Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0147

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ April 2024.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità – Determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru – Kriterju demografiku.
    Kawża C-147/23.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:346

    Kawża C‑147/23

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir‑Repubblika tal‑Polonja

    Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tal‑25 ta’ April 2024

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità – Determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru – Kriterju demografiku”

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva 2019/1937 – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-termini mogħtija – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

      (Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/1937, Artikolu 26(1) u (3))

      (ara l-punti 36 sa 38, u d-dispożittiv 1 u 2)

    2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kriterji

      (Artikolu 260(3) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/1937, Artikolu 26(1) u (3))

      (ara l-punti 57, 59, 60, 62, 63, 66 sa 69, 72 sa 82, u 84 sa 86)

    3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jibqa’ sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja – Kundanna għall-ħlas – Kundizzjoni – Persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sal-għoti tas-sentenza

      (Artikolu 260(3) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/1937)

      (ara l-punti 64, 65 u 109, u d-dispożittiv 3)

    4. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji

      (Artikolu 260(3) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/1937, Artikolu 26(1) u (3))

      (ara l-punti 87 sa 90, 92, 94, u 97 sa 103)

    5. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji

      (Artikolu 260(3) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2019/1937, Artikolu 26(1) u (3))

      (ara l-punti 104 sa 108)

    Sunt

    Wara li kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba l-assenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi ( 1 ) u tal-komunikazzjoni tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-metodu applikat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiddetermina l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji.

    Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi, din l-istituzzjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja, fis‑17 ta’ Jannar 2022, ittra ta’ intimazzjoni u, fil‑15 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, li permezz tagħha hija stednitha tikkonforma ruħha, fi żmien xahrejn, mal-obbligi tagħha. Fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu, dan l-Istat Membru indika li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali Pollakk tal-miżuri ta’ traspożizzjoni kellha ssir f’Jannar, imbagħad f’Awwissu 2023.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tikkonstata r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi u li tikkomunikahom lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, timponilha għal dan l-għan sanzjonijiet pekunjarji sal-ammonti ffissati abbażi tal-linji gwida li jinsabu fil-Komunikazzjoni tal‑2023 ( 2 ).

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, anki jekk jitqies li r-Repubblika tal-Polonja tqis li l-pandemija tal-COVID-19 u d-dħul ta’ refuġjati li jirriżultaw mill-aggressjoni tal-Ukraina mir-Russja jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri li pprekluda t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi fit-terminu mogħti, kien biss fl-istadju tar-risposta li dan l-Istat Membru rrefera għall-ewwel darba għal dawn l-avvenimenti bħala ġustifikazzjoni għad-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, għalkemm dawn l-avvenimenti kienu estranji għar-Repubblika tal-Polonja, anormali u imprevedibbli, xorta jibqa’ l-fatt li hija kellha taġixxi bid-diliġenza kollha meħtieġa billi tinforma fi żmien xieraq lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan l-Istat Membru kien għadu ma ttrasponiex id-Direttiva dwar l-informaturi fi tmiem il-fażi bil-miktub ta’ din il-proċedura, jiġifieri kważi sena wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, u iktar minn sena u nofs wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst minn din id-direttiva.

    Għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma setax jiġi ġġustifikat minn dawn l-avvenimenti li seta’ kellhom biss effett indirett fuq il-proċess ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-opportunità li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’dan il-każ, kellhom jiġu imposti kemm somma f’daqqa kif ukoll pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

    Fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, hija osservat li l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżura dissważiva kienet neċessarja sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu. Fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja kompliet bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum kienet tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex jiġi żgurat li jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien xieraq li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti fid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-metodu tal-iffissar tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-fattur relatat mal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, li l-ammont tas-sanzjonijiet imposti fuq Stat Membru għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u għandu jkun proporzjonat mal-ksur imwettaq. Issa, l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva neċessarjament tostakola l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati.

    B’mod partikolari, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-Komunikazzjoni tal‑2023. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ma setgħetx tinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri sabiex tiġġustifika applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità uniku, peress li kien ċar li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istati Membri fuq l-interessi privati u pubbliċi kkonċernati jistgħu jvarjaw mhux biss minn Stat Membru għal ieħor, iżda wkoll skont il-kontenut normattiv tad-direttiva li ma ġietx trasposta.

    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx tinħeles mill-obbligu tagħha li tevalwa, każ b’każ, il-konsegwenzi tal-ksur ikkonstatat fuq l-interessi privati u pubbliċi. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi kien ta’ gravità partikolarment serja peress li din id-direttiva tikkostitwixxi strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija intiża li tipproteġi lill-persuni li jirrapportaw il-ksur ta’ dan id-dritt. Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha neċessarjament tippreġudika l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu.

    Fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n”, kriterju li jirrifletti l-effett dissważiv tas-sanzjoni u stabbilit fil-Komunikazzjoni tal‑2023 għal kull Stat Membru, jieħu inkunsiderazzjoni prinċipalment il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, dan il-metodu huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li teżisti korrelazzjoni bejn id-daqs tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru u l-kapaċità ta’ ħlas tiegħu, li ma huwiex neċessarjament il-każ. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku jwassal għal separazzjoni tal-fattur “n” mill-kapaċità reali ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jwassal għall-iffissar ta’ fattur “n” li ma jikkorrispondix neċessarjament għal din il-kapaċità.

    Għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku għall-iffissar tal-fattur “n”, bl-għan tad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, jippermetti li tinżamm ċerta differenza bejn il-fatturi “n” tal-Istati Membri, dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru tiġi ddeterminata skont kriterji li ma jirriflettux din il-kapaċità.

    Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-Komunikazzjoni tal‑2023.

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ffissat, f’dan il-każ, l-ammonti ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

    F’dan il-kuntest, hija enfasizzat li l-gravità partikolarment serja tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kienet msaħħa mill-fatt li, fi tmiem il-proċedura bil-miktub, ir-Repubblika tal-Polonja kienet għadha ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi.

    Barra minn hekk, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet mifruxa fl-ordinament ġuridiku Pollakk li r-Repubblika tal-Polonja allegat li kienu konformi ma’ ċerti rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-informaturi, l-assenza ta’ regoli speċifiċi u ċari dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi protezzjoni effettiva ta’ dawn il-persuni u għalhekk tista’ ddaħħal inkwistjoni l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan id-dritt fl-oqsma koperti minn din id-direttiva.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Polonja ma adottatx, fit-terminu li hija kienet ħabbret, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva dwar l-informaturi, il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informaturi kienet teħtieġ l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha kellu jiġi ffissat għal EUR 7000000. Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’din is-sentenza jkun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet ikkundannata tħallas lill-Kummissjoni, b’effett minn dik id-data u sa meta dan l-Istat Membru jkun temm dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 40000.


    ( 1 ) Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-informaturi”).

    ( 2 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”)

    Top