This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022TJ0209
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024.
Shahla Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-209/22.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024.
Shahla Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-209/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:498
(Kawża T-209/22)
Shahla Makhlouf
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża – Talba għall-adattament tar-rikors – Kundizzjonijiet
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 86(1))
(ara l-punti 25, 29)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/1836 u (PESK) 2021/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012 u 2021/237)
(ara l-punti 36 sa 42)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-appartenenza tiegħu għall-familji Assad jew Makhlouf – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2021/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2021/237 u 2023/1027)
(ara l-punti 43, 46, 47)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u r-Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan fil-konfront ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja u ta’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 Artikoli 27(1) u (2)(a) u (b), u 28(1) u (2), Artikoli 1(2)(a) u (3), u 28(2)(a); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, u 2015/1828, Artikolu 15(1)(a) u (1a)(b))
(ara l-punti 49-52, 54)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u r-Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ tar-reġim Sirjan fil-konfront tal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja – Żball ta’ evalwazzjoni
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 u (PESK) 2021/855, Artikoli 27(1)(a) sa (3), u 28(1) sa (3); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012 u 2015/1828 Artikolu 15(1) (a) u (1a)(b))
(ara l-punti 53, 55 sa 58, 60, 63, 67, 69, 72, 73, 76, 77)
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)
(ara l-punt 87)
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni fl-adozzjoni tal-att – Evalwazzjoni tal-illegalità tal-att jew tal-aġir tal-istituzzjoni – Neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi kuntestwali u temporali – Eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Assenza
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2021/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2022/237 u 2023/1027)
(ara l-punti 90-93, 99-102)
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjonijiet, tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom – Miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi – Evalwazzjoni tal-legalità tal-agir tal-istituzzjonijiet – Prova – Sorsi ta’ informazzjoni ta’ natura pubblika – Ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni fil-listi kkontestati – Assenza
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2021/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2022/237 u 2023/1027)
(ara l-punti 96, 97)
Sunt
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra Shahla Makhlouf billi ppreċiżat, b’mod partikolari, il-portata tal-kriterju ta’ appartenenza tal-familja stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/255 ( 1 ) dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-regoli dwar l-oneru tal-prova u dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni stabbilita minn din id-deċiżjoni.
Shahla Makhlouf hija waħda mill-bniet ta’ Mohammed Makhlouf, negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana, li miet fit-12 ta’ Settembru 2020, li ismu kien ġie inkluż fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja mill-Kunsill fl-2011 ( 2 ).
Isem ir-rikorrenti ġiet inkluża fil-listi inkwistjoni fl-21 ta’ Frar 2022 ( 3 ), minħabba r-raġuni segwenti: “[B]int Mohammed Makhlouf u membru tal-familja Makhlouf”. Din l-inklużjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta’ appartenenza għall-familji Assad u Makhlouf stabbilit mill-Artikolu 27(2)(b) u mill-Artikolu 28(2) (b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll mill-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 36/2012 ( 4 ), kif emendat bir-Regolament 2015/1828. Għal dan l-għan, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni ta’ Mohammed Makhlouf minn qorti Sirjana tas-27 ta’ Settembru 2020, li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, eredi tad-decujus. L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi nżammet, b’mod partikolari, fil-25 ta’ Mejju 2023 ( 5 ).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Skont ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li tappartjeni għall-familja Makhlouf ma għandux jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li l-kriterji ta’ inklużjoni speċifiċi fir-rigward tal-kategoriji differenti ta’ persuni msemmija mid-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 ( 6 ), huma awtonomi meta mqabbla mal-kriterju ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan iddefinit minn din id-deċiżjoni ( 7 ). Għalhekk, is-sempliċi fatt li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji ta’ persuni inkwistjoni huwa biżżejjed sabiex jippermetti li jittieħdu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi prodotta l-prova tal-appoġġ li l-persuni kkonċernati jagħtu lir-reġim Sirjan eżistenti jew tal-benefiċċju li huma jiksbu minnu. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-kriterju tal-appartenenza tal-familja jistabbilixxi kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra “membri tal-familja Makhlouf”. Madankollu, il-persuni inkwistjoni ma għandhomx jiġu inklużi fil-listi kontenzjużi jekk tkun teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li huma ma humiex assoċjati mar-reġim Sirjan, li huma ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex marbuta ma’ riskju reali ta’ evitar tal-miżuri restrittivi ( 8 ). Il-Qorti Ġenerali fakkret f’dan ir-rigward li hija r-rikorrenti li għandha, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tal-atti kkontestati, tipproduċi provi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan li tirriżulta mill-kriterju ta’ appartenenza tal-familja.
Ir-rikorrenti indikat, f’dan il-każ, li hija l-frott ta’ żwieġ li dam biss ftit xhur bejn ommha u Mohammed Makhlouf, u li hija qatt ma għexet fis-Sirja u li qattgħet tfulitha ma’ ommha fil-Libanu, hija ftit li xejn iffrekwentat lil missierha. Hija ppreċiżat ukoll li kisbet in-nazzjonalità Amerikana wara li emigrat fl-Istati Uniti fl-1990, fejn hija segwiet kors ta’ edukazzjoni ogħla, u li issa hija tirrisjedi hemmhekk ma’ żewġha u mat-tfal tagħha. Hija pproduċiet numru ta’ dokumenti insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha li, skont il-Qorti Ġenerali, jikkorroboraw lil dawn tal-aħħar, peress li ċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrenti issa kien jinsab fl-Istati Uniti. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-avviż tal-mewt ta’ Mohammed Makhlouf, li kien isemmi l-ismijiet tal-ħames subien u ta’ żewġt ibniet tad-decujus, ma kienx isemmi, hekk kif huwa normali, la dak tar-rikorrenti u lanqas dak ta’ ommha bħala ex konjuġi tad-decujus. Hija ddeċiediet għalhekk li l-provi prodotti mir-rikorrenti huma ta’ natura konsistenti u kredibbli u li, meħuda flimkien, isostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-affermazzjonijiet tagħha dwar it-tneħħija tagħha mill-familja Makhlouf. Għalhekk, l-imsemmija elementi jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konsistenti dwar l-ineżistenza jew l-għajbien tar-rabta mar-reġim Sirjan, tal-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim jew tal-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evitar tal-miżuri restrittivi. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti għandha, f’dan ir-rigward, titqies li kkonfutat b’mod validu l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan li tirriżulta mill-kriterju tal-appartenenza tal-familja.
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-atti kkontestati huma vvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni u ddikjarat l-annullament tagħhom sa fejn [jirrigwardaw lir-rikorrenti.]
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42).
( 2 ) Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/488/PESK, tal-1 ta’ Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 199, p. 74) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 755/2011 tal- 1 ta’ Awwissu 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 199, p. 33). L-isem ta’ Mohammed Makhlouf tneħħa mill-imsemmija listi permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/306 tal-24 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2022, L 46, p. 95) u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/299 tal-24 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2022, L 46, p. 1).
( 3 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/242 tal-21 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2022, L 40 I, p. 26) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/237 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 40, p. 6).
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal-25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 139, p. 49), u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018, L 139, p. 1).
( 6 ) ara l-Artikolu 27(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.
( 7 ) ara l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.
( 8 ) ara l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.