Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0009

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

    /* COM/2013/09 final - 2013/0007 (COD) */

    52013PC0009

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd /* COM/2013/09 final - 2013/0007 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), u s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti tal-implimentazzjoni).

    Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 mar-regoli l-ġodda tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-TFUE, is-setgħat li attwalment huma kkonferiti lill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament kienu kklassifikati mill-ġdid f’setgħat iddelegati u implimentattivi.

    Wara dan l-eżerċizzju, kien tħejja abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Skont l-Artikolu 290 tat-Trattat, il-Leġiżlatur jista’ jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti ddelegati biex tagħti eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ notifika minn qabel u l-obbligu tal-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-trażbord, biex tiddeċiedi mod u frekwenza differenti għat-trażmissjoni tad-dejta, biex tadotta regoli dwar iż-żamma abbord ta' pjanijiet ta' stivar għal ċerti prodotti tas-sajd ipproċessati, biex tiddefinixxi l-livelli ta’ attivazzjoni ta’ qbid għall-għeluq fi żmien reali ta’ tip tas-sajd, biex timmodifika d-distanzi li bihom bastiment irid jibdel il-pożizzjoni taħt ċerti ċirkostanzi, biex temenda livell limitu li taħtu l-prodotti tal-ħut huma eżentati mir-regoli tat-traċċabilità, tal-ewwel bejgħ u tan-noti tal-bejgħ, u biex tiddetermina s-sajd suġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni.

    2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet interessati jew ta' valutazzjoni tal-impatt.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    · Sommarju tal-azzjoni proposta

    L-identifikazzjoni tas-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u l-klassifikazzjoni ta’ dawn bħala setgħat iddelegati jew implimentattivi.

    L-adattament ta’ ċerti dispożizzjonijiet għall-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tat-TFUE.

    · Bażi legali

    L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    · Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

    · Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta qed temenda miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u għalhekk ma tqanqal l-ebda tħassib dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità.

    · Għażla ta’ strument

    L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-Unjoni.

    2013/0007 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[1] jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

    (2)       Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jkunu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (3)       Sabiex jiġu żviluppati wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewopea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan li ġej:

    – l-eżenzjoni ta' ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd mill-obbligu ta' notifika minn qabel;

    – l-eżenzjoni ta' ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd mill-obbligu li jimlew u jippreżentaw dikjarazzjoni tat-trażbord;

    – l-adozzjoni ta’ mod u frekwenza differenti ta’ trażmissjoni tad-dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd;

    – l-adozzjoni ta' regoli dwar iż-żamma abbord ta' pjanijiet ta' stivar għal ċerti prodotti tas-sajd ipproċessati;

    – id-definizzjoni ta' livelli ta’ attivazzjoni tal-qbid għall-għeluq fi żmien reali;

    – il-modifika ta’ distanzi li bihom bastiment tas-sajd irid jibdel il-pożizzjoni taħt ċerti ċirkostanzi meta jaqbeż livell ta’ attivazzjoni tal-qbid;

    – l-emenda tal-livell limitu li taħtu l-prodotti tal-ħut huma eżentati mir-regoli tat-traċċabilità;

    – l-emenda tal-livell limitu li taħtu l-prodotti tal-ħut huma eżentati mir-regoli tal-ewwel bejgħ;

    – l-eżenzjoni mill-obbligu li jippreżentaw noti tal-bejgħ għall-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art minn ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd;

    – l-emenda tal-livell limitu li taħtu l-prodotti tal-ħut huma eżentati mill-mili ta' nota tal-bejgħ;

    – id-determinazzjoni ta’ sajd suġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni;

    – l-adozzjoni ta’ mod u frekwenza differenti ta’ trażmissjoni tad-dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni wara proġetti pilota.

    (4)       Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (5)       Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

    – il-liċenzji tas-sajd;

    – l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

    – is-sistema tal-monitoraġġ tal-bastiment;

    – il-fatturi tal-konverżjoni biex il-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat jiġi kkonvertit għal piż ta’ ħut ħaj;

    – il-mili u l-preżentazzjoni tal-ġurnali ta' abbord sakemm ma jkunux atti ddelegati;

    – il-metodoloġija għal pjanijiet ta' kampjunar għal bastimenti tas-sajd li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd;

    – il-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord sakemm ma jkunux atti ddelegati;

    – il-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art;

    – il-metodoloġija għal pjanijiet ta' kampjunar għal bastimenti tas-sajd li mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art;

    – il-formati għat-trażmissjoni tad-dejta dwar il-qbid u l-isforz lill-Kummissjoni;

    – l-għeluq ta’ tip ta' sajd mill-Kummissjoni;

    – miżuri korrettivi f'każijiet tal-għeluq ta’ tip ta’ sajd mill-Kummissjoni;

    – kontrolli tal-kapaċità tas-sajd tal-Istati Membri;

    – iċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-propulsjoni tal-magna u l-verifika fiżika tal-qawwa tal-propulsjoni tal-magna;

    – il-metodoloġija għal pjanijiet ta' kampjunar għall-verifika tal-qawwa tal-magna;

    – l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet dwar kontrolli f’portijiet magħżula;

    – il-kalkolu tal-livelli ta’ attivazzjoni tal-qbid għall-għeluq fi żmien reali;

    – l-għeluq fi żmien reali;

    – l-istabbiliment, in-notifika u l-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta' kampjunar għal sajd rikreattiv;

    – l-informazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura lill-konsumaturi;

    – l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pjanijiet ta’ kampjunar, pjanijiet ta’ kontroll u programmi komuni ta’ kontroll għall-użin;

    – il-metodoloġija għal pjanijiet ta' kampjunar, pjanijiet ta’ kontroll u programmi komuni ta’ kontroll għall-użin;

    – il-kontenut u l-format tan-noti tal-bejgħ;

    – il-format tar-rapporti tas-sorveljanza;

    – rapporti tal-ispezzjoni;

    – il-bażi tad-dejta elettronika biex jittellgħu rapporti tal-ispezzjoni u tas-sorveljanza;

    – l-istabbiliment ta' lista ta' spetturi tal-Unjoni;

    – l-iffissar tal-kwantitajiet bħala miżura korrettiva fl-assenza ta’ proċedimenti mill-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord;

    – sistema ta’ punti għal ksur serju sakemm ma jkunux atti ddelegati;

    – sajd suġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni;

    – estensjoni ta' perjodu biex ir-riżultati ta’ inkjesta amministrattiva jintbagħtu lill-Kummissjoni;

    – l-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni f’każ ta’ irregolaritajiet jew nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll ta' Stat Membru;

    – is-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni;

    – l-għeluq tas-sajd minħabba nuqqas ta’ konformità mal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    – it-tnaqqis tal-kwoti;

    – it-tnaqqis tal-isforz;

    – it-tnaqqis tal-kwoti minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd;

    – miżuri temporanji;

    – l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema għall-validazzjoni tad-dejta;

    – l-analiżi u l-verifika tad-dejta;

    – l-iżvilupp ta’ standards u proċeduri komuni biex tkun żgurata komunikazzjoni trasparenti;

    – it-tħaddim tal-websajts u tas-servizzi tal-web;

    – il-kontenut u l-format tar-rapporti mill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    Meta jkun meħtieġ il-kontroll tal-Istati Membri dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[2].

