EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0334

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Lulju 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Riżorsi proprji tal-Unjoni - Rifjut li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni riżorsi proprji li jikkorrispondu għal ċerti awtorizzazzjonijiet doganali illegali - Forza maġġuri - Aġir frawdolenti tal-awtoritajiet doganali - Responsabbiltà tal-Istati Membri - Regolarità tad-dħul tal-intitolamenti stabbiliti f’kont separat.
Kawża C-334/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-06869

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:414

Kawża C-334/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Riżorsi proprji tal-Unjoni — Rifjut li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni riżorsi proprji li jikkorrispondu għal ċerti awtorizzazzjonijiet doganali illegali — Forza maġġuri — Aġir frawdolenti tal-awtoritajiet doganali — Responsabbiltà tal-Istati Membri — Regolarità tad-dħul tal-intitolamenti stabbiliti f’kont separat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(1) u (2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597, Artikoli 2(1)(a) u (b), u 8(1))

2.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(2))

3.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikolu 17(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597, Artikoli 2 u 8)

4.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Stabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000, Artikoli 6(3)(a)) u ( b), u 17(2))

1.        Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id deċiżjoni, jinġabru mill-Istati Membri u dawn għandhom l-obbligu jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jkunu meħlusa minn dan l-obbligu biss jekk l-irkupru ma setax jitwettaq minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew meta jirriżulta li jkun definittivament impossibbli li jitwettaq l-irkupru minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu imputati lilhom.

F’dan ir rigward, l-aġir ta’ kull korp tal-Istat huwa, bħala prinċipju, attribwibbli lil dan tal-aħħar. Korp jinkludi kull persuna jew entità li għandha dan l-istatus taħt id-dritt intern tal-Istat inkwistjoni. Il-fatt li l-aġir ta’ tali persuna jew entità, li jkollha l-poter teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li taġixxi f’din il-kwalità, jikser il-liġi, jmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha jew jikser l-istruzzjonijiet mogħtija mis-superjuri, ma huwiex ta’ natura li jdgħajjef din il-konklużjoni.

(ara l-punti 34, 35, 39)

2.        Il-kunċett ta’ forza maġġuri li jinsab fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata kull diliġenza possibbli. Wieħed mill-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ forza maġġuri huwa t-twettiq ta’ avveniment estern għall-persuna li tixtieq tinvoka l-forza maġġuri, jiġifieri li jimmaterjalizza fatt li jseħħ barra mill-isfera ta’ intervent ta’ din il-persuna.

L-aġir tal-uffiċjali tad-dwana li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, joħorġu awtorizzazzjonijiet illegali, ma jistax jitqies bħala estern għall-amministrazzjoni li kienu jagħmlu parti minnha. Barra minn hekk ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi ta’ dan l-aġir, imputabbli lir-Repubblika Taljana, ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha li setgħet tiġi eżerċitata minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka l-forza maġġuri sabiex jinħeles mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni.

(ara l-punti 42, 46, 47, 49)

3.        Jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jkollu l-effett li r-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jkunux ġew irkuprati, tali żball ma jistax iqajjem dubju dwar l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas l-intitolamenti li jkunu ġew stabbiliti kif ukoll l-interessi moratorji.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li jonqos milli jistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji u milli jqiegħed l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 2000/597, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 50, 51)

4.        Il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti ma teżiġix biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, emendat, iżda wkoll li l-imsemmija intitolamenti jkunu ġew inklużi b’mod regolari fil-Kont B.

Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu kont tar-riżorsi proprji mat-Teżor pubbliku jew mal-korp maħtur minnhom. Skont l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tal-istess regolament, l-Istati Membri huma obbligati jinkludu fil-Kont A l-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament, bla ħsara għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-Kont B, fl-istess terminu, l-intitolamenti stabbiliti li “ikunu għadhom ma ġewx irkuprati” u li fir-rigward tagħhom “l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta”, kif ukoll l-intitolamenti stabbiliti u “li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta[, li] jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u [li] jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil”.

