This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0546
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Europe 2020 Flagship Initiative Innovation Union SEC(2010) 1161
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni SEC(2010) 1161
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni SEC(2010) 1161
/* KUMM/2010/0546 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni SEC(2010) 1161 /* KUMM/2010/0546 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussell, 6.10.2010 COM(2010) 546 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni SEC(2010) 1161 Sommarju Eżekuttiv Fi żmien ta' limitazzjonijiet tal-baġit pubbliku, bidliet demografiċi kbar u kompetizzjoni globali li dejjem qed tiżdied, il-kompetittività tal-Ewropa, il-kapaċità tagħna li noħolqu miljuni ta' impjiegi ġodda biex jissostitwixxu dawk li intilfu matul il-kriżi u, b'mod ġenerali, l-istandard ta' għixien tagħna fil-ġejjieni jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li ndaħħlu l-innovazzjoni fil-prodotti, fis-servizzi, fin-negozji u fil-proċessi u l-mudelli soċjali. Għalhekk l-innovazzjoni tqiegħdet fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-innovazzjoni hija wkoll l-aħjar mezz tagħna biex nindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, bħall-bidla fil-klima, in-nuqqas tal-enerġija u r-riżorsi, is-saħħa u t-tixjiħ, li qegħdin isiru aktar urġenti kuljum. L-Ewropa ma għandhiex nuqqas ta' potenzjal. Għandna riċerkaturi, intraprendituri u kumpaniji li huma fost l-aħjar fid-dinja u qawwiet uniċi fil-valuri, it-tradizzjonijiet, il-kreattività u d-diversità tagħna. Għamilna passi kbar fil-ħolqien tal-akbar suq intern fid-dinja. L-impriżi Ewropej u s-soċjetà ċivili huma impenjati b'mod attiv fl-ekonomiji emerġenti u f'dawk li qegħdin jiżvilppaw madwar id-dinja. Bosta innovazzjonijiet li biddlu d-dinja jsibu l-oriġini tagħhom fl-Ewropa. Għaldaqstant nistgħu – u għandna nagħmlu - ħafna aħjar minn hekk. F'ekonomija globali li qiegħda tinbidel malajr, għandha nibnu fuq il-qawwiet tagħna u nindirizzaw b'mod deċiżiv id-dgħufijiet tagħna: - In-nuqqas ta' investiment fil-fondazzjoni ta' għarfien tagħna. Pajjiżi oħra, bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, qegħdin jinvestu aktar minna, u ċ-Ċina qiegħda tirkupra b'rata mgħaġġla. - Kundizzjonijiet ta' qafas mhux sodisfaċenti, minn aċċess fqir għall-finanzi, spejjeż għoljin ta' DPI għal standardizzazzjoni bil-mod u użu mhux effettiv tal-akkwist pubbliku. Dan huwa diffett serju meta l-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jinvestu u jwettqu riċerka f'bosta partijiet oħra tad-dinja. - Wisq frammentazzjoni u duplikazzjoni li tiswa l-flus. Għandna nonfqu r-riżorsi tagħna b'mod aktar effettiv u niksbu massa kritika. Forsi l-akbar sfida għall-UE u l-Istati Membri tagħha hija li jiġi adottat approċċ ħafna aktar strateġiku għall-innovazzjoni. Approċċ li bih l-innovazzjoni hija l-għan prinċipali tal-politika, fejn nieħdu perspettiva fuq żmien medju għal itwal, fejn l-istrumenti, l-miżuri u l-finanzi tal-politika kollha huma mfassla biex jikkontribwixxu għall-innovazzjoni, fejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali/reġjonali huma allinjati fil-qrib u jinfurzaw lil xulxin, u fl-aħħar nett iżda mhux l-inqas importanti, fejn l-għola livell politiku jistabbilixxi aġenda strateġika, jimmonitorja l-iżvilupp b'mod regolari u jindirizza d-dewmien. L-Unjoni tal-Innovazzjoni tistabbilixxi tali approċċ sod, integrat u strateġiku, filwaqt li tisfrutta u tislef il-qawwiet tagħna b'modi ġodda u produttivi - u b'hekk iżżomm il-bażi ekonomika li tappoġġa l-kwalità tal-ħajja tagħna u l-mudell soċjali tagħna waqt li tixjieħ il-popolazzjoni tagħna. Iż-żamma tal- istatus quo ifisser it-telf gradwali tal-vantaġġi kompettittivi tagħna, u l-aċċettazzjoni tad-deġenerazzjoni kontinwa tal-Ewropa. B'mod konkret, sabiex tinkiseb l-Unjoni tal-Innovazzjoni, jeħtieġ dan li ġej: 1. Fi żminijiet ta' limitazzjonijiet fiskali, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni, fir-R&Ż, fl-innovazzjoni u fl-ICT. Tali investimenti fejn possibbli ma għandhomx biss jiġu protetti mit-tnaqqis fil-baġit, iżda għandhom jiżdiedu. 2. Dan għandu jseħħ flimkien ma' riformi sabiex wieħed ikun jista' jikseb aktar valur għall-flus u jindirizza l-frammentazzjoni. Għandu jkun hemm rabta aħjar bejn is-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE u nazzjonali u l-prestazzjoni tagħhom għandha titjieb. 3. Is-sistemi tal-edukazzjoni tagħna fil-livelli kollha għandhom jiġu mmodernizzati. L-eċċellenza għandha ssir aktar u aktar il-prinċipju ta' gwida. Għandna bżonn aktar universitajiet ta' klassi dinjija, ngħollu l-livelli tal-ħiliet u nattiraw l-aħjar talent minn barra. 4. Ir-riċerkaturi u l-innovaturi għandhom ikunu jistgħu jaħdmu u jikkooperaw madwar l-UE bl-istess faċilità bħalma jistgħu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha titlesta fi żmien erba' snin - filwaqt li jiġu stabbiliti l-oqfsa għal moviment ġenwinament ħieles tal-għarfien. 5. L-aċċess għall-programmi tal-UE għandu jiġi ssimplifikat u l-effett ta' spinta fuq l-investiment fis-settur privat għandu jissaħħaħ, bl-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Ir-rwol tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka għandu jissaħħaħ. Il-kontribuzzjoni tal-programm ta' qafas għat-trawwim ta' SMEs li jikbru malajr għandha tiġi infurzata. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ għall-iżvilupp ta' ħiliet tar-riċerka u l-iżvilupp madwar l-Ewropa, ibbażati fuq strateġiji ta' speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti. 6. Għandna bżonn niksbu aktar innovazzjoni mir-riċerka tagħna. Il-kooperazzjoni bejn id-dinja tax-xjenza u d-dinja tan-negozju għandha tissaħħaħ, għandhom jitneħħew l-ostakoli u għandhom jiġu stabbiliti inċentivi. 7. L-ostakoli li fadal biex l-intraprendituri jġibu "ideat għall-kummerċjalizzazzjoni" għandhom jitneħħew: aċċess aħjar għall-finanzi, b'mod partikolari għall-SMEs, Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd, miri u regolamentazzjoni aktar intelliġenti u aktar ambizzjuża, l-istabbiliment aktar mgħaġġel ta' standards interoperabbli u l-użu strateġiku tal-baġits ta' akkwist kbar tagħna. Bħala pass intermedjarju, għandu jintlaħaq ftehim dwar il-privattiva tal-UE qabel l-aħħar tas-sena. 8. Għandhom jitniedu l-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej sabiex iħaffu r-riċerka, l-iżvilupp u l-iskjerament tas-suq tal-innovazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà ewlenin, jinqasmu l-kompetenzi u r-riżorsi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE, billi nibdew mill-qasam tat-tixjiħ b'saħħtu. 9. Il-qawwiet tagħna fid-disinn u l-kreattività għandhom jiġu sfruttati aħjar. Għandna nappoġġaw l-innovazzjoni soċjali. Għandna niżviluppaw fehim aħjar tal-innovazzjoni tas-settur pubbliku, nidentifikaw u nagħtu viżibbiltà lill-inizjattivi b'suċċess, u nkejlu l-iżvilupp. 10. Għandna naħdmu aħjar mal-imsieħba internazzjonali tagħna. Dan ifisser li għandna niftħu l-aċċess għall-programmi tar-R&Ż tagħna, filwaqt li niżguraw kundizzjonijiet simili barra mill-pajjiż. Dan ifisser ukoll li għandna nadottaw front komuni tal-UE fejn meħtieġ biex nipproteġu l-interessi tagħna. Dan, essenzjalment, huwa dak kollu li jagħmel l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-benefiċċji se jkunu sinifikanti: skont stimi reċenti, il-kisba tal-mira tagħna li nonfqu 3% tal-PGD tal-UE fuq ir-R&Ż sal-2020 tista' toħloq 3,7 miljun impjieg u żżid il-GDP annwali bi kważi EUR 800 biljuni sal-2025[1]. Għat-twettiq tagħha jeħtieġ l-appoġġ sħiħ u kontinwu tal-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew, tal-gvernijiet tal-Istati Membri, tan-negozji, tal-awtoritajiet pubbliċi, tar-riċerkaturi u tal-pubbliku. Bl-Unjoni tal-Innovazzjoni, għandna viżjoni, aġenda, distribuzzjoni ċara tal-kompiti u proċeduri ta' monitoraġġ sodi. Il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel dak li huwa neċċessarju sabiex l-Unjoni tal-Innovazzjoni ssir realtà. WERREJ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni 1 1. Introduzzjoni 6 2. It-tisħiħ tal-bażi ta' għarfien u t-tnaqqis tal-frammentazzjoni 9 2.1. Il-promozzjoni tal-eċċellenza fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet 9 2.2. It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 10 2.3. L-iffokar tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 12 2.4. Il-Promozzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) bħala mudell tal-governanza tal-innovazzjoni fl-Ewropa 13 3. Il-kisba ta' ideat tajbin għall-kummerċjalizzazzjoni 14 3.1. It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji innovattivi 14 3.2. Il-ħolqien ta' suq ta' innovazzjoni uniku 16 3.3. Promozzjoni ta' sinċerità u kapitalizzazzjoni fuq il-potenzjal kreattiv tal-Ewropa 19 4. It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali 21 4.1. It-tifrix tal-benefiċċji tal-Innovazzjoni madwar l-Unjoni 21 4.2. Iż-żieda tal-benefiċċji soċjali 22 5. Jingħaqdu l-isforzi biex jiġu rreġistrati s-suċċessi: Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea 24 6. Intejbu l-politiki tagħna esternament 28 7. Kif dan iseħħ 30 7.1. Ir-riforma tar-riċerka u tas-sistemi ta' innovazzjoni 30 7.2. Il-kejl tal-progress 31 7.3. Impenn minn kulħadd biex l-Unjoni tal-Innovazzjoni ssir realtà 32 ANNESS I Għodda għall-awtovalutazzjoni: Fatturi ta’ sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew 34 ANNESS II Tabella li turi l-Progress tal-Prestazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp 38 ANNESS III Il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej Miri u ambitu ta’ Partenarjat għall-innovazzjoni Ewropew fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu 42 INTRODUZZJONI Filwaqt li d-defiċits pubbliċi huma kkontrollati għat-tiswija tal-finanzi pubbliċi u filwaqt li l-forza tax-xogħol tagħna tibda tonqos, x'se tkun il-bażi tal-kompetittività futura tal-Ewropa? Kif se noħolqu tkabbir u impjiegi ġodda? Kif se nerġgħu nġibu l-ekonomija tal-Ewropa lura fuq saqajha ? Kif se nindirizzaw sfidi dejjem jikbru tas-soċjetà bħall-bidla fil-klima, il-provvista tal-enerġija, in-nuqqas tar-riżorsi oħra u l-impatt tal-bidliet demografiċi? Kif se ntejjbu s-saħħa u s-sigurtà u nipprovdu b'mod sostenibbli ilma u ikel ta' kwalità għolja bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd? L-unika tweġiba hija l-innovazzjoni, li hija fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020[2] miftiehma mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010, li tappoġġa t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv li l-Istrateġija qiegħda timmira lejh. L-"Unjoni tal-Innovazzjoni" hija waħda mis-seba' inizjattivi mħabbra fl-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan tagħha huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet u l-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni biex ikun żgurat li jistgħu jinbidlu l-ideat innovattivi fi prodotti u servizzi li joħolqu tkabbir u impjiegi. L-Unjoni tal-Innovazzjoni ġiet żviluppata flimkien mal-inizjattiva ewlenija dwar Politika Industrijali għall-Era ta' Globalizzazzjoni, li l-għan tagħha huwa l-iżgurar ta' katina ta' valur tal-manifattura b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata, b'enfasi partikolari fuq l-Impriżi Żgħar u Medji. Hija tikkumplementa inizjattivi ewlenin oħra, bħalm'huma l-Aġenda Diġitali, Żgħażagħ Attivi u l-Aġenda għal Kapaċitajiet u Impjiegi Ġodda. Flimkien mal-Unjoni tal-Innovazzjoni, dawn se jtejbu l-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, inkluż billi jħaffu l-espansjoni ġeografika tal-internet b'veloċità għolja u l-applikazzjonijiet tiegħu, billi jiżguraw bażi industrijali b'saħħitha, u billi jippromwovu sistemi edukattivi eċċellenti, swieq tax-xogħol moderni, u t-taħlita tajba ta' ħiliet għall-forza tax-xogħol futura tal-Ewropa. Politiki ewlenin oħra bħal pereżempju t-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku permezz tal-Att dwar is-Suq Uniku, politika ta' kompetizzjoni effettiva u aċċess aħjar għas-swieq f'pajjiżi terzi permezz ta' strateġija tal-kummerċ ġdida, se jikkumplementaw u jsaħħu l-Unjoni tal-Innovazzjoni wkoll. Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja f'oqsma ewlenin fejn huma meħtieġa sforzi urġenti u kontinwi. Tistabbilixxi b'mod ċar l-inizjattivi Ewropej, nazzjonali u reġjonali ewlenin meħtieġa biex tinħoloq l-Unjoni tal-Innovazzjoni[3]. L-Ewropa tibda minn pożizzjoni ta' saħħa. Illum, għadd ta' Stati Membri huma mexxejja dinjija fil-manifattura, il-kreattività, id-disinn, l-ajruspazju, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija u t-teknoloġiji ambjentali. Għandna reġjuni li huma wħud mill-aktar innovattivi fid-dinja. L-ekonomiji tagħna huma appoġġati minn xi wħud mis-servizzi pubbliċi l-aktar dinamiċi tad-dinja u minn tradizzjonijiet sodi fl-innovazzjoni soċjali. Għaldaqstant nistgħu u għandna nagħmlu aħjar minn hekk. Aħna mhux qed ninvestu biżżejjed fil-bażi ta' għarfien tagħna, nonfqu kull sena 0,8 % tal-PGD inqas mill-Istati Uniti u 1,5 % inqas mill-Ġappun fir-R&Ż - b'diskrepanzi kbar fir-R&Ż tan-negozju, fl-investimenti ta' kapital ta' riskju[4] - u s-sistema edukattiva tagħna teħtieġ riforma. Ir-R&Ż tas-settur privat qiegħda tkun aktar esternalizzata għal ekonomiji emerġenti u eluf mill-aħjar riċerkaturi u innovaturi tagħna marru jgħixu f'pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet huma aktar favorevoli. Skont stimi reċenti, il-kisba tal-mira tagħna li nonfqu 3 % tal-PGD tal-UE fuq ir-R&Ż sal-2020 tista' toħloq 3,7 miljun impjieg u żżid il-PGD annwali bi kważi EUR 800 biljun sal-2025[5]. Ftit wisq mill-SMEs innovattivi tagħna jikbru f'kumpaniji kbar. Għalkemm is-suq tal-UE huwa l-akbar wieħed fid-dinja, jibqa' frammentat u mhux biżżejjed favur l-innovazzjoni. Għalkemm is-settur tas-servizzi tagħna jirrappreżenta 70 % tal-ekonomija, is-servizzi intensivi tal-għarfien tagħna għadhom mhux żviluppati biżżejjed. Il-pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Korea t'Isfel qegħdin jirkupraw b'rata mgħaġġla u minn imitaturi qegħdin isiru mexxejja fl-innovazzjoni (ara t-tqabbil bejn l-UE u ċ-Ċina fl-Anness II). B'differenza mill-UE, qegħdin jużaw approċċ strateġiku biex joħolqu ambjent favur l-innovazzjoni. L-iżvilupp tagħhom joħloq opportunitajiet tas-suq kbar u potenzjal ta' kooperazzjoni ġdid, iżda wkoll pressjoni konsiderevoli fuq il-kumpaniji tagħna. Sadanittant, l-Istati Uniti u l-Ġappun ikomplu jmexxu lill-UE fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni. L-Unjoni Ewropea għandha bżonn tiffaċċja l-isfidi tagħha u tuża l-potenzjal xjentifiku u innovattiv kbir tagħha. L-UE għandha: - Tindirizza l-kundizzjonijiet ta' qafas mhux favorevoli : l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni qiegħed jiżamm lura u l-ideat mhumiex qegħdin jitħallew jilħqu s-suq minħabba disponibbiltà fqira ta' finanzi, ir-reġistrazzjoni ta' privattivi għalja, frammentazzjoni tas-suq, regolamenti u proċeduri skaduti, stabbiliment tal-istandards bil-mod u n-nuqqas tal-użu tal-akkwist pubbliku b'mod strateġiku. Barra minn hekk, l-ostakoli fis-suq uniku jagħmluha aktar diffiċli għall-atturi differenti biex jaħdmu flimkien bejn il-fruntieri, bl-użu u l-qsim ta' għarfien mis-sorsi kollha, li qiegħed isir aktar u aktar il-mod kif jiġu żviluppati l-innovazzjonijiet b'suċċess. - Tevita l-frammentazzjoni tal-isforz: sistemi ta' riċerka u innovazzjoni nazzjonali u reġjonali għadhom qegħdin