Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0115(01)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE

    ĠU C 12, 15/01/2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 12/1


    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE

    2011/C 12/01

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji fuq Stat Membru li ma jkunx eżegwixxa sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġiet introdotta bit-Trattat ta’ Maastricht, li għal dan il-għan emenda dak li qabel kien l-Artikolu 171 tat-Trattat KEE, li sar l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, kif ukoll l-Artikolu 143 tat-Trattat Euratom (1). Fit-13 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE (2) (il-“Komunikazzjoni tal-2005”), li ssostitwiet iż-żewġ Komunikazzjonijiet preċedenti tal-1996 (3) u l-1997 (4).

    2.

    It-Trattat ta' Lisbona jemenda l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex isaħħaħ żewġ aspetti tal-mekkaniżmu previst.

    3.

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) (l-ex Artikolu 228(2) tat-Trattat KE), it-Trattat ta' Lisbona jneħħi l-fażi prekontenzjuża li tinvolvi l-ħruġ ta' opinjoni motivata. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jekk il-Kummissjoni tqis li Stat Membru ma jkunx eżegwixxa b'mod korrett sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija jkollha tieħu pass proċedurali prekontenzjuż wieħed biss, jiġifieri li tintbagħat ittra ta' intimazzjoni li tistieden lill-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu (5). Wara dan, jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bl-osservazzjonijiet tal-Istat Membru jew jekk dan ma jkunx irrisponda, hija tista' tressaq il-każ direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2). B'hekk, fil-prattika, il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) se tiġi mħaffa, b'tali mod li d-dewmien medju tal-proċedura previst fil-Komunikazzjoni tal-2005 għandu jonqos awtomatikament għal medda ta' bejn 8 u 18-il xahar (6). Dan id-dewmien indikattiv ma jeskludix il-possibbiltà li, f'każijiet eċċezzjonali, proċedura tista' tieħu aktar żmien meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi speċifiċi. Min-naħa l-oħra, dan ma jippreġudikax ix-xewqa tal-Kummissjoni li tfittex li l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom rapidament kemm jista’ jkun.

    4.

    Mill-bqija, il-mekkaniżmu tal-Artikolu 260(2) tat-TFUE jikkorrispondi kompletament għal dak tal-ex Artikolu 228 tat-Trattat KE. Il-Komunikazzjoni tal-2005 għaldaqstant tibqa' kompletament applikabbli għall-proċeduri rregolati mill-Artikolu 260(2), ladarba t-tneħħija tal-opinjoni motivata ma teħtieġ li ssir l-ebda emenda għaliha.

    5.

    It-tieni innovazzjoni, aktar sostanzjali, tat-Trattat ta' Lisbona tinsab fil-paragrafu 3 l-ġdid tal-Artikolu 260 tat-TFUE, li jaqra kif ġej:

    “—

    Meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258, fuq il-bażi li l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, din tista', meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi.

    Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta' liġi tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penalità fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha.”.

    6.

    Dan il-paragrafu joħloq strument kompletament ġdid: il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 (ex Artikolu 226 tat-Trattat KE), li timponi l-ħlas ta' somma f’daqqa jew ta' pagamenti ta' penali fl-istess sentenza li tikkonstata li Stat Membru jkun naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva.

    7.

    Din l-innovazzjoni fit-Trattat għandha l-għan li tħajjar b'mod aktar b'saħħtu lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur u li b'hekk tiżgura l-effikaċja reali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, it-Trattat ta' Lisbona jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza kruċjali ta' traspożizzjoni tempestiva tad-direttivi mill-Istati Membri. Dan ma jinvolvix biss is-salvagwardja tal-interessi ġenerali li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tfittex li tippromwovi, fejn id-dewmien mhuwiex aċċettabbli, iżda wkoll u fuq kollox, il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jgawdu minn drittijiet individwali taħt din il-leġiżlazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-kredibbiltà tad-dritt tal-Unjoni fit-totalità kollu tiegħu li tiġi mminata jekk l-atti leġiżlattivi jieħdu snin twal sabiex jipproduċu bis-sħiħ l-effetti ġuridiċi tagħhom fl-Istati Membri.

