EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0406

2011/406/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Manwal SIRENE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4574)

ĠU L 186, 15/07/2011, p. 1–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/406/oj

15.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Lulju 2011

li temenda l-Manwal SIRENE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4574)

(It-testi bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi)

(2011/406/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-proċeduri ghall-emenda tal-Manwal Sirene (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/201/ĠAI tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-proċeduri biex jiġi emendat il-Manwal SIRENE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Manwal SIRENE jikkostitwixxi sett ta’ struzzjonijiet lill-operaturi tal-Uffiċċji SIRENE ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju bilaterali jew multilaterali tal-informazzjoni supplimentari li huwa meħtieġ biex ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod il-mod tal-kontrolli fil-fruntieri komuni (3) (il-Konvenzjoni ta’ Schengen) jiġu implimentati b’mod korrett.

(2)

L-istandards tal-proċeduri ta’ ħidma tal-uffiċċji SIRENE u l-liġi relevanti tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-uffiċċji SIRENE żviluppaw matul iż-żmien. Il-Manwal SIRENE ilu ma jkun emendat sa mill-2007. Minħabba f’hekk issa jinħtieġu emendi sabiex tkun iggarantita l-uniformità tal-proċeduri ta’ ħidma u jkun żgurat allinjament mal-iżviluppi tal-liġi relevanti tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-uffiċċji SIRENE. Minħabba l-ammont ta’ emendi meħtieġa fuq id-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE huwa xieraq li t-test attwali tal-Manwal SIRENE jiġi sostitwit b’verżjoni riveduta.

(3)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tad-dejta personali u s-sigurtà tad-dejta fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen huma stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Schengen. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4) hija applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari relatat mat-twissijiet għar-rifjut tad-dħul. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni, għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari relatata mat-twissijiet l-oħra kollha tapplika d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (5).

(4)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll preċedenti dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 378/2004 u la hija marbuta minnu u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, meta jiġi kkunsidrat li r-Regolament (KE) Nru 378/2004 kien imsejjes fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat preċedenti li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi Protokoll, iddeċidiet li timplimenta dan l-acquis fid-Dritt nazzjonali tagħha. Id-Danimarka ħadet sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/201/ĠAI. Għalhekk hija marbuta li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(5)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari b’relazzjoni mal-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (6).

(6)

L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari b’relazzjoni mal-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 6(2) tad-Deciżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (7).

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att imsejjes fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(8)

Fir-rigward tal-Islanda u tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(9)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE (11) u 2008/149/ĠAI (12).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/261/KE (13) u 2008/262/KE (14).

(11)

Il-miżuri li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 378/2004 u bl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/201/ĠAI,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Manwal SIRENE huwa sostitwit bil-verżjoni fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika tal-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Isvezja, u lir-Renju Unit tal-Gran Britannja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Cecilia MALMSTRÖM

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 64, 2.3.2004, p. 5.

(2)  ĠU L 64, 2.3.2004, p. 45.

(3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(5)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(6)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(13)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(14)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.


ANNESS

IL-MANWAL SIRENE

WERREJ

INTRODUZZJONI 8

1.

IS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI TA’ SCHENGEN (SIS) U L-UFFIĊĊJI SIRENE NAZZJONALI 9

1.1.

L-uffiċċji SIRENE 9

1.2.

Il-Manwal SIRENE 10

1.3.

Standards 10

1.3.1.

Disponibbiltà 10

1.3.2.

Kontinwità 10

1.3.3.

Sigurtà 10

1.3.4.

Aċċessibbiltà 10

1.3.5.

Komunikazzjonijiet 11

1.3.6.

Regoli ta’ tranżlitterazzjoni 11

1.3.7.

Kwalità tad-dejta 11

1.3.8.

Strutturi 11

1.3.9.

Arkivjar 12

1.4.

Staff 12

1.4.1.

Għarfien 12

1.4.2.

Taħriġ 12

1.4.3.

Skambju tal-istaff 13

1.5.

Infrastruttura teknika 13

1.5.1.

Sistema ta’ fluss tax-xogħol ta’ SIRENE 13

1.5.2.

Dħul tad-dejta awtomatiku 13

1.5.3.

Tħassir tad-dejta awtomatiku 13

1.5.4.

Skambju tad-dejta bejn l-uffiċċji SIRENE 13

1.5.5.

Kwalità tad-dejta fis-SIS 13

2.

PROĊEDURI ĠENERALI 13

2.1.

Twissijiet Multipli (l-Artikolu 107) 13

2.1.1.

Kompatibbiltà tat-twissijiet u l-ordni ta’ prijorità 14

2.1.2.

Kontrolli għal twissijiet multipli fuq persuna 15

2.1.3.

Negozjati dwar id-dħul ta’ twissija ġdida jekk din tkun inkompatibbli ma’ twissija eżistenti 15

2.2.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 16

2.2.1.

Proċeduri wara hit 16

2.2.2.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri 17

2.3.

Meta ma jkunux jistgħu jiġu segwiti l-proċeduri wara hit (l-Artikolu 104(3)) 17

2.4.

Jekk jinbidel l-iskop oriġinali tat-twissija (l-Artikolu 102(3)) 17

2.5.

Dejta li jkun misjub li hi legalment jew fattwalment mhux preċiża (l-Artikolu 106) 17

2.6.

Id-dritt għal aċċess u rettifika tad-dejta (l-Artikoli 109 u 110) 17

2.6.1.

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dritt għall-aċċess għad-dejta jew għal rettifika tagħha 18

2.6.2.

Informazzjoni dwar talbiet għal aċċess għal twissijiet maħruġa minn Stati Membri oħra, jew korrezzjoni jew tħassir tagħhom 18

2.6.3.

Informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ aċċess u rettifika 18

2.7.

Tħassir ta’ twissija meta ma jibqgħux jintlaħqu l-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija 18

2.8.

Identità użata ħażin 18

2.9.

Dħul ta’ psewdonimu 19

2.10.

SIRPIT (SIRENE Picture Transfer) 19

2.10.1.

Żvilupp u sfond tas-SIRPIT (SIRENE Picture Transfer) 19

2.10.2.

Użu tad-dejta skambjata, inkluż l-arkivjar 19

2.10.3.

Rekwiżiti tekniċi 30 19

2.10.4.

Is-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali 20

2.10.5.

Użu tal-formola SIRENE L 20

2.10.6.

Il-proċedura SIRPIT 20

2.10.6.1.

Il-paragun isir mill-uffiċċju SIRENE tas-sejba 20

2.10.6.2.

Il-paragun isir mill-uffiċċju SIRENE fornitur 20

2.10.6.3.

L-iskrin fejn tiddaħħal l-informazzjoni 20

2.11.

Rwol tal-uffiċċji SIRENE fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija fl-Unjoni Ewropea 21

2.12.

Relazzjonijiet bejn SIRENE u l-Interpol 21

2.12.1.

Prijorità tat-twissijiet SIS fuq it-twissijiet tal-Interpol 21

2.12.2.

Għażla tal-mezz ta’ komunikazzjoni 21

2.12.3.

Użu u tixrid tad-diffużjonijiet u tal-avviżi tal-Interpol fl-Istati ta’ Schengen 21

2.12.4.

Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil pajjiżi terzi 22

2.12.5.

Hit u tħassir ta’ Twissija 22

2.12.6.

Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE u l-NCBs tal-Interpol 22

2.13.

Kooperazzjoni mal-EUROPOL u mal-EUROJUST 22

2.14.

Tipi ta’ tiftix speċjali 22

2.14.1.

Tfittxija mmirata ġeografikament 22

2.14.2.

Tfittxija bil-parteċipazzjoni ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali għal tfittxija mmirata (FAST) 22

2.15.

L-immarkar 22

2.15.1.

Konsultazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li tiżdied marka 23

2.15.2.

Talba biex titħassar marka 23

2.16.

Indikazzjoni tal-urġenza fil-formoli SIRENE 23

3.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 95 23

3.1.

L-Istat Membru jwettaq kontrolli qabel joħroġ it-twissija 23

3.2.

Kontroll dwar jekk il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri tawtorizzax l-arrest bil-għan ta’ ċediment jew estradizzjoni 24

3.3.

Twissijiet Multipli 24

3.3.1.

Kontroll għal twissijiet multipli (l-Artikolu 107) 24

3.3.2.

Skambju ta’ informazzjoni 24

3.4.

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat lill-Istati Membri 24

3.4.1.

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward EAW 24

3.4.2.

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward arrest provviżorju 26

3.4.3.

Dħul ta’ psewdonimu 27

3.4.4.

Informazzjoni Ulterjuri biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna 27

3.4.5.

Kif jintbagħtu l-formoli A u M 27

3.5.

L-immarkar 27

3.5.1.

Talba sistematika biex tiżdied marka mat-twissijiet dwar persuni mfittxija biex jiġu arrestati għal skopijiet ta’ estradizzjoni fejn id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ma tapplikax 27

3.6.

Azzjoni minn uffiċċji SIRENE wara li tasal twissija taħt l-Artikolu 95 28

3.7.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 28

3.7.1.

Informazzjoni lill-Istati Membri li twissija ġiet imqabbla 28

3.7.2.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri 28

3.7.3.

Is-segwitu ta’ hit 28

3.7.4.

Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar ċediment jew estradizzjoni 28

3.8.

Tħassir ta’ twissija 29

3.8.1.

Tħassir meta ma jibqgħux jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija 29

3.9.

Identità użata ħażin 29

4.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 96 29

4.1.

Introduzzjoni 29

4.2.

Dħul ta’ twissijiet skont l-Artikolu 96 29

4.3.

Dħul ta’ psewdonimu 30

4.4.

Identità użata ħażin 30

4.5.

Tipi ta’ proċeduri SIRENE li għandhom jiġu segwiti 30

4.6.

Skambju ta’ informazzjoni wara hit 30

4.6.1.

Skambju ta’ informazzjoni meta jiġi rrifjutat id-dħul jew issir tkeċċija mit-territorju ta’ Schengen 30

4.6.2.

Skambju ta’ informazzjoni meta jinħarġu permessi ta’ residenza jew viżi 31

4.6.3.

Proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 31

4.6.3.1.

Proċedura skont l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 31

4.6.3.2.

Proċedura skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 31

4.6.4.

Proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 31

4.6.4.1.

Proċedura f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 31

4.6.4.2.

Proċedura f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 32

4.7.

Skambju ta’ informazzjoni dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu 32

4.7.1.

Skambju ta’ informazzjoni wara hit 32

4.7.2.

Skambju ta’ informazzjoni jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut tad-dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu 33

4.8.

Tħassir ta’ twissijiet imdaħħla għaċ-ċittadini tal-UE 33

4.9.

Informazzjoni lill-Istati Membri ta’ Schengen li twissija ġiet imqabbla 33

5.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 97 33

5.1.

L-immarkar 33

5.2.

Għoti ta’ dettall deskrittiv dwar minorenni neqsin u persuni oħrajn ivvalutati bħala li qegħdin f’riskju 33

5.3.

Is-segwitu ta’ hit 34

6.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 98 34

6.1.

Is-segwitu ta’ hit 35

7.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 99 35

7.1.

Dħul ta’ psewdonimu 35

7.2.

Informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra meta jinħarġu twissijiet mitluba minn awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà nazzjonali 35

7.3.

L-immarkar 35

7.4.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri wara hit 35

8.

TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 100 36

8.1.

Twissijiet dwar vetturi skont l-Artikolu 100 36

8.1.1.

Kontrolli għal twissijiet multipli fuq vettura 36

8.1.2.

VIN doppji 36

8.2.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri wara hit 37

9.

STATISTIKA 37

INTRODUZZJONI

Fl-14 ta’ Ġunju 1985, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ffirmaw ftehim f’Schengen, villaġġ fil-Lussemburgu, bil-għan li jippermettu “(…) liċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri jaqsmu l-fruntieri interni b’mod ħieles (…)” u li jippermettu ċ-“ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti u s-servizzi”.

Il-ħames pajjiżi fundaturi ffirmaw il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (1) fid-19 ta’ Ġunju 1990, u aktar tard ingħaqdu magħhom ir-Repubblika Taljana fis-27 ta’ Novembru 1990, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża fil-25 ta’ Ġunju 1991, ir-Repubblika Ellenika fis-6 ta’ Novembru 1992, ir-Repubblika tal-Awstrija fit-28 ta’ April 1995 u r-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja fid-19 ta’ Diċembru 1996.

Ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tal-Islanda wkoll ikkonkludew Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Istati Membri fid-19 ta’ Diċembru 1996 sabiex jissieħbu f’din il-Konvenzjoni.

Sussegwentement, mis-26 ta’ Marzu 1995, l-acquis ta’ Schengen kien applikat b’mod sħiħ fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Spanja u fil-Portugall (2). Mill-31 ta’ Marzu 1998, fl-Awstrija u fl-Italja; (3) mis-26 ta’ Marzu 2000 fil-Greċja (4) u, fl-aħħar nett, mill-25 ta’ Marzu 2001, l-acquis ta’ Schengen kien applikabbli b’mod sħiħ fin-Norveġja, fl-Islanda, fl-Isvezja, fid-Danimarka u fil-Finlandja (5).

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem biss fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7) rispettivament.

Fil-każ tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom jieħu sehem ir-Renju Unit huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2005 (8), ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

L-acquis ta’ Schengen ġie inkoporat fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-protokolli annessi mat-Trattat ta’ Amsterdam (9) fl-1999. Fit-12 ta’ Mejju 1999 ġiet adottata Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew mid-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen.

Mill-1 ta’ Mejju 2004, l-acquis ta’ Schengen, kif ġie integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea mill-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll ta’ Schengen”), kif ukoll l-atti msejsa fuqu jew b’xi mod ieħor relatati miegħu, jorbtu lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Repubblika tal-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika tas-Slovenja u lir-Repubblika tas-Slovakkja. Mill-1 ta’ Jannar 2007, dan japplika wkoll għar-Repubblika tal-Bulgarija u għar-Rumanija.

F’Diċembru 2007, il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika tal-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika tal-Ungerija, fir-Repubblika ta’ Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka (10). Għaldaqstant, il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art u tal-baħar ta’ dawn l-Istati Membri tneħħew f’Diċembru 2007 u dawk fil-fruntieri interni tal-ajru f’Marzu 2008.

Fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE (11) tippermetti li dejta reali tas-SIS tiġi ttrasferita lill-Istati Membri kkonċernati. L-użu konkret ta’ din id-dejta jippermetti li l-Kunsill, permezz tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni applikabbli ta’ Schengen, kif inhuwa stabbilit f’SCH/Com-ex (98) 26 def., jivverifika l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-SIS fl-Istati Membri kkonċernati. Malli dawn l-evalwazzjonijiet ikunu twettqu, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ dawk l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-Isvizzera, kien konkluż Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12). Il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-art tal-Isvizzera tneħħew f’Diċembru 2008 u dawk fil-fruntieri interni tal-ajru f’Marzu 2009, skont id-deċiżjoni relevanti tal-Kunsill (13).

Fir-rigward tal-Liechtenstein, kien iffirmat Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14).

1.   IS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI TA’ SCHENGEN (SIS) U L-UFFIĊĊJI SIRENE NAZZJONALI

Is-SIS, flimkien mal-kooperazzjoni tal-uffiċċji SIRENE, stabbilita permezz tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod il-mod tal-kontrolli fil-fruntieri komuni (il-Konvenzjoni ta’ Schengen) (15) tikkostitwixxi għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) għandha tipprovdi aċċess għat-twissijiet dwar persuni u oġġetti lill-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli fil-fruntieri;

(b)

l-awtoritajiet li jwettqu u li jikkoordinaw kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana fi ħdan il-pajjiż;

(c)

l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fost l-oħrajn dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu bidu għall-prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċeduri kriminali u għall-inkjesti ġudizzjarji qabel l-akkuża, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, kif inhu stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(d)

l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ tal-viżi, l-awtoritajiet ċentrali responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għall-viża, l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u mill-amministrazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni relatat mal-moviment tal-persuni;

(e)

l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi.

L-Europol u l-Eurojust ukoll għandhom aċċess għal ċerti kategoriji ta’ twissijiet (16). L-Europol jista’ jkollha aċċess għad-dejta mdaħħla skont l-Artikolu 95 (twissijiet għal arrest), l-Artikolu 99 (twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontroll speċifiku) u l-Artikolu 100 (twissijiet dwar oġġetti għall-qbid jew għall-użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali). L-Eurojust jista’ jkollha aċċess għad-dejta mdaħħla skont l-Artikolu 95 (twissijiet għal arrest) u l-Artikolu 98 (twissijiet għal proċedura ġudizzjarja).

Is-SIS hija magħmula minn komponenti separati: il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku (C.SIS) u t-taqsimiet nazzjonali (N.SIS, waħda għal kull Stat Membru), konnessi b’netwerk (SISNET). Is-SIS topera fuq il-prinċipju li s-sistemi nazzjonali ma jistgħux jiskambjaw dejta kompjuterizzata direttament bejniethom, iżda minflok għandhom jagħmlu dan biss permezz tas-sistema ċentrali (C.SIS).

Madankollu, huwa neċessarju li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni supplimentari, fuq bażi bilaterali jew fuq bażi multilaterali, kif inhu mitlub għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Schengen, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni sħiħa tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għas-SIS kollha.

