Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1333

    Addittivi tal-ikel sikuri

    Addittivi tal-ikel sikuri

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (KE) Nru 1333/2008 — l-addittivi tal-ikel

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) preċedenti billi jiġbor flimkien addittivi tal-ikel* ta’ kull tip taħt att legali wieħed.
    • Huwa jipprovdi:
      • listi ta’ addittivi approvati;
      • kundizzjonijiet dwar l-użu u t-tikkettar tagħhom.
    • Huwa jissimplifika wkoll il-proċedura għall-awtorizzazzjoni.

    PUNTI EWLENIN

    • Addittivi approvati mill-UE biss jistgħu jinbiegħu u jintużaw fl-ikel.
    • Sabiex jiġi approvat, addittiv tal-ikel ma jridx iġib miegħu riskji għas-saħħa jew iqarraq bil-konsumaturi. Irid jissodisfa ħtieġa raġonevoli li ma tkun tista’ tintlaħaq bl-ebda mod ieħor.
    • Addittiv irid jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi. Dawn jinkludu:
      • il-preservazzjoni tal-kwalità nutrizzjonali tal-ikel,
      • jgħin fil-manifattura, l-ipproċessar, il-preparazzjoni, it-trattament, l-ippakkjar, it-trasport jew il-ħażna tiegħu,
      • jissodisfa bżonnijiet ta’ dieta speċjali.
    • Japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi għal sustanzi li jagħtu l-ħlewwa u sustanzi għall-għoti tal-kulur.
    • L-addittivi għandhom jintużaw fl-inqas livell meħtieġ biex jinkiseb l-effett mixtieq. Dan il-livell għandu jqis il-konsum aċċettabbli ta’ kuljum u l-bżonnijiet ta’ gruppi speċjali ta’ konsumaturi (eż. persuni b’allerġiji).
    • Bħala regola, l-addittivi m’għandhomx jintużaw:
      • f’ikel mhux ipproċessat;
      • f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.
    • L-addittivi, kemm jekk għall-bejgħ lill-konsumatur finali u kemm jekk le, iridu jissodisfaw rekwiżiti ċari dwar l-ittikkettar, bħal pereżempju jipprovdu l-isem u/jew in-numru E (pereżempju, il-kulur sunset yellow huwa E 110).
    • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għas-sustanzi segwenti, sakemm ma jintużawx bħala addittivi tal-ikel:
      • għajnuniet għall-ipproċessars, jiġifieri sustanza użata apposta sabiex tiġi pproċessata materja prima,
      • sustanzi użati sabiex iħarsu l-pjanti u prodotti mill-pjanti;
      • Nutrijenti miżjuda mal-ilma;
      • sustanzi għat-trattament tal-ilma.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mill-20 ta’ Jannar 2010.

    SFOND

    Il-biċċa l-kbira tal-evalwazzjonijiet tal-addittivi jmorru lura għat-tmeninijiet u d-disgħinijiet. Is-sigurtà tagħhom issa qed tiġi evalwata mill-ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 257/2010. Sa mis-27 ta’ Marzu 2021, dan il-proċess jinkludi livelli komparabbli ta’ trasparenza u kunfidenzjalità għal dawk li japplikaw għall-proċeduri għall-aġġorament tal-lista tal-UE ta’ addittiv tal-ikel approvati.

    Skont l-eżiti tal-evalwazzjoni mill-ġdid tas-sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tipproponi bidliet għall-kundizzjonijiet attwali tal-użu jew tneħħi xi addittivi mil-lista approvata.

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Addittivi tal-ikel: sustanzi li jintużaw fl-ikel għal raġunijiet differenti, pereżempju biex jagħtu l-ħlewwa, jagħtu l-kulur jew iżidu t-tul ta’ żmien qabel jiskadi l-ikel.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, (31.12.2008, p. 16-33)

    L-emendi suċċessivi għall-annessi tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/148 tat-8 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 257/2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 44, 9.2.2021, pp. 3-6)

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, pp. 19-27)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, pp. 1-295)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 05.10.2023

    Fuq