Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0297

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-4 ta' Marzu 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttiva 2006/12/KE - Artikoli 4 u 5 - Immaniġġar tal-iskart - Pjan għall-immaniġġar - Netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi - Periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent - Forza maġġuri - Disturb għall-ordni pubbliku - Kriminalità organizzata.
Kawża C-297/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:115

Kawża C-297/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 2006/12/KE — Artikoli 4 u 5 — Immaniġġar tal-iskart — Pjan għall-immaniġġar — Netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi — Periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent — Forza maġġuri — Disturb tal-ordni pubbliku — Kriminalità organizzata”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Skart — Direttiva 2006/12 — Obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikoli 5(1) u 7(3))

2.        Ambjent — Skart — Direttiva 2006/12 — Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jfasslu pjan wieħed jew iktar għall-immaniġġar tal-iskart — Kriterji ta’ lokalizzazzjoni ta’ stallazzjonijiet għar-rimi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikolu 5(2))

3.        Ambjent — Skart — Direttiva 2006/12 — Obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi — Għażla ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart fuq bażi reġjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikolu 7(1))

4.        Stati Membri — Obbligi — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ġustifikazzjoni — Forza maġġuri — Kundizzjonijiet

(Artikolu 258 TFUE)

5.        Ambjent — Skart — Direttiva 2006/12 — Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12, Artikolu 4(1))

1.        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/12 dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart li għandu jippermetti, minn naħa, lill-Komunità kollha ssir awtosuffiċjenti fir-rimi tal-iskart tagħha u, min‑naħa l-oħra, lill-Istati Membri jersqu lejn dan il-għan b’mod individwali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u l-bżonn ta’ stallazzjonijiet speċifiċi għal ċerti tipi ta’ skart.

Sabiex jistabbilixxu tali netwerk integrat, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tal-bażi territorjali li jqisu xierqa sabiex isiru awtosuffiċjenti fil-livell nazzjonali, f’termini tal-kapaċità ta’ rimi tal-iskart, u, b’dan il-mod, jippermettu lill-Komunità ssir awtosuffiċjenti fir-rimi tal-iskart tagħha.

Ċerti tipi ta’ skart jistgħu jkunu speċifiċi, bħal pereżempju l-iskart perikoluż, li t-trattament tiegħu jista’ utilment isir f’daqqa għall-finijiet tar-rimi tiegħu fi ħdan waħda jew diversi strutturi fuq skala nazzjonali, jiġifieri kif jipprevedu espressament l-Artikoli 5(1) u 7(3) tad-Direttiva 2006/12, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra.

(ara l-punti 61-63)

2.        Waħda mill-miżuri l-iktar importanti li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-obbligu li għandhom, taħt id-Direttiva 2006/12 dwar l-iskart, li jistabbilixxu pjanijiet ta’ mmaniġġar li jistgħu jinkludu b’mod partikolari miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu r-razzjonalizzazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament tal-iskart, hija dik prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li tikkonsisti fit-tfittxija ta’ trattament tal-iskart fl-iktar stallazzjoni viċina.

Il-kriterji ta’ lokalizzazzjoni tas-siti għar-rimi tal-iskart għandhom jintgħażlu fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2006/12, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent, kif ukoll l-istabbiliment ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, u dan in-netwerk għandu jippermetti, b’mod partikolari, ir-rimi ta’ skart f’waħda mill-eqreb stallazzjonijiet xierqa. Għaldaqstant, tali kriterji ta’ lokalizzazzjoni għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-distanza ta’ dawn is-siti mill-abitazzjonijiet fejn l-iskart jiġi prodott, il-projbizzjoni li jiġu stabbiliti stallazzjonijiet qrib żoni sensittivi u l-eżistenza ta’ infrastrutturi adegwati għall-vjaġġi tal-iskart bħal konnessjoni ma’ netwerks ta’ trasport.

Fir-rigward tal-iskart urban mhux perikoluż li, fil-prinċipju, ma jeħtieġx stallazzjonijiet speċjalizzati bħal dawk meħtieġa għat-trattament ta’ skart perikoluż, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jagħmlu mill-aħjar sabiex ikollhom netwerk li jippermettilhom jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart fl-iktar post viċin dak tal-produzzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà li tali netwerk jiġi organizzat fil-kuntest ta’ kooperazzjoni interreġjonali, jew transkonfinali, li jissodisfa l-prinċipju ta’ viċinanza.

(ara l-punti 64-66)

3.        Meta Stat Membru jkun għażel waħdu, fil-kuntest tal-pjan jew tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12 dwar l-iskart, li jorganizza li t-territorju tiegħu jiġi kopert fuq bażi reġjonali, għandu jiġi dedott minn dan li kull reġjun li għandu pjan reġjonali, fil-prinċipju, għandu jiżgura t-trattament u r-rimi tal-iskart tiegħu fl-eqreb post ta’ fejn jiġi prodott. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ prijorità għal azzjoni korrettiva fis-sors fir-rigward tal-ħsara ambjentali, prinċipju stabbilit għall-azzjoni tal-Komunità, fil-qasam tal‑ambjent fl-Artikolu 191 TFUE, jimplika li huma kull reġjun, muniċipalità jew entità  lokali oħra li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-ġbir, it-trattament u r-rimi tal-iskart tagħhom u li għaldaqstant dan għandu jiġi mormi wkoll fl-eqreb post possibbli ta’ fejn jiġi prodott, sabiex jillimitaw it-trasport tiegħu kemm jista’ jkun.

Konsegwentement, f’tali netwerk nazzjonali definit mill-Istat Membru, jekk wieħed mir-reġjuni ma jkollux, sa ċertu punt u għal tul ta’ żmien sinjifikattiv, infrastrutturi suffiċjenti sabiex ikopri l-bżonnijiet tiegħu rigward ir-rimi tal-iskart, jista’ jiġi dedott minn dan li tali nuqqasijiet gravi fil-livell reġjonali jistgħu jaffettwaw l-imsemmi netwerk nazzjonali ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart, liema netwerk ma jkunx iżjed integrat u adegwat kif meħtieġ mid-Direttiva 2006/12 u li jippermetti lill-Istat Membru jilħaq l-għan ta’ awtosuffiċjenza b’mod individwali, kif definit mill-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 67, 68)

4.        Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ Stat Membru milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt it-Trattat jew taħt att tad-dritt sekondarju.

Meta tali konstatazzjoni tiġi stabbilita, huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li huwa attribwit lilu, minn negliġenza tiegħu jew anki minn diffikultajiet tekniċi li dan kellu jiffaċċja.

Fir-rigward tal-oppożizzjoni manifestata mill-popolazzjoni lokali fil-konfront tal-istabbiliment ta’ ċerti stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi sitwazzjonijiet interni bħal diffikultajiet fl-applikazzjoni li feġġew fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ att Komunitarju, inklużi dawk marbuta mar-reżistenza ta’ individwi, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi u tat-termini li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt Komunitarju. Dan huwa l-istess għal dak li jikkonċerna l-preżenza ta’ attivitajiet kriminali jew ta’ persuni ppreżentati bħala li jaġixxu fil-limitu tal-legalità li huma attivi fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti min-naħa tal-impriżi inkarigati milli jistabbilixxu ċerti infrastrutturi għar-rimi tal-iskart, anki jekk il-kunċett ta’ forza maġġuri ma jippreżupponix impossibbiltà assoluta, huwa jeħtieġ għall-inqas li n-nuqqas ta’ twettiq tal-fatt inkwistjoni jkun minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dak li jinvokah, li ma jkunux normali u prevedibbli, u li l-konsegwenzi tiegħu ma setgħux jiġu evitati minkejja kull diliġenza użata.

(ara l-punti 81-85)

5.        Għalkemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12 dwar l-iskart, ma jippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li din id‑dispożizzjoni torbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq filwaqt li tħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ miżuri bħal dawn.

