina Ioanni Toki

vs

Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

“Direttiva 89/48/KEE — Subparagrafi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla — Inġinier ambjentali — Attività meqjusa bħala attività professjonali rregolata — Mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli — Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48 — Aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal persuni li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż — Professjonijiet meqjusa bħala professjonijiet irregolati — Applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, indipendentement mill-affiljazzjoni jew le tal-parti kkonċernata ma’ assoċjazzjoni jew ma’ organizzazzjoni professjonali rrikonoxxuta

(Direttiva tal-Kunsill 89/48, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) u s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Ħaddiema — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Direttiva 89/48 — Aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal persuni li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż — Professjonijiet meqjusa bħala professjonijiet irregolati — Aċċess ibbażat fuq esperjenza professjonali — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 89/48, is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3)

1.        Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li jipprovdi huwa applikabbli meta, fl-Istat Membru tal-oriġini, il-professjoni inkwistjoni taqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-persuna kkonċernata hijiex membru sħiħ jew le tal-assoċjazzjoni jew tal-organizzazzjoni kkonċernata.

(ara l-punt 26 u d-dispożittiv 1)

2.        Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finjiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, l-esperjenza professjonali li tinvoka persuna li tagħmel talba sabiex tiġi awtorizzata teżerċita professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti għandha tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

- l-esperjenza invokata għandha tikkonsisti f’xogħol full-time matul għall-inqas sentejn tul l-għaxar snin preċedenti;

- dan ix-xogħol għandu jkun ikkonsista fl-eżerċizzju b’mod kostanti u regolari ta’ numru ta’ attivitajiet professjonali li jikkaratterizzaw il-professjoni kkonċernata fl-Istat Membru tal-oriġini, mingħajr ma huwa neċessarju li dan ix-xogħol ikun kopra t-totalità ta’ dawn l-attivitajiet, u

- il-professjoni, kif tiġi eżerċitata normalment fl-Istat Membru tal-oriġini, għandha tkun ekwivalenti, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet li tkopri, għall-professjoni li tkun intalbet awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punt 42 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ April 2011 (*)

“Direttiva 89/48/KEE – Subparagrafi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla – Inġinier ambjentali – Attività meqjusa bħala attività professjonali rregolata – Mekkaniżmu ta’ rikonoxximent applikabbli – Kunċett ta’ ‘esperjenza professjonali’”

Fil-Kawża C‑424/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Christina Ioanni Toki

vs

Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann (Relatur), J.‑J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. I. Toki, minn T. Georgopoulos, dikigoros,

–        għall-Gvern Grieg, minn E. Skandalou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. I. Toki, li għandha ċerti kwalifiki fil-qasam tal-inġinerija ambjentali li kisbet fir-Renju Unit, u l-Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton (Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Affarijiet Reliġjużi) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tas-Symvoulio Anagnorisis Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis (il-Kunsill inkarigat li jirrikonoxxi l-ekwivalenza professjonali ta’ kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla) li rrifjutawlha l-aċċess għall-professjoni ta’ inġinier ambjentali fil-Greċja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Mit‑tielet u r‑raba’ premessi tad‑Direttiva 89/48 jirriżulta li din għandha l‑għan li timplementa sistema ġenerali għar‑rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju, min-naħa taċ‑ċittadini Ewropej, tal‑attivitajiet professjonali kollha li, fi Stat Membru ospitanti, jiddependu fuq il‑pussess ta’ taħriġ postsekondarju, sakemm dawn ikollhom dawk id‑diplomi li jippreparawhom għal dawk l‑attivitajiet, mogħtija mat-tmiem ta’ kors ta’ studji li jdum mill‑inqas tliet snin u maħruġa fi Stat Membru ieħor.

4        Skont il-ħames u l-għaxar premessi tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-fakultà li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kwalifiki neċessarji bil-għan li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mogħtija fit-territorju tagħhom għal dak li jirrigwarda l-professjonijiet li għall-eżerċizzju tagħhom l-Unjoni Ewropea ma stipulatx dan il-livell u s-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diploma ma għandhiex l-għan li tbiddel ir-regoli professjonali, inklużi deontoloġiċi, li huma applikabbli għal kull persuna li teżerċita professjoni fit-territorju ta’ Stat Membru.

5        Id-Direttiva 89/48 hija applikabbli, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, għal kull ċittadin li jixtieq jeżerċita “professjoni regolata” fi Stat Membru ieħor.

6        Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48, “professjoni regolata” tfisser l-attività professjonali rregolata jew sensiela ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru.

