Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0012

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

    /* KUMM/2011/0012 finali */

    52011DC0012




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 18.1.2011

    KUMM(2011) 12 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

    SEG(2011) 68 finaliSEG(2011) 67 finaliSEG(2011) 66 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

    1. DAĦLA

    Il-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-isport fil-livell tal-UE ssaħħew bil-kbir grazzi għall-White Paper dwar l-Isport tal-2007[1]. Kważi l-azzjonijiet kollha fil-Pjan ta' Azzjoni akkumpanjanti "Pierre de Coubertin" tlestew jew qed jiġu implimentati. Il-White Paper tinkludi deskrizzjoni tal-ispeċifiċità tal-isport u l-applikazzoni tal-liġi tal-UE f'oqsma bħas-Suq Intern u l-kompetizzjoni għas-settur tal-isport. Permezz tal-implimentazzjoni tal-White Paper dwar l-Isport, il-Kummissjoni ġabret evidenza utli rigward it-temi li jridu jiġu indirizzati fil-ġejjieni. Din il-Komunikazzjoni ma tiħux post il-White Paper imma tibni fuq il-kisbiet tagħha.

    F'għadd ta' oqsma, il-White Paper tibqa' bażi xierqa għal attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport. Dawn l-oqsma jinkludu, pereżempju, il-promozzjoni ta' attività volontarja fl-isport, il-protezzjoni tal-minuri u l-ħarsien tal-ambjent. Il-White Paper ħolqot ukoll djalogu strutturali mal-partijiet interessati tal-isport, inkluż Forum annwali tal-Isport tal-UE, u serviet bħala bażi biex l-attivitajiet relatati mal-isport jingħataw prominenza fil-fondi, programmi u inizjattivi tal-UE rilevanti. Il-fatt li ċerti suġġetti mhumiex diskussi wkoll f'din il-Komunikazzjoni ma jimplikax li m'għadhomx prijoritajiet għall-Kummissjoni, imma li l-White Paper għadha bażi suffiċjenti biex tindirizzahom fis-snin li ġejjin.

    Aspetti differenti tas-settur tal-isport huma koperti minn dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat, kif spjegat fil-White Paper. B'żieda ma' dan, it-Trattat ta' Lisbona jagħti kompetenza ta' sostenn, koordinament u suppliment fl-isport lill-UE li titlob li jkun hemm azzjoni biex tiġi żviluppata d-dimensjoni Ewropea fl-isport (l-Artikolu 165 tat-TFUE).

    Peress li nstab li l-istruttura tal-White Paper, ibbażata fuq tliet kapitoli tematiċi wesgħin (rwol l-isport fis-soċjetà, id-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-organizzazzjoni tal-isport) u tirrifletti d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Isport, kienet utli għall-partijiet interessati fl-isport u saret għodda aċċettata sew għat-tfassil tal-attivitajiet u d-diskussjonijiet tal-UE, din l-istruttura qed tinżamm għal din il-Komunikazzjoni. Kull kapitolu jagħlaq b'lista illustrattiva, mhux eżawrjenti tal-kwistjonijiet possibbli, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jindirizzaw fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom.

    1.1. Konsultazzjoni pubblika mal-UE kollha

    Fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat ma' għadd ta' partijiet interessati biex jiġu identifikati t-temi ewlenin li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-UE, inklużi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin fl-isport (il-Forum tal-Isport tal-UE, konsultazzjonijiet bilaterali), konsultazzjoni onlajn u grupp ta' esperti indipendenti[2]. Hija qieset ukoll ir-riżultati ta' studju dwar "It-Trattat ta' Lisbona u l-Politika tal-UE għall-Isport" ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew[3].

    Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri żvelaw livell għoli ta' kunsens li s-suġġetti li ġejjin għandhom ikunu prijoritajiet fl-aġenda tal-UE għall-isport: attività fiżika li ttejjeb is-saħħa; il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi; l-edukazzjoni u t-taħriġ; attività volontarja u organizzazzjonijiet sportivi li ma jagħmlux profitti; l-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu, inkluż sport għal nies b'diżabilitajiet u ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport; finanzjament sostenibbli għall-isport ta' bażi; u governanza tajba.

    B'żieda ma' dawn il-kwistjonijiet, is-settur sportiv nongovernattiv qajjem is-suġġetti li ġejjin: livelli ta' parteċipazzjoni fl-isport; id-disponibilità tal-attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-livelli ta' edukazzjoni kollha; rikonoxximent tal-attivitajiet volontarji; il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni; finanzjament stabbli; u l-bżonn għal appoġġ għan-netwerking u l-iskambju ta' prassi tajba fil-livell tal-UE.

    1.2. Il-valur miżjud tal-UE fil-qasam tal-isport

    Il-Kummissjoni tirrispetta l-awtonomija tal-istrutturi ta' tmexxija tal-isport bħala prinċipju fundamentali relatat mal-organizzazzjoni tal-isport. Hija tirrispetta wkoll il-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, b'konfomità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minkejja dan, l-implimentazzjoni tal-White Paper ikkonfermat li, f'għadd ta' oqsma, azzjoni fil-livell tal-UE tista' tipprovdi valur miżjud sinifikanti.

    L-azzjoni tal-UE għandha l-għann li ssostni lill-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tikkumplimentahom fejn xieraq biex jindirizzaw sfidi bħal ma huma l-vjolenza u l-intolleranza marbuta mal-avvenimenti sportivi, jew in-nuqqas ta' dejta komparabbli dwar is-settur tal-isport tal-UE bħala bażi għal tfassil politiku. Fl-istess ħin, azzjoni tal-UE tista' tgħin tindirizza sfidi transnazzjonali li jiltaqa' magħhom l-isport fl-Ewropa bħal ma hu approċċ ikkoordinat għall-isfida tat-teħid tad-drogi, frodi u xiri tal-logħob jew l-attivitajiet tal-aġenti tal-isport.