jaħdmu fuq linji separati b'dimensjoni Ewropea marġinali biss. Dan iwassal għal duplikazzjoni u sovrapożizzjoni li jiswew il-flus u dan huwa inaċċettabbli f'dan iż-żmien ta' finanzi stretti. Billi nqassmu l-isforzi tagħna aħjar u niffokaw fuq l-eċċellenza, u billi noħolqu Żona Ewropea tar-Riċerka vera, l-UE tkun tista’ ttejjeb il-kwalità tar-riċerka u l-potenzjal tal-Ewropa li tagħmel skoperti ewlenin, filwaqt li titjieb l-effettività tal-investimenti meħtieġa biex l-ideat jitwasslu sas-suq. F'ambjent globali, l-Ewropa għandha wkoll tiżviluppa l-approċċ distint tagħha stess għall-innovazzjoni li jibni fuq il-qawwiet tagħha u tikkapitalizza fuq il-valuri tagħha billi - Tiffoka fuq l-innovazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-soċjetà li ġew identifikati fl-Ewropa 2020 , filwaqt li ssaħħaħ il-prominenza tagħna f'teknoloġiji ewlenin, tiġbor il-potenzjal li jistgħu joffru dawn l-iswieq għan-negozji innovattivi, u ttejjeb il-kompetittività tal-UE. L-innovazzjoni għandha ssir element ewlieni fil-politiki tal-UE u l-UE għandha tuża l-potenzjal qawwi tas-settur pubbliku f'oqsma bħall-enerġija u l-ilma, s-saħħa, it-trasport pubbliku u l-edukazzjoni, biex iġġib soluzzjonijiet ġodda lis-suq. - Issegwi kunċett wiesgħa tal-innovazzjoni , kemm l-innovazzjoni mmexxija mir-riċerka kif ukoll l-innovazzjoni f'mudelli tan-negozju, d-disinn, l-immarkar u s-servizzi li jżidu l-valur għall-utenti u fejn l-Europa għandha talenti uniċi. Il-kreattività u d-diversità tan-nies tagħna u s-saħħa tal-industriji kreattivi Ewropej, joffru potenzjal kbir għal tkabbir u impjiegi ġodda permezz tal-innovazzjoni, speċjalment għall-SMEs. - Tinvolvi lill-atturi u lir-reġjuni kollha fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni : mhux biss il-kumpaniji ewlenin iżda wkoll l-SMEs fis-setturi kollha, inkluż is-settur pubbliku, l-ekonomija soċjali u ċ-ċittadini nnifishom ('innovazzjoni soċjali'); mhux biss xi oqsma ta' teknoloġija għolja, iżda r-reġjuni kollha fl-Ewropa u kull Stat Membru, kull wieħed jiffoka fuq il-qawwiet tiegħu ("speċjalizzazzjoni intelliġenti") filwaqt li l-Ewropa, l-Istati Membri u r-reġjuni jaġixxu fi partenarjat. Barra minn hekk, billi l-kompetizzjoni mhux imxekkla u s-swieq kompetittivi li jaħdmu sewwa huma essenzjali għall-innovazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm infurzar strett tar-regoli tal-kompetizzjoni li jiżguraw l-aċċess għas-suq u opportunitajiet għal min jidħol ġdid. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew se jimmonitorja l-prestazzjoni tal-Ewropa fl-oqsma tematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020. L-ewwel valutazzjoni bħal din se tkun iddedikata lir-riċerka u l-innovazzjoni f'Diċembru 2010. Sabiex tinkiseb l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandu jkun hemm bidla radikali: Fid-dinja ta' wara l-kriżi, l-Ewropa għandha titbiegħed miż-"żamma tal- istatus quo " u tagħmel l-innovazzjoni l-għan prinċipali ta' politika tagħha. Dak li jinħtieġ sabiex l-ekonomija tal-UE tinbidel f'Unjoni tal-Innovazzjoni ġenwina huwa tmexxija politika, deċiżjonijiet sodi u implimentazzjoni determinata. L-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha biex toħloq "Unjoni tal-Innovazzjoni" awtentika sal-2020 billi: - Tieħu responsabbiltà kollettiva għal politika ta' riċerka u innovazzjoni strateġika, inklussiva u orjentata lejn in-negozju, biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, titqajjem il-kompetittività u jinħolqu impjiegi ġodda. Il-Kummissjoni se tirrifletti dan l-approċċ strateġiku għall-innovazzjoni fil-politiki kollha tagħha u tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jagħmlu l-istess. - Tipprijoritizza u tipproteġi l-investimenti fil-bażi ta' għarfien tagħna, tnaqqas il-frammentazzjoni li tiswa ħafna flus u tagħmel l-Ewropa post aktar sodisfaċenti għall-innovazzjoni u għat-twassil ta' ideat lis-suq. Id-data ta' skadenza 2014 għandha tiġi stabbilita għat-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. - Taqbel li tniedi partenarjati Ewropej ta' innovazzjoni, l-ewwel waħda fuq it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, biex jinqasmu r-riżorsi u l-kompetenzi biex jinsabu soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà u sabiex jinbena vantaġġ kompetittiv fis-swieq ewlenin. IT-TISħIħ TAL-BAżI TA' GħARFIEN U T-TNAQQIS TAL-FRAMMENTAZZJONI Il-promozzjoni tal-eċċellenza fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet Programmi kbar ta' edukazzjoni, taħriġ u promozzjoni ta' karrieri tar-riċerka u l-innovazzjoni ġew stabbiliti f'bosta pajjiżi madwar id-dinja. L-UE għandha tiżgura li għandha provvista biżżejjed ta' ħaddiema bi kwalifiki għoljin, li għandhom jiġu offruti karrieri attraenti u mobbiltà faċli madwar is-setturi u l-pajjiżi; għaliex jekk le l-investimenti u t-talenti innovattivi jmorru x'imkien ieħor[6]. Il-punt inizjali għall-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa li tinħoloq sistema ta' edukazzjoni eċċellenti u moderna fl-Istati Membri kollha. Għalkemm l-Ewropa għandha sistema bażika tal-edukazzjoni tajba meta mqabbla ma' bosta partijiet tad-dinja, għad hemm dgħufijiet sinifikanti fit-tagħlim tax-xjenza f'xi Stati Membri. Għad hemm ftit wisq tfajliet li jkomplu jistudjaw ix-xjenza sa livell avvanzat. Barra minn hekk, l-innovazzjoni issa hija meħtieġa f'kull aspett tal-ħajja: l-iskejjel għandhom jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha huma lesti li jiffaċċjaw din l-isfida. Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja hija wkoll urġenti. Il-maġġoranza tal-universitajiet Ewropej ma jattirawx biżżejjed talent dinji mill-aqwa, u hemm relattivament ftit li huma fil-pożizzjonijiet ta' quddiem fi klassifikazzjonijiet internazzjonali eżistenti. L-universitajiet Ewropej għandhom ikunu ħielsa minn regolamentazzjoni żejda u mikroġestjoni u minflok ikollhom responsabbiltà istituzzjonali sħiħa. L-universitajiet jeħtieġu wkoll aktar diversità fil-missjonijiet u l-perspettiva tagħhom, bi speċjalizzazzjoni aktar intelliġenti f'oqsma differenti. L-għadd ta' riċerkaturi fl-Ewropa bħala sehem tal-popolazzjoni huwa ħafna aktar baxx minn dak tal-Istati Uniti, il-Ġappun u pajjiżi oħrajn. L-UE se jkollha bżonn mill-inqas miljun impjieg ġdid fir-riċerka biex tilħaq il-mira ta' R&Ż ta' 3 %. L-għadd ta' riċerkaturi meħtieġ huwa sinifikament ogħla, għaliex ħafna riċerkaturi se jirtiraw matul l-għaxar snin li ġejjin. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom isaħħu l-kapaċità tagħhom li jattiraw u jħarrġu ż-żgħażagħ biex isiru riċerkaturi u joffru karrieri fir-riċerka li huma internazzjonalment kompettittivi biex iżommuhom fl-Ewropa u biex jattiraw l-aħjar nies minn barra. F'dan ir-rigward, il-boroż ta' studju Marie Curie taħt il-Programm Qafas dwar ir-Riċerka qegħdin ikollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-iżvilupp tal-ħiliet, il-mobbiltà u l-karrieri tar-riċerkaturi bejn il-fruntieri[7]. B'mod aktar wiesgħa, għandu jsir aktar sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas fil-ħiliet innovattivi u sabiex tiġi implimentata l-aġenda tal-ħiliet Ewropej fl-elettronika[8]. Dan huwa kruċjali biex jitħaffef l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' mudelli tan-negozju innovattivi minn impriżi Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs. In-negozji għandhom ukoll inkunu involuti aktar fl-iżvilupp tal-programmi ta' studju u fit-taħriġ li jwassal għal dottorat sabiex il-ħiliet ikunu jaqblu aktar mal-ħtiġijiet tal-industrija billi jibnu pereżempju fuq il-Forum tan-Negożju tal-Universitajiet[9]. Hemm eżempji tajbin ta' approċċi interdixxiplinarji f'universitajiet li jiġbru l-ħiliet li jvarjaw minn ħiliet fir-riċerka sa ħiliet fil-finanzi u n-negozju u minn ħiliet ta' kreattività u disinn sa ħiliet interkulturali[10]. Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 1. Sal-aħħar tal-2011, l-Istati Membri għandhom ikollhom stabbiliti strateġiji biex iħarrġu biżżejjed riċerkaturi biex jissodisfaw il-miri ta' R&Ż nazzjonali tagħhom u biex jippromwovu kundizzjonijiet ta' impjiegi attraenti f'istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi. Il-konsiderazzjonijiet bejn is-sessi u tal-karriera doppja għandhom jitqiesu fis-sħiħ f'dawn l-istrateġiji. 2. Fl-2011, fuq il-bażi tal-ħidma ta' tħejjija attwali[11], il-Kummissjoni se tappoġġa sistema ta' klassifikazzjoni internazzjonali multidimensjonali indipendenti biex tkejjel il-prestazzjoni tal-universitajiet . Dan se jippermetti li jiġu identifikati l-universitajiet Ewropej li għandhom l-ogħla prestazzjoni. Fl-2011 se jiġu proposti aktar passi f'Komunikazzjoni dwar ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja.Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-kollaborazzjonijiet bejn in-negozji u l-akkademji permezz tal-ħolqien ta' "Alleanzi ta' Għarfien" bejn l-edukazzjoni u n-negozju biex jiġu żviluppati programmi ta' studju ġodda li jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet ta' innovazzjoni (ara wkoll l-impenn 3 dwar il-ħiliet fl-elettronika). Dawn se jgħinu lill-universitajiet biex jimmodernizzaw rwieħhom lejn l-interdixxiplinarjetà, l-intraprendenza u partenarjati ta' negozju aktar b'saħħithom. 3. Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi qafas integrat għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' ħiliet fl-elettronika għall-innovazzjoni u l-kompetittività , ibbażat fuq is- partenarjati mal-partijiet interessati. Dan se jkun ibbażat fuq il-provvista u d-domanda, linji gwida pan-Ewropej għal programmi ta' studji ġodda, tikketti ta' kwalità għat-taħriġ ibbażat fuq l-industrija u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni. It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka Minħabba l-ħtieġa li jingħata valur lill-flus, huwa essenzjali li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet li jiswew il-flus u duplikazzjoni mhux meħtieġa fir-riċerka nazzjonali. Huwa essenzjali li tinħoloq Żona Ewropea tar-Riċerka ġenwinament unifikata, li fiha l-atturi kollha, kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati, ikunu jistgħu joperaw b'mod ħieles, jibnu alleanzi u jiġbru massa kritika sabiex jikkompetu u jikkooperaw fuq skala globali. Il-gruppi ta' rappreżentanti nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea qegħdin jaħdmu fuq ħames oqsma ewlenin: ir-riżorsi umani, il-programmi tar-riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, il-qsim tal-għarfien (ara t-taqsima 3.3) u l-kooperazzjoni internazzjonali tax-X&T (ara t-taqsima 6). Iżda r-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-aġenziji ta' finanzjament tal-Ewropa għadhom qegħdin jiffaċċjaw ħafna ostakoli legali u prattiċi li ma jħalluhomx joperaw b'mod ħieles, b'mod partikolari bejn il-fruntieri. It-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka hija ħtieġa legali. Il-Kunsill u l-Parlament għamlu sejħa għaliha. Il-progress għandu jitħaffef u jiġi ggwidat permezz ta' qafas komuni ta' prinċipji u għanijiet. L-Unjoni għandha tistabbilixxi d-data ta' skadenza għall-aħħar tal-2014 biex tikseb Żona Ewropea tar-Riċerka li taħdem sewwa. Is-sistema sħiħa ta' appoġġ għar-R&Ż saret wisq kumplessa fl-Ewropa. Il-benefiċjarji potenzjali qegħdin jiffaċċjaw għadd kbir ta' programmi nazzjonali u reġjonali u inizjattivi intergovernattivi kif ukoll proċeduri ta' finanzjament tal-UE. Ir-regoli u l-aġendi tal-għadd kbir ta' strumenti eżistenti mhumiex allinjati. Dan joħloq piż amministrattiv kbir u jista' jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni, b'mod partikolari mill-SMEs, u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri. Il-ħidma reċenti, li tinvolvi l-partijiet interessati u l-aġenziji ta' finanzjament, biex jiġu simplifikati l-proċeduri u l-kundizzjonijiet u jsiru koerenti ma' xulxin għandha tingħata prijorità għolja. Ir-riċerka u l-innovazzjoni rivoluzzjonarji jirrikjedu aktar u aktar infrastuttura ta' klassi dinjija. Dawn jattiraw it-talent globali fi gruppi innovattivi u huma art fertili essenzjali għall-ICT u t-teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet bħal pereżempju l-mikro u nanoelettronika, il-bijoteknoloġiji, materjali ġodda u l-manifattura avvanzata. Minħabba l-kumplessità, l-iskala u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tagħhom, ir-riżorsi meħtieġa biex jinbnew u jinħadmu għandhom jinġabru mill-Ewropa kollha u f'xi każijiet mid-dinja kollha. Sar żvilupp ewlieni permezz tal-Forum Ewropew ta' Strateġija dwar l-Infrastutturi tar-Riċerka (ESFRI), li qabel fuq prijoritajiet u investimenti katalizzati f'infrastrutturi ewlenin. Barra minn hekk sar ħafna progress fl-iskjerament tal-infrastrutturi tal-ICT għar-riċerka. Fil-kuntest tan-nuqqas ta' riżorsi pubbliċi, dawn l-investimenti għandhom jingħataw prijorità politika u għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' finanzjament ġodda. Barra minn hekk, l-infrastrutturi tar-riċerka għandhom ikomplu l-ftuħ tagħhom lir-riċerkaturi industrijali, u l-partenarjat magħhom, biex jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà u biex jappoġġaw l-kompetittività tal-UE. Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 4. Fl-2012, il-Kummissjoni se tipproponi qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u miżuri ta' appoġġ biex jitneħħew l-ostakoli għall-mobbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri , bil-mira li jidħlu fis-seħħ sal-aħħar tal-2014. B'mod partikolari se jippruvaw jiżguraw permezz ta' approċċ komuni: - il-kwalità tat-taħriġ li jwassal għad-dottorat, kundizzjonijiet attraenti tal-impjiegi u bilanċ bejn is-sessi fil-karrieri tar-riċerka; - il-mobbiltà tar-riċerkaturi bejn il-pajjiżi u s-setturi, inkluż permezz tar-reklutaġġ miftuħ fl-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi u fi strutturi simili tal-karrieri fir-riċerka u billi jiffaċilitaw il-ħolqien ta' fondi tal-pensjoni addizzjonali Ewropej; - it-tħaddim bejn il-fruntieri ta' organizzazzjonijiet li jagħmlu riċerka, l-aġenziji ta' finanzjament u fondazzjonijiet, inkluż billi jiżguraw is-sempliċità u l-koerenza reċiproka tar-regoli u l-proċeduri ta' finanzjament, billi jibnu fuq ix-xogħol tal-partijiet interessati, l-aġenziji ta' finanzjament u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom; - it-tixrid, it-trasferiment u l-użu tar-riżultati tar-riċerka, inkluż permezz tal-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u d-dejta minn riċerka ffinanzjata pubblikament; - il-ftuħ ta' infrastrutturi tar-riċerka mħaddmin mill-Istati Membri għall-komunità tal-utenti Ewropea kollha; kif ukoll - il-konsistenza tal-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali u l-azzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija. 5. Sal-2015, l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni għandhom ikunu lestew jew nedew il-bini ta' 60 % tal- infrastrutturi tar-riċerka Ewropej ta' prijorità li huma attwalment identifikati mill-Forum Ewropew ta' Strateġija dwar l-Infrastutturi tar-Riċerka (ESFRI) [12]. Il-potenzjal għall-innovazzjoni ta' dawn l-infrastrutturi (u tal-ICT u oħrajn) għandu jiżdied. L-Istati Membri huma mħeġġa li jirrevedu l-Programmi Operattivi tagħhom biex jiffaċilitaw l-użu tal-flus tal-politika ta' koeżjoni għal dan l-iskop. L-iffokar tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE kienu ta' għajnuna għall-UE billi ffokaw fuq l-eċċellenza fuq livell Ewropew. Is-suċċess tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka turi li dan huwa l-mod kif wieħed għandu jimxi 'l quddiem. Il-proċess ta' stabbiliment tal-prijoritajiet għall-parti tal-kooperazzjoni tal-Programm Qafas, li jinvolvi bosta partijiet interessati madwar l-Ewropa, jipprovdi valur miżjud uniku u bażi għall-prijoritajiet definiti f'bosta programmi tal-Istati Membri. Sar progress kbir ukoll fl-iżvilupp ta' partenarjati biex jiġi implimentat il-finanzjament tar-riċerka b'mod konġunt mal-Istati Membri u mal-industrija[13]. Fuq il-bażi ta' dawn l-iżviluppi, l-istrumenti ta' finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għandhom jiġu ggwidati biex jiffokaw fuq l-għanijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Għandu jissaħħaħ u jsir aktar koerenti l-appoġġ tal-katina sħiħa tar-riċerka u l-innovazzjoni, mir-riċerka mingħajr għan preċiż (blue sky) sal-adozzjoni tagħhom fis-suq. Il-finanzjament ta' opportunitajiet għandu jissodisfa l-ħtiġijiet ta' parteċipanti diversi, b'mod partikolari l-SMEs bil-potenzjal li jbiddlu r-riżultati f'prodotti u servizzi ġodda. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tad-dimensjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiġi riflessa fil-programmi ta' finanzjament tal-UE, inkluż il-Programm Qafas, il-Programm Qafas tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Fondi ta' Koeżjoni. Dawn għandhom ukoll jiġu kkoordinati aħjar fid-disinn u l-implimentazzjoni sabiex jiġu massimizzati l-impatt, il-faċilità tal-użu u l-valur miżjud tal-UE. Għad hemm lok għal simplifikazzjoni. Ir-riċerkaturi u l-innovaturi għandhom iqattgħu aktar żmien fil-laboratorju jew jagħmlu n-negozju u inqas fuq ix-xogħol ta' karti. Il-progress mgħaġġel huwa possibbli fir-rigward tal-Programm Qafas[14] jekk jittieħdu deċiżjonijiet malajr fuq il-proposti tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tar-Regolamenti Finanzjajri. Filwaqt li teknoloġija bħal pereżempju l-ivvjaġġar bl-ajru u t-telekomunikazzjonijiet biddlu l-ekonomiji fis-seklu 20, it-tkabbir qiegħed jitmexxa aktar minn teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet, bħall-eko, nano, bijo u info. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jaffettwaw l-oqsma kollha ta' ħajjitna u l-oqfsa regolatorji għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika b'informazzjoni trasparenti u l-involviment taċ-ċittadini. B'dan il-mod l-Ewropa tista' tiżgura l-fiduċja pubblika fl-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi u tipprovdi ambjent favorevoli għall-investiment. Dan għandu jiġi msaħħaħ permezz ta' kapaċità rinfurżata li tħares 'il quddiem (inlużi l-għarfien tal-ġejjieni, it-tbassir, il-valutazzjoni tat-teknoloġija u l-immudellar) Filwaqt li tali attivitajiet huma kontinwi fuq livelli differenti, għandhom jinġabru flimkien u jintużaw b'mod effettiv fit-tfassil tal-politika. 6. Il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE fil-ġejjieni se jiffokaw fuq l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u b'mod partikolari fuq l-Unjoni tal-Innovazzjoni . Fl-2011, b'ħarsa 'l quddiem għall-perspettivi finanzjarji li jmiss, il-Kummissjoni se tistabbilixxi modi biex il-programmi futuri jiffokaw aktar fuq sfidi soċjali, tissimplifika strumenti ta' finanzjament u tissimplifika radikalment l-aċċess permezz ta' bilanċ aħjar bejn sistema bbażata fuq il-kontroll u sistema bbażata fuq il-fiduċja . Ir-rwol tal-KER fil-promozzjoni tal-eċċellenza għandu jissaħħaħ u l-prijoritajiet mmexxija mill-industrija għandhom ikunu rinfurzati (inklużi l-partenarjati immexxija mill-industrija f'oqsma bħal pereżempju t-teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet) fil-Programm Qafas tar-riċerka 7. Il-Kummissjoni se tfassal programmi ta' riċerka u innovazzjoni futuri tal-UE - biex tiżgura l-aċċess sempliċi u involviment akbar tal-SMEs, b'mod partikolari dawk b'potenzjal għoli ta' tkabbir. Għandu jsir aktar użu tal-partenarjati mal-aġenziji tal-Istat Membri, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-esperjenza tal-inizjattiva Eureka Eurostars. 8. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-bażi tax-xjenza għat-tfassil tal-politika permezz taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka. Il-Kummissjoni se toħloq ukoll " Forum Ewropew dwar l-Attivitajiet li Jħarsu 'l Quddiem " filwaqt li tiġbor flimkien studji u dejta eżistenti u tinvolvi l-partijiet interessati pubbliċi u privati biex ittejjeb il-bażi ta' evidenza tal-politiki. Il-Promozzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) bħala mudell tal-governanza tal-innovazzjoni fl-Ewropa Il-ħolqien tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ipprovda impetu qawwi ġdid biex jiġu integrati t-tliet naħat tat-"trijangolu tal-għarfien" (l-edukazzjoni, ir-riċerkat u l-innovazzjoni) għall-ewwel darba fuq livell tal-UE billi jippromwovi mudelli ġodda ta' governanza u finanzjament. Huwa pijunier u mudell għall-istimulazzjoni tal-innovazzjoni fl-Ewropa. Billi jkopri l-katina sħiħa tal-innovazzjoni, il-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tiegħu (KIC) għandhom l-għan li jġiegħlu lill-aħjar imsieħba kreattivi u innovattivi fid-dinja mir-riċerka, min-negozji u mill-akkademji jaħdmu flimkien fuq sfidi soċjetali ewlenin L-EIT għalhekk se trawwem ir-riċerka mmexxija mill-innovazzjoni kif ukoll il-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozji, inkluż permezz tal-edukazzjoni imprenditorjali, li se tiġi rikonoxxuta f'lawrji multidixxiplinarji "immarkati mill-EIT" li se jagħtu l-universitajiet imsieħba fi ħdan il-KIC. Il-finanzjament flessibbli ġdid ta' attivitajiet imprenditorjali ta' riskju għoli u s-self ta' fondi filantropiċi għall-appoġġ tal-innovazzjoni se jiġi żviluppat mill-Fondazzjoni EIT. Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 9. Sa nofs l-2011, l-EIT għandu jistabbilixxi Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni biex jespandi l-attivitajiet tiegħu bħala wirja tal-Innovazzjoni fl-Ewropa. Dan għandu jistabbilixxi l-iżvilupp tiegħu fuq żmien twil fi ħdan l-Unjoni tal-Innovazzjoni, inkluż il-ħolqien ta' KIC ġodda, rabtiet fil-qrib mas-settur privat u rwol aktar b'saħħtu fl-intraprendenza. Għandu wkoll jibni fuq il-Fondazzjoni EIT li se tiġi stabbilita fl-2010 u fuq l-introduzzjoni fl-2011 tal-"lawrja EIT" bħala tikketta ta' eċċellenza rikonoxxuta internazzjonalment. IL-KISBA TA' IDEAT TAJBIN GħALL-KUMMERċJALIZZAZZJONI L-intraprendituri tal-Ewropa attwalment qegħdin jiffaċċjaw ħafna ostakoli u kundizzjonijiet ta' qafas ħżiena biex iġibu ideat tajbin għall-kummerċjalizzazzjoni. Fuq livell Ewropew, din il-katina ta' ostakoli għandha titneħħa b'mod sistematiku u għandu jinħoloq suq uniku għall-innovazzjoni. It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji innovattivi L-Ewropa għandha tinvesti fl-iżvilupp ta' ideat tajbin. Dan huwa primarjament ir-rwol tas-settur privat. Għaldaqstant l-Ewropa tinvesti madwar EUR 15 biljun fis-sena inqas f'kapital ta' riskju mill-Istati Uniti u jeħtieġ investiment ta' EUR 100 biljun aktar fir-R&Ż tan-negozju kull sena sabiex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PGD[15]. Il-banek iġibuha bi tqila biex iselfu lil kumpaniji bbażati fuq l-għarfien li jonqoshom il-kapital ta' garanzija. Il-kriżi finanzjarja ggravat is-sitwazzjoni. Hemm għadd ta' diskrepanzi kbar fis-suq. Matul it-trasferiment tat-teknoloġija u l-fażi tal-bidu, il-kumpaniji qegħdin jiffaċċjaw "ħondoq tal-mewt" fejn l-għotjiet pubbliċi għar-riċerka jieqfu u mhuwiex possibbli li jiġi attirat il-finanzjament privat. L-appoġġ pubbliku bl-għan li jsaħħaħ il-fondi ta' tnedija u tal-bidu biex titneħħa din id-diskrepanza attwalment huwa wisq frammentat u intermittenti jew il-ġestjoni tiegħu jonqosha l-kompetenza meħtieġa. Il-kumpaniji innovattivi bil-potenzjal li jespandu fi swieq internazzjonali għandhom aċċess limitat għall-finanzjament tat-tkabbir mill-kapital ta' riskju. Il-maġġoranza tal-fondi tal-kapital ta' riskju fl-Ewropa huma żgħar wisq biex jappoġġaw t-tkabbir kontinwu ta' kumpaniji innovattivi u ma għandhomx il-massa kritika biex jispeċjalizzaw u joperaw fuq livell transnazzjonali. L-Ewropa għandha bżonn ittejjeb is-suq tal-kapital ta' riskju tagħha billi toħloq inċentivi għall-investiment u billi ttejjeb ir-regolamentazzjoni. Bosta kumpaniji innovattivi stabbiliti - kemm il-kbar kif ukoll iż-żgħar - qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta' self ta' riskju ogħla. Il-banek ma għandhomx l-abbiltà li jagħtu valur lill-assi ta' għarfien, bħal pereżempju l-proprjetà intellettwali, u għalhekk ħafna drabi ma jkunux iridu jinvestu f'kumpaniji bbażati fuq l-għarfien. Jeħtieġ ukoll self biex jgħin fil-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura ewlenin. Jeħtieġ l-użu intelliġenti ta' partenarjati pubbliċi privati kif ukoll bidliet fil-qafas regolatorju sabiex jiġu eliminati dawn id-diskrepanzi, u biex l-Ewropa ssir post attraenti biex wieħed jinvesti fl-innovazzjoni. L-ostakoli kollha li fadal għall-fondi ta' kapitali ta' riskju li joperaw bejn il-fruntieri għandhom jitneħħew. L-elenkar tal-istokk tal-kumpaniji innovattivi għandu jiġi ssimplifikat biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital[16]. Il-linji gwida dwar il-Kapital ta' Riskju tal-għajnuna tal-Istat jippermettu lill-Istati Membri jeliminaw id-diskrepanzi fil-finanzi disponibbli fis-suq. Id-daqs tad-diskrepanza tal-likwidità qiegħed jiġi vvalutat mill-ġdid biex jiġi żgurat li huwa xieraq għall-kundizzjonijiet attwali. Fuq livell tal-UE, il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji attwali skont l-FP7 (RSFF) u l-istrumenti finanzjarji tal-Programm Qafas tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)[17] għenu investimenti ta' valur ta' ħafna aktar minn għoxrin darba l-kontribuzzjoni mill-Baġit tal-UE[18], u ma setgħux jilħqu mad-domanda. Il-pożizzjoni tal-kompetenza u tas-suq tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-ġestjoni ta' dawn l-istrumenti finanzjarji kien fattur ewlieni fis-suċċess tagħhom. Il-proposti tal-Kummissjoni għal bidliet fir-Regolamenti Finanzjarji se jissimplifikaw l-implimentazzjoni ta' skemi futuri ta' dan it-tip. Kif indikat fl-istrateġija Ewropa 2020, jista' jkun hemm opportunitajiet biex jiddaħħlu aktar mekkaniżmi ta' inċentiv innovattivi marbuta mas-suq tal-karbonju, l-aktar għal dawk il-prodotti li jinbiegħu malajr. Din l-idea se tiġi investigata aktar mill-Kummissjoni. Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 10 Sal-2014: fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, l-UE għandha tistabbilixxi strumenti finanzjarji biex tattira żieda kbira fil-finanzjament privat u telimina d-diskrepanzi tas-suq fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE għandhom joħolqu effet ta' spinta kbira u jespandu fuq is-suċċess tal-FP7 u s-CIP. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, l-intermedjarji finanzjarji nazzjonali u investituri privati biex tiżviluppa proposti li jindirizzaw id-diskrepanzi kritiċi li ġejjin: (i) l-investiment fit-trasferiment tal-għarfien u fl-impriżi li għandhom jibdew; (ii) il-kapital ta' riskju għal ditti li qegħdin jikbru malajr u li qegħdin jespandu fis-swieq tal-UE u dawk globali; (iii) it-tqassim tar-riskju finanzjarju għall-investimenti fir-R&Ż u l-proġetti ta' innovazzjoni; u (iv) is-self għall-SMEs innovattivi li qegħdin jikbru malajr u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-proposti se jiżguraw effett ta' spinta kbir, ġestjoni effiċjenti u aċċess sempliċi għan-negozji. 11. Sal-2012, il-Kummissjoni se tiżgura li l-Fondi tal-Kapital ta' Riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jaħdmu u jinvestu b'mod ħieles fl-UE (jekk meħtieġ billi jadottaw sistema leġiżlattiva ġdida). Hija se tagħmel l-aħjar li tista' biex telimina kwalunkwe trattament tat-taxxa li mhuwiex favorevoli għall-attivitajiet ta' bejn il-fruntieri. 12. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ it-tqabbil bejn il-fruntieri ta' ditti innovattivi b'investituri xierqa. Hija se taħtar figura ewlenija biex tmexxi l-proċess. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Forum tal-Finanzi tal-SMEs, il-Kummissjoni se tiffoka inter-alia fuq il-problemi ta' finanzjament partikolari li jiffaċċjaw il-kumpaniji żgħar u innovattivi. 1 3. Fl-2011, il-Kummissjoni se tmexxi reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-għajnuna tal-Istat għall-qafas tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni filwaqt li tiċċara liema forom ta' innovazzjoni jistgħu jiġu appoġġati b'mod xieraq, inkluż għat-teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet u l-innovazzjonijiet li jindirizzaw sfidi soċjali ewlenin, u l-aħjar użu tagħhom mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effikaċja tal-miżuri temporanji tal-għajnuna tal-Istat li ġew introdotti fl-2008, inkluża ż-"żona sikura" miżjuda għall-investimenti ta' kapital ta' riskju, u fuq din il-bażi tagħmel il-proposti meħtieġa. Il-ħolqien ta' suq ta' innovazzjoni uniku Id-daqs biss tas-suq uniku, appoġġat minn konsumaturi li ngħataw is-setgħa, għandu jattira investimenti u negozji innovattivi, iqanqal il-kompetizzjoni għall-aħjar innovazzjonijiet, u jippermetti l-intraprendituri jikkumerċjalizzaw innovazzjonijiet b'suċċess u jkabbru n-negozju tagħhom malajr. Madankollu, ir-realtà hija wisq ta' spiss waħda ta' swieq nazzjonali frammentati bi proċeduri li jiswew il-flus. Qiegħed jitressaq Att dwar Suq Uniku biex jindirizza l-ostakoli li fadal għall-funzjonament tas-suq intern. Kwistjoni kritika għall-investimenti tal-innovazzjoni fl-Ewropa hija l-ispiża u l-kumplessità tar-reġistrazzjoni ta' privattivi. Il-kisba ta' protezzjoni ta' privattiva għas-27 Stat Membru tal-UE kollha hija attwalment 15-il darba aktar għalja mill-protezzjoni ta' privattiva fl-Istati Uniti[19], l-aktar minħabba miżati ta' traduzzjoni u miżati legali. In-nuqqas ta' privattiva tal-UE mhux għalja u sempliċi huwa żvantaġġ għall-innovazzjoni. Il-Privattiva tal-UE saret simbolu tal-falliment tal-Ewropa fl-innovazzjoni. Dan jista' jiffranka ammont stmat ta' EUR 250 miljun lin-negozji innovattivi u għandu jiġi adottat mingħajr dewmien, bħala prova li l-UE hija serja dwar il-fatt li ssir Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-potenzjal tas-suq uniku għandu wkoll jiġi attivat permezz ta' politiki li jistimulaw id-domanda għall-innovazzjoni, l-ewwelnett b' politika ta' kompetizzjoni effettiva. Filwaqt li l-maġġoranza tal-inizjattivi tal-politika tal-UE preċedenti ffokat fuq miżuri tal-attività tal-offerta li ppruvaw jagħtu spinta lill-innovazzjoni, il-miżuri tal-attività tad-domanda jagħtu lis-swieq rwol akbar fil-"ġibda" tal-innovazzjoni tal-UE billi jipprovdu opportunitajiet tas-suq. Ittieħdu passi inizjali skont l-Inizjattiva ta' Swieq Gwida għall-UE iżda huwa meħtieġ approċċ aktar kunfidenti li jassoċja n-naħat tal-offerta u tad-domanda. Regolamentazzjoni intelliġenti u ambizzjuża tista' tkun mutur ewlieni għall-innovazzjoni, b'mod partikolari meta jintużaw l-approċċi dinamiċi u dawk ibbażati fuq is-suq. Dan huwa partikolarment importanti għall-eko-innovazzjoni. Miri u standards ambjentali aktar stretti, pereżempju dwar l-emiissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi, li jistabbilixxu għanijiet ta' sfida u jipprovdu tbassir fuq żmien twil, jipprovdu spinta kbira għall-eko-innovazzjoni. Regoli armonizzati għall-approvazzjonijiet ta' prodotti huma ta' spiss essenzjali. Pereżempju, mingħajr ir-regoli li jiżguraw l-approvazzjoni tat-tip, l-introduzzjoni ta' vetturi ekoloġiċi fit-toroq Ewropej ma tistax isseħħ. L-istandards għandhom rwol importanti għall-innovazzjoni. Permezz tal-kodifikar tal-informazzjoni dwar l-istat ta' teknoloġija partikolari, dawn jippermettu tixrid ta' għarfien, l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u servizzi ġodda u jipprovdu pjattaforma għal aktar innovazzjoni. Pereżempju, il-ftuħ tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet flimkien mal-istandard GSM stabbilixxew is-sisien għas-suċċess tal-Ewropa fit-telefowns ċellulari. Madankollu, l-istandards jaqdu dan l-irwol utli biss jekk iżommu l-pass mal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda. It-tqassir ta' ċikli mgħaġġla ta' innovazzjoni u l-konverġenza tat-teknoloġiji li jaqsmu l-konfini tat-tliet organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej huma sfida partikolari. Jekk ma tkunx tista' tadatta, is-sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni tkun qed tissogra li ssir irrelevanti bil-kumpaniji iduru minflok għal strumenti oħra (kif jidher fis-settur ICT) jew agħar minn hekk - tista' tibda taħdem bħala ostaklu għall-innovazzjoni. Sistema dinamika tal-istandardizzazzjoni hija wkoll prekundizzjoni għall-UE biex tippriżerva u tkompli ssaħħaħ l-impatt tagħha fuq it-twaqqif ta' standards fil-livell globali, fejn pajjiżi oħra qed ifittxu dejjem aktar li jistabbilixxu r-regoli. Il-klijenti l-kbar għandhom rwol kruċjali fl-istimulazzjoni u l-finanzjament tal-kumpaniji tat-teknoloġija għolja. L-Istati Uniti jonfqu mill-inqas 49 biljun dollaru fis-sena[20] fuq l-akkwist prekummerċjali (jiġifieri l-akkwist tar-Riċerka u l-Iżvilupp), u parti minnu permezz tal-programm SBIR ( Small Business Innovation Research ). [21] Jonfqu saħansitra aktar fuq akkwisti ta' innovazzjoni lil hinn mir-Riċerka u l-Iżvilupp (teknoloġiji ġodda, prodotti u servizzi). L-akkwist pubbliku jammonta għal madwar 17 % tal-PGD tal-UE. Dan jirrappreżenta suq importanti, partikolarment f'oqsma bħas-saħħa, it-trasport u l-enerġija. . Allura, l-Ewropa għandha l-opportunità enormi u sa ċertu punt injorata li tistimola l-innovazzjoni permezz tal-akkwist. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi huwa vitali biex jittejbu il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi fi żmien ta' limitazzjonijiet baġitarji. Madankollu hija biss parti żgħira mill-akkwist pubbliku fl-Ewropa li hija mmirata lejn l-innovazzjoni, minkejja l-opportunitajiet skont id-direttivi ta' akkwist tal-UE. Dan huwa dovut għal firxa ta' fatturi, bħal: inċentivi li jiffavorixxu soluzzjonijiet ta' riskju baxx; nuqqas ta 'għarfien u kapaċitajiet fir-rigward ta' kuntratti b'suċċess ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet; u skonnessjoni bejn l-akkwist pubbliku u l-għanijiet tal-politika. Dan jista' jiġi indirizzat aħjar permezz ta' gwida u l-qsim tal-aħjar prattika, notevolment fil-qasam tal-akkwist pubbliku ekoloġiku. Barra minn hekk, minħabba li s-swieq ta' akkwist pubbliku għadhom frammentati madwar l-Ewropa, l-akkwisti spiss jonqsu milli jilħqu l-iskala kritika meħtieġa biex jiġu xprunati l-investimenti innovattivi. Diversi Stati Membri qed joħorġu b'modi ġodda biex jappoġġaw l-innovazzjoni permezz ta' akkwist prekummerċjali u approċċi li jadattaw l-iskema ta' suċċess US SBIR għall-kuntest tal-UE.[22] Ir-riżultati kienu inkoraġġanti, b'mod partikolari għall-SMEs (għalkemm il-kuntratti mhumiex limitati biss għal SMEs). Jekk dan l-approċċ jista' jiġi applikat b'mod aktar wiesa' u flimkien ma' akkwist konġunt bejn l-entitajiet kontraenti differenti, jistgħu jinħolqu swieq enormi li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u negozji innovattivi ġodda. L-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 14. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jadottaw il-proposti dwar il-privattiva tal-UE, ir-reġim lingwistiku tagħha u s-sistema unifikata ta' soluzzjoni għat-tilwim. L-għan huwa li l-ewwel privattivi tal-UE jingħataw fl-2014. 15 B'bidu mill-2011: L-UE u l-Istati Membri għandhom iwettqu testijiet tal-qafas regolatorju fl-oqsma ewlenin, billi jibdew minn dawk marbuta mal-ekoinnovazzjoni u mal-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea (ara t-taqsima li jmiss). Dan se jidentifika r-regoli li jeħtieġu li jiġu mtejba jew aġġornati u/jew regoli ġodda li għandhom jiġu implimentati sabiex jipprovdu inċentivi biżżejjed u kontinwi biex jixprunaw l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar kif l-aħjar jiġi organizzat dan l-eżerċizzju ta' skrining. 16. Kmieni fl-2011, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva dwar l-istandardizzazzjoni, li ser tkopri fost l-oħrajn is-settur tal-ICT, sabiex jitħaffef u jiġi mmodernizzat it-twaqqif ta' standards li jippermettu l-interoperabilità u jrawmu l-innovazzjoni fis-swieq globali li mixjin b'pass mgħaġġel . Dan se jingħaqad ma' programm multiannwali biex ikunu antiċipati bżonnijiet ġodda tal-istandardizzazzjoni u l-integrazzjoni ta' standards fil-proġetti tar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-Programm Qafas għar-riċerka. Il-Komunikazzjoni se teżamina wkoll għażliet li jiżguraw f'perspettiva aktar fit-tul li s-sistema ta' standardizzazzjoni hija kapaċi tadatta għall-ambjent li qiegħed jevolvi malajr u tikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi interni u esterni tal-Ewropa (relatati, fost oħrajn, għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku), inkluż permezz tat-tnedija ta' reviżjoni indipendenti. 17. Sa mill-2011, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom mwarrba baġits dedikati għall-akkwisti prekummerċjali u l-akkwisti pubbliċi ta' prodotti u servizzi innovattivi (inklużi dawk definiti Partenarjati tal-Innovazzjoni, ara Taqsima 5). Din għandha toħloq swieq tax-xiri madwar l-UE li jibdew minn mill-inqas € 10 biljun fis-sena għal innovazzjonijiet li jtejbu l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi soċjetali ewlenin. L-għan għandu jkun li jinkisbu swieq ta' akkwist innovattiv ekwivalenti għal dawk fl-Istati Uniti. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u tistabbilixxi mekkaniżmu ta' appoġġ (finanzjarju) li jgħin lill-awtoritajiet kontraenti biex jimplimentaw dawn l-akkwisti b'mod mhux diskriminatorju u miftuħ, biex jgħaqqdu d-domanda, biex ifasslu l-speċifikazzjonijiet komuni, u biex jippromwovu l-aċċess għall-SMEs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se toffri gwida dwar l-implimentazzjoni tal-akkwisti konġunti bejn l-entitajiet kontraenti skont id-direttivi attwali dwar l-akkwist pubbliku u tuża l-evalwazzjoni ġenerali kontinwa tad-direttivi attwali sabiex teżamina l-opportunità li tintroduċi regoli addizzjonali biex tiffaċilita l-akkwisti konġunti transkonfinali. 18. Sa kmieni fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta l-pjan ta' azzjoni tal-ekoinnovazzjoni msejjes fuq l-Unjoni tal-Innovazzjoni u ffukat fuq x-xkiel, l-isfidi u opportunitajiet speċifiċi għall-kisba ta' objettivi ambjentali permezz ta’ innovazzjoni Promozzjoni ta' sinċerità u kapitalizzazzjoni fuq il-potenzjal kreattiv tal-Ewropa Il-kumpaniji huma innovattivi b'modi differenti. Filwaqt li xi wħud iwettqu r-Riċerka u l-Iżvilupp u jiżviluppaw teknoloġiji ġodda, bosta jibbażaw ħafna mill-innovazzjonijiet tagħhom fuq teknoloġiji eżistenti jew jiżviluppaw mudelli ġodda tan-negozju jew servizzi mmexxija mill-utenti u l-fornituri, jew fi ħdan raggruppamenti jew netwerks. Il-politiki għalhekk iridu jitfasslu biex jappoġġaw il-forom kollha ta' innovazzjoni, mhux biss l-innovazzjoni teknoloġika. Jistgħu wkoll jinħtieġu metodi speċifiċi għas-servizzi innovattivi b'potenzjal ta’ tkabbir għoli, partikolarment fl-industriji kulturali u kreattivi[23]. Id-disinn huwa ta' importanza partikolari u huwa rikonoxxut bħala dixxiplina ewlenija u attività li tressaq l-ideat fis-suq, billi tittrasformahom fi prodotti attraenti u faċli għall-utent. Minkejja li xi pajjiżi Ewropej huma mexxejja dinjija fid-disinn, oħrajn għandhom nuqqas ta' infrastruttura soda ta' disinn u nuqqas ta' kapaċità fid-disinn fil-kumpaniji u l-iskejjel tal-inġinerija. Din id-differenza sistemika baqgħet 'il biċċa l-kbira inosservata iżda issa trid tiġi indirizzata. Peress li l-problemi qed isiru dejjem aktar kumplessi, u l-ispejjeż tal-innovazzjoni qed jiżdiedu, id-ditti qed jitħeġġu dejjem aktar biex jikkollaboraw. Filwaqt li dawn għadhom iwettqu l-iżvilupp lokalment, dan huwa ħafna drabi kkomplimentat b'attivitajiet biex jiġu identifikati, irrikonoxxuti u ttrasferiti l-ideat minn sorsi esterni, bħall-universitajiet jew start ups. Huma ġieli jingħaqdu għall-innovazzjonijiet ma' utenti u konsumaturi sabiex jissodisfaw aħjar il-bżonnijiet tagħhom jew joħolqu rotot ġodda għas-suq. Din it-tendenza qed tiġi alimentata min-netwerking soċjali u l-isħaba (cloud), l-ikkompjuterizzar mobbli u kollaborattiv u qiegħda tinxtered fost is-setturi tal-manifattura u servizzi. Hija wkoll għandha implikazzjonijiet kbar għar-riċerka, ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-gvern innifsu. Dawn it-tendenzi għall-innovazzjoni kollaborattiva u miftuħa għandhom implikazzjonijiet ta' politika ewlenin. Filwaqt li huwa importanti li jinstab bilanċ ġust bejn l-iffaċilitar tat-tixrid tal-għarfien u li jiġu pprovduti inċentivi biżżejjed għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni temmen li dawn ix-xejriet se jġibu magħhom benefiċċji ekonomiċi u soċjali fit-tul u għandhom jiġu appoġġati. Huwa għalhekk iktar importanti minn qatt qabel li tingħata l-hekk imsejħa "il-ħames libertà", li mhux biss hija l-moviment ħieles tar-riċerkaturi iżda wkoll il-moviment liberu tal-ideat dwar l-innovazzjoni miftuħa. L-innovazzjoni verament miftuħa teħtieġ is-senserija, l-intermedjarji u netwerks fejn l-atturi kollha jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ugwali. Clusters kompetittivi internazzjonalment għandhom rwol vitali biex jiġbru flimkien - fiżikament u b'mod virtwali - il-kumpaniji kbar u l-SMEs, l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u l-komunitajiet ta' xjentisti u l-prattikanti għall-iskambju tal-għarfien u l-ideat. It-trasferiment ta' għarfien bejn in-negozji u l-akkademja għandu jissaħħaħ, u jitħeġġeġ biex isir b'mod transnazzjonali. L- Enterprise Europe Network jipprovdi trasferiment transnazzjonali tat-teknoloġija, senserija u servizzi oħra ta' appoġġ u innovazzjoni marbuta man-negozju u jgħin lill-SMEs li jaħdmu internazzjonalment. Dan għandu jkun rinfurzat u mtejjeb aktar. Ir-riżultati ta' riċerka ffinanzjata mill-pubbliku għandhom isiru iżjed aċċessibbli u disponibbli. Is-sistemi ta' informazzjoni ta' riċerka għandhom jiġu mtejba, illinkjati, u jsiru aktar interoperabbli, inkluż mad-database tat-trasferiment tat-teknoloġija BBS tal- Enterprise Europe . L-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku għandha tkun aktar disponibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni (kif propost skont l-Aġenda Diġitali, li biha l-Kummissjoni tippjana li fl-2012 tadotta reviżjoni ambizzjuża tal-Użu mill-ġdid tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku). Kwistjoni ewlenija hija kif jistgħu jiżdiedu l-flussi ta', u għalhekk l-benefiċċji mid-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRs, inkluż privattivi, id-disinn u d-drittijiet tal-awtur). Filwaqt li l-Privattiva tal-UE għandha tnaqqas b'mod drammatiku l-ispiża tal-privattivi fl-Ewropa, partikolarment għall-SMEs, il-benefiċċji ekonomiċi jgħaddu mill-isfruttament tal-IPRs fi prodotti u servizzi innovattivi. Dan huwa kritiku f'setturi bħal semikondutturi u telekomunikazzjonijiet fejn kumpaniji jeħtieġu li jgħaqqdu flimkien ħafna teknoloġiji eżistenti u għalhekk jeħtieġu drittijiet ta' aċċess għal firxa ta' IPRs. Is-swieq għan-negozjar tal-IPRs iridu jsiru inqas mċajpra u frammentati hekk li x-xerrejja u l-bejjiegħa tal-IPR jistgħu isibu lil xulxin b'mod effiċjenti, l-investimenti finanzjarji isiru fl-assi fl-IPR, u t-tranżazzjonijiet iseħħu fuq termini ġusti. Minkejja li numru ta' inizjattivi qed jitfaċċaw kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll internazzjonalment[24], dawn għandhom jiġu żviluppati fuq skala Ewropea għall-effiċjenza massima u biex jieħdu vantaġġ minn ekonomiji ta' skala u ambitu. Dawn is-swieq ta' għarfien għandhom ikunu miftuħa għal parteċipanti ġodda u jinfetaħ il-potenzjal tal-IPRs mhux sfruttati li jinsabu fl-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka u l-kumpaniji. Dan jista' jiġġenera flussi ġodda ta' dħul maġġuri, li jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fir-riċerka, u b'hekk jinħoloq ċiklu virtwuż. Lil hinn mill-appoġġ PI li huwa attwalment ipprovdut permezz tal-IPR Helpdesk u l-kooperazzjoni ma' uffiċċji nazzjonali tal-privattivi, l-SMEs għandhom bżonn assistenza aktar b'saħħitha għall-użu effiċjenti ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u industrijali biex ikunu fuq l-istess pjattaforma ma' kumpaniji ikbar. Biex jaħdmu b'mod effettiv is-swieq tal-għarfien, ir-relazzjoni bejn il-proprjetà intellettwali u politika tal-kompetizzjoni teħtieġ li tiġi kkunsidrata fil-fond. Dan għandu għadd ta’ aspetti. L-ewwel, l-ambitu ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-kwalità għolja tal-privattivi mogħtija fl-Ewropa għandhom jinżammu biex ikun żgurat li d-drittijiet legali jkunu definiti b'mod ċar. It-tieni, għalkemm l-arranġamenti kollaborattivi IPR (cross-liċenzjar, pools ta' privattivi, eċċ.) ġeneralment ikollhom impatt pożittiv, jeħtieġ ukoll li jiġu eżaminati biex jiġi żgurat li ma jintużawx b'mod antikompetittiv. It-tielet, il-proċessi li jiffissaw l-standards jeħtieġu regoli ċari għall-IPR sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn kumpanija tista' tikseb poter inġust fis-suq billi tinkorpora IPRs proprjetarji fi standard. Impenni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 19. Fl-2011, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi Bord Ewropew ta' Tmexxija fid-Disinn li se jkunu mistieden biex jagħmel proposti fi żmien sena li jsaħħu l-irwol tad-disinn fil-politika tal-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-UE u/jew programmi nazzjonali, u tikketta għad-"Disinn Ewropew ta' Eċċellenza". Bħala parti mis-segwitu għall-Green Paper dwar industriji kulturali u kreattivi, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Alleanza Ewropea għall-Industriji Kreattivi biex jiġu żviluppati forom ġodda ta’ appoġġ għal dawn l-industriji u tippromwovi l-użu usa' tal-kreattività minn setturi oħrajn. 20. Il-Kummissjoni se tippromwovi aċċess miftuħ għar-riżultati ta' riċerka ffinanzjata mill-pubbliku. Dan se jimmira li jiftaħ l-aċċess għall-pubblikazzjonijiet il-prinċipju ġenerali għal proġetti ffinanzjati mill-Programmi ta' Qafas tar-Riċerka tal-UE. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta' servizzi intelliġenti dwar l-informazzjoni tar-riċerka li jistgħu jitfittxu b'mod komplet u jippermettu li r-riżultati minn proġetti ta' riċerka jkunu aċċessibbli faċilment. 21. Il-Kummissjoni se tiffaċilita r-riċerka kollaborattiva effettiva u t-trasferiment tal-għarfien fi ħdan il-Programmi ta' Qafas għar-riċerka u lil hinn. Hija se taħdem mal-partijiet interessati sabiex tiżviluppa sett ta' ftehimiet mudell ta' konsorzju b'għażliet li jvarjaw minn approċċi tradizzjonali sabiex jiġi protett l-PI sa dawk aktar miftuħa. Jinħtieġu wkoll mekkaniżmi biex jissaħħu aktar l-uffiċċji tat-trasferiment tal-għarfien fl-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi, b'mod partikolari permezz ta' kollaborazzjoni transnazzjonali. 