Għaldaqstant, fil-prinċipju, ma huwiex possibbli li, abbażi ta’ sitwazzjoni fattwali li ma tkunx konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2006/12, jiġi direttament konkluż li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id‑dispożizzjoni, jiġifieri, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l‑iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent. Madankollu, il-persistenza ta’ sitwazzjoni fattwali bħal din, b’mod partikolari, meta tinvolvi degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent matul perijodu twil mingħajr intervent min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, tista’ tindika li l-Istati Membru qabżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtihom din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 96, 97)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2006/12/KE – Artikoli 4 u 5 – Immaniġġar tal-iskart – Pjan għall-immaniġġar – Netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi – Periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent – Forza maġġuri – Disturb tal-ordni pubbliku – Kriminalità organizzata”

Fil-Kawża C-297/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-3 ta’ Lulju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, C. Zadra u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn K. Bacon, barrister,

intervenjent

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li ma adottatx, għar-reġjun ta’ Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari, peress li ma stabbilixxitx netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Id-Direttiva 2006/12, sabiex tinħloq iktar ċarezza u razzjonalità, fasslet kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 23).

3        Il-premessi 2, 6 u 8 sa 10 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdu dan li ġej:

“(2) L-objettiv essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha dwar l-immaniġġar ta’ l-iskart għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa umana [tal-bniedem] u ta’ l-ambjent kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mit-tbattil ta’ l-iskart.

[…]

(6) Biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, l-Istati Membri għandhom, minbarra li jieħdu azzjoni responsabbli biex jiżguraw ir-rimi u l-irkupru ta’ l-iskart, jieħdu miżuri biex irażżnu l-produzzjoni ta’ l-iskart b’mod partikolari billi jippromwovu teknoloġiji ndaf u prodotti li jistgħu jiġu riċiklati u użati mill-ġdid, b’kont meħud ta’ opportunitajiet tas-suq eżistenti jew potenzjali għall-iskart irkuprat.

[…]

(8) Hu importanti għall-Komunità b’mod ġenerali li ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u jkun tajjeb li l-Istati Membri individwali jimmiraw għal tali awto-suffiċjenza.

(9) Biex jintlaħqu dawk l-objettivi, pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jitfasslu fl-Istati Membri.

(10) Iċ-ċaqliq ta’ l-iskart għandu jitnaqqas u l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dak il-għan fil-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġar.”

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdi li:

“1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jinħoloq periklu għas-saħħa umana [tal-bniedem] u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

(a)      mingħajr riskju għall-ilma, l-arja jew il-ħamrija, jew għall-pjanti jew l-annimali;

(b)      mingħajr ma joħolqu fastidju minħabba storbju jew irwejjaħ;

(ċ)      mingħajr ma jolqtu b’mod negattiv il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali.

2.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew id-depożitu mhux kontrollat ta’ l-iskart.”

5        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f’koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra fejn dan ikun meħtieġ jew jaqbel, biex jistabbilixxu rettikolat [netwerk] integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, b’kont meħud ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ir-rettikolat għandu jagħmilha possibbli li l-Komunità sħiħa ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u l-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan b’mod individwali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew tal-ħtieġa għal stallazzjonijiet speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ skart.

2.       Ir-rettikolat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgħin sabiex l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb stallazzjonijiet xierqa, permezz ta’ l-aktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u tas-saħħa pubblika.”

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdi li:

“1.       Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 għandhom jintalbu jfasslu mill-aktar fis possibbli pjan wieħed jew aktar għall-immaniġġar ta’ l-iskart. Dawn il-pjanijiet għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari:

(a)      it-tip, il-kwantità u l-oriġini ta’ l-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi;

(b)      il-ħtiġiet tekniċi ġenerali;

(ċ)      kwalunkwe arranġament speċjali għal skart partikolari;

(d)      siti jew stallazzjonijiet adatti għar-rimi.

2.       Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, per eżempju, ikopru:

[…]

(ċ)      miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu r-razzjonalizzazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament ta’ l-iskart.

3.       L-Istati Membri għandhom jikkoperaw kif xieraq ma’ l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni biex ifasslu tali pjanijiet. Huma għandhom jinnotifikaw b’dawn lill-Kummissjoni.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 ġew trasposti fis-sistema legali Taljana permezz tad-Diġriet Leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006, (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 96, tal-14 ta’ April 2006).

8        L-Artikolu 178(2) ta’ dan id-digriet jipprovdi li:

“2. L-iskart għandu jiġi rkuprat u mormi mingħajr ma jinħoloq periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr użu ta’ proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

a)      mingħajr riskju għall-ilma, l-arja jew il-ħamrija, jew għall-pjanti jew l-annimali;

b)      mingħajr ma jinħoloq xkiel minħabba storbju jew irwejjaħ;

c)      mingħajr ma jintlaqtu b’mod negattiv il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali, protetti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

9        L-Artikolu 182(3) tal-imsemmi digriet jipprovdi li:

“3. Ir-rimi tal-iskart għandu jsir permezz ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, filwaqt li jintużaw l-aħjar tekniki disponibbli u dan fid-dawl tal-proporzjon bejn il-kost u l-benefiċċji globali, sabiex

a)      tinkiseb l-awtosuffiċjenza fir-rimi tal-iskart urban mhux perikoluż, fl-aħjar kundizzjonijiet territorjali;

b)      jiġi permess ir-rimi tal-iskart f’waħda mill-istallazzjonijiet għal dan il-għan, l-iktar qrib possibbli mill-post ta’ produzzjoni u mill-ġbir sabiex jitnaqqas iċ-ċaqliq tal-iskart, b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u tal-bżonn ta’ stallazzjonijiet speċjalizzati għal ċertu tip ta’ skart;

c)      jintużaw l-aħjar metodi u teknoloġiji li jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika.”.

10      Il-liġi reġjonali tar-reġjun ta’ Campania Nru 10/93, tal-10 ta’ Frar 1993, dwar l-istandards u l-proċeduri għar-rimi tal-iskart f’Campania (“Norme e procedure per lo smaltimento dei rifitui in Campania”), identifikat 18-il żona territorjali uniformi li fihom, permezz ta’ parteċipazzjoni obbligatorja tal-muniċipalitajiet fl-imsemmija żoni, kellu jkun hemm immaniġġar tar-rimi tal-iskart urban prodott fiż-żoni rispettivi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Dan ir-rikors jirrigwarda r-reġjun ta’ Campania, li jinkludi 551 muniċipalità, fosthom il-belt ta’ Napoli. Dan ir-reġjun għandu problemi ta’ mmaniġġar u ta’ rimi ta’ skart urban.

12      Skont l-indikazzjonijiet tar-Repubblika Taljana inklużi fir-risposta tagħha, sa mis-sena 1994 ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza fl-imsemmi reġjun u nħatar Kummissarju Delegat, li integra l-funzjonijiet u l-kompetenzi li normalment huma ddelegati lil korpi pubbliċi oħrajn, sabiex jimplementa minnufih il-miżuri neċessarji bl-għan li tingħeleb dik li kienet magħrufa bħala l-“kriżi tal-iskart”.

13      Fl-1997, ġie approvat pjan għall-immaniġġar tal-iskart urban. Huwa kien jipprevedi sistema ta’ stallazzjonijiet industrijali għall-ħruq termiku tal-iskart stabbilita permezz ta’ sistema ta’ ġbir ta’ skart differenzjat organizzata fil-livell tar-reġjun ta’ Campania.

14      Permezz ta’ Digriet Ministerjali Nru 2774, tal-31 ta’ Marzu 1998, ġie deċiż li tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex, għal għaxar snin, it-trattament tal-iskart jiġi fdat lil operaturi privati kapaċi jistabbilixxu stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta’ materjal kombustibbli li ġej minn skart (iktar ’il quddiem “MKS”) kif ukoll stallazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni u impjanti għall-irkupru tas-sħana.

15      Il-kuntratti inkwistjoni ngħataw matul is-sena 2000 lill-kumpanniji Fibe SpA u Fibe Campania SpA, li jagħmlu parti mill-grupp Impregilo. Dawn il-kumpanniji kellhom jistabbilixxu u jimmaniġġaw seba’ stabbilimenti għall-produzzjoni ta’ MKS u żewġ impjanti għall-irkupru tas-sħana li jinsabu f’Acerra u Santa Maria La Fossa rispettivament. Il-muniċipalitajiet tar-reġjun ta’ Campania kellhom jafdaw it-trattament tal-iskart tagħhom lill-imsemmija kumpanniji.

16      Madankollu, inqalgħu diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tal-pjan minħabba, minn naħa, oppożizzjoni ta’ parti mill-popolazzjoni lokali fir-rigward tas-siti magħżula kif ukoll, min-naħa l-oħra, minħabba l-ammont żgħir ta’ skart miġbur u ddepożitat mis-servizzi reġjonali. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni tal-impjanti kienet ittardjat u nstabu difetti fid-disinni tal-imsemmija impjanti, bir-riżultat li l-iskart akkumula fil-landfills u fiż-żoni tal-ħażna li kienu disponibbli sal-punt fejn kien hemm saturazzjoni, minħabba li ma setax jiġi ttrattat mill-infrastrutturi inkwistjoni.