    Azzjoni tal-UE tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020 billi ttejjeb l-impjegabilità u l-mobilità, notevolment permess ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali fl-isport, l-edukazzjoni u t-taħriġ u permezz tagħhom (inkluż permezz il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) u l-linji gwida Ewropej għall-attività fiżika.

    Fl-oqsma kollha elaborati f'din il-Komunikazzjoni, azzjoni tal-UE tista' sservi biex tipprovdi pjattaforma għall-iskambju u d-djalogu fost il-partijiet interessanti tal-isport, il-qsim tal-prassi tajba u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' netwerks Ewropej fil-qasam tal-isport. B'mod parallel, l-azzjoni tal-UE tikkontribwixxi għat-tixrid tal-għarfien dwar il-liġi tal-UE fis-settur tal-isport, biex b'hekk tassigura aktar ċertezza legali għall-isport Ewropew.

    Attwalment, il-Kummissjoni tipprovdi sostenn għall-proġetti u n-netwerks fil-qasam tal-isport jew permezz ta' miżuri ta’ inċentivi speċifiċi għall-isport, notevolment l-Azzjonijiet Preparatorji fil-qasam tal-isport, jew permezz ta' programmi eżistenti f'diversi oqsma rilevanti. Dawn jinkludu t-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa pubblika, iż-żgħożija, iċ-ċittadinanza, l-iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u tat-teknoloġija, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ħarsien tal-ambjent u oħrajn.

    Filwaqt li l-kontinwazzjoni tal-miżuri inċentivi b'sostenn għall-azzjonijiet identifikati f'din il-Komunikazzjoni se tkun parti mid-diskussjonijiet li jakkumpanjaw il-preparazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-proposti f'dan id-dokument se jkunu sostnui fil-medda qasira taż-żmien permezz ta' avvenimenti speċjali fil-qasam tal-isport u Azzjonijiet Preparatorji li għaddejjin bħalissa jew li se jkun hemm fil-ġejjieni.

    2. RWOL L-ISPORT FIS-SOĊJETÀ

    L-isport għandu potenzjal qawwi biex jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u impjiegi ġodda permezz tal-effetti pożittivi tiegħu fl-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-saħħa pubblika. Huwa jgħin biex jillimita ż-żieda fl-infiq fis-sigurtà soċjali u s-saħħa billi jitjiebu s-saħħa u l-produttività tal-popolazzjoni u billi tiġi żgurata kwalità tal-ħajja aħjar sa età avvanzata. Huwa jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali billi jelimina l-ostakli soċjali, u jtejjeb l-impjegabilità tal-popolazzjoni permezz tal-impatt tiegħu fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ. Attività volontarja fl-isport tista' tikkontribwixxi għall-impjieg, għall-inklużjoni soċjali kif ukoll għal partiċipazzjoni ċivika ogħla, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Mill-banda l-oħra, l-isport huwa kkonfrontat b'għadd ta' theddidiet li l-atleti, partikolarment l-atleti żgħażagħ, u ċ-ċittadini jridu jkunu mħarsa minnhom, bħat-teħid tad-drogi, il-vjolenza u l-intolleranza.

    2.1. Il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi

    It-teħid tad-drogi għadu theddida importanti għall-isport. L-użu ta' sustanzi ta' droga minn atleti dilettanti joħloq perikli serji għas-saħħa pubblika u jitlob azzjoni preventiva, inkluż fiċ-ċentri ta' taħriġ fiżiku. Il-prevenzjoni tad-droga u s-sanzjonijiet kontra t-teħid tagħha jibqgħu kompetenza tal-għaqdiet sportivi u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tappoġġja l-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi u r-rwol importanti tal-World Anti-Doping Agency (WADA), l-għaqdiet nazzjonali ta' kontra d-drogi (NADOs), il-laboratorji akkreditati, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Il-Kummissjoni hija kuntenta li n-NADOs huma dejjem iżjed organizzati bħala entitajiet indipendenti. Hija tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadottaw u jaqsmu l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' kontra d-drogi li għandhom il-mira li jiżguraw il-koordinament fost l-atturi rilevanti kollha.

    Ħafna partijiet interessati jsejħu għal approċċ tal-UE iktar attiv fil-ġlieda kontra d-drogi, pereżempju billi jingħaqdu, safejn il-kompetenzi f'dan il-qasam jippermettu lill-Unjoni li tagħmel dan, mal-Konvenzjoni ta' Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa. Hemm bżonn li jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tal-kompetenza konferita fuq l-Unjoni fl-Artikolu 165 tat-TFUE fir-rigward tar-rappreżentanza tal-UE fl-istrutturi governattivi tal-WADA.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn li r-regoli u l-prassi ta' kontra t-teħid tad-drogi jkunu konformi mal-liġi tal-UE billi jirrispettaw id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali bħal ma huma r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-ħarsien ta' dejta personali, id-dritt ta' smigħ ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza. Kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet għandha tkun ipprovduta mil-liġi u għandha tirrispetta l-element essenzjali ta' dawk id-drittijiet u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ ix-xejra eżistenti madwar l-Istati Membri tal-UE biex jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali kontra l-kummerċ fis-sustanzi ta' droga minn netwerks organizzati, jew biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti.