Id-dħul tar-riżorsi proprji fil-Kont B jirrifletti għalhekk sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata mill-fatt li l-Istati Membri jitħallew jew ma jqegħdux dawn l-intitolamenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni malli jiġu stabbiliti minħabba li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jew li jiġu eżentati milli jagħmlu dan jekk l-imsemmija intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew minħabba raġunijiet oħra li ma jkunux imputabbli lilhom, abbażi tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa neċessarju li d-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-Kont B jkun sar mill-Istati Membri b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 65, 66, 68, 69)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Unjoni – Rifjut li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni riżorsi proprji li jikkorrispondu għal ċerti awtorizzazzjonijiet doganali illegali – Forza maġġuri – Aġir frawdolenti tal-awtoritajiet doganali – Responsabbiltà tal-Istati Membri – Regolarità tad-dħul tal-intitolamenti stabbiliti f’kont separat”

Fil-Kawża C‑334/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu u A. Caeiros, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dejn doganali li jirriżulta mill-għoti irregolari, mid-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata (Direttorat reġjonali tad-dwana tar-reġjuni Puglia u Basilicata), li għandha s-sede tagħha f’Bari, sa mis-27 ta’ Frar 1997, ta’ awtorizzazzjonijiet għall-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mħażen doganali tat-Tip C f’Taranto, segwiti minn awtorizzazzjonijiet ulterjuri għall-ipproċessar taħt superviżjoni doganali u għall-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar għad-dħul, sar-revoka tagħhom fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE, taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200), kif ukoll taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, p. 9) tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, permezz tad-Deċiżjoni 2000/597.

3        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2000/597:

“1.      Dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi riżorsi tagħhom [riżorsi proprji] mdaħħla fil-budget ta’ l-Unjoni Ewropea:

[…]

(b)       Tariffi Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri [...]

[...]”

4        L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597 jipprovdi:

“Ir-riżorsi tagħhom [riżorsi proprji] tal-Komunitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) għandhom ikunu miġbura mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li għandhom, fejn xieraq, ikunu adottati biex jissodisfaw il-kondizzjonijiet tar-regoli tal-Komunità.

Il-Kummissjoni għandha teżamina f’intervalli regolari id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha minn l-Istati Membri, tittrasmetti lill-Istati Membri l-aġġustamenti li tħoss li huma meħtieġa biex tassigura li huma jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità u tirrapporta lill-awtorità tal-budget.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi pprovdut fl-Artikolu 2(1)(a) sa (d).”

5        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jinsab taħt it-Titolu I tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi tagħha proprji [riżorsi proprji] msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.”

6        L-Artikolu 6(1) sa (3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jinsab taħt it-Titolu II tiegħu, intitolat “Kontijiet għar-riżorsi tagħha [għar-riżorsi proprji]”, jipprovdi:

“1.      Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji [għar-riżorsi proprji] għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi.

2.      Għall-iskopijiet tal-kontijiet tar-riżorsi tagħha [għar-riżorsi proprji], ix-xahar għandu jintemm mhux aktar kmieni mis-1 p.m. ta’ l-aħħar jum tax-xogħol li matulu t-twaqqif ikun seħħ.

3.      (a)   Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet [attwalment imsejjaħ il-‘Kont A’] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b)               Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati [attwalment imsejjaħ il-‘Kont B’] matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.”

7        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jinsab taħt it-Titolu III tiegħu, intitolat “Id-disponibbilità tar-riżorsi tagħha [tar-riżorsi proprji]”, jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji [riżorsi proprji] fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar [...]”.

8        Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jinsab taħt l-istess Titolu III:

“Wara tnaqqis ta’ 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji [tar-riżorsi proprji] msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fiħ l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

B’danakollu, għal intitolamenti murija fil-kontijiet separati permezz ta’ l-Artikolu 6(3)(b) id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara id-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolament ikunu irkuprati.”

9        Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000:

“Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament publiku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perjodu kollu tad-dewmien.”

10      L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jinsab taħt it-Titolu VII tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet rigward miżuri ta’ spezzjoni”, jipprovdi:

“1      Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2      Stati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obligi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu ma’ l-intitolament stabbilit solament jekk, għal raġunijiet ta’ force majeure, dawn l-ammonti ma jkunux ġew miġbura. B’żieda, Stati Membri jistgħu jinjoraw din l-obligazzjoni biex jagħmlu ammonti bħal dawn disponibbli lill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkostanzi relevanti kollha tal-każ individwali, jkun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. Dawn il-każijiet għandhom ikunu msemmija fir-rapport li hemm dispożizzjoni dwaru fil-paragrafu 3 jekk l-ammonti jeċċedu EUR 10000, ikkonvertiti f’munita nazzjonali bir-rata applikabbli fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru tas-sena kalendarja preċedenti; dan ir-rapport għandu jkun fieh indikazzjoni tar-raġunijiet għala Stat Membru ma jkunx jista’ jagħmel disponibbli l-ammonti f’dak il-każ. Il-Kummissjoni għandha sitt xhur żmien biex twassal, jekk xieraq, il-kommenti lill-Istat Membru kkonċernat.”

11      Ir-Regolament Nru 1150/2000 ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004, tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 153M, 07.06.2006, p. 162, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Nru 1150/2000 emendat”), li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2004.

