EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0601

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024.
Umweltverband WWF Österreich et vs Tiroler Landesregierung.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità u interpretazzjoni – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Trattament ugwali bejn l-Istati Membri – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni nazzjonali għat-teħid ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ tal-ispeċi canis lupus – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Ambitu ġeografiku – Determinazzjoni tad-dannu – Soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti.
Kawża C-601/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:595

Kawża C-601/22

Umweltverband WWF Österreich
u
ÖKOBÜRO - Allianz der Umweltbewegung
u
Naturschutzbund Österreich
u
Umweltdachverband
u
Wiener Tierschutzverein

vs

Tiroler Landesregierung

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità u interpretazzjoni – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Trattament ugwali bejn l-Istati Membri – Artikolu 16(1) – Awtorizzazzjoni nazzjonali għat-teħid ta’ kampjun ta’ annimal selvaġġ tal-ispeċi canis lupus – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Ambitu ġeografiku – Determinazzjoni tad-dannu – Soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti”

  1. Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43. – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV – Protezzjoni stretta tal-canis lupus – Esklużjoni tal-popolazzjonijiet tal-ilpup li jinsabu fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri elenkati fl-imsemmi anness – Popolazzjoni ta’ lpup preżenti fl-Awstrija li ma taqax taħt din l-esklużjoni – Validità fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri

    (Artikolu 4(2) TUE; Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 12(1) u l-Anness IV)

    (ara l-punti 32 sa 39, 42 sa 46, id-dispożittiv 1)

  2. Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Talba intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas li tittieħed azzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni – Inammissibbiltà

    (Artikoli 265 u 267 TFUE)

    (ara l-punt 41)

  3. Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43. – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV – Derogi – Kundizzjonijiet – Żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Kunsiderazzjoni tal-livell lokali u nazzjonali u, fejn xieraq, tal-livell transkonfinali

    (Artikolu 191(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikoli 1(i), 12 sa 14, 15(a) u (b) u 16(1))

    (ara l-punti 49 sa 66, u d-dispożittiv 2)

  4. Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43. – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV – Derogi – Prevenzjoni tal-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà – Kunċett ta’ ‘ħsara serja’ – Ħsarat indiretti futuri mhux attribwibbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali kopert mid-deroga – Esklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 12(1)(a), u Anness IV, punt (a))

    (ara l-punti 69 sa 75, u d-dispożittiv 3)

  5. Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43. – Protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV – Derogi – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċjenti – Evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-implikazzjonijiet ekonomiċi tas-soluzzjoni prevista – Limiti – Ibbilanċjar mal-għan ġenerali taż-żamma jew tar-riprestinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata

    (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikoli 2(3), 12 u 16 (1)

    (ara l-punti 78 sa 86, u d-dispożittiv 4)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija), il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tikkonferma l-validità tal-Artikolu 12 tal-Anness IV tad-Direttiva “dwar il-habitats" ( 1 ), li jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta ta’ ċerti speċi ta’ annimali, u, min-naħa l-oħra, tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tas-sistema derogatorja għal din il-protezzjoni, kif prevista fl-Artikolu 16 ta’ din l-istess direttiva.

Fl-2022, kampjun ta’ annimal selvaġġ li jappartjeni għall-ispeċi canis lupus (lupu) irriżulta li wettaq diversi attakki fuq nagħaġ fil-Land tat-Tirol. Billi qieset li dan il-lupu kien jirrappreżenta perikolu immedjat sinjifikattiv għar-ragħa u l-għelejjel agrikoli, it-Tiroler Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Tirol, l-Awstrija) b’hekk awtorizza t-tneħħija tal-imsemmi lupu, billi eskludih mill-protezzjoni stretta li minnha tibbenefika din l-ispeċi ta’ annimali skont l-Artikolu 12 l-Anness IV tad-Direttiva “dwar il-habitats".

F’dan il-kuntest, diversi organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali u tal-ambjent ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostnew li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

Peress li qieset li l-popolazzjoni tal-ilpup fl-Awstrija żviluppat mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva “dwar il-habitats", din il-qorti tistaqsi, minn naħa, dwar il-validità tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Anness IV tagħha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri, sa fejn dan l-anness jeskludi ċerti popolazzjonijiet ta’ lpup li jinsabu fit-territorju ta’ Stati Membri oħra mis-sistema ta’ protezzjoni stretta stabbilita fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, iżda ma tinkludix il-popolazzjoni tal-ilpup fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ deroga minn din il-protezzjoni stretta skont l-Artikolu 16 tal-istess direttiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fid-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. F’dan il-każ, matul l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 1995, ir-Repubblika tal-Awstrija ma fformulat ebda riżerva fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness IV tad-Direttiva “dwar il-habitats" tal-popolazzjoni tal-ilpup preżenti fit-territorju tagħha u lanqas ma pproduċiet prova ta’ natura li turi li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ Stati Membri oħra li l-popolazzjoni tal-ilpup tagħhom kienet, fl-istess data, eskluża mis-sistema ta’ protezzjoni stretta.