    2.2. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport

    Il-ħin imqatta' fl-isport u f'attivitajiet fiżiċi fl-edukazzjoni jistgħu jittejbu mingħajr ħafna nfiq kemm barra l-kurrikulu tal-iskola u kemm bħala parti minnu. Il-kwalità tal-programmi tal-edukazzjoni fiżika u l-kwalifiki tal-għalliema involuti jibqgħu ta' tħassib f'għadd ta' Stati Membri. Il-kooperazzjoni bejn l-għaqdiet sportivi u l-istituti edukattivi hija ta' benefiċċju għaż-żewġ setturi u jistgħu jkunu sostnuti mill-universitajiet.

    Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew fl-2008 biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' "karrieri doppji"[4], il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li atleti żgħażagħ ta' livell għoli jkunu offruti edukazzjoni ta' kwalità b'mod parallel mat-taħriġ sportiv. L-atleti żgħażagħ, b'mod partikolari dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi biex jitħarġu u jikkompetu fl-Ewropa, jiffaċċjaw diversi riskji marbuta mal-vulnerabilità tagħhom. Il-kwalità taċ-ċentri ta' taħriġ sportiv u tal-persunal tagħhom għandu jkun għoli biżżejjed sabiex jitħarsu l-iżvilupp morali u edukattiv u l-interessi professjonali tal-atleti.

    L-Istati Membri u l-moviment sportiv jagħrfu l-bżonn għal persunal bi kwalifiki aħjar fis-settur sportiv. Il-livell għoli ta' professjonaliżmu u d-diversità tal-professjonijiet sportivi, flimkien ma' mobilità miżjuda fi ħdan l-UE, jenfasizzaw ir-rilevanza li l-kwalifiki relatati mal-isport fis-sistemi ta' kwalifiki nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ billi jirreferu għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Hemm bżonn ta' iktar trasparenza rigward il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-voluntieri, kif ukoll fir-rigward tal-kwalifiki meħtieġa għal professjonijiet regolati relatati mal-isport.

    2.3. Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza u l-prevenzjoni tagħha

    Il-vjolenza u d-diżordni tal-ispettaturi jibqgħu fenomenu madwar l-Ewropa kollha u hemm bżonn ta' approċċ Ewropew li jinkludi miżuri maħsuba biex inaqqsu r-riskji relatati. B'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, l-azzjoni tal-UE s'issa ffukat fuq li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'livell għoli ta' sikurezza permezz tal-pulizija f'avvenimenti internazzjonali tal-futbol. Approċċ usa' li jkopri wkoll dixxiplini sportivi oħra, li jiffoka fuq il-prevenzjoni u l-infurzar tal-liġi, se jeħtieġ kooperazzjoni aktar qawwija fost il-partijiet interessati rilevanti, bħal ma huma servizzi tal-pulizija, awtoritajiet ġudizzjarji, organizzazzjonijiet sportivi, organizzazzjonijiet tal-partitarji u awtoritajiet pubbliċi.

    Kif wera rapport reċenti tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[5], ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza jkomplu joħolqu problemi fl-isport Ewropew, inkluż fil-livell tad-dilettanti. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u effettiva tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-Ġlieda Kontra Ċerti Forom u Espressjonijiet ta’ Razziżmu u Ksenofobija Permezz tal-Liġi Kriminali u jappoġġjaw l-attivitajiet immirati lejn il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni.

    2.4. It-titjib tas-saħħa permezz tal-isport

    L-attività fiżika hija waħda mid-determinanti l-iktar importanti għas-saħħa fis-soċjetà moderna u tista' tagħti kontribut ewlieni fit-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità u l-prevenzjoni ta' għadd ta' mard serju. L-isport jikkostitwixxi parti fundamentali ta' kwalunkwe approċċ ta' politika pubblika li għandha l-għan li ttejjeb l-attività fiżika. Fl-2008, il-Ministri tal-Isports tal-UE appoġġjaw informalment il-Linji Gwida għall-Attività Fiżika tal-UE billi rrakkomandaw kif il-politiki u prattiki fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE jistgħu jintużaw biex tkun eħfef għaċ-ċittadini li jkunu attivi fiżikament bħala parti mill-ħajjiet tagħhom ta' kuljum. Għadd ta' Stati Membri użawhom bħala bażi għall-inizjattivi politiċi nazzjonali.

    Is-saħħa u l-attività fiżika tant huma relatati mill-qrib li t-titjib tal-attività fiżika hija parti ewlenija tal-White Paper tal-2007 "Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet tas-saħħa relatati man-Nutrizzjoni, il-Ħxuna u l-Obeżità[6]". Biex jimplimentaw din l-istrateġija, diversi Stati Membri wrew rieda li jinvestu f'attività fiżika bħala mezz biex itejbu s-saħħa, u diversi organizzazzjonijiet impenjaw irwieħhom fi proġetti li jippromwovu l-eżerċizzju għal saħħa aħjar.

    Hemm differenzi kbar fil-livelli tal-attività fiżika u tal-approċċi pubbliċi bejn l-Istati Membri u l-kunċett ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA), li jkopri varjetà ta' setturi diversi bħall-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ippjanar urban, is-sikurezza pubblika u l-ambjent tax-xogħol, joħloq sfidi konsiderevoli. L-attività fiżika tista' tkompli tiġi inkoraġġuta f'sistemi edukattivi nazzjonali minn età żgħira. L-iskambju transnazzjonali ta' prassi tajba bħala appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' linji gwida ta' attività fiżika nazzjonali għandu valur miżjud għoli tal-UE u għandu jkun żviluppat iktar.