7        Skont l-Artikolu 1(d) tal-imsemmija direttiva, għall-finijiet tad-direttiva:

“attività professjonali regolata: attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq [l-eżerċizzju] ta’ din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ diploma. Dan li ġej, b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat-twettiq ta’ attività professjonali regolata:

–        it-twettiq ta’ attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta’ dan it-titolu huwa riservat għat-titolari ta’ diploma rregolata b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

–        it-twettiq ta’ attività professjonali li tirrigwarda s-saħħa, sa fejn ir-remunerazzjoni u/jew ir-rimbors għal din l-attività jkunu soġġetti minħabba l-arranġamenti nazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-pussess ta’ diploma.

Meta l-ewwel subparagrafu ma japplikax, attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali regolata jekk din tkun imwettqa mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, huma rikonoxxuti f’forma speċjali minn Stat Membru u

–        jagħtu diploma lill-membri tagħhom,

–        assiguraw li l-membri tagħhom jirrispettaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali li jippreskrivu, u

–        jagħtuhom id-dritt li jużaw titolu jew ittri ta’ deskrizzjoni, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi ma’ dik id-diploma.

Lista mhux definittiva ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li, meta din id-Direttiva tiġi adottata, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-tieni subparagrafu li jinsab fl-Anness. Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi fit-tieni subparagrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, u din tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

8        Fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 jinsab, b’mod partikolari, l-“Engineering Council”.

9        Il-kunċett ta’ “esperjenza professjonali” huwa ddefinit għall-finijiet ta’ din id-direttiva, fl-Artikolu 1(e) tagħha, bħala “it-twettiq fil-fatt u skond il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru”.

10      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi:

“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:

a)      jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew

b)      jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(d), u għandu prova ta’ kwalifika formali waħda jew aktar:

–        li ingħataw minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat,

–        li juru li t-titolari ikun temm b’suċċess kors post sekondarju ta’ mill-anqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili ta’ Stat Membru u, meta approprjat, li huwa jkun temm b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra l-kors post-sekondarju u

–        li ppreparaw it-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.

Madankollu, jista’ ma jkunx hemm bżonn tas-sentejn ta’ esperjenza professjonali li hemm referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu, meta l-kwalifika, jew il-kwalifiki ta’ l-applikant u li hemm referenza għalihom f’dan il-punt jingħataw fit-tmiem ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ irregolat.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħall-prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-ewwel subparagrafu: kwalunkwe kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn il-kwalifiki formali mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk dawn jingħataw mal-kompletar b’suċċess ta’ taħriġ riċevut fil-Komunità u huwa rikonoxxut minn dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti, sakemm l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jkunu ġew notifikati b’dan ir-rikonoxximent.”

11      Minkejja l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, l-Artikolu 4 tagħha jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jitlob lill-applikant, f’ċerti każijiet iddefiniti, sabiex jipprovdi prova li għandu esperjenza professjonali ta’ perijodu determinat, li jikkompleta perijodu ta’ adattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew li jieħu aptitude test.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Id‑dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 165/2000, tat‑23 ta’ Ġunju 2000 (FEK A’ 149/28.6.2000), kif emendat bid‑Digrieti Presidenzjali 373/2001, tat‑22 ta’ Ottubru 2001 (FEK A’ 251), u 385/2002, tat‑23 ta’ Diċembru 2002 (FEK A’ 334, iktar ’il quddiem id‑“Digriet 165/2000”), huma intiżi biex jittrasponu d‑Direttiva 89/48 fis‑sistema legali Griega.

13      L-Artikolu 2(3) u (4) tad-Digriet 165/2000 jiddefinixxi l-professjoni rregolata, l-attività professjonali rregolata u l-attività professjonali meqjusa bħala attività professjonali rregolata f’termini identiċi għal dawk tad-Direttiva 89/48. Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, l-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi digriet jistipula li “meta l-bidu jew l-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata fil-Greċja jkunu suġġetti għall-pussess ta’ diploma kif previst fl-Artikolu 2, il-Kunsill imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet ma jistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, jirrifjuta li jawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew jeżerċita dik il-professjoni bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess jekk l-applikant: […] ikun eżerċita din il-professjoni full-time għal sentejn matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) u 2(4) ta’ dan id-digriet […]”.