    (6)       Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jeħtieġ li tiġi adattata d-dispożizzjoni dwar miżuri ta’ emerġenza li jipprevedu konsultazzjoni ta’ ċerti miżuri tal-Kummissjoni lill-Kunsill taħt ċerti kundizzjonijiet.

    (7)       Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jeħtieġ li jiġu adattati xi dispożizzjonijiet li jikkonferixxu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-Kunsill waħdu sabiex jinġiebu konformi mal-proċeduri l-ġodda applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandhom jinkitbu mill-ġdid.

    – id-definizzjoni ta' żoni tas-sajd ristretti;

    – l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda;

    – is-sottomissjoni ta’ ċerti bastimenti tas-sajd għal rapporti dwar l-isforz tas-sajd;

    – l-adozzjoni f'kull pjan multiannwali ta' limitu massimu tal-qabdiet li jekk jinqabeż ikun irid jintuża port magħżul jew post qrib il-kosta u l-frekwenza tal-komunikazzjoni tad-dejta;

    – l-istabbiliment ta' żoni tas-sajd ristretti u tad-data meta ċerti obligazzjonijiet ta’ kontroll relatati ma' dawn iż-żoni isiru obbligatorji;

    – is-sottomissjoni tas-sajd rikreattiv għal miżuri ta’ ġestjoni speċifiċi;

    – l-istabbiliment ta' skema tal-osservatur ta' kontroll.

    (8)       Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)          L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        "spetturi tal-Unjoni" tfisser uffiċjali ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha, li l-ismijiet tagħhom jinsabu fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 79;

                  (b)     il-punt 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "14.      "żona tas-sajd ristretta" tfisser kwalunkwe żona tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li ġiet iddefinita minn att tal-Unjoni li huwa legalment vinkolanti u fejn l-attivitajiet tas-sajd huma limitati jew projbiti;”

    (2)          fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        L-Istat Membru tal-bandiera għandu joħroġ, jimmaniġġja u jirtira l-liċenzja tas-sajd skont ir-regoli dettaljati dwar il-validità tagħhom u l-informazzjoni minima mniżżla hemmhekk, stabbiliti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

    (3)          fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        Għandhom ikunu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-informazzjoni minima li jkun fihom permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

             6.          l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tar-regoli dwar l-applikabbiltà tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastimenti żgħar."

    (4)          fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

             "2.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd, tal-irkaptu u tal-qxur tal-baħar, fir-rigward ta’:

    (a) dokumenti li jridu jinġarru abbord;

    (b) regoli għall-immarkar tal-qxur tal-baħar;

    (c) regoli għall-irkaptu passiv u xbieki tat-tkarkir bit-travu;

    (d) tikketti;

    (e) bagi;

    (f) ħbula."

    (5)          L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

                  (a) il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "10.      Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) ir-rekwiżiti ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita fuq il-bastimenti tas-sajd;

    (b) il-karatteristiċi tal-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

    (c) ir-responsabilitajiet tal-kaptani fir-rigward tal-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

    (d) il-miżuri ta’ kontroll li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri tal-bandiera;

    (e) il-frekwenza tat-trażmissjoni tad-dejta;

    (f) il-monitoraġġ tad-dħul f’żona speċifika kif ukoll tal-ħruġ minnha;

    (g) it-trażmissjoni tad-dejta lill-Istat Membru kostali;

    (h) il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' nuqqas tekniku jew nuqqas ta' funzjonament tat-tagħmir ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

    (i) meta ma tasalx id-dejta;

    (j) il-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd;

    (k) l-aċċess għad-dejta mill-Kummissjoni.

                  (b) Jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:

             "11.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli dwar il-format għat-trażmissjoni elettronika tad-dejta mis-sistema tal-monitoraġġ tal-bastiment mill-Istat Membru tal-bandiera lill-Istat Membru kostali permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (6)          L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             “Artikolu 13

             Teknoloġiji ġodda

             1.          Jistgħu jiġu adottati miżuri, skont it-Trattat, li jimponu l-obbligu tal-użu ta’ apparat elettroniku ta' monitoraġġ u għodod ta’ traċċabbiltà, bħall-analiżi ġenetika. Sabiex jivvalutaw it-teknoloġija li trid tintuża, l-Istati Membri, fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha, għandhom iwettqu proġetti pilota dwar l-għodod ta’ traċċabbiltà, bħall-analiżi ġenetika qabel l-1 ta’ Ġunju 2013.

             2.          L-introduzzjoni ta' tekniki ġodda oħra għall-kontroll tas-sajd tista' tiġi deċiża skont it-Trattat meta dawn it-teknoloġiji jwasslu għal titjib fil-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd b’mod kosteffikaċi."

    (7)          L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        Biex il-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom japplikaw fattur ta' konverżjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dak il-fattur ta’ konverżjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

                  (b)     il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

              "10.      Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar:

    (a) il-mili u l-preżentazzjoni tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd fuq il-karta;

    (b) mudelli li għandhom jintużaw għall-ġurnali ta’ abbord tas-sajd fuq il-karta;

    (c) istruzzjonijiet għall-mili u l-preżentazzjoni tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd fuq il-karta;

    (d) skadenzi għall-preżentazzjoni tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd;

    (e) il-kalkolu ta' marġini ta' tolleranza kif definit fil-paragrafu 3

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

                  (c)      jiżdied il-paragrafu 11:

             "11.      Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tar-rekwiżiti biex timtela u tiġi ppreżentata d-dejta tal-ġurnal ta’ abbord fuq il-karta mill-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-Artikoli 16(3) u 25(3)."

    (8)          L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      jiżdied il-paragrafu 1a:

             "1a.       Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni użati esklussivament għall-isfruttar tal-akkwakultura għandhom jiġu eżentati mill-paragrafu 1."

                  (b)     il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "9.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar

    (b) miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-dejta;

    (c) l-aċċess għad-dejta u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta’ aċċess għad-dejta.

             10.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar:

    (a) ir-rekwiżit ta’ sistemi elettroniċi ta' reġistrazzjoni u rappurtar fuq bastimenti tas-sajd tal-Unjoni;

    (b) il-format għat-trażmissjoni tad-dejta minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu;

    (c) il-messaġġi ta’ konferma mill-awtoritajiet;

    (d) id-dejta dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar;

    (e) il-format għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri;

    (f) l-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri;

    (g) il-kompiti tal-awtorità unika;

    (h) il-frekwenza ta’ trażmissjoni

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (9)          fl-Artikolu 16, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Għall-finijiet tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan ta’ kampjunar ibbażat fuq il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2) għad-definizzjoni tal-gruppi ta’ bastimenti, il-livelli ta’ riskju u l-istima tal-qabda, u jittrasmettiha lill-Kummissjoni kull sena sal-31 ta’ Jannar filwaqt li jindika l-metodi użati għall-istabbilimenti ta’ dan il-pjan. Il-pjanijiet ta’ kampjunar għandhom ikunu, safejn possibbli, stabbli matul iż-żmien u standardizzati fiż-żoni ġeografiċi rilevanti.”