17      Il-Prosekutur Pubbliku ta’ Napoli fetaħ ukoll inkjesta bl-għan li jesponi frodi fil-kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, l-impjanti għall-produzzjoni tal-MKS tar-reġjun ta’ Campania tpoġġew taħt amministrazzjoni ġudizzjarja, li għamlitha impossibli li jsir adattament tat-tagħmir inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-kuntratti bejn l-awtoritajiet, Fibe SpA u Fibe Campania SpA ġew xolti, iżda l-għoti mill-ġdid permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ dawn il-kuntratti dwar ir-rimi ta’ skart f’dan ir-reġjun falla diversi drabi, b’mod partikolari, minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ offerti ammissibbli.

 Il-proċedura prekontenzjuża

18      Is-sitwazzjoni tar-reġjun ta’ Campania qajmet diskussjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani. Għaldaqstant, permezz ta’ nota tas-16 ta’ Mejju 2007, il-Kummissarju Delegat mis-sitwazzjoni ta’ kriżi tal-iskart spjega lill-Kummissjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61, tal-11 ta’ Mejju 2007, li kien jipprevedi “miżuri straordinarji sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-settur tar-rimi tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania” li kienu jinkludu, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ erba’ landfills ġodda fil-muniċipalitajiet ta’ Serre, ta’ Savignano Irpino, ta’ Tezigno u ta’ Sant’Arcangelo Trimonte.

19      Skont din in-nota, il-miżuri straordinarji previsti kienu ġġustifikati “sabiex jiġi evitat il-periklu ta’ epidemija jew ta’ sitwazzjonijiet oħra ta’ kriżi sanitarja u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-popolazzjoni”. Dan id-dokument irrikonoxxa li “reċentement l-istat ta’ kriżi kiber minħabba n-nuqqas ta’ landfills adatti għar-rimi finali tal-iskart” u ddeskriva dan l-istat bħala “allarm soċjali, periklu għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ Campania u wkoll preokkupazzjoni estrema fuq l-livell ambjentali”, peress li “l-landfills illegali stabbiliti mingħajr il-kontroll tal-korpi pubbliċi kompetenti u n-nar spontanju jew volontarju tal-iskart abbandunat wasslu sabiex joħolqu riskju għall-integrità ambjentali minħabba l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-atmosfera (b’mod partikolari d-dijossina) u fil-ħamrija, u dan joħloq periklu ta’ ħsara irreparabbli fis-saffi ta’ taħt l-art li jżommu l-ilma (aquifers)”

20      Peress li, il-miżuri adottati mir-Repubblika Taljana ma kinux suffiċjenti sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent u għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit netwerk adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart, u li konsegwentement, dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12, fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-imsemmi Stat Membru li fiha stiednitu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahar min-notifika tal-ittra.

21      Fuq stedina tar-Repubblika Taljana, delegazzjoni tal-Kummissjoni żaret Napoli fix-xahar ta’ Lulju 2007 sabiex tiltaqa’ mal-awtoritajiet u tikkonstata r-realtà tas-sitwazzjoni fil-post.

22      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-intimazzjoni permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, fejn hemżet nota, tat-2 ta’ Awwissu 2007, tad-Direttur Ġenerali tal-Ministeru tal-Ambjent u l-Ħarsien tat-Territorju – Direttorat għall-Kwalità tal-Ħajja. Fid-dawl tal-informazzjoni li rċiviet, il-Kummissjoni qieset opportun li testendi l-ilmenti għall-ksur tal-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 2006/12 u, filwaqt li għamlet dan, fit-23 ta’ Ottubru 2007, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lill-Istat Membru fejn stiednitu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-ittra.

23      Fl-20 ta’ Novembru 2007, inżammet laqgħa oħra fi Brussell li matulha r-Repubblika Taljana ppreżentat proġett ġdid ta’ pjan għall-immaniġġar tal-iskart għar-reġjun ta’ Campania u tat rendikont tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-progress tal-kostruzzjoni ta’ ċerti infrastrutturi, bħal landfills. Dan il-pjan ġie adottat fit-28 ta’ Diċembru 2007.

24      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-intimazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Diċembru 2007 u mar-risposta tagħha hemżet nota, tal-21 ta’ Diċembru 2007, tal-Ministeru tal-Ambjent u l-Ħarsien tat-Territorju.

25      Fit-28 ta’ Jannar 2008 inżammet “laqgħa dwar il-pakkett” f’Ruma bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni li matulha, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-immaniġġar tal-iskart f’Campania, dan l-Istat Membru spjega l-kontenut ta’ pjan ġdid b’mira li jsolvi s-sitwazzjoni ta’ kriżi qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2008.

26      Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana fid-diversi komunikazzjonijiet, kif ukoll informazzjoni minn sorsi oħra, bħal mezzi tax-xandir, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi, fl-1 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru li fiha, fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, stiednitu jikkonforma ruħu magħha f’terminu ta’ xahar. Huwa rrisponda għall-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2008 li magħha kellha mehmużin tliet noti minn mexxejja reġjonali.

27      Fid-dawl tal-informazzjoni hekk miġbura, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

28      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2008, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

 Fuq ir-rikors

29      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana bi ksur tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 inkwantu, minn naħa, hija ma stabbilixxietx netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi li jistgħu jiżguraw awtosuffiċjenza fil-qasam tar-rimi tal-iskart abbażi tal-kriterju ta’ viċinanza ġeografika u li, min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni ħolqot periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

30      Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Taljana tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li akkużatha bih. Hija tikkunsidra b’mod partikolari, bħala prova ta’ dan, il-kontenut tar-risposti pprovduti minnha matul il-proċedura prekontenzjuża. B’hekk, fir-risposta tiegħu għall-intimazzjoni inizjali, il-Gvern Taljan kien espona l-pjan reġjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart approvat fl-1997, filwaqt li rrikonoxxa li, “anki jekk kienet iddefinita b’mod konkret fil-pjan reġjonali, is-sistema integrata tal-immaniġġar tal-iskart għadha ma hijiex attwalment realtà konkreta”, b’mod partikolari minħabba dewmien akkumulat fil-kostruzzjoni ta’ żewġ inċineraturi previsti f’Acerra u f’Santa Maria La Fossa, kif ukoll minħabba l-għeluq ta’ landfills. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Taljani kienu rrikonoxxew il-“paraliżi tas-sistema”, kif ukoll l-abbandun illegali jew mhux ikkontrollat tal-iskart, deskritt minnhom bħala “fenomenu mifrux f’Campania u mmexxi minn setturi ta’ kriminalità organizzata, li fil-konfront tagħhom l-awtoritajiet ġudizzjarji fetħu diversi inkjesti”.

31      Fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana kienet ikkonfermat li s-sitwazzjoni ma kinitx issolviet u, skont il-Kummissjoni, mir-risposti pprovduti minn dan l-Istat Membru u b’mod partikolari mit-termini meħtieġa għall-implementazzjoni tal-infrastruttura previsti mill-aħħar pjan ta’ mmaniġġar, kif ukoll mill-istampa nazzjonali jirriżulta li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, l-imsemmi Stat kien għadu ’l bogħod mill-istabbiliment ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi bbażati fuq il-kriterju tal-viċinanza.

32      Barra minn hekk, ċerta informazzjoni rċevuta wara t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata tikkonferma l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, f’komunikazzjonijiet tal-21 u 28 ta’ April 2008, mibgħuta lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet li l-landfills previsti fis-sit ta’ Savignano Irpino u ta’ Sant’Arcangelo Trimonte ma kinux ser jibdew joperaw, fl-aħjar każ possibbli, qabel ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2008 u li għaldaqstant sa din id-data, għar-reġjun kollu tal-Campania, kienet ser topera biss il-landfill ta’ Macchia Soprana li tinsab fil-muniċipalità ta’ Serre.