22. Sa tmiem l-2011, b'ħidma mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tagħmel proposti biex jiġi żviluppat suq ta' għarfien Ewropew għall-privattivi u l-liċenzji . Dan għandu jibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri fin-negozjar tal-pjattaformi li jaqblu mal-provvista u d-domanda, fis-swieq li jippermettu l-investimenti finanzjarji fl-assi intanġibbli, u ideat oħra biex jinvigoraw il-proprjetà intellettwali ttraskurata, billi pereżempju jingħaqdu l-privattivi u s-senserija tal-innovazzjoni. 23. Il-Kummissjoni se teżamina r-rwol tal-Politika tal-Kompetizzjoni fis-salvagwardja kontra l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal skopijiet antikompetittivi . Din se tanalizza l-implikazzjonijiet tal-ftehimiet IPR kollaborattivi bħala parti mir-reviżjoni tagħha tal-applikazzjoni tar-regoli antitrust tagħha għal ftehim orizzontali bejn il-kumpaniji f'kompetizzjoni ma' xulxin. IT-TISħIħ TAL-KOEżJONI SOċJALI U TERRITORJALI It-tifrix tal-benefiċċji tal-Innovazzjoni madwar l-Unjoni L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tinvolvi r-reġjuni kollha. Il-kriżi finanzjarja qed ikollha impatt sproporzjonat fuq xi reġjuni anqas kapaċi u għalhekk qed tissogra li timmina l-konverġenza riċenti. [25] L-Ewropa għandha tevita l-"firda fl-innovazzjoni" bejn ir-reġjuni innovattivi l-iktar b'saħħithom u l-oħrajn. Il-Fondi Strutturali għandhom rwol kruċjali u diġà jipprovdu investimenti sostanzjali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Ġew programmati xi EUR 86 biljun għall-perjodu finanzjarju attwali (2007-13). Ħafna minn dawn il-fondi għadhom ma ntefqux u għandhom jintużaw b'mod aktar effettiv għall-innovazzjoni u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020. Bħalissa, hemm wisq fondi allokati lil proġetti li jikkoinċidu jew lil prijoritajiet fejn reġjun jonqsu s-saħħa relattiva. Ir-reġjuni għandhom bżonn jidderieġu mill-ġdid il-finanzjament ibbażat fuq approċċ ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u jiffokaw fuq is-saħħiet relattivi fejn jistgħu jsiru eċċellenti. Hemm għadd ta' modi oħra kif il-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv. Relattivament ftit huwa minfuq fil-ġbir ta' riżorsi u fil-kompetenza permezz ta' proġetti transnazzjonali[26], pereżempju għall-appoġġ tal-infrastrutturi tar-riċerka jew għall-emerġenza ta' clusters ta' klassi dinjija. Jista' jsir użu akbar ta' strumenti finanzjarji għall-finanzjament privat għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-akkwisti pubbliċi kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali għandhom jintużaw ukoll biex tiżdied id-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi. Il-Fondi Soċjali Ewropej jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid ta' nies bil-ħiliet meħtieġa għall-Unjoni tal-Innovazzjoni. Programmi fuq livell Ewropew biex jappoġġaw il-kooperazzjoni transreġjonali (eż. ir-Reġjuni ta' Għarfien FP7, inizjattivi ta' clusters ffinanzjati mis-CIP u Enterprise Europe Network , u operazzjonijiet ko-finanzjati skont il-programmi Kooperazzjoni Territorjali Ewropea) għandhom jiġu kkonsolidati biex jgħinu aħjar lil reġjuni u jżidu l-impatti fuq l-iżvilupp reġjonali. Barra minn hekk, għandu jkun hemm inċentivi fi programmi futuri għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ta' innovazzjoni ewlenin u dawk fi Stati Membri li għadhom iridu jlaħħqu magħhom. Impenni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 24. B'bidu mill-2011: L-Istati Membri għandhom itejbu konsiderevolment l-użu tagħhom tal-Fondi Strutturali eżistenti għal proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, jgħinu lin-nies jiksbu l-ħiliet meħtieġa, itejbu l-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali u jimplimentaw strateġiji intelliġenti ta 'speċjalizzazzjoni u l-proġetti transnazzjonali . Dan għandu japplika wkoll għall-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni għall-pajjiżi kandidati l-UE. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tassisti u se tuża r-riċerka reġjonali u l-inizjattivi cluster tagħħa biex tappoġġa din il-bidla u tistabbilixxi "pjattaforma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti" sal-2012, inkluż aktar appoġġ għall-emerġenza ta' clusters ta' klassi dinjija. Aktar dettalji jinsabu fil-Komunikazzjoni li takkumpanja. 25. L-Istati Membri għandhom jibdew il- preparazzjoni tal-programmi tal-Fond Strutturali post-2013 b'fokus akbar fuq l-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Ir-regolamenti futuri li jirregolaw l-operat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom ikomplu jimpenjaw riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-appoġġ ta' inizjattivi ta’ innovazzjoni fir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Iż-żieda tal-benefiċċji soċjali L-innovazzjoni soċjali hija qasam ġdid importanti li għandu jitrawwem. Huwa l-każ li tkun sfruttata l-inġenwità tal-karitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-imprendituri soċjali biex jinstabu modi ġodda biex jintlaħqu l-ħtiġijiet soċjali li mhumiex sodisfatti b'mod adegwat mis-suq jew mis-settur pubbliku. Jittratta wkoll l-isfruttament ta' din l-istess inġenwità biex jinkisbu bidliet fl-imġiba li huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali l-kbar, bħall-bidla fil-klima. Barra li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali, u jindirizzaw l-isfidi soċjetali, l-innovazzjonijiet soċjali jagħtu s-setgħa lin-nies u joħolqu relazzjonijiet soċjali u mudelli ġodda ta' kollaborazzjoni. Dawn huma għalhekk innovattivi fihom infushom u tajbin għall-kapaċità tas-soċjetà għall-innovazzjoni. Eżempji ta' innovazzjoni soċjali fil-firxa Ewropea minn skemi ta' prevenzjoni tal-mard koronarju tal-qalb li huma mmirati lejn il-komunità kollha aktar milli sempliċement individwi "f'riskju", netwerks soċjali tal-ġirien li jgħinu lill-anzjani li jgħixu waħedhom, Ekomapep urbani li jipprovdu l-komunitajiet lokali b'informazzjoni dwar il-progress tagħhom lejn il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew banek etiċi li jipprovdu prodotti finanzjarji li jfittxu li jkabbru r-redditi soċjali u ambjentali fuq l-investiment. Madankollu, filwaqt li ma hemm ebda nuqqas ta' ideat tajbin, l-innovazzjonijiet soċjali għadhom ma jipproduċux l-impatt li għandhom jipproduċu. Għandu jkun hemm aktar appoġġ għall-esperimentazzjoni. Approċċi li għandhom vantaġġi ċari fuq prassi attwali mbagħad jeħtieġu li jitkabbru u jiġu mxerrda. Biex jinkiseb dan, huma meħtieġa intermedjarji kompetenti, inċentivi effettivi u netwerks li jħaffu u jiffaċilitaw it-tagħlim reċiproku. Madwar l-Ewropa, l-infrastrutturi ta' dan it-tip diġà jeżistu għall-innovazzjoni tan-negozju, iżda bħalissa ma jeżistux ekwivalenti għall-innovazzjoni soċjali. Jinħtieġu metodi ta' valutazzjoni aħjar sabiex jiġi identifikat x'jaħdem u x'ma jaħdimx, u għaliex, kif ukoll dak li jista' u għandu jittejjeb. Sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet li qed jevolvu u l-aspettattivi ta' utenti tas-servizz pubbliku fuq sfond ta' awsterità fiskali, is-settur pubbliku jeħtieġ li jinnova aktar minn qatt qabel. Aktar u aktar gvernijiet qed jużaw aktar il-metodi ċċentrati fuq iċ-ċittadin għall-għoti ta' servizz. Ħafna nedew strateġiji e-governattivi mmirati biex iċaqilqu s-servizzi eżistenti onlajn, u lil hinn minn dak biex jiżviluppaw servizzi ġodda mħaddma bl-internet. Fil-livell tal-UE huwa importanti li niżviluppaw fehim aħjar tal-innovazzjoni tas-settur pubbliku, nagħtu viżibbiltà lill-inizjattivi b'suċċess, u nkejlu l-iżvilupp. Ħafna ser jiddependi fuq il-ħolqien ta' massa kritika ta' mexxejja tas-settur pubbliku li għandhom il-ħiliet biex imexxu l-innovazzjoni. Dan jista' jinkiseb permezz ta' aktar taħriġ sofistikat, kif ukoll opportunitajiet għal skambju tal-prattika tajba. Il-bidla lejn ekonomija innovattiva għandha implikazzjonijiet kbar għad-dinja tax-xogħol. Min iħaddem jeħtieġ ħaddiema li b'mod attiv u kontinwu jfittxu modi ġodda u aħjar kif jagħmlu l-affarijiet. Dan jeħtieġ livelli mhux biss ta' ħiliet ogħla, iżda relazzjoni ġdida bbażata fuq il-fiduċja bejn min jimpjega u l-impjegat. Dan it-tip ta' approċċ huwa meħtieġ fil-livelli kollha tax-xogħol, u għandu jestendi lis-setturi li mhumiex ġeneralment meqjusa bħala "setturi tal-għarfien". Eżempju ewlieni huwa s-settur tal-kura, meta ħaddiema tas-sengħa, motivati u adattabbli huma meħtieġa biex jiġi provdut standard għoli ta' kura għall-għadd dejjem jikber ta' Ewropej anzjani. 26. Il-Kummissjoni se tniedi programm pilota Ewropew dwar l-Innovazzjoni Soċjali li ser jipprovdi għarfien espert u 'hub virtwali' fuq netwerk għall-intraprendituri soċjali u s-setturi pubbliċi u s-setturi terzi. - Hija se tippromwovi l-innovazzjoni soċjali permezz tal- Fond Soċjali Ewropew (FSE) billi tibni fuq l-investimenti sinifikanti fl-innovazzjoni soċjali li għamel l-FSE matul dawn l-aħħar għaxar snin, tul iċ-ċiklu ta' innovazzjoni kollu. Dan se jiġi kkumplimentat b'appoġġ għal esperimenti soċjali li għandhom jiġu żviluppati fil-qafas tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar. - L-innovazzjoni soċjali għandha issir il-fokus prinċipali fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi tal-Fond Soċjali Ewropew . L-Istati Membri huma mħeġġa li jibdew diġà jagħmlu sforzi biex jippromwovu l-innovazzjoni soċjali permezz tal-FSE. 27. Sa mill-2011, il-Kummissjoni se tappoġġa programm ta' riċerka sostanzjali dwar is- settur pubbliku u l-innovazzjoni soċjali , li jħares lejn kwistjonijiet bħal kejl u evalwazzjoni, il-finanzjament u ostakoli oħra għat-tkabbir u l-iżvilupp. Bħala pass immedjat, il-Kummissjoni se tniedi proġett pilota msejjaħ Tabella ta' Valutazzjoni Ewropea dwar l-Innovazzjoni fis-Settur Pubbliku bħala bażi ta' riċerka maġġuri biex jitkejjel is-settur l-innovazzjoni fis-settur pubbliku. Hija se tesplora mal-Istati Membri jekk ikunx xieraq li tiġbor l-esperjenzi ta' tagħlim ġdid u netwerks għall-mexxejja tas-settur pubbliku fil-livell Ewropew. 28. Il-Kummissjoni se tikkonsulta l-imsieħba soċjali biex teżamina kif l-ekonomija tal-għarfien tista' tinfirex fil-livelli kollha tax-xogħol u s-setturi kollha . Hija se titlob lill-imsieħba soċjali għall-proposti dwar kif tista' tiġi żviluppata strateġija settorjali fis-suq tax-xogħol għall-qasam tal-kura. JINGħAQDU L-ISFORZI BIEX JIġU RREġISTRATI S-SUċċESSI: PARTENARJATI TAL-INNOVAZZJONI EWROPEA L-Ewropa qed tiffaċċja numru ta' sfidi soċjetali ewlenin bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, l-effetti tal-bidla fil-klima, u d-disponibilità mnaqqsa ta' riżorsi. Għandhom iseħħu skoperti fit-trattamenti ġodda għal mard li jipperikola l-ħajja, fis-soluzzjonijiet ġodda biex itejbu l-ħajja tal-anzjani, fil-modi biex jitnaqqsu radikalment l-emissjonijiet tad-CO2 u sorsi oħra ta' tniġġis, b'mod partikolari fl-ibliet, fis-sorsi alternattivi ta' enerġija u sostituti għall-materji prima dejjem aktar skarsi, fit-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-iskart u biex jitneħħew il-miżbliet, fit-titjib fil-kwalità tal-provvista tal-ilma tagħna, fit-trasport intelliġenti b'anqas konġestjoni, fl-oġġetti tal-ikel tajbin għas-saħħa jew ta' kwalità għolja permezz ta' metodi ta' produzzjoni sostenibbli, u teknoloġiji għat-trattament u t-taqsim ta' informazzjoni sikuri u rapidi, il-komunikazzjoni u l-interfaċċar. L-iżvilupp b'suċċess ta' dawn l-iskoperti se jżid ukoll il-kompetittività tagħna, jgħin lill-kumpaniji Ewropej li jmexxu fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, biex jikbru u jassumu t-tmexxija globali fis-swieq ġodda ta' tkabbir, itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi u sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' numri kbar ta' impjiegi ġodda ta' kwalità. Minħabba l-iskala u l-urġenza tal-isfidi soċjali u l-iskarsezza tar-riżorsi, l-Ewropa ma tistax taffordja iktar il-frammentazzjoni attwali tal-isforzi u l-pass kajman ta' tibdil. L-isforzi u l-kompetenza fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jinġabru u għandha tinkiseb il-massa kritika. Fl-istess waqt, irridu mill-bidu nqiegħdu fis-seħħ il-kundizzjonikundizzjonijiet li jippermettu li l-iskoperti isibu triqthom malajr lejn is-suq, biex b'hekk jinkisbu malajr il-benefiċċji għaċ-ċittadini u l-kisbiet tal-kompetittività. i) L-approċċ ġdid ta' Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020 ħabbret li se tniedi, bħala parti mill-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea. Dawn il-Partenarjati ser jittestjaw approċċ ġdid għall-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-ewwel, dawn se jkunu xprunati mill-isfidi , u jiffukaw fuq benefiċċji soċjali u l-modernizzazzjoni mgħaġġla tas-setturi u s-swieq assoċjati. Dan ifisser li dawn se jmorru lil hinn mill-enfasi teknoloġija ta' strumenti eżistenti, bħall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs). It-tieni nett, dawn se jaġixxu madwar l-katina kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni . Il-Partenarjati ser iġibu flimkien l-atturi rilevanti kollha fuq il-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali sabiex: (i) jiżdiedu l-isforzi ta' riċerka u żvilupp; (ii) jikkoordinaw l-investimenti fid-dimostrazzjonijiet u l-proġetti piloti; (iii) jantiċipaw u jgħaġġlu kull regolament meħtieġ u l-istandards, u (iv) jimmobilizzaw id-'domanda' b'mod partikolari permezz ta' akkwist pubbliku kkoordinat aħjar biex jiżgura li kwalunkwe skoperti jitpoġġew malajr fis-suq. Pjuttost milli jieħdu l-passi msemmija hawn fuq b'mod indipendenti, kif inhu l-każ bħalissa, l-għan tal-partenarjati tal-innovazzjoni se jkun li jfasslu u jimplimentawhom b'mod parallel biex jitnaqqas id-dewmien. It-tielet nett, huma se jikkonformaw, jissimplifikaw u jikkoordinaw aħjar l-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti u jikkumplimentawhom ma' azzjonijiet ġodda fejn meħtieġ. Dan għandu jagħmilha eħfef għall-imsieħba biex jikkooperaw u jilħqu riżultati aħjar u aktar malajr meta mqabbel ma' dak li jeżisti diġà. Għalhekk, ser ikunu bbażati fuq għodod u azzjonijiet rilevanti u eżistenti u, fejn dan jagħmel sens (eż. għall-programmar konġunt, is-swieq ewlenin, skemi konġunti ta' akkwist prekummerċjali u kummerċjali, skrining regolatorju), jintegrawhom f'qafas politiku wieħed koerenti. Il-flessibilità hija importanti; mhux se jkun hemm qafas wieħed tajjeb għal kollox. ii) Il-Kundizzjonijiet għas-suċċess Il-Partenarjati għandhom jitniedu biss fl-oqsma - u jikkonsistu biss minn attivitajiet – fejn l-intervent tal-gvern huwa ġġustifikat b'mod ċar u fejn il-ġbir tal-isforzi tal-UE, nazzjonali u reġjonali fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-miżuri tad-domanda ser jilħqu l-mira aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti. L-għażla tal-partenarjati "xierqa" se tiddetermina l-biċċa l-kbira tas-suċċess tagħhom. Sabiex iwettqu il-wegħda tagħhom, il-kundizzjonikundizzjonijiet li ġejjin, li huma kollha interkonnessi, jeħtieġ li jiġu ssodisfati: 11. Fokus fuq sfida soċjali speċifika li tkun maqsuma madwar l-UE, b'miri ċari, ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu li jġibu benefiċċji importanti għaċ-ċittadini u s-soċjetà kollha kemm hi qabel l-2020, u fejn ikun hemm potenzjal kbir għal suq ġdid għan-negozji tal-UE. 12. Impenn b'saħħtu politiku u mill-partijiet interessati : il-partenarjati se jkunu meħtieġa jimmobilizzaw il-partijiet interessati ewlenin kollha biex jappoġġaw għan definit sew li jrid jintlaħaq sal-2020, imsaħħaħ b'impenn b'saħħtu u kontinwu fuq perjodu itwal ta' żmien. Huma ser jipprovdu wkoll pjattaformi għal innovazzjoni miftuħa u impenn taċ-ċittadini, inkluż permezz tal-għoti ta' premjijiet għar-riċerka. Il-Kummissjoni nnifisha beħsiebha jkollha rwol ta' tmexxija għall-iżvilupp tas-sħubija. 