    (10)        fl-Artikolu 17, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "6.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a, biex teżenta ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għal perjodu limitat, li jista’ jiġġedded, jew tipprovdi għal perjodu ta’ notifika ieħor wara li tikkunsidra t-tip ta’ prodotti tas-sajd u d-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet tal-ħatt l-art u l-portijiet fejn huma rreġistrati l-bastimenti kkonċernati.

    (11)        l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "6.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a, biex teżenta ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għal perjodu limitat, li jista’ jiġġedded, jew tipprovdi għal perjodu ta’ notifika ieħor wara li tikkunsidra t-tip ta’ prodotti tas-sajd u d-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet tat-trażbord u l-portijiet fejn huma rreġistrati l-bastimenti kkonċernati.

                  (b)     il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7         Regoli dettaljati dwar

    (a) il-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-trażbord fuq il-karta;

    (b) mudelli li għandhom jintużaw għad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord fuq il-karta;

    (c) istruzzjonijiet għall-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord fuq il-karta;

    (d) skadenzi għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-trażbord fuq il-karta;

    (e) l-għoti tad-dikjarazzjoni tat-trażbord fuq il-karta;

    (f) il-kalkolu ta’ marġni ta’ tolleranza definit fil-paragrafu 3

             għandu jiġi adottat permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (12)        L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      jiżdied il-paragrafu 1a:

             "1a.       Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni użati esklussivament għall-isfruttar tal-akkwakultura għandhom jiġu eżentati mill-paragrafu 1."

                  "(b)    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar;

    (b) miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-dejta;

    (c) l-aċċess għad-dejta u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta’ aċċess għad-dejta.”

                  (b) Jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

             "8.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dwar:

    (a) ir-rekwiżit ta’ sistemi elettroniċi ta' reġistrazzjoni u rappurtar fuq bastimenti tas-sajd tal-Unjoni;

    (b) il-format għat-trażmissjoni tad-dejta minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu;

    (c) il-messaġġi ta' konferma;

    (d) id-dejta dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar;

    (e) il-format għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri;

    (f) l-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri;

    (g) il-kompiti tal-awtorità unika

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (13)        fl-Artikolu 23, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar:

    (a) il-mili ta’ dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art fuq il-karta;

    (b) mudelli li għandhom jintużaw għad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art fuq il-karta;

    (c) istruzzjonijiet għall-mili u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art fuq il-karta;

    (d) skadenzi għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art;

    (e) l-operazzjonijiet tas-sajd li jinvolvu żewġ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew aktar

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (14)        L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

                  (a) jiżdied il-paragrafu 1a:

    "1a.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni użati esklussivament għall-isfruttar tal-akkwakultura għandhom jiġu eżentati mill-paragrafu 1."

                  (b) il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "8.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar

    (b) miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-dejta;

    (c) l-aċċess għad-dejta u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta’ aċċess għad-dejta.”

                  (c) jiżdied il-paragrafu 9:

    "9.     Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dwar:

    (a) ir-rekwiżit ta’ sistemi elettroniċi ta' reġistrazzjoni u rappurtar fuq il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni;

    (b) il-format għat-trażmissjoni tad-dejta minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu;

    (c) il-messaġġi ta' konferma;

    (d) id-dejta dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar;

    (e) il-format għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri;

    (f) l-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri;

    (g) il-kompiti tal-awtorità unika

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (15)        fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Għall-finijiet tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan ta’ kampjunar ibbażat fuq il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2) għad-definizzjoni tal-gruppi ta’ bastimenti, il-livelli ta’ riskju u l-istima tal-qabda, u jittrasmettiha lill-Kummissjoni kull sena sal-31 ta’ Jannar filwaqt li jindika l-metodi użati għall-istabbilimenti ta’ dan il-pjan. Il-pjanijiet ta’ kampjunar għandhom ikunu, safejn possibbli, stabbli matul iż-żmien u standardizzati fiż-żoni ġeografiċi rilevanti.”

    (16)        L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-frażi introduttorja tal-paragrafu 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

             "1.        Meta jkun deċiż hekk skont it-Trattat, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li mhumiex mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li tiffunzjona kif imsemmi fl-Artikolu 9 jew li ma jittrasmettux elettronikament id-dejta tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 15 u li huma suġġetti għal sistema tal-isforz tas-sajd, għandhom jikkomunikaw permezz tat-telex, feks, messaġġ tat-telefon jew posta elettronika rreġistrati kif xieraq minn min qed jirċievi jew permezz tar-radju permezz ta’ frekwenza tar-radju approvat skont ir-regoli tal-Unjoni, l-informazzjoni li ġejja fil-forma ta’ rapport dwar l-isforz tas-sajd, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u, fejn xieraq, lill-Istat Membru kostali, immedjatament qabel kull dħul f’żona ġeografika suġġetta għal dak ir-reġim tal-isforz tas-sajd jew ħruġ minnha:”

                  (b)     jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

             "3.        "Il-Kummissjoni tista’ tistipula regoli dettaljati dwar it-trażmissjoni ta’ rapporti dwar l-isforz tas-sajd permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (17)        Jitħassar l-Artikolu 32.

    (18)        L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:  

                  (a)      il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        Mingħajr preġudizzju għat-Titolu XII, sat-30 ta’ Ġunju 2011 l-Istati Membri jistgħu jwettqu proġetti pilota mal-Kummissjoni u mal-korp maħtur minnha dwar l-aċċess remot fi żmien reali għad-dejta tal-Istati Membri rreġistrata u vvalidata skont dan ir-Regolament. Il-format u l-proċeduri tal-aċċess għad-dejta għandhom jiġu kkunsidrati u ttestjati. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2011 jekk jippjanaw li jwettqu proġetti pilota. Mill-1 ta' Jannar 2012 jista' jiġi deċiż skont it-Trattat dwar mod u frekwenza differenti ta’ trażmissjoni tad-dejta lill-Kummissjoni. "

    (b)     il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "10.      Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi formati għat-trażmissjoni tad-dejta msemmija f’dan l-Artikolu, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (19)        fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2.     Abbażi tal-informazzjoni skont l-Artikolu 35 jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, fejn il-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni, Stat Membru, jew grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li jkunu ġew eżawriti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, l-irkaptu, l-istokk, il-grupp ta’ stokkijiet jew il-flotta involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.”

    (20)        L-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

                  (a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Jekk il-preġudizzju li jsofri Stat Membru li ġie pprojbit milli jistad qabel ma ġew eżawriti l-opportunitajiet tas-sajd tiegħu ma jkunx tneħħa, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri bl-għan li jiġi rrimedjat b’mod xieraq il-preġudizzju kkawżat, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2). Dawk il-miżuri jistgħu jinvolvu tnaqqis mill-opportunitajiet tas-sajd ta’ kwalunkwe Stat Membru li kien involut f’sajd żejjed, u li jiġu allokati b’mod xieraq il-kwantitajiet imnaqqsin b’dan il-mod lill-Istati Membri li l-attivitajiet tas-sajd tagħhom ġew ipprojbiti qabel l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom ġew eżawriti.”