1.1.   L-uffiċċji SIRENE  (17)

L-Artikolu 92(4) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jipprovdi li l-Istati Membri, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom jiskambjaw, permezz tal-awtoritajiet nominati għal dan il-għan (SIRENE), l-informazzjoni kollha neċessarja li għandha x’taqsam mad-dħul ta’ twissijiet, u sabiex tkun tista’ tittieħed l-azzjoni neċessarja fil-każijiet fejn jinstabu persuni u oġġetti li dwarhom tkun iddaħħlet dejta fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, bħala riżultat ta’ tfittxijiet li jsiru f’din is-Sistema.

Sabiex jiġu ssodisfati l-limiti operattivi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Schengen, kull Stat Membru għandu jwaqqaf awtorità ċentrali bħala punt ta’ kuntatt waħdieni għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari relatata mad-dejta tas-SIS. Dan il-punt ta’ kuntatt, li jissejjaħ l-uffiċċju SIRENE, għandu jkun operattiv 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

1.2.   Il-Manwal SIRENE

Il-Manwal SIRENE huwa ġabra ta’ struzzjonijiet għall-uffiċċji SIRENE u jiddeskrivi fid-dettall ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju bilaterali jew multilaterali tal-informazzjoni supplimentari.

1.3.   Standards

Għandhom jiġu ssodisfati l-istandards fundamentali li ġejjin li fuqhom hija msejsal-kooperazzjoni permezz ta’ SIRENE:

1.3.1.   Disponibbiltà

Kull Stat Membru għandu jwaqqaf uffiċċju SIRENE nazzjonali sabiex iservi bħala punt ta’ kuntatt waħdieni għall-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mas-SIS tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. Dan għandu jkun kompletament operattiv b’kapaċità suffiċjenti 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Bl-istess mod, id-disponibbiltà għal analiżi, appoġġ u soluzzjonijiet tekniċi għandhom jingħataw 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

1.3.2.   Kontinwità

Kull uffiċċju SIRENE għandu jibni struttura interna li tiggarantixxi l-kontinwità tal-ġestjoni, tal-istaff u tal-infrastruttura teknika. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw telf ta’ kwalifiki u ta’ esperjenza kkawżat minn tibdil fl-istaff.

Il-kapijiet ta’ kull uffiċċju SIRENE għandhom jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena sabiex jivvalutaw il-kwalità tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom, jadottaw il-miżuri tekniċi jew organizzattivi neċessarji fil-każ ta’ xi diffikultajiet u jaġġustaw il-proċeduri fejn ikun meħtieġ.

1.3.3.   Sigurtà

Sigurtà fil-bini

Biex jiġi mħares il-bini tal-uffiċċju SIRENE jinħtieġu karatteristiċi ta’ sigurtà fiżiċi u organizzattivi. Il-miżuri speċifiċi jiġu ddeterminati u jiddependu mir-riżultati tal-valutazzjonijiet tat-theddid li għandhom jitwettqu minn kull Stat ta’ Schengen. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki previsti fil-Katalogu tal-UE dwar Schengen: Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, SIRENE, għandhom ikunu riflessi fil-prattika (18).

Il-karatteristiċi speċifiċi jistgħu jvarjaw għax għandhom jikkonfrontaw theddid fil-madwar immedjat u fil-post eżatt fejn ikun jinsab l-uffiċċju SIRENE. Dawn jistgħu jinkludu, b’mod partikolari:

twieqi esterni bi ħġieġ tas-sigurtà;

bibien tas-sigurtà u magħluqa;

ħitan tal-briks/konkos madwar l-uffiċċju SIRENE;

televiżjoni biċ-ċirkwit magħluq (CCTV), alarms kontra l-intrużjoni, inklużi r-reġistrazzjoni tad-dħul, tal-ħruġ u ta’ kwalunkwe okkorrenza mhux tas-soltu;

gwardjani tas-sigurtà fuq il-post jew disponibbli malajr;

sistema tat-tifi tan-nar u/jew link dirett mat-taqsima tat-tifi tan-nar;

bini ddedikat biex jiġi evitat li membri tal-istaff li ma jkunux involuti f’miżuri ta’ kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija, jew li ma jkollhomx l-aċċess meħtieġ għad-dokumenti, ikollhom jidħlu jew jgħaddu mill-uffiċċji SIRENE u/jew

biżżejjed provvista ta’ elettriku u ta’ komunikazzjoni ta’ appoġġ.

Sigurtà tas-sistema

Il-prinċipji sottostanti s-sigurtà tas-sistema huma stabbiliti fl-Artikolu 118 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Is-sistema tal-uffiċċju SIRENE għandu jkollha sistema ta’ appoġġ tal-kompjuter u tal-bażi tad-dejta f’sit sekondarju f’każ ta’ emerġenza serja fl-uffiċċju SIRENE.

1.3.4.   Aċċessibbiltà

Biex ikun jista’ jilħaq ir-rekwiżit li jipprovdi informazzjoni supplimentari, l-istaff SIRENE għandu jkollu aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni nazzjonali relevanti kollha u għall-pariri tal-esperti.

1.3.5.   Komunikazzjonijiet

Operattivi

Il-mezz speċifiku li għandu jintuża għall-komunikazzjonijiet SIRENE huwa l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-ambjent ta’ Schengen (SISNET) (19). Huwa biss jekk dan il-mezz ma jkunx disponibbli li għandu jiġi ddeterminat, skont il-każ, mezz ta’ komunikazzjoni ieħor li fiċ-ċirkostanzi jkun l-aktar xieraq. Dan għandu jsir skont il-possibbiltajiet tekniċi u r-rekwiżiti ta’ sigurtà u kwalità li jkunu jridu jintlaħqu mill-komunikazzjoni.

Il-messaġġi bil-miktub jinqasmu f’żewġ kategoriji: test liberu u formoli standard. Dawn tal-aħħar għandhom jirrispettaw l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness 5. Il-formoli B (20), C (21) u D (22) ma għandhomx jintużaw aktar u qegħdin jitneħħew mill-Anness 5.

Biex tintlaħaq l-akbar effiċjenza fil-komunikazzjoni bilaterali bejn l-istaff SIRENE, għandha tintuża lingwa familjari għaż-żewġ partijiet.

L-uffiċċju SIRENE għandu jwieġeb għat-talbiet kollha għal informazzjoni magħmula mill-Istati Membri l-oħra permezz tal-uffiċċji SIRENE tagħhom kemm jista’ jkun malajr. Fi kwalunkwe każ għandha tingħata tweġiba fi żmien 12-il siegħa. Ara wkoll it-taqsima 2.16 dwar l-indikazzjoni tal-urġenza fil-formoli SIRENE.

Il-prijoritajiet fix-xogħol ta’ kuljum għandhom ikunu bbażati fuq it-tip ta’ twissija u l-importanza tal-każ.

Mhux operattivi

Għall-iskambju ta’ informazzjoni mhux operattiva l-uffiċċju SIRENE għandu juża l-indirizz tal-e-Mail iddedikat għas-SISNET.

Ktieb tal-Indirizzi SIRENE (SAB – SIRENE Address Book)

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji SIRENE u l-informazzjoni relevanti għal komunikazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi jinġabru u huma pprovduti fil-Ktieb tal-Indirizzi SIRENE (SAB). Kull uffiċċju SIRENE għandu jiżgura ruħu li:

(a)

l-informazzjoni mis-SAB ma tkunx żvelata lil partijiet terzi;

(b)

l-operaturi SIRENE ikunu jafu bis-SAB u jużawh;

(c)

kwalunkwe aġġornament tal-informazzjoni elenkata fis-SAB tkun ipprovduta mingħajr dewmien lill-amministratur tas-SAB.

1.3.6.   Regoli ta’ tranżlitterazzjoni

Fil-komunikazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE permezz tas-SISNET għandhom jiġu segwiti r-regoli ta’ tranżlitterazzjoni, li jinsabu fl-Anness 2.

1.3.7.   Kwalità tad-dejta

Kull uffiċċju SIRENE huwa responsabbli li jwettaq ir-rwol ta’ koordinatur tal-aċċertament tal-kwalità tad-dejta għall-informazzjoni li tiddaħħal fis-SIS. Għal dan l-għan, l-uffiċċji SIRENE għandu jkollhom il-kompetenza u l-kapaċità nazzjonali neċessarji biex iwettqu dan ir-rwol, li għalih huma responsabbli skont l-Artikolu 92(4) u l-Artikolu 108. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jkun hemm awditjar nazzjonali tal-kwalità tad-dejta, inkluża reviżjoni tar-rata ta’ twissijiet/hits u tal-kontenut tad-dejta.

F’kooperazzjoni mal-uffiċċju SIRENE nazzjonali, għandhom jiġu stabbiliti standards nazzjonali għat-taħriġ tal-utenti finali dwar il-prinċipji u l-prassi tal-kwalità tad-dejta. Huwa rakkomandat li l-uffiċċji SIRENE jkunu involuti fit-taħriġ tal-awtoritajiet kollha li jdaħħlu t-twissijiet, fejn jiġu enfasizzati l-kwalità tad-dejta u l-massimizzazzjoni tal-użu tas-SIS.

1.3.8.   Strutturi

L-aġenziji nazzjonali kollha, inklużi l-uffiċċji SIRENE, responsabbli mill-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija għandhom ikunu organizzati b’mod strutturat sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta’ kompetenza u d-duplikazzjoni tax-xogħol.

1.3.9.   Arkivjar

(a)

Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-modi biex tinħażen l-informazzjoni.

(b)

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jżomm l-informazzjoni kollha dwar it-twissijiet tiegħu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

(c)

L-arkivji ta’ kull uffiċċju SIRENE għandhom jippermettu aċċess rapidu għall-informazzjoni relevanti sabiex jintlaħqu l-iskadenzi ta’ żmien qosra ħafna għat-trażmissjoni tal-informazzjoni.

(d)

Skont l-Artikolu 112 A tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, id-dejta personali, miżmuma fil-fajls mill-Uffiċċju SIRENE minħabba skambju ta’ informazzjoni, għandha tinżamm biss għal dak il-perjodu ta’ żmien li jista’ jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-iskopijiet li għalihom kienet ipprovduta. Fi kwalunkwe każ hija għandha titħassar mhux iktar tard minn sena wara li t-twissija jew it-twissijiet dwar il-persuna kkonċernata jew l-oġġett ikkonċernat tkun tħassret jew ikunu tħassru mis-SIS. Madankollu, id-dejta relatata ma’ twissija partikolari li Stat Membru jkun ħareġ jew ma’ twissija li b’konnessjoni magħha ttieħdet azzjoni fuq it-territorju tiegħu, tista’ tintħażen għal perjodu itwal ta’ żmien skont il-liġi nazzjonali.

(e)

L-informazzjoni supplimentari mibugħta mill-Istati Membri l-oħra għandha tinħażen skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħarsien tad-dejta u fl-Istat Membru riċeventi. Għandhom japplikaw ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u tad-Direttiva 95/46/KE, kif ikun xieraq.

(f)

Wara li titħassar it-twissija relevanti, l-informazzjoni dwar identità użata ħażin għandha titħassar.

1.4.   Staff

1.4.1.   Għarfien

il-membri tal-istaff tal-uffiċċju SIRENE għandu jkollhom il-ħiliet lingwistiċi li jkopru firxa ta’ lingwi wiesgħa kemm jista’ jkun u l-membri tal-istaff li jkunu fuq xogħol għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw mal-uffiċċji SIRENE kollha.

Huma għandu jkollhom l-għarfien neċessarju dwar:

aspetti legali nazzjonali u Ewropej;

l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom u

is-sistemi nazzjonali u Ewropej tal-amministrazzjoni ġudizzjarja u tal-immigrazzjoni.

Huma għandu jkollhom l-awtorità li jittrattaw kwalunkwe każ li jidħol b’mod indipendenti.

Fil-każ ta’ talbiet speċjali jew pariri ta’ esperti (legali), huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu l-assistenza tas-superjuri tagħhom u/jew tal-esperti.

L-operaturi fuq xogħol barra mill-ħinijiet tal-uffiċċju għandu jkollhom l-istess kompetenza, għarfien u awtorità u l-possibbiltà li jirreferu għal esperti li jkunu disponibbli f’kull ħin.

Huwa meħtieġ għarfien espert legali li jkopri każijiet kemm normali kif ukoll eċċezzjonali. Skont il-każijiet, dan l-għarfien espert jista’ jiġi pprovdut minn kwalunkwe persunal bl-isfond legali neċessarju jew minn esperti mill-awtoritajiet ġudizzjarji.

L-awtoritajiet nazzjonali tar-reklutaġġ responsabbli għandhom iqisu l-ħiliet u l-għarfien kollha li ssemmew iktar ’il fuq meta jirreklutaw staff ġdid u konsegwentement, għandhom jorganizzaw korsijiet jew sessjonijiet ta’ taħriġ fi ħdan is-servizz kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.

Livell għoli ta’ esperjenza tal-istaff iwassal għal grupp ta’ ħaddiema li jkunu kapaċi jiffunzjonaw fuq l-inizjattiva tagħhom stess, u b’hekk jagħrfu jittrattaw il-każijiet b’mod effiċjenti. Għaldaqstant, ikun propizju li l-persunal ma jinbidilx wisq, u dan jirrikjedi l-appoġġ inkondizzjonat tal-amministrazzjoni biex tippermetti din ir-responsabbiltà devoluta.

1.4.2.   Taħriġ

Livell nazzjonali

Fuq livell nazzjonali, taħriġ suffiċjenti għandu jiżgura li l-istaff jilħaq l-istandards meħtieġa stipulati f’dan il-Manwal (23).

Livell Ewropew

Għall-anqas darba fis-sena għandhom jiġu organizzati korsijiet ta’ taħriġ komuni sabiex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE billi jippermettu li l-membri tal-istaff jiltaqgħu ma’ kollegi minn uffiċċji SIRENE oħrajn, jaqsmu informazzjoni dwar il-metodi ta’ ħidma nazzjonali u joħolqu livell ta’ għarfien konsistenti u ekwivalenti. Barra minn hekk, dawn ser jagħmlu lill-membri tal-istaff aktar konxji mill-importanza tal-ħidma tagħhom u mill-bżonn ta’ solidarjetà reċiproka intiża għas-sigurtà komuni tal-Istati Membri.

1.4.3.   Skambju tal-istaff

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jikkunsidraw ukoll il-possibbiltà li jorganizzaw skambji tal-istaff ma’ uffiċċji SIRENE oħrajn. Dawn l-iskambji huma maħsuba biex jgħinu lill-membri tal-istaff itejbu l-għarfien tal-metodi ta’ ħidma, juru kif inhuma organizzati uffiċċji SIRENE oħrajn u biex ikunu stabbiliti kuntatti personali ma’ kollegi fi Stati Membri oħra.

1.5.   Infrastruttura teknika

1.5.1.   Sistema ta’ fluss tax-xogħol ta’ SIRENE

Kull uffiċċju SIRENE għandu jkollu sistema ta’ amministrazzjoni kompjuterizzata (sistema ta’ fluss ta’ xogħol), li tippermetti li porzjon sostanzjali mill-amministrazzjoni tal-fluss ta’ xogħol ta’ kuljum isir b’mod awtomatizzat.

1.5.2.   Dħul tad-dejta awtomatiku

Il-metodu ppreferut biex jiddaħħlu t-twissijiet SIS għandu jkun dak ta’ trasferiment awtomatiku lill-N.SIS tat-twissijiet nazzjonali li jilħqu l-kriterji għad-dħul fis-SIS. Dan it-trasferiment awtomatiku, inklużi l-kontrolli fuq il-kwalità tad-dejta, għandu jkun ukoll trasparenti u mingħajr il-ħtieġa ta’ azzjoni addizzjonali mill-awtorità li ddaħħal it-twissija.

1.5.3.   Tħassir tad-dejta awtomatiku

Fejn is-sistema nazzjonali tippermetti t-trasferiment awtomatiku ta’ twissijiet nazzjonali fis-SIS, kif ingħad fl-aħħar paragrafu, it-tħassir ta’ twissija relatata mas-SIS fil-bażi tad-dejta nazzjonali għandu wkoll iwassal għat-tħassir awtomatiku tal-ekwivalenti tagħha fis-SIS.

Peress illi mhumiex permessi twissijiet multipli, huwa rrakkomandat li fejn ikun possibbli u neċessarju, it-tieni twissija u t-twissijiet sussegwenti dwar l-istess persuna għandhom jinżammu disponibbli fuq livell nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jiddaħħlu meta tiskadi l-ewwel twissija dwar din il-persuna.

1.5.4.   Skambju tad-dejta bejn l-uffiċċji SIRENE

Għandhom jiġu rispettati l-istruzzjonijiet stipulati għall-iskambju tad-dejta bejn l-uffiċċji SIRENE (24).

1.5.5.   Kwalità tad-dejta fis-SIS

Sabiex kull uffiċċju SIRENE ikun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu bħala koordinatur tal-aċċertament tal-kwalità tad-dejta (ara l-paragrafu 1.3.7. hawn fuq), għandu jkun disponibbli l-appoġġ fl-IT neċessarju.

2.   PROĊEDURI ĠENERALI

Il-proċeduri deskritti hawn taħt japplikaw għat-twissijiet maħruġa taħt l-Artikoli 95 sa 100, u l-proċeduri speċifiċi għal kull Artikolu jistgħu jinstabu fit-taqsima speċifika relevanti.