33      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq in-nota mibgħuta fl-4 ta’ Ġunju 2008 li biha r-Repubblika Taljana nnotifikatha bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 90, tat-23 ta’ Mejju 2008 (Suppliment Ordinarju tal-Ġuri Nru 120, tat-23 ta’ Mejju 2008, iktar ’il quddiem id-“Diġriet Leġiżlattiv Nru 90”). It-test stess tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv huwa ammissjoni tal-fallimenti tas-sistema tar-rimi tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-“istat ta’ emerġenza” rigward il kriżi tal-iskart ma kienx għadu tneħħa fid-data tal-preżentata tar-rikors preżenti u kellu jinżamm hekk sal-31 ta’ Diċembru 2009.

34      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-fatt li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12. Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni ssostni li sabiex jitqies li Stat Membru stabblixxa netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, bħal dawk meħtieġa mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, hemm bżonn li dan ikollu l-istrutturi tekniċi kollha intiżi li jippermettu, minn naħa, li l-iskart li huwa impossibbli li jiġi rkuprat u/jew li jintuża mill-ġdid jiġi eliminat mingħajr ħsara għall-ambjent jew periklu għas-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipji ta’ awtosuffiċjenza u ta’ viċinanza, l-istabbilimenti intiżi għar-rimi tal-iskart, bħall-inċineraturi u l-landfills, jkunu jistgħu jassorbu l-kwantitajiet ta’ skart li x’aktarx ikun meħtieġ li jintrema fir-reġjun ikkonċernat.

36      Madankollu, f’dan ir-rigward, is-sistema stabbilita fir-reġjun ta’ Campania tippreżenta fallimenti ċari. Fil-fatt, il-ġbir differenzjat ta’ skart ikopri biss 10.6 % tal-iskart prodott, bil-kontra tal-medja Komunitarja ta’ 33 % u l-medja nazzjonali li tvarja bejn 19.4 % għar-reġjuni ċentrali tal-Italja u 38.1 % għar-reġjuni fit-Tramuntana ta’ dan l-Istat Membru.

37      Barra minn hekk, għalkemm il-landfills għandhom jintużaw l-inqas possibbli inkwantu huma l-agħar soluzzjoni għall-ambjent, il-parti l-kbira tal-iskart ta’ Campania tinxteħed ġo landfills jew tiġi abbandunata illegalment. Barra minn dan, l-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-MKS intiżi għar-rimi tal-iskart huma inadegwati u fir-realità sempliċement jittrattawh, bir-riżultat li mbagħad irid jintbagħat fi struttura oħra sabiex jiġi mormi definittivament.

38      L-inċineraturi previsti fil-muniċipalità ta’ Acerra u ta’ Santa Maria La Fossa għadhom ma bdewx joperaw u r-reġjun kollu għandu biss landfill legali waħda li topera, dik ta’ Serre, li tista’ triċievi wisq inqas skart milli huwa meħtieġ fir-realità. Fl-aħħar nett, ħafna tunnellati ta’ skart ġew ittrasportati fil-Ġermanja u f’reġjuni oħra fl-Italja sabiex jintremew, u ġie ffirmat ftehim mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jipprevedi li iktar skart jintbagħat hemm.

39      Skont il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Marzu 2008, l-iskart imxerred fit-toroq kien jammonta għal 55 000 tunnellata, li jiżdied mal-110 000 sa 120 000 tunnellata ta’ skart li qiegħed jistenna li jiġi ttrattat fis-siti muniċipali ta’ ħażna. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, (C‑494/01, Ġabra p. I‑3331), li sistema ta’ landfills li waslu qrib is-saturazzjoni u l-preżenza ta’ depożiti illegali madwar il-pajjiż, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12.

40      Ir-Repubblika Taljana titlob li r-rikors jiġi miċħud. Fil-fehma tagħha, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12 jirriżulta minn analiżi insuffiċjenti tal-kawżi storiċi tas-sitwazzjoni gravi prevalenti fir-reġjun ta’ Campania. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru għamel kull sforz possibbli sabiex jillimita din il-kriżi, kemm f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ numru kunsiderevoli ta’ rimedji amministrattivi u militari, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-investimenti finanzjarji kbar li saru (EUR 400 miljun bejn is-sena 2003 u s-sena 2008).

41      Fir-rigward tal-ġbir tal-iskart, għalkemm ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet li ċ-ċifri tal-medja reġjonali mogħtija mill-Kummissjoni huma preċiżi, hija tenfasizza madankollu li ttieħdu inizjattivi għal ġbir straordinarju u li, b’mod ġenerali, hemm żieda fil-livell tal-ġbir differenzjat tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania, li għandha tiġi msaħħa permezz tal-implementazzjoni tad-Digriet tal-President tal-Kunsill Nru 3639/08. B’dan il-mod, bejn l-14 ta’ Jannar u l-1 ta’ Marzu 2008, 348 000 tunnellata ta’ skart ġiet miġbura, b’mod partikolari fit-toroq, u ttieħdet f’sit mhux perikoluż. Sa din il-ġurnata, il-kapaċità totali ta’ rimi tal-iskart hija ikbar mill-produzzjoni ta’ kuljum fir-reġjun. 530 muniċipalità implementaw l-ewwel miżuri sabiex jibdew il-ġbir differenzjat ta’ skart, 73 muniċipalità (madwar 370 000 abitanti) laħqu l-perċentwali ta’ 50 % sa 90 %, filwaqt li 134 muniċipalità (madwar miljun abitant) qorbu għall-25 % sa 50 %.

42      Barra minn hekk, fix-xahar ta’ Ġunju 2008, il-landfill ta’ Savignano Irpino infetħet, u warajha dik ta’ San Arcangelo Trimonte. Fir-rigward tal-inċineraturi, il-pjan il-ġdid previst fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 90, kien jiprrevedi l-kostruzzjoni ta’ żewġ inċineraturi oħra f’Napoli u Salerno li żdiedu ma dawk ta’ Acerra u ta’ Santa Maria La Fossa. Infrastrutturi oħra qegħdin fil-proċess li jiġu stabbiliti, bħal-landfills ta’ Chiaiano, ta’ Terzigno, ta’ Sant Tammaro u ta’ Andretta jew ukoll l-impjanti għall-irkupru tas-sħana ta’ Acerna u Salerno.

43      Fir-rigward tas-seba’ impjanti għall-produzzjoni ta’ MKS li dwarhom il-Kummissjoni tenfasizza li għadhom ma joperawx, ir-Repubblika Taljana ssostni li n-nuqqas ta’ funzjonament ikkonstatat f’dawn l-impjanti huwa dovut għal kuntratti mhux eżegwiti, jew ukoll reati u mġiba kriminali, li ma għandhiex kontroll fuqhom.

44      Fir-rigward tal-iskart, għalkemm ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi li fid-data mogħtija fl-opinjoni motivata, kienet topera biss il-landfill ta’ Macchia Soprana f’Serre, hija madankollu tenfasizza li l-ftuħ ta’ żoni oħra ta’ landfills kien ostakolat minn protesti tal-popolazzjoni fejn anki kien meħtieġ l-intervent tal-forzi armati.

45      Dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma tali li jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-ġurisprudenza. 

46      Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana tqis li l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12 ma jistax jiġi attribwit lill-passività tagħha u tenfasizza, barra minn hekk, li r-rimi illegali ta’ skart fit-territorju tar-reġjun ta’ Campania huwa kontinwament suġġett ta’ attivita ta’ dekontaminazzjoni u qatt ma rrappreżenta alternattiva proposta, issuġġerita jew approvata mil-awtoritajiet nazzjonali, li għamlu dak kollu possibbli sabiex jiżguraw li l-iskart jitneħħa, inkluż l-użu tal-forza pubblika.

47      Fir-rigward tal-possibbiltà li tirrikonoxxi każ ta’ forza maġġuri, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li dan il-kunċett jeżiġi li l-fatt inkwistjoni jew in-nuqqas tas-seħħ tiegħu “ikun dovut għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dak li jinvokah, li ma jkunux normali u prevedibbli, li l-konsegwenza tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja kull diliġenża użata” (sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, McNicholl et, 296/86, Ġabra p. 1491, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minm hekk, fis-sitwazzjoni fejn fatt seta’ jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, l-effetti tiegħu jibqgħu għal ċertu perijodu biss, jiġifieri matul iż-żmien li fil-fatt ikun meħtieġ għal amministrazzjoni li tuża diliġenza normali sabiex ittemm is-sitwazzjoni ta’ kriżi indipendenti mir-rieda tagħha (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 101/84, Ġabra p. 2629, punt 16).

