This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0573
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION Strategy for the effective implementation of the Charter of Fundamental Rights by the European Union
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
/* KUMM/2010/0573 finali */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea /* KUMM/2010/0573 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 19.10.2010 KUMM(2010) 573 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea L-Ewropa tad-drittijiet fundamentali għadha kemm ħadet xi passi deċiżivi 'l quddiem. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret torbot legalment[1], u l-Unjoni se taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem[2]. Il-Parlament Ewropew[3] u l-Kunsill Ewropew[4] għamlu prijorità mid-drittijiet fundamentali fl-Unjoni għall-futur taż-żona ta' ġustizzja, libertà u sigurtà. Issa hemm membru tal-Kummissjoni b'responsabbiltà speċifika għall-promozzjoni tal-ġustizzja, drittijiet fundamentali u ċittadinanza u l-membri tal-Kummissjoni Ewropea wegħdu, permezz ta' ftehim solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jirrispettaw il-Karta[5]. B'mod aktar ġenerali, it-Trattat ta' Lisbona hu pass importanti 'l quddiem peress li estenda l-proċedura ta' ko-deċiżjoni, neħħa l-istruttura tal-pilastri (pillar structure) li kienet ġiet imwaqqfa taħt it-Trattat preċedenti, ta lill-Qorti tal-Ġustizzja responsabbiltà ġenerali fiż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, u kkonferma fejn jinsabu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-elementi kollha ta' politika ambizzjuża dwar id-drittijiet fundamentali huma għalhekk preżenti. Rispett għad-drittijiet fundamentali kien dejjem obbligu soġġett għall-iskrutinju mill-Qorti tal-Ġustizzja u element essenzjali fil-kostruzzjoni tal-Unjoni, iżda l-istatus tal-Karta l-ġdida se jsaħħaħ ix-xogħol tal-Unjoni f'dan il-qasam. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu għalhekk li jispjega l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Karta fl-ambjent legali l-ġdid li jeżisti sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea Permezz tal-Karta[6], l-Unjoni attrezzat ruħha b'katalogu tad-drittijiet fundamentali li huma aġġornati fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-soċjetà u tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Il-Karta hi strument innovattiv peress li ġġib flimkien f'test wieħed id-drittijiet fundamentali kollha protetti fl-Unjoni [7] , u tispjeghom fid-dettall, tagħmilhom viżibbli u prevedibbili. It-Trattat ta' Lisbona, billi rrikonoxxa d-drittijiet, libertajiet u prinċipji mfassla fil-Karta u ta lill-Karta l-istess forza legali li torbot bħat-Trattati, offriet liċ-ċittadini aktar drittijiet li huma aktar viżibbli u legalment siguri. Il-Karta tapplika primarjament għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta). Din għalhekk tikkonċerna b'mod partikolari x-xogħol leġiżlattiv u tat-teħid ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill, li l-atti legali tagħhom iridu jkunu f'konformità totali mal-Karta. L-Artikolu 51(1) tal-Karta jistipula wkoll li l-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Din ma tapplikax f'sitwazzjonijiet fejn m'hemmx konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni[8]. Il-forza legali li torbot li ngħatat lill-Karta permezz tat-Trattat ta' Lisbona ma biddlitx din is-sitwazzjoni; it-Trattat jiddikjara b'mod espliċitu li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jestendux il-poteri tal-Unjoni kif definiti fit-Trattati[9]. L-Adeżjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem saret obbligatorja mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 6(2) TUE) u se tikkumplimenta s-sistema sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali billi tagħmel lill-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kompetenti sabiex teżamina l-atti tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jinkoraġġixxi aktar l-Unjoni sabiex issegwi politika ambizzjuża dwar id-drittijiet fundamentali: aktar mal-Unjoni tipprova tiżgura li l-miżuri tagħha jirrispettaw kompletament id-drittijiet fundamentali, anqas hemm riskju li tiġi ċċensurata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-għan tal-istrateġija: l-Unjoni trid tkun eżemplari L-għan tal-politika tal-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona hu li d-drittijiet fundamentali pprovduti fil-Karta jsiru effettivi kemm jista' jkun. L-Unjoni trid tkun eżemplari f'dan ir-rigward. Il-Karta mhix test li tistipula valuri iżda hi strument sabiex tippermetti li n-nies igawdu d-drittijiet li jinsabu fiha meta jkunu f'sitwazzjoni regolata mid-dritt tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni se tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta. L-iżvilupp tal-politiki individwali dwar ċerti drittijiet fundamentali speċifiċi fuq il-bażi tat-Trattati se jkompli, eżempji huma protezzjoni ta' dejta personali, drittijiet tat-tfal, ugwaljanza tas-sessi, non-diskriminazzjoni, proprjetà intellettwali u l-libertà tal-moviment. Li l-Unjoni tkun eżemplari hu importanti ħafna mhux biss għan-nies li jgħixu fl-Unjoni iżda wkoll għall-iżvilupp tal-Unjoni stess. Rispett