2.1.   Twissijiet Multipli (l-Artikolu 107)

Jistgħu jinħarġu diversi twissijiet minn Stati Membri differenti għall-istess suġġetti. Huwa essenzjali li dan ma joħloqx konfużjoni għall-utenti finali, u li huma jkunu jafu tajjeb liema miżuri għandhom jittieħdu meta jippruvaw idaħħlu twissija. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri varji biex jinstabu twissijiet multipli u għandu jkun hemm ukoll mekkaniżmu ta’ prijorità biex dawn jiddaħħlu fis-SIS.

Dan jirrikjedi:

kontrolli qabel ma tiddaħħal twissija, sabiex ikun iddeterminat jekk is-suġġett jinsabx diġà fis-SIS;

konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn, meta d-dħul ta’ twissija jwassal għal twissijiet multipli li jkunu inkompatibbli.

2.1.1.   Kompatibbiltà tat-twissijiet u l-ordni ta’ prijorità

Fis-SIS tista’ tiddaħħal biss twissija waħda għal kull Stat Membru dwar kwalunkwe persuna jew oġġett.

Għalhekk, kull fejn ikun possibbli u neċessarju, it-tieni twissija u t-twissijiet sussegwenti dwar l-istess persuna jew oġġett għandhom jinżammu disponibbli fuq livell nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti meta l-ewwel twissija tiskadi jew titħassar.

Diversi Stati Membri jistgħu jdaħħlu twissija dwar l-istess persuna jew oġġett jekk it-twissijiet ikunu kompatibbli.

It-twissijiet għal arrest (l-Artikolu 95) huma kompatibbli mat-twissijiet għal rifjut tad-dħul (l-Artikolu 96), mat-twissijiet dwar persuni neqsin (l-Artikolu 97) u mat-twissijiet għal proċedura ġudizzjarja (l-Artikolu 98). Huma mhumiex kompatibbli mat-twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi (l-Artikolu 99). F’każ ta’ hit dwar persuna li għaliha ddaħħlet twissija għal arrest u twissija għal rifjut tad-dħul, il-proċeduri għal arrest għandu jkollhom prijorità fuq dawk għal rifjut tad-dħul.

It-twissijiet għal rifjut tad-dħul huma kompatibbli mat-twissijiet għal arrest. Huma mhumiex kompatibbli mat-twissijiet dwar persuni neqsin, mat-twissijiet għal proċedura ġudizzjarja jew mat-twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi.

It-twissijiet dwar persuni neqsin huma kompatibbli mat-twissijiet għal arrest u mat-twissijiet għal proċedura ġudizzjarja. Huma mhumiex kompatibbli mat-twissijiet għal rifjut tad-dħul u mat-twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi.

It-twissijiet għal proċedura ġudizzjarja huma kompatibbli mat-twissijiet għal arrest u mat-twissijiet dwar persuni neqsin. Huma mhumiex kompatibbli mat-twissijiet għal rifjut tad-dħul u mat-twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi.

It-twissijiet għal sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi mhumiex kompatibbli mat-twissijiet għal arrest, mat-twissijiet għal ċaħda ta’ dħul, mat-twissijiet dwar persuni neqsin jew mat-twissijiet għal proċedura ġudizzjarja.

Taħt l-Artikolu 99, twissijiet maħruġa għal sorveljanza diskreta huma inkompatibbli ma’ dawk għal kontrolli speċifiċi.

Il-kategoriji differenti ta’ twissijiet dwar oġġetti mhumiex kompatibbli ma’ xulxin (ara t-tabella dwar il-kompatibbiltà ta’ hawn taħt).

L-ordni ta’ prijorità għat-twissijiet dwar il-persuni għandu jkun kif ġej:

arrest għal għanijiet ta’ ċediment jew estradizzjoni (l-Artikolu 95);

rifjut tad-dħul jew ta’ soġġorn fit-territorju ta’ Schengen (l-Artikolu 96);

tqegħid taħt protezzjoni (l-Artikolu 97);

sorveljanza diskreta (l-Artikolu 99);

kontrolli speċifiċi (l-Artikolu 99);

komunikazzjoni dwar il-lok fejn ikun jinsab is-suġġett (l-Artikoli 97 u 98).

L-ordni ta’ prijorità għat-twissijiet dwar oġġetti għandu jkun kif ġej:

sorveljanza diskreta (l-Artikolu 99);

kontrolli speċifiċi (l-Artikolu 99);

qbid jew użu bħala evidenza (l-Artikolu 100);

Varjazzjonijiet minn dan l-ordni ta’ prijorità jistgħu jsiru wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri jekk ikunu involuti interessi nazzjonali essenzjali.

Tabella tal-kompatibbiltà tat-twissijiet dwar il-persuni

Ordni tal-importanza

Twissija għal arrest

Twissija għal rifjut tad-dħul

Twissija dwar persuna nieqsa (protezzjoni)

Twissija għal sorveljanza diskreta

Twissija għal kontroll speċifiku

Twissija dwar persuna nieqsa (il-lok fejn tkun tinsab)

Twissija għal proċedura ġudizzjarja

Twissija għal arrest

iva

iva

iva

le

le

iva

iva

Twissija għal rifjut tad-dħul

iva

iva

le

le

le

le

le

Twissija dwar persuna nieqsa - protezzjoni

iva

le

iva

le

le

iva

iva

Twissija għal sorveljanza diskreta

le

le

le

iva

le

le

le

Twissija għal kontroll speċifiku

le

le

le

le

iva

le

le

Twissija dwar persuna nieqsa – il-lok fejn tkun tinsab

iva

le

iva

le

le

iva

iva

Twissija għal proċedura ġudizzjarja

iva

le

iva

le

le

iva

iva


Tabella tal-kompatibbiltà tat-twissijiet dwar l-oġġetti

Ordni tal-importanza

Twissija għal sorveljanza diskreta

Twissija għal kontroll speċifiku

Twissija għal qbid jew użu bħala evidenza

Twissija għal sorveljanza diskreta

iva

le

le

Twissija għal kontroll speċifiku

le

iva

le

Twissija għal qbid jew użu bħala evidenza

le

le

iva

2.1.2.   Kontrolli għal twissijiet multipli fuq persuna

Biex jiġi evitat li jiddaħħlu twissijiet multipli inkompatibbli, għandha tingħata attenzjoni biex issir distinzjoni preċiża bejn individwi li jkollhom karatteristiċi simili. Għalhekk, il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE huma essenzjali, u kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-proċeduri tekniki xierqa biex isib dawn il-każijiet qabel ma tiddaħħal twissija.

L-elementi użati biex jiġi stabbilit jekk żewġ identitajiet jistgħux ikunu identiċi huma elenkati fid-dettall fl-Anness 6 ta’ dan il-Manwal.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Jekk l-ipproċessar ta’ talba biex tiddaħħal twissija ġdida juri li diġà hemm persuna fis-SIS bl-istess elementi tad-deskrizzjoni obbligatorji tal-identità (il-kunjom, l-isem, id-data tat-twelid), għandu jsir kontroll qabel ma tkun approvata t-twissija l-ġdida.

(b)

L-uffiċċju SIRENE li biħsiebu jdaħħal twissija ġdida għandu jikkuntattja lill-uffiċċju SIRENE li joħroġ it-twissija sabiex jikkjarifika jekk it-twissija hix dwar l-istess persuna permezz ta’ formola L.

(c)

Jekk il-kontroll juri li d-dettalji huma identiċi u jistgħu jkunu relatati mal-istess persuna, l-uffiċċju SIRENE li biħsiebu jdaħħal twissija ġdida għandu japplika l-proċedura għad-dħul ta’ twissijiet multipli. Jekk l-eżitu tal-kontroll ikun li d-dettalji huma relatati ma’ żewġ persuni differenti, l-uffiċċju SIRENE għandu japprova t-talba għad-dħul tat-twissija l-ġdida.

2.1.3.   Negozjati dwar id-dħul ta’ twissija ġdida jekk din tkun inkompatibbli ma’ twissija eżistenti

Jekk talba għal twissija tkun kunfliġġenti ma’ twissija maħruġa mill-istess Stat Membru, l-uffiċċju SIRENE nazzjonali għandu jiżgura li fis-SIS ikun hemm twissija waħda biss. Kull Stat Membru jista’ jagħżel il-proċedura li għandha tiġi applikata.

Jekk it-twissija mitluba tkun inkompatibbli ma’ twissija diġà maħruġa minn Stat/i Membru/i ieħor/oħrajn, ikun jinħtieġ il-qbil tagħhom.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Jekk it-twissijiet huma kompatibbli, l-uffiċċji SIRENE ma għandhomx għalfejn jikkonsultaw lil xulxin; jekk it-twissijiet huma indipendenti minn xulxin, l-Istat Membru li jixtieq idaħħal twissija ġdida jiddeċiedi jekk għandux jikkonsulta.

(b)

Jekk it-twissijiet mhumiex kompatibbli, jew jekk hemm dubju rigward il-kompatibbiltà tagħhom, l-uffiċċji SIRENE għandhom jikkonsultaw lil xulxin billi jużaw formola E sabiex fl-aħħar mill-aħħar tiddaħħal twissija waħda biss.

(c)

It-twissijiet għal arrest għandhom jiddaħħlu immedjatament mingħajr ma jiġi mistenni r-riżultat ta’ kwalunkwe konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra.

(d)

Jekk twissija li tkun inkompatibbli ma’ twissijiet eżistenti tingħata prijorità b’riżultat ta’ konsultazzjoni, l-Istati Membri li jkunu daħħlu t-twissijiet l-oħra għandhom jirtirawhom hekk kif tiddaħħal it-twissija l-ġdida; kwalunkwe tilwima għandha tiġi riżolta b’negozjati bejn l-uffiċċji SIRENE. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim fuq il-bażi tal-lista ta’ prijoritajiet stabbiliti, fis-SIS titħalla l-eqdem twissija.

(e)

Jekk titħassar twissija, l-Istati Membri li ma kinux jistgħu jdaħħlu twissija jiġu infurmati mis-C.SIS. L-uffiċċju SIRENE imbagħad għandu jiġi nnotifikat awtomatikament b’messaġġ mill-N.SIS li twissija li kienet ġiet imwaqqfa issa tista’ tiddaħħal. L-uffiċċju SIRENE għandu japplika l-proċedura kollha għad-dħul ta’ twissija fil-kategorija ta’ twissijiet xierqa. (m)

2.2.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Meta utent finali jagħmel tfittxija fis-SIS u jsib li teżisti twissija li taqbel mad-dettalji mdaħħla minnu, din tissejjaħ “hit”.

L-utent finali jista’ jitlob lill-uffiċċju SIRENE jipprovdilu informazzjoni supplimentari biex ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv il-proċeduri previsti fit-tabelli SIS 4, 10 jew 16, kif stabbilit fl-Anness 4 (l-azzjoni li għandha tittieħed).

Sakemm ma jingħadx mod ieħor, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jiġi infurmat bil-hit u bl-eżitu tagħha.

2.2.1.   Proċeduri wara hit

Għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin:

(a)

“Hit” waħda fuq individwu jew oġġett li dwaru tkun inħarġet twissija normalment għandha tkun ikkomunikata lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz ta’ formola G waħda.

(b)

Fin-notifika ta’ hit lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija, fil-qasam 090 tal-formola G, kif inhu xieraq, għandu jiġi indikat l-Artikolu applikabbli tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, fejn tiġi inkluża informazzjoni addizzjonali jekk dan ikun neċessarju (eż. “MINORENNI”).

(c)

Il-formola G għandha tipprovdi kemm jista’ jkun informazzjoni dwar il-hit, inkluż dwar l-azzjoni li ttieħdet fil-qasam 088. Fil-qasam 089, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jista’ jintalab jipprovdi informazzjoni supplimentari.

(d)

Jekk ikun neċessarju, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu, wara l-hit, jibgħat kwalunkwe informazzjoni speċifika relevanti.

(e)

Il-miżuri partikolari għandhom jittieħdu mill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li qabbel it-twissija sabiex jingħata appoġġ lill-eżekuzzjoni effettiva tal-miżuri mitluba (azzjoni li għandha tittieħed).

(f)

Jekk l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li kiseb hit biħsiebu jipprovdi iktar informazzjoni wara li tkun intbagħatet formola G, huwa għandu juża formola M.

(g)

Jekk il-hit tikkonċerna persuna li tkun is-suġġett ta’ twissija taħt l-Artikolu 95 jew minorenni li jkun is-suġġett ta’ twissija taħt l-Artikolu 97, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun qabbel it-twissija, fejn ikun xieraq, għandu jinforma lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija bil-hit permezz tat-telefown wara li jibgħat formola G.

(h)

L-uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri li jkunu ħarġu twissijiet taħt l-Artikolu 96 mhux bilfors għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe hit bħala kwistjoni ta’ proċedura, iżda għandhom ikunu infurmati f’ċirkostanzi eċċezzjonali jekk tintalab informazzjoni supplimentari. Għall-proċeduri speċjali ara t-taqsima 4.

2.2.2.   Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet taħt l-Artikoli 95 sa 100, u jekk tali informazzjoni taqa’ fl-ambitu ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka, meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

(b)

Sa fejn ikun possibbli, u skont ir-regoli applikabbli tal-ħarsien tad-dejta, l-uffiċċji SIRENE għandhom jikkomunikaw id-dettalji mediċi tal-individwi li dwarhom tkun inħarġet twissija skont l-Artikolu 97, jekk għandhom jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tagħhom. L-informazzjoni medika mgħoddija għandha tinżamm biss sakemm ikun strettament neċessarju u għandha tintuża esklużivament għall-iskopijiet tat-trattament mediku mogħti lill-persuna kkonċernata.

2.3.   Meta ma jkunux jistgħu jiġu segwiti l-proċeduri wara hit (l-Artikolu 104(3))

Jekk wara hit, ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti l-proċeduri normali, l-iskambju tad-dejta għandu jsir skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

L-Istat Membru li jsib it-twissija għandu, permezz tal-uffiċċju SIRENE tiegħu, jinforma immedjatament lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija li ma jistax isegwi l-proċeduri, u jagħti r-raġunijiet billi juża formola H.

(b)

L-Istati Membri kkonċernati jistgħu mbagħad jaqblu dwar il-proċedura li għandhom isegwu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

2.4.   Jekk jinbidel l-iskop oriġinali tat-twissija (l-Artikolu 102(3))

Taħt l-Artikolu 102(3), id-dejta tista’ tintuża għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom tkun iddaħħlet it-twissija, iżda dan jista’ jseħħ biss wara hit biex tkun ipprevenuta theddida serja imminenti għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, għal raġunijiet serji li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali jew sabiex jiġi pprevenut reat kriminali serju.

L-għan tat-twissija jista’ jinbidel biss jekk tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru li jkun ħariġha.

Jekk l-iskop tat-twissija jinbidel, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jsir skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Permezz tal-uffiċċju SIRENE tiegħu, l-Istat Membru li jsib it-twissija għandu jispjega lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija r-raġunijiet għat-talba tiegħu biex jinbidel l-għan oriġinali (formola I).

(b)

L-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu kemm jista’ jkun malajr jistudja jekk din it-talba tistax tintlaqa’ u għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun sab it-twissija bid-deċiżjoni tiegħu, permezz tal-uffiċju SIRENE tiegħu.

(c)

Jekk ikun hemm il-ħtieġa, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jista’ jagħti l-awtorizzazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet dwar kif għandha tintuża d-dejta.

Ladarba l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jaqbel, l-Istat Membru li jkun sab il-hit għandu juża d-dejta għar-raġuni mfittxija u li għaliha tkun inkisbet l-awtorizzazzjoni. Dan għandu jagħti kas ta’ kwalunkwe kundizzjonijiet imposti.

2.5.   Dejta li jkun misjub li hi legalment jew fattwalment mhux preċiża (l-Artikolu 106)

L-Artikolu 106(2) u 106(3) jipprovdi għar-rettifika ta’ żbalji legali jew fattwali.

Jekk jinstab li d-dejta hija legalment jew fattwalment skorretta jew inammissibbli, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jsir skont ir-regola li ġejja:

(a)

L-Istat Membru li jsib żball fid-dejta għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz tal-uffiċċju SIRENE tiegħu bl-użu tal-formola J;

(b)

Jekk l-Istati Membri jaqblu bejniethom, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jsegwi l-proċeduri nazzjonali tiegħu biex l-iżball jitranġa;

(c)

Jekk ma jkunx hemm qbil, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun identifika l-iżball għandu jinforma lill-awtorità responsabbli f’pajjiżu biex tirreferi l-kwistjoni lill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta.

2.6.   Id-dritt għal aċċess u rettifika tad-dejta (l-Artikoli 109 u 110)

Kulħadd huwa intitolat għal aċċess għal dejta dwaru nnifsu u li jitlob li jiġu kkoreġuti xi żbalji li jista’ jkun hemm. Dan l-aċċess għandu jkun konformi mal-liġi nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun saret it-talba.

Stat Membru ma jistax jawtorizza aċċess għal twissija maħruġa minn Stat Membru ieħor mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz ta’ formola K.

2.6.1.   L-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dritt għall-aċċess għad-dejta jew għal rettifika tagħha

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu infurmati b’talba għal aċċess għad-dejta jew għal verifika tagħha, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jsir skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Kull uffiċċju SIRENE għandu japplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar id-dritt għall-aċċess għal din id-dejta. Skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, l-uffiċċji SIRENE għandhom jgħaddu kwalunkwe talba għal aċċess jew rettifika tad-dejta li jirċievu lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, jew inkella għandhom jiddeċiedu dwar dawn it-talbiet fil-limiti tal-kompetenza tagħhom.