                  (b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "4.        "Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar in-notifika ta preġudizzju mġarrab, l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li soffrew il-preġudizzju u l-ammont tal-preġudizzju, l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li jkunu stadu żżejjed u l-kwantitajiet ta’ ħut li nqabdu żejda, it-tnaqqis li għandu jsir mill-opportunitajiet tas-sajd tal-Istati Membri li jkunu stadu żżejjed fi proporzjon mal-opportunitajiet tas-sajd li nqabżu, iż-żidiet li għandhom isiru lill-opportunitajiet tas-sajd tal-Istati Membri ppreġudikati fi proporzjon mal-preġudizzju mġarrab, id-dati li fihom għandhom iseħħu ż-żidiet u t-tnaqqis u, fejn xieraq, kwalunkwe miżura oħra meħtieġa dwar kif jiġi rrimedjat il-preġudizzju mġarrab, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (21)        fl-Artikolu 38, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:         

             "2.        Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’:

    (a) ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd;

    (b) il-verifika tal-qawwa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd;

    (c) il-verifika tat-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd;

    (d) il-verifika tat-tip, l-għadd u l-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd.

             Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (22)        fl-Artikolu 40, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "6.        Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli dettaljati rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-propulsjoni tal-qawwa tal-magna kif ukoll il-verifika fiżika tal-propulsjoni tal-qawwa tal-magna permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (23)        fl-Artikolu 41, il-frażi introduttorja tal-paragrafu 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

             "1.        L-Istati Membri għandhom iwettqu, wara analiżi tar-riskju, verifika tad-dejta tal-konsistenza tal-qawwa tal-magna bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli lill-amministrazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tal-bastiment ikkonċernat. Dik il-verifika tad-dejta għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ pjan ta’ kampjunar ibbażat fuq il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 119(2) dwar kriterji ta’ riskju għoli, id-daqs tal-kampjuni aleatorji u d-dokumenti tekniċi li għandhom jiġu vverifikati. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw b'mod partikolari l-informazzjoni li tkunu tinsab fi:”

    (24)        L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Meta jiġi adottat pjan multiannwali skont it-Trattat, jista' jiġi deċiż li jkun inkluż livell limitu applikabbli għall-piż ħaj ta’ speċijiet suġġetti għal dak il-pjan, li fil-każ li jinqabeż il-bastiment tas-sajd għandu jkun meħtieġ li jħott l-art il-qabdiet tiegħu f’port magħżul jew f’post viċin il-kosta."

    (b)     il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        L-Istati Membri għandhom jiġu eżentati mill-paragrafu 5(c) jekk il-programm ta’ azzjoni nazzjonali ta’ kontroll adottat skont l-Artikolu 46 ikun fih pjan dwar kif isir il-kontroll f’portijiet magħżula, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta’ kontroll mill-awtoritajiet kompetenti. Il-pjan għandu jitqies sodisfaċenti jekk ikun hemm qbil mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

    (25)        fl-Artikolu 45, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Il-livell limitu rilevanti u l-frekwenza tal-komunikazzjoni tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti f'kull pjan multiannwali skont it-Trattat."

    (26)        fl-Artikolu 49, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a, biex tadotta regoli dwar iż-żamma abbord ta’ pjan tal-istivar ta’ prodotti pproċessati, li jindika skont l-ispeċi tal-ħut, fejn jinsabu fl-istiva."

    (27)        fl-Artikolu 50, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

             "1.        L-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi f’żona ristretta tas-sajd stabbilita skont it-Trattat għandhom jiġu kkontrollati miċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru kostali, li għandu jkollu sistema għall-individwazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-dħul, tat-tranżitu u tal-ħruġ tal-bastiment miż-żona ristretta tas-sajd.

             2.          Flimkien mal-paragrafu 1, għandha tiġi stabbilita data skont it-Trattat li minnha l-bastimenti tas-sajd għandu jkollhom sistema operattiva abbord li għandha tavża l-kaptan bid-dħul u l-ħruġ f’żona ristretta tas-sajd."

    (28)        L-Artikolu 51 huwa emendat kif ġej:

                  (a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Meta jintaħaq livell ta’ attivazzjoni tal-qbid ta’ speċi jew grupp ta’ speċijiet partikolari, iż-żona kkonċernata għandha tingħalaq b'mod temporanju għas-sajd rilevanti skont din it-Taqsima. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a biex tistabbilixxi l-ispeċi jew il-grupp ta’ speċijiet partikolari li għalihom japplika l-livell ta’ attivazzjoni tal-qbid, filwaqt li tqis il-kompożizzjoni tal-qabda skont l-ispeċi u/jew skont it-tul f'żoni u/jew tipi ta’ sajd partikolari."

                  (b)     il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Il-livell ta’ attivazzjoni tal-qbid għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ metodoloġija ta’ kampjunar stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 119(2) għad-definizzjoni taż-żoni b'riskju li jintlaħaq livell ta' attivazzjoni u l-verifika li ntlaħaq il-livell ta’ attivazzjoni, bħala l-perċentwal jew il-piż ta’ speċi jew gruppi ta’ speċijiet partikolari meta mqabbel mal-qabda totali f’refgħa tal-ħut ikkonċernat."

                  (c)      jitħassar il-paragrafu 3.

    (29)        l-Artikolu 51a ġdid li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 51:

             "Artikolu 51a

             Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni

             Il-Kummissjoni tista’ tistipula regoli dettaljati dwar iż-żoni ta' għeluq fi żmien reali, l-għeluq tas-sajd u informazzjoni dwar l-għeluq fi żmien reali permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (30)        L-Artikolu 52 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Meta l-kwantità tal-qabdiet taqbeż il-livell ta’ attivazzjoni tal-qbid f'żewġ refgħat konsekuttivi, il-bastiment tas-sajd għandu jbiddel iż-żona tas-sajd b’ċertu distanza, minn kwalunkwe pożizzjoni tar-refgħa preċendenti qabel ma jkompli jistad u għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali.

             2.          Id-distanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha inizjalment tkun tal-inqas ħames mili nawtiċi, u żewġ mili nawtiċi għal bastimenti tas-sajd ta' inqas minn 12-il metru.

             3.          Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a dwar il-modifika tad-distanzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, billi jitqiesu l-elementi li ġejjin:

    -           il-parir xjentifiku disponibbli

    -           u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta' spezzjoni fiż-żona li għaliha ġew identifikati livelli ta' attivazzjoni tal-qbid."

    (31)        fl-Artikolu 54, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Abbażi tal-informazzjoni li turi li l-livell ta’ attivazzjoni tal-qbid intlaħaq, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li żona għandha tingħalaq b’mod temporanju jekk l-Istat Membru kostali ma jkunx stabbilixxa t-tali għeluq hu stess."

    (32)        fl-Artikolu 55, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

             "4.        Abbażi ta' valutazzjoni xjentifika tal-impatt bijoloġiku tas-sajd rikreattiv kif imsemmi fil-paragrafu 3, fejn is-sajd rikreattiv jinstab li għandu impatt sinifikanti, jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ ġestjoni bħal awtorizzazzjonijiet tas-sajd u dikjarazzjonijiet tal-qbid skont it-Trattat.