għad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-UE se jgħin sabiex tinbena fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, aktar ġenerali, kunfidenza pubblika fil-politiki tal-Unjoni. Nuqqas ta' kunfidenza fl-effettività tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u l-inkapaċità tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinfurzawhom, ifixxklu l-operat u t-tisħiħ tal-makkinarju ta' kooperazzjoni fiż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja. Protezzjoni effettiva hi wkoll meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kredibilità tal-isforzi tal-Unjoni sabiex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ix-xogħol tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali jestendi lil hinn mill-politiki interni. Il-Karta tapplika wkoll għal xogħol estern tagħha. Skont l-Artikolu 21 TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fuq ix-xena internazzjonali hi mfassla sabiex tavvanza fid-dinja aktar wiesgħa, demokrazija, stat ta' dritt, l-universalità u l-indivisibilità tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali. Xi standards tad-drittijiet umani żviluppati min-Nazzjonijiet Uniti għandhom dimensjoni interna u esterna għall-Unjoni[10]. L-Unjoni żviluppat politika dedikata sabiex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni f'pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 TUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali ma' pajjiżi ġirien li hi bbażata fuq il-valuri tal-Unjoni. Finalment, l-Artikolu 49 TUE jipprovdi li kwalunkwe pajjiż Ewropew li jirrispetta l-valuri li fuqhom hi bbażata l-Unjoni jista' jitlob sabiex isir membru tal-Unjoni. Il-kriterji politiċi għall-adeżjoni mniżżla mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal-1993 jeħtieġu li pajjiżi kandidati jkollhom istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu demokrazija, stat ta' dritt, drittijiet tal-bniedem u rispett għal u protezzjoni tal-minoritajiet. Il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni għalhekk jiddependu fuq jekk il-pajjiż kandidat jissodisfax dawn il-kriterji b'mod adegwat. Kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali jiġu trattati f'dettall waqt in-negozjati għall-adeżjoni. 1. L-UNJONI TRID TKUN EżEMPLARI L-Unjoni trid taġixxi b'mod impekkabbli għal dak li jirrigwarda d-drittijiet fundamentali. Il-Karta trid isservi bħala kumpass għall-politiki tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. 1.1. Tisħiħ tal-kultura tad-drittijiet fundamentali fil-Kummissjoni Il-Kummissjoni tiċċekkja b'mod regolari l-proposti leġiżlattivi tagħha u l-atti li tadotta sabiex tiżgura li huma kumpatibbli mal-Karta. Sabiex tirrifletti l-istatus legali l-ġdid tal-Karta, dan ir-"refless" tad-drittijiet fundamentali għandu jkun rafforzat fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni li telabora proposti u atti bħal dawn. Huwa meħtieġ li tiġi promossa "kultura tad-drittijiet tal-bniedem" f'kull stadju tal-proċeduri, mill-abbozzar inizzjali ta' proposta fi ħdan il-Kummissjoni għall-analiżi tal-impatt sal-verifiki dwar il-legalità tat-test finali. Din il-kultura tad-drittijiet fundamentali hi indispensabbli għal eżami dettaljat dwar il-ħtieġa għal u l-proporzjonalità tal-proposti li l-Kummissjoni tippromwovi. Infatti, apparti ċerti drittijiet li huma assoluti[11], id-drittijiet fundamentali, taħt li kundizzjonijiet, jistgħu jkunu soġġetti għal-limitazzjonijiet. Dawn iridu jkunu pprovduti fil-liġi, jirrispettaw l-essenza ta' dawn id-drittijiet, josservaw il-prinċipju ta' proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jilħqu b'mod effettiv l-għanijiet ta' interess ġenerali li huma rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet u libertajiet ta' oħrajn[12]. "Lista ta' verifika" dwar id-drittijiet fundamentali 1. Liema drittijiet fundamentali huma affettwati? 2. Id-drittijiet in kwistjoni huma assoluti (li ma jistgħux ikunu soġġetti għal-limitazzjonijiet, eżempji huma d-dinjità tal-bniedem u l-interdizzjoni tat-tortura)? 3. X'inhu l-impatt tal-għażliet tal-politika differenti li qed jiġi kkunsidrat dwar id-drittijiet fundamentali? L-impatt hu pożittiv (promozzjoni tad-drittijiet fundamentali) jew negattiv (limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali)? 4. L-għażliet għandhom kemm impatt benefiku kif ukoll impatt negattiv skont id-drittijiet fundamentali kkonċernati (pereżempju, impatt negattiv fuq il-libertà tal-espressjoni u impatt pożittiv fuq il-proprjetà intellettwali)? 5. Kwalunkwe limitazzjoni fuq id-drittijiet fundamentali se tiġi fformulata b'manjiera ċara u prevedibbili? 6. Kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali: - se tkun meħtieġa sabiex tikseb għan ta' interess ġenerali jew sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn (liema)? - se tkun proporzjonali mal-għan mixtieq? - se tippreżerva l-essenza tad-drittijiet fundamentali kkonċernati? | Il-Kummissjoni diġà ħadet xi miżuri ta' organizzazzjoni interni - "il-metodoloġija"[13] – sabiex tiżgura li d-dipartimenti tal-Kummissjoni huma sistematiċi u profondi meta jiċċekkjaw li d-drittijiet fundamentali kollha kkonċernati ġew rispettati fil-proposti abbozzati kollha. Ir-rapport ta' valutazzjoni dwar din il-metodoloġija[14] sab li hi adattata għall-għan iżda li għandha tiġi applikata b'mod aħjar fil-prattika, jiġifieri b'manjiera aktar sistematika, dettaljata u li tifhimha aktar faċilment. Ir-rapport jenfasizza wkoll li l-valutazzjoni tal-impatt mhix kwistjoni ta' proċedura iżda ta' sostanza. Il-Kummissjoni se tirrafforza t-taħriġ intern dwar id-drittijiet fundamentali sabiex tirrispondi għall-kwistjonijiet msemmija aktar 'l fuq u sabiex tirrafforza u tippromwovi aktar kultura ta' rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fl-abbozzar tal-proposti tagħha hi deskritta aktar 'l isfel kif ukoll il-miżuri meħuda sabiex tiġi msaħħa l-applikazzjoni tagħha. Dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika għal "regolamentazzjoni aħjar". Kif ġie enfassizzat fil-prgramm ta' Stokkolma, il-leġiżlazzjoni tal-UE li hi abbozzata b'mod ċar u komprensiv se tgħin liċ-ċittadini sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv. F'konformità mal-politika għal regolamentazzjoni aħjar u l-programm ta' Stokkolma, li jisħqu l-importanza tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tivverifika wkoll li l-Karta tittieħed f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni ex post tal-istrumenti tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rapporti dwar l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni sensittiva u fil-proċess ta' valutazzjoni reċiproka. Miżuri li mhumiex leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni, bħal pereżempju deċiżjonijiet, huma wkoll soġġetti għal verifiki dwar il-kompatibilità tagħhom mal-Karta waqt l-abbozzar, anke jekk m'hemm l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lil proposti u atti "sensittivi", jiġifieri, il-proposti leġiżlattivi u atti ta' implimentazzjoni kollha (l-Artikolu 291 TFUE) u atti ta' delegazzjoni (l-Artikolu 290 TFUE) li jqajmu kwistjonijiet speċifiċi ta' kompatibilità mal-Karta jew li huma maħsuba sabiex jippromwovu dritt fundamentali speċifiku skont il-Karta. 1.1.1. Konsultazzjonijiet preparatorji Tul it-tħejjija tal-proposti fis-sens strett, jiġifieri meta l-Kummissjoni tiftaħ konsultazzjonijiet ("green papers", komunikazzjonijiet, dokumenti ta' ħidma ("working papers"), eċċ.) mal-partijiet interessati dwar kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proposti ġodda u sensittivi, u se tenfasizza kwalunkwe aspett tad-drittijiet fundamentali potenzjali sabiex tinkoraġixxi kontribuzzjonijiet li jispiraw ruħhom mill-valutazzjoni tal-impatt. Din se tgħarraf ukoll li kwalunkwe proposta se tkun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt skont il-metodoloġija. 1.1.2. Valutazzjoni tal-Impatt Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni jeżaminaw l-impatt tal-proposta dwar id-drittijiet fundamentali meta valutazzjoni bħal din tkun rilevanti. Il-linji gwida rigward il-valutazzjoni tal-impatt kif riveduti fl-2009[15], jistipulaw li ċerti atti ta' implimentazzjoni (proċedura ta' komitoloġija) li huma responsabbli ta' riperkussjonijiet sinifikanti jridu wkoll jgħaddu minn valutazzjoni tal-impatt. Il-valutazzjoni tal-impatt għandha tintuża sabiex tidentifika drittijiet fundamentali li se jkunu affettwati, il-grad ta' interferenza mad-dritt in kwistjoni u n-neċessità u proporzjonalità tal-interferenza f'termini ta' għażliet ta' politika u għanijiet. Madanakollu, il-valutazzjoni tal-impatt ma tinkludix l-eżami tal-att abbozzat dwar konformità legali mad-drittijiet fundamentali. Dan l-eżami jsir aktar tard fuq l-att abbozzat konkret. Il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt iniżżlu kif id-drittijiet fundamentali għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni f'kull stadju tal-valutazzjoni. Il-Kummissjoni se żżomm l-approċċ ġenerali tagħha waqt it-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt, filwaqt li tirrafforza l-valutazzjoni tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali[16]. 1.1.2.1. Integrazzjoni tad-drittijiet fundamentali fix-xogħol tal-Gruppi tat-Tmexxija dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt L-elaborazzjoni ta' kull valutazzjoni tal-impatt hi mmexxija minn Grupp tat-Tmexxija dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt li jġib flimkien lid-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati u li għandu rwol prinċipali fil-fażijiet kollha tal-valutazzjoni tal-impatt. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni se jagħmlu disponibbli b'mod attiv l-għarfien espert tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali lil dawn il-gruppi sabiex jiżguraw li kwalunkwe effett fuq drittijiet bħal dawn huma identifikati b'mod sistematiku u analizzati fi stadju bikri tal-proċess tal-elaborazzjoni tal-politika. Kwalunkwe effett fuq id-drittijiet fundamentali se jkunu mogħtija prominenza fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt. Din il-viżibilità se tikkontribwixxi sabiex ssaħħaħ il-kultura ta' rispett għad-drittijiet fundamentali waqt il-preparazzjoni tal-att abbozzat. 1.1.2.2. Gwida operattiva dwar id-drittijiet fundamentali Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' approċċ integrat verament għad-drittijiet fundamentali u tingħata gwida lid-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar kif l-impatt ta' inizzjattiva fuq id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu vvalutati fil-prattika, gwida operattiva qed tiġi preparata. Din il-gwida se tkopri l-kwistjonijiet msemmija aktar kmieni fil-"lista ta' verifika" dwar id-drittijiet fundamentali. 