12      L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti [intitolamenti stabbiliti] li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

a) raġunijiet ta’ force majeure; jew

b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perijodu ta’ ħames snin massimu għandu jibda’ mid-data ta’ l-aħħar ħlas li ġie magħmul, fejn dan ma temmx id-dejn.

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati [mill-Kont B] msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f’anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).”

 Il-proċedura prekontenzjuża

13      Wara lment dwar irregolaritajiet doganali li kienu allegatament twettqu fir-reġjun doganali ta’ Taranto (l-Italja), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2003, talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward.

14      Fit-tweġiba tagħhom, dawn l-awtoritajiet bagħtu lill-Kummissjoni rapport ta’ verifika interna tat-18 ta’ Frar 2003 li minnu kien jirriżulta li:

–        fis-27 ta’ Frar u fis-7 ta’ April 1997, l-awtoritajiet doganali Taljani kompetenti kienu taw, b’mod partikolari lil Fonderie SpA (iktar ’il quddiem “Fonderie”), numru ta’ awtorizzazzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ żewġ imħażen doganali privati tat-Tip C u l-ipproċessar, permezz tal-proċedura ta’ pproċessar taħt superviżjoni doganali, ta’ blokok ta’ aluminjum li kienu jinsabu f’dawn l-imħażen u li jaqgħu fl-intestatura tariffarja 7601, li tattira dazju doganali ta’ 6 %, f’aluminjum għar-rimi, li jaqa’ fl-intestatura tariffarja 7602, li hija eżenta mid-dazju;

–        l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni kienu nħarġu bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja u kienu wasslu sabiex, matul il-perijodu bejn l-1997 u l-2002, ir-riżorsi proprji Komunitarji la kienu stabbliti u lanqas miġbura, bid-dejn doganali stmat għal madwar ITL 46.6 biljun;

–        wara li kumpannija li topera fl-istess settur għamlet ilment, l-awtoritajiet doganali kompetenti rrevokaw l-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fl-4 ta’ Diċembru 2002 u stabbilew l-intitolamenti tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji kkonċernati;

–        minbarra l-kumpanniji kkonċernati, numru ta’ uffiċjali tad-dwana Taljana nstabu wkoll responsabbli għall-ammont tad-dejn doganali u għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet illegali u nfetħu proċeduri kriminali kontrihom taħt l-akkużi ta’ “kuntrabandu aggravat” u “falsifikazzjoni ta’ atti pubbliċi”.

15      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2005, l-awtoritajiet Taljani bagħtu informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni li minnha rriżulta li l-ammont totali tad-dħul Komunitarju li ma kienx tħallas kien jammonta għal EUR 22 730 818.35 u li dan kien iddaħħal, matul Marzu, Ġunju u Lulju tas-sena 2003, fil-Kont B, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000.

16      Wara skambju ta’ ittri bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, din tal-aħħar, fit-23 ta’ Marzu 2007, bagħtet lir-Repubblika Taljana ittra ta’ intimazzjoni fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha, fl-iqsar termini possibbli, l-ammont ta’ EUR 22 730 818.35, li jikkorrispondi għar-riżorsi proprji kkonstatati minnu stess, u li jinkludi dan l-ammont fl-anness tad-dikjarazzjoni ta’ kull xahar tal-Kont A, imsemmi fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000.

17      L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2007, fejn esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani sostnew li, fil-każ ineżami, ma kinux involuti “żball” jew “negliġenza” min-naħa tal-awtoritajiet iżda effetti dannużi ta’ aġir intenzjonat u frawdolenti min-naħa ta’ terzi, liema effetti ma setgħux jiġu imputati lill-Istat.

18      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata fejn talbitha tieħu l-miżuri neċessarji, f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni, sabiex tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 22 730 818.35 dovut bħala dħul proprju tal-Komunitajiet. Fl-24 ta’ Diċembru 2007, l-awtoritajiet Taljani wieġbu għall-opinjoni motivata filwaqt li tennew l-oġġezzjonijiet tagħhom fil-konfront tal-ilmenti tal-Kummissjoni.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

20      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2008, ġie ammess l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 u tal-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000

 L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni, filwaqt li tikkonstata li l-awtoritajiet doganali Taljani jqisu li kemm l-għoti illegali tal-awtorizzazzjonijiet u kemm il-funzjonament tal-proċeduri doganali kkonċernati jikkostitwixxu konsegwenza tal-frodi organizzat minn uffiċjali nazzjonali, issostni li l-Istat Taljan ma jistax jiċħad kull responsabbiltà fir-rigward tal-konsegwenzi tal-atti amministrattivi meħuda f’ismu. Għalhekk, mingħajr ma jistenna l-eżitu tal-proċedura kriminali jew l-eżitu tal-proċedura ta’ rkupru mingħand id-debituri, l-Istat Taljan huwa obbligat jieħu responsabbiltà għall-konsegwenzi finanzjarji tal-aġir tal-korpi amministrattivi tiegħu. Għaldaqstant, hija ta’ importanza sekondarja l-kwistjoni jekk l-illegalità kinitx imputabbli lill-amministrazzjoni Taljana minħabba żball jew frodi mwettqa mill-membri tal-persunal tagħha, jew minħabba nuqqas ta’ sorveljanza adegwata, jew inkella minħabba prassi irregolari sistematika.