49      Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-inadegwatezza tas-sistema tar-rimi tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania tmur lura għas-sena 1994. Fir-rigward tal-protesti u d-disturbi tal-ordni pubbliku kkawżati mill-popolazzjoni lokali, dawn il-fenomeni setgħu jitbassru u ma għandhom ebda natura eċċezzjonali peress li s-sitwazzjoni ta’ kriżi u l-protesti li hija qanqlet jirriżultaw preċiżament min-nuqqas persistenti ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-Direttiva 2006/12 tal-awtoritajiet nazzjonali.

50      Għal dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ assoċjazzjonijiet kriminali, il-Kummissjoni tfakkar li dan il-fatt, jekk jiġi stabbilit, ma jistax jiġġustifika l-ksur, mill-Istat Membru, tal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2006/12 (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑263/05, Ġabra, p. I‑11745, punt 51).

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-impriżi kontraenti ma osservawx l-impenji kuntrattwali tagħhom li joperaw l-istallazzjonijiet għat-trattament tal-iskart, il-Kummissjoni tqis li ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza mhux normali u mhux prevedibbli b’mod partikolari minħabba li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, l-awtoritajiet setgħu jipprevjenu l-kawżi speċifiċi sabiex jipproteġu ruħhom minn din is-sitwazzjoni.

52      Għal dak li jikkonċerna l-proċeduri kriminali mibdija mill-Prosekutur Pubbliku kontra d-diriġenti ta’ dawn l-impriżi u d-diffikultà tal-awtoritajiet sabiex isibu offerent ieħor sabiex ikompli bl-attivitajiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki, jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi u termini imposti b’direttiva (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

53      Ir-Renju Unit jillimita l-osservazzjonijiet tiegħu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12. Skont dan l-Istat Membru, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni permezz tal-preżentata tar-rikors preżenti, l-obbligi tal-Istat Membru taħt din id-dispożizzjoni japplikaw f’livell nazzjonali u mhux reġjonali. Għaldaqstant, il-prinċipji ta’ awtosuffiċjenza u ta’ viċinanza, li jgħidu li n-netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi “għandu jagħmilha possibbli li l-Komunità sħiħa ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u l-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan b’mod individwali” u dan “f’waħda mill-eqreb stallazzjonijiet xierqa”, għandhom jinftehmu fuq bażi territorjali Komunitarju jew nazzjonali iżda mhux reġjonali.

54      Konsegwentement, dan l-Istat Membru ma huwiex tal-istess fehma tal-Kummissjoni li hemm ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12 meta, fi ħdan reġjun partikolari fi Stat Membru, l-istallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart ma humiex biżżejjed sabiex ikopru l-bżonnijiet ta’ rimi ta’ din ir-reġjun. Fil-fatt, bħar-Renju Unit, li fir-rigward ta’ skart perikoluż organizza lilu nnifsu b’tali mod, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jittrasportaw ċerti tipi ta’ skart minn reġjun sabiex jiġi ttrattat u mormi fi stallazzjonijiet li jinsabu f’reġjuni oħrajn, sakemm il-bżonnijiet nazzjonali kollha jiġu żgurati min-netwerk nazzjonali ta’ stallazzjonijiet għar-rimi ta’ skart.

55      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tikkonferma dan l-approċċ nazzjonali tal-prinċipju ta’ awtosuffiċjenza u, barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3), jikkorrobora din l-interterpretazzzjoni, peress li dan l-artikolu tad-direttiva l-ġdida dwar l-iskart jipprovdi li: “[i]l-prinċipji tal-viċinanza u ta’ l-awto-suffiċjenza ma jfissrux li kull Stat Membru għandu jkollu l-firxa kollha ta’ faċilitajiet ta’ rkupru [stallazzjonijiet għar-rimi] finali f’dak l-Istat Membru.”

56      Ir-Repubblika Taljana hija tal-istess fehma tar-Renju Unit u tirrileva li l-influwenza tar-reġjun ta’ Campania fuq il-produzzjoni nazzjonali tal-iskart hija limitata.

57      Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajma mir-Renju Unit ma humiex rilevanti fil-kuntest tar-rikors preżenti, hija tammetti li l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-livell administrattiv adegwat għall-immaniġġar tal-iskart. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-osservanza tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, Stat Membru jista’ jkollu biss stallazzjoni nazzjonali waħda jekk din tkopri t-trattament tal-iskart prodott jew ikollu biss xi stallazzjonijiet speċjalizzati, pereżempju bħal dawk li jittrattaw l-iskart perikoluż bħalma jinsabu fir-Renju Unit.

58      Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex jiġi ddeterminat kif għandhom jiġu interpretati u applikati l-prinċipji ta’ awtosuffiċjenza u ta’ viċinanza, huwa wkoll neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-iskart kif ukoll il-kwantità tal-iskart prodott. L-iskart domestiku huwa prodott lokalment u kuljum, u b’hekk jeħtieġ, fil-prinċipju, ġbir u trattament kważi immedjat u fil-viċinanza.

59      Ir-Repubblika Taljana għażlet immaniġġar fil-livell tal-aħjar żoni territorjali (“ambito territoriale ottimale”) bħala parametru ġeografiku ta’ awtosuffiċjenza u viċinanza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma tikkritikax lil dan l-Istat Membru għal-livell amministrattiv li ħa sabiex jistabbilixxi sistema integrata għall-immaniġġar u għar-rimi tal-iskart. Bil-kontra ta’ dan, hija tikkritikah li ma stabbilixxix sistema bħal din fir-reġjun ta’Campania fejn, fil-fatt, l-iskart ma huwiex mormi fi stallazzjonijiet li jinsabu fil-viċinanzi tal-post fejn jiġi prodotti u fejn il-vjaġġi tal-iksart lejn reġjuni oħra jew Stati Membri oħra kienu biss soluzzjoni iżolata ad hoc għall-kriżi sanitarja u ambjentali u, konsegwentement, ma humiex parti minn sistema integrata ta’ stallazzjonijiet għar-rimi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Kif jirriżulta mill-argumenti invokati mill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, kif ukoll min-noti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni kienet qed tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-kwistjoni tar-rimi tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania u, b’mod iktar partikolari, kif jirriżulta mir-risposta tagħha għan-nota ta’ intervent ippreżentata mir-Renju Unit, ir-rimi tal-iskart urban. Konsegwentement, minkejja r-risposta mogħtija minn din l-istituzzjoni għal mistoqsija magħmula matul is-seduta, hija ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Taljana għal dak li jikkonċerna l-kategorija speċifika ta’ skart perikoluż, li jaqa’ parzjalment taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78).

61      Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/12, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart li għandu jippermetti, minn naħa, lill-Komunità kollha ssir awtosuffiċjenti fir-rimi tal-iskart u, min-naħa l-oħra, lill-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan b’mod individwali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u l-bżonn ta’ stallazzjonijiet speċifiċi għal ċerti tipi ta’ skart.

62      Sabiex jistabbilixxu tali netwerk integrat, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tal-bażi territorjali li jqisu xierqa sabiex isiru awtosuffiċjenti fil-livell nazzjonali, f’termini tal-kapaċità ta’ rimi tal-iskart, u, b’dan il-mod, jippermettu lill-Komunità ssir awtosuffiċjenti fir-rimi tal-iskart tagħha.

63      Kif irrileva ġustament ir-Renju Unit, ċerti tipi ta’ skart jistgħu jkunu speċifiċi, bħal pereżempju l-iskart perikoluż, li t-trattament tiegħu jista’ utilment isir f’daqqa għall-finijiet tar-rimi tiegħu fi ħdan waħda jew diversi strutturi fuq skala nazzjonali, jiġifieri kif jipprevedu esspressament l-Artikoli 5(1) u 7(3) tad-Direttiva 2006/12, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra.

64      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li waħda mill-miżuri l-iktar importanti li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-obbligu tagħhom taħt id-Direttiva 2006/12, li jistabbilixxu pjanijiet ta’ mmaniġġar li jistgħu jinkludu b’mod partikolari miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu r-razzjonalizzazzjoni tal-ġbir, l-għażla u t-trattament ta’ l-iskart, hija dik prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Direttiva, li tikkonsisti fit-tfittxija ta’ trattament tal-iskart fl-iktar stallazzjoni viċina (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑480/06, Ġabra p. I‑4747, punt 37).

