EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0208

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024.
Kinda Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri – Dritt għall-ħajja tal-familja – Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-208/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:497

Kawża T‑208/22

Kinda Makhlouf

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri – Dritt għall-ħajja tal-familja – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża – Talba għall-adattament tar-rikors – Kundizzjonijiet

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 86(1))

    (ara l-punti 25, 29)

  2. Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża – Talba għall-adattament tar-rikors – Obbligu għar-rikorrent li jsostni l-imsemmija talba b’motivi u argumenti adattati – Assenza, ħlief fil-każ ta’ differenzi sostanzjali bejn iż-żewġ atti – Obbligu ta’ verifika tal-Qorti Ġenerali

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 86(1) u (4))

    (ara l-punti 35 sa 37)

  3. Proċedura ġudizzjarja – Adattament tat-talbiet fil-mori tal-kawża – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Traspożizzjoni tal-motivi inizjali – Kundizzjonijiet

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 86(4))

    (ara l-punti 38, 39)

  4. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri – Limitazzjonijiet – Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/242; Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nri 36/2012 u 2022/237)

    (ara l-punti 51 sa 54, 56, 58, 61)

  5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jaderixxu mal-perspettiva tal-partijiet interessati – Assenza – Obbligu li tingħata tweġiba għall-argumenti kollha tal-partijiet – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

    (ara l-punt 68)

  6. Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2023/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nri 36/2012, 2022/237 u 2023/1027)

    (ara l-punti 76 sa 82)

  7. Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-appartenenza tiegħu għall-familji Assad jew Makhlouf – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2023/1035, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2022/237 u 2023/1027)

    (ara l-punti 83, 86, 87, 121 sa 123)

  8. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/782/PESK u r-Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ sostenn tar-reġim Sirjan kontra nisa u rġiel tan-negozju influwenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja u membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

    (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836, Artikoli 27(1) u (2)(a) u (b), u 28(1) u(2); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012 u 2015/1828, Artikolu 15(1)(a) u (1a)(b))

    (ara l-punti 89 sa 92, 94)

  9. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/782/PESK u r-Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ sostenn tar-reġim Sirjan kontra membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja – Assenza

    (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, Artikoli 27(1) sa (3), u 28(1) sa (3); Regolamenti tal-Kunsill Nri 36/2012 u 2015/1828, Artikolu 15(1)(a) u (1a)(b), u (1b))

    (ara l-punti 93, 95 sa 98, 101 sa 104, 114, 116, 125)

  10. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Artikoli 5(4) u 29 TUE; Artikolu 215 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2023/1035, Artikolu 28(6); Regolamenti tal-Kunsill Nri 36/2012, 2022/237 u 2023/1027, Artikolu 16)

    (ara l-punti 131 sa 155, 160)

  11. Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Restrizzjonijiet għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Artikoli 5(4) u 29 TUE; Artikolu 215 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/242 u (PESK) 2023/1035, Artikolu 27(9) u (34); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2022/237 u 2023/1027, Artikolu 32(4))

    (ara l-punti 163, 168 sa 183)

  12. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    (ara l-punti 187, 191, 192)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Kinda Makhlouf kontra atti li inkludew isimha fil-listi ta’ persuni li bbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim Sirjan jew li appoġġawh u li għalihom kienu japplikaw, għal din ir-raġuni, miżuri restrittivi. Hija ppreċiżat, b’mod partikolari, il-portata tal-kriterju ta’ appartenenza tal-familja stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/255 ( 1 ) dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-regoli dwar l-oneru tal-prova u l-inverżjoni tal-preżunzjoni stabbilita minn din id-deċiżjoni.

Kinda Makhlouf hija waħda mill-bniet ta’ Mohammed Makhlouf, negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana, li miet fit-12 ta’ Settembru 2020, li ismu kien ġie inkluż fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2011 ( 2 ).

Isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-listi inkwistjoni fl-21 ta’ Frar 2022 ( 3 ), għar-raġuni segwenti: “[B]int Mohammed Makhlouf u membru tal-familja Makhlouf”. Din l-inklużjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta’ appartenenza għall-familji Assad u Makhlouf, stabbilit permezz tal-Artikolu 27(2)(b) u tal-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll permezz tal-Artikolu 15(1a)(b) tar-Regolament Nru 36/2012 ( 4 ), kif emendat bir-Regolament 2015/1828. Għal dan l-għan, il-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni ta’ Mohammed Makhlouf minn imħallef Sirjan tas-27 ta’ Settembru 2020, li ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti, eredi tal-mejjet. L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi nżammet, b’mod partikolari, fil-25 ta’ Mejju 2023 ( 5 ).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Skont ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li tappartjeni lill-familja Makhlouf ma kellux jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li l-kriterji ta’ inklużjoni speċifiċi fir-rigward tad-diversi kategoriji ta’ persuni previsti mid-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836 ( 6 ), huma awtonomi meta mqabbla mal-kriterju ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan iddefinit minn din id-deċiżjoni ( 7 ). B’hekk, is-sempliċi fatt li jkunu jappartjenu għal waħda mill-kategoriji ta’ persuni inkwistjoni huwa biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, mingħajr ħtieġa li tinġieb il-prova ta’ sostenn li l-persuni kkonċernati jipprovdu lir-reġim Sirjan stabbilit jew tal-benefiċċju li huma jgawdu minnu. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-kriterju tal-appartenenza tal-familja jistabbilixxi kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra “membri tal-familja [...] Makhlouf”. Madankollu, il-persuni inkwistjoni ma kellhomx jiġu inklużi fil-listi kontenzjużi fil-każ li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni li tindika li dawn ma kinux assoċjati mar-reġim Sirjan, li dawn ma kienu jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li dawn ma kienu marbuta ma’ ebda riskju ta’ evitar tal-miżuri restrittivi ( 8 ). Il-Qorti Ġenerali fakkret f’dan ir-rigward li kienet ir-rikorrenti li kellha, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tal-atti kkontestati, iġġib provi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni konfutabbli tar-rabta mar-reġim Sirjan li toħroġ mill-kriterju tal-appartenenza tal-familja.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan il-każ, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti u tal-provi li hija pproduċiet li kienu marbuta, minn naħa, mal-ħajja privata u tal-familja tagħha u, min-naħa l-oħra, mal-allegat ksur tar-relazzjonijiet bejn il-familja Makhlouf u r-reġim Sirjan, li dawn il-provi ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

Il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni simili fir-rigward tal-provi inkriminanti li kienu jinsabu f’fajl ta’ prova supplimentari li l-Kunsill bagħat lir-rikorrenti fl-31 ta’ Mejju 2022. Fosthom, b’mod partikolari, artiklu tal-Financial Times li rrefera għall-akkwist mir-rikorrenti, u ta’ membri oħra tal-familja Makhlouf qrib ta’ din tal-aħħar, ta’ appartamenti fir-Russja, permezz ta’ self u ta’ arranġamenti finanzjarji li ppermettew li fondi jiġu ddevjati lil hinn mis-Sirja u b’hekk jiġu evitati l-miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni. Peress li r-rikorrenti ma kkontestatx din l-informazzjoni, li weriet ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet bejn ir-rikorrenti u membri oħra tal-familja Makhlouf koperti mill-istess miżuri restrittivi, hija baqgħet ma ppreċiżatx l-oriġini tal-fondi li, b’mod partikolari, ippermettewlha takkwista l-proprjetà immobbli fir-Russja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-atti kkontestati kienu bbażati fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kkonfutatx b’mod validu l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan. Peress li l-atti kkontestati ma kinux ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni, hija kkonkludiet li r-rikors kellu jiġi miċħud.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75).

( 2 ) Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/488/PESK tal‑1 ta’ Awwissu 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 199, p. 74) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 755/2011 tal-1 ta’ Awwissu 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 199, p. 33). L-isem ta’ Mohammed Makhlouf tneħħa mill-imsemmija listi bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/306 tal-24 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2022, L 46, p. 95), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/299 tal-24 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2022, L 46, p. 1).

( 3 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/242 tal‑21 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2022, L 40 I, p. 26) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/237 tal‑21 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2022, L 40, p. 6).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal-25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2023, L 139, p. 49) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 139, p. 1).

( 6 ) Ara l-Artikolu 27(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

( 7 ) Ara l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

( 8 ) Ara l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

Top