    8.

    F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispjega kif se tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni l-ġdida maħluqa mit-Trattat ta' Lisbona.

    9.

    Fil-kuntest tal-Artikolu 260(3) l-ġdid, il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, għandha rwol determinanti upstream: għandha s-setgħa li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 u li tikkombinaha flimkien ma' talba skont l-Artikolu 260(3), billi tipproponi li jiġi impost ħlas ta' somma f’daqqa u/jew ta' pagamenti ta' penali ta' ammont speċifiku. F'dan il-każ, u għall-kuntrarju tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2), is-sanzjoni li għandha tiġi imposta se tiġi stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-limitu tal-ammont indikat mill-Kummissjoni.

    10.

    L-applikazzjoni każ b’każ tal-prinċipji u tal-kriterji ġenerali spjegati aktar 'il quddiem, kif ukoll l-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, għandhom jippermettu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-politika tagħha wara l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Minħabba li s-sanzjoni finanzjarja għandha tkun dejjem adattata għall-każ speċifiku, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tirriżerva l-possibbiltà li titbiegħed minn dawn il-kriterji ġenerali, meta jidhrilha li dan ikun iġġustifikat f’każijiet partikolari, filwaqt li tagħti raġunijiet dettaljati.

    11.

    L-Artikolu 260(3) huwa strument innovattiv introdott mit-Trattat bil-għan li jipprovdi soluzzjoni effettiva għall-problema mifruxa tat-traspożizzjoni tardiva ta' direttivi, problema li tibqa' dejjem waħda preokkupanti. Fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tuża l-istatistiċi disponibbli biex teżamina fil-fond il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi fit-termini previsti. Jekk ir-riżultati ma jurux titjib sostanzjali, il-Kummissjoni se tadatta l-approċċ tagħha u tirrevedi l-politika stabbilita f'din il-Komunikazzjoni.

    II.   PRINĊIPJI ĠENERALI

    12.

    Qabel kollox, il-Kummissjoni tfakkar it-tliet prinċipji ġenerali li għandhom iservu ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3), hekk kif diġà qed jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 tal-istess Artikolu.

    13.

    L-ewwel, l-iffissar tas-sanzjoni għandu jkun iggwidat mill-għan essenzjali ta' dan l-istrument, jiġifieri li tiġi żgurata t-traspożizzjoni fiż-żmien previst mid-dritt tal-Unjoni u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta' dan it-tip ta' ksur. Il-Kummissjoni tqis li dan l-iffissar għandu jkun ibbażat fuq tliet kriterji fundamentali:

    il-gravità tal-ksur,

    id-dewmien tiegħu,

    il-ħtieġa li jiġi żgurat li sanzjoni nfisha jkollha effett dissważiv sabiex jiġi evitat ksur ulterjuri.

    14.

    It-tieni, is-sanzjonijiet proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni għandhom ikunu previdibbli għall-Istati Membri u kkalkulati skont metodu li jirrispetta kemm il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-Istati Membri. Huwa importanti wkoll li jiġi applikat metodu ċar u uniformi, minħabba li l-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-iffissar tal-ammont propost quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    15.

    It-tielet, mill-aspett tal-effikaċja tas-sanzjoni, huwa importanti li jkunu stabbiliti ammonti xierqa sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha. L-impożizzjoni ta' sanzjonijiet purament simboliċi tirrendi dan l-istrument inutli u tmur kontra l-għan li tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-direttivi fit-termini preskritti.

    III.   L-UŻU TAL-ISTRUMENT IL-ĠDID

    16.

    Skont l-Artikolu 260(3), il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-possibbiltà l-ġdida pprovduta b'dan l-Artikolu “meta jidhrilha xieraq”. Din il-formulazzjoni għandha tinftiehem li qed tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni, b'mod analogu għas-setgħa diskrezzjonali li tibda jew le l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258, li l-Kummissjoni għandha skont ġurisprudenza stabbilita.