             5.          Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar l-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ kampjunar kif imsemmi fil-paragrafu 3 u n-notifika u l-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta' kampjunar permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (33)        L-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      jiżdiedu l-paragrafi 7a u 7b:

             "7a.       L-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 5 m’għandhiex tapplika għal:

    (a) prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-implimentazzjoni taċ-ċertifikat tal-qbid skont l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

    (b) prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li nqabdu jew li tkabbru fl-ilma ħelu;

    (c) ħut ornamentali, krustaċji u molluski.

             7b.        L-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 5 ma għandhiex tapplika għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jaqgħu taħt l-intestaturi tat-Tariffi tan-Nomenklatura Magħquda bin-numri 1604 u 1605."

                  (b)     il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

             "8.        L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu kwantitajiet żgħar ta’ prodotti li jinbiegħu direttament mill-bastimenti tas-sajd lill-konsumaturi, dment li dawn ma jaqbżux valur żgħir.

             9.          Il-valur imsemmi fil-paragrafu 8 għandu inizjalment ma jaqbiżx EUR 50 kuljum.

             10.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) id-determinazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li għalihom japplika dan l-Artikolu;

    (b) it-twaħħil fiżiku ta’ informazzjoni fuq il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

    (c) il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-aċċess għal informazzjoni mwaħħla ma’ lott jew li fiżikament takkumpanja lott;

    (d) id-determinazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li għalihom ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx;

    (e) l-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika rilevanti;

    (f) il-modifika tal-valur ipprovdut fil-paragrafu 9;

    (g) l-informazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura disponibbli lill-konsumaturi."

    (34)        fl-Artikolu 59, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "3.        Xerrej li jakkwista prodotti tas-sajd sa limitu ta’ ċertu piż li wara dak in-nhar ma jitpoġġewx fis-suq, iżda jintużaw biss għall-konsum privat, għandu jkun eżentat minn dan l-Artikolu.

             4.          Il-limitu tal-piż imsemmi fil-paragrafu 3 għandu inizjalment ma jaqbiżx it-30 kg kuljum.

             5.          Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tal-modifika tal-limitu tal-piż previst fil-paragrafu 4 filwaqt li jitqies l-istatus tal-istokk ikkonċernat."

    (35)        L-Artikolu 60 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Stat Membru għandu jiżgura li l-prodotti kollha tas-sajd jintiżnu b’sistemi approvati mill-awtoritajiet kompetenti dment li dan ma jkunx adotta pjan ta’ kampjunar approvat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 119(2) għad-determinazzjoni tad-daqs tal-kampjuni, il-livelli tar-riskju, il-kriterji tar-riskju u l-informazzjoni li għandha titqies."

                  (b)     il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "7.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) l-istabbiliment ta' proċeduri tal-użin għall-ħatt l-art minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u trażbordi li jinvolvu bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll użin ta' prodotti tas-sajd abbord bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-UE;

    (b) ir-reġistri tal-użin;

    (c) il-ħin tal-użin;

    (d) is-sistemi tal-użin;

    (e) l-użin ta' prodotti tas-sajd iffriżati;

    (f) it-tnaqqis tas-silġ u tal-ilma;

    (g) l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għas-sistemi tal-użin, ir-reġistri tal-użin, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub u l-postijiet fejn il-prodotti tas-sajd huma maħżuna jew ipproċessati;

    (h) ir-regoli speċjali għall-użin ta' ċerti speċijiet pelaġiċi fir-rigward ta’:

    (i)      l-istabbiliment ta’ proċedura tal-użin għall-qabdiet tal-aringi, tal-kavalli u tas-sawrell;

    (ii)      il-portijiet tal-użin;

    (iii)     l-għoti ta' informazzjoni lill-awtoritajiet qabel id-dħul fil-port;

    (iv)     il-ħatt l-art;

    (v)     il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

    (vi)     il-faċilitajiet tal-użin imħaddma pubblikament;

    (vii)    il-faċilitajiet tal-użin imħaddma privatament;

    (viii)   l-użin ta’ ħut iffriżat;

    (ix)     iż-żamma tar-reġistri tal-użin;

    (x)     in-nota tal-bejgħ u d-dikjarazzjoni tal-akkwist tal-kontroll;

    (xi)     il-kontroverifiki;

    (xii)    il-monitoraġġ tal-użin.

    (36)        L-Artikolu 61 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 61

    Użin ta’ prodotti tas-sajd wara t-trasport mill-post tal-ħatt l-art

             1.          B’deroga mill-Artikolu 60(2), l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-prodotti tas-sajd jintiżnu wara t-trasport mill-post tal-ħatt l-art sakemm jiġu ttrasportati lejn id-destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u sakemm dak l-Istat Membru jkun adotta pjan ta' kontroll approvat mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak il-pjan ta’ kontroll għandu jkun ibbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq riskju għall-istabbiliment tad-daqs tal-kampjuni, tal-livelli tar-riskju, tal-kriterji tar-riskju u tal-kontenut tal-pjanijiet ta' kontroll. Il-Kummissjoni għandha tadotta din il-metodoloġija ta' kampjunar permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

             2.          B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jinħattu l-art il-prodotti tas-sajd jistgħu jippermettu t-trasport qabel l-użin ta’ dawn il-prodotti lil xerrejja rreġistrati, stabbilimenti tal-irkant irreġistrati jew korpi jew persuni oħra li huma responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd fi Stat Membru ieħor. Dak il-permess għandu jkun suġġett għal programm ta’ kontroll komuni bejn l-Istati Membri kkonċernati kif imsemmi fl-Artikolu 94 li jkun ġie approvat mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak il-pjan ta’ kontroll komuni għandu jkun ibbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju għall-istabbiliment tad-daqs tal-kampjuni, tal-livelli tar-riskju, tal-kriterji tar-riskju u tal-kontenut tal-pjanijiet ta' kontroll. Il-Kummissjoni għandha tadotta din il-metodoloġija ta' kampjunar permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (37)        fl-Artikolu 64, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar l-indikazzjoni ta' ħut individwali, it-tip ta’ preżentazzjoni u l-indikazzjoni tal-prezz f'noti tal-bejgħ, u l-formati tan-noti tal-bejgħ permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (38)        L-Artikolu 65 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "Artikolu 65 Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tan-noti tal-bejgħ

             1.          Tista’ tingħata eżenzjoni mill-obbligu li tingħata n-nota tal-bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti jew lil korpi awtorizzati oħra tal-Istat Membru għall-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art minn ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 16 u 25 jew għal kwantitajiet żgħar ta' prodotti tas-sajd. Dik il-kwantità żgħira ma għandhiex inizjalment taqbeż il-50 kg ta' ekwivalenti ta’ piż ħaj skont l-ispeċi. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a għall-għoti ta’ eżenzjonijiet bħal dawn u għall-adattament ta’ kwantitajiet żgħar filwaqt li jitqies l-istatus tal-istokk ikkonċernat.

             2.          Xerrej li jakkwista prodotti sa limitu ta’ ċertu piż li wara dak in-nhar ma jitpoġġewx fis-suq, iżda jintużaw biss għall-konsum privat, għandu jkun eżentat mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 62, 63 u 64. Dak il-limitu tal-piż inizjalment ma għandux jaqbeż it-30 kg. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tal-modifika ta’ dak il-limitu tal-piż filwaqt li jitqies l-istatus tal-istokk ikkonċernat."