(b)

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jitolbu dan, l-uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħaddu l-informazzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-aċċess.

2.6.2.   Informazzjoni dwar talbiet għal aċċess għal twissijiet maħruġa minn Stati Membri oħra, jew korrezzjoni jew tħassir tagħhom

Sa fejn ikun possibbli, l-informazzjoni dwar twissijiet imdaħħla fis-SIS minn Stat Membru ieħor għandha tkun skambjata permezz tal-uffiċċji SIRENE nazzjonali.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

It-talba għal aċċess, korrezzjoni jew tħassir għandha tkun mgħoddija kemm jista’ jkun malajr lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija, sabiex dan ikun jista’ jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni.

(b)

L-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun irċieva t-talba bil-pożizzjoni tiegħu billi jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex it-talba tiġi mwieġba.

(c)

Dan għandu jagħti kas ta’ kwalunkwe skadenza legali stabbilita għall-ipproċessar tat-talba.

(d)

L-Istat Membru li jirċievi talba mingħand individwu għal aċċess, korrezzjoni jew tħassir għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li tingħata tweġiba fil-ħin.

Jekk l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun irċieva t-talba għal aċċess, korrezzjoni jew tħassir, l-uffiċċju SIRENE għandu jiżgura li l-pożizzjoni tiġi mgħoddija lill-awtorità responsabbli li tiġġudika t-talba kemm jista’ jkun malajr.

2.6.3.   Informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ aċċess u rettifika

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

L-uffiċċji SIRENE għandhom iżommu lil xulxin infurmati bi kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali adottata dwar il-proċeduri ta’ aċċess u rettifika ta’ dejta personali, kif ukoll bi kwalunkwe emenda li ssir sussegwentement.

2.7.   Tħassir ta’ twissija meta ma jibqgħux jintlaħqu l-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija

L-uffiċċju SIRENE għandu jinforma lill-Istati Membri li ma setgħux idaħħlu t-twissija tagħhom li kien hemm hit u t-twissija tkun tħassret. L-informazzjoni mill-formola G ipprovduta mill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li kiseb hit għandha tkun ipprovduta permezz ta’ formola M.

Esklużi l-każijiet wara hit, twissija tista’ titħassar direttament mis-C.SIS (meta tgħaddi d-data ta’ skadenza) jew indirettament mis-servizz li jkun daħħal it-twissija fis-SIS (meta ma jibqgħux japplikaw il-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija).

Fiż-żewġ każijiet il-messaġġ tat-tħassir tas-C.SIS għandu jkun ipproċessat awtomatikament mill-N.SIS.

2.8.   Identità użata ħażin

Ikun hemm identità użata ħażin (il-kunjom, l-isem, id-data tat-twelid) meta persuna li twettaq reat tuża l-identità ta’ persuna reali. Dan jista’ jiġri, b’mod partikolari, meta dokument jintuża għad-detriment tad-detentur reali tiegħu.

L-Istat Membru li joħroġ il-kodiċi 3 fil-qasam “kategorija ta’ identità” għandu jibgħat il-formola Q fl-istess ħin li jdaħħal jew jimmodifika t-twissija fis-SIS.

Jekk meta jiġi kkonsultat is-SIS fil-qasam “kategorija ta’ identità” jinstab il-kodiċi 3, l-uffiċjal li jkun qiegħed iwettaq il-kontroll għandu jikkuntattja lill-uffiċċju SIRENE nazzjonali u jikseb informazzjoni addizzjonali sabiex jikkjarifika jekk il-persuna li dwarha jkun qiegħed isir il-kontroll hix il-persuna mfittixija jew il-persuna li l-identità tagħha tkun qiegħda tintuża ħażin.

Hekk kif ikun ċar li l-identità ta’ persuna hija użata ħażin, fit-twissija għandu jiddaħħal kodiċi “3”.

L-informazzjoni supplimentari dwar il-persuna li l-identità tagħha qed tintuża ħażin tista’ tiġi pproċessata biss bil-kunsens liberu u espliċitu tagħha għall-elementi kollha tal-informazzjoni.

Bla ħsara għall-kunsens espliċitu tagħha u b’konformità mal-proċeduri nazzjonali, il-persuna li l-identità tagħha qed tintuża ħażin għandha tipprovdi lill-uffiċċju SIRENE nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija bl-informazzjoni mitluba sabiex ikunu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ identifikazzjoni ħażina, bħalma huma d-dettalji ġenwini, dettalji ta’ dokumenti ta’ identità u/jew billi timla l-formola Q.

Suġġett għall-kundizzjoni msemmija hawn taħt, fil-fajl fl-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jistgħu jinżammu wkoll ir-ritratt u l-marki tas-swaba’ tal-persuna li l-identità tagħha tkun intużat ħażin.

Fuq il-formola Q, in-numru Schengen biss jirreferi għad-dejta tal-persuna mfittxija mit-twissija SIS u l-informazzjoni l-oħra kollha tkun relatata mal-vittma tal-użu ħażin tal-identità. L-informazzjoni taħt l-intestatura 052 (Id-data li fiha nħareġ id-dokument) hija obbligatorja. L-intestatura 083 (Informazzjoni partikolari dwar it-twissija) għandha tipprovdi, kif ikun xieraq, informazzjoni ulterjuri dwar il-każ tal-identità użata ħażin (pereżempju, iktar karatteristiċi distintivi) u għandha dejjem tindika s-servizz ta’ kuntatt li jkollu aktar informazzjoni dwar it-twissija.

Barra minn hekk, meta jkun skopert li persuna li dwarha jkun hemm twissija fis-SIS qiegħda tuża l-identità ta’ xi ħadd ieħor ħażin, l-Istat li jkun ħareġ it-twissija għandu jikkontrolla jekk hux neċessarju li jżomm l-identità użata ħażin fit-twissija SIS (biex tinstab il-persuna mfittxija).

Id-dejta tal-persuna li l-identità tagħha tkun intużat ħażin, inkluż kwalunkwe marka tas-swaba’ u ritratt, għandha tkun disponibbli biss għall-għan li tiġi stabbilita l-identità tal-persuna li tkun qiegħda tiġi kkontrollata u bl-ebda mod ma għandha tintuża għal xi skop ieħor. Waqt il-proċess ta’ tħassir tat-twissija relatata, l-informazzjoni dwar identità użata ħażin għandha titħassar. (uu)

2.9.   Dħul ta’ psewdonimu

Sabiex ikunu evitati twissijiet inkompatibbli ta’ kwalunkwe kategorija minħabba li għandu jiddaħħal psewdonimu, jew sabiex ikunu evitati problemi għal vittmi innoċenti, l-uffiċċji SIRENE, jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli għalihom, għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar psewdonimi u jittrażmettu l-informazzjoni kollha relevanti dwar l-identità reali tas-suġġett imfittex. L-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija oriġinali għandu r-responsabbiltà li jżid kwalunkwe psewdonimu. Jekk Stat Membru ieħor jiskopri psewdonimu, huwa għandu jgħaddi l-kwistjoni f’idejn l-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija oriġinarjament. (vv)

2.10.   SIRPIT (SIRENE Picture Transfer)

2.10.1.   Żvilupp u sfond tas-SIRPIT (SIRENE Picture Transfer)

L-uffiċċji SIRENE għandhom ikunu kapaċi jiskambjaw marki tas-swaba’ u ritratti għal skopijiet ta’ identifikazzjoni.

Meta jkun hemm xi dubju dwar l-identità ta’ persuna misjuba, il-Proċedura SIRPIT tagħmilha possibbli li jiġu skambjati bejn l-uffiċċji SIRENE ritratti u marki tas-swaba’ malajr u b’mod elettroniku sabiex ikun jista’ jsir paragun bejn il-marki tas-swaba’ u r-ritratti tal-persuna misjuba u dawk tal-persuna li dwarha tkun inħarġet twissija.

2.10.2.   Użu tad-dejta skambjata, inkluż l-arkivjar

Il-limiti għall-użu tad-dejta previst fl-Artikoli 95 sa 100 huma stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Schengen. Kwalunkwe użu ta’ ritratti u marki tas-swaba’ skambjati permezz tas-SIRPIT, inkluż l-arkivjar, għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta, skont id-Direttiva 95/46/KE, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ikun xieraq.

2.10.3.   Rekwiżiti tekniċi

Kull uffiċċju SIRENE għandu jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tas-SIRPIT.

L-uffiċċju SIRENE għandu jkun kapaċi li, minn naħa waħda, jiskambja b’mod elettroniku talbiet għal paragun jew verifika u r-riżultati tagħhom, u min-naħa l-oħra, jibgħat b’mod elettroniku t-talbiet tiegħu (mingħajr tibdil) u jirċievi r-riżultati mis-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali tiegħu.

Fis-SIRPIT, il-marki tas-swaba’ u r-ritratti jintbagħtu bħala anness fuq skrin fejn tiddaħħal id-dejta, iddisinjat apposta għal dan l-iskop.

2.10.4.   Is-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali

Is-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali jirċievi biss talbiet mill-uffiċċju SIRENE nazzjonali tiegħu, u jibgħat ir-riżultati lilu.

2.10.5.   Użu tal-formola SIRENE L

It-trażmissjoni (talba għal paragun u r-riżultat tiegħu) permezz tas-SIRPIT għandha tkun imħabbra billi tintbagħat formola L permezz tal-mezz użat normalment għall-formoli SIRENE kollha. Il-formoli L għandhom jintbagħtu fl-istess ħin li fih jintbagħtu l-marki tas-swaba’ u/jew ir-ritratti.

2.10.6.   Il-proċedura SIRPIT

L-uffiċċju SIRENE tal-pajjiż fejn instabet il-persuna minn hawn ’il quddiem jissejjaħ “is-SIRENE tas-sejba”.

L-uffiċċju SIRENE tal-pajjiż li jkun daħħal it-twissija fis-SIS, minn hawn ’il quddiem jissejjaħ “l-uffiċċju SIRENE fornitur”.

Il-proċedura tippermetti żewġ possibbiltajiet:

2.10.6.1.   Il-paragun isir mill-uffiċċju SIRENE tas-sejba

(a)

L-uffiċċju SIRENE tas-sejba jibgħat formola G permezz tal-mezz elettroniku normali u jitlob, fil-qasam 089, lill-uffiċċju SIRENE fornitur biex jibgħat formola L kemm jista’ jkun malajr, kif ukoll il-marki tas-swaba’ u r-ritratti, fejn dawn ikunu disponibbli.

(b)

L-Uffiċċju SIRENE fornitur iwieġeb f’formola L. Jekk il-marki tas-swaba’ u r-ritratti jkunu disponibbli, l-uffiċċju SIRENE fornitur isemmi, fil-qasam 083, li l-marki tas-swaba’ u/jew ir-ritratti ntbagħtu sabiex isir il-paragun.

(c)

L-uffiċċju SIRENE tas-sejba jibgħat il-marki tas-swaba’ u r-ritratti lis-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali tiegħu għal paragun, u jitlob ir-riżultat bl-istess mezz.

(d)

L-uffiċċju SIRENE tas-sejba jipprovdi r-riżultat lill-uffiċċju SIRENE fornitur fuq formola L (fil-qasam 083).

2.10.6.2.   Il-paragun isir mill-uffiċċju SIRENE fornitur

(a)

L-uffiċċju SIRENE tas-sejba jibgħat formola G u formola L permezz tal-mezz elettroniku normali u jgħid, fil-qasam 083 tal-formola L li l-marki tas-swaba’ u r-ritratti qed jintbagħtu għal paragun.

(b)

L-uffiċċju SIRENE fornitur jibgħat il-marki tas-swaba’ u r-ritratti li jkun irċieva lis-servizz ta’ identifikazzjoni nazzjonali tiegħu għal paragun, u jitlob ir-riżultat bl-istess mezz.

(c)

L-uffiċċju SIRENE fornitur jipprovdi r-riżultat lill-uffiċċju SIRENE tas-sejba fuq formola L (fil-qasam 083).

Wara li jsir il-paragun, il-marki tas-swaba’ u r-ritratti tal-persuna rrappurtata jistgħu jinżammu fil-fajl mill-uffiċċju SIRENE tas-sejba, f’każ li jkunu meħtieġa paraguni ulterjuri, skont l-Artikolu 112 A tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Ir-ritratti u l-marki tas-swaba’ ta’ persuna li ma jaqblux mad-dejta tal-persuna rrappurtata u li jkunu ġew skambjati permezz tas-SIRPIT, għandhom ikunu pproċessati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta, skont id-Direttiva 95/46/KE, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ikun xieraq.

2.10.6.3.   L-iskrin fejn tiddaħħal l-informazzjoni

L-input mask għandha tiġi żviluppata b’referenza għal dik eżistenti tal-Interpol (standard ANSI/NIST).

L-input mask għandha tinkludi d-dejta li ġejja:

(1)

Numru ta’ identità (ID) Schengen (*) (ara n-nota 1 ta’ hawn taħt)

(2)

Numru ta’ referenza (*) (ara n-nota 1 ta’ hawn taħt)

(3)

Data tal-marki tas-swaba’

(4)

Post fejn ittieħdu l-marki tas-swaba’

(5)

Data tar-ritratt

(6)

Raġuni għall-marki tas-swaba’ (raġuni għat-twissija wara t-trażmissjoni tal-marki tas-swaba’)

(7)

Kunjom (*) (ara n-nota 2 ta’ hawn taħt)

(8)

Isem (*) (ara n-nota 2 ta’ hawn taħt)

(9)

Kunjom ix-xbubija

(10)

Identità aċċertata?

(11)

Data tat-twelid (*)

(12)

Post tat-twelid

(13)

Nazzjonalità

(14)

Ġeneru (*)

(15)

Informazzjoni supplimentari

Rimarki:

Noti:

(1)

l-informazzjoni trid tiddaħħal fil-Qasam 1 jew fil-Qasam 2

(2)

tista’ tiddaħħal l-għażla “mhux magħruf

Meta jkunu disponibbli, għandhom jiddaħħlu l-post fejn ittieħdu l-marki tas-swaba’ u d-data meta ttieħdu. (yy)

2.11.   Rwol tal-uffiċċji SIRENE fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija fl-Unjoni Ewropea

L-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari taħt il-Konvenzjoni ta’ Schengen ma għandux jippreġudika l-kompiti fdati lill-uffiċċji SIRENE fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija minn liġi nazzjonali li timplimenta strumenti legali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jiġu fdati b’kompiti addizzjonali, b’mod partikolari mil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (25), mill-Artikoli 39 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, sa fejn dawn ma ġewx sostitwiti mid-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI, mill-Artikolu 40 jew 41 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jew jekk l-informazzjoni taqa’ fl-ambitu tal-assistenza legali reċiproka.

Jekk uffiċċju SIRENE jirċievi talba mingħand uffiċċju SIRENE ieħor li tmur lil hinn mill-kompetenza tiegħu skont il-liġi nazzjonali, huwa għandu immedjatament jgħaddiha lill-awtorità kompetenti u għandu jinforma lill-uffiċċju SIRENE li jkun għamel it-talba bl-azzjoni tiegħu. Jekk ikun neċessarju, huwa għandu jipprovdi appoġġ lill-uffiċċju SIRENE li jkun għamel it-talba sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni. (zz)

2.12.   Relazzjonijiet bejn SIRENE u l-Interpol

Ir-rwol tas-SIS la huwa li tieħu post u lanqas li tidduplika r-rwol tal-Interpol. Minkejja li l-ħidmiet jistgħu jikkoinċidu, il-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest ta’ Schengen huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-Interpol. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli għal kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE u l-NCBs (National Central Bureaux – l-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali) fuq livell nazzjonali.

Intlaħaq ftehim dwar il-prinċipji li ġejjin:

2.12.1.   Prijorità tat-twissijiet SIS fuq it-twissijiet tal-Interpol

It-twissijiet SIS u l-iskambju tal-informazzjoni kollha dwar dawn it-twissijiet għandhom dejjem jieħdu prijorità fuq twissijiet u informazzjoni skambjati permezz tal-Interpol. Dan huwa ta’ importanza partikolari jekk it-twissijiet ikunu jikkunfliġġu.

2.12.2.   Għażla tal-mezz ta’ komunikazzjoni

Il-prinċipju li t-twissijiet Schengen jieħdu preċedenza fuq it-twissijiet tal-Interpol għandu jkun rispettat, u għandu jkun żgurat li l-NCBs tal-Istati Membri jkunu wkoll konformi ma’ dan. Meta tinħoloq twissija Schengen, kull komunikazzjoni relatata magħha u mal-iskop wara l-ħolqien tagħha, għandha tingħata mill-uffiċċji SIRENE. Jekk Stat Membru jkun irid jibdel il-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-partijiet l-oħra għandhom jiġu kkonsultati minn qabel. Bidla fil-mezz bħal din hija possibbli biss f’każijiet speċjali.