    17.

    Fil-qafas tal-eżerċizzju ta' din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tirrikorri għall-istrument tal-Artikolu 260(3) fil-prinċipju fil-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu koperti minn din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna t-traspożizzjoni ta' direttivi adottati skont proċedura leġiżlattiva. Fil-fatt, l-importanza li tiġi żgurata t-traspożizzjoni mill-Istati Membri fit-termini preskritti tapplika b'mod ugwali għad-direttivi leġiżlattivi kollha, mingħajr ma għandha ssir minn qabel xi distinzjoni bejniethom. Madanakollu, il-Kummissjoni ma teskludix li jista’ jkun hemm każijiet speċifiċi fejn ikun jidhrilha li t-talba għal sanzjonijiet skont l-Artikolu 260(3) ma tkunx xierqa.

    18.

    L-użu tal-Artikolu 260(3) mhuwiex possibbli f'każ li ma tkunx saret it-traspożizzjoni ta' direttivi mhux leġiżlattivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jkollha tkompli tressaq il-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel permezz ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 u sussegwentement, jekk ma tkunx twettqet l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, permezz tat-tieni tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2).

    19.

    Għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previst fl-Artikolu 260(3) ikopri kemm in-nuqqas totali li tiġi nnotifikata kwalunkwe miżura ta' traspożizzjoni ta' direttiva kif ukoll il-każijiet fejn in-notifika ta’ miżuri ta' traspożizzjoni tkun waħda parzjali. Dan l-aħħar każ jista' jseħħ, jew meta l-miżuri ta' traspożizzjoni nnotifikati ma jkunux ikopru t-territorju kollu tal-Istat Membru, jew meta n-notifika tkun inkompleta f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri ta' traspożizzjoni li jikkorrispondu għal parti mid-direttiva. Meta Stat Membru jkun ipprovda l-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji dwar il-mod kif huwa jaħseb li jkun ittraspona d-direttiva kollha, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li l-Istat Membru ma jkunx naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri ta' traspożizzjoni u għaldaqstant, l-Artikolu 260(3) ma jkunx applikabbli. Kwalunkwe tilwima li tista' tinqala' rigward in-natura suffiċjenti tal-miżuri ta' traspożizzjoni nnotifikati jew tar-regoli tad-dritt eżistenti fis-sistema legali nazzjonali se tiġi ttrattata skont il-proċedura normali dwar it-traspożizzjoni korretta tad-direttiva, skont l-Artikolu 258.

    IV.   IŻ-ŻEWĠ TIPI TA' SANZJONIJIET PREVISTI

    20.

    L-Artikolu 260(3) jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi, fuq talba tal-Kummissjoni, il-ħlas “ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali”. Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-għan tagħha, din il-formulazzjoni, bħall-formulazzjoni analoga li tinsab fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, ma teskludix il-possibbiltà li jiġu kkombinati ż-żewġ tipi ta' sanzjonijiet fl-istess sentenza (7).

    21.

    Minħabba l-fatt li din l-innovazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona se tippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet għal nuqqas ta' notifika fi stadju ħafna aktar bikri minn kif kien jiġri qabel, il-Kummissjoni tispera li s-sanzjoni tal-pagamenti ta' penali fil-prinċipju tkun suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan ta' din l-innovazzjoni tat-Trattat, jiġifieri li l-Istati Membri jingħataw inċentiv akbar sabiex jittrasponu d-direttivi fiż-żmien previst. Madanakollu, minn issa 'l quddiem, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li jsir il-ħlas ta' somma f’daqqa meta jkun xieraq, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi tal-każ. Barra minn hekk, skont il-prassi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni mhijiex se teżita sabiex tadatta l-approċċ tagħha billi tirrikorri għall-ħlas ta' somma f’daqqa għall-każijiet kollha (ara l-punt 11).