    2.5. L-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu

    Il-persuni b'diżabilitajiet għandhom id-dritt jipparteċipaw fuq bażi ugwali mal-oħrajn f'attivitajiet sportivi. L-UE u l-Istati Membri tagħha ffirmaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet, li tinkludi l-obbligu li jittieħdu l-miżuri xierqa biex dawn id-drittijiet ikunu effettivi. Huwa importanti li tiġi assigurata implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

    In-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed f'ċerti oqsma tal-isport. F'konformità mal-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015, il-Kummissjoni se tgħin biex il-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi jingħataw prominenza fl-attivitajiet relatati mal-isport.

    L-isport jippermetti lill-immigranti u lis-soċjetà li tilqagħhom biex jinfluwenzaw lil xulxin b'mod pożittiv, biex b'hekk iżidu l-integrazzjoni u d-djalogu interkulturali. L-isport qiegħed jiġi dejjem iktar inkluż fi programmi speċifiċi għall-immigranti, imma l-approċċi nazzjonali jvarjaw konsiderevolment. L-isport jista' jkun ukoll mezz biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tal-minoranzi u gruppi żvantaġġati vulnerabbli oħra u jikkontribwixxi għal fehim aħjar fost il-komunitajiet, inklużi reġjuni li ħarġu minn kunflitt.

    RWOL L-ISPORT FIS-SOĊJETÀ |

    Il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi |

    Il-Kummissjoni: tipproponi abbozz ta' mandat għal negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni: teżamina l-aktar mod xieraq biex issaħħaħ il-miżuri kontra l-kummerċ tas-sustanzi tad-drogi minn netwerks organizzati, inkluż, jekk possibbli, permezz tal-liġi kriminali. Il-Kummissjoni: tappoġġa n-netwerks transnazzjonali ta' kontra t-teħid tad-droga, inklużi n-netwerks li jiffukaw fuq miżuri preventivi li għandhom fil-mira l-isport tad-dilettanti, l-isport għal kulħadd u t-taħriġ fiżiku. |

    L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport |

    Il-Kummissjoni: tappoġġa inizjattivi inovattivi skont il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatat mal-attività fiżika fl-iskola. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw linji gwida Ewropej dwar taħriġ sportiv u edukazzjoni ġenerali kkombinati flimkien ("karrieri doppji"). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jappoġġaw l-inklużjoni ta' kwalifiki relatati mal-isport fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. F'dan il-kuntest, jippromwovu l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali miksub permezz ta' attivitajiet bħal ma hi attività volontarja fl-isport. |

    Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza u l-prevenzjoni tagħha |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw u jimplimentaw arranġamenti ta' sigurtà u rekwiżiti ta' sikurezza għal avvenimenti sportivi internazzjonali, inkluż taħriġ pan-Ewropew u proġetti ta' reviżjoni mill-pari għall-uffiċjali tal-pulizija rigward il-vjolenza mill-ispettaturi. Il-Kummissjoni: tappoġġa attivitajiet li għandhom l-għan li jiġġieldu r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija u l-intolleranza relatata fl-isport. |

    It-titjib tas-saħħa permezz tal-isport |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: abbażi tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attivitajiet Fiżiċi, ikomplu jagħmlu progress lejn it-twaqqif ta' linji gwida nazzjonali, inkluż proċess ta' reviżjoni u koordinament, u jikkunsidraw jipproponu Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti u netwerks transnazzjonali fil-qasam tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. |

    L-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tiegħu |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jiżviluppaw u jxerrdu l-istandards għall-aċċessibilità tal-għaqdiet, l-attivitajiet, l-avvenimenti u l-istrutturi sportivi, ta' rikreazzjoni u għall-ħin liberu permezz tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nies b'diżabilitajiet f'avvenimenti sportivi Ewropej kif ukoll fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti speċifiċi għad-diżabilità, b'mod partikolari permezz ta' proġetti u netwerks transnazzjonali ta' sostenn.. F'dan il-kuntest, tappoġġa r-riċerka relatata ma' tagħmir sportiv speċjalizzat għall-persuni b'diżabilità. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-aċċess min-nisa għal pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-isport u aċċess għall-isport min-nisa f'pożizzjoni żvantaġġata. F'dan il-kuntest, tinkludi sport fil-bażi ta' dejta u n-netwerk tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija. Il-Kummissjoni: tappoġġa proġetti transnazzjonali li jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli u żvantaġġati permezz tal-isport u l-iskambju relatat ta' prassi tajba. |

    3. ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TAL-ISPORT

    L-isport jirrappreżenta settur tal-ekonomija kbir u li qed jikber malajr u jagħti kontribut importanti għat-tkabbir u l-impjiegi, b'valur miżjud u effetti fuq l-impjiegi li jaqbżu r-rati ta' tkabbir medju. Madwar 2 % ta'-PGD globali huwa ġenerat mis-settur tal-isport[7]. Avvenimenti sportivi u kompetizzjonijiet ewlenin jipprovdu potenzjal qawwi għal aktar żvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa. L-isport huwa għalhekk kontributur għall-istrateġija Ewropa 2020. Hemm bżonn ta' dejta komparabbli bħala bażi għal tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza. Minkejja l-importanza ekonomika kumplessiva tal-isport, il-maġġoranza vasta tal-attivitajiet sportivi jsiru fi ħdan strutturi bla profitti abbażi ta' attività volontarja. Is-sostenibilità tal-finanzjamenti għal strutturi bħal dawn jista' jkun kawża ta' tħassib u s-solidarjetà finanzjarja bejn l-isport professjonali u dak ta' bażi għandha tissaħħaħ.