65      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji ta’ lokalizzazzjoni tas-siti għar-rimi tal-iskart għandhom jintgħażlu fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2006/12 fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent, kif ukoll l-istabbiliment ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, u dan in-netwerk għandu jippermetti, b’mod partikolari, ir-rimi ta’ skart f’waħda mill-eqreb istallazzjonijiet xierqa. Għaldaqstant, tali kriterji ta’ lokalizzazzjoni għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-distanza ta’ dawn is-siti mill-abitazzjonijiet fejn l-iskart jiġi prodott, il-projbizzjoni li jiġu stabbiliti stallazzjonijiet qrib żoni sensittivi u l-eżistenza ta’ infrastrutturi adegwati għall-vjaġġi tal-iskart bħal konnessjoni ma’ netwerks ta’ trasport (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Commune de Braine-le-Château et, C‑53/02 u C‑217/02, Ġabra p. I‑3251, punt 34).

66      Fir-rigward tal-iskart urban mhux perikoluż li, fil-prinċipju, ma jeħtieġx stallazzjonijiet speċjalizzati bħal dawk meħtieġa għat-trattament ta’ skart perikoluż, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jagħmlu mill-aħjar sabiex ikollhom netwerk li jippermettilhom jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart fl-iktar post viċin dak tal-produzzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà li tali netwerk jiġi organizzat fil-kuntest ta’ kooperazzjoni interreġjonali, jew transkonfinali, li jissodisfa l-prinċipju ta’ viċinanza.

67      Min dan isegwi li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, meta Stat Membru jkun għażel waħdu, fil-kuntest ta’ pjan jew tal-“pjanijiet ta’ immaniġġar tal-iskart” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12, li jorganizza li t-territorju tiegħu jiġi kopert fuq bażi reġjonali, għandu jiġi dedott minn dan li kull reġjun li għandu pjan reġjonali, fil-prinċipju, għandu jwettaq it-trattament u r-rimi tal-iskart tiegħu fl-eqreb post ta’ fejn jiġi prodott. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ prijorità għal azzjoni korrettiva fis-sors fir-rigward tal-ħsara ambjentali, prinċipju stabbilit għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent fl-Artikolu 174 KE, jimplika li huma kull reġjun, muniċipalità jew entità  lokali oħra li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-ġbir, it-trattament u r-rimi tal-iskart tagħhom u li għaldaqstant dan għandu jiġi mormi wkoll fl-eqreb post possibbli ta’ fejn jiġi prodott, sabiex jillimitaw it-trasport tiegħu kemm jista’ jkun (ara s-sentenza, tas-17 ta’ Marzu 1993, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑155/91, Ġabra p. I‑939, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Konsegwentement, f’tali netwerk nazzjonali definit mill-Istat Membru, jekk wieħed mir-reġjuni ma jkollux, sa ċertu punt u għal tul ta’ żmien sinjifikattiv, infrastrutturi suffiċjenti sabiex ikopri l-bżonnijiet tiegħu rigward ir-rimi tal-iskart, jista’ jiġi dedott minn dan li tali nuqqasijiet gravi fil-livell reġjonali jistgħu jaffettwaw l-imsemmi netwerk nazzjonali ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart, liema netwerk ma jkunx iżjed integrat u adegwat kif meħtieġ mid-Direttiva 2006/12 u li jippermetti lill-Istat Membru jilħaq l-għan ta’ awtosuffiċjenza b’mod individwali, kif definit mill-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li r-Repubblika Taljana għażlet hija stess li l-immaniġġar tal-iskart isir fil-livell tar-reġjun ta’ Campania bħala “l-aħjar żoni territorjali”. Fil-fatt, kif jirriżulta mil-liġi reġjonali tal-1993 u mill-pjan reġjonali tal-immaniġġar tal-iskart tal-1997, kif emendat minn dak tal-2007, sabiex tintlaħaq awtosuffiċjenza reġjonali, kien ġie deċiż li l-muniċipalitajiet tar-reġjun ta’ Campania jiġu obbligati li jerġgħu jpoġġu l-iskart miġbur fit-territorju tagħhom fis-servizz reġjonali, fejn tali obbligu jista’, barra minn hekk, ikun iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat livell ta’ attività indispensabbli għall-vijabbiltà tal-istallazzjonijiet għat-trattament sabiex jinżammu l-kapaċitajiet ta’ trattament tali li jgħinu sabiex il-prinċipju ta’ awtosuffiċjenza jiġi applikat fil-livell nazzjonali (ara s-sentenza, tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C‑324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 62).

70      Barra minn hekk, sa fejn, skont id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, minn naħa, il-produzzjoni ta’ skart urban tar-reġjun ta’ Campania tirrappreżenta 7 % tal-produzzjoni nazzjonali, jiġifieri parti mhux żgħira ta’ din il-produzzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-popolazzjoni tal-imsemmija reġjun tirrappreżenta madwar 9 % tal-popolazzjoni nazzjonali, nuqqas kbir fil-kapaċità ta’ dan ir-reġjun li jarmi l-iskart tiegħu huwa tali li jipperikola serjament il-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li jilħaq l-għan ta’ awtosuffiċjenza nazzjonali.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi eżaminat jekk, ġewwa n-netwerk nazzjonali Taljan ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskar, l-imsemmi reġjun għandux stallazzjonijiet biżżejjed li jippermettu rimi tal-iskart urban qrib il-post tal-produzzjoni tiegħu.

72      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet li l-istallazzjonijiet li qegħdin joperaw, sew jekk landfills, inċineraturi jew ċentri ta’ rkupru ta’ sħana mill-iskart, ma kinux numru kbir biżżejjed sabiex jippermetti li jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ rimi tal-iskart kollha fir-reġjun ta’ Campania.

73      Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ammettiet li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, kien hemm biss landfill waħda li kienet qiegħda topera għar-reġjun kollhu ta’ Campania, li l-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-MKS tal-imsemmi reġjun ma kinux jiżguraw ir-rimi finali tal-iskart u li l-inċineraturi previsti f’Acerra u f’Santa Maria La Fossa kienu għadhom ma humiex joperaw.

74      Kif jirriżulta mill-pjan reġjonali għall-immaniġġar tal-iskart approvat fl-1997 u mill-pjanijiet sussegwenti adottati mill-awtoritajiet Taljani sabiex jirrimedjaw għall-“kriżi tal-iskart”, l-imsemmija awtoritajiet qiesu, b’mod partikolari, li sabiex il-bżonnijiet ta’ rimi tal-iskart urban fir-reġjun ta’ Campania jkunu koperti, kellu jkun hemm landfills oħra li joperaw, bħal dawk ta’ Savignano Irpino u ta’ Sant’Arcangelo Trimonte, żewġ inċineraturi oħra kellhom jiżdiedu ma’ dawk previsti f’Acerra u f’Santa Maria La Fossa, u li l-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-MKS kellhom verament jibdew joperaw.

75      Għalkemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12 jippermetti kooperazzjoni interreġjonali fl-immaniġġar u r-rimi tal-iskart, anki kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li f’dan il-każ, anki bl-għajununa ta’ reġjuni Taljani oħra u ta’ awtoritajiet Ġermaniżi, ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat in-nuqqas strutturali fir-rigward ta’ stallazzjonijiet meħtieġa għar-rimi tal-iskart urban prodott fir-reġjun ta’ Campania. Il-kwantitajiet kbar ta’ skart miġbura f’munzelli fit-toroq ta’ dan ir-reġjun, huma xiehda ta’ dan il-fatt.

76      Barra minn hekk, ir-rata baxxa tal-ġbir differenzjat ta’ skart fir-reġjun ta’ Campania, meta pparagunata mal-medji nazzjonali u Komunitarji, tkompli biss taggrava s-sitwazzjoni.

77      Ir-Repubblika Taljana sostniet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija ppruvat tirrimedja s-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Campania u informatha li wara t-2 ta’ Mejju 2008 bdew joperaw il-landfills ta’ Savignano Irpino u ta’ San Arcangelo Trimonte, kif ukoll bil-miżuri previsti fil-pjan il-ġdid tat-23 ta’ Mejju 2008, inklużi l-istabbilliment ta’ erba’ landfills, il-kostruzzjoni ta’ żewġ inċineraturi oħra u l-istabbiliment tal-impjanti għall-irkupru tas-sħana ta’ Acerra u ta’ Salerno. Barra minn hekk, ir-rata ta’ ġbir differenzjat ta’ skart qiegħda titjieb b’mod sinjifikattiv u l-kapaċitajiet ta’ rimi tal-iskart ta’ kuljum fir-reġjun hija ikbar mill-produzzjoni bir-riżultat li s-sitwazzjoni ta’ “kriżi tal-iskart” għandha tintemm.