    22.

    F'konformità mal-loġika inerenti taż-żewġ tipi ta' sanzjonijiet, il-Kummissjoni, fil-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn tkun ipproponiet biss pagamenti ta' penali, hija se tirtira r-rikors tagħha jekk l-Istat Membru jinnotifika l-miżuri ta' traspożizzjoni meħtieġa sabiex itemm il-ksur. Min-naħa l-oħra, fil-kawżi pendenti fejn tkun ipproponiet ukoll il-ħlas ta' somma f’daqqa, hija mhijiex se tirtira l-proċedura sempliċement minħabba li tkun saret in-notifika meħtieġa (8).

    V.   L-IFFISSAR TAL-AMMONT TAL-PAGAMENTI TA' PENALI U, FEJN MEĦTIEĠ, TAS-SOMMA F’DAQQA

    23.

    Il-pagamenti ta' penali li l-Kummissjoni se tipproponi skont l-Artikolu 260(3) se jiġu kkalkulati skont l-istess metodu użat għat-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, kif spjegat fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

    24.

    B'hekk, l-ammont tal-pagamenti ta' penali ta' kuljum huwa kkalkulat billi jiġi mmultiplikat l-ammont standard b’rata fissa (il-punt 15 tal-Komunikazzjoni tal-2005 (9)), l-ewwel b'koeffiċjent tal-gravità u b'koeffiċjent tad-dewmien, u mbagħad, bil-fattur fiss “n” għal kull pajjiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta' ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (il-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal-2005 (10)).

    25.

    Il-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur se jiġi stabbilit f'konformità mar-regoli u l-kriterji msemmija fil-punti 16 sa 16.6 tal-Komunikazzjoni tal-2005. Il-Kummissjoni se tkompli tapplika dawn ir-regoli u l-kriterji bl-istess mod kif kienu qed jiġu applikati sa issa fil-kawżi mressqa skont l-ex Artikolu 228 tat-Trattat KE li jikkonċernaw in-nuqqas ta' notifika ta’ miżuri ta' traspożizzjoni ta' direttivi. B'mod partikolari, meta, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali u mal-prassi attwali, l-Istat Membru jindika li jkun naqas parzjalment milli jinnotifika l-miżuri, dan jista' jikkostitwixxi ċirkostanza mitiganti li twassal għall-applikazzjoni ta' koeffiċjent ta' gravità aktar baxx milli fil-każ ta' nuqqas sħiħ ta' traspożizzjoni.

    26.

    Jekk il-Kummissjoni eventwalment tirrevedi l-politika tagħha (ara l-punt 11), hija se tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-koeffiċjenti ta' gravità, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi futuri tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    27.

    Fir-rigward tal-iffissar tal-koeffiċjent ta’ dewmien, li għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal-2005, id-dewmien tal-ksur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-perjodu li jibda jiddekorri mill-jum ta' wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni fid-direttiva inkwistjoni (suġġett għall-punt 31).

    28.

    Fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproponi wkoll somma f’daqqa, l-ammont ta' din is-somma għandu jiġi kkalkulat skont il-metodu spjegat fil-punti 19 sa 24 tal-Komunikazzjoni tal-2005, bl-unika preċiżazzjoni li d-dies a quo  (11) għandu jiġi definit bħala l-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni fid-direttiva.

    VI.   ID-DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAL-OBBLIGU TAL-ĦLAS TAS-SANZJONI IMPOSTA

    29.

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3), meta l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu tal-ħlas ta' din is-sanzjoni “għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha”. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, bħala data tad-dħul fis-seħħ, jew il-jum li fih tingħata s-sentenza, jew inkella mument ieħor sussegwenti. Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-istess marġni ta’ diskrezzjoni taħt l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, minkejja li ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita f'dak l-Artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja rarament għamlet użu minn dan biex tistabbilixxi mument sussegwenti għad-data li fiha tingħata s-sentenza tagħha (12); u fi kwalunkwe każ, hija qatt ma għamlet dan fil-każijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta' notifika ta’ miżuri ta' traspożizzjoni ta' direttivi.