1.1.2.3. Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt Il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt jeżerċita kontroll tal-kwalità ċentrali u funzjoni ta' appoġġ taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni. Dan il-Bord hu indipendenti mid-dipartimenti li jelaboraw il-politiki. Il-Bord jeżamina u joħroġ opinjonijiet dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni kollha u għalhekk fuq il-kwalità tal-analiżi li jsostnu l-proposti ta' politika li l-Kummissjoni tippreżenta. Il-Bord jivverifika b'mod sistematiku aspetti tad-drittijiet fundamentali tal-valutazzjonijiet dwar l-impatt abbozzati li ġew sottomessi lilu u joħroġ opinjoni fuqhom fejn hu meħtieġ. 1.1.3. Abbozzar ta' abbozzi ta' atti 1.1.3.1. Premessi mmirati Wara l-valutazzjoni tal-impatt, meta l-proposta leġiżlattiva abbozzata (jew l-att delegat/ta' implimentazzjoni) hi preparata, il-Kummissjoni se tiċċekkja l-legalità tagħha, u b'mod partikolari l-kumpatibilità tagħha mal-Karta. Proposti li għandhom konnessjoni partikolari mad-drittijiet fundamentali għandhom jinkludu premessi speċifiċi li jispjegaw kif il-proposta tikkonforma mal-Karta. Ir-rwol tal-premessi hu li jispjegaw ir-raġunament wara l-adozzjoni tal-att inkwistjoni u b'hekk jippermettu u jiffaċilitaw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità tiegħu mal-Karta. Dan ifisser li l-użu ta' premessa standardizzata li turi biss konformità mal-Karta għandha tiġi evitata. L-inserzzjoni tal-premessi mhix biss formalità, iżda tiriffletti l-monitoraġġ fil-fond tal-konformità tal-proposta mal-Karta. Il-premessi li jispjegaw il-konformità mal-Karta se jiġu magħżula sabiex jindikaw eżattament liema drittijiet fundamentali l-proposta inkwistjoni se taffettwa. Aktar premessi individwalizzati u speċifiċi dwar ċerti drittijiet fundamentali se jiġu inseriti fejn meħtieġ sabiex jispjegaw l-iskop ta' dispożizzjoni jew is-soluzzjoni inkorporati fil-proposta sabiex jiżguraw li l-limitazzjoni fuq dritt fundamentali hi ġustifikata skont l-Artikolu 52 tal-Karta. 1.1.3.2. Sommarju ta' kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni Meta l-proposta leġiżlattiva jkollha impatt fuq id-drittijiet fundmentali, kif hu attestat mill-premessi, il-Memorandum ta' Spjegazzjoni għandu jkun fih sommarju li jispjega kif l-obbligi tad-drittijiet fundamentali ġew irrispettati. Il-Memorandum ta' Spjegazzjoni li jakkumpanjaw proposti sensittivi se jiġu msaħħa permezz ta' sommarju tal-aspetti tad-drittijiet fundamentali kollha li jinsabu fil-valutazzjoni tal-impatt u fil-proposta leġiżlattiva. B'mod partikolari, din it-taqsima se tispjega l-għala l-Kummissjoni temmen li limitazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali huma ġustifikati f'termini ta' ħtieġa u proporzjonalità. Sommarju bħal dan se jgħin sabiex jindika aħjar l-premessi dwar id-drittijiet fundamentali għal proposti sensittivi. Dan is-sommarju se jżid il-viżibilità billi juri li l-impatt u l-kumpatibilità ġew infatti eżaminati fid-dettall. 1.2. Il-Karta tittieħed f'kunsiderazzjoni waqt il-proċess leġiżlattiv Il-metodoloġija introdotta mill-Kummissjoni tapplika biss fl-istadju preparatorju tal-proposti. Waqt il-proċess leġiżlattiv il-proposti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu emendati minn wieħed mill-koleġiżlaturi li jqajjem mistoqsijiet dwar drittijiet fundamentali, mingħajr reviżjoni sistematika tal-impatt tagħhom u l-kumpatibilità mad-drittijiet fundamentali. Din is-sitwazzjoni ġiet identifikata mill-Kunsill Ewropew fil-Programm ta' Stokkolma, li jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li inizzjattivi legali jibqgħu konsistenti mad-drittijiet fundamentali "matul il-proċess leġiżlattiv permezz tat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż tal-konformità mal-Konvenzjoni u d-drittijiet imsemmija fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali" [17]. F'konformità mal-għan li tiġi promossa kultura tad-drittijiet fundamentali matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni hi lesta li tgħin istituzzjonijiet oħra sabiex isibu metodu effettiv biex jikkunsidraw l-effetti tal-emendi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Karta, inkluż permezz ta' eżami ta' mistoqsijiet li wieħed għandu jiftakar (kif imsemmija fil-"lista ta' verifika" tad-drittijiet fundamentali aktar 'l fuq). 1.2.1. L-emendi L-emendi tal-koleġiżlaturi għall-proposti tal-Kummissjoni għandhom jikkonformaw mal-Karta. Il-Kummissjoni se tiddefendi b'konvinzjoni l-pożizzjoni tagħha għal dak li jirrigwarda l-istandards dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundmentali li jinsabu fil-proposta tagħha u se tinnotifika lill-koleġiżlaturi dwar l-oppożizzjoni tagħha jekk dawn jippruvaw inaqqsu dawk l-istandards. F'każijiet bħal dawn hi mhix se tonqos milli tuża kwalunkwe mezz li għandha disponibbli, li jistgħu jinkludu talba sabiex l-att jiġi adottat unanimament jew, fejn applikabbli, irtirar tal-proposta tagħha jew introduzzjoni ta' azzjoni għall-annullament tad-dispożizzjoni inkwistjoni[18]. 