14      B’hekk, fir-rigward tal-każijiet fejn hija eskluża l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li tipprovdi, din id-dispożizzjoni nazzjonali tirreferi, minbarra għad-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48, għad-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva, kollu kemm hu. B’dan il-mod, qed tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent meta l-persuna kkonċernata toriġina minn Stat Membru fejn l-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni huwa rregolat minn organizzazzjonijiet privati rikonoxxuti minn dan l-Istat Membru b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tal-imsemmija direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      C. I. Toki, ċittadina Griega, għandha diploma ta’ “Bachelor of Engineering” kif ukoll ta’ “Master of Science” fil-qasam tal-inġinerija ambjentali li nkisbu fir-Renju Unit, fl-1997 mill-Università ta’ Sheffield Hallam, u fl-1998, mill-Università ta’ Portsmouth rispettivament. Fl-1 ta’ Settembru 1999, l-università msemmija l-aħħar impjegat lil C. I. Toki bħala riċerkatriċi. Hija ħadmet hemmhekk fid-dipartiment tal-inġinerija ċivili sal-31 ta’ Awwissu 2002. L-attivitajiet eżerċitati minn C. I. Toki kienu jinkludu, minbarra x-xogħol ġenerali ta’ riċerka, l-għoti ta’ assistenza lill-istudenti mhux iggradwati u lill-istudenti ggradwati fix-xogħol tagħhom kif ukoll l-evalwazzjoni tal-effettività ta’ metodu innovattiv tal-iproċessar tal-iskart b’kollaborazzjoni ma’ impriża privata speċjalizzata fit-teknoloġiji li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam.

16      Fir-Renju Unit, l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-professjoni ta’ inġinier huma rregolati mill-Engineering Council, li tissemma’ espressament fil-lista prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48. Il-kwalità ta’ membru ta’ din l-organizzazzjoni ma hijiex obbligatorja sabiex teżerċita l-professjoni ta’ inġinier, iżda bosta mill-professjonisti f’dan il-qasam huma membri tagħha u josservaw volontarjament ir-regolamentazzjoni tagħha. C. I. Toki rreġistrat ruħha bħala apprendista (trainee) fir-reġistru tal-Engineering Council, iżda sussegwentement ma saritx membru sħiħ tagħha (“Chartered Engineer”). Barra minn hekk, hija rreġistrat ruħha wkoll bħala membru taċ-Chartered Institution of Water and Environmental Management bħala gradwata (“graduate”).

17      Peress li l-professjoni ta’ inġinier ambjentali hija rregolata fil-Greċja, C. I. Toki talbet li jiġi rrikonoxxut lilha d-dritt li teżerċita din il-professjoni hemmhekk, u invokat għal dan il-għan il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali li kienet kisbet fir-Renju Unit. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2005 tas-Symvoulio Anagnorisis Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis, għar-raġuni li peress li C. I. Toki ma għandhiex diploma ta’ inġinier fir-Renju Unit, billi ma hijiex membru sħiħ tal-Engineering Council u ma għandhiex it-titolu ta’ “Chartered Engineer”, hija għalhekk ma setgħetx tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48.

18      C. I. Toki kkontestat l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju u sostniet li t-talba tagħha kienet ġiet miċħuda illegalment abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet 165/2000 li jittrasponi s-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, f’dan il-każ l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi digriet, meta din it-talba jmissha ġiet eżaminata abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet li jittrasponu s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Digriet 165/2000, peress li, minn naħa, il-professjoni ta’ inġinier ambjentali ma hijiex irregolata fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, C. I. Toki kellha t-titoli meħtieġa u esperjenza professjonali ta’ tliet snin f’dan l-Istat Membru tul l-għaxar snin preċedenti.

19      Skont il-qorti tar-rinviju, iċ-ċaħda tat-talba ta’ C. I. Toki hija konformi mar-regoli stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet 165/2000 li jeskludu, kif diġà ġie espost fil-punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent imsemmi fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 meta, fl-Istat Membru tal-oriġini, il-professjoni inkwistjoni hija rregolata jew meqjusa bħala attività professjonali rregolata fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva.

20      Billi ġiet ikkonfrontata b’diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 89/48, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel iż-żewġ domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      [Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-]Artikolu 3[...] tad-Direttiva 89/48 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li huwa jipprevedi huwa applikabbli fil-każ fejn, fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-professjoni inkwistjoni hija rregolata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) [ta’ din id-direttiva], iżda l-persuna kkonċernata ma tkunx membru sħiħ ta’ assoċjazzjoni jew ta’ organizzazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan is-subparagrafu?