    (39)        fl-Artikolu 71, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-format tar-rapport tas-sorveljanza permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (40)        L-Artikolu 73 huwa emendat kif ġej:

                  (a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Fejn skema tal-osservaturi ta’ kontroll tal-Unjoni tkun ġiet stabbilita skont it-Trattat, l-osservaturi tal-kontroll abbord il-bastimenti tas-sajd maħtura mill-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità tal-bastiment tas-sajd mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Huma għandhom jimplimentaw il-kompiti kollha tal-iskema tal-osservaturi u b’mod partikolari jivverifikaw u jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd u d-dokumenti rilevanti tal-bastiment."

    (b) il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "9.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a dwar il-kwistjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-osservaturi tal-kontroll:

    (a) l-identifikazzjoni tal-bastimenti għall-applikazzjoni ta' skema tal-osservaturi tal-kontroll;

    (b) is-sistema ta’ komunikazzjoni;

    (c) ir-regoli tas-sigurtà tal-bastiment;

    (d) il-miżuri biex tkun żgurata l-indipendenza tal-osservaturi tal-kontroll;

    (e) id-dmirjiet tal-osservaturi tal-kontroll;

    (f) il-finanzjament ta' proġetti pilota."

    (41)        fl-Artikolu 74, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "6.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tal-metodoloġija u t-tmexxija tal-ispezzjoni inklużi:

    (a) ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-uffiċjali responsabbli biex imexxu spezzjoni fuq il-baħar jew fuq l-art;

    (b) l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji għall-għażla ta' miri tal-ispezzjoni;

    (c) il-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar fost l-Istati Membri;

    (d) id-dmirijiet tal-uffiċjali matul il-fażi ta’ qabel l-ispezzjoni;

    (e) id-dmirijiet tal-uffiċjali awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet;

    (f) l-obbligi tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd;

    (g) id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal spezzjonijiet fuq il-baħar u fil-port, spezzjonijiet tat-trasport, spezzjoni tas-suq."

    (42)        fl-Artikolu 75, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward tal-obbligi tal-operatur u tal-kaptan matul l-ispezzjonijiet."

    (43)        fl-Artikolu 76, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "4.        "Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati fir-rigward ta’ regoli komuni dwar il-kontenut tar-rapporti tal-ispezzjoni, il-mili tar-rapporti tal-ispezzjoni u dwar it-trażmissjoni ta’ kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-operatur permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (44)        fl-Artikolu 78, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar l-operat tal-bażi tad-dejta elettronika u l-aċċess tal-Kummissjoni għaliha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (45)        L-Artikolu 79 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             “Artikolu 79

             Spetturi tal-Unjoni

             1.          Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ spetturi tal-Unjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

             2.          Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri kostali, l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament fl-ilmijiet tal-Unjoni, u fuq bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ‘l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni.

             3.          L-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jkunu assenjati għal:

    (a) l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni adottati skont l-Artikolu 95;

    (b) il-programmi internazzjonali ta’ kontroll tas-sajd, fejn l-Unjoni għandha obbligu li tipprovdi għall-kontrolli.

             4.          Għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u suġġett għall-paragrafu 5, l-ispetturi tal-Unjoni għandu jkollhom aċċess mingħajr dewmien:

    (a) għaż-żoni kollha abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u kwalunkwe bastiment ieħor li jwettaq attivitajiet tas-sajd, il-bini jew il-postijiet pubbliċi u l-mezzi ta’ trasport; kif ukoll

    (b) għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, iċ-ċertifikati tal-qbid, id-dikjarazzjoni ta’ trasbord, in-noti tal-bejgħ, u dokumenti rilevanti oħra,;

             sal-istess punt u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-uffiċjali tal-Istat Membru li fih issir l-ispezzjoni.

             5.          L-ispetturi tal-Unjoni m’għandux ikollhom il-poteri ta’ pulizija u ta’ infurzar lil hinn mit-territorju tal-Istat Membru tal-oriġini jew ‘il barra mill-ilmijiet tal-Unjoni taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

    6.      Meta jkunu assenjati bħala spetturi tal-Unjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew tal-korp innominat minnha m’għandu jkollhom l-ebda poteri ta’ pulizija u ta’ infurzar.

    7.      Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar:

    (a) in-notifika tal-ispetturi tal-Unjoni lill-Kummissjoni;

    (b) l-adozzjoni u ż-żamma tal-lista tal-ispetturi tal-Unjoni;

    (c) in-notifika tal-ispetturi tal-Unjoni lill-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd

    (d) is-setgħat u d-dmirijiet tal-ispetturi tal-Unjoni

    (e) ir-rapporti tal-ispetturi tal-Unjoni;

    (f) is-segwitu tar-rapporti tal-ispetturi tal-Unjoni

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (46)        fl-Artikolu 88, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2.        Wara konsultazzjoni maż-żewġ Stati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiffissa l-kwantitajiet ta’ ħut li għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (47)        fl-Artikolu 92, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a fir-rigward ta’:

    (a) il-punti li jkunu assenjati għal ksur serju;

    (b) il-limitu massimu tal-punti li jattiva s-sospensjoni u l-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd;

    (c) is-segwitu tas-sospensjoni u tal-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd

    (d) is-sajd illegali matul il-perjodu ta’ sospensjoni jew wara l-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd

    (e) il-kundizzjonijiet għall-ġustifikazzjoni tat-tħassir ta’ punti."

             5a.        “Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati fir-rigward ta':

    (a) l-istabbiliment u l-operat ta’ sistema ta’ punti għal ksur serju;

    (b) in-notifiki tad-deċiżjonijiet;

    (c) it-trasferiment tas-sjieda tal-bastimenti li qed jiġu attribwiti l-punti;

    (d) it-tħassir ta’ liċenzji tas-sajd ta’ min hu responsabbli għal ksur serju minn listi rilevanti;

    (e) l-obbligi ta’ informazzjoni dwar is-sistema tal-punti għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd stabbiliti mill-Istati Membri

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (48)        fl-Artikolu 95, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Ċerti tipi ta’ sajd jistgħu jkunu suġġetti għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazjoni, u flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, tiddetermina liema sajd għandu jkun suġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni abbażi tal-ħtieġa għal kontroll speċifiku u koordinat tat-tipi ta’ sajd inkwistjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (49)        fl-Artikolu 102, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

             "3.        L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-inkjesta u għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni ppreparat mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-talba tal-Kummissjoni. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq it-talba motivata kif jixraq mill-Istat Membru, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli.

             4.          Jekk l-inkjesta amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 ma twassalx għat-tneħħija tal-irregolaritajiet jew jekk il-Kummissjoni tidentifika xi nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru matul il-verifiki jew l-ispezzjonijiet awtonomi msemmija fl-Artikoli 98 u 99 jew fl-awditjar imsemmi fl-Artikolu 100, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, pjan ta’ azzjoni ma’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dak il-pjan ta’ azzjoni."