1.2.2. Djalogu inter-istituzzjonali Il-mod kif emendi abbozzati li jqajmu kwistjonijiet ta' kumpatibilità mal-Karta huma trattati għandu jkun soġġett għal djalogu interistituzzjonali u trasparenti, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li: - l-emendi inkwistjoni huma s-suġġett ta' valutazzjoni xierqa tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-konformità tagħhom mal-Karta. Il-ftehim interistituzzjonali 'Approċċ Komuni għall-Valutazzjoni tal-Impatt' [19] għandu dispożizzjoni ġenerali li l-Parlament u l-Kunsill huma responsabbli għall-valutazzjoni tal-impatt tal-emendi "sinifikanti" tagħhom stess. M'hemm l-ebda referenza għat-teħid f'kunsiderazzjoni tal-aspetti tad-drittijiet fundamentali, lanqas tal-fatt li kwalunkwe emenda li tqajjem kwistjoni dwar drittijiet fundamentali għandha tiġi kkunsidrata "sinifikanti"; - deċiżjonijiet dwar l-emendi jittieħdu fuq livell xieraq u li, pereżempju, fil-każ tal-Kunsill dawn id-deċiżjonijiet jitwasslu quddiem il-ministri; - is-servizzi legali tat-tliet istituzzjonijiet jiġu involuti b'mod totali. Fil-qafas ta' reviżjoni futura tal-ftehim interistituzzjonali " Approċċ Komuni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt" , il-Kummissjoni se tipproponi dispożizzjoni li, f'każijiet eċċezzjonali fejn it-Trattat jippermetti proposti bħal dawn[20] il-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Istati Membri jinkludu wkoll valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, meta qed tieħu pożizzjoni fuq il-proposti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tikkunsidra bir-reqqa l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali. 1.3. Wieħed li l-Istati Membri jirrispettaw il-Karta meta qed jimplimentaw id-Dritt tal-Unjoni Il-Karta hi indirizzata lill-Istati Membri biss " meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni " (l-Artikolu 51(1)). Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni hu fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha għax hu essenzjali għall-kunfidenza reċiproka meħtieġa għall-funzjonament tal-Unjoni. Dan il-prinċipju hu partikolarment importanti minħabba l-espansjoni tal-acquis tal-UE fejn id-drittijiet fundamentali huma speċjalment relevanti, bħal pereżempju ż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, non-diskriminazzjoni, ċittadinanza tal-Unjoni, is-soċjetà informatika u l-ambjent. L-isforzi tal-Kummissjoni sabiex issaħħaħ id-drittijiet fundamentali se jkunu gwidati mill-prinċipji li ġejjin: 1.3.1. Prevenzjoni Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-approċċ preventiv tagħha billi tfakkar fil-każijiet xierqa lill-awtoritajiet responsabbli għat-traspożizzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-obbligu li jirrispettaw il-Karta fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u billi tassistihom f'dan, b'mod partikolari fi ħdan il-kumitati tal-esperti li ġew imwaqqfa sabiex jiffaċilitaw it-traspożizzjoni tad-direttivi. Pereżempju, l-importanza tal-konformità mal-Karta, partikolarment fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, ġiet enfasizzata fil-grupp tal-esperti li ġie mwaqqaf sabiex jissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE ('id-Direttiva tar-ritorn') u fi ħdan il-Kumitat għad-Deċiżjoni Qafas 2008/919/JHA, li temenda d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. 1.3.2. Proċeduri ta' ksur Meta Stat Membru ma jirrispettax id-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, għandha l-poteri tagħha stess sabiex tipprova twaqqaf il-ksur u tista', jekk meħtieġ, tieħu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (azzjoni għal nuqqas tat-twettiq ta' obbligu). Il-Kummissjoni tista' biss tintervjeni jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni tirrelata mad-dritt tal-Unjoni. Il-fattur li joħloq konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni jiddependi fuq is-sitwazzjoni attwali in kwistjoni[21]. Il-Kummissjoni hi determinata sabiex tuża l-mezzi kollha disponibbli sabiex tiżgura li l-Karta hi rispettata mill-Istati Membri meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Kull meta jkun meħtieġ hi se tibda proċeduri kontra l-Istati Membri għal nuqqas ta' konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dawk il-proċedimenti ta' ksur li jqajmu kwistjonijiet ta' prinċipju jew li għandhom impatt negattiv fit-tul għaċ-ċittadini se jingħataw prijorità. 1.3.3. Sitwazzjoni li mhix rilevanti għall-Karta Il-Karta ma tapplikax fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali bl-ebda konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom is-sistemi tagħhom stess sabiex jipproteġu d-drittijiet fundamentali permezz tal-qrati nazzjonali tagħhom u l-Karta ma tissostitwihomx. Hi għalhekk ir-responsabilità tal-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw konformità mad-drittijiet fundamentali u l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jieħdu miżuri meħtieġa skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom u l-obbligi internazzjonali. F'sitwazzjonijiet bħal dawn il-Kummissjoni m'għandhiex il-poter li tintervjeni bħala gwardjan tat-Trattati. L-Artikolu 7 TUE jipprovdi għal mekkaniżmu li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jaġixxu meta jkun hemm riskju ċar ta' ksur serju jew ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, li jinkludu rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Dan hu mekkaniżmu politiku li jintuża biss bħala l-aħħar riżorsa u hu intiż għal sitwazzjonijiet ta' natura eċċezzjonali b'dimensjoni sistematika u strutturali[22]. Fejn hemm riskju ċar ta' ksur serju ta' dawn il-valuri dan il-mekkaniżmu jista' jibda permezz ta' proposta raġunata ta' terz tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew jew tal-Kummissjoni. 