78      Għalkemm miżuri bħal dawn juru li ttieħdu ċerti inizjattivi sabiex jintgħelbu d-diffikultajiet tar-reġjun ta’ Campania, xorta jibqa’ l-fatt li billi għamlet dan, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet b’mod ċar li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, l-istallazzjonijiet eżistenti li kienu joperaw fir-reġjun ta’ Campania kienu ’l bogħod milli jkopru l-bżonnijiet reali ta’ dan ir-reġjun fir-rigward tar-rimi tal-iskart.

79      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, hemm bżonn jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ippreżentata fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑168/03, Ġabra p. I‑8227, punt 24, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑23/05, Ġabra p. I‑9535, punt 9).

80      Ir-Repubblika Taljana ssostni wkoll li ma hijiex responsabbli għall-allegat nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu, iżda bil-kontra ta’ dan, huwa attribwit għal ċerti avvenimenti li jikkostitwixxu forza maġġuri, bħall-oppożizzjoni mill-popolazzjoni għall-istabbiliment ta’ landfills fit-terrritorju tal-miniċipalità tagħha, l-eżistenza ta’ attivitajiet kriminali fir-reġjun, kif ukoll nuqqas tal-kuntratturi tal-awtoritajiet li jeżegwu l-obbligi tagħhom għal dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta’ ċerti stallazzjonijiet meħtieġa għar-reġjun.

81      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ Stat Membru milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat jew taħt att tad-dritt sekondarju (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 301/81, Ġabra p. 467, punt 8, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 67).

82      Meta, bħal f’dan il-każ, tali konstatazzjoni tiġi stabbilita, huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li huwa attribwit lilu, minn negliġenza tiegħu jew anki minn diffikultajiet tekniċi li dan kellu jiffaċċja (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, Ġabra p. I‑5991, punt 15).

83      Fir-rigward tal-oppożizzjoni manifestata mill-popolazzjoni lokali fil-konfront tal-istabbiliment ta’ ċerti stallazzjonijiet għar-rimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi sitwazzjonijiet interni bħal diffikultajiet fl-applikazzjoni li feġġew fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ att Komunitarju, inklużi dawk marbuta mar-reżistenza ta’ individwi, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi u tat-termini li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tas-7 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑45/91, Ġabra p. I‑2509, punti 20 u 21, u tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, Ġabra p. I-9159, punt 72).

84      Fir-rigward tal-preżenza ta’ attivitajiet kriminali jew ta’ persuni ppreżentati bħala li jaġixxu “fil-limitu tal-legalità” li huma attivi fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din is-sitwazzjoni, jekk tiġi stabbilita, ma tiġġustifikax il-ksur, minn dan l-Istat Membru, tal-obbligu tiegħu taħt id-Direttiva 2006/12 (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L_Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

85      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti min-naħa tal-impriżi inkarigati milli jistabbilixxu ċerti infrastrutturi għar-rimi tal-iskart, huwa wkoll biżżejjed li jitfakkar li anki jekk il-kunċett ta’ forza maġġuri ma jippreżupponix impossibbiltà assoluta, huwa jeħtieġ għall-inqas li n-nuqqas ta’ twettiq tal-fatt inkwistjoni jkun minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ dak li jinvokah, li ma jkunux normali u prevedibbli, u li l-konsegwenza tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja kull diliġenza użata (sentenza McNicholl et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

86      Issa, amministrazzjoni diliġenti kien messha ħadet il-miżuri neċessarji jew sabiex tipproteġi ruħha minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni fir-reġjun ta’ Campania, jew sabiex tiżgura li minkejja l-imsemmija nuqqasijiet, xorta waħda tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa għar-rimi tal-iskart tar-reġjun u li dan isir fil-ħin.

87      Għal dak li jikkonċerna l-kritika tar-Repubblika Taljana fil-konfront tal-Kummissjoni dwar il-fatt li din tal-aħħar ippreżentat ir-rikors preżenti xi snin wara li seħħet il-“kriżi tal-iskart” u fl-istess waqt meta dan l-Istat Membru adotta l-miżuri li jippermettu tmiem tal-kriżi, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 226 KE għandhom jiġu applikati qabel ma l-Kummissjoni tkun obbligata tosserva terminu speċifiku (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, Ġabra p. I‑2461, punt 15, u tal-24 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, C‑523/04, Ġabra p. I‑3267, punt 38). Għaldaqstant, din għandha setgħa diskrezzjonali rigward id-data meta jista’ jiġi ppreżentat rikors, u konsegwentement, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, li tikkontrolla tali diskrezzjoni (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑422/92, Ġabra p. I‑1097, punt 18).

88      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx li, fil-kuntest tal-immaniġġar reġjonali tal-iskart f’Campania, dan ir-reġjun ikollu biżżejjed stallazzjonijiet li jippermettulu jarmi l-iskart urban tiegħu viċin il-post fejn jiġi prodott, ir-Repubblika Taljana ma osservatx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi li jippermettilha ssir awtosuffiċjenti fir-rimi tal-iskart tagħha u, konsegwentement, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12

 L-argumenti tal-partijiet

89      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Repubblika Taljana qatt ma ċaħdet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni estremament gravi għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat tan-nuqqas ta’ netwerk integarat u adegwat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi tal-iskart. Bil-kontra, dan l-Istat Membru rrikonoxxa dan b’mod espliċitu.

90      Billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑135/05, Ġabra p. I‑3475) u tal-24 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑361/05), il-Kummissjoni tqis li huwa paċifiku li l-iskart imxerred fit-toroq, kif ukoll dak li qiegħed jistenna li jiġi ttrattat fis-siti ta’ ħażna, jikkostitwixxi degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent u tal-kampanja, kif ukoll theddida reali kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, tali munzelli jistgħu jikkontaminaw il-ħamrija u s-saffi ta’ taħt l-art li jżommu l-ilma, jikkawżaw emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-atmosfera wara l-awtokombustjoni tal-iskart u nirien imqabbda mill-popolazzjoni, tniġġis sussegwenti tal-prodotti agrikoli u tal-ilma tax-xorb jew ukoll emissjonijiet ta’ ntejjen.

91      Filwaqt li tibbaża ruħha fuq studju tad-dipartiment tal-Kummissarju Delegat, ir-Repubblika Taljana ssostni li s-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Campania, mill-perspettiva tal-immaniġġar tal-iskart, ma kellhiex konsegwenzi dannużi għas-sigurtà pubblika u lanqas għas-saħħa tal-bniedem. Hija tqis ukoll li l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa wisq ġenerali, peress li ma jippreċiżax għall-liema mit-tliet ipoteżi msemmija mill-Artikolu 4(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2006/12 r-rikors preżenti qed jirreferi.

92      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tqis li l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Hija sempliċement tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-eżistenza ta’ landfills illegali fit-territorju Taljan. Barra minn dan, hija tipprova tiddeduċi awtomatikament, mill-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

93      Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Taljani ssorveljaw mill-qrib l-impatt tal-iskart abbandunat fit-toroq fuq is-saħħa tal-persuni, iżda ma ġiet osservata ebda żieda fin-numru ta’ mard infettiv u lanqas ta’ mortalità minħabba tumuri jew malformazzjonijiet konġenitali relatati mal-preżenza ta’ landfills mhux awtorizzati. Fir-rigward tat-tniġġis tas-saffi ta’ taħt l-art, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ eċċessi sporadiċi f’żoni limitati, is-saffi u l-ilma ta’ taħt l-art ma ppreżentaw ebda anomalitajiet kimiċi jew bijoloġiċi. L-istess japplika fir-rigward tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni għad-duħħan tan-nirien imqabbda mill-munzelli tal-iskart fejn, bl-eċċezzjoni ta’ każ wieħed, ma ġie kkonstatat ebda riskju.

