Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0396

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024 (Estratti).
    Deutsche Bank AG vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
    Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.
    Kawża T-396/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:483

    Kawża T‑396/21

    Deutsche Bank AG

    vs

    Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tas‑17 ta’ Lulju 2024

    “Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

    1. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Suġġett – Loġika ta’ natura ta’ assigurazzjoni – Garanzija tal-provvista ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti mis-settur finanzjarju – Determinazzjoni tal-livell fil-mira finali – Natura dinamika ta’ dan il-livell – Determinazzjoni abbażi ta’ kalkolu tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmien il-perijodu inizjali – Ammissibbiltà

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessi 41 u 101 u Artikoli 69(1) u 76(1))

      (ara l-punti 35 sa 40)

    2. Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Livell fil-mira finali – Kalkolu ta’ dan il-livell abbażi tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmien il-perijodu inizjali – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

      (Artikolu 5(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 69(1))

      (ara l-punti 48 sa 50, 58, 62, 64, 66, 69 u 71)

    3. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Portata – Evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi – Marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ – Determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Iffissar tal-kriterji ta’ aġġustament tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

      (Artikolu 290 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 41; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

      (ara l-punti 207, 209, 214)

    4. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Assenza ta’ neċessità li tinkludi, f’din id-deċiżjoni, l-elementi kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati – Legalità tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF – Prinċipju ta’ osservanza tas-sigriet kummerċjali – Obbligu tas-SRB li jippubblika u jibgħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, f’forma miġbura u anonima, l-informazzjoni relatata mal-istituzzjonijiet sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni ex ante

      (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

      (ara l-punti 298 sa 310)

    Sunt

    Adita b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 1 ), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat din id-deċiżjoni abbażi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq is-SRB fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-portata tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ( 2 ) billi ddefinixxiet in-natura dinamika tal-livell fil-mira finali tas-SRF, minn naħa, u billi eżaminat il-konformità tiegħu mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante, min-naħa l-oħra.

    Deutsche Bank AG, ir-rikorrenti, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fil-Ġermanja.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-rikorrenti sostniet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-livell fil-mira finali għandu jiġi ddeterminat b’mod “statiku”, jiġifieri fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, u mhux fid-dawl tal-livell ta’ dawn id-depożiti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali fakkret li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”). Minn din l-istess dispożizzjoni jsegwi li d-data tat-tmiem tal-perijodu inizjali ma hijiex biss determinanti sabiex tiġi stabbilita dik li fiha għandu jintlaħaq il-livell fil-mira finali, iżda wkoll sabiex jiġi speċifikat l-ammont ta’ dawn id-depożiti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-livell fil-mira.

    Sussegwentement, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014 ( 3 ) jikkonferma l-ipoteżi li l-imsemmi Artikolu 69(1) huwa bbażat fuq approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li n-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti hija spjegata mill-għan ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li huwa li jiġi ggarantit, f’loġika ta’ natura ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu. L-għan tal-SRM huwa li jsaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni t-tixrid ta’ kriżijiet potenzjali lill-Istati Membri mhux parteċipanti.

    F’dan ir-rigward, mix-xogħol preparatorju ( 4 ) jirriżulta li iktar ma d-daqs tas-settur bankarju jikber fiż-żmien, iktar ikollhom jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Stima ta’ dan id-daqs tippermetti għalhekk li jiġi previst l-ammont tal-mezzi finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti lis-SRF sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jintuża, fil-każ ta’ kriżi li taffettwa s-settur bankarju, għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi tagħhom ( 5 ). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ li bih l-ammont tad-depożiti koperti huwa intiż li jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Minn tali perspettiva, kwalunkwe żieda tal-ammont tad-depożiti koperti bejn il-bidu u t-tmiem tal-perijodu inizjali tirrifletti żieda fid-daqs tas-settur bankarju, li jimplika żieda fil-mezzi finanzjarji meħtieġa mis-SRF fi tmiem dan il-perijodu.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-livell fil-mira finali għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali. Konsegwentement, is-SRB ġustament ħa inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jiddetermina l-livell fil-mira finali u sussegwentement jiddeduċi minn dan il-livell fil-mira annwali.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fid-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, minħabba evalwazzjonijiet kumplessi li għandhom jitwettqu. Għalhekk, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk il-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jkunux manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan imfittex, jekk dawn imorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan jew jekk jinvolvux inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan.

