EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0054

Il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-għelejjel agrikoli

Il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-għelejjel agrikoli

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2002/53/KE dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli

Id-Direttiva 66/401/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf

Id-Direttiva 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież

Id-Direttiva 2002/57/KE fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra

Id-Direttiva 2002/56/KE dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa

Id-Direttiva 2002/54/KE dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

Id-Direttiva 2002/53/KE tikkonċerna l-aċċettazzjoni għall-inklużjoni f’ Katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pjanti tal-pitravi, pjanti għall-għalf, ċereali, patata u pjanti taż-żejt u l-fibra, li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi kkummerċjalizzata madwar l-Unjoni Ewropea (UE).

Id-direttivi li ġejjin jistabbilixxu regoli għar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żerriegħa u għall-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ żrieragħ ta’ diversi speċijiet ewlenin (speċijiet regolati tal-UE) qabel ma jitħallew jiġu kkummerċjalizzati fl-UE.

  • Id-Direttiva 66/401/KEE – żerriegħa tal-pjanti tal-għalf.
  • Id-Direttiva 66/402/KEE – żerriegħa tal-ġwież.
  • Id-Direttiva 2002/57/KE — żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra.
  • Id-Direttiva 2002/56/KE — patata taż-żerriegħa.
  • Id-Direttiva 2002/54/KE — żerriegħa tal-pitravi.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva 2002/53/KE tistabbilixxi r-regoli għall-inklużjoni ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli fil-katalgu komuni tal-UE.

  • II-katalgu komuni tal-UE, li huwa kkompilat fuq il-bażi ta’ notifiki ta’ bidliet fil-katalgi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE, jelenka l-varjetajiet li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati madwar l-UE.
  • Il-katalgu komuni huwa ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU).
  • Għall-inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tagħhom, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li varjetà tiġi aċċettata biss jekk tkun waħda minn dawn li ġejjin.
    • Distinta (D): il-varjetà tingħaraf b’mod ċar kwalunkwe varjetà oħra magħrufa fl-UE, u għandha l-kapaċità ta’ għarfien preċiż u definizzjoni preċiża.
    • Uniformi (u): minbarra xi ftit aberrazzjonijiet, il-pjanti huma simili jew ġenetikament identiċi. u
    • Stabbli (s): wara l-propagazzjonijiet suċċessivi, il-pjanta tibqa’ vera għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.
  • Il-varjetà jeħtieġ li tiġi ttestjata fuq il-post biex tissodisfa l-kriterji tad-DUS u għandha tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu.
  • Ir-reġistrazzjoni tal-varjetà hija valida għal 10 snin iżda tista’ tiġi revokata jekk, wara eżami, il-varjetà ma tibqax tissodisfa dawn il-kriterji. Il-varjetajiet li ġejjin minn pajjiżi oħra tal-UE huma soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk li japplikaw għall-varjetajiet domestiċi.
  • Biex il-pajjiżi tal-UE jaċċettaw varjetajiet għandhom jitolbu li dawn ikunu bbażati fuq riżultati ta’ eżamijiet uffiċjali, b’mod partikolari provi ta’ tkabbir, li jkopru għadd suffiċjenti ta’ karatteristiċi għall-varjetà li għandha tiġi deskritta. Il-metodi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi jridu jkunu eżatti u affidabbli. Biex tkun stabbilita d-distintività, il-provi tat-tkabbir għandhom jinkludu mill-inqas il-varjetajiet komparabbli disponibbli li huma varjetajiet magħrufa fl-UE.
  • Varjetajiet ġenetikament modifikati li ġew aċċettati skont id-Direttiva 2001/18/KE (ara s-sommarju) għandhom jiġu indikati bħala tali.
  • Għal kull varjetà li tkun għadha kif ġiet aċċettata, il-pajjiżi tal-UE jridu jibagħtu deskrizzjoni qasira lill-pajjiżi l-oħra tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea tal-karatteristiċi l-aktar importanti tal-varjetà għall-użu.

Żerriegħa tal-pjanti tal-għalf (Id-Direttiva 66/401/KEE)

Din id-Direttiva tkopri diversi ħxejjex, legumi, xnien, ġulbiena, kolza u kaboċċ, kif identifikat fil-leġiżlazzjoni. Iż-żrieragħ ma jistgħux jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux ġew uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi (il-ġenerazzjoni ta’ qabel żrieragħ bażiċi), żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti). Ċerti speċijiet ta’ pjanti jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu kkummerċjalizzati wkoll bħala żrieragħ kummerċjali. Dan ma japplikax għaż-żrieragħ tal-pjanti tal-għalf maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Iż-żrieragħ għandhom jikkonformaw mal-istandards rigward l-identità, is-saħħa u l-kwalità (ġerminazzjoni, purità analitika u kontenut taż-żrieragħ ta’ speċijiet oħra ta’ pjanti).

Żerriegħa tal-ġwież (Id-Direttiva 66/402/KEE)

Iż-żrieragħ tal-ġwież ma jistgħux jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux ġew uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (tal-ewwel jew tat-tieni ġenerazzjoni) u sakemm ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ġenerali l-oħra.