    (50)        L-Artikolu 103 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      fil-paragrafu 1, il-frażi inizjali hija sostitwita b'dan li ġej:

             "1.        Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi, permez ta’ atti ta’ implimentazjoni, għal perjodu massimu ta’ 18-il xahar il-pagamenti kollha jew parti minnhom, tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u l-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, fejn ikun hemm evidenza li:"

                  (b)     il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "2. Jekk, matul il-perjodu ta’ sospensjoni, l-Istat Membru kkonċernat jibqa’ ma jurix li ħa azzjoni ta’ rimedju biex jiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli u l-infurzar tagħhom fil-futur jew li ma hemm l-ebda riskju serju li t-tħaddim effettiv fil-futur tas-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll u ta’ infurzar ikun imxekkel, il-Kummissjoni tista’ tħassar, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, kompletament jew parzjalment, l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, li l-pagament tagħha jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 1. Tħassir bħal dan għandu jsir biss wara li l-pagament korrispondenti jkun ġie sospiż għal 12-il xahar."

                  (c)      il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "8. Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar:

    (a) l-interruzzjoni tad-data ta’ skadenza tal-pagament;

    (b) is-sospensjoni tal-pagamenti;

    (c) it-tħassir tal-għajnuna finanzjarja

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (51)        L-Artikolu 104 huwa emendat kif ġej:

                  (a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Meta Stat Membru ma jirrispettax l-obbligi tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ pjan multiannwali, u meta l-Kummissjoni jkollha evidenza li n-nuqqas ta’ rispett ta’ dawk l-obbligi jikkostitwixxi theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħlaq b’mod proviżorju s-sajd affetwat minn dawk in-nuqqasijiet għall-Istat Membru kkonċernat."

                  (b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "4.        Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tneħħi l-għeluq wara li l-Istat Membru juri bil-miktub għas-sodisfazzjoni tal-Kummissjoni, li r-riżorsi tas-sajd jistgħu jiġu sfruttati b’mod sikur."

    (52)        L-Artikolu 105 huwa emendat kif ġej:

    (a)     fil-paragrafu 2, il-frasi introduttorja tal-ewwel subparagrafu hija sostitwita b'dan li ġej:

             "2.        Fil-każ ta’ sajd żejjed ta’ kwota, allokazzjoni jew sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru f’sena speċifika l-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, topera tnaqqis fis-sena jew fis-snin li jsegwu mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali tal-Istat Membru li stad żejjed billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:"

    (b)     il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

             "4.        F’każ ta’ sajd żejjed fejn tinqabeż il-kwota, l-allokazzjoni jew s-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru fi snin preċedenti, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tnaqqas il-kwoti minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru biex jittieħed kont tal-livell ta’ sajd żejjed. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

             5.          Jekk tnaqqis skont il-paragrafi 1 u 2 ma jistax jiġi operat fuq il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet fejn ikun sar is-sajd żejjed minħabba li dik il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet mhumiex disponibbli b’mod suffiċjenti għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, pemezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tnaqqas il-kwoti, fis-sena jew snin ta’ wara, għal stokkijiet jew gruppi ta’stokkijiet oħra disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-istess żona ġeografika, jew bl-istess valur kummerċjali skont il-paragrafu 1.

             6.          Il-Kummissjoni tista’ tistipula regoli dettaljati fir-rigward ta’:

    (d) il-valutazzjoni tal-kwota adattata li fiha għandu jiġi kkalkulat l-eċċess fl-utilizzazzjoni;

    (e)    il-proċedura għall-konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat dwar it-tnaqqis tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4 u 5

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (53)        L-Artikolu 106 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru ikun qabeż l-isforz tas-sajd li ġie allokat lilu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, topera tnaqqis mill-isforz tas-sajd futur ta’ dak l-Istat Membru.

                  (b)     fil-paragrafu 2, il-frażi inizjali hija sostitwita b'dan li ġej:

             "2.        Jekk ikun hemm eċċess tal-isforz tas-sajd f’żona ġeografika jew f’sajd disponibbli għal Stat Membru, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, topera tnaqqis fis-sena jew fis-snin ta’ wara mill-isforz tas-sajd disponibbli għal dak l-Istat Membru għaż-żona ġeografika jew is-sajd ikkonċernat billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:"

                  (c)      il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

             "3.        Jekk ma jkunx jista’ jsir tnaqqis skont il-paragrafu 2 fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal stokk li ġie mistad iżżejjed minħabba li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli ma jkunx disponibbli jew ma jkunx disponibbli biżżejjed għall-Istat Membru kkonċernat, fis-sena jew fis-snin ta’ wara l-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tnaqqas l-isforz tas-sajd disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-istess żona ġeografika skont il-paragrafu 2.

             4.          Il-Kummissjoni tista’ tistipula regoli dettaljati fir-rigward ta’:

    (a) il-valutazzjoni tal-isforz massimu disponibbli li fih għandu jiġi kkalkulati l-eċċess tal-utilizzazzjoni;

    (b)    il-proċedura għall-konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat dwar it-tnaqqis tal-isforz tas-sajd imsemmi fil-paragrafu 3

             permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (54)        L-Artikolu 107 huwa emendat kif ġej:

                  (a)      il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Fejn ikun hemm evidenza li qed iseħħ nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-istokkijiet li huma suġġetti għal pjanijiet multiannwali minn Stat Membru u li dan jista’ jwassal għal theddid serju għall-konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet, fis-sena jew fis-snin ta’ wara l-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ topera tnaqqis mill-kwoti, mill-allokazzjonijiet jew mill-ishma annwali ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal dak l-Istat Membru, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tieħu kont tal-ħsara kkaġunata lill-istokkijiet."

    (b)     il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "4.        Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 119a rigward id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex juru li s-sajd jista’ jiġi sfruttat b’mod sikur, il-materjal li għandu jiġi inkluż mill-Istati Membri fir-risposta tagħhom u l-istabbiliment tal-kwantitajiet biex jitnaqqsu billi jitqiesu:

    (a) safejn jasal in-nuqqas ta’ konformità u n-natura tiegħu,

    (b) il-gravità tat-theddida għall-konservazzjoni,

    (c) il-ħsara kkawżata lill-istokk min-nuqqas ta’ konformità."

    (55)        fit-Titolu XI, il-Kapitolu IV huwas sostitwit b’dan li ġej:

             "Kapitolu IV

             Miżuri temporanji

             Artikolu 108

             Miżuri temporanji

             1.          Jekk ikun hemm evidenza, inkluż jekk ibbażata fuq ir-riżultati tal-kampjunar imwettaq mill-Kummissjoni, li l-attivitajiet tas-sajd u/jew il-miżuri adottati minn Stat Membru jew Stati Membri jimminaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati fil-qafas tal-pjanijiet multiannwali jew jheddu l-ekosistema tal-baħar u dan ikun jeħtieġ azzjoni immedjata, il-Kummissjoni, fuq talba sostanzjata ta’ kwalunkwe Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, permez ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tiddeċiedi dwar miżuri temporanji li m’għandhomx idumu aktar minn sitt xhur.