2. INFORMAZZJONI AĦJAR GĦALL-PUBBLIKU 2.1. Il-bżonn għall-informazzjoni Sabiex id-drittijiet li jinsabu fil-Karta jkunu effettivi, il-pubbliku għandu bżonn li jkun infurmat sew dwar dawn id-drittijiet u kif għandu jinfurzhom fil-prattika meta dawn jiġu miksura. Informazzjoni dwar il-mezz ta' appell hu partikolarment importanti għar-rigward: - tad-drittijiet tat-tfal: pereżempju, il-problemi li ħafna drabi huma kwotati miż-żgħażagħ huma li ma jafux kif jiddefendu d-drittijiet tagħhom jew għand min għandhom imorru (80%)[23]. L-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali rrappurtat l-istess tip ta' diffikultajiet b'konnessjoni mad-diskriminazzjoni[24]; - tad-diffikulta' li wieħed ikun jaf liema huma r-rimedji legali xierqa u konfużjoni dwar ir-rwoli tagħhom jistgħu jwasslu għall-ilmenti li jħabbtu "il-bieb żbaljat". Il-Kummissjoni tirċievi diversi ittri dwar sitwazzjonijiet li għalihom m'għandha l-ebda kompetenza taħt it-Trattati peress li mhumiex relatati mad-dritt tal-Unjoni. Dwar dan il-punt il-Kummissjoni tfakkar li hi r-responsabilità tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, sabiex jippronunċaw ruħhom fuq każijiet ta' ksur allegat tad-drittijiet fundamentali u li l-Kummissjoni mhix qorti tal-appell kontra deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali jew internazzjonali; - in-nuqqas ta' informazzjoni adattata jirrendi l-appell aktar diffiċli u jamplifika d-diffikultajiet prattiċi tat-teħid ta' azzjoni (lingwa, għarfien tal-proċeduri, l-ispejjeż tal-proċedimenti, sitwazzjoni ta' min qed jagħmel l-ilment, eċċ), u dan jista' jwaqqaf lin-nies li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura milli jfittxu rimedju (dawk li jagħmlu l-ilment li huma 'inviżibbli'). 2.2. L-azzjoni tal-Kummissjoni Miżuri ta' komunikazzjoni mmirati li huma adattati għal diversi sitwazzjonijiet huma meħtieġa sabiex jirrispondu għal dawn id-diffikultajiet. 2.2.1. Informazzjoni dwar ir-rwol tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha ta' informazzjoni dwar ir-rwol u poteri tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u l-possibilitajiet għal intervent, u anke tiżgura li l-bżonnijiet tal-lingwa taċ-ċittadini u professjonisti qed jiġu rispettati: - spjegazzjonijiet se jkunu disponibbli għal min jagħmel ilment u għall-partijiet interessati u li huma adattati għall-udjenza li qed tiġi indirizzata, pereżempju, b'manjiera adattata għat-tfal. B'mod partikolari, ir-risposti tal-Kummissjoni għall-ilmenti individwali li mhumiex fil-qasam ta' kompetenza tagħha, se jkollhom anness ta' spjegazzjoni fil-forma ta' "Mistoqsijiet li Jsiru ta' Spiss" ( Frequently Asked Questions )'; - informazzjoni u taħriġ għall-professjonisti legali u awtoritajiet ġudizzjarji, inkluż imħallfin, se jkunu promossi permezz, b'mod partikolari, tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet kriminali u l-Forum għall-Ġustizzja Ewropea. 2.2.2. Informazzjoni dwar ir-rimedji legali eżistenti Individwi li jqisu lilhom infushom li huma vittmi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni prattika dwar rimedji legali li jeżistu fl-Istati Membri sabiex jittrattaw ma' allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri li ġejjin: - din se tiżgura li fl-2011, il-portal tal-ġustizzja elettronika tipprovdi lill-pubbliku b'informazzjoni dwar rimedji legali f'każijiet ta' ksur allegat tad-drittijiet fundamentali; - din se ssejjaħ għal riflessjoni konġunta dwar l-informazzjoni disponibbli dwar rimedji legali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali flimkien mal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-awtoritajiet nazzjonali, ir-reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u flimkien ma' korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa. 3. RAPPORT ANNWALI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-KARTA Il-Kummissjoni se tippreżenta Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta li se jkollha żewġ għanijiet: - li tivvaluta l-progress b'manjiera trasparenti, kontinwa u konsistenti. Din se tidentifika dak li sar u dak li baqa' jsir għall-applikazzjoni effettiva tal-Karta; - din se tippermetti għal skambju annwali ta' opinjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-Rapport Annwali se jipprovdi mod ġdid u utli li jitfa' ftit dawl fuq l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni se tiddeskrivi kif hi tieħu f'kunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali meta tfassal l-inizzjattivi tagħha abbażi tal-attivitajiet tagħha li huma spjegati f'din il-komunikazzjoni. Dan se jippermetti wkoll lill-Kummissjoni sabiex tispjega quddiem il-Parlament u l-Kunsill, kif il-Karta ttieħdet f'kunsiderazzjoni waqt il-proċess leġiżlattiv. Ir-Rapport Annwali se jkopri d-drittijiet kollha li jinsabu fil-Karta u kif huma implimentati fi ħdan