13. Il-valur miżjud ċar tal-UE : Azzjoni fil-livell tal-UE għandha tirriżulta f'żidiet fl-effiċjenza u l-impatt fuq skala kbira permezz ta' massa kritika (eż. is-simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni, ġbir kollettiv u użu aktar effiċjenti ta' riżorsi pubbliċi skarsi, jiġifieri permezz ta' allinjament ta' riċerka jew programmi ta' akkwist madwar l-Istati Membri; soluzzjonijiet għal kwalità aħjar, interoperabilità, u aktar iskjerament rapidu). 14. Attenzjoni qawwija fuq ir-riżultati, l-eżiti u l-impatti :il-partenarjati għandhom ikunu orjentati lejn ir-riżultati u għalhekk m'għandhomx jinkludu kollox fl-iskop. L-isfidi soċjali għandhom jinqasmu f'"pakketti ta’ ħidma" iżgħar li fuqhom il-gruppi differenti tal-partijiet interessati b'interessi konverġenti għandhom jiddefinixxu l-pjanijiet tagħhom stess ta' implimentazzjoni, jistabbilixxu x'jeħtieġ li jsir, minn min u sa meta. Il-miri, l-istadji importanti u r-riżultati għandhom jiġu definiti minn qabel u b'mod ċar. 15. Appoġġ finanzjarju xieraq : filwaqt li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-partenarjati tal-innovazzjoni huwa li jiżgura li r-riżorsi finanzjarji skarsi jintużaw bl-iktar mod effettiv, filwaqt li tiġi evitata jevita d-dupplikazzjoni għalja, ma hemm l-ebda dubju li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali se jkunu meħtieġ biex ilaħħaq mad-daqs tal-isfida. Il-partijiet interessati kollha huma mistennija li jikkontribwixxu; il-Kummissjoni se tfittex li ittejjeb l-ingranaġġ tal-baġit tal-UE biex tgħolli aktar il-livell globali ta' finanzjament. Hija se tagħmel disponibbli l-fondi għat-tnedija tal-ewwel partenarjati skont il-perspettivi finanzjarji attwali u se tevalwa l-ħtiġijiet finanzjarji tal-partenarjati meta tipprepara l-proposti tagħha għall-perspettivi finanzjarji li jmiss. iii) Governanza u metodi ta' ħidma L-aħjar ideat jistgħu jfallu minħabba eżekuzzjoni fqira jew monitoraġġ dgħajjef. It-tħaddim ta' strutturi effettivi, sempliċi u flessibbli biżżejjed biex jitmexxa u jiġi ssorveljat il-progress, l-arbitrazzjoni bejn interessi diverġenti, u ir-rimedjar ta' kwalunkwe dewmien, se jkunu kruċjali għas-suċċess tal-partenarjati. L-arranġamenti ta' governanza għandhom jibbilanċjaw il-ħtieġa għal impenn fuq livell għoli u l-koordinazzjoni funzjonali, b'responsabbiltajiet operattivi qawwija deċentralizzati biex jiżguraw kontroll effettiv mill-prattikanti u partijiet interessati ewlenin oħra. Is-sħubija jeħtieġ li tirrifletti l-approċċ integrat sabiex dawk il-partijiet interessati li jittrattaw ma' elementi differenti tal-kontinwu provvista-domanda huma rrappreżentati b'mod xieraq. Biex tirrifletti l-importanza ta' dawn il-kostitwenzi diversi, kull sħubija għandha titmexxa minn Bord ta' Tmexxija rappreżentattiv, magħmul minn numru limitat ta' rappreżentanti ta' livell għoli ta' Stati Membri (Ministri), membri tal-Parlament, mexxejja tal-industrija, riċerkaturi u partijiet interessati ewlenin oħra, li se jkollhom bżonn li jġibu impenn kbir biex jinkisbu l-għanijiet tas-sħubija. Il-Bord għandu jkun appoġġat minn gruppi ta' operazzjoni, magħmula minn esperti mis-settur privat u pubbliku, prattikanti u utenti, li jiddefinixxu u jimplimentaw il-kontenut tal-"pakketti ta' ħidma". Il-Bord se jkun presedut mill-Kummissarju(i) ewlieni/ewlenin u appoġġat/ minn segretarjat li l-Kummissjoni se tipprovdi. L-ewwel kompitu tiegħu għandu jkun li jħejji pjan strateġiku ta' ħidma multiannwali, li jkun fih miri konkreti, li jalloka r-responsabbiltajiet u jiddefinixxi l-miri għall-monitoraġġ tal-progress. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Kunsill u l-Parlament, biex jiġi żgurat appoġġ politiku qawwi kemm għall-għanijiet u d-direzzjoni ta' kull sħubija kif ukoll biex jitħaffef it-twassil tal-qafas regolatorju meħtieġ. iv) L-identifikazzjoni tal-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea Bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv tal-UE 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, il-Kummissjoni biħsiebha tniedi partenarjati tal-innovazzjoni fl-oqsma ewlenin li jindirizzaw sfidi soċjetali ewlenin, bħas-sigurtà tal-enerġija, it-trasport, il-bidla fil-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-saħħa u t-tixjiħ, metodi li jirrispettaw l-ambjent tal-produzzjoni u l-ġestjoni tal-art. Eżempji ta' partenarjati possibbli jinkludu oqsma bħalma huma: - It-trattament tal-isfida tal-bidla fil-klima u l-enerġija ġejja mill-bliet (li jikkunsmaw madwar 80% tal-enerġija fl-UE b'mod ġenerali u huma responsabbli għal madwar l-istess sehem tal-gassijiet serra) billi tinħoloq pjattaforma rappreżentattiva ta' partijiet interessati ewlenin u tingħata spinta lill-użu ta' ICT eżistenti u futur biex jiġi aċċellerat l-iskjerament ta' grids intelliġenti, sistemi ġodda għall-użu ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli, mobilità urbana aktar intelliġenti u nadifa, u żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-bini; - L-iżgurar ta' kwalità ogħla u l-effiċjenza fl-użu tal-provvista tagħna tal-ilma; - L-iżgurar ta' katina tal-provvista sikura u l-ksib ta' ġestjoni effiċjenti u sostenibbli u l-użu ta' materji prima li ma jipprovdux l-enerġija matul il-katina sħiħa ta' valur; - Tnaqqis ta' gassijiet serra mill-effiċjenza ta' emissjonijiet ogħla ta' trasport wkoll lil hinn mid-dimensjoni urbana, notevolment permezz ta' sistemi interoperabbli u intelliġenti ta' ġestjoni tat-traffiku għall-modi kollha tat-trasport, li jwasslu għall-progress fil-loġistika u l-bidliet fl-imġiba. - Il-promozzjoni tal-kompetittività tal-UE fis-soċjetà diġitali permezz ta' aċċess aktar mgħaġġel għall-informazzjoni u modi ġodda ta' komunikazzjoni affidabbli, interfacing u taqsim ta' għarfien permessi notevolment mill-internet tal-ġejjieni. - It-titjib fil-provvista tal-prodotti tal-ikel prodotti b'mod effiċjenti mil-lat ta' riżorsi, produttiv u b'emissjonijiet baxxi permezz ta' metodi mtejba agrikoli u tal-ipproċessar tal-ikel. - It-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta' popolazzjoni li qed tixjieħ pereżempju permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda, testijiet kliniċi, dijanjostiċi u trattamenti għall-mard relatat mal-età, l-iskjerament ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda bbażati fuq l-ICT u l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' prodotti ġodda, apparat u servizzi speċifikament addattati għall-anzjani. Saret ħidma preparatorja dwar it-tnedija ta' partenarjati speċifiċi fit-tixjiħ attiv u b'saħħtu, l-effiċjenza tal-ilma, il-materji prima mhux għall-enerġija, il-mobilità intelliġenti, il-produttività agrikola u s-sostenibbiltà, u fuq bliet intelliġenti u abitabbli, b'dawn tal-aħħar jgħaqqdu flimkien l-effiċjenza fl-enerġija, it-trasport nadif u l-internet veloċi (ara Anness III). Madankollu, il-Partenarjati tal-Innovazzjoni huma kunċett ġdid, li Kummissjoni tixtieq tittestja l-ewwel permezz ta' partenarjat pilota qabel ma tniedi sett ieħor ta' partenarjati. Tali proġett pilota għandu jgħin jivvalida l-valur miżjud tal-kunċett, ikejjel l-interess u l-impenn tal-partijiet interessati ewlenin, jipprovdi għarfien fl-aħjar mod kif tiżviluppa pakketti tax-xogħol u jiżgura governanza effettiva. B'riflessjoni għall-importanza soċjali tiegħu, l-istat ta' tħejjija u r-rappreżentanza tal-kunċett ta' sħubija, il-Kummissjoni tipproponi li tniedi proġett pilota dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu. L-għanijiet tiegħu għandu jkun, li sal-2020, jgħin liċ-ċittadini jgħixu ħajja itwal b'mod indipendenti u f'saħħa tajba billi jiżdied l-għadd medju ta' snin ta' ħajja fis-saħħa b'sentejn (2), u, filwaqt li tinkiseb din il-mira, tittejjeb is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tas-sistemi soċjali u tal-kura tas-saħħa tagħna, u jinħoloq suq tal-UE u globali għall-prodotti u s-servizzi innovattivi b'opportunitajiet ġodda għan-negozju fl-UE. Aktar dettalji dwar il-Proġett Pilota propost ta' tixjiħ attiv u b'saħħtu jistgħu jinstabu fl-Anness III. Is-sena 2011 se tkun "fażi ta' testjar" għall-approċċ tas-Sħubija. Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni se tiżviluppa sett robust ta' kriterji ta' għażla u proċess ta' għażla rigoruż u trasparenti għal partenarjati futuri. Dawn il-kriterji u dan il-proċess ta' għażla se jkunu operattivi minn Jannar 2011. Ibbażat fuq dan il-proċess, u l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, u konferma tal-prontezza tal-partenarjati potenzjali fl-oqsma bħall-enerġija, "bliet intelliġenti", provvista sostenibbli ta' materja prima, l-effiċjenza tal-ilma, il-mobilità intelliġenti u l-produttività u s-sostenibbiltà agrikola, il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti għal partenarjati li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-istituzzjonijiet l-oħra, matul l-2011, b'effett minn Frar, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, f'konformità mal-għan li tiġi żviluppata ekonomija effiċjenti fl-enerġija b'karbonju baxx, b'bażi industrijali b'saħħitha. F'Ġunju 2011, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni li tifformalizza l-proposti għal partenarjati u li tistabbilixxi f'aktar dettall l-arranġamenti ta' governanza, ta' finanzjament u ta' implimentazzjoni. Fl-aħħar tal-"fażi tat-testjar", jiġifieri qabel tmiem l-2011, il-Kummissjoni se tirrevedi u tevalwa l-effettività tal-approċċ ta' Sħubija, u tistabbilixxi jekk u kif biħsiebha tmexxih 'il quddiem, partikolarment fir-rigward l-appoġġ permezz tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka li jmiss. Impenni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: 29. L-industrija, il-Kunsill, il-Parlament, l-Istati Membri, u partijiet interessati oħra huma mistiedna biex jappoġġaw l-kunċett ta' sħubija innovattiva u biex jindikaw l-impenji speċifiċi li se jimpenjaw ruħhom bihom biex jagħmlu l-kunċett jaħdem. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati ewlenin biex jimpenjaw ruħhom li jiġbru flimkien l-isforzi u r-riżorsi biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba tas-sħubija. Il-Kummissjoni tilqa’ perspettivi u ideat dwar l-oqsma li qed jiġu kkunsidrati għal partenarjati futuri u kandidati oħra possibbli li jissodisfaw il-kriterji ta’ suċċess. Bħala ewwel pass konkret, il-Kummissjoni ser tibda preparazzjonijiet biex tniedi sħubija pilota ta' tixjiħ attiv u b'saħħtu mill-bidu tal-2011. Wara li tqis il-fehmiet tal-Parlament u tal-Kunsill u l-input mill-partijiet interessati oħra, din se tippreżenta proposti għal aktar partenarjati matul l-2011. INTEJBU L-POLITIKI TAGħNA ESTERNAMENT Il-kompetizzjoni għall-għarfien u s-swieq qed issir dejjem aktar globali. Id-deċiżjonijiet tas-settur privat dwar fejn għandu jinvesti fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni qed jittieħdu fuq skala globali. L-Ewropa qed taqa’ lura f'din il-kompetizzjoni globali. L-azzjonijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni deskritti hawn fuq huma mfassla biex ireġġgħu lura din ix-xejra u jagħmlu l-Ewropa aktar attraenti għall-kumpaniji u l-investituri. Is-suċċess tal-Ewropa jiddependi fuq il-ħila tagħha li treġġa' lura l-għexieren ta' snin ta' "brain-drain" u li tiġbed it-talent ewlieni. L-universitajiet u l-istituti ta' riċerka Ewropej kull sena jagħtu ħafna eluf ta' lawrji fix-xjenza u fl-inġinerija lil ċittadini barranin. Dawn in-nies għandhom jingħataw l-għażla li jibqgħu fl-Ewropa, billi jisfruttaw il-possibilitajiet skont il-Pakkett tal-Viża Xjentifika[27]u l-iskema tal-Karta Blu. Lil hinn mid-drittijiet legali meħtieġa, dawn għandhom ikunu konvinti li l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka Ewropej u l-clusters ta' innovazzjoni madwarhom huma postijiet ta' eċċellenza globali, u li kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol huma attraenti. Biex l-Ewropa tkun ta' suċċess f'din l-ispinta globali għall-eċċellenza, għandha tapprofondixxi aktar il-kooperazzjoni internazzjonali xjentifika u teknoloġika tagħha. Il-programmi ta' riċerka tal-UE huma diġà fost l-aktar miftuħa fid-dinja. Is-swieq Ewropej huma wkoll l-aktar miftuħa fid-dinja, u jagħtu lill-investituri aċċess għal suq intern integrat u kompetittiv ta' 500 miljun klijent bbażat fuq regoli ċari, prevedibbli u ġusti. Dan il-ftuħ għandu jkun reċiprokat permezz tal-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija tagħna mal-pajjiżi terzi. Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha timxi id f'id ma' approċċ integrat biex jinġiebu r-riżultati ta' proġetti komuni tar-Riċerka u l-Iżvilupp jew proġetti ta' innovazzjoni fis-suq. Dan ifisser, b'mod partikolari, li jiġu offruti protezzjoni ekwivalenti tal-IPRs, aċċess miftuħ għal standards interoperabbli, akkwist pubbliku mhux diskriminatorji, u it-tneħħija ta' ostakoli oħra mhux fiżiċi għall-kummerċ, skont ir-rekwiżiti internazzjonali. L-Ewropa għandha taġixxi bħala entità waħda sabiex jintlaħqu tali kundizzjonijiet ekwi dinjin għar-riċerka u l-innovazzjoni. Bħalissa, l-Istati Membri, ir-reġjuni jew saħansitra l-awtoritajiet lokali tagħna jidhru li qed jikkompetu ma' xulxin dwar il-ftehimiet xjentifiċi ta' koperazzjoni, l-attivitajiet u l-uffiċċji f’ekonomiji oħra. Dan iwassal għal tixrid u l-frammentazzjoni tal-isforzi. Dan iservi wkoll biex jiddgħajjef il-vantaġġ tal-Ewropa fin-negozjar għall-aċċess għas-suq mal-imsieħba prinċipali tagħna madwar id-dinja fuq kundizzjonijiet ekwi. Il-progress reċenti li sar mal-qafas Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali S&T u l-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali għandu għalhekk jiġi aċċellerat. Fl-aħħarnett, ħafna jekk mhux l-isfidi kollha tas-soċjetà li fuqhom ir-riċerka u l-isforzi għandhom jiffukaw l-innovazzjoni huma wkoll globali. Biex jingħelbu ħafna dawn l-isfidi jinħtieġ il-qsim tal-isforzi fid-dinja kollha. [28] B'mod partikolari, l-infrastrutturi tar-riċerka kbar ħafna jeħtieġu investimenti kbar li jistgħu jiġu diskussi biss permezz ta' kooperazzjoni globali. Impenni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 30. Sal-2012, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom idaħħlu fis-seħħ politiki integrati biex jiżguraw li akkademiċi, ir-riċerkaturi u l-innovaturi ewlenin jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa u li tattira numru suffiċjenti ta' ċittadini bi kwalifiki għoljin ta' pajjiżi terzi li jibqgħu fl-Ewropa. 31. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jittrattaw il-koperazzjoni xjentifika ma' pajjiżi terzi bħala kwistjoni ta' tħassib komuni u jiżviluppaw approċċi komuni. Dan għandu jikkontribwixxi għal approċċi globali u soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali u għall-istabbiliment ta' ambjent ekwu (jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq, li jiffaċilita l-istandardizzazzjoni, il-protezzjoni IPR, l-aċċess għal kuntratti, eċċ.). Fl-2012 flimkien mal-Qafas ERA, il-Kummissjoni se tipproponi prijoritajiet komuni għall-UE/l-Istati Membri fl-S&T bħala bażi għall-pożizzjonijiet koordinati jew inizjattivi konġunti viżavì pajjiżi terzi, billi tibni fuq il-ħidma tal-Forum Strateġiku għall-Koperazzjoni Internazzjonali. Sadanittant, l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'mod miftiehem meta jkunu involuti fl-S&T u fl-attivitajiet ma' pajjiżi terzi L-ambitu potenzjal għal ftehimiet "umbrella" bejn l-UE u l-Istati Membri ma' pajjiżi terzi se jiġu esplorati. 