    L-ewwel, dwar in-natura xierqa tar-regola prevista fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li hija intiża li tipprovdi lill-SRM b’riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu (iktar ’il quddiem l-“għan imfittex”), il-Qorti Ġenerali qieset qabelxejn li, sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu jagħti lis-SRF riżorsi finanzjarji suffiċjenti ( 6 ), li jikkorrispondu għal-livell fil-mira finali u li għandhom jiġu stmati fid-dawl tad-daqs tas-settur bankarju. F’dan ir-rigward, is-SRB spjega li d-depożiti koperti kienu jippermettu li jiġi stmat b’mod approssimattiv id-daqs tas-settur bankarju u li b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa mis-SRF. Fil-fatt, dawn id-depożiti jikkostitwixxu impenji meħuda mill-istituzzjonijiet u jirrappreżentaw saħansitra l-maġġoranza ta’ dawn l-impenji, tal-inqas għal istituzzjonijiet kbar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li, bħala kategorija speċifika ta’ impenji assunti mill-istituzzjonijiet, id-depożiti koperti huma manifestament inadegwati sabiex jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi meħtieġa mis-SRF.

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li, fil-każ ta’ riżoluzzjoni, id-depożiti koperti huma protetti mis-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti, b’tali mod li ż-żieda tagħhom ma twassalx għal żieda fir-riskju kopert mis-SRF. Fil-fatt, l-ammont tad-depożiti koperti miżmum mill-istituzzjonijiet kollha jista’ jkun ta’ natura li jirrifletti l-iżvilupp globali tas-settur bankarju. B’mod partikolari, xejn ma jindika li ż-żieda eventwali ta’ dan l-ammont ma tistax tkun akkumpanjata minn żieda ta’ impenji oħra assunti minn dawn l-istituzzjonijiet, bħad-depożiti mhux koperti, li ma humiex protetti mis-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti u li jimplikaw, min-naħa tagħhom, żieda tar-riskju kopert mis-SRF.

    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma setgħetx tallega li d-depożiti koperti kienu jikkostitwixxu miżura manifestament mhux xierqa sabiex jiġi kkalkolat il-livell fil-mira finali, billi tibbaża ruħha fuq il-premessa 105 tar-Regolament Nru 806/2014 ( 7 ). Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kriterju ieħor jista’ jkun daqstant xieraq bħal dak adottat fil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li l-leġiżlatur tal-Unjoni jindika li hija l-Kummissjoni Ewropea li għandha tevalwa mill-ġdid fil-futur l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma jfissirx li l-kriterju adottat b’għarfien sħiħ tal-fatti minn dan il-leġiżlatur huwa manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma għandhiex tiddetermina jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament mhux xierqa.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex is-SRM ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod effikaċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-livell fil-mira finali jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont tad-depożiti koperti, kif stmat għat-tmiem tal-perijodu inizjali. Issa, billi rrakkomanda tali metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali, dan il-leġiżlatur ma adottax kriterju manifestament irrilevanti sabiex jirrifletti d-daqs futur tal-imsemmi settur u b’hekk jiggarantixxi finanzjament suffiċjenti tas-SRF skont is-sitwazzjoni prevedibbli ta’ dan l-istess settur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li ma huwiex manifestament mhux xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq l-iżvilupp tad-depożiti koperti sabiex jippreżumi żieda ta’ impenji oħra meħuda mill-istituzzjonijiet u b’hekk jevalwa l-eventwali żieda tar-riskju kopert mis-SRF.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-argument, ibbażat fuq l-Artikoli 428 m u 428n tar-Regolament Nru 575/2013 ( 8 ), li d-depożiti koperti jnaqqsu r-riskju ta’ likwidità tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li ż-żieda tagħhom ma jimplika ebda riskju ta’ użu tas-SRF u għalhekk ma għandux iwassal għal żieda fil-livell tal-mira finali, ma setax jintlaqa’. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ( 9 ) tfittex għan differenti minn dak tal-leġiżlazzjoni relatata mar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ( 10 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013 ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu n-natura manifestament mhux xierqa tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali.