2.12.3.   Użu u tixrid tad-diffużjonijiet u tal-avviżi tal-Interpol fl-Istati ta’ Schengen

Ladarba teżisti l-prijorità tat-twissijiet SIS fuq dawk tal-Interpol, it-twissijiet tal-Interpol għandhom ikunu ristretti għal każijiet eċċezzjonali (jiġifieri fejn mhux maħsub, fil-Konvenzjoni jew f’termini tekniċi, li t-twissija tiddaħħal fis-SIS, jew fejn ma tkunx disponibbli biżżejjed informazzjoni biex tiddaħħal twissija fis-SIS). Fiż-żona Schengen huwa inammissibbli li jkun hemm twissijiet paralleli fis-SIS u permezz tal-Interpol. Twissijiet li jixxerdu permezz tal-mezzi tal-Interpol u li jkopru wkoll iż-żona Schengen jew partijiet minnha (iż-żona ta’ diffużjoni Interpol 2) għandu jkollhom l-indikazzjoni li ġejja: “Żona 2 għajr għall-Istati ta’ Schengen”.

2.12.4.   Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil pajjiżi terzi

Bħala regola ġenerali, id-dejta mdaħħla fis-SIS ma għandhiex tkun disponibbli għal pajjiżi terzi. Madankollu, fejn Stat Membru jkun ħareġ twissija, l-uffiċċju SIRENE ta’ dak l-Istat Membru li joħroġ it-twissija biss jista’ jiddeċiedi jekk jagħmilx disponibbli l-informazzjoni lil pajjiżi terzi (awtorizzazzjoni, mezz u kanal ta’ diffużjoni). Huwa u jagħmel dan l-uffiċċju SIRENE għandu josserva d-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tad-dejta personali stipulati fil-Konvenzjoni ta’ Schengen, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u d-Direttiva 95/46/KE, kif ikun xieraq. L-użu tal-kanal tal-Interpol jiddependi mid-dispożizzjonijiet jew mill-proċeduri nazzjonali.

2.12.5.   Hit u tħassir ta’ Twissija

Fuq livell nazzjonali l-Istati ta’ Schengen għandhom jiżguraw li l-uffiċċji SIRENE u l-NCBs jinfurmaw lil xulxin dwar il-hits.

It-tħassir ta’ twissija għandu jsir biss mill-awtorità li tkun ħarġitha.

2.12.6.   Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE u l-NCBs tal-Interpol

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex fuq livell nazzjonali jkun hemm skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-uffiċċju SIRENE tiegħu u l-NCBs.

2.13.   Kooperazzjoni mal-EUROPOL u mal-EUROJUST

Biex il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji SIRENE tkun organizzata b’mod konsistenti, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri nazzjonali xierqa, b’mod partikolari għal każijiet fejn l-EUROPOL jew l-EUROJUST ikollhom aċċess għas-SIS u jiksbu hit. (bbb)

2.14.   Tipi ta’ tiftix speċjali

2.14.1.   Tfittxija mmirata ġeografikament

Tfittxija mmirata ġeografikament hija waħda li ssir meta l-pajjiż li jagħmel it-talba jkollu evidenza soda dwar il-lok fejn ikunu jinsabu persuna jew oġġett imfittxija f’żona ġeografika ristretta. F’ċirkostanzi bħal dawn, talba minn awtorità ġudizzjarja tista’ tiġi eżegwita immedjatament mal-wasla tagħha.

Tfittxijiet immirati ġeografikament fiż-żona ta’ Schengen għandhom isiru fuq il-bażi ta’ twissija fis-SIS. Il-formola M relevanti, li għandha tintbagħat fil-ħin hekk kif tinħoloq it-twissija jew hekk kif tinkiseb l-informazzjoni dwar il-lok, għandha tkun tinkludi informazzjoni dwar il-lok tal-persuna jew l-oġġett imfittxija. Twissija dwar persuna mfittxija għandha tiddaħħal fis-SIS sabiex ikun żgurat li talba għal arrest provviżorju tkun infurzabbli immedjatament (l-Artikolu 64 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni ta’ Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW)).

Twissija bħal din iżżid il-possibbiltà ta’ suċċess jekk il-persuna jew l-oġġett jiċċaqilqu meta mhux mistenni minn post għal ieħor fiż-żona Schengen. Każijiet fejn ma tinħoloq l-ebda twissija għandhom ikunu ristretti għal ċirkostanzi speċjali, b’mod partikolari jekk ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tinħoloq twissija.

2.14.2.   Tfittxija bil-parteċipazzjoni ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali għal tfittxija mmirata (FAST)

F’każijiet xierqa, l-uffiċċji SIRENE fl-Istati Membri li ssirilhom it-talba għandhom jużaw ukoll is-servizzi pprovduti minn unitajiet speċjali li jwettqu tfittxijiet immirati (FAST). It-twissija fis-SIS ma tistax tiġi sostitwita b’kooperazzjoni internazzjonali tal-unitajiet tal-pulizija msemmija hawn fuq. Din il-kooperazzjoni ma għandhiex tikkoinċidi mar-rwol tal-uffiċċju SIRENE bħala punt fokali għat-tfittxijiet permezz tas-SIS.

Għandha tkun stabbilita kooperazzjoni, kif ikun xieraq, sabiex ikun żgurat li l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jkun infurmat mill-FAST nazzjonali tiegħu bi kwalunkwe operazzjoni li tkun għaddejja relatata ma’ twissija li tkun iddaħħlet fis-SIS. Fejn ikun xieraq, dan l-uffiċċju SIRENE għandu jipprovdi din l-informazzjoni lil uffiċċji SIRENE oħrajn.

L-uffiċċji SIRENE għandhom jiżguraw fluss veloċi ta’ informazzjoni supplimentari, inkluża informazzjoni dwar hit, lill-FAST nazzjonali jekk din tal-aħħar tkun involuta fit-tftittxija.

2.15.   L-immarkar

Marka għandha tiġi miżjuda meta ssir talba minn Stat Membru ieħor.

L-Artikoli 94(4), 95(3), 97 u 99(6) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jippermettu li Stat Membru jirrifjuta li jwettaq azzjoni mitluba fuq it-territorju tiegħu fi kwalunkwe ħin billi jitlob li tiżdied marka mat-twissijiet skont l-Artikoli 95, 97 jew 99 fejn jikkunsidra li twissija tkun inkompatibbli mad-Dritt nazzjonali tiegħu, mal-obbligi internazzjonali tiegħu jew mal-interessi nazzjonali essenzjali tiegħu. Ir-raġunijiet wara t-talba għandhom jingħataw fl-istess waqt.

Meta tiġi miżjuda marka ma’ twissijiet taħt l-Artikoli 97 u 99, it-twissija ma tidhirx fuq l-iskrin meta l-utent finali jikkonsulta s-sistema. Teżisti proċedura alternattiva biss għat-twissijiet taħt l-Artikolu 95. Kull Stat Membru għandu jsib it-twissijiet li x’aktarx ikunu jirrikjedu marka kemm jista’ jkun malajr.

2.15.1.   Konsultazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li tiżdied marka

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Jekk Stat Membru jitlob li tiżdied marka, dan għandu jitlob, permezz tal-Uffiċċju SIRENE tiegħu, il-marka mill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz ta’ formola F, billi jintużaw l-oqsma 071-074 (26). Għal iktar dettalji dwar id-Dritt nazzjonali, għandu jintuża l-qasam 080, u fejn ikun xieraq, għal informazzjoni supplimentari li tispjega r-raġuni għall-marka u għal informazzjoni supplimentari oħra li tikkonċerna t-twissija, għandu jintuża l-qasam 083.

(b)

L-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija huwa obbligat li jżid il-marka mitluba immedjatament.

(c)

Ladarba l-informazzjoni tkun ġiet skambjata, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fil-proċess ta’ konsultazzjoni mill-Istat Membru li talab il-marka, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li t-twissija tiġi emendata jew imħassra jew li t-talba tiġi rtirata.

2.15.2.   Talba biex titħassar marka

L-Istati Membri għandhom jitolbu t-tħassir tal-marka mitluba preċedentement malli r-raġuni għall-marka ma tibqax iktar valida. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun inbidlet jew jekk skambju ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-każ ikun żvela li ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 94(4), 95(3), 97 u 99(6) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ma għadhomx jeżistu.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

L-uffiċċju SIRENE li preċedentement talab li tiġi miżjuda l-marka għandu jitlob lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija sabiex iħassar il-marka. Din it-talba għandha ssir permezz ta’ formola F. Il-qasam 075 għandu jintuża għal dan l-iskop (27). Għal iktar dettalji dwar id-Dritt nazzjonali, għandu jintuża l-qasam 080, u fejn ikun xieraq, għal informazzjoni supplimentari li tispjega r-raġuni għat-tħassir tal-marka u għal informazzjoni supplimentari oħra li tikkonċerna t-twissija, għandu jintuża l-qasam 083.

(b)

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jħassar il-marka immedjatament. (fff)

2.16.   Indikazzjoni tal-urġenza fil-formoli SIRENE

Il-formoli SIRENE li għandhom jiġu trattati mill-uffiċċju SIRENE li rċieva t-talba bl-ikbar prijorità jistgħu jiġu mmarkati “URĠENTI”, u wara tingħata r-raġuni għall-urġenza. Il-qasam 083 fil-formoli SIRENE għandu jinkludi din l-informazzjoni bħala l-ewwel biċċa informazzjoni, fejn dan ikun xieraq.

3.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 95 (28)

Għandhom ikunu segwiti l-passi li ġejjin:

L-Istat Membru jwettaq kontrolli qabel joħroġ it-twissija

Twissijiet Multipli;

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat lill-Istati Membri;

Fuq talba ta’ Stat Membru ieħor tiżdied marka;

Azzjoni minn uffiċċju SIRENE wara li tasal Twissija taħt l-Artikolu 95;

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit;

Tħassir ta’ twissija

Identità użata ħażin.

3.1.   L-Istat Membru jwettaq kontrolli qabel joħroġ it-twissija

Il-parti l-kbira tat-twissijiet maħruġa taħt l-Artikolu 95 ser ikunu bbażati fuq Mandat ta’ Arrest Ewropew (EAW – European Arrest Warrant). Madankollu, bi twissija taħt l-Artikolu 95 huwa possibbli wkoll li jsir arrest provviżorju qabel ma tinkiseb talba għal estradizzjoni. Il-kontrolli meħtieġa qabel kull wieħed minn dawn il-każijiet huma kif ġej:

Il-EAW/it-talba għal estradizzjoni għandhom jinħarġi minn awtorità ġudizzjarja awtorizzata li twettaq din il-funzjoni fl-Istat Membru li joħroġ it-twissija.

Għandhom jingħataw biżżejjed dettalji fl-EAW/fit-talba għal estradizzjoni u fuq il-formola A (partikolarment, it-taqsima tal-EAW (e): “deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq/twettqu r-reat(i), inklużi l-ħin u l-lok” u l-qasam 044 fuq il-formola A: “deskrizzjoni tal-atti”). (a)

3.2.   Kontroll dwar jekk il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri tawtorizzax l-arrest bil-għan ta’ ċediment jew estradizzjoni

L-Istat Membru li joħroġ twissija għandu jikkontrolla jekk l-arrest li jkun ser jintalab hux awtorizzat mil-liġi nazzjonali ta’ Stati Membri oħra.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Kontroll li l-Istati Membri kollha jistgħu jsegwu fuq it-twissija.

(b)

Jekk ikun hemm xi dubju, għandu jiġi kkonsultat l-uffiċċju SIRENE ikkonċernat u tiġi mgħoddija jew skambjata l-informazzjoni neċessarja għall-kontroll.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa biex jiżgura li t-twissijiet taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 95(2) jiddaħħlu biss fis-SIS wara li jkun ġie infurmat l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru kkonċernat.

3.3.   Twissijiet Multipli

3.3.1.   Kontroll għal twissijiet multipli (l-Artikolu 107)

Kull Stat Membru jista’ jdaħħal biss twissija waħda fis-sistema għal kull persuna mfittxija. Għalhekk, ikun jinħtieġ kontroll biex jiġu identifikati talbiet multipli għal twissija minn Stat Membru wieħed. Fejn ikun hemm talbiet multipli minn Stat Membru wieħed, hija meħtieġa proċedura nazzjonali biex jintlaħaq ftehim liema EAW jintwera fuq it-twissija taħt l-Artikolu 95. Fuq il-bażi ta’ din it-twissija, għandha tintbagħat biss formola A waħda lill-Istati Membri skont il-proċedura msemmija fit-taqsima 3.4. Inkella, jista’ jinħareġ EAW wieħed li jkopri r-reati kollha.

Għall-proċeduri ġenerali dwar il-kontrolli għal twissijiet multipli, ara t-taqsima 2.1.2.

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jżomm rekord ta’ kwalunkwe talba biex tiddaħħal twissija ulterjuri li, wara konsultazzjoni, tkun ġiet miċħuda taħt id-dispożizzjonijiet mogħtija hawn fuq, sakemm titħassar it-twissija.

Kull meta fi Stat Membru tirriżulta hit, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jista’ jibgħat daqskemm EAW jkunu nħarġu mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tagħhom.

Tista’ tiddaħħal twissija għal EAW dwar l-istess persuna minn diversi Stati Membri. Jekk żewġ Stati Membri jew aktar joħorġu EAW għall-istess persuna, id-deċiżjoni dwar liema mandat għandu jiġi eżegwit fil-każ ta’ arrest għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja eżekuttiva fl-Istat Membru fejn ikun sar l-arrest. Jekk it-twissijiet ikunu kompatibbli, fil-każ ta’ hit, għandhom jintbagħatu formoli G bi tweġiba għat-talbiet kollha.

3.3.2.   Skambju ta’ informazzjoni

Ara l-proċeduri ġenerali fit-taqsimiet 2.1.2 u 2.1.3. (d)

3.4.   Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat lill-Istati Membri

3.4.1.   Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward EAW

Għandhom jintużaw il-formoli A u M, li huma uniformi għall-Istati Membri kollha, u l-informazzjoni li jkun fihom għandha tkun l-istess bħal dik fl-EAW.

Fuq il-formola A:

006-013: Għandha tiddaħħal l-informazzjoni relevanti mdaħħla fis-SIS u li tikkorrispondi għat-taqsima (a) tal-EAW.

030: L-informazzjoni li din il-formola A hija speċifika għal EAW għandha tiddaħħal flimkien mad-dettalji tal-maġistrat jew tal-qorti li jkunu ordnaw il-mandat ta’ arrest, meħuda mit-taqsima (i) tal-EAW.

031: Għandha tiddaħħal l-informazzjoni relevanti li tkun tinsab fit-taqsima (b) tal-EAW rigward id-deċiżjoni li fuqha jkun ibbażat il-mandat.

032: Għandha tiddaħħal id-data tal-mandat ta’ arrest.

033: Għandha tiddaħħal il-kapaċità tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, meħuda mit-taqsima (i) tal-EAW.

034: L-informazzjoni relevanti mit-taqsima (c, 1) tal-EAW kif ukoll, fejn applikabbli:

Ir-reat(i) li fuq il-bażi tiegħu/tagħhom inħareġ il-mandat huwa/huma punibbli b’sentenza ta’ għomor f’lok ta’ kustodja jew ordni ta’ għomor f’detenzjoni:

Is-sistema legali tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija tippermetti reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew mill-inqas wara 20 sena, bil-għan li tali piena jew miżura ma jiġux eżegwiti, u/jew

Is-sistema legali tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija tippermetti l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna tkun intitolata taħt il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija, bil-għan li tali piena jew miżura ma jiġux eżegwiti.

035-037: Għandha tiddaħħal l-informazzjoni relevanti mit-taqsima (b) tal-EAW.

038: L-informazzjoni relevanti mit-taqsima (c, 2) tal-EAW kif ukoll, fejn applikabbli

Ir-reat(i) li fuq il-bażi tiegħu/tagħhom inħareġ il-mandat huwa/huma punibbli b’sentenza ta’ għomor f’lok ta’ kustodja jew ordni ta’ għomor f’detenzjoni:

Is-sistema legali tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija tippermetti reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew mill-inqas wara 20 sena, bil-għan li tali piena jew miżura ma jiġux eżegwiti, u/jew

Is-sistema legali tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija tippermetti l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna tkun intitolata taħt il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija, bil-għan li tali piena jew miżura ma jiġux eżegwiti.

039: Għandha tiddaħħal l-informazzjoni mit-taqsima (c, 2) tal-EAW.

040: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar id-dispożizzjoni/kodiċi statutorja/u applikabbli.

041: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat(i).

042: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar il-ħin li fih twettaq/twettqu r-reat(i).

043: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar il-lok fejn twettaq/twettqu r-reat(i).

044: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar iċ-ċirkostanzi tar-reat(i).

045: Informazzjoni mit-taqsima (e) tal-EAW dwar il-grad ta’ parteċipazzjoni tal-persuna mfittxija.

058: Informazzjoni mit-taqsima (a) tal-EAW dwar il-marki distintivi/id-deskrizzjoni tal-persuna.

Fil-qasam 083 ta’ formola M:

Fejn ikun hemm it-test “Informazzjoni dwar deċiżjoni mogħtija in absentia skont it-taqsima (d) tal-EAW” huwa mitlub, fejn applikabbli:

(a)

li jiġi indikat jekk id-deċiżjoni ngħatatx in absentia;

(b)

jekk dan ikun il-każ, li jiġi speċifikat jekk il-persuna kkonċernata ġietx imħarrka jew infurmata personalment bid-data u l-lok tas-smigħ fejn ingħatat id-deċiżjoni in absentia. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jissemmew is-salvagwardji legali. Mid-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI (29), il-kundizzjonijiet ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandhom ikunu indikati fil-qasam 083 kif ġie speċifikat fl-EAW. Għandhom jissemmew il-kodiċijiet 2, 3.1a, 3.1b, 3.2, 3.3 (deċiżjoni mhux ikkontestata), 3.3 (l-ebda talba biex il-kawża terġa’ titressaq quddiem qorti jew għal appell) u 3.4 u, fejn ikun applikabbli, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar kif ġiet issodisfata l-kundizzjoni relevanti.