    3.1. It-tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-isport

    It-tfassil politiku għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet sportivi tat-Trattat ta' Lisbona għandu bżonn ta' bażi ta' evidenza soda, inkluża dejta komparabbli mal-UE kollha dwar l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport. Il-Kummissjoni qiegħda tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex titkejjel l-importanza ekonomika tal-isport permezz ta' Kont Satellita għall-Isport[8]. Iktar kooperazzjoni għal tagħrif aħjar dwar l-isport fl-UE għandu jinvolvi l-akkademiċi, l-industrija tal-isport, il-moviment sportiv u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej.

    3.2. Finanzjament sostenibbli għall-isport

    L-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-isport, bħall-għoti ta' liċenzji għar-ritrażmissjoni tal-avvenimenti sportivi jew għall-merkanzija, jirrappreżenta sorsi importanti ta' dħul għall-isports professjonali. L-introjtu li jiġi minn dawn is-sorsi spiss jitqassam parzjalment mal-livelli iktar baxxi tal-katina sportiva.

    Il-Kummissjoni tqis li, bil-kundizzjoni ta' konformità sħiħa mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u r-regoli tas-Suq Intern, il-ħarsien effettiv ta' dawn is-sorsi ta' introjtu huma importanti biex jiggarantixxu l-finanzjament indipendenti tal-attivitajiet sportivi fl-Ewropa. L-għoti tal-liċenzji għad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir sportivi għandhom jirreaġixxu għad-domandi differenti tas-suq u l-preferenzi kulturali filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rispettati s-Suq Intern u l-liġi tal-kompetizzjoni.

    Il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir huwa eżempju tajjeb tas-solidarjetà finanzjarja u l-mekkaniżmi ta' ridistribuzzjoni fi ħdan l-isports. Il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir jirrestrinġu b'mod inerenti l-kompetizzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Madankollu, il-bejgħ kollettiv jista' jġib miegħu vantaġġi li jistgħu jegħlbu l-effetti negattivi. Il-bejgħ konġunt jista' għalhekk jilħaq il-kriterji għal eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-għaqdiet sportivi biex jistabbilixxu mekkaniżmi għall-bejgħ kollettiv ta' drittijiet tal-mezzi tax-xandir biex tiġi żgurata r-ridistribuzzjoni adegwata tal-introjtu, b'konformità sħiħa mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE filwaqt li jinżamm id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni.

    Attivitajiet ta' logħob tal-azzard (inklużi lotteriji u mħatri sportivi) li jitmexxew minn operaturi privati jew mill-Istat, jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-finanzjament tal-isport fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-kontributi jistgħu jinkludu rabtiet finanzjarji bejn il-lotteriji mmexxija mill-Istat u l-moviment sportiv, il-kontribuzzjonijiet fiskali li jipprovdu finanzjament għall-isport, l-esplojtazzjoni ta' drittijiet speċifiċi u ftehimiet ta' sponsorizzazzjoni.

    Il-partijiet interessati fil-qasam tal-isport jipperċepixxu sfidi fir-rigward tal-fluss tad-dħul kontinwu fl-isport mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard. Is-sejħiet biex jiġi żgurat finanzjament għall-isport mis-sorsi privati u pubbliċi u l-istabilità finanzjarja tas-settur sportiv għandhom jitqiesu fl-indirizzar ulterjuri tal-għoti tas-servizzi tal-logħob tal-azzard fis-Suq Intern. L-approċċi regolatorji jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor fl-oqsma relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, partikolarment fir-rigward tal-limitu tad-drittijiet tal-proprjetà għall-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi b'relazzjoni mal-avvenimenti li jorganizzaw, kif ukoll għall-għoti tad-drittijiet tal-immaġni fl-isport.

    Biex dawn il-kwistjonijiet jinftiehmu aħjar, il-Kummissjoni nediet studju tal-UE dwar il-finanzjament għall-isport ta' bażi. L-istudju għandu juri l-importanza reali tas-sorsi ta' finanzjament differenti għall-isport ta' bażi bħas-sussidji pubbliċi (l-awtoritajiet statali, reġjonali u lokali), il-kontributi tal-familji, u l-kontributi tal-attività volontarja, l-isponsorizzazzjoni, l-introjtu mill-mezzi tax-xandir u l-introjtu mill-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard. Ir-riżultat tal-istudju se jkun ta' appoġġ għal deċiżjonijiet dwar jekk hemmx bżonn ta' xi azzjoni f'dan il-qasam u jekk hemm, ta' liema tip.

    3.3. L-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna Statali tal-UE għall-isport

    L-isport huwa ffinanzjat f'bosta modi mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Xi miżuri, bħal ammonti żgħar ħafna tal-għajnuna li huma koperti mir-Regolament de minimis , jistgħu jibqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu jkunu ntlaħqu, l-għajnuna Statali fil-prinċipju tkun inkompatibbli mal-liġi tal-UE, sakemm ma tkunx applikabbli waħda mid-derogi fl-Artikolu 107 tat-TFUE. Għalkemm l-għajnuna Statali għall-isport mhix eżattament koperta mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, tista' tkun koperta minn ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, f'tali każ tista' titqies kompatibbli mingħajr ebda bżonn għal notifika preċedenti lill-Kummissjoni. Inkella, għajnuna ġdida jkollha tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u tista' tingħata biss wara li l-Kummissjoni tkun ħarġet deċiżjoni favorevoli. Kien hemm biss ftit deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-għajnuna Statali lill-isport u, bħal f'setturi oħra f'sitwazzjoni simili, il-partijiet interessati talbu ripetutament għal kjarifika ulterjuri rigward il-finanzjament tal-infrastruttura u l-għaqdiet sportivi.

