Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/1952 — Statistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi sistema komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea komparabbli tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku għal konsumaturi finali domestiċi u mhux domestiċi fl-UE.

Dan iħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 2008/92/KE.

PUNTI EWLENIN

Sorsi tad-data, kopertura u trażmissjoni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru data dwar:

  • il-volumi tal-konsum;
  • il-prezzijiet u l-komponenti u s-subkomponenti tagħhom rigward:
    • spejjeż tal-enerġija u l-provvista;
    • spejjeż tan-netwerk;
    • taxxi;
    • tariffi;
    • levies u imposti.

Id-data tista’ tinġabar minn wieħed jew aktar mis-sorsi li ġejjin:

  • stħarriġ statistiku;
  • sorsi amministrattivi;
  • sorsi oħra li japplikaw metodi ta’ stima statistika.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li fil-proċess tal-ġbir tad-data jqisu l-prinċipji tat-tnaqqis tal-piż fuq ir-rispondenti u tas-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni.

Il-kompilazzjoni trid issir skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I (prezzijiet tal-gass naturali) u fl-Anness II (prezzijiet tal-elettriku) tar-regolament. Din id-data trid tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) fuq bażi annwali jew biannwali.

Il-pajjiżi tal-UE mhumiex obbligati li jittrażmettu data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali għal konsumaturi domestiċi jekk il-konsum tal-gass naturali fis-settur domestiku jammonta għal inqas minn 1.5% tal-konsum tal-enerġija finali nazzjonali fis-settur domestiku.

Valutazzjoni tal-kwalità u rapporti

Kull 3 snin, il-pajjiżi tal-UE jridu jissottomettu rapport tal-kwalità standard lill-Eurostat dwar id-data skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 — Statistika Ewropea — u Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/803. Imbagħad il-Eurostat tivvaluta l-kwalità tad-data pprovduta u tuża dik il-valutazzjoni u analiżi tar-rapporti tal-kwalità sabiex tipprepara u tippubblika rapport dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea koperta minn dan ir-regolament.

Kumitat

Il-Kummissjoni (Eurostat) hija megħjuna u tilqa’ l-pariri tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, kumitat magħmul minn rappreżentanti minn pajjiżi tal-UE u ppresedut mill-Kummissjoni.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-7 ta’ Diċembru 2016.

SFOND

Hija meħtieġa data ta’ kwalità għolja, komparabbli, aġġornata, affidabbli u armonizzata dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku mposti fuq il-konsumaturi finali sabiex tiġi abbozzata politika tal-unjoni tal-enerġija u jsir monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija tal-pajjiżi tal-UE.

Sakemm daħal fis-seħħ ir-regolament, id-data dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku imposti fuq il-konsumaturi finali fis-settur domestiku kienet tinġabar fuq il-bażi ta’ ftehim volontarju.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (ĠU L 311, 17.11.2016, p. 1-12)

DOKUMENTI RELATATI

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/803 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 20.5.2019, p. 23-27)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164–173)

Emendi sussegwenti għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika tal-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1-62)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.09.2018

Top