Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0762

    Statistika dwar l-akkwakultura

    Statistika dwar l-akkwakultura

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (KE) Nru 762/2008 dwar il-preżentazzjoni mill-Istati Membri tal-istatistika dwar l-akkwakultura

    X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

    Jistabbilixxi sistema komuni għall-produzzjoni tal-istatistika tal-UE dwar is-settur tal-akkwakultura*, biex tgħin fir-reviżjoni u fil-valutazzjoni tas-suq għall-prodotti tal-akkwakultura bħala parti mill-immaniġġjar tajjeb tal-politika komuni tas-sajd.

    Ir-regolament jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96.

    PUNTI EWLENIN

    Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jippreżentaw statistika annwali dwar l-attivitajiet kollha tal-akkwakultura mwettqa fit-territorju tagħhom permezz ta’ stħarriġ jew ta’ metodi approvati oħra li tkopri mill-inqas 90% tal-produzzjoni, filwaqt li l-parti li jifdal tiġi stmata, sakemm ma tkunx ġiet approvata eżenzjoni.

    Jekk il-produzzjoni annwali totali tkun ta’ inqas minn 1,000 tunnellata, il-pajjiż jista’ jippreżenta data sommarja li tagħti stima tal-produzzjoni totali.

    Il-produzzjoni għandha tiġi identifikata skont l-ispeċi, iżda fil-każ ta’ speċi li jammonataw għal inqas minn 500 tunnellata jew minn 5% tal-produzzjoni totali, id-data tista’ tiġi stmata u aggregata. Imqafas u nurseries* tista’ tiġi stmata.

    Id-data tiġi ppreżentata fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena kalendarja, u tinkludi:

    • il-volum u l-valur annwali tal-produzzjoni tal-akkwakultura;
    • l-input annwali għall-akkwakultura bbażata fuq il-qbid*;
    • il-produzzjoni annwali tal-imqafas u tan-nurseries;
    • l-istruttura tas-settur tal-akkwakultura (kull 3 snin).

    Evalwazzjoni tal-kwalità

    Kull pajjiż tal-UE jipprovdi rapport annwali dwar il-kwalità tad-data ppreżentata u rapport metodoloġiku dettaljat. Dan tal-aħħar jiddeskrivi l-mod kif tkun inġabret u ġiet ikkumpilata d-data, fosthom:

    • it-tekniki ta’ kampjunar,
    • il-metodi ta’ stima u s-sorsi użati minbarra stħarriġ, kif ukoll
    • valutazzjoni tal-kwalità tal-istimi.

    Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) teżamina r-rapporti u tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-Grupp ta’ Ħidma tal-istatistika dwar is-Sajd.

    Rapport ta’ evalwazzjoni

    Kull 3 snin, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika li tkun inġabret, u b’mod partikolari dwar ir-rilevanza u l-kwalità. Ir-rapport jinkludi wkoll analiżi tal-kosteffettività tas-sistema ta’ ġbir tal-istatistika u jindika l-aħjar prattika sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol u biex titjieb l-utilità u l-kwalità tad-data.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Akkwakultura: it-trobbija tal-ħut, tal-frott tal-baħar bil-qoxra u tal-pjanti akkwatiċi, kemm f’żoni ta’ ilmijiet interni kif ukoll f’dawk marittimi, bl-użu ta’ tekniki mfassla biex tiżdied il-produzzjoni lil hinn mill-kapaċità naturali tal-ambjent.
    Imqafas u nurseries: għat-tgħammir artifiċjali, għat-tifqis u għat-trobbija matul l-ewwel stadji tal-ħajja tal-annimali akkwatiċi. Għall-finijiet ta’ statistika, l-imqafas huma limitati għall-produzzjoni ta’ bajd fertilizzat. L-ewwel stadji bikrija tat-trobbija tal-annimali akkwatiċi huma meqjusa li jiġu prodotti fin-nurseries.
    Akkwakultura bbażata fuq il-qbid: il-ġbir ta’ kampjuni mill-ambjent naturali għall-użu fl-akkwakultura.

    DOKUMENT EWLIENI

    Regolament (KE) Nru 762/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar il-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-istatistika dwar l-akkwakultura u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 1-13)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 762/2008 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, pp. 1-66)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, pp. 164-173)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 15.05.2018

    Fuq