    3.4. L-iżvilupp Reġjonali u l-Impjegabilità

    Il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw għall-proġetti u l-azzjonijiet b'appoġġ għall-istrutturi sportivi sostenibbli. Pereżempju, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-valur tal-isport bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali, għar-riġenerazzjoni urbana, għall-iżvilupp rurali, għall-impjegabilità, għall-ħolqien ta' xogħol u għall-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-Fondi Strutturali jistgħu jappoġġjaw investimenti b'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Programmi Operattivi. Il-partijiet interessati (il-muniċipalitajiet u r-reġjuni) għandhom rwol kruċjali fil-finanzjament tal-isport u l-aċċess għall-isport u għandhom ikunu dejjem iżjed involuti fid-diskussjonijiet relatati fil-livell tal-UE.

    ID-DIMENSJONI EKONOMIKA TAL-ISPORT |

    It-tfassil politiku bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-isport |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jipproduċu Kontijiet Satellita għall-Isport kompatibbli mad-definizzjoni Ewropea maqbula. Il-Kummissjoni: tappoġġa netwerk ta' universitajiet li jippromwovu politiki sportivi innovattivi u bbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni: tistudja hux possibbli li tistabbilixxi funzjoni ta' monitoraġġ tal-isport fl-UE biex tanalizza x-xejriet, tiġbor dejta, tinterpreta l-istatistika, tiffaċilita r-riċerka, tniedi stħarriġiet u studji, u tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni. |

    Finanzjament sostenibbli għall-isport |

    Il-Kummissjoni: tassigura li jitqiesu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jistgħu jiġu mill-kopertura tal-avvenimenti sportivi fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali. Il-Kummissjoni: tniedi studju li janalizza d-drittijiet tal-organizzaturi sportivi u d-drittijiet tal-immaġni fl-isport mill-perspettiva tal-qafas ġuridiku tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: b'kooperazzjoni mal-moviment sportiv, jesploraw modi għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja fi ħdan l-isports filwaqt li tirrispetta kompletament ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: abbażi tar-riżultati tal-istudju tal-UE dwar il-finanzjament tal-isport ta' bażi, iqisu l-aqwa prassi fost il-mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti għal finanzjament trasparenti u sostenibbli fl-isport. |

    L-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna Statali tal-UE għall-isport |

    Il-Kummissjoni: timmonitorizza l-applikazzjoni tal-liġi tal-għajnuna Statali fil-qasam tal-isport u tikkunsidra l-iggwidar jekk l-għadd ta' każijiet li jeħtieġu l-għajnuna Statali relatata mal-isport jiżdied. |

    L-iżvilupp Reġjonali u l-Impjegabilità |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jisfruttaw fis-sħiħ il-possibilitajiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala appoġġ għall-infrastruttura tal-isport u l-attivitajiet sostenibbli fl-isport u dawk li jsiru barra bħala għodda għall-iżvilupp reġjonali u rurali, u tal-Fond Soċjali Ewropew biex jissaħħu l-ħiliet u l-impjegabilità tal-ħaddiema fis-settur sportiv. |

    4. L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ISPORT

    4.1. Il-promozzjoni ta' governanza tajba fl-isport

    Il-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-awtonomija u l-awtoregolazzjoni tal-għaqdiet sportivi. Filwaqt li mhux possibbli li jiġi definit mudell uniku ta' governanza fl-isport Ewropew fost dixxiplini differenti u fid-dawl ta' bosta differenzi nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li hemm prinċipji marbutin ma' xulxin li huma l-bażi tal-governanza sportiva fil-livell Ewropew, bħall-awtonomija fil-limiti tal-liġi, id-demokrazija, it-trasparenza u r-responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-inklussività fir-rappreżentanza tal-partijiet interessati. Governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi rigward l-isport u l-qafas ġuridiku tal-UE.

    4.2. In-natura speċifika tal-isport

    In-natura speċifika tal-isport, kunċett ġuridiku stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li diġà tqies mill-istituzzjonijiet tal-UE f'bosta ċirkostanzi u li ġie indirizzat fid-dettall fil-White Paper dwar l-Isport u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha, issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 165 tat-TFUE. Din tinkludi l-karatteristiċi kollha li l-isport jagħmluh speċjali, bħal pereżempju l-interdipendenza bejn l-avversarji f'kompetizzjoni ma' xulxin jew l-istruttura piramida tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-kunċett tan-natura speċifika tal-isport titqies fil-valutazzjoni ta' jekk ir-regoli sportivi jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE (id-drittijiet fundamentali, il-moviment liberu, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni, eċċ.).

    Ir-regoli sportivi normalment jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-imġiba tajba tal-isport kompetittiv. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-organizzazzjonijiet sportivi u jridu jkunu kompatibbli mal-liġi tal-UE. Biex tiġi vvalutata l-kompatibilità tar-regoli sportivi mal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tqis il-leġittimità tal-għanijiet mixtieqa mir-regoli, jekk l-effetti restrittivi ta' dawk ir-regoli humiex inerenti biex jintlaħqu l-għanijiet u jekk humiex proporzjonati għalihom. L-għanijiet leġittimi li jfittxu l-għaqdiet sportivi jistgħu jkunu relatati, pereżempju, mal-ġustizzja fil-kompetizzjonijiet sportivi, l-inċertezza tar-riżultati, il-ħarsien ta' saħħet l-atleti, il-promozzjoni tar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-atleti żgħażagħ, l-istabilità finanzjarja tal-klabbs u t-timijiet sportivi jew eżerċizzju uniformi u konsistenti ta' sport partikolari ("ir-regoli tal-logħba").