32. L-Unjoni Ewropea għandha ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi globali ta' riċerka. Sal-2012, għandu jintlaħaq ftehim mal-imsieħba internazzjonali dwar l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta' riċerka, inklużi infrastrutturi tal-ICT, li minħabba l-ispiża, il-kumplessità u/jew ir-rekwiżiti ta' interoperabilità jistgħu jiġu żviluppata biss fuq skala globali . KIF DAN ISEħħ It-trasformazzjoni tal-UE f'Unjoni tal-Innovazzjoni ġenwina jirrikjedi sforz kontiwu, kooperazzjoni mill-qrib u implimentazzjoni effettiva fil-livelli kollha (UE, nazzjonali, reġjonali) fuq numru konsiderevoli ta 'snin. L-irwoli u r-responsabbiltajiet ta' kull attur fl-Unjoni tal-Innovazzjoni għandhom għalhekk jiġu definiti b'mod ċar u għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi b'saħħithom ta' monitoraġġ biex jiġi evitat li naqgħu lura. Ir-riforma tar-riċerka u tas-sistemi ta' innovazzjoni Filwaqt li azzjoni fil-livell tal-UE hija importanti, il-kwalità tar-riċerka nazzjonali u s-sistemi ta' innovazzjoni - u l-interazzjoni tagħhom bejniethom u mal-livell tal-UE - tibqa' kruċjali għall-promozzjoni tan-negozju u l-kapaċità taċ-ċittadini u r-rieda għall-investiment. Huma meħtieġa riformi sinifikanti mal-politiki nazzjonali u reġjonali. Sabiex tgħin lill-Istati Membri ifasslu dawn ir-riformi fil-kuntest tal-limiti baġitarji stretti, il-Kummissjoni laqqgħet flimkien l-evidenza disponibbli u identifikat sett ta' karatteristiċi ta' politika li tipikament jinstabu f'istemi li għandhom prestazzjoni tajba ħafna. Dawn huma ppreżentati fl-Anness I. Ħafna minn dawn il-karatteristiċi huma diġà riflessi fl-impenji ta' politika proposti f'din il-Komunikazzjoni. L-Istati Membri huma mistiedna li jużaw il-karatteristiċi tal-politika identifikati biex iwettqu "awtoevalwazzjoni" komprensiva tas-sistemi tar-riċerka u ta' innovazzjoni tagħhom u sussegwentement jiddefinixxu r-riformi ewlenin fil-Programmi tagħhom ta' Riforma Nazzjonali Ewropa 2020, li jridu jwettqu sa' April 2011. Dawn il-karatteristiċi ta' politika jistgħu wkoll ikunu rilevanti għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali. Il-Kummissjoni se tuża karatteristiċi tal-politika identifikati bħala l-bażi għall-appoġġ ta' skambji oħra tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri u għat-titjib tal-għodod tal-politika għar-rappurtaġġ (eż. Trendchart u ERA-WATCH). Hija wkoll lesta li tappoġġa reviżjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jinvolvu kompetenza internazzjonali. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tfittex relazzjoni strateġika ġdida mal-OECD. Il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill (tal-Kompetittività) jista' jkollu rwol ġdid fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri fir-riformi ta' innovazzjoni tagħhom bħala parti mill-koordinazzjoni ekonomika globali skont l-Istrateġija Ewropa 2020 ('semestru Ewropew'). 33. L-Istati Membri huma mistiedna biex iwettqu awtoevalwazzjonijiet bbażati fuq il- karatteristiċi ta' politika identifikati fl-Anness 1 u jidentifikaw l-isfidi ewlenin u r-riformi kritiċi bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta' Riforma . Il-Kummissjoni se tappoġġa dan il-proċess permezz ta' skambji tal-aħjar prattika, reviżjonijiet tal-pari u l-iżvilupp tal-bażi ta’ evidenza. Din għandha tapplikahom wkoll għar-riċerka u l-inizjattivi tal-innovazzjoni tagħha stess. Il-progress ser jiġi mmonitorjat fil-qafas tal-koordinazzjoni ekonomika integrata ('semestru Ewropew'). Il-kejl tal-progress Il-Progress lejn l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha titkejjel fil-livell tal-Kunsill Ewropew permezz ta' żewġ indikaturi ewlenin: L-investiment fil-mira tar-Riċerka u l-Iżvilupp u indikatur ġdid għall-Innovazzjoni, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew. [29] Biex jassisti lill-Kummissjoni tirrispondi għat-talba tal-Kunsill Ewropew, il-bord ta' Livell Għoli tal-innovaturi u ekonomisti kummerċjali ewlenin twaqqaf biex jiġu identifikati indikaturi possibbli li l-aħjar jirriflettu l-intensità tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tal-innovazzjoni waqt li tiġi evitata d-dupplikazzjoni mal-mira ta' investiment ta' 3 % fir-Riċerka u l-Iżvilupp li tiffoka fuq r-riżultati u l-impatti u tigura l-komparabbiltà internazzjonali. Il-Bord ikkonkluda[30] li hemm bżonn urġenti biex tittejjeb id-disponibbiltà tad-dejta u l-wisa' u l-kwalità tal-indikaturi li jkejlu u jissorveljaw il-prestazzjoni tal-innovazzjoni, li jvarjaw mill-innovazzjoni teknoloġika għal forom oħra ta' innovazzjoni (eż. l-innovazzjoni tas-settur pubbliku). Hija esplorat żewġ għażliet: lista ta' tliet indikaturi disponibbli minnufih (ibbażati fuq applikazzjonijiet għall-privattivi, il-kontribut ta' prodotti ta' teknoloġija għolja medja u teknoloġija għolja għall-bilanċ kummerċjali, u l-impjiegi fl-attivitajiet ta' għarfien intensiv) u indikatur wieħed (li jirrifletti l-iżvilupp b'suċċess u d-dinamiżmu ta' attivitajiet intraprenditorjali innovattivi). Filwaqt li d-dejta tad-demografija tan-negozju hija, fil-prinċipju, disponibbli, l-iżvilupp tat-tali indikatur biex jitkejjel is-sehem fl-ekonomija tal-kumpaniji innovattivi li qed jikbru b'rata mgħaġġla, ikun teħtieġ aktar ħidma, li jista jieħu sa sentejn. Wara li studjat il-konklużjonijiet tal-Bord, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi l-indikatur uniku, definit bħala kumpaniji innovattivi li jikbru malajr, li jwieġeb l-aħjar għat-talba tal-Kunsill Ewropew, għalkemm l-iżvilupp tiegħu se jeħtieġ madwar sentejn. Dan l-indikatur jipprovdi għadd tajjeb tad-dinamiżmu tal-ekonomija; jaqbad parti importanti mill-ekonomija tagħna minn fejn se jinħtieġu li jiġu t-tkabbir u l-impjiegi; huwa orjentat lejn il-produzzjoni u jirrifletti l-impatt tal-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni, li dawk jfasslu l-politika kemm fuq livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali jistgħu jinfluwenzaw. Huwa jiffoka wkoll fuq lakuna kritika li l-UE teħtieġ li tagħlaq jekk trid tlaħħaq mal-mexxejja tal-innovazzjoni madwar id-dinja. Il-Kummissjoni hija konvinta wkoll li, minħabba li l-innovazzjoni hija fenomenu multidimensjonali, il-monitoraġġ sħiħ tal-progress jeħtieġ sett usa' ta' indikaturi. B'tiswir fuq it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni għalhekk żviluppat Tabella ta' Valutazzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi punt referzjarju komparattiv tal-prestazzjoni tal-UE u u tal-Istati Membri kontra sett wiesa' ta' indikaturi, inklużi dawk identifikati mill-Bord ta' Livell Għoli. Il-lista ta' indikaturi hija elenkata fl-Anness II. Filwaqt li jagħmel użu mill-aħjar sorsi ta' statistika disponibbli, aktar ħidma hija meħtieġa biex tiżviluppa indikaturi dwar aspetti bħall-innovazzjoni mhux teknoloġika, id-disinn, l-innovazzjoni tas-servizz, u l-prestazzjoni fuq livell reġjonali. 34. Il-Kummissjoni tipproponi t-tnedija tal-ħidma neċessarja għall-iżvilupp ta’ indikatur ġdid li jkejjel sehem il-kumpaniji innovattivi li qed jikbru malajr fl-ekonomija. Dan ikun jirrikjedi l-kooperazzjoni sħiħa tal-Istati Membri u l-imsieħba internazzjonali. Suġġetta għal dawn l-impenji, il-Kummissjoni se tissottometti l-proposti neċessarji u se tieħu azzjoni urġenti ħalli tiżviluppa dan l-indikatur fis-sentejn li ġejjin, b'ħidma flimkien mal-OECD, kif jixraq, biex dan maż-żmiem isir indikatur ewlieni ġdid li, bħala parti mill-istrateġija UE 2020, jippermetti li l-prestazzjoni tal-UE tiġi referenzjata viżavì l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha. - B’bidu minnufih, il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress kumplessiv fil-prestazzjoni innovattiva bl-użu ta' tabella tal-valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u r-Riċerka (ara l-Anness II). Impenn minn kulħadd biex l-Unjoni tal-Innovazzjoni ssir realtà L-isforz kollettiv tal-Istituzzjonijiet tal-UE u partijiet interessati oħra se jkun ta’ importanza ewlenija biex l-Unjoni tal-Innovazzjoni tirnexxi. Il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi direzzjoni u impetu politiku bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kunsill għandu jkollu rwol ewlieni fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas tal-UE. Wara t-tnedija tal-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropea, dan għandu jiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet li jwasslu għar-riżultati. Il-Kummissjoni tissuġerixxi li l-Kunsill għandu jiltaqa' darba kull semestru bħala l-"Kunsill tal-Innovazzjoni", biex jiġbor fi ħdanu l-ministri relevanti - biex janalizza l-progress u jidentifika l-oqsma fejn jaf ikun meħtieġ impetu ġdid. Il-Parlament Ewropew huwa mistieden jagħti prijorità lill-proposti u l-inizjattivi tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, inkluż l-identifikazzjoni u s-suċċess tal-Parternarjati tal-Innovazzjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tixtieq li l-Parlament, darba fis-sena, jorganizza dibattitu politiku ewlieni dwar il-progress mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali u l-partijiet interessati, biex jiġu identifikati l-messaġġi ewlenin u ħalli l-Unjoni tal-Innovazzjoni tibqa' prominenti fl-aġenda politika. Il- Kummissjoni Ewropea se tiżviluppa ġabra ta' inizjattivi stipulati fl-Unjoni tal-Innovazzjoni. Hi se tassisti lill-Istati Membri bir-riforma tas-sistemi tagħhom u se tieħu inizjattivi biex tħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajba fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni se tespandi l-mandat tal-Bord taż-Żona tar-Riċerka Ewropea (BŻRE) u se tinkludi mexxejja prominenti mid-dinjiet tan-negozju u tal-finanzi flimkien ma riċerkaturi u innovaturi żgħażagħ, biex jivvalutaw l-Unjoni tal-Innovazzjoni fuq bażi kontinwa, jirriflettu fuq ix-xejriet il-ġodda, u jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar prijoritajiet u azzjonijiet. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress b'mod sistematiku u ta' kull sena se tirrapporta dwar il-progress miksub. Fejn jixraq, se tuża l-prerogattivi tagħha skont it-Trattat biex tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam għal kull pajjiż rispettiv biex tassisti lill-Istati Membri fil-proċess tar-riforma tagħhom. L- Istati Membri (u r-reġjuni tagħhom) għandhom jiżguraw li l-istrutturi neċessarji ta’ regolarizzazzjoni jitqiegħdu fis-seħħ fejn dan għadu mhux il-każ. Dawn għandhom iwettqu awtovalutazzjonijiet dettaljati, u jfittxu metodi kif jirriformaw is-sistemi tagħhom ħalli jħeġġu l-eċċellenza, irawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib u jsegwu speċjalizzazzjoni intelliġenti mill-perspettiva tal-UE. Huma għandhom janalizzaw il-programmi operattivi tagħhom kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, b’mod konformi mal-prijoritajiet iffissati skont Ewropa 2020, u jfittxu li jallokaw riżorsi addizzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali, li jridu jsiru sa April 2011, għandhom jidentifikaw x’passi speċifiċi se jieħdu, sa meta u jekk hemm xi spejjeż involuti kif se jiġu mifdija. Il-Kumitat taż-Żona tar-Riċerka Ewropea (KŻRE) il-ġdid għandu jieħu r-responsabbiltà li jrawwam il-progress mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, billi jiżgura l-parteċipazzjoni neċessarja tal-ministeri tal-industrija u l-koordinazzjoni mal-Grupp Politiku dwar l-Intrapriżi. Il- partijiet interessati - in-negozji, l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali, il-fondazzjonijiet, l-NGOs - huma mistiedna li jappoġġaw l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistiedna jaħdmu mal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet li jirrappreżentaw biex jimmobilizzaw l-appoġġ, iħeġġu l-inizjattivi u jgħinu fit-tixrid tal-aqwa prassi. Il-Kummissjoni se tiffaċilita d-dibattitu u l-iskambji tal-ideat u l-aqwa prassi permezz ta’ skambji onlajn u netwerking soċjali li jiffoka fuq l-Unjoni tal-Innovazzjoni. Biex tkompli tħeġġeġ dan il-proċess ta’ bidla u tippromwovi mentalità innovattiva, il-Kummissjoni se tlaqqa’ Konvenzjoni tal-Innovazzjoni annwali biex tiddiskuti l-istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, b’mod konġunt mad-dibattitu propost fil-Parlament Ewropew. Din għandha tinvolvi Ministri, Membri tal-Parlament Ewropew, mexxejja tan-negozju, deans tal-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka, bankiera u kapitalisti ta' riskju, riċerkaturi ewlenin, innovaturi u, fl-aħħar imma mhux l-anqas, ċittadini tal-Ewropa. ANNESS I Għodda għall-awtovalutazzjoni: Fatturi ta’ sistemi tal-innovazzjoni u r-riċerka nazzjonali u reġjonali li jiffunzjonaw sew 1. Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni titqies bħala strument politiku ewlieni li jħeġġeġ il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, li jindirizza sfidi soċjetali ewlenin u li jtejjeb il-kwalità tal-għajxien u huwa kkomunikat b'dan il-mod lill-pubbliku - L-attenzjoni tal-pubbliku fil-livelli kollha u fl-oqsma politiċi ferm rilevanti inklużi l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-funzjonament tas-swieq tal-prodotti u s-servizzi, is-swieq finanzjarji, is-swieq tax-xogħol, l-intraprenditorija u l-ambjent tan-negozju, il-politika industrijali, l-ippjanar spazjali/ta' koeżjoni, l-infrastruttura/l-ICT kif ukoll it-tassazzjoni, hija mfassla u implimentata f’qafas strateġiku, koerenti u integrat ippreparat biex irawwem l-innovazzjoni u jsaħħaħ il-bażi tal-għarfien u r-riċerka fundamentali. - Fejn il-politiki u l-finanzjament huma ffukati fuq prijoritajiet speċifiċi, dawn qegħdin kull ma jmur ikunu orjentati lejn l-indirizzar ta' sfidi soċjetali ewlenin, bħall-effiċjenza tar-riżorsi, il-bidla fil-klima, u s-saħħa u t-tixjiħ, u lejn il-kisba ta' vantaġġ kompetittiv mis-sejba tas-soluzzjonijiet li jindirizzawhom. 2. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni huma direzzjonati fl-ogħla livell politiku u huma msejsa fuq strateġija multiannwali. Il-politiki u l-istrumenti huma mmirati biex jisfruttaw il-punti nazzjonali/reġjonali b'saħħithom attwali jew emerġenti f'kuntest tal-UE ("speċjalizzazzjoni intelliġenti") - Struttura effettiva, stabbli u politikament ċentrali, li tipikament tiġi direzzjonata fl-iktar livell politiku għoli, tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet politiċi ġenerali dwar il-bażi multiannwali u tiżgura implimentazzjoni appoġġata u kkoordinata kif jixraq. L-istruttura hija appoġġata minn netwerks li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha, bħall-industrija, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-parlamenti u ċ-ċittadini, biex b'hekk titħeġġeġ kultura ta' innovazzjoni u tissawwar kunfidenza reċiproka bejn ix-xjenza u s-soċjetà. - Strateġija multiannwali tiddefinixxi għadd limitat ta’ prijoritajiet, preċeduti minn analiżi internazzjonali tal-punti b’saħħithom u dgħajfa fil-livell nazzjonali u reġjonali u tal-opportunitajiet emerġenti ('speċjalizzazzjoni intelliġenti’) u l-iżviluppi tas-suq, u tipprovdi politika prevedibbli u qafas baġitarju. L-istrateġija tirrifletti kif jixraq il-prijoritajiet tal-UE, tevita d-duplikazzjoni bla ħtieġa u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u attivament tfittex li tisfrutta l-opportunitajiet għal programmar konġunt, kooperazzjoni bejn Stat Membru u ieħor u sfruttament tal-effetti ta’ influwenza tal-istrumenti tal-UE. Il-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE hija msejsa fuq strateġija ċara u, fejn ikun possibbli, hija kkoordinata mal-Istati Membri l-oħra tal-UE. - Sistema effettiva ta’ monitoraġġ u analiżi tinsab fis-seħħ, u tuża bis-sħiħ l-indikaturi tar-riżultati, il-punti referenzjarji internazzjonali u l-istrumenti tal-valutazzjoni ex-post . 