Fejn ikun hemm it-test “Reat(i) punibbli skont it-taqsima (e, I u II) tal-EAW”, iridu jiddaħħlu, jekk applikabbli, wieħed jew aktar mir-reati punibbli, fl-Istat Membru li joħroġ it-twissija, b’sentenza ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ mill-inqas tliet (3) snin kif iddefiniti bil-liġijiet tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas (jew it-taqsima [(e)I] tal-EAW).

Jekk ir-reat(i) jaqa’/jaqgħu taħt il-lista mogħtija fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas dwar l-EAW, ir-reat(i) għandu/għandhom jiddaħħal/jiddaħħlu fuq il-formola M fl-intier tiegħu/tagħhom, bi qbil mal-kliem użat fil-lista.

Jekk ir-reati ma jaqgħux taħt il-lista msemmija hawn fuq, tkun tinħtieġ l-informazzjoni li ġejja:

(a)

jew li l-mandat inħareġ għal atti punibbli bil-liġi tal-Istat Membru li ħareġ it-twissija b’sentenza ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tnax-il xahar;

(b)

jew, fejn tkun ingħatat sentenza jew ordni ta’ detenzjoni, li s-sentenza hija għal mill-inqas erba’ xhur.

Jekk l-informazzjoni li trid tiddaħħal fil-qasam 083 tal-formoli M tkun ta’ aktar minn 1 024 karattru, trid tintbagħat formola M supplimentari waħda jew aktar.

3.4.2.   Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward arrest provviżorju

Il-fajl ipprovdut rigward persuni mfittxija għall-arrest għal għanijiet ta’ estradizzjoni, għandu jkun imħejji qabel ma tiddaħħal it-twissija. Għandu jsir kontroll biex ikun żgurat li l-informazzjoni hija kompluta u ppreżentata b’mod korrett. Għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja: fil-prinċipju, bħala alternattiva għandhom jingħataw id-dettalji dwar il-prosekuzzjoni jew l-infurzar ta’ sentenzi kriminali:

006: Kunjom: Il-kunjom użat għad-dejta prinċipali fit-twissija SIS jiddaħħal taħt l-intestatura 006.

007: Isem.

009: Data tat-twelid.

010: Post tat-twelid.

011: Psewdonimu: L-ewwel psewdonimu jinkiteb sħiħ u jiġi indikat in-numru totali ta’ psewdonimi oħra misjuba. Tista’ tintuża formola M biex tintbagħat lista kompluta ta’ psewdonimi.

012: Ġeneru.

013: Nazzjonalità: L-intestatura 013 “Nazzjonalità” għandha timtela b’mod kemm jista’ jkun komplut fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli. Jekk ikun hemm xi dubji dwar l-informazzjoni, mal-kelma “nazzjonalità” għandhom jiżdiedu l-kodiċi “1 W” u l-kelma “maħsuba”.

030: Awtorità li ħarġet il-mandat ta’ arrest jew id-deċiżjoni (isem u kariga tal-maġistrat jew tal-prosekutur pubbliku jew l-isem tal-qorti).

031: Numru ta’ referenza tal-mandat ta’ arrest jew tad-deċiżjoni (037). Ara wkoll il-kummenti ta’ hawn taħt.

032: Data tal-mandat jew deċiżjoni ta’ arrest (036). It-talbiet għal prosekuzzjoni kriminali u infurzar jistgħu jinġabru fil-qosor f’dokument ieħor anness.

033: Isem l-awtorità li tagħmel it-talba.

034: Piena massima/piena massima prevista.

035: Maġistrat jew qorti li ħarġu d-deċiżjoni.

036: Data tad-deċiżjoni.

037: Numru ta’ referenza tad-deċiżjoni.

038: Sentenza mogħtija.

039: Indikazzjoni tas-sentenza li għad trid tiġi skontata.

040: Testi legali applikabbli.

041: Deskrizzjoni legali tal-att.

042: Data/perjodu meta twettaq ir-reat.

044: Deskrizzjoni tal-fatti tal-każ (inklużi l-konsegwenzi tagħhom).

045: Grad ta’ involviment (prinċipali - kompliċi – ta(t) għajnuna – ta(t) assistenza).

Kull pajjiż jista’ juża t-terminoloġija legali tiegħu stess biex jiddeskrivi l-grad ta’ parteċipazzjoni.

L-informazzjoni mogħtija għandha tkun dettaljata biżżejjed biex l-uffiċċji SIRENE l-oħrajn jivverifikaw it-twissija, iżda mhux daqshekk fid-dettall li s-sistema tal-messaġġi titgħabba żżejjed.

Jekk l-uffiċċji SIRENE ma jkunux jistgħu jirċievu l-messaġġ għax in-numru ta’ spazji fissi għall-formola relevanti, għal raġunijiet tekniċi, ma jkunux biżżejjed, tista’ tintbagħat formola M bl-informazzjoni supplimentari. Tmiem it-trażmissjoni jiġi indikat bil-frażi “Tmiem tal-Messaġġ” fl-aħħar formola (l-intestatura 044 tal-formola A jew l-intestatura 083 tal-formola M).

3.4.3.   Dħul ta’ psewdonimu

Ara l-proċeduri ġenerali fit-taqsima 2.9.

F’każ ta’ twissijiet għal arrest, l-Uffiċċju SIRENE għandu juża l-qasam 011 tal-formola A  (30) (fi żmien id-dħul tat-twissija) jew sussegwentement il-formola M, meta jinforma lill-Istati Membri l-oħra bil-psewdonimi rigward twissija maħruġa taħt l-Artikolu 95, jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-uffiċċju SIRENE.

3.4.4.   Informazzjoni Ulterjuri biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija jista’ wkoll, jekk ikun meħtieġ, jipprovdi informazzjoni ulterjuri, wara konsultazzjoni u/jew fuq it-talba ta’ Stat Membru ieħor, biex jgħin biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna. L-informazzjoni għandha tkopri b’mod partikolari dan li ġej:

l-oriġini tal-passaport jew tad-dokument ta’ identità fil-pussess tal-persuna mfittxija;

in-numru ta’ referenza, id-data, il-post u l-awtorità tal-ħruġ kif ukoll id-data ta’ skadenza tal-passaport jew tad-dokument ta’ identità;

deskrizzjoni tal-persuna mfittxija;

il-kunjom u l-isem ta’ omm u missier il-persuna mfittxija;

kontroll jekk humiex disponibbli ritratt u/jew marki tas-swaba’;

l-aħħar indirizz magħruf.

Sa fejn huwa possibbli, din l-informazzjoni, inklużi kwalunkwe ritratt u marka tas-swaba’, għandha tkun disponibbli fl-uffiċċji SIRENE, jew tkun aċċessibbli għalihom b’mod immedjat u permanenti sabiex ikunu jistgħu jiġu trażmessi malajr.

L-għan komuni huwa li kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-riskju li tinżamm bi żball persuna li d-dettalji tagħha jkunu simili għal dawk ta’ persuna li dwarha tkun inħarġet twissija.

3.4.5.   Kif jintbagħtu l-formoli A u M

L-informazzjoni msemmija fi 3.3.1, 3.3.2 għandha tintbagħat bl-aktar mezz rapidu disponibbli. L-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jibgħat il-formoli A u M fl-istess ħin li jdaħħal it-twissija taħt l-Artikolu 95.2 fis-SIS. Kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meħtieġa għal skopijiet ta’ identifikazzjoni għandha tintbagħat wara konsultazzjoni ma’ u/jew fuq it-talba ta’ Stat Membru ieħor. Jekk ikun neċessarju, jistgħu jintabagħtu formoli M multipli li jiddeskrivu EAW (jew talbiet għal estradizzjoni) differenti. Il-formola M għandha tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar it-tip ta’ reat li fuqu huwa bbażat l-EAW, id-data ta’ meta ġie kkummissjonat ir-reat u l-istatut ta’ limitazzjonijiet. Jekk il-ħruġ ta’ EAW ġdid li jikkonċerna persuna li diġà hija s-suġġett ta’ EAW jitlob is-sostituzzjoni ta’ formola A eżistenti, il-fatt li l-formola A l-ġdida tkun sostituzzjoni għandu jkun indikat fil-formula l-ġdida fil-qasam 030.

3.5.   L-immarkar

Għall-proċeduri ġenerali, ara t-taqsima 2.15.

Twissija b’marka magħha għandha titqies bħala li nħarġet sabiex jiġi kkomunikat il-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

3.5.1.   Talba sistematika biex tiżdied marka mat-twissijiet dwar persuni mfittxija biex jiġu arrestati għal skopijiet ta’ estradizzjoni fejn id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri  (31) ma tapplikax

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Fil-każ ta’ twissijiet dwar persuni mfittxija biex jiġu arrestati għal skopijiet ta’ estradizzjoni, fejn id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ma tapplikax, uffiċċju SIRENE jista’ jitlob lil uffiċċji SIRENE oħrajn sabiex iżidu marka sistematikament mat-twissijiet taħt l-Artikolu 95 maħruġa dwar iċ-ċittadini tiegħu.

(b)

Kwalunkwe uffiċċju SIRENE li jkun jixtieq jagħmel dan għandu jibgħat talba bil-miktub lill-uffiċċji SIRENE l-oħra.

(c)

Kwalunkwe uffiċċju SIRENE li ssirlu talba bħal din għandu jżid marka għall-Istat Membru kkonċernat immedjatament hekk kif tinħareġ it-twissija.

(d)

Il-marka għandha tibqa’ sakemm l-uffiċċju SIRENE li għamel it-talba jitlob li tiġi kkanċellata.

Jekk ma jibqgħux jeżistu ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 94(4) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, l-Istat Membru li jkun talab għall-marka għandu kemm jista’ jkun malajr jitlob li l-marka titneħħa. (i)

3.6.   Azzjoni minn uffiċċji SIRENE wara li tasal twissija taħt l-Artikolu 95

Meta uffiċċju SIRENE jirċievi l-formoli A u M, l-uffiċċju jew unità assoċjata għandhom, hekk kif ikun prattikabbli, ifittxu s-sorsi disponibbli kollha biex jippruvaw isibu fejn ikun jinsab is-suġġett. Jekk l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru li jagħmel it-talba ma tkunx biżżejjed biex tiġi aċċettata mill-Istat Membru li jirċeviha, dan ma għandux iżomm milli t-tfittxijiet isiru xorta waħda.

Jekk it-Twissija taħt l-Artikolu 95 tiġi validata u s-suġġett jinstab jew jiġi arrestat fl-Istat Membru, imbagħad l-EAW u/jew il-formoli A u M għandhom jiġu mgħoddija lill-awtorità tal-Istat Membru li jeżegwixxi l-EAW. Jekk jintalab l-EAW oriġinali, dan għandu jintbagħat mill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġitu direttament lill-awtorità ġudizzjarja li tkun ser teżegwih (sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor). (j)

3.7.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

3.7.1.   Informazzjoni lill-Istati Membri li twissija ġiet imqabbla

Għall-proċedura ġenerali, ara t-taqsima 2.2.1.

Barra minn hekk, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Hit fuq individwu li dwaru tkun inħarġet twissija taħt l-Artikolu 95 għandha dejjem tkun ikkomunikata lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija. Barra minn hekk,wara li tintbagħat il-formola G, il-hit għandha tiġi kkomunikata wkoll, fejn ikun xieraq, bit-telefown.

(b)

L-awtorità kompetenti biex tirċievi l-EAW jew it-talba għal estradizzjoni, id-dettalji ta’ kuntatt għal komunikazzjoni sħaħ tagħha (indirizz postali, numru tat-telefown u, jekk disponibbli, numru tal-faks u l-indirizz tal-e-Mail), in-numru ta’ referenza (jekk disponibbli), il-persuna kompetenti (jekk disponibbli), il-lingwa mitluba, il-limitu ta’ żmien għall-konsenja u l-forma tagħha għandhom ikunu pprovduti fil-qasam 091 tal-formola G.

(c)

Stat Membru li preċedentement ikun indika x-xewqa li joħroġ twissija dwar persuna jew oġġett li dwarhom diġà teżisti twissija, għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe hit dwar it-twissija oriġinali mill-Istat Membru li effettivament ikun ħareġ dik it-twissija;

(d)

Is-C.SIS awtomatikament tikkomunika t-tħassir ta’ twissija lill-Istati Membri kollha. Għalhekk ikun possibbli li Stat Membru jikkunsidra li jdaħħal twissija, li qabel kienet titqies inkompatibbli ma’ twissija li issa tkun tħassret.

3.7.2.   Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet taħt l-Artikolu 95, u jekk tali informazzjoni taqa’ fl-ambitu ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka, meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

3.7.3.   Is-segwitu ta’ hit

L-utent finali jista’ jitlob lill-uffiċċju SIRENE jipprovdilu informazzjoni supplimentari biex ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv il-proċeduri previsti fit-tabelli SIS 4, 10 jew 16, kif stabbilit fl-Anness 4.

Sakemm ma jingħadx mod ieħor, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jiġi infurmat bil-hit u bl-eżitu tagħha.

Din il-proċedura għandha implikazzjonijiet tekniċi, għaliex it-twissija jista’ jkun li jkun hemm bżonn li titħassar u li issa tkun tista’ tiddaħħal twissija oħra li preċedentement tkun ġiet eskluża mis-SIS.

3.7.4.   Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar ċediment jew estradizzjoni

Informazzjoni, meta pprovduta mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti lill-uffiċċju SIRENE dwar jekk jistax ikun hemm iċ-ċediment jew l-estradizzjoni ta’ persuna li dwarha tkun inħarġet twissija għal arrest, għandha tiġi pprovduta immedjatament lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz ta’ formola M, immarkata fil-qasam 083 bil-kelma “ĊEDIMENT” jew “ESTRADIZZJONI” (32). Il-modalitajiet taċ-ċediment jew tal-estradizzjoni għandhom jiġu kkomunikati permezz tal-uffiċċji SIRENE kemm jista’ jkun malajr.

Jekk it-tranżitu ta’ persuna mftixxija jkun neċessarju, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru fejn ser isir it-tranżitu għandu jipprovdi l-appoġġ u l-assistenza neċessarji, bi tweġiba għal talba mill-uffiċċju SIRENE jew mill-awtorità ġudizzjara kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija, mibgħuta mill-uffiċċju SIRENE, permezz ta’ formola M.

3.8.   Tħassir ta’ twissija

L-Istati Membri li ma setgħux idaħħlu twissija tagħhom għandhom ikunu infurmati meta ssir hit u li t-twissija tkun tħassret.

3.8.1.   Tħassir meta ma jibqgħux jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija

Esklużi l-każijiet wara li tinstab hit, twissija tista’ titħassar jew mis-C.SIS (meta tgħaddi d-data ta’ skadenza) mis-servizz li jkun daħħal it-twissija fis-SIS (meta ma jibqgħux japplikaw il-kundizzjonijiet għaż-żamma tat-twissija).

Fiż-żewġ każijiet il-“ħassar il-messaġġ” tas-C.SIS għandu jkun ipproċessat awtomatikament mill-N.SIS sabiex minfloku tkun tista’ tiddaħħal twissija miżmuma pendenti.

L-uffiċċju SIRENE jiġi notifikat awtomatikament b’messaġġ mill-N.SIS tiegħu li twissija li kienet ġiet imwaqqfa issa tista’ tiddaħħal.

L-uffiċċju SIRENE għandu japplika l-proċedura kollha għad-dħul ta’ twissija fil-kategorija ta’ twissijiet xierqa. (m)

3.9.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.8. (c)

4.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 96 (33)

Għandhom ikunu segwiti l-passi li ġejjin:

Dħul tat-twissija

Kontroll għal twissijiet multipli, issir referenza għall-Proċeduri Ġenerali fit-taqsima 2.1

Dħul ta’ psewdonimu, issir referenza għall-Proċeduri Ġenerali fit-taqsima 2.9

Identità użata ħażin, issir referenza għall-Proċeduri Ġenerali fit-taqsima 2.8

Il-proċedura SIRPIT, issir referenza għall-Proċeduri Ġenerali fit-taqsima 2.10

Proċeduri ġenerali u speċjali li għandhom jiġu segwiti

4.1.   Introduzzjoni

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li dwarhom tkun inħarġet twissija taħt l-Artikolu 96 jippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu fil-każ ta’ applikazzjoni għad-dħul jew għall-viża. Jekk l-individwu jkun diġà fit-territorju tal-Istat Membru, dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-azzjoni xierqa biex jinħarġu l-permessi ta’ residenza, il-viżi għal soġġorn fit-tul jew biex l-individwu jitkeċċa.

It-twettiq tal-proċeduri ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni stipulati taħt l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli fil-fruntieri u mill-ħruġ tal-permessi ta’ residenza jew tal-viżi. Fil-prinċipju, l-uffiċċji SIRENE għandhom ikunu involuti f’dawn il-proċeduri biss għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni supplimentari relatata direttament mat-twissijiet (eż. in-notifika ta’ hit, kjarifika tal-identità) jew għat-tħassir tat-twissijiet.