    30.

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, ikun xieraq li jiġi stabbilit b'mod ġenerali, fil-kuntest tal-Artikolu 260(3), il-jum tal-għoti tas-sentenza bħala d-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ħlas tas-sanzjonijiet imposti. Minn dan isegwi li l-pagamenti ta' penali ta' kuljum għandhom jibdew jiddekorru mill-jum tal-għoti tas-sentenza.

    VII.   REGOLA TRANŻITORJA

    31.

    Il-Kummissjoni se tapplika l-istrument il-ġdid previst fl-Artikolu 260(3), kif ukoll il-prinċipji u l-kriterji għall-implimentazzjoni tiegħu spjegati f'din il-Komunikazzjoni, għall-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 258 wara l-pubblikazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni kif ukoll għall-proċeduri mibdija qabel il-pubblikazzjoni tagħha, minbarra dawk li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-proċeduri li fihom tkun diġà nħarġet opinjoni motivata, il-Kummissjoni se toħroġ opinjoni motivata supplementari li fiha tavża lill-Istat Membru kkonċernat li hija se tippreżenta talba skont l-Artikolu 260(3), f'każ li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-iffissar tal-ammont tas-sanzjonijiet u f'dak li għandu x'jaqsam mad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni mhijiex se tieħu inkunsiderazzjoni l-perjodu ta' qabel l-1 ta' Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.


    (1)  Din il-Komunikazzjoni tapplika wkoll għat-Trattat Euratom sa fejn l-Artikolu 106a ġdid ta' dak it-Trattat jirrendi l-Artikolu 260 tat-TFUE applikabbli għat-Trattat Euratom.

    (2)  SEC(2005) 1658.

    (3)  ĠU C 242, 21.8.1996, p. 6.

    (4)  ĠU C 63, 28.2.1997, p. 2.

    (5)  Bħala miżura tranżitorja, fil-każijiet fejn intbagħtet ittra ta' intimazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha tintbagħat ittra ta' intimazzjoni supplementari lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi informat li l-pass li jmiss se jkun it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mhux aktar opinjoni motivata.

    (6)  Ara s-sitt paragrafu l-punt 3 tat-Taqsima III tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Ewropa li tikseb ir-riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (COM(2007) 502 finali), fejn il-Kummissjoni kienet indikat, fir-rigward tal-proċedura tal-ex Artikolu 228 tat-Trattat KE, li “skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' każi eċċezzjonali, il-perjodu ekwivalenti fi proċedimenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett għas-sentenza preċedenti tal-Qorti għandu jkun fuq medja bejn it-12 u l-24 xahar”. Dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi jistgħu jinkludu b'mod partikolari każijiet fejn l-implimentazzjoni ta' sentenza preċedenti tinvolvi miżuri bil-għan li jiżviluppaw jew isaħħu l-infrastrutturi fil-post jew li jitwettqu obbligi ta’ riżultat.

    (7)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263.

    (8)  Ara, b’mod analogu, il-punt 11 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

    (9)  Kif aġġornat mill-Komunikazzjoni tal-20 ta' Lulju 2010 (SEC(2010) 923).

    (10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 9.

    (11)  Il-jum li minnu jibda jiddekorri l-perjodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata s-somma f’daqqa (ara l-punt 22 tal-Komunikazzjoni tal-2005).

    (12)  Fost id-disa' sentenzi mogħtija skont l-Artikolu 228 Tat-Trattat KE u li imponew sanzjoni, kien fi tliet każijiet biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tistabbilixxi mument sussegwenti għall-għoti tas-sentenza tagħha bħala l-ewwel skadenza għall-ħlas ta' pagamenti ta' penali. Ara s-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-278/01, Ġabra p. I-14141; Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263; Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, C-369/07, Ġabra p. I-5703.


    Top