22      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tas-sistema tar-riżorsi proprji Komunitarji u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huwa inammissibbli li Stat Membru jinħeles mir-responsabbiltà tiegħu għall-ammont tad-dejn doganali maħluq direttament mill-azzjonijiet imwettqa mill-amministrazzjoni tiegħu stess. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ineżami, il-Komunità ma għandhiex tieħu responsabbiltà għar-riskju finanzjarju marbut mal-azzjonijiet ta’ rkupru a posteriori mingħand id-debituri.

23      Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-fatti li wasslu għal din il-kawża huma, u dan ma jistax jiġi kkontestat, marbuta ma’ reati li jistgħu jwasslu għal kundanna kriminali. Peress li, fil-kuntest tar-responsabbiltà kriminali, din ir-responsabbiltà għandha dimensjoni suġġettiva, il-fatti inkwistjoni f’ebda każ ma jistgħu jiġu imputati lill-amministrazzjoni li minnha kienu jagħmlu parti l-uffiċjali korrotti.

24      Ir-Repubblika Taljana tfakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri ma humiex obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li ma setgħux jiġu rkuprati minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri. Skont dan l-Istat Membru, l-elementi li jikkaratterizzaw il-forza maġġuri jkunu sodisfatti meta l-persuna kkonċernata tkun għamlet dak li normalment ikun fil-poter tagħha li tagħmel u meta, minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha, marbuta mal-aġir intenzjonat u frawdolenti minn terzi, din il-persuna ma tkunx tista’ twaqqaf it-twettiq ta’ avveniment kundannabbli. L-aġir illegali ta’ uffiċjali jikkostitwixxi avveniment li ma jaqax taħt l-azzjoni tal-amministrazzjoni u taħt l-obbligu ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tagħha. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li l-Istat Taljan jiġi mgħobbi b’responsabbiltà oġġettiva għall-ħlas tar-riżorsi Komunitarji fid-dawl tal-preżentata ta’ rikorsi quddiem il-qrati kriminali u ċivili kontra l-persuni responsabbli għal dan l-aġir u fid-dawl tad-diliġenza manifesta matul il-fażijiet ta’ kontroll u ta’ twaqqif tal-aġir imsemmi.

25      Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tippreċiża li għalkemm il-forza maġġuri tikkostitwixxi, fil-fatt, ċirkustanza li teżenta lill-Istat Membru minn kull responsabbiltà, dan huwa hekk minħabba li l-forza maġġuri tirriżulta minn avveniment li ma jkunx marbut mal-korp li fil-kuntest tiegħu jimmaterjalizza l-fatt li jikkawża l-preġudizzju u li l-effett negattiv tiegħu jolqot inevitabbilment lil dan il-korp. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, l-att intenzjonat tal-uffiċjali twettaq fi ħdan l-amministrazzjoni stess li lilha hija imputata l-attività tal-aġenti inkwistjoni. Għaldaqstant, hawnhekk ma huwiex involut każ ta’ forza maġġuri iżda aġir illegali ta’ amministrazzjoni nazzjonali imputabbli direttament lir-Repubblika Taljana.

26      Dan l-Istat Membru jwieġeb li, meta uffiċjal jaġixxi fl-interessi illegali tiegħu stess, b’tali mod li jitlef kull interess fil-funzjoni istituzzjonali tiegħu, dan l-uffiċjal jqiegħed lilu nnifsu barra mill-istruttura amministrattiva li jagħmel parti minnha. Li kieku ma kienx hekk, kull aġir, anki jekk frawdolenti, li uffiċjal nazzjonali jkun ħati tiegħu, iwassal għar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, f’dan il-każ l-Istat Membru li, b’mod astratt, l-awtur ta’ dan l-aġir ikun marbut miegħu.

27      Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, fit-tmiem tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, titlob it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji minħabba li, f’din id-data, in-nuqqas imputat lill-Istat Membru inkwistjoni ma kienx jeżisti.