Madankollu, l-uffiċċji SIRENE jistgħu jkunu involuti wkoll fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni supplimentari neċessarja għat-tkeċċija jew għar-rifjut tad-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz; u, jistgħu jkunu involuti fit-trażmissjoni ulterjuri ta’ kwalunkwe informazzjoni supplimentari ġġenerata minn dawn l-azzjonijiet (a)

4.2.   Dħul ta’ twissijiet skont l-Artikolu 96

It-twissija tiddaħħal fis-SIS, jekk l-uffiċċju SIRENE ikun l-awtorità nnominata għal dħul bħal dan.

Fil-każ eċċezzjonali ta’ dħul ta’ twissija dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi mid-dritt għal moviment liberu, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jibgħat formola M lill-Istati Membri l-oħra kollha, ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità li tkun daħħlet it-twissija (34).

4.3.   Dħul ta’ psewdonimu

Ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.9. (c)

4.4.   Identità użata ħażin

Jekk meta tiġi kkonsultata s-SIS fil-qasam “kategorija ta’ identità” jinstab il-kodiċi 3, l-uffiċjal li jkun qiegħed iwettaq il-kontroll għandu jikkuntattja lill-uffiċċju SIRENE nazzjonali u jikseb informazzjoni addizzjonali sabiex jikkjarifika jekk il-persuna li dwarha jkun qiegħed isir il-kontroll hix il-persuna mfittixija jew il-persuna li l-identità tagħha tkun qiegħda tintuża ħażin.

Għall-ġbir u għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar persuna li l-identità tagħha tintuża ħażin, ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.8. (d)

4.5.   Tipi ta’ proċeduri SIRENE li għandhom jiġu segwiti

Il-proċeduri ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw għall-uffiċċji SIRENE, sa fejn jibagħtu informazzjoni supplimentari:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni meta jiġi miċħud id-dħul jew issir tkeċċija mit-territorju ta’ Schengen;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni meta jinħarġu permessi ta’ residenza jew viżi għal soġġorn fit-tul.

Il-proċeduri speċjali li ġejjin għandhom japplikaw għall-uffiċji SIRENE, sa fejn jgħaddu informazzjoni supplimentari:

(a)

proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen;

(b)

proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen;

(c)

skambju ta’ informazzjoni dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu;

(d)

tħassir ta’ twissijiet imdaħħla għal ċittadini tal-UE.

4.6.   Skambju ta’ informazzjoni wara hit

4.6.1.   Skambju ta’ informazzjoni meta jiġi rrifjutat id-dħul jew issir tkeċċija mit-territorju ta’ Schengen

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Stat Membru jista’ jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe hit fuq twissijiet għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn li jkun ħareġ. Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq dan għandu jagħmel talba lill-Istati Membri l-oħra bil-miktub.

(b)

L-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jista’ jieħu l-inizjattiva u jinforma lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija li tali twissija tkun ġiet imqabbla u li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma ngħatax permess jidħol jew li ġie mkeċċi mit-territorju ta’ Schengen.

(c)

Jekk fit-territorju tiegħu Stat Membru jinterċetta ċittadin ta’ pajjiż terz li dwaru tkun inħarġet twissija, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-persuna kkonċernata tiġi rritornata, jekk jintalab jagħmel dan. Skont il-ħtiġiet tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni u, jekk tkun disponibbli għall-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija, din l-informazzjoni, mogħtija f’formola M, għandha tinkludi dan li ġej:

it-tip ta’ deċiżjoni u r-raġuni warajha

l-awtorità li toħroġ id-deċiżjoni

id-data tad-deċiżjoni

id-data tal-ordni legali (id-data meta ntbagħtet id-deċiżjoni)

id-data tal-infurzar

id-data tal-iskadenza tad-deċiżjoni jew it-tul tal-perjodu ta’ validità tagħha.

Jekk persuna li dwarha tkun ħarġet twissija tiġi interċettata fil-fruntiera, għandhom jiġu segwiti l-proċeduri stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija.

Jista’ jkun hemm ukoll ħtieġa urġenti għal informazzjoni supplimentari li għandha tiġi skambjata permezz tal-uffiċċji SIRENE f’każijiet speċifiċi sabiex jiġi identifikat individwu b’ċertezza.

4.6.2.   Skambju ta’ informazzjoni meta jinħarġu permessi ta’ residenza jew viżi

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

L-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jista’ jinforma lill-Istat Membru li jkun ħareġ twissija għal rifjut tad-dħul jew tad-soġġorn li t-twissija ġiet imqabbla matul il-proċedura għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża għal soġġorn fit-tul.

(b)

L-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija mbagħad jista’ jinforma lill-Istati Membri l-oħra billi juża formola M, jekk dan ikun xieraq.

(c)

Jekk jintalbu jagħmlu dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jassistu fit-trażmissjoni tal-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet xierqa li jkunu responsabbli mill-ħruġ tal-permessi ta’ residenza u tal-viżi.

4.6.3.   Proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

4.6.3.1.   Proċedura skont l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Jekk Stat Membru li qed jikkunsidra li jagħti permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul jiskopri li l-applikant ikkonċernat huwa s-suġġett ta’ twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa għandu jikkonsulta mal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija permezz tal-uffiċċji SIRENE. Għal dak l-iskop għandha tintuża formola N. It-twissija għandha titħassar jekk, wara konsultazzjoni, l-Istat Membru jsostni d-deċiżjoni tiegħu li joħroġ il-permess ta’ residenza. Il-persuna, madankollu, tista’ titqiegħed fuq il-lista nazzjonali tat-twissijiet għal rifjut tad-dħul ta’ Stat Membru.

4.6.3.2.   Proċedura skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Jekk Stat Membru li jkun daħħal twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn isir jaf li l-persuna li hija s-suġġett tat-twissija nħarġilha permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul, huwa għandu jinstiga proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, permezz tal-Uffiċċji SIRENE, billi juża formola O. Il-konsultazzjoni permezz tal-uffiċċji SIRENE billi tintuża formola O għandha ssir ukoll jekk l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul jiskopri sussegwentement li hemm twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn fis-SIS dwar dik il-persuna (35).

Jekk Stat Membru terz (jiġifieri, la dak li ta l-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul u lanqas dak li jkun ħareġ it-twissija) jiskopri li hemm twissija dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul minn wieħed mill-Istati Membri, huwa għandu jinnotifika kemm lill-Istat Membru li ta l-permess jew il-viża għal soġġorn fit-tul kif ukoll lill-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija, permezz tal-uffiċċji SIRENE billi juża formola H.

Jekk il-proċedura prevista taħt l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen tinvolvi t-tħassir ta’ twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn, l-uffiċċji SIRENE għandhom, filwaqt li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, joffru l-appoġġ tagħhom jekk jintalbu jagħmlu dan.

4.6.4.   Proċeduri speċjali kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

4.6.4.1.   Proċedura f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Skont l-Artikolu 5(4)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn u li, fl-istess ħin, għandu permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għal dħul mill-ġdid maħruġin minn wieħed mill-Istati Membri, għandu jitħalla jidħol għal skopijiet ta’ tranżitu fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, il-viża għal soġġorn fit-tul jew il-viża għal dħul mill-ġdid, meta jaqsam fruntiera fi Stat Membru ieħor. Id-dħul jista’ jiġi rrifjutat jekk dan l-Istat Membru jkun ħareġ twissija nazzjonali għal rifjut tad-dħul.

Jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jipprova jidħol fl-Istat Membru li daħħal it-twissija fis-SIS, id-dħul tiegħu jista’ jiġi miċħud minn dan l-Istat Membru. Madankollu, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-uffiċċju SIRENE ta’ dak l-Istat Membru għandu jikkonsulta lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza billi juża formola O sabiex jippermetti li l-awtorità kompetenti tiddetermina jekk hemmx biżżejjed raġunijiet sabiex jiġi rtirat il-permess ta’ residenza. Jekk il-permess ta’ residenza ma jiġix irtirat, it-twissija fis-SIS għandha titħassar imma l-persuna kkonċernata tista’ madankollu titqiegħed fil-lista nazzjonali ta’ twissijiet għal rifjut tad-dħul.

Jekk din il-persuna tipprova tidħol fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, hija għandha titħalla tidħol fit-territorju imma l-uffiċċju SIRENE ta’ dak l-Istat Membru, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, għandu jibgħat formola O lill-uffiċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija sabiex l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-irtirar tal-permess ta’ residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul jew dwar it-tħassir tat-twissija.

Jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jipprova jidħol fi Stat Membru terz, li la huwa l-Istat li ħareġ it-twissija u lanqas dak li ta l-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, u l-Istat Membru terz isir jaf li hemm twissija fis-SIS dwar dik il-persuna, għalkemm huwa jkollu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul maħruġ minn wieħed mill-Istati Membri, huwa għandu jippermetti t-tranżitu lejn l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul. Id-dħul jista’ jiġi rrifjutat jekk dan l-Istat Membru terz ikun qiegħed lill-persuna kkonċernata fil-lista nazzjonali ta’ twissijiet tiegħu. Fiż-żewġ każijiet, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-uffiċċju SIRENE tiegħu, għandu jibgħat lill-Uffiċċji SIRENE taż-żewġ Stati Membri kkonċernati formola H fejn jinfurmahom bil-kontradizzjoni u jitlobhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex titħassar it-twissija fis-SIS jew jiġi ritrat il-permess ta’ residenza jew tiġi rtirata l-viża għal soġġorn fit-tul. Huwa jista’ jitlob ukoll li jiġi infurmat bir-riżultat ta’ kwalunkwe konsultazzjoni.

4.6.4.2.   Proċedura f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Skont l-Artikolu 5(4)(c), Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju li persuna li dwarha nħarġet twissija għal ċaħda ta’ dħul ma għandhiex titħalla tidħol għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li ppermetta d-dħul għandu jinforma lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija b’dan billi juża formola H.

4.7.   Skambju ta’ informazzjoni dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu

Fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandhom japplikaw regoli speċjali (36).

4.7.1.   Skambju ta’ informazzjoni wara hit

Jekk ikun hemm hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu, għandha tiġi segwita l-proċedura li ġejja:

(a)

Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandu jikkuntattja immedjatament lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija billi juża formola G, sabiex jikseb l-informazzjoni neċessarja ħalli tittieħed deċiżjoni mingħajr dewmien dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

(b)

Malli jirċievi talba għal informazzjoni, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu immedjatament jibda jiġbor l-informazzjoni mitluba u għandu jibagħatha kemm jista’ jkun malajr lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

(c)

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jikkontrolla mal-awtorità kompetenti, jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha disponibbli, jekk it-twissija tistax tinżamm skont id-Direttiva 2004/38/KE. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li żżomm it-twissija, l-Uffiċċju SIRENE tal-istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jinforma lill-uffiċċji SIRENE l-oħra kollha b’dan, permezz ta’ formola M.

(d)

L-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandu jinforma, permezz tal-uffiċċju SIRENE tiegħu, lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jekk l-azzjoni mitluba twettqitx (u għandu jikkonferma dan billi juża formola M) jew le (billi juża formola H).

4.7.2.   Skambju ta’ informazzjoni jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut tad-dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu

Jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut tad-dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu, l-uffiċċju SIRENE ta’ dan l-Istat Membru, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, għandu jibgħat formola M lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija fejn jinformah b’dan.

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jikkontrolla mal-awtorità kompetenti, jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha disponibbli, jekk it-twissija tistax tinżamm skont id-Direttiva 2004/38/KE. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li żżomm it-twissija, l-Uffiċċju SIRENE tal-istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jinforma lill-uffiċċji SIRENE l-oħra kollha b’dan, permezz ta’ formola M.

4.8.   Tħassir ta’ twissijiet imdaħħla għaċ-ċittadini tal-UE

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li dwaru tkun inħarġet twissija għal rifjut tad-dħul jew tas-soġġorn, jikseb iċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri (37), it-twissija għandha titħassar. Jekk il-bidla fiċ-ċittadinanza tiġi għall-attenzjoni ta’ uffiċċju SIRENE ta’ pajjiż għajr ta’ dak li ħareġ it-twissija, tal-ewwel għandu jibgħat lill-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija formola J, skont il-proċedura għal rettifika u tħassir ta’ dejta misjuba legalment jew fattwalment mhux preċiża (ara t-taqsima 2.5).

4.9.   Informazzjoni lill-Istati Membri ta’ Schengen li twissija ġiet imqabbla

L-uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri li jkunu ħarġu twissijiet taħt l-Artikolu 96 mhux bilfors għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe hit bħala kwistjoni ta’ proċedura, iżda għandhom ikunu infurmati f’ċirkostanzi eċċezzjonali jekk l-informazzjoni supplimentari tintalab skont it-taqsimiet 4.6 sa 4.8. (Ara wkoll it-taqsima 2.2.1(g)).

Madankollu, l-uffiċċji SIRENE għandhom jipprovdu statistika dwar dawk il-hits.

5.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 97 (38)

Għandhom ikunu kkunsidrati l-passi li ġejjin:

Kontroll għal twissijiet multipli, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.1

Fuq talba ta’ Stat Membru ieħor tiżdied Marka

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Identità użata ħażin, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.8

Il-proċedura SIRPIT, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.10.

5.1.   L-immarkar

Ara l-proċeduri ġenerali fit-taqsima 2.15. (a)

5.2.   Għoti ta’ dettall deskrittiv dwar minorenni neqsin u persuni oħrajn ivvalutati bħala li qegħdin f’riskju

L-uffiċċji SIRENE għandu jkollhom aċċess fil-pront għall-informazzjoni supplimentari kollha relevanti fuq il-livell nazzjonali dwar twissijiet għal persuni neqsin sabiex l-uffiċċji SIRENE ikun jista’ jkollhom rwol sħiħ ħalli jkun hemm eżitu pożittiv għall-każijiet, tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-persuna u tkun ipprovduta informazzjoni supplimentari fil-pront dwar kwistjonijiet marbuta mal-każ. L-informazzjoni supplimentari relevanti tista’ tkopri, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-kustodja ta’ tfal jew persuna vulnerabbli jew talbiet għall-użu ta’ mekkaniżmi ta’ “Twissija dwar Tfal”.

Fil-każ ta’ persuna nieqsa li tinsab f’riskju kbir, il-qasam 083 tal-formola M għandu jibda bil-kelma “urġenti”. Din l-urġenza għandha tissaħħaħ permezz ta’ telefonata li tenfasizza l-importanza tal-formola M u n-natura urġenti tagħha.

Peress li l-qasam 083 tal-formola M għandu kapaċità teknika limitata sabiex iżomm l-informazzjoni, għandu jintuża metodu komuni sabiex tiddaħħal informazzjoni supplimentari struttura u għall-ordni ta’ dik l-informazzjoni. (39)

Peress li mhux il-persuni neqsin vulnerabbli kollha ser jaqsmu fruntieri nazzjonali, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari (dwar dettall deskrittiv) u dwar ir-riċeventi tagħha għandhom jittieħdu każ b’każ, fejn tiġi koperta l-firxa kollha taċ-ċirkostanzi. Wara deċiżjoni fuq il-livell nazzjonali dwar kemm jeħtieġ li tintbagħat informazzjoni supplimentari bħal din, l-uffiċċju SIRENE, sa fejn ikun xieraq, għandu jieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

iżomm l-informazzjoni sabiex ikun jista’ jgħaddi informazzjoni supplimentari meta jintalab jagħmel dan minn Stat Membru ieħor;

(b)

jgħaddi l-formola M lill-uffiċċju SIRENE kompetenti jekk l-investigazzjonijiet jindikaw destinazzjoni probabbli għall-persuna nieqsa;

(c)

jgħaddi l-formola M lill-uffiċċji SIRENE kollha kompetenti, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-għajbien sabiex tkun ipprovduta d-dejta kollha li tikkonċerna l-persuna f’perjodu qasir ta’ żmien.

Malli uffiċċju SIRENE jirċievi informazzjoni, sabiex jimmassimizza l-opportunitajiet li l-persuna tinstab b’mod immirat u raġunat, din għandha tiġi kkomunikata, sa fejn ikun xieraq:

(a)

lill-postazzjonijiet tal-fruntieri relevanti;

(b)

lill-awtoritajiet amministrattivi u tal-pulizija kompetenti sabiex jinstabu u jiġu protetti l-persuni;

(c)

lill-awtoritajiet konsulari relevanti tal-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija wara li tinstab hit fis-SIS. (d)

5.3.   Is-segwitu ta’ hit

Għall-proċeduri ġenerali, ara t-taqsima 2.2.

Meta tinkiseb hit dwar persuna nieqsa li tkun maġġorenni, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun kiseb hit għandu jinforma lill-utenti finali li l-komunikazzjoni tad-dejta dwar persuna nieqsa li tkun maġġorenni għandha tkun suġġetta għall-kunsens tal-persuna (40). Il-kunsens għandu jkun bil-miktub jew għall-inqas għandu jkun disponibbli rekord bil-miktub. F’każijiet fejn il-kunsens jiġi rrifjutat, dan għandu jkun bil-miktub jew għandu jiġi rreġistrat uffiċjalment. Biex tkun ikkomunikata iktar informazzjoni, ara l-proċedura fit-taqsima 2.2.2.

