Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0978

    Tariffi tal-importazzjoni preferenzjali tal-Unjoni Ewropea għal pajjiżi li qed jiżviluppaw

    Tariffi tal-importazzjoni preferenzjali tal-Unjoni Ewropea għal pajjiżi li qed jiżviluppaw

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Fl-2012, l-Unjoni Ewropea (UE) laħqet ftehim dwar regoli ġodda sabiex din l-iskema, li ilha fis-seħħ mill-1971, terġa’ tiġi ffukata mill-ġdid. Dawn ir-regoli jagħmlu s-sistema aktar trasparenti u prevedibbli għall-pajjiżi benefiċjarji, speċjalment fid-dawl tax-xejriet kummerċjali globali li nbidlu matul dawn l-aħħar għaxar snin. L-iskema issa hija mmirata lejn dawk il-pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn.
    • Dan ir-regolament ma jinkludix pajjiżi li diġà jgawdu minn preferenzi taħt ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles mal-UE, jew taħt arranġamenti awtonomi mal-blokk (normalment temporanji, sakemm jiġu konklużi ftehimiet aktar komprensivi u aktar fit-tul mal-UE).

    PUNTI EWLENIN

    L-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (SĠP) tal-UE tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iħallsu tariffi aktar baxxi fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE. Dan jgħin sabiex tingħata spinta lill-ekonomiji tagħhom.

    Tliet fergħat tal-iskema

    • SĠP standard. Tariffi għal prodotti importati minn pajjiż li qed jiżviluppa jitnaqqsu jew jiġu sospiżi. Eċċezzjoni: dan ma japplikax jekk pajjiż ikun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż bi dħul għoli jew dħul medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi immedjatament qabel l-UE taġġorna l-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji.
    • SĠP+ (skema ta’ inċentivi). Tariffi saħansitra aktar baxxi għal pajjiżi li jirratifikaw u jimplimentaw 27 konvenzjoni internazzjonali speċifiċi li jkopru d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba.
    • Kollox minbarra armi għal pajjiżi l-anqas żviluppati. Importazzjonijiet b’tariffa sħiħa u ħielsa mill-kwoti għall-prodotti kollha mill-pajjiżi l-anqas żviluppati definiti min-Nazzjonijiet Uniti, ħlief għall-armi.

    Is-sospensjoni tal-pajjiżi

    L-UE tista’ tissospendi b’mod temporanju t-tariffi aktar baxxi għal raġunijiet bħal:

    • ksur tal-prinċipji ewlenin fil-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol;
    • prattiċi kummerċjali mhux ġusti;
    • nuqqasijiet serji ta’ kontrolli doganali (eż. l-esportazzjoni jew it-tranżitu ta’ drogi illegali);
    • il-liġi nazzjonali ta’ pajjiż benefiċjarju SĠP+ ma jibqax jinkorpora l-konvenzjonijiet rilevanti (jew dik il-liġi ma tiġix implimentata b’mod effettiv).

    Waqfien hekk kif il-pajjiżi jiżviluppaw

    • Xi pajjiżi jistgħu jkunu foqra iżda xorta jiżviluppaw industriji ta’ esportazzjoni kompetittivi ħafna. Ladarba dan iseħħ, huma ma jeħtiġux aktar preferenzi sabiex jippenetraw is-swieq tal-UE b’suċċess.
    • B’hekk, l-iskema SĠP tirtira l-preferenzi mill-pajjiżi li għandhom tali setturi ta’ prodotti kompetittivi fuq il-bażi ta’ mekkaniżmu ta’ gradwazzjoni.

    Aktar stabbli u prevedibbli

    • L-SĠP il-ġdida toffri iktar stabbiltà u prevedibbiltà lill-importaturi u lill-esportaturi għax issa ddum 10 snin (bil-kuntrarju ta’ 3 snin fil-passat).
    • L-esportaturi jafu li – meta jsiru bidliet fil-lista tal-benefiċjarji – hemm perijodi ta’ tranżizzjoni ta’ mill-inqas sena. Il-pajjiżi issa jistgħu jħossuhom sikuri billi jkunu jafu li huma jistgħu jitneħħew mil-listi tal-benefiċjarji biss jekk in-Nazzjonijiet Uniti telenkahom bħala bi dħul għoli jew medju superjuri għal tliet snin konsekuttivi.

    Restrizzjonijiet temporanji fuq l-importazzjoni

    L-UE tista’ tapplika miżuri ta’ salvagwardja (restrizzjonijiet temporanji) jekk l-importazzjonijiet mill-pajjiżi benefiċjarji jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw diffikultà serja lil produttur tal-UE. Tista’ tapplika wkoll miżuri ta’ sorveljanza għal prodotti agrikoli. L-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma ttieħdet fl-istorja tal-iskema.

    Lista tal-pajjiżi benefiċċjarji

    Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 qed jiġi emendat permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati ħalli jaġġornaw il-lista tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn tariffi preferenzjali taħt l-SĠP+. Ara l-verżjoni konsolidata l-iktar reċenti.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mill-20 ta’ Novembru 2012.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENT PRINĊIPALI

    Ir-Regolament (KE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, pp. 1-82).

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 978/2012 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 155/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-għoti ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u l-governanza tajba skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 48, 21.2.2013, pp. 5-7).

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat- 28 ta’ Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 293, 5.11.2013, pp. 16-21).

    Ir-Regolament (UE) Nru 607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Mjanmar/Burma (ĠU L 181, 29.6.2013, pp. 13-14).

    l-aħħar aġġornament 03.02.2022

    Fuq