2)      Skont [is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-]Artikolu 3 [...] tad-Direttiva 89/48 […], l-eżerċizzju ta’ professjoni full-time fl-Istat Membru ta’ oriġini għandu jinftiehem bħala l-eżerċizzju, kemm jekk isir minn persuna għal rasha jew bħala impjegat, tal-professjoni stess li għaliha tkun intalbet l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju fl-Istat Membru ospitanti taħt id-Direttiva [89/48], jew jista’ wkoll jinftiehem bħala xogħol ta’ riċerka f’qasam xjentifiku relatat mal-professjoni, mogħti fi stabbiliment li fil-prinċipju huwa m’għandux skop ta’ lukru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv taż-żewġ mekkaniżmi ta’ rikonoxximent previsti fis-subparagrafi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-istruttura ta’ dan l-Artikolu 3 jirriżulta li huwa biss wieħed minn dawn iż-żewġ mekkaniżmi li bħala regola jista’ jkun applikabbli f’kuntest fattwali partikolari (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Price, C‑149/05, Ġabra p. I‑7691, punt 36).

22      L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari, koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 u li tiġri l-iktar fl-Irlanda u fir-Renju Unit, fejn il-professjoni inkwistjoni ma tkunx irregolata, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, mill-Istat Membru tal-oriġini, iżda madankollu sikwit tiġi eżercitata fil-prattika mill-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni privata li tibbenefika minn rikonoxximent taħt forma speċifika mill-Istat Memrbu kkonċernat u tissuġġetta lill-imsemmija membri għal ċerta regolamentazzjoni.

23      Minn qari tas-subpparagrafi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jirriżulta li huwa biss il-mekkaniżmu previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 li jista’ jkun applikabbli għall-professjonijiet li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48. Minn naħa, il-membri ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) ta’ din id-direttiva ċertament ma għandhomx diploma li hija “meħtieġa fi Stat Membru ieħor” sabiex wieħed ikun jista’ jibda jwettaq professjoni, hekk kif jeżiġi l-imsemmi subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3. Min-naħa l-oħra, dan is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu il-professjonijiet koperti mill-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 1(d) iżda ma jeskludix dawk koperti mit-tieni subparagrafu ta’ din id-dipożizzjoni, li b’hekk huwa applikabbli għalihom b’mod sħiħ.

24      Għalkemm, ċertament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li l-professjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni huma meqjusa bħala professjonijiet irregolati meta jiġu eżercitati minn membru tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni kkonċernata, din l-ekwivalenza meqjusa, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hijiex ekwivalenza sħiħa, u dawn il-professjonijiet ma jikkostitwixxux professjonijiet irregolati fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha ma jistax, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie deċiż fil-punti 45 u 47 tas-sentenza Price, iċċitata iktar ’il fuq, jiġi invokat minn persuni li huma membri ta’ tali professjoni li jitolbu r-rikonoxximent. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jirriżulta mill-punti 36, 45, 46 u 48 tal-imsemmija sentenza Price, huwa sewwasew il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 li huwa applikabbli għal professjoni li taqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tagħha.

25      Indipendentement mill-kwistjoni jekk C. I. Toki hijiex membru sħiħ tal-Engineering Council jew le, huwa b’hekk biss il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 li huwa applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, peress li hija ma taqax taħt l-Artikolu 1(ċ) u taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d) ta’ din id-direttiva.

26      Konsegwentement, ir-riposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li jipprovdi huwa applikabbli meta, fl-Istat Membru tal-oriġini, il-professjoni inkwistjoni taqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-persuna kkonċernata hijiex membru sħiħ jew le tal-assoċjazzjoni jew tal-organizzazzjoni kkonċernata.

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, x’inhuma l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-esperjenza professjonali li tinvoka persuna li tagħmel talba sabiex tiġi awtorizzata teżerċita professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni skont is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3.

28      F’dan ir-rigward, id-Direttiva 89/48 tiddefinixxi, fis-subparagrafu (e) tal-Artikolu 1 tagħha, il-kunċett ta’ esperjenza professjonali għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala “it-twettiq fil-fatt u skond il-liġi tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru”.