6.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 98 (41)

Għandhom ikunu kkunsidrati l-passi li ġejjin:

Kontroll għal twissijiet multipli, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.1

It-twissija tiddaħħal fis-SIS

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Identità użata ħażin, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.8

Il-proċedura SIRPIT, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.10.

6.1.   Is-segwitu ta’ hit

Għall-proċeduri ġenerali, ara t-taqsima 2.2.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Il-post ta’ residenza jew ta’ domiċilju għandu jinkiseb billi jintużaw il-miżuri kollha permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun instabet il-persuna.

(b)

Għandu jkun hemm stabbiliti proċeduri nazzjonali, kif ikun xieraq, sabiex ikun żgurat li t-twissijiet jinżammu fis-SIS biss għaż-żmien meħtieġ sabiex jintlaħqu l-iskopijiet li għalihom kienu pprovduti.

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet taħt l-Artikolu 98, u jekk tali informazzjoni taqa’ fl-ambitu ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka, meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

7.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 99 (42)

Għandhom ikunu kkunsidrati l-passi li ġejjin:

Kontroll għal twissijiet multipli, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.1

Fuq talba ta’ Stat Membru ieħor tiżdied Marka

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Il-proċedura SIRPIT, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.10

7.1.   Dħul ta’ psewdonimu

Ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.9.

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu infurmati bil-psewdonimi rigward twissija maħruġa skont l-Artikolu 99 permezz ta’ formola M. Kull fejn ikun hemm bżonn, l-uffiċċji SIRENE għandhom jgħaddu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom responsabbli minn kull kategorija ta’ twissija.

7.2.   Informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra meta jinħarġu twissijiet mitluba minn awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà nazzjonali

Meta jdaħħal twissija fuq it-talba ta’ awtorità responsabbli mis-sigurtà nazzjonali, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jinforma lill-uffiċċji SIRENE l-oħra kollha biha billi juża formola M u jindika l-Artikolu 99(3) fil-qasam 083.

Il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni għandha tiġi salvagwardjata skont il-liġi nazzjonali, li tinkludi li l-kuntatt bejn l-uffiċċji SIRENE jinżamm separat minn kwalunkwe kuntatt bejn is-servizzi responsabbli mis-sigurtà nazzjonali. (b)

7.3.   L-immarkar

Ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.15. (c)

7.4.   Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri wara hit

Għat-twissijiet taħt l-Artikolu 99(2) ara l-proċedura ġenerali fit-taqsima 2.2.

Barra minn hekk, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Meta jkun hemm hit pożittiva dwar twissija taħt l-Artikolu 99(3), l-uffiċċju SIRENE tas-sejba għandu jinforma lill-uffiċċju SIRENE li jagħmel it-talba bir-riżultati (sorveljanza diskreta jew kontroll speċifiku) permezz tal-formola G. Fl-istess waqt l-uffiċċju SIRENE tas-sejba għandu jinforma lis-servizz kompetenti tiegħu li jkun responsabbli mis-sigurtà nazzjonali.

(b)

Jekk is-servizz tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li jsib il-hit jiddeċiedi li t-twissija tirrikjedi marka ta’ validità, dan għandu jikkuntattja lill-uffiċċju SIRENE nazzjonali tiegħu sabiex joħloq il-marka mal-uffiċċju SIRENE li jagħmel it-talba (permezz tal-formola F). Ma għandux ikun mitlub jispjega r-raġunijiet għall-marka, iżda t-talba għandha ssir permezz tal-mezzi SIRENE.

(c)

Biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni hija meħtieġa proċedura speċifika. Għalhekk, kwalunkwe kuntatt bejn is-servizzi responsabbli mis-sigurtà nazzjonali għandu jinżamm separat mill-kuntatt bejn l-uffiċċji SIRENE. Għaldaqstant, ir-raġunijiet għal talba għall-marka għandhom ikunu diskussi direttament bejn is-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u mhux permezz tal-uffiċċji SIRENE.

8.   TWISSIJIET SKONT L-ARTIKOLU 100 (43)

Għandhom ikunu kkunsidrati l-passi li ġejjin:

Kontrolli għal twissijiet multipli

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Il-proċedura SIRPIT, issir referenza għat-taqsima tal-Proċeduri Ġenerali 2.10

8.1.   Twissijiet dwar vetturi skont l-Artikolu 100

8.1.1.   Kontrolli għal twissijiet multipli fuq vettura

L-elementi ta’ deskrizzjoni tal-identità obbligatorji għal twissijiet dwar vettura huma:

il-pjanċa tar-reġistrazzjoni/tan-numru, u/jew

in-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura (vehicle identification number - VIN).

Iż-żewġ numri jistgħu jiddaħħlu fis-SIS.

Il-kontrolli għal twissijiet multipli jsiru billi jitqabblu n-numri. Jekk meta tiddaħħal twissija ġdida, jinstab li l-istess numru tas-serje u/jew numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni jeżistu diġà fis-SIS, huwa preżunt li t-twissija l-ġdida ser tirriżulta fi twissijiet multipli dwar l-istess vettura. Madankollu, dan il-metodu ta’ verifika huwa effettiv biss fejn l-elementi ta’ deskrizzjoni użati jkunu l-istess. Għalhekk mhux dejjem ikun possibbli li jitqabblu.

L-uffiċċju SIRENE għandu jiġbed l-attenzjoni tal-utenti nazzjonali għall-problemi li jistgħu jinqalgħu fejn wieħed biss min-numri jkun tqabbel. Rispons pożittiv ma jfissirx awtomatikament li hemm hit, u rispons negattiv ma jfissirx li ma hemmx twissija dwar il-vettura.

L-elementi ta’ deskrizzjoni tal-identità użati biex jiġi stabbilit jekk żewġ annotazzjonijiet dwar vetturi humiex identiċi jinsabu fid-dettall fl-Anness 6 ta’ dan il-Manwal.

Il-proċeduri ta’ konsultazzjoni li għandhom jiġu applikati mill-uffiċċji SIRENE għall-vetturi għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-persuni. Għall-proċeduri ġenerali, ara t-taqsima 2.1.

L-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jżomm rekord ta’ kwalunkwe talba biex tiddaħħal twissija ulterjuri li, wara konsultazzjoni, tkun ġiet miċħuda taħt id-dispożizzjonijiet mogħtija hawn fuq, sakemm titħassar it-twissija.

8.1.2.   VIN doppji

VIN doppju jirreferi għal vettura tal-istess tip bl-istess numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) bħal vettura mdaħħla fis-SIS (eż. trattur u mutur bl-istess VIN ma jaqgħux f’din il-kategorija). Sabiex ikunu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ qbid ripetut tal-vettura legalment irreġistrata bl-istess VIN għandhom japplikaw ir-regoli speċifiċi li ġejjin.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

1.

Fejn tkun stabbilita l-possibbiltà ta’ VIN doppju, l-uffiċċju SIRENE għandu, kif ikun xieraq:

(a)

jiżgura ruħu li ma hemm l-ebda żball fit-twissija fis-SIS u li l-informazzjoni tat-twissija hija kemm jista’ jkun kompluta;

(b)

jikkontrolla ċ-ċirkostanzi tal-każ li qed jagħti lok għal twissija fis-SIS;

(c)

isir jaf l-istorja taż-żewġ vetturi sa mill-produzzjoni tagħhom;

(d)

jitlob kontroll bir-reqqa tal-vettura maqbuda, b’mod partikolari tal-VIN tagħha, sabiex jivverifika jekk tkunx il-vettura legalment irreġistrata.

L-uffiċċji SIRENE involuti għandhom jikkooperaw mill-qrib meta jieħdu miżuri bħal dawn.

2.

Fejn tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ VIN doppju, l-informazzjoni supplimentari pprovduta mill-Istat Membru li ħoloq it-twissija oriġinali, permezz tal-formola M, għandha tinkludi, kif ikun xieraq, il-marki li jiddeskrivu l-vettura legalment irreġistrata u li jiddistingwuha mill-vettura mdaħħla fis-SIS (44).

3.

Barra minn hekk, meta jsir jaf b’każ ta’ VIN doppju, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jikkontrolla jekk hemmx għalfejn tinżamm it-twissija fis-SIS.

8.2.   Komunikazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri wara hit

L-uffiċċji SIRENE jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet imdaħħla taħt l-Artikolu 100, u jekk tali informazzjoni taqa’ fl-ambitu ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka, jistgħu jagħmlu dan f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Meta jinkiseb hit dwar twissija maħruġa dwar vettura skont l-Artikolu 100 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, l-uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija għandu jibgħat l-informazzjoni ulterjuri mitluba kemm jista’ jkun malajr u bl-iktar mod komprensiv possibbli permezz ta’ formola P, b’risposta għal formola G.

(NB: Minħabba li t-talba tkun urġenti u minħabba li għalhekk ma jkunx possibbli li l-informazzjoni tinġabar kollha immedjatament, huwa maqbul li ċerti intestaturi ma jkunux obbligatorji imma fakultattivi, u li għandhom isiru sforzi biex tinġabar l-informazzjoni dwar l-intestaturi ewlenin, per eż.: 041, 042, 043, 162, 164, 165, 166 u 167).

9.   STATISTIKA

Darba fis-sena l-uffiċċji SIRENE għandhom jipprovdu statistika dwar il-hits, il-komunikazzjonijiet u l-ammont ta’ xogħol. L-istatistika għandha tkopri l-Artikoli kollha u t-tipi kollha ta’ twissijiet. Ir-rapport ta’ statistika għandu jintbagħat b’mod elettroniku lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


(1)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (SCH/Com-ex (94)29 rev. 2). (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 130).

(3)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta’ Ottubru 1997 (SCH/com-ex 97(27) rev. 4) għall-Italja u (SCH/com-ex 97(28) rev. 4) għall-Awstrija.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/848/KE tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fil-Greċja, (ĠU L 327, 21.12.1999, p. 58).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/777/KE tal-1 ta’ Diċembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, u fl-Islanda u n-Norveġja (ĠU L 309, 9.12.2000, p. 24).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul fis-seħħ ta’ partijiet tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(9)  ĠU C 340, 10.11.1997, p. 92.

(10)  ĠU L 323, 8.12.2007, p. 34.

(11)  ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17.

(12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(13)  ĠU L 327, 5.12.2008, p. 15.

(14)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.

(16)  Kif inhu stabbilit fl-Artikoli 101 A u 101B tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

(17)  Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, l-artikoli kollha li ssir referenza għalihom għandhom jinftiehmu bħala artikoli tal-Konvenzjoni tal-1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod il-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni (il-Konvenzjoni ta’ Schengen). L-Artikolu 92(4) sar effettiv skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/451/ĠAI (ĠU L 158, 21.6.2005, p. 26) u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/211/ĠAI (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 44).

(18)  Gwida ddettaljata dwar il-miżuri tas-sigurtà tal-IT tingħata fit-taqsima 5 tal-Katalgu rrivedut tal-UE dwar Schengen: Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, SIRENE.

(19)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/265/KE tas-27 ta’ Marzu 2000 dwar it-twaqqif ta’ regolament finanzjarju li jirregola l-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-budget tat-treġija mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ta’ kuntratti konklużi f’ismu, f’isem ċerti Stati Membri, li jirrelataw għall-istallazzjoni u l-ħidma tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-ambjent ta’ Schengen, Sisnet. (ĠU L 85, 6.4.2000, p.12).

(20)  Informazzjoni wara twissija dwar is-sigurtà nazzjonali

(21)  Kontroll għal twissija doppja dwar l-istess persuna

(22)  Kontroll għal twissija doppja dwar l-istess vettura

(23)  Il-membri tal-persunal għandhom jirċievu, fost suġġetti oħrajn, taħriġ xieraq dwar ir-regoli tas-sigurtà tad-dejta u tal-protezzjoni tad-dejta u għandhom ikunu mgħarrfin dwar kwalunkwe pieni kriminali rilevanti. Il-membri tal-persunal għandhom ikunu jafu wkoll bir-regoli nazzjonali rilevanti dwar is-sigriet professjonali jew b’obbligi oħrajn ekwivalenti tal-kunfidenzjalità li għandhom japplikaw għall-persunal kollu tas-SIRENE.

(24)  Id-Dokument tal-Kunsill 5076/07, verżjoni 5.6.

(*)  Obbligatorji

(25)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).

(26)  Għall-implimentazzjoni teknika, ara d-dokument dwar l-Iskambju tad-Dejta bejn is-SIRENEs imsemmi fit-taqsima 1.5.4.

(27)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 26.

(28)  “Persuni mfittxija għall-arrest għal ċediment/estradizzjoni”.

(29)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24).

(30)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 26.

(31)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(32)  Ara wkoll it-taqsima 2.16. dwar indikazzjoni ta’ urġenza fil-formoli SIRENE.

(33)  Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nħarġet twissija dwarhom għal skopijiet ta’ rifjut ta’ dħul (l-Artikoli 25 u 96 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen).

(34)  Skont id-Direttiva 2004/38/KE, persuna li tibbenefika mid-dritt għal-libertà ta’ moviment tista’ tiġi mċaħħda mid-dħul jew mis-soġġorn għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika meta l-kondotta personali tagħha tirrappreżenta theddida ġenwina, immedjata u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà u meta jiġu rispettati l-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 27(2) jistipula: “Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.” Barra minn hekk, hemm limiti addizzjonali għall-persuni li jgawdu mid-dritt ta’ residenza permanenti li jistgħu jiġu miċħuda mid-dħul jew mis-soġġorn biss minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika kif ġie ddikjarat fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva.

(35)  Fil-każ ta’ twissijiet għal rifjut tad-dħul maħruġa għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, jeħtieġ li jitfakkar li mhuwiex possibbli, bħala kwistjoni ta’ rutina, li tiġi kkonsultata s-SIS qabel ma tinħareġ karta ta’ residenza għal tali persuna. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE jelenka l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jinkiseb id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fi Stat Membru ospitant mill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz. Din il-lista, li hija eżawrijenti, ma tagħtix lok għal konsultazzjoni ta’ rutina tas-SIS qabel ma jinħarġu l-karti ta’ residenza. L-Artikolu 27(3) ta’ din id-Direttiva jispeċifika li l-Istati Membri, jekk iqisu dan bħala essenzjali, jistgħu jitolbu informazzjoni mingħand Stati Membri oħrajn biss dwar kwalunkwe rekord tal-pulizija preċedenti (għaldaqstant mhux id-dejta kollha tas-SIS). Talbiet bħal dawn ma għandhomx isiru bħala kwistjoni ta’ rutina.

(36)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 34.

(37)  Iċ-ċittadini tal-Islanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Isvizzera jgawdu minn dritt għal moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont il-ftehimiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u dawn il-pajjiżi, min-naħa l-oħra.

(38)  Persuni neqsin jew persuni li, għall-protezzjoni tagħhom stess jew sabiex jiġi pprevenut theddid, jeħtieġ li jitpoġġew temporanjament taħt il-protezzjoni tal-pulizija

(39)  Dejta dwar l-għajbien:

(a)

Post, data u ħin tal-għajbien.

(b)

Ċirkostanzi tal-għajbien.

Dettalji tal-persuna nieqsa:

(c)

Età apparenti.

(d)

Tul.

(e)

Kulur tal-ġilda.

(f)

Kulur u sura tax-xagħar.

(g)

Kulur tal-għajnejn.

(h)

Dettalji fiżiċi oħrajn (jiġifieri, piercings, deformazzjonijiet, amputazzjonijiet, tpinġijiet fuq il-ġilda, marki, ċikatriċi, eċċ.).

(i)

Dettalji psikoloġiċi: f’riskju ta’ suwiċidju, mard mentali, imġiba aggressiva, eċċ.

(j)

Dettalji oħrajn: trattament mediku neċessarju, eċċ.

(k)

Ħwejjeġ milbusa fil-ħin tal-għajbien.

(l)

Ritratt: jekk hux disponibbli jew le.

(m)

Formola ante-mortem: jekk hijiex disponibbbli jew le.

Informazzjoni relatata:

(n)

Persuna/i li tista’/jistgħu takkumpanjaha/jakkumpanjawha (u l-ID ta’ Schengen jekk disponibbli).

(o)

Vettura/i relatata/i mal-każ (u l-ID ta’ Schengen jekk disponibbli).

It-titoli tas-suboqsma differenti nfushom ma għandhomx jiġu inklużi bħala parti mill-qasam 83, imma biss l-ittra ta’ referenza.

(40)  Għal ċarezza dwar il-kunsens fi kwistjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 281, 22.11.1995, p. 31).

(41)  Dejta dwar xhieda, persuni mħarrka biex jidhru quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji b’konnessjoni ma’ proċeduri kriminali

(42)  Persuni jew vetturi għall-iskop ta’ sorveljanza diskreta jew ta’ kontrolli speċifiċi oħrajn

(43)  Oġġetti mfittxija għall-iskop ta’ qbid jew ta’ użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali.

(44)  Informazzjoni supplimentari bħal din tista’ tinkludi:

(a)

Dettalji tal-pjanċa bin-numru tal-vettura

(b)

Kategorija tal-vettura, marka tal-vettura, mudell tal-vettura, kulur

(c)

Karatteristiċi jew dettalji oħrajn li jiddistingwu l-vettura li huma faċilment rikonoxxibbli

(d)

Dettalji sħaħ tas-sid

(e)

Numru tas-serje tad-dokument ta’ reġistrazzjoni tal-vettura.


Top