3. Il-politika tal-innovazzjoni hija segwita f'sens wisa' 'l hinn mir-riċerka teknoloġika u l-applikazzjonijiet tagħha - Kunċett wisa’ tal-innovazzjoni - inkluża l-innovazzjoni fis-servizzi, it-titjib fil-proċessi u l-bidla organizzattiva, il-mudelli tan-negozju, it-tqegħid fis-suq, il-branding u d-disinn - huwa mħeġġeġ attivament, fost oħrajn permezz ta’ aktar ħidma interdixxiplinarja li tinvolvi gruppi ta’ utenti jew konsumaturi bħala kostitwenti importanti tal-innovazzjoni aperta. - Il-politiki mil-lati tal-forniment u tad-domanda huma żviluppati b’mod konsistenti, filwaqt li jibnu fuq u jżidu l-kapaċità assorbattiva tas-Suq Uniku. 4. Hemm investiment pubbliku prevedibbli u adegwat fir-riċerka u l-innovazzjoni ffukat b’mod partikolari fuq l-istimolu tal-investiment privat - Huwa fatt magħruf li l-finanzjament pubbliku jassumi rwol importanti fil-forniment ta’ infrastruttura tal-għarfien ta’ kwalità għolja u bħala inċentiv għaż-żamma tal-eċċellenza fl-edukazzjoni u r-riċerka inkluż l-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka ta’ livell dinji, fit-tiswir tal-kapaċità reġjonali fl-S&T u fl-appoġġ għall-attività innovattiva speċjalment tul perjodi ta' riċessjonijiet ekonomiċi. Minħabba f’hekk, l-investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma prijoritizzati u bbaġitjati fil-qafas tal-pjanijiet multiannwali biex jiżguraw il-prevedibbiltà u l-impatt fit-tul taż-żmien, filwaqt li meta jkun xieraq jiġu assistiti mill-Fondi Strutturali. - Il-finanzjament pubbliku għandu l-għan li jinfluwenza investimenti akbar fis-settur privat. Soluzzjoni innovattivi ta’ finanzjament (eż. partenarjati pubbliċi-privati) u l-użu ta' inċentivi fiskali qed jiġu mistħarrġa u adottati. Ir-riformi huma implimentati biex jirriflettu l-kundizzjonijiet li qed jinbidlu u jiżguraw riżultati ottimali fuq l-investimenti. 5. L-eċċellenza hija kriterju ewlieni għall-politika tar-riċerka u l-edukazzjoni - Il-finanzjament tar-riċerka qiegħed kull ma jmur jiġi dejjem iktar allokat fuq bażi kompetittiva u l-bilanċ bejn l-finanzjament tar-riċerka istituzzjonali u abbażi tal-proġetti huwa razzjonalizzat b'mod ċar. L-istituti huma valutati abbażi ta' kriterji rikonoxxuti internazzjonalment u l-proġetti jintgħażlu abbażi tal-kwalità tal-proposti u r-riżultati mistennija, suġġetti għal analiżi tal-pari esterna. Il-finanzjament tar-riċerka huwa portabbli minn pajjiż għal ieħor u minn istitut għal ieħor. Ir-riżultati tar-riċerka ffinanzjata pubblikament huma protetti u ppubblikati b’tali mod li jħeġġeġ biex dawn jiġu sfruttati. - L-istituti tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka jgawdu l-awtonomija meħtieġa biex jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom f'oqsma bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, japplikaw metodi aperti ta' reklutaġġ u jutilizzaw għejun alternattivi ta’ fondi bħall-filantropija. - L-iqfsa legali, finanzjarji u soċjali tal-karrieri fir-riċerka, inklużi l-istudji dottorali, joffru kundizzjonijiet attraenti biżżejjed kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa meta mqabbla mal-istandards internazzjonali, speċjalment dawk fl-Istati Uniti. Dan jinkludi kundizzjonijiet favorevoli għar-rikonċiljament tal-ħajja privata ma' dik professjonali u għall-iżvilupp professjonali u t-taħriġ. Hemm inċentivi fis-seħħ li jiġbdu lejhom talent internazzjonali prominenti. 6. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jipprovdu taħlita tajba ta' ħiliet - Hemm politiki u inċentivi fis-seħħ li jiżguraw forniment suffiċjenti ta' (post)lawrejati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u taħlita xierqa ta' ħiliet fost il-popolazzjoni (inkluż permezz ta’ sistemi vokazzjonali, edukattivi u tat-taħriġ b'saħħithom) fil-medda ta' żmien medja sa twila. - Il-kurrikuli fl-edukazzjoni u t-taħriġ jikkonċentraw fuq l-abbiltà li jagħtu lil dawk involuti l-kapaċità li jitgħallmu u li jiżviluppaw kompetenzi trażversali bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività, ix-xogħol f'tim, u l-ħiliet interkulturali u komunikattivi. Tingħata attenzjoni speċjali li tindirizza l-lakuni fil-ħiliet innovattivi. L-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali huma disponibbli sew jew inklużi fil-kurrikuli. Il-partenarjati bejn l-edukazzjoni formali u setturi oħra huma mħeġġa attivament għal dak il-għan. 7. Il-partenarjati bejn l-istituti tal-edukazzjoni għolja, iċ-ċentri tar-riċerka u n-negozji, fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, huma mħeġġa attivament - Fejn possibbli, l-isforzi tar-riċerka huma akkumpanjati minn strumenti li jappoġġaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-ideat innovattivi. Hemm fis-seħħ politiki u strumenti bħal clusters tal-innovazzjoni/l-għarfien, pjattaformi tat-trasferiment tal-għarfien, u sistemi ta’ vawċers li l-għan tagħhom huwa li jħeġġu l-kooperazzjoni u l-qsim tal-għarfien, filwaqt li joħolqu ambjent tan-negozju aktar favorevoli għall-SMEs. - Ir-riċerkaturi u l-innovaturi jistgħu jiċċaqilqu faċilment bejn istituti pubbliċi u privati. Hemm regoli ċari dwar s-sjieda tal-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali u hemm fis-seħħ sistemi ta' qsim u appoġġ biex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien u l-ħolqien ta’ użi prattiċi tar-riċerka universitarja u biex jiġbdu kapital (ta' riskju) u investituri informali affluwenti (business angels). - M’hemm l-ebda xkiel għat-twaqqif u l-operazzjoni ta' partenarjati u kollaborazzjonijiet transnazzjonali. 8. Il-kundizzjonijiet ta’ qafas iħeġġu investiment kummerċjali fir-Riċerka u l-Iżvilupp, l-intraprenditorija u l-innovazzjoni - Il-politiki li jħeġġu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija u li jgħollu l-kwalità tal-ambjent tan-negozju huma marbuta intimament ma' xulxin. - Hemm fis-seħħ kundizzjonijiet favorevoli li jrawmu suq tal-kapital ta' riskju robust u li jkun qed jikber, speċjalment fil-każ ta' investimenti fi stadju bikri. - B'konsistenza mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa[31], ir-regoli għat-twaqqif u t-tmexxija ta' negozju huma sempliċi u tfasslu mill-perspettiva tal-SMEs. Il-qafas legali huwa trasparenti u aġġornat. Ir-regoli jiġu infurzati sew. Is-swieq huma dinamiċi u kompetittivi. Ir-rieda li jittieħdu r-riskji hija mħeġġa. Ir-regoli dwar l-insolvenza jappoġġaw r-riorganizzazzjoni finanzjarja ta’ intrapriżi. M’hemmx diskrimanzzjoni kontra l-intraprendituri li jkunu fallew l-ewwel darba. - Hemm fis-seħħ sistema effiċjenti, affordabbli u effettiva għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li trawwem l-innovazzjoni u tippriżerva l-inċentivi tal-investiment. Is-suq tal-prodotti u s-servizzi innovatti jinżamm dejjem aġġornat permezz ta' sistema effiċjenti ta' ffissar tal-istandards. 9. L-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni fin-negozji huwa sempliċi, faċli li wieħed jaċċessah, u ta’ kwalità tajba - Hemm numru limitat ta’ skemi ta’ appoġġ b’mira u differenzjazzjoni ċari, u b'aċċess faċli, b'mod konsistenti mal-appoġġ disponibbli fil-livell tal-UE u li jindirizzaw fallimenti tas-suq indentifikati sew fil-forniment ta' fondi privati għall-innovazzjoni. - L-appoġġ għall-fondi huwa mfassal għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs. L-enfasi qiegħda fuq ir-riżultati aktar milli fuq l-inputs u l-kontrolli. Il-burokrazija tinżamm f’minimu, il-kriterji tal-għażla huma sempliċi u l-perjodi ta’ żmien biex jingħataw il-kuntratti u jsiru l-ħlasijiet qosra kemm jista’ jkun. L-iskemi ta’ finanzjament jiġu valutati regolarment u referenzjati viżavì skemi komparabbli f’pajjiżi oħra. - Il-finanzjament nazzjonali huwa allokat permezz ta' proċeduri valutattivi internazzjonali u jħeġġeġ il-kooperazzjoni transnazzjonali. Ir-regoli, il-proċeduri u l-iskedi ta' żmien huma allineati biex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE l-kooperazjoni ma’ Stati Membri oħra. - Appoġġ speċifiku huwa spiss disponibbli għall-kumpaniji innovattivi li għadhom fil-bidu tagħhom biex dawn jiġu assistiti ħalli jikkummerċjalizzaw l-ideat malajr u jitħeġġeġ l-internazzjonaliżmu. 10. Is-settur pubbliku nnifsu huwa katalist tal-innovazzjoni - Is-settur pubbliku jipprovdi inċentivi li jħeġġu l-innovazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet tiegħu u fit-twassil tas-servizzi pubbliċi. - Isir użu attiv mill-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jittejbu s-servizzi pubbliċi, anki permezz ta' baġits dedikati. L-offerti pubbliċi huma msejsa fuq speċifikazzjonijiet ta' prestazzjoni msejsa fuq ir-riżultati u l-kuntratti jingħataw abbażi tal-kriterji kwalitattivi li jiffavorixxu soluzzjonijiet innovattivi bħall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, flok abbażi tal-irħas prezz biss. L-opportunitajiet ta’ akkwist konġunt huma sfruttati. - Fejn possibbli, id-dejta fil-pussess tal-gvernijiet tkun disponibbli liberament bħala riżorsa għall-innovazzjoni. ANNESS II Tabella li turi l-Progress tal-Prestazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp Il-lista ta’ indikaturi ta' hawn taħt se tipprovdi l-bażi għal tabella li turi l-progress tal-prestazzjoni annwali bħala parti mill-monitoraġġ tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Id-dejta, li tuża l-istatistika disponibbli l-aktar riċenti, se tiġi ppreżentata għal kull Stat Membru, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, u għall-pajjiżi ewlenin li mhumiex membri tal-UE. Se jsiru sforzi biex id-dejta tkun disponibbli fil-livell reġjonali (jiġifieri subnazzjonali) għall-Istati Membri tal-UE. It-Tabella tal-Valutazzjoni se tinżamm sal-2020 u se tkun suġġetta għal analiżi perjodika li tiddependi mid-disponibbiltà ta' sorsi ġodda ta' dejta u/jew orjentazzjonijiet politiċi ġodda. Il-Kummissjoni se tfittex indikatur tal-prestazzjoni addizzjonali li jirrifletti l-parteċipazzjoni tal-irġiel u n-nisa għall-inklużjoni fit-Tabella tal-Valutazzjoni. Indikatur | Sors tad-dejta | ABILITATURI | Ir-riżorsi umani | 1.1.1 Lawrejati dottorali ġodda (ISCED 6) għal kull popolazzjoni ta’ 1000 ruħ ta' età 25-34* | Eurostat | 1.1.2 Perċentwal tal-popolazzjoni ta’ età 30-34 li temm l-edukazzjoni terzjarja * | Eurostat | 1.1.3 Perċentwal ta’ żgħażagħ ta’ età 20-24 li talanqas kisbu livell ta' edukazzjoni sekondarja superjuri* | Eurostat | Sistemi tar-riċerka miftuħa, eċċellenti u attraenti | 1.2.1 Kopubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali għal kull popolazzjoni ta' miljun ruħ | Thomson/Scopus | 1.2.2 Pubblikazzjonijiet xjentifiċi fost l-10 % ta’ pubblikazzjonijiet l-aktar ikkwotati fid-dinja bħala % tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi totali tal-pajjiż | Thomson/Scopus | 1.2.3 Studenti dottorali mhux mill-UE[32] għal kull popolazzjoni tal-miljun ruħa | Eurostat/OECD | Finanzjament u appoġġ | 1.3.1 Nefqiet pubbliċi fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp bħala % tal-PGD | Eurostat | 1.3.2 Kapital ta' riskju (stadju bikri, espansjoni u bdil) bħala % tal-PGD | EVCA/Eurostat | ATTIVITAJIET TAL-IMPRIŻI | Investimenti tal-impriżi | 2.1.1 Nefqiet min-negozji fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp bħala % tal-PGD | Eurostat | 2.1.2 Nefqiet fuq l-innovazzjoni mhux marbuta mar-Riċerka u l-Iżvilupp bħala % tal-fatturat | Eurostat | Rabtiet u intraprenditorija | 2.2.1 L-SMEs innovattivi fi ħdanhom stess bħala % tal-SMEs | Eurostat | 2.2.2. SMEs innovattivi li jikkollaboraw ma' oħrajn bħala % tal-SMEs | Eurostat | 2.2.3 Kopubblikazzjonijiet pubbliċi-privati għal kull popolazzjoni ta' miljun ruħ | Thomson/Scopus | Assi intellettwali | 2.3.1 Applikazzjonijiet ta' privattivi PCT għal kull biljun fil-PGD (f'PPS€) | Eurostat | 2.3.2 Applikazzjonijiet ta' privattivi PCT f’oqsma ta’ sfidi soċjetali għal kull biljun fil-PGD (f’PPS€) (il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima; is-saħħa) | OECD | 2.3.3 Marki kummerċjali komunitarji għal kull biljun fil-PGD (f'PPS€) | OHIM/Eurostat | 2.3.4 Disinni komunitarji għal kull biljun fil-PGD (f'PPS€) | OHIM/Eurostat | RIŻULTATI | Innovaturi | 3.1.1. SMEs (b’aktar minn 10 impjegati) li jintroduċu prodott jew proċess innovattiv bħala % tal-SMEs | Eurostat | 3.1.2 SMEs (aktar minn 10 impjegati) li jintroduċu innovitajiet organizzattivi jew fit-tqegħid tas-suq bħala % tal-SMEs | Eurostat | 3.1.3 Intrapriżi (b’aktar minn 10 impjegati) bi tkabbir għoli bħala % tal-intrapriżi kollha[33] | Eurostat | Effetti ekonomiċi | 3.2.1 Impjiegi fl-Attivitajiet Intensivi fl-Għarfien (manifattura u servizzi) bħala % tal-impjiegi totali | Eurostat | 3.2.1 Esportazzjoni ta’ prodotti manifatturati ta’ teknoloġija medja u avvanzata bħala % tal-prodotti kollha esportati | UN/Eurostat | 3.2.3 Esportazzjoni ta’ Servizzi Intensivi fl-Għarfien bħala % tas-servizzi esportati totali | UN/Eurostat | 3.2.4 Bejgħ ta' innovazzjonijiet ġodda għas-suq u ġodda għall-intrapriżi bħala % tal-fatturat | Eurostat | 3.2.5 Dħul minn liċenzji u privattivi minn pajjiżi oħra bħala % tal-PGD | Eurostat | *Iċ-ċifri dettaljati skont is-sess għandhom jiġu pprovduti għal dawn l-indikaturi. Tqabbil bejn l-UE u l-Istati Uniti [pic] [pic] Tqabbil bejn l-UE u l-Ġappun [pic] [pic] Tqabbil bejn l-UE u ċ-Ċina [pic] [pic] Nota: it-tqabbil huwa msejjes fuq l-aħħar dejta disponibbli: l-2008 għall-indikaturi kollha għajr: il-kopubblikazzjonijiet internazzjonali (2009); l-aktar pubblikazzjonijiet ikkwotati (2007); il-kopubblikazzjonijiet pubbliċi-privati (2007); Privattivi PCT (2007); Impjiegi KIA (2007). Għall-Ġappun: mhix disponibbli d-dejta għal kapital ta’ riskju u l-aktar dejta riċenti dwar l-impjiegi KIA hija mill-2005. Għaċ-Ċina: mhix disponibbli d-dejta dwar il-lawrji dottorali ġodda, il-kapital ta' riskju, l-ispiża tal-privattivi, l-impjiegi KIA. ANNESS III Il-Partenarjati tal-Innovazzjoni Ewropej Miri u ambitu ta’ Partenarjat għall-innovazzjoni Ewropew fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu 1. L-għan tal-partenarjat Hekk kif qed tirtira l-ġenerazzjoni magħrufa bħala baby-boom, il-popolazzjoni ta’ dawk ’il fuq mis-60 sena qed tiżdied b’rata doppja meta mqabbla ma' kif kienet qabel l-2007, jiġifieri b'xi żewġ miljun persuna fis-sena. Sal-2050, l-għadd ta’ persuni 'l fuq minn 50 se jiżdied b'35 % u dak ta' 'l fuq minn 85 se jkun it-triplu. Jekk il-livell attwali ta’ mard li jolqot lil dawn il-gruppi ta’ etajiet jibqa’ kif inhu, bosta miljuni oħra ta' Ewropej se jkunu qed ibatu minn disturbi bħall-mard newrodeġenerattiv (Alzheimer/Parkinson) u oħrajn bħall-kanċer u l-mard kardjovaskulari li huma iktar komuni fost l-anzjani. Dan jitlob għal żieda fl-iskoperti u l-iżvilupp tal-iskrining, id-ditezzjoni u d-djanjosi (mhux invażiva) ta' dan it-tip ta' mard, tal-mediċini u t-trattament biex jiġi evitat u indirizzat dan il-mard. Barra minn hekk, soluzzjonijiet innovattivi, inkluż l-ICT u teknoloġiji oħra għandhom il-potenzjal li jipprovdu mediċina u kura soċjali/tas-saħħa personalizzati u ta’ kwalità għolja, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura eżistenti. Il-kombinazzjoni ta' popolazzjoni tal-età tax-xogħol