             2.          Il-miżuri temporanji previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati għat-theddida u jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

    (a) is-sospensjoni tal-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kkonċernati;

    (b) l-għeluq tas-sajd;

    (c) il-projbizzjoni għall-operaturi tal-Unjoni li jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew għat-tkabbir, jew it-trażbordi ta’ ħut u prodotti tas-sajd li jinqabdu mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kkonċernati;

    (d) il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq jew l-użu għal skopijiet kummerċjali oħra ta’ ħut u prodotti tas-sajd li jinqabdu mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri kkonċernati;

    (e) il-projbizzjoni tal-forniment ta’ ħut ħaj għall-akkwakultura fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati;

    (f) il-projbizzjoni li jkun aċċettat ħut ħaj li jinqabad minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat għall-iskopijiet tal-akkwakultura fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri l-oħra;

    (g) il-projbizzjoni għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat milli jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri oħra;

    (h) il-modifika tad-dejta tas-sajd ippreżentata minn Stati Membri b’mod xieraq.

             3.          L-Istat Membru għandu jikkomunika b'mod simultanju t-talba raġunata msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsilli Konsultattivi kkonċernati."

    (56)        fl-Artikolu 109, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "8.        L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni li tkopri d-dejta elenkata taħt il-punti (a) u b) tal- paragrafu 2 u biex jiżguraw is-segwitu tal-inkonsistenzi. Il-pjan għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jagħmlu prijoritajiet għall-validazzjoni u l-kontroverifiki u s-segwitu sussegwenti tal-inkonsistenzi abbażi tal-ġestjoni tar-riskju. Il-pjan għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni għandha, permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, tapprova l-pjanijiet qabel l-1 ta’ Lulju 2012 wara li tkun ippermettiet lill-Istati Membri jagħmlu l-korrezzjonijiet. L-emendi għall-pjan għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fuq bażi annwali għall-approvazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi għall-pjan permezz tal-atti ta’ implimentazjoni."

    (57)        fl-Artikolu 110, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "3.        Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, sat-30 ta’ Ġunju 2012 l-Istati Membri jistgħu jwettqu proġett(i) pilota mal-Kummissjoni jew mal-korp maħtur minnha biex ikun ipprovdut aċċess remot fi żmien reali għad-dejta tal-Istati Membri dwar l-opportunitajiet tas-sajd irreġistrata u vvalidata skont dan ir-Regolament. Meta kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat ikunu sodisfatti bl-eżitu tal-proġett pilota, u dment li l-aċċess remot ikun qed jiffunzjona kif miftiehem, l-Istat Membru kkonċernat m’għandux ikun obbligat iżjed jirrapporta dwar l-opportunitajiet tas-sajd kif hemm deskritt fl-Artikolu 33(2) u (8). Il-format u l-proċeduri tal-aċċess għad-dejta għandhom jiġu kkunsidrati u ttestjati. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2012 jekk jippjanaw li jwettqu proġett(i) pilota. Mill-1 ta' Jannar 2013, jistgħu jiġu deċiżi regoli dwar mod u frekwenza differenti ta’ trasmissjoni tad-dejta mill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess fil-ħin reali f’konformità mat-Trattat. "

    (58)        fl-Artikolu 111, jitħassar il-paragrafu 3.

    (59)        l-Artikolu 111 il-ġdid li ġej jiddaħħal qabel l-intestatura tal-Kapitolu II:

             "Artikolu 111a

             Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet dwar id-dejta

             Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazjoni, tistipula regoli dettaljati dwar il-kontroll tal-kwalità, il-konformità mad-dati ta’ skadenzi għall-preżentazzjoni tad-dejta, il-kontroverifiki, l-analiżi, il-verifika tad-dejta u dwar l-istabbiliment ta’ format standardizzat għat-tniżżil u l-iskambju tad-dejta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (60)        fl-Artikolu 114, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "1.        Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, qabel l-1 ta’ Jannar 2012 websajt uffiċjali aċċessibbli permezz tal-Internet u li fiha l-informazzjoni elenkata fl-Artikoli 115 u 116. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-indirizz tal-Internet tal-websajt uffiċjali tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi li tiżviluppa standards u proċeduri komuni biex tiżgura komunikazzjoni trasparenti bejn l-Istati Membri nnifishom kif ukoll bejn l-Istati Membri, il-korp maħtur minnhom u l-Kummissjoni, inkluż it-trażmissjoni ta’ aġġornamenti regolari dwar ir-reġistri tal-attivitajiet tas-sajd relatati mal-possibbiltajiet tas-sajd."

    (61)        fl-Artikolu 116, jitħassar il-paragrafu 6.

    (62)        l-Artikolu 116a il-ġdid li ġej jiddaħħal wara t-Titolu XIII:

             "Artikolu 116a

             Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-websajts u servizzi tal-web

             Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar it-tħaddim ta’ websajts u s-servizzi tal-web permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (63)        fl-Artikolu 117, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex, permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar l-għajnuna reċiproka fir-rigward ta’:

    (a) il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni u l-korp maħtur minnha, inkluż il-ħarsien tad-dejta personali u l-użu tal-informazzjoni u l-ħarsien tas-segretezza professjonali u kummerċjali,

    (b) l-ispejjeż għall-eżekuzzjoni ta’ talbiet għall-għajnuna,

    (c) il-ħatra tal-awtorità unika tal-Istati Membri,

    (d) il-komunikazzjoni ta' miżuri ta' segwitu meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali b’riżultat tal-iskambju ta' informazzjoni,

    (e) it-talba għall-għajnuna, inklużi talbiet għall-informazzjoni, talbiet għal miżuri u talbiet għal notifiki amministrattivi u l-istabbiliment ta’ dati ta’ skadenzi għat-tweġibiet,

    (f) l-informazzjoni mingħajr talba minn qabel,

    (g) ir-relazzjonijiet tal-Istati Membri mal-Kummissjoni u ma' pajjiżi terzi.

             Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (64)        fl-Artikolu 118, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             "5.        Il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati dwar il-kontenut u l-format tar-rapporti mill-Istati Membri, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2)."

    (65)        L-Artikolu 119 huwa sostitwit b’dan li ġej:

             “Artikolu 119

             Proċedura tal-Kumitat

             1.          Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

             2.          Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

    (66)        jiddaħħal l-Artikolu 119a ġdid li ġej:

             "Artikolu 119a

             Eżerċizzju tad-delega

             1.          Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

             2.          Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 7(6), 8(2), 9(10), 14(11), 15(9), 17(6), 21(6), 22(7), 49(2), 51(1), 52(3), 58(10), 58(11), 59(5), 60(7), 65(1), 65(2), 73(9), 74(6), 75(2), 92(5a), u 107(4) għandhom jingħataw għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

             3.          Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 7(6), 8(2), 9(10), 14(11), 15(9), 17(6), 21(6), 22(7), 49(2), 51(1), 52(3), 58(10), 58(11), 59(5), 60(7), 65(1), 65(2), 73(9), 74(6), 75(2), 92(5a), u 107(4) jistgħu jiġu rrevokati fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

             4.          Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

             5.          Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 7(6), 8(2), 9(10), 14(11), 15(9), 17(6), 21(6), 22(7), 49(2), 51(1), 52(3), 58(10), 58(11), 59(5), 60(7), 65(1), 65(2), 73(9), 74(6), 75(2), 92(5a), u 107(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhuma se jressqu l-ebda oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b'xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                                                     Għall-Kunsill

    Il-President                                                                              Il-President

    [1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p.1.

    [2]               ĠU L 55, 28.2.2011, p.13.

    Top