29      Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, fl-ewwel lok, għandu jiġi speċifikat il-kontenut tal-kunċett ta’ eżerċizzju effettiv ta’ professjoni fid-dawl tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, imbagħad, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat f’liema ċirkustanzi l-professjoni li magħha hija marbuta l-imsemmija esperjenza fl-Istat Memebru tal-oriġini tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-istess professjoni bħal dik li tkun qed tintalab l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

30      Il-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, li teżiġi li applikant li joriġina minn Stat Membru li la jirregola l-professjoni li jixtieq jeżerċita fi Stat Membru ieħor u lanqas it-taħriġ relatat għandu jagħti prova ta’ esperjenza professjonali ta’ għall-inqas sentejn, għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri ospitanti jibbenefikaw minn garanziji simili għal dawk eżistenti meta jew il-professjoni inkwistjoni, jew it-taħriġ li jipprepara lill-persuni kkonċernati għall-eżerċizzju tagħha jkunu rregolati fl-Istat Membru tal-oriġini, u meta jew is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 huma applikabbli.

31      Jekk l-Istat ma jirregolax professjoni, il-garanzija ta’ ċertu livell ta’ kwalità tas-servizzi fil-qasam professjonali kkonċernat hija fil-fatt sikwit iggarantita mir-regoli tas-suq, fis-sens li huma biss il-membri tal-professjoni kkonċernata li għandhom kompetenzi ta’ livell ikkunsidrat biżżejjed minn min jimpjega jew mill-klijenti li jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw dik il-professjoni, bħala impjegati jew għal rashom, matul il-perijodu previst ta’ sentejn full-time. Il-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali ta’ dan it-tul ta’ żmien b’hekk tirreferi għal jekk huwiex verament possibbli għall-applikant li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru tal-oriġini.

32      Min-naħa l-oħra, din il-ħtieġa ma tistax tinftiehem bħala li tikkonċerna l-kontenut speċifiku tal-kwalifiki professjonali tal-applikant jew bħala li tissostitwixxi l-miżuri kompensatorji msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, kif inhuma previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48, li jistgħu, fi kwalunkwe każ, jiġu applikati għal applikant meta jeżistu differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ li jkun wettaq fl-Istat Membru tal-oriġini u dak normalment meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti.

33      Għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih għandha tkun ġiet eżerċitata l-professjoni fl-Istat Membru tal-oriġini, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst mid-Direttiva 89/48, il-kwistjoni dwar f’liema qafas organizzattiv u regolatorju l-applikant ikun eżerċita l-professjoni tiegħu fl-Istat Membru tal-oriġini hija irrilevanti u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li min jimpjegah f’dan l-Istat Membru kien entità mingħajr skop ta’ lukru ma jaffettwax l-applikabbiltà tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tagħha, din tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jeżerċita professjoni rregolata “bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata” fi Stat Membru ieħor u ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tindika li professjoni, li l-iktar spiss tiġi eżerċitata minn persuni li jaħdmu għal rashom, għandha tkun ġiet eżerċitata mill-persuni kkonċernati għal rashom iktar milli bħala impjegati fl-Istat Membru tal-oriġini sabiex l-esperjenza professjonali miksuba b’dan il-mod tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni.

34      Barra minn hekk, għalkemm is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jirrikjedi li l-professjoni inkwistjoni tkun ġiet eżerċitata “full-time”, u għalkemm l-Artikolu 1(ċ) tal-istess direttiva jiddefinixxi professjoni rregolata bħala “l-attività professjonali regolata jew sensiela ta’ attivitajiet” li jikkostitwixxu din il-professjoni, madankollu, ma jistax ikun meħtieġ, mingħajr ma jiġi ristrett b’mod sproporzjonat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent previst f’dan is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, li applikant ikun wettaq totalment u esklużivament l-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt il-professjoni inkwistjoni sabiex l-esperjenza tiegħu tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni.

35      B’hekk, għall-finijiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, għandu jiġi kkunsidrat bħala biżżejjed li l-esperjenza professjonali invokata tkun involviet, fil-kuntest ta’ xogħol full-time, l-eżerċizzju kostanti u regolari ta’ numru ta’ attivitajiet professjonali li jikkaratterizzaw il-professjoni kkonċernata, mingħajr ma huwa neċessarju li tkopri t-totalità ta’ dawn l-attivitajiet.

36      Il-kwistjoni dwar liema huma l-attivitajiet professjonali li jaqgħu taħt professjoni partikolari hija prinċipalment kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, deċiżjoni li tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jekk ikun hemm bżonn billi tintalab l-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini. Jekk, bħal fil-kawża prinċipali, il-professjoni eżerċitata fl-Istat Membru tal-oriġini ma hijiex professjoni rregolata fih, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48, għandu jsir riferiment għall-attivitajiet professjonali li normalment jiġu eżerċitati mill-membri ta’ din il-professjoni f’dan l-istess Stat Membru.