94      Fir-rigward tal-istudju li fuqu tibbaża ruħha r-Repubblika Taljana, li jgħid li “anki fil-fażi l-iktar intensa tal-kriżi f’Campania, ma ġew ikkonstatati, b’mod partikolari, ebda konsegwenzi dannużi għas-sigurtà politika u għas-saħħa pubblika”, il-Kummissjoni tenfasizza li r-riżultati tal-imsemmi studju, iffirmat ukoll mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-saħħa, “jikkorroboraw il-kunċett ta’ anomalija misjuba fiż-żona tal-Grigal tal-provinċja ta’ Napoli u tal-Lbiċ tal-provinċja ta’ Caserta; din iż-żona hija wkoll dik fejn il-prattiki illegali ta’ rimi u ħruq tal-iskart solidu urban u perikolużi huma l-iktar frekwenti”. Dan l-istudju kkonferma wkoll “l-ipoteżi li r-rati eċċessivi ta’ mortalità u ta’ malformazzjoni għandhom tendenza jikkonċentraw fiż-żoni fejn hemm l-iktar siti magħrufa għar-rimi tal-iskart” u fi kwalunkwe każ, jindika li “[…] ir-riżoluzzjoni baxxa ta’ data sanitarja u […] l-insuffiċjenza ta’ data ambjentali […] iwasslu probabbilment għas-sottovalutazzjoni tar-riskju”.

95      Id-dikjarazzjoni tar-Repubblika Taljana rigward in-nuqqas ta’ konsegwenzi dannużi għas-saħħa mhux biss ma hijiex sostnuta minn provi xjentifiċi prodotti minn dan l-Istat Membru nnifsu, iżda barra minn hekk, hija tidher li tissuġġetta l-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12 għall-eżistenza ta’ problemi ta’ saħħa attribwiti direttament lill-kriżi tal-iskart. Madankollu l-Kummissjoni tqis, bil-kontra ta’ dan, li l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 4 huma ta’ natura preventiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw is-sitwazzjonijiet ta’ periklu. F’dan il-każ, is-sitwazzjonijiet ta’ periklu għall-ambjent u għas-saħħa pubblika huma iktar milli evidenti, ilhom hemm żmien twil u huma r-riżultat tal-imġiba jew pjuttost tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet Taljani kompetenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12 ma jippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiżguraw li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni torbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq filwaqt li tħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ miżuri bħal dawn (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 67, u tat-18 ta’ Novembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑420/02, Ġabra p. I‑11175, punt 21).

97      Għaldaqstant, fil-prinċipju, ma huwiex possibbli li, abbażi ta’ sitwazzjoni fattwali li ma tkunx konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12, jiġi direttament konkluż li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni, jiġifieri, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-iskart ikun mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jsir dannu lill-ambjent. Madankollu, il-persistenza ta’ sitwazzjoni fattwali bħal din, b’mod partikolari, meta tinvolvi degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent matul perijodu twil mingħajr intervent min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, tista’ tindika li l-Istati Membri qabżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtihom din id-dispożizzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 68, u tat-18 ta’ Novembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, punt 22).

98      Fir-rigward tal-estensjoni territorjali tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-fatt li r-rikors tal-Kummissjoni huwa intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri neċessarji fir-reġjun ta’ Campania biss, ma jistax ikollu impatt fuq il-konstatazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

99      Fil-fatt, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12 jirriskjaw, mill-istess natura ta’ dan l-obbligu, li jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem u li jagħmlu dannu lill-ambjent anki jekk fuq parti żgħira tat-territorju ta’ Stat Membru (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70), kif kien ukoll il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.

100    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx suffiċjentement, kif titlob il-liġi, jekk fl-iskadenza tat-terminu fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana kienet naqset, għal perijodu twil, milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart prodott fir-reġjun ta’ Campania jiġi rkuprat jew mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent.

101    Għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-provi meħtieġa sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑150/07, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva 2006/12, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha proprji f’dan il-qasam, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn min eventwalment jagħmel l-ilment, minn entitajiet privati jew pubbiċi, mill-istampa kif ukoll mill-Istat Membru nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, Ġabra p. I‑3331, punt 43, u tas-26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

102    Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet provi suffiċjenti li juru li seħħew ċerti fatti fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 86, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑189/07, punt 82).

103    F’dan ir-rigward għandu qabel xejn jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax li, fl-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, l-iskart imxerred fit-toroq kien jammonta għal 55 000 tunnellata, li jiżdied mal-110 000 sa 120 000 tunnellata ta’ skart li qiegħed jistenna li jiġi ttrattat fis-siti muniċipali ta’ ħażna. Fi kwalunkwe każ, din id-data tirriżulta min-nota tal-Kummissarju Delegat, tat-2 ta’ Marzu 2008, mehmuża mar-risposta ta’ dan l-Istat Membru fl-opinjoni motivata. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmi Stat, il-popolazzjoni eżasperata minn tali akkumulazzjoni ta’ skart ħadet l-inizjattiva, li hija dannuża għall-ambjent u għas-saħħa tagħha stess, li tagħti n-nar lill-munzelli.

104    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta, b’mod evidenti, li fir-reġjun ta’ Campania dan l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu, taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2006/12, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipprojbixxi l-abbandun u r-rimi bla kontroll tal-iskart.

105    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-iskart għandu natura partikolari, bir-riżultat li l-akkumulu tiegħu, anki qabel ma jsir perikoluż għas-saħħa, jikkostitwixxi periklu għall-ambjent, fid-dawl b’mod partikolari tal-kapaċità limitata ta’ kull reġjun jew lokalità fejn jiġi rċevut (sentenza tad-9 ta’ Lulju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑2/90, Ġabra p. I‑4431, punt 30).

106    Tali munzelli fit-toroq u f’żoni ta’ ħażna temporanji ta’ kwantitajiet daqshekk kbar ta’ skart, bħalma kien il-każ fir-reġjun ta’ Campania fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, ħoloq għaldaqstant, bla dubju ta’ xejn, “riskju għall-ilma, l-arja jew il-ħamrija”,kif ukoll “għall-pjanti jew l-annimali” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/12. Barra minn hekk, tali kwantitajiet ta’ skart inevitabbilment jipprovokaw “fastidju minħabba rwejjaħ” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b), b’mod partikolari, meta l-iskart jibqa’ barra fit-toroq għal perijodu twil.

107    Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ disponibbiltà suffiċjenti ta’ landfills, il-preżenza ta’ tali kwantitajiet ta’ skart barra mill-postijiet ta’ ħażna xierqa u awtorizzata, tista tolqot “b’mod negattiv il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/12.

108    Fid-dawl tan-natura ddettaljata tal-provi pprovduti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, id-diversi rapporti tal-awtoritajiet Taljani nnifishom u kkomunikati lill-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll is-siltiet mill-istampa mehmużin mar-rikors tagħha, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 u 81 tas-sentenza preżenti, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx sempliċement issostni li l-allegati fatti ma humiex stabbiliti jew li t-tixrid tal-iskart fit-toroq, b’mod partikolari, ta’ Napoli, ma jirriżultax mir-rieda ta’ dan l-Istat Membru.

109    Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12 għandu funzjoni preventiva fis-sens li l-Istati Membri ma għandhomx jesponu s-saħħa tal-bniedem għal periklu meta jsiru operazzjonijiet ta’ rkupru u rimi tal-iskart.

110    Ir-Repubblika Taljana nnifisha rrikonoxxiet il-periklu tas-sitwazzjoni f’Campania għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari, fir-rapporti u n-noti mibgħuta lill-Istituzzjonijiet Ewropej. F’dan ir-rigward, il-premessi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 90, innotifikati mir-Repubblika Taljana lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jirreferu b’mod espliċitu għall-“gravità tal-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta’ emerġenza [fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart], li jistgħu jipperikolaw serjament id-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni tar-reġjun ta’ Campania, esposti […] għal riskji ta’ iġjene, ta’ saħħa u ta’ ambjent”.

111    Minn dan jirriżulta li l-provi invokati mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tar-rikors preżenti sabiex juru li l-imsemmija sitwazzjoni ma kellha, fil-prattika, ebda konsegwenza jew, għall-inqas, kellha biss riperkussjonijiet żgħar fuq il-saħħa tal-persuni, ma humiex tali li jaffettwaw il-konklużjoni li s-sitwazzjoni preokkupanti tal-akkumulu tal-iskart fit-toroq esponiet is-saħħa tal-popolazzjoni għal periklu evidenti, u dan bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/12.

112    Konsegwentement, l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12 għandu jiġi ddikjarat fondat.

113    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, għar-reġjun ta’ Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari, peress li ma stabbilixxietx netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12.

 Fuq l-ispejjeż

114    Skont l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju Unit għandu jbagħti l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Billi ma adottatx, għar-reġjun ta’ Campania, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart jiġi rkuprat u mormi mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari, peress li ma stabbilixxietx netwerk adegwat u integrat ta’ stallazzjonijiet għar-rimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2006/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top