    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-likwiditajiet għolja fil-qasam tad-depożiti koperti fil-kalkolu tal-indikatur tar-riskju “proporzjon tal-kopertura tal-likwidità” ( 11 ) iwassal għal tnaqqis tal-multiplikatur ta’ aġġustament tal-istituzzjoni kkonċernata ma kienx ta’ natura li turi li l-iżvilupp tal-ammont tad-depożiti koperti kien manifestament mhux xieraq sabiex jirrifletti l-iżvilupp tad-daqs tas-settur bankarju u konsegwentement jiddetermina l-bżonnijiet finanzjarji tas-SRF u, b’mod partikolari, sabiex tiġi stmata ż-żieda tal-impenji li jippreżentaw riskju għas-SRF u b’hekk jitkejjel tali riskju li s-SRF huwa mitlub ikopri fil-kuntest tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li r-rikorrenti ma wrietx li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali kien manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma spjegatx kif il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira finali ( 12 ) kien imur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li hija lanqas ma stabbilixxiet kif il-metodu bbażat fuq id-depożiti koperti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 806/2014 huwa miżura inqas restrittiva, li tippermetti lis-SRF li jkollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

    L-istess applika fir-rigward tal-argument tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-livell fil-mira finali, tat-tnaqqis tar-riskju tal-użu tas-SRF minħabba l-impenji eliġibbli miżmuma mill-istituzzjonijiet, konformement mar-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u ta’ impenji eliġibbli u mar-rekwiżit ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf. Fil-fatt, ir-rikorrenti la weriet li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-impenji kienu jwasslu għal inqas spejjeż għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, filwaqt li kien jippermetti lis-SRF ikollu riżorsi finanzjarji suffiċjenti, u lanqas li l-kalkolu tal-livell fil-mira finali fid-dawl ta’ dawn l-impenji, jekk jitqies li jikkostitwixxi miżura xierqa, ikun ikkawża inqas piżijiet għall-istituzzjonijiet ikkonċernati mid-determinazzjoni ta’ dan il-livell fil-mira abbażi tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali.

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali qieset li ma ġiet prodotta quddiemha ebda prova konkreta intiża li turi li, billi ddetermina l-livell fil-mira finali b’riferiment għad-depożiti koperti eżistenti fi tmiem il-perijodu inizjali, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kien wassal għal inkonvenjenzi għall-istituzzjonijiet li kienu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.


    ( 1 ) Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

    ( 2 ) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

    ( 3 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċert ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM/2013/0520 final).

    ( 4 ) Punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final.

    ( 5 ) Konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 101 ta’ dan l-istess regolament.

    ( 6 ) Fil-kuntest tal-kompiti mogħtija lilu mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

    ( 7 ) L-imsemmija premessa hija fformulata kif ġej: “Il-livell fil-mira tal-[SRF] għandu jkun stabbilit bħala perċentwali tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, peress li l-ammont tal-obbligazzjonijiet totali ta’ dawk l-istituzzjonijiet ikun, b’kont meħud tal-funzjonijiet tal-[SRF], punt ta’ riferiment iktar xieraq, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk depożiti koperti jew obbligazzjonijiet totali humiex l-aktar bażi xierqa u jekk fil-futur għandux jiġi introdott ammont minimu assolut għall-[SRF], filwaqt li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti mad-Direttiva 2014/59[...]”.

    ( 8 ) Regolament Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68; ĠU 2013, L 321, p. 6; ĠU 2017, L 20, p. 2; u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).

    ( 9 ) Ara l-premessa 32 tar-Regolament Nru 575/2013.

    ( 10 ) Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014.

    ( 11 ) Skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

    ( 12 ) Bħalma jsegwi mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

    Top