    Permezz tad-djalogu tagħha mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tkompli l-isforzi tagħha biex tispjega, abbażi tat-tema, ir-relazzjoni bejn il-liġi tal-UE u r-regoli sportivi fl-isport professjonali u dak tad-dilettanti. Kif talbu l-Istati Membri u l-moviment sportiv fil-konsultazzjoni, il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa interpretazzjoni xierqa tal-kunċett tan-natura speċifika tal-isport u se tkompli tipprovdi gwida f'dan ir-rigward. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tapplika l-proċedura kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1/2003.

    4.3. Il-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-isportivi

    L-organizzazzjoni tal-isport fuq bażi nazzjonali hija parti mill-approċċ Ewropew tradizzjonali għall-isport. Filwaqt li t-Trattat jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u l-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema huwa mnaqqax fih, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-bżonn li jitħarsu ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-isport f'deċiżjonijiet passati li kellhom x'jaqsmu mal-kompożizzjoni tat-timijiet nazzjonali jew skadenzi għar-regoli tat-trasferiment tal-plejers f'kompetizzjonijiet sportivi bit-timijiet.

    Fil-qasam tal-isport professjonali, ir-regoli li jwasslu għal diskriminazzjoni diretta (bħall-kwoti ta' plejers fuq bażi ta' nazzjonalità) mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-UE. Mill-banda l-oħra, regoli li jiddiskriminaw indirettament (bħall-kwoti għal plejers li tħarrġu lokalment), jew li jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema (kumpens għar-reklutaġġ u t-taħriġ ta' plejers li għadhom żgħar), jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli jekk ikollhom għan leġittimu u sakemm ikunu neċessarji u proporzjonati mal-kisba ta' dak l-għan.

    Abbażi tal-Artikolu 45 tat-TFUE, ir-regoli tal-moviment liberu japplikaw biss għall-ħaddiema u l-plejers professjonali fil-qafas ta' attività ekonomika. Madankollu, ir-regoli tal-moviment liberu japplikaw ukoll għall-isport tad-dilettanti peress li l-Kummissjoni tqis li jekk l-Artikoli 18, 21 u 165 tat-TFUE jinqraw flimkien, il-prinċipju ġenerali tal-UE tal-projbizzjoni minn kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità japplika għall-isport għaċ-ċittadini kollha tal-UE li użaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu, inklużi dawk li jieħdu sehem f'attività sportiva fil-livell tad-dilettanti.

    Il-Kummissjoni nediet studju biex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar in-nondiskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità fl-isports individwali. Il-gwida dwar il-moviment liberu hija pprovduta fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Gwida addizzjonali tista' tinstab fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri", adottata fit-13 ta' Lulju 2010[9].

    4.4. Ir-regoli tat-trasferimenti u l-attivitajiet tal-aġenti sportivi

    Wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni fl-2001 fil-kuntest ta' każ tal-antitrust, ġew inklużi sett ta' regoli fir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferimenti tal-Plejers. It-trasferimenti tal-plejers spiss jkunu fl-attenzjoni tal-pubbliku minħabba tħassib dwar il-legalità ta' dawn l-atti u dwar it-trasparenza tal-flussi finanzjarji involuti. Il-Kummissjoni tqis li wasal iż-żmien għal valutazzjoni kumplessiva tar-regoli tat-trasferimenti fl-isport professjonali fl-Ewropa.

    L-istudju indipendenti dwar l-aġenti sportivi li sar f'isem il-Kummissjoni fl-2009 jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-aġenti sportivi fl-UE. Il-problemi ewlenin identifikati huma ta' natura etika, bħall-kriminalità finanzjarja u l-isfruttament tal-plejers li jkunu għadhom żgħar li b'hekk jheddu l-ġustizzja tal-kompetizzjonijiet sportivi u l-integrità tal-isportivi. L-istudju jidentifika wkoll id-diskrepanzi fil-mod ta' kif l-attività tal-aġenti tkun irregolata mill-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet privati fl-Ewropa.

    4.5. L-integrità tal-kompetizzjonijiet sportivi

    Fl-isports bit-timijiet, is-sistemi tal-għoti tal-liċenzji lill-klabbs joffru għodda ta' valur biex tiġi żgurata l-integrità tal-kompetizzjonijiet. Huma wkoll mod effettiv għall-promozzjoni ta' governanza tajba u stabilità finanzjarja. Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni tal-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-fair play finanzjarju fil-futbol Ewropew filwaqt li tfakkar li miżuri bħal dawn iridu jirrispettaw is-Suq Intern u r-regoli tal-kompetizzjoni.

    Ix-xiri tal-logħob imur kontra l-etika u l-integrità tal-isport. Dan huwa forma ta' korruzzjoni sew jekk ikun biex jiġu influwenzati l-imħatri u sew jekk biex jintlaħqu għanijiet sportivi u għaldaqstant huwa ssanzjonat mil-liġi kriminali nazzjonali. In-netwerks kriminali internazzjonali għandhom rwol fix-xiri tal-logħob marbut mal-imħatri illeċiti. Minħabba l-popolarità dinjija tal-isport u n-natura transkonfinali tal-attivitajiet tal-imħatri, il-problema spiss tmur lil hinn mill-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-partijiet interessati fl-isport qed jaħdmu mal-kumpaniji tal-imħatri kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati biex jiġu żviluppati sistemi ta' twissija bikrija u programmi edukattivi, b'riżultati mħalltin. Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Kunsill tal-Ewropa fl-analiżi tal-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu biex il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob f'livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali tiġi indirizzata b'mod aktar effettiv. L-integrità fl-isport hija wkoll waħda mill-kwistjonijiet li se jiġu indirizzati fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni li se ssir dalwaqt dwar l-għoti tas-servizzi onlajn tal-logħob tal-azzardfl-UE.