Iż-żrieragħ iridu jissodisfaw kriterji bħall-identità, is-saħħa u l-kwalità (ġerminazzjoni minima, purità analitika minima u kontenut massimu skont l-għadd ta’ żrieragħ ta’ speċijiet ta’ pjanti oħra, inklużi żrieragħ ħomor tar-ross u l-preżenza ta’ fungu fil-kampjuni).

Żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (Id-Direttiva 2002/57/KE)

Din tkopri ż-żrieragħ għall-produzzjoni agrikola iżda mhux għal skopijiet ornamentali. Jistgħu jiġu kkumerċjalizzati biss żrieragħ iċċertifikati uffiċjalment jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi, żrieragħ iċċertifikati jew żrieragħ kummerċjali (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti), bl-eċċezzjoni tal-ġidra, il-lift, il-kannabis, il-karwija, il-qoton, l-għosfor, il-ġirasol, il-kittien u ż-żerriegħa tal-kittien, li ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati bħala żrieragħ kummerċjali.

Iż-żrieragħ iridu jissodisfaw kriterji bħall-identità, is-saħħa u l-kwalità.

Patata taż-żerriegħa (Id-Direttiva 2002/56/KE)

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jbigħu fis-suq biss patata taż-żerriegħa li tissodisfa l-kriterji ta’ din id-direttiva. Il-patata taż-żerriegħa hija uffiċjalment iċċertifikata bħala patata taż-żerriegħa bażika jew patata taż-żerriegħa ċċertifikata li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi għal kull kategorija (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti) waqt l-ispezzjonijiet tal-pjanti.

Il-patata taż-żerriegħa fis-suq għandha:

  • tissodisfa kundizzjonijiet minimi ta’ kwalità bħal ħelsien minn infezzjoni tal-blackleg u b’virus
  • tkun f’limiti speċifiċi għal ċerti impuritajiet, tbajja’ u mard permessi f’lottijiet tal-patata taż-żerriegħa, inkluż il-preżenza ta’ ħamrija u materja barranija:
  • tkun f’livelli ta’ tolleranza, bħat-taħsir, it-tbajja’ u l-iskabbja;
  • ma tkunx ġiet trattata b’inibituri nebbieta;
  • ikollha daqs minimu b’tali mod li ma tkunx tista’ tgħaddi minn xibka kwadra ta’ 25 × 25 mm;
  • ma tvarjax fid-daqs, f’lott, lil hinn minn formula stabbilita.

Ma għandux ikun hemm aktar minn erba’ ġenerazzjonijiet ta’ patata bażika u żewġ ġenerazzjonijiet ta’ patata taż-żerriegħa ċċertifikata.

Pitravi (Id-Direttiva 2002/54/KE)

Din tirreferi għall-pitravi taz-zokkor u tal-għalf tal-ispeċi Beta vulgaris L.

Iż-żrieragħ tal-pitravi ġeneralment ma għandhomx jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti), u għandhom ikunu konformi mar-regoli dwar l-identità, is-saħħa u l-kwalità.

Żrieragħ monogerm u żrieragħ multigerm (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti) għandhom jissodisfaw rekwiżiti dwar l-identità, is-saħħa u l-kwalità (purità analitika, ġerminazzjoni minima u regoli dwar il-kontenut massimu ta’ umdità (kemm għall-pitravi taz-zokkor kif ukoll għall-pitravi tal-għalf). Iż-żrieragħ monogerm u ż-żrieragħ ta’ preċiżjoni għandhom jilħqu wkoll il-miri għall-proporzjon tan-nebbieta singoli li jipproduċu.

Iż-żrieragħ monogerm u ż-żrieragħ ta’ preċiżjoni jridu jiġu ttikkettati bħala tali.

Leġiżlazzjoni mħassra

  • Id-Direttiva 2002/53/KE ħassret u kkodifikat id-Direttiva 70/457/KEE dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli.
  • Id-Direttiva 2002/54/KE ħassret id-Direttiva 66/400/KEE dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa tal-pitravi.
  • Id-Direttiva 2002/56/KE ħassret id-Direttiva 66/403/KEE dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa.
  • Id-Direttiva 2002/57/KE ħassret id-Direttiva 69/208/KEE dwar il-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

Ilhom japplikaw mid-9 ta’ Awwissu 2002, minbarra d-Direttiva 66/401/KEE u d-Direttiva 66/402/KEE, li ilhom japplikaw mill-15 ta’ Ġunju 1966.

SFOND

Ġew adottati diversi atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ kull waħda mis-sitt direttivi, u huma elenkati fil-paġna tal-Kummissjoni Ewropea dwar leġiżlazzjoni speċifika rigward il-materjal riproduttiv tal-pjanti.

Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 1-11)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/53/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (verżjoni kodifikata) (ĠU 125, 11.7.1966, pp. 2298-2308)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (verżjoni kodifikata) (ĠU L 125, 11.7.1966, pp. 2309-2319)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 74-97)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 60-73)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 12-32)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 33-59)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, pp. 1-112)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 18.02.2021

Fuq