il-qasam ta' kompetenza tal-Unjoni. Filwaqt li jkollu skop separat, dan se jikkumplimenta lir-rapport annwali dwar drittijiet umani u demokrazija fid-dinja li jkopri l-azzjoni tal-Unjoni f'pajjiżi li mhumiex membri[25]. Ir-rapport se jiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk tal-Kummissjoni. Sena wara sena, ir-rapport se jippermettilna nissorveljaw il-progress u l-emerġenza ta' kwalunkwe problema ġdida billi jkopri d-drittijiet kollha fil-Karta kontinwament. Ir-Rapport Annwali se jħares lejn il-kwistjonijiet diversi li twasslu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni miċ-ċittadini, membri tal-Parlament Ewropew u partijiet interessati, u finalment se jidentifika kwistjonijiet ta' tħassib. Ir-rapport se jgħin ukoll li jinforma lill-membri tal-pubbliku b'mod aħjar dwar id-difiża tad-drittijiet tagħhom billi jidentifika il-kwistjonijiet innotifikati ġustament lill-Kummissjoni u dawk li, f'kuntrast, kienu r-responsabilità ta' awtoritajiet oħra. Ir-Rapport Annwali se jiddeskrivi dak li għamlet il-Kummissjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Karta, pereżempju permezz ta' proċedimenti ta' ksur u attivitajiet ta' informazzjoni. Ir-rapport jista' jgħin lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-Karta meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u għalhekk inaqqas l-bżonn sabiex jagħmlu rikors għall-proċedimenti ta' ksur billi jżid it-trasparenza u jifrex l-informazzjoni dwar il-Karta. Waqt it-tħejjija tar-Rapport Annwali l-Kummissjoni se taħdem fi sħubija mal-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati kollha sabiex tiġbor l-informazzjoni u dejta meħtieġa, inkluż il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dik tal-qrati nazzjonali meta tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni. Il- Parlament Ewropew , speċjalment permezz tal-mistoqsijiet u petizzjonijiet tiegħu, hu intermedjarju kruċjali sabiex jiskopri dwar is-sitwazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri fl-oqsma li huma l-kompetenza tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tesplora flimkien mal-Parlament l-aħjar mod ta' kooperazzjoni u l-kontroll tal-isforzi tagħhom waqt it-tħejjija tar-rapport annwali tagħha u fi ħdan il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Permezz tal- Aġenżija dwar id-Drittijiet Fundamentali , l-Unjoni armat ruħha b'għodda sabiex tgħin lill-istituzzjonijiet tagħha u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni; l-attività prinċipali tagħha tkun li tipprovdi dejta dwar id-drittijiet fundamentali li hi affidabbli u kumparabbli. Din l-informazzjoni se tkun kruċjali għar-rapport annwali u l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Aġenzija sabiex tiġbor dejta bħal din. Meta qed tfassal ir-rapport tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati kollha, inkluż mill- awtoritajiet nazzjonali , bħal pereżempju l-Qorti Suprema, korpi dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma indipendenti u nazzjonali u l-awtoritjiet nazzjoni inkarigati li jivvalutaw l-impatt tal-leġiżlazzjoni domestika dwar id-drittijiet fundamentali. Il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal- Kunsill tal-Ewropa u n- Nazzjonijiet Uniti jista' wkoll ikun sors ta' informazzjoni relevanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Informazzjoni li ġejja mis- soċjeta ċivili se tittieħed ukoll f'kunsiderazzjoni, peress li l-NGOs jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex ikunu jafu x'qed jiġri fuq il-post. Ir-Rapport Annwali għalhekk jippermetti lill-partijiet interessati kollha sabiex jagħmlu kontribuzzjoni lill-proċess li għadu għaddej li jimplimentaw il-Karta u, billi jagħmlu dan il-proċess viżibbli u trasparenti, ikunu qed jippromwovu dinamika tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni bħalissa qed tipprepara l-ewwel Rapport Annwali li se jkopri l-2010 u li se jkun ippubblikat fir-Rebbiegħa tal-2011. **** L-istrateġija ppreżentata mill-Kummissjoni hi bbażata fuq għan ċar: l-Unjoni għandha tagħti eżempju sabiex tiżgura li d-drittijiet fundamentali pprovduti fil-Karta jsiru realtà. Il-Kummissjoni ħadet passi sabiex tikseb dan l-għan, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-proposti tagħha fuq id-drittijiet fundamentali. Hi se tinkoraġixxi wkoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni sabiex jiżguraw ir-rispett totali għall-Karta fil-proċessi leġiżlattivi tagħhom. Hi se tfakkar lill-Istati Membri fejn meħtieġ dwar l-importanza li jikkonformaw mal-Karta meta qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Hi se tiżviluppa azzjonijiet ta' komunikazzjoni mmirati fuq il-bżonnijiet tal-pubbliku. Din l-istrateġija se tkun effettiva jekk tkun implimentata b'manjiera kontinwa, determinata u trasparenti u bil-partiċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissottometti Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta kull sena sabiex turi l-progress li sar u torjenta l-iżvilupp tal-politika tagħha. Dan l-impenn jevidenzja d-determinazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tagħmel fil-prattika l-Karta. [1] Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("TUE"). Barra minn hekk l-Artikolu 6(3) jikkonferma mill-ġdid li drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet konstituzzjonali komuni għall-Istati Membri huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. [2] Artikolu 6(2) tat-TUE. [3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li jagħtu servizz liċ-ċittadin – Programm ta' Stokkolma. P7_TA(2009)0090 [4] "Programm ta' Stokkolma"; ĠU C 115 tal-4.5.2010. [5] Test tal-ftehim solenni: "Jien ninpenja ruħi solennement: - li nirrispetta t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fit-twettiq tad-doveri kollha tiegħi; - li nkun kompletament indipendenti fit-twettiq tar-responsabbilitajiet tiegħi, fl-interess ġenerali tal-Unjoni; -fl-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħi, la li nfittex u lanqas li nieħu ordnijiet minn kwalunkwe Gvern jew minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; - li nastjeni ruħi minn kwalunkwe azzjoni li tkun inkompatibbli mar-rwol tiegħi jew mal-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħi. Jien formalment nieħu att tal-impenn ta' kull Stat Membru li jirrispetta dan il-prinċipju u li ma jippruvax jinfluwenza lill-Membri tal-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom . Barra minn hekk, jien nobbliga ruħi li nirrispetta, kemm waqt kif ukoll wara li t-terminu tal-ufiċċju, l-obbligu li jirriżultaw minn din il-kariga u b'mod partikolari d-dover li wieħed iġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni, wara li jkun spiċċali t-terminu tal-uffiċċju, ta' xi funzjonijiet jew benefiċċji." [6] Il-Karta ġiet proklamata solennement mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000. Fit-12 ta' Diċmebru 2007 il-Preseidenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea ffirmaw u għal darb'oħra pproklamaw b'mod solenni l-Karta. Din it-tieni proklamazzjoni kienet meħtieġa peress li l-Karta pproklamat fis-sena 2000 kienet ġiet emendata sabiex tkun torbot legalment. [7] Id-drittijiet u l-prinċipji li jinsabu fil-Karta joħorġu mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u konvenzjonijiet internazzjonali li huma komuni għall-Istati Membri, il-Konvenzjoni Ewropea dwar Drittijiet Tal-Bniedem, il-Karti Soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill tal-Ewropa u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni u l-Qorti Ewropea tad-Dirttijiet tal-Bniedem. [8] Ara taqsima I.3. [9] L-Artikolu 51(2) tal-Karta jiddikjara li ma jestendix il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-poteri tal-Unjoni jew ma jistabilixxix kwalunkwe komptenza ġdida jew dover ġdid għall-Unjoni u lanqas ma jimmodifika poteri u doveri kif definiti fit-Trattati. [10] L-Istati Membri kollha aderew għall-konvenzjonijiet prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilita'; (ĠU L 23, 27.1.2010, p.35). [11] Pereżempju, l-interdizzjoni tat-tortura. [12] L-Artikolu 52.2 tal-Karta. [13] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – 'Konformità mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali fil-proposti leġizlattivi tal-Kummissjoni – Metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż', COM(2005) 172 finali tas-27.4.2005. [14] Rapport dwar il-funzjoni fil-prattika tal-metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż tal-konformità mal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali, COM(2009) 205 finali tad-29.4.2009. [15] Linji Gwida dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-15.1.2009; SEC (2009) 92. [16] Fil-komunikazzjoni tagħha 'Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea (COM(2010) 543 finali tas-7.10.2010), il-Kummissjoni saħqet li sabiex tirrifletti l-istat il-ġdid tal-Karta kienet se ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatti dwar drittijiet fundamentali u tiżviluppa linji gwida operattivi dwar il-kwistjoni. [17] Artikolu 2.1. [18] Artikolu 3.4 tar-rapport tad-29.4.2009. [19] Dokument tal-Kunsill 14901/05 tal-24.11.2005. [20] L-oqsma dwar kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u kooperazzjoni mal-pulizija u amministrattiva fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (l-Artikolu 76 TFUE). [21] Pereżempju, fattur ta' konnessjoni jeżisti meta leġiżlazzjoni nazzjonali tittrasponi Direttiva tal-Unjoni b'tali mod u manjiera li tkun il-kuntrarju għad-drittijiet fundamentali; jew meta awtorità pubblika tapplika d-dritt tal-Unjoni b'manjiera li tmur kontra d-drittijiet fundamentali; jew meta deċiżjoni finali ta' qorti nazzjonali tapplika jew tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b'manjiera li tmur kontra d-drittijiet fundamentali. [22] Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu huma spjegati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-Artikolu 7 TUE tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Ir-Rispett għal u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hi bbażata l-Unjoni, COM(2003) 606 finali - tal-15.10.2003. [23] Meta ż-żgħażagħ bejn 15 u 18 ġew mistoqsija liema problemi jistgħu jiltaqgħu magħhom nies li huma taħt it-18 li qed jippruvaw jiddefendu d-drittijiet tagħhom; Flash Ewrobarometru Nru 273, Mejju 2009. Id-Drittijiet tat-Tfal. [24] EU-MIDIS Stħarriġ dwar Minoritajiet u Diskriminazzjoni tal-Unjoni Ewropea. [25] Ara, pereżempju, 'Drittijiet tal-Bniedem u demokrazija fid-dinja: rapport dwar azzjoni tal-UE - Lulju 2008 sa Diċembru 2009'.