Barra minn hekk, l-iżvilupp favorevoli li kellha l-popolazzjoni tal-ilpup fit-territorju Awstrijak wara din l-adeżjoni jikkorrispondi preċiżament għal wieħed mill-għanijiet intiżi mid-Direttiva “dwar il-habitats" u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi adattat dan il-kuntest tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva. F’dan ir-rigward, għalkemm id-Direttiva “dwar il-habitats" tippermetti l-adattament tal-Anness IV tagħha għall-progress tekniku u xjentifiku ( 2 ) u anki jekk jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien obbligat jaġixxi f’dan is-sens sabiex ineħħi l-popolazzjoni tal-ilpup fl-Awstrija mis-sistema ta’ protezzjoni stretta, l-eventwali nuqqas tal-imsemmi leġiżlatur ma jistax jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, raġuni ta’ invalidità tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Anness IV tagħha.

Fi kwalunkwe każ, il-lupu huwa suġġett għal protezzjoni stretta skont il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjent Naturali tal-Ewropa ( 3 ), li l-Unjoni hija parti minnha u li torbotha taħt id-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, sa fejn id-Direttiva “dwar il-habitats" hija intiża sabiex tiżgura r-riprestinar u ż-żamma tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva tapplika wkoll għall-ispeċi li jkunu laħqu tali stat ta’ konservazzjoni, peress li dawn għandhom jiġu protetti kontra kull deterjorament ta’ dan l-istat.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li ma jeżistux elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “dwar il-habitats", moqri flimkien mal-Anness IV tagħha.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ deroga mis-sistema ta’ protezzjoni stretta stabbilita mid-Direttiva “dwar il-habitats", il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw minnu bil-kundizzjoni li din id-deroga ma tippreġudikax iż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom.

F’dan ir-rigward, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati u, fit-tieni lok, l-impatt li din id-deroga jista’ jkollha fuqu. L-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ stadji għandha ssir, fl-ewwel lok u neċessarjament, fil-livell lokali u nazzjonali, fejn il-konsegwenzi tad-deroga ġeneralment jinħassu bl-iktar mod immedjat. Huwa biss meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata jirriżulta li huwa favorevoli fuq il-livell lokali u nazzjonali li l-evalwazzjoni tista’, fit-tieni lok, jekk id-data disponibbli tippermetti dan, tiġi kkunsidrata fuq livell transkonfinali.

L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva “dwar il-habitats" jippermetti derogi sabiex “biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, ll-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà. Issa, għalkemm din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li jseħħu danni sinjifikattivi qabel l-adozzjoni tal-miżuri derogatorji, dawn id-danni ma jistgħux ikunu purament ipotetiċi u għandhom ikunu, għall-inqas fil-parti l-kbira tagħhom, imputabbli għall-ispeċi ta’ annimali prevista mid-deroga. Minn dan isegwi li, fid-dawl tar-rabta kawżali li għandha teżisti bejn, minn naħa, l-għoti tad-deroga u, min-naħa l-oħra, id-dannu kkawżat minn din l-ispeċi ta’ annimali, il-kunċett ta’ “ħsara serja” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jkoprix id-danni indiretti futuri li ma humiex imputabbli għall-kampjun tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.

Fl-aħħar nett, deroga skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva “dwar il-habitats" tippreżupponi l-assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet invokati insostenn tad-deroga. Din il-kundizzjoni, li tikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teħtieġ għalhekk ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni u tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-vantaġġi u l-inkonvenjenzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali involuti. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li jirrikorru għal mezzi preventivi mhux letali li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi ta’ ħsara għall-merħliet, kif ukoll fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jadattaw, meta dan ikun possibbli, il-prattiki umani li wasslu għall-kunflitti, sabiex jiffavorixxu kultura ta’ koeżistenza bejn il-popolazzjoni tal-ilpup, il-merħliet u l-persuni li jrabbu l-annimali.

Fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jevalwaw, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli, is-soluzzjonijiet l-oħra possibbli billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, mingħajr ma dawn ikunu ta’ natura determinanti, u billi jibbilanċjawhom mal-għan ġenerali taż-żamma jew tar-riprestinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata.


( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva “dwar il-habitats"”).

( 2 ) Artikolu 19 tad-Direttiva “dwar il-habitats".

( 3 ) Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, miftuħa għall-firem fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Berna (ĠU 1982, L 38, p. 3).

Top