    4.6. Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur sportiv

    Id-djalogu soċjali huwa l-pedament tal-mudell soċjali Ewropej u jagħti lil min iħaddem, lill-atleti u lill-ħaddiema fl-isport l-opportunità li jiffurmaw relazzjonijiet ta' ħidma fis-settur tal-isport permezz ta' djalogu awtonomu fil-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali ġenerali tal-UE. Fl-2008 tnieda kumitat għad-djalogu soċjali Ewropew fis-settur tal-futbol professjonali. Ix-xogħol f'dan il-kumitat mexa lejn it-twaqqif ta' rekwiżiti kuntrattwali minimi għall-plejers tal-futbol.

    Barra minn hekk, bosta għaqdiet tal-imsieħba soċjali Ewropej potenzjali esprimew l-interess tagħhom biex jinħoloq kumitat għad-djalogu soċjali għas-settur kollu tal-isport u ta' rikreazzjoni attiva. Il-Kummissjoni tħeġġeġ dan l-iżvilupp u tistieden lill-imsieħba soċjali biex jikkonsolidaw iktar ir-rappreżentattività fil-livell tal-UE. Hija se tipproponi fażi bi prova biex tiffaċilita l-introduzzjoni tad-djalogu soċjali.

    L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ISPORT |

    Il-promozzjoni ta' governanza tajba fl-isport |

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri: jippromwovu l-istandards ta' governanza sportiva permezz tal-iskambju ta' prassi tajba u appoġġ immirat għal inizjattivi speċifiċi. |

    In-natura speċifika tal-isport |

    Il-Kummissjoni: tipprovdi għajnuna u gwida, fuq bażi skont it-tema, relatata mal-applikazzjoni tal-kunċett tan-natura speċifika tal-isport. |

    Il-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-isportivi |

    Il-Kummissjoni: toħroġ gwida dwar kif tirrikonċilja d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar in-nazzjonalità mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet fl-isports individwali fuq bażi ta' nazzjonalità. Il-Kummissjoni: tivvaluta l-konsegwenzi tar-regoli tal-plejers imħarrġa fil-pajjiż fl-isports bit-timijiet fl-2012. |

    Ir-regoli tat-trasferimenti u l-attivitajiet tal-aġenti sportivi |

    Il-Kummissjoni: tniedi studju dwar l-aspetti ekonomiċi u legali tat-trasferimenti tal-plejers u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjonijiet sportivi. F'dan il-kuntest, tipprovdi gwida dwar it-trasferimenti tal-plejers fl-isports bit-timijiet. Il-Kummissjoni: torganizza konferenza biex jiġu esplorati iktar modi possibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-moviment sportiv (federazzjonijiet, ligs, klabbs, plejers u aġenti) biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-aġenti sportivi. |

    Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur sportiv |

    Il-Kummissjoni: tappoġġa lill-imsieħba soċjali u lill-għaqdiet sportivi biex joħolqu djalogu soċjali fil-livell tal-UE għas-settur kollu tal-isport u r-rikreazzjoni u biex jiġu diskussi suġġetti rilevanti ġodda bħall-istabilità kuntrattwali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u s-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg ta' minuri, ir-rwol tal-aġenti jew il-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi. |

    5. KOOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U MA' GĦAQDIET INTERNAZZJONALI

    It-Trattat ta' Lisbona jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-għaqdiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport. Fid-dawl tal-organizzazzjoni kontinentali tal-isport u l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi Ewropej terzi, b'mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjal, u l-Kunsill tal-Ewropa għandha tkun prijorità.

    KOOPERAZZJONI MA' PAJJIŻI TERZI U MA' GĦAQDIET INTERNAZZJONALI |

    Il-Kummissjoni: tidentifika l-ambitu għal kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-isport b'fokus fuq il-pajjiżi terzi Ewropej, b'mod partikolari l-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, u l-Kunsill tal-Ewropa. |

    6. KONKLUŻJONI

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kumplessità tal-proposti fil-qasam tal-isport jitolbu l-kontinwazzjoni tal-istrutturi ta' koperazzjoni informali bejn l-Istati Membri sabiex jiżguraw l-iskambju kontinwu ta' prassi tajba u t-tixrid tar-riżultati. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ għal gruppi ta' ħidma informali fil-qasam tal-isport li l-Istati Membri jixtiequ jkomplu jew jistabbilixxu u li se jkomplu jirrappurtaw għad-Diretturi tal-Isports tal-UE.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jappoġġjaw il-proposti li saru f'din il-Komunikazzjoni dwar l-isport u jindikaw il-prijoritajiet tagħhom għal attivitajiet futuri.

    [1] COM(2007) 391, 11.7.2007.

    [2] Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika ġew ippubblikati fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/sport/library/doc/a/100726_online_consultation_report.pdf

    [3] http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studies/download.do?language=en&file=32471

    [4] Id-Dikjarazzjoni dwar l-Isport tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2008.

    [5] Racism, ethnic discrimination and exclusion of migrants and minorities in sport: comparative overview of the situation in the European Union (2010): http://fra.europa.eu/fraWebsite/home/home_en.htm

    [6] COM(2007) 279 finali, 30.5.2007.

    [7] Forum Ekonomiku Dinji, Davos, 2009.

    [8] Kont satellita huwa qafas statistiku li jkejjel l-importanza ekonomika ta' industrija speċifika (f'dan il-każ, is-settur sportiv) fl-ekonomija nazzjonali. Kont Satellita għall-Isport jiffilterja l-Kontijiet Nazzjonali għal attivitajiet rilevanti għall-isport biex joħroġ il-valur miżjud kollu relatat mal-isport.

    [9] COM(2010) 373.

    Top