37      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jivverifikaw jekk l-esperjenza professjonali msemmija fis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 tikkonsistix prinċipalment f’esperjenza prattika u marbuta mas-suq tax-xogħol li jikkorrispondi mal-professjoni kkonċernata.

38      F’dan ir-rigward, l-attivitajiet eżerċitati minn C. I. Toki, bħax-xogħol ġenerali ta’ riċerka jew l-għoti ta’ assistenza lill-istudenti li għadhom ma ggradwawx u lil dawk iggradwati fix-xogħol tagħhom, deskritti fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, waħedhom, bħala eżerċizzju effettiv tal-professjoni ta’ inġinier ambjentali u b’hekk bħala esperjenza professjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48.

39      Min-naħa l-oħra, ix-xogħol imwettaq b’kooperazzjoni ma’ kumpannija privata speċjalizzata fit-teknoloġiji li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar tal-iskart likwidu, kif deskritt fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, jista’ jikkostitwixxi tali twettiq, iżda bil-kundizzjoni li din l-attività tkun ġiet eżerċitata għall-inqas matul sentejn b’mod kostanti u regolari fil-kuntest ta’ xogħol full-time, u dan, jekk ikun hemm bżonn, għandu jiġi vverifikat mill-awtoritajiet nazzjonali.

40      Jekk jiġi stabbiliti li C. I. Toki eżerċitat b’mod effettiv il-professjoni ta’ inġinier ambjentali fir-Renju Unit, għandu jiġi ddeterminat jekk din tikkostitwixxix l-istess professjoni bħal dik li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed titlob li tingħata awtorizzazzjoni li teżerċita fil-Greċja. Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mis-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li għandhom jivverifikaw jekk dan huwiex il-każ.

41      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-espressjoni l-“professjoni inkwistjoni”, li tinsab fis-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal professjonijiet li, fl-Istat Membru tal-oriġini u f’dak ospitanti, huma jew identiċi jew analogi, jew, f’ċerti każijiet, sempliċement ekwivalenti għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet li jkopru (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, C‑330/03, Ġabra p. I‑801, punt 20). Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, għas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni li tkopri espressament l-eżerċizzju tal-“professjoni inkwistjoni”.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet suesposti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finjiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, l-esperjenza professjonali li tinvoka persuna li tagħmel talba sabiex tiġi awtorizzata teżerċita professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti għandha tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

–        l-esperjenza invokata għandha tikkonsisti f’xogħol full-time matul għall-inqas sentejn tul l-għaxar snin preċedenti;

–        dan ix-xogħol għandu jkun ikkonsista fl-eżerċizzju b’mod kostanti u regolari ta’ numru ta’ attivitajiet professjonali li jikkaratterizzaw il-professjoni kkonċernata fl-Istat Membru tal-oriġini, mingħajr ma huwa neċessarju li dan ix-xogħol ikun kopra t-totalità ta’ dawn l-attivitajiet, u

–        il-professjoni, kif tiġi eżerċitata normalment fl-Istat Membru tal-oriġini, għandha tkun ekwivalenti, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet li tkopri, għall-professjoni li tkun intalbet awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent li jipprovdi huwa applikabbli meta, fl-Istat Membru tal-oriġini, il-professjoni inkwistjoni taqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-persuna kkonċernata hijiex membru sħiħ jew le tal-assoċjazzjoni jew tal-organizzazzjoni kkonċernata.

2)      Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finjiet tas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, l-esperjenza professjonali li tinvoka persuna li tagħmel talba sabiex tiġi awtorizzata teżerċita professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti għandha tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

–        l-esperjenza invokata għandha tikkonsisti f’xogħol full-time matul għall-inqas sentejn tul l-għaxar snin preċedenti;

–        dan ix-xogħol għandu jkun ikkonsista fl-eżerċizzju b’mod kostanti u regolari ta’ numru ta’ attivitajiet professjonali li jikkaratterizzaw il-professjoni kkonċernata fl-Istat Membru tal-oriġini, mingħajr ma huwa neċessarju li dan ix-xogħol ikun kopra t-totalità ta’ dawn l-attivitajiet, u

–        il-professjoni, kif tiġi eżerċitata normalment fl-Istat Membru tal-oriġini, għandha tkun ekwivalenti, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet li tkopri, għall-professjoni li tkun intalbet awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top