28      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, li l-awtoritajiet Taljani kienu ġustament daħħlu r-riżorsi proprji inkwistjoni fil-Kont B u mhux fil-Kont A peress li dawn kienu dazji stabbiliti li kienu għadhom ma nġabrux u li fir-rigward tagħhom ma kienet ingħatat ebda garanzija. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma kienx hemm obbligu li l-ammonti kkonstatati jiġu ttrasferiti mill-Kont B għall-Kont A.

29      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar, barra minn hekk, li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 6(3)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat jirriżulta, bħala prinċipju, li l-obbligu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni intitolamenti inklużi fil-Kont B jippreżupponi l-irkupru minn qabel tal-ammonti minn kull Stat Membru.

30      Huwa biss b’mod eċċezzjonali li jistgħu jsiru derogi għal dan il-prinċipju fuq il-bażi tal-Artikolu 17(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sabiex l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunità r-riżorsi proprji inklużi fil-Kont B, li fosthom tinsab il-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit li l-ammonti ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati. Skont il-Gvern Ġermaniż, jekk din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta, jiġifieri jekk l-ammonti li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ddikjaraw li ma jistgħux jiġu rkuprati jkunu, fil-verità, ta’ natura tali li jkunu jistgħu jiġu rkuprati, l-Istati Membri jkunu f’dan il-każ suġġetti, b’mod eċċezzjonali, għall-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji, u dan anki qabel l-irkupru tagħhom.

31      Issa, f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali ma ddikjarawx li l-ammonti inkwistjoni huma irrekuperabbli, u lanqas ma kklassifikawhom bħala ammonti kkunsidrati irrekuperabbli. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa meħtieġ li jiskadi t-terminu ta’ ħames snin, previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat, li jibda jiddekorri mad-dħul tar-riżorsi fil-Kont B, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tobbliga lir-Repubblika Taljana tħallas l-imsemmija riżorsi. Peress li tali terminu ma skadiex qabel Lulju tas-sena 2008, minn dan għandu jiġi dedott li dan l-Istat Membru ma kienx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fit-tmiem tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2007.

32      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni toġġezzjona li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, intervenjent ma jistax iressaq, fin-nota ta’ intervent tiegħu, motivi li jibdlu l-kuntest tal-kawża kif iddefinit fir-rikors promotur. L-argumenti tal-Gvern Ġermaniż dwar ir-Regolament Nru 1150/2000 emendat għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li jaqgħu kompletament barra mill-kuntest legali ddefinit mill-partijiet u minħabba li ma humiex rilevanti fir-rigward tal-osservazzjonijiet ifformulati mill-awtoritajiet Taljani.

33      Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija argumenti ma għandhom ebda bażi peress li, minn naħa, il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 17(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat hija kompletament irrilevanti u, min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ ħames snin previst f’din id-dispożizzjoni huwa inapplikabbli. Skont il-Kummissjoni, din il-proċedura tista’ tapplika biss għar-riżorsi li jkunu inklużi, b’mod legali, fil-Kont B, u li għalhekk ma jkunux jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet minħabba n-natura irrekuperabbli tagħhom. Għall-kuntrarju, fil-każ ineżami, l-ammonti inkwistjoni ddaħħlu fil-Kont B minħabba żball imwettaq mill-awtoritajiet Taljani, li kien imisshom daħħluhom fil-Kont A fil-mument tal-importazzjoni – jew tal-ħruġ sussegwenti mid-dwana – tal-merkanzija li kienet koperta mill-awtorizzazzjonijiet maħruġa illegalment minn dawn l-istess awtoritajiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2000/597, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri u dawn għandhom l-obbligu jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

35      Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jkunu meħlusa minn dan l-obbligu biss jekk l-irkupru ma setax jitwettaq minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew meta jirriżulta li jkun definittivament impossibbli li jiġu rkuprati minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu imputati lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, Ġabra p. I‑9811, punt 66).

36      F’dan il-każ, la l-eżistenza ta’ dejn doganali u lanqas l-ammont tar-riżorsi proprji ma huma kkontestati, filwaqt li dan l-ammont ġie effettivament stabbilit mill-awtoritajiet Taljani.

37      Ir-Repubblika Taljana tallega li n-nuqqas ta’ rkupru tar-riżorsi proprji ma huwiex dovut għal żbalji amministrattivi imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali iżda huwa dovut għal aġir frawdolenti min-naħa ta’ uffiċjali tad-dwana li aġixxew b’kollaborazzjoni mad-diretturi tal-kumpannija implikata. Dan l-aġir inevitabbilment jikser ir-rabta kawżali li teżisti bejn l-amministrazzjoni u l-att li jikkawża preġudizzju u għalhekk tista’ tiġi rikonoxxuta sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

38      Tali argument ma jistax jintlaqa’.

39      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-aġir ta’ kull korp tal-Istat huwa, bħala prinċipju, attribwibbli lil dan tal-aħħar. Korp jinkludi kull persuna jew entità li għandha dan l-istatus taħt id-dritt intern tal-Istat inkwistjoni. Il-fatt li l-aġir ta’ tali persuna jew entità, li jkollha l-poter teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li taġixxi f’din il-kwalità, jikser il-liġi, jmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha jew jikser l-istruzzjonijiet mogħtija mis-superjuri, ma huwiex ta’ natura li jdgħajjef din il-konklużjoni.

40      F’dan il-każ, mir-rapport ta’ verifika interna tat-18 ta’ Frar 2003, mibgħut mill-amministrazzjoni Taljana doganali lill-Kummissjoni, jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Frar u tas-7 ta’ April 1997 rispettivament, l-awtoritajiet doganali kompetenti taw lil Fonderie awtorizzazzjonijiet illegali li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ żewġ imħażen privati doganali tat-Tip C u l-ipproċessar ta’ blokok tal-aluminjum li kienu jinsabu f’dawn l-imħażen f’aluminjum għar-rimi, b’tali mod li l-prodotti inkwistjoni ġew eżentati mid-dazji doganali minkejja li normalment kienu suġġetti għal tali dazji.

41      Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-illegalitajiet imsemmija iktar ’il fuq wasslu sabiex ma ġewx stabbiliti l-intitolamenti għar-riżorsi proprji tal-Unjoni u għan-nuqqas ta’ rkupru tagħhom bejn is-snin 1997 u 2002.

42      Huwa paċifiku li, fil-mument meta ngħataw l-awtorizzazzjonijiet illegali mill-uffiċjali tad-dwana, dawn kienu qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

43      Dawn l-atti, imwettqa minn uffiċjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom għalhekk jitqiesu li twettqu fi ħdan l-istess amministrazzjoni.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-aġir illegali tal-amministrazzjoni nazzjonali għandu jiġi attribwit lir-Repubblika Taljana.

45      It-tieni nett, tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan l-Istat jistax ikollu raġun jinvoka raġunijiet ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, sabiex jiġi eżentat mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata kull diliġenza possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1987, Denkavit Belgie, 145/85, Ġabra p. 565, punt 11, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, Ġabra p. I‑9659, punt 89, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑377/03, Ġabra p. I‑9733, punt 95).

47      Wieħed mill-elementi li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ forza maġġuri huwa t-twettiq ta’ avveniment estern għall-persuna li tixtieq tinvoka l-forza maġġuri, jiġifieri li jimmaterjalizza fatt li jseħħ barra mill-isfera ta’ intervent ta’ din il-persuna.

48      Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tipprova tevita kull responsabbiltà, ir-Repubblika Taljana ma tistax tqajjem l-eżistenza ta’ forza maġġuri billi targumenta li l-irregolaritajiet imwettqa ma kinux identifikati fil-kuntest tal-kontrolli normali iżda biss wara li sar ilment minn impriża kompetitriċi. Peress li f’dan il-każ il-kawża tan-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali taqa’ fil-kamp ta’ responsabbiltà tar-Repubblika Taljana, il-miżuri konkreti li setgħu, jew ma setgħux, jevitaw l-aġir inkwistjoni ma jibqgħux rilevanti.

49      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti preċedenti jindikaw li l-aġir tal-uffiċjali tad-dwana inkwistjoni f’dan il-każ ma jistax jitqies bħala estern għall-amministrazzjoni li kienu jagħmlu parti minnha. Barra minn hekk ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi ta’ dan l-aġir, imputabbli lir-Repubblika Taljana, ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza li setgħet tiġi eżerċitata minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka l-forza maġġuri sabiex jinħeles mill-obbligu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni.

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu tar-Repubblika Taljana li tqiegħed l-ammont li jikkorrispondi għall-intitolamenti stabbiliti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jkollu l-effett li r-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jkunux ġew irkuprati, tali żball ma jistax iqajjem dubju dwar l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas l-intitolamenti li jkunu ġew stabbiliti kif ukoll l-interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑275/07, Ġabra p. I‑2005, punt 100).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li jonqos milli jistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji u milli jqiegħed l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, Ġabra p. I‑8597, punt 32).

52      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana, għandhom isiru l-osservazzjonijiet segwenti.

53      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jsostnu biss it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

54      Bl-istess mod, l-Artikolu 93(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi, b’mod partikolari, li n-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent.

55      Filwaqt li titlob, bħalma għamlet ir-Repubblika Taljana, li jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tressaq, fin-nota ta’ intervent tagħha, motiv ta’ difiża addizzjonali fil-konfront ta’ dawk li fuqhom ir-Repubblika Taljana bbażat l-argumenti tagħha. Għalhekk, billi għamlet dan, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kisritx id-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑501/00, Ġabra p. I‑6717, punti 131 sa 157).

56      In-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha għalhekk tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

57      Il-motiv invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-ineżistenza tan-nuqqas allegat fil-konfront tar-Repubblika Taljana fi tmiem it-terminu previst fl-opinjoni motivata, huwa msejjes fuq il-premessa li l-emendi introdotti permezz tar-Regolament Nru 2028/2004 fir-rigward tar-Regolament Nru 1150/2000, u b’mod partikolari tal-Artikolu 17(2) tiegħu, japplikaw għall-kawża ineżami.

58      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fil-fatt, li, peress li l-awtoritajiet Taljani ma kinux iddikjaraw l-ammonti inkwistjoni bħala irrekuperabbli, u lanqas ma kienu kkunsidrawhom bħala tali, huwa għalhekk meħtieġ li l-Kummissjoni tistenna l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat, li jibda jiddekorri mid-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-Kont B – jiġifieri minn Marzu, Ġunju u Lulju tal-2003 – sabiex tkun tista’ tobbliga lill-Gvern Taljan iħallas l-imsemmija intitolamenti. Peress li tali terminu ma skadiex qabel Lulju tal-2008, jidher li r-Repubblika Taljana ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fi tmiem it-terminu previst fl-opinjoni motivata, jiġifieri l-aħħar ta’ Diċembru tal-2007.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma intiżi li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba li rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw minn importazzjonijiet magħmula bejn l-1997 u l-2002, u li l-intitolamenti stabbiliti fir-rigward tagħhom iddaħħlu minn dan l-Istat Membru fil-Kont B matul Marzu, Ġunju u Lulju 2003, filwaqt li r-Regolament Nru 2028/2004 ma daħalx fis-seħħ qabel it-28 ta’ Novembru 2004.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati bħala applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom, b’differenza minn dispożizzjonijiet materjali li normalment jiġu interpretati fis-sens li ma jkoprux sitwazzjonijiet kompluti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis, C‑361/02 u C‑361/02, Ġabra p. I‑6405, punt 19).

61      L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat jistabbilixxi proċedura ġdida li tippermetti lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri sabiex jew jiddikjaraw li ċerti ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti huma irrekuperabbli jew jikkunsidraw li l-ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti huma meqjusa irrekuperabbli sa mhux iktar tard minn perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit. Dawn l-ammonti jitneħħew b’mod definittiv mill-Kont B u, sakemm il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għar-raġunijiet invokati mill-Istati Membri abbażi tal-forza maġġuri jew abbażi ta’ raġunijiet oħra li ma jkunux imputabbli lilhom, l-Istati Membri jkunu meħlusa mill-obbligu li jqiegħdu l-ammonti msemmija għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni.

62      Permezz tal-emenda tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq joħloq mekkaniżmu proċedurali ġdid sabiex jirrimedja nuqqasijiet fis-sistema preċedenti ta’ żewġ kontijiet, u dan billi jipprovdi li ċerti ammonti ta’ intitolamenti stabbiliti li ma setgħux jiġu rkuprati ma jibqgħux inklużi fil-Kont B mingħajr ma l-Istati Membri jkunu obbligati jqiegħduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

63      Tali għan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 2028/2004, li tipprovdi li “[i]s-sistema ta’ kontijiet doppji introdotta fl-1989 kienet stabbilita biex tiddistingwi bejn dazji rkuprati u dazji mhux imħallsa. Din is-sistema laħqet biss parzjalment l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kwittanza użat fir-rigward ta’ partiti mill-kontijiet separati [mill-Kont B]. Kontrolli magħmula mill-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri u mill-Kummissjoni indikaw anomaliji rikorrenti fiż-żamma tal-kontijiet separati [il-Kont B], li ma jħallux lill-kontijiet jirriflettu s-sitwazzjoni reali fir-rigward ta’ rkupru. Il-kontijiet separati [il-Kont B] għandhom jitnaddfu minn dawk l-ammonti li l-irkupru tagħhom huwa improbabbli fit-tmiem ta’ perijodu partikolari u li ż-żamma tagħhom tagħti bilanċ impreċiż.”

64      Peress li dawn huma dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali, hemm lok li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, dawn jiġu applikati għal din il-kawża.

65      Madankollu, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti ma teżiġix biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat, iżda wkoll li l-imsemmija intitolamenti jkunu ġew inklużi b’mod regolari fil-Kont B.

66      Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu kont mit-Teżor pubbliku jew mill-korp maħtur minnhom. Skont l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tal-istess regolament, l-Istati Membri huma obbligati jinkludu fil-Kont A l-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament, bla ħsara għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-Kont B, fl-istess terminu, l-intitolamenti stabbiliti li “ikunu għadhom ma ġewx irkuprati” u li fir-rigward tagħhom “l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta”, kif ukoll l-intitolamenti stabbiliti u “li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta[, li] jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u [li] jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

67      Barra minn hekk, għall-finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jobbliga lil kull Stat Membru jdaħħal ir-riżorsi proprji bħala krediti fil-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem il-Kummissjoni, skont il-modalitajiet iddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir, id-dħul tar-riżorsi proprji għandu jseħħ sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament, bl-eċċezzjoni tal-intitolamenti inklużi fil-Kont B skont l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-regolament, li fir-rigward tagħhom dan id-dħul għandu jsir sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li fih “ikunu rkuprati” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

68      Id-dħul tar-riżorsi proprji fil-Kont B jirrifletti għalhekk sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata mill-fatt li l-Istati Membri jitħallew jew ma jqegħdux dawn l-intitolamenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni malli jiġu stabbiliti minħabba li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jew li jiġu eżentati milli jagħmlu dan jekk l-imsemmija intitolamenti jirriżultaw irrekuperabbli minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri jew minħabba raġunijiet oħra li ma jkunux imputabbli lilhom, abbażi tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali sitwazzjoni eċċezzjonali, huwa neċessarju li d-dħul tal-intitolamenti stabbiliti fil-Kont B jkun sar mill-Istati Membri b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

70      F’din il-kawża, in-nuqqas ta’ stabbiliment u ta’ rkupru tal-intitolamenti għar-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mit-taxxi fuq l-importazzjonijiet magħmula minn Fonderie bejn l-1997 u l-2002 huwa r-riżultat tal-aġir tal-uffiċjali tad-dwana Taljani li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi imputat lir-Repubblika Taljana.

71      Li kieku dan l-aġir kien konformi mal-obbligi imposti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2(1) u (2), u 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-intitolamenti għar-riżorsi proprji inkwistjoni kienu jiġu stabbiliti mat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ importazzjonijiet u tal-ħruġ sussegwenti tagħhom mid-dwana u, għalhekk, huma kien imisshom iddaħħlu fil-Kont A sa mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara dak li matulu ġew stabbiliti.

72      Minn dan isegwi li, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Repubblika Taljana, minn naħa, għandha titqiegħed, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1997 u l-2002, f’sitwazzjoni ekwivalenti bħallikieku kienet stabbiliet l-intitolamenti u daħlithom fil-Kont A. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru ma jistax isostni li l-kundizzjonijiet għad-dħul fil-Kont B huma sodisfatti peress li, billi ma stabbilixxiex l-intitolamenti, kien huwa stess li pprovoka l-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000.

73      Peress li l-awtoritajiet Taljani, b’mod irregolari, daħlu l-intitolamenti għar-riżorsi proprji fil-Kont B, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 emendat ma japplikawx għar-Repubblika Taljana.

74      Għaldaqstant, il-motiv ta’ difiża addizzjonali mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi mwarrab.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 KE

75      Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 10 KE, invokat ukoll mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas milli jitwettqu l-obbligi ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, nuqqas li jkun distint min-nuqqas ikkonstatat milli jitwettqu l-obbligi iktar speċifiċi li r-Repubblika Taljana kellha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 u taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dejn doganali li jirriżulta mill-għoti irregolari, mid-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata, li għandha s-sede tagħha f’Bari, sa mis-27 ta’ Frar 1997, ta’ awtorizzazzjonijiet għall-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mħażen doganali tat-Tip C f’Taranto, segwiti minn awtorizzazzjonijiet ulterjuri għall-ipproċessar taħt superviżjoni doganali u għall-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar għad-dħul, sar-revoka tagħhom fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597 u taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 69(4) tal-istess regoli, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ir-riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dejn doganali li jirriżulta mill-għoti irregolari, mid-Direzione Compartimentale delle Dogane per le Regioni Puglia e Basilicata, li għandha s-sede tagħha f’Bari, sa mis-27 ta’ Frar 1997, ta’ awtorizzazzjonijiet għall-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mħażen doganali tat-Tip C f’Taranto, segwiti minn awtorizzazzjonijiet ulterjuri għall-ipproċessar taħt superviżjoni doganali u għall-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar għad-dħul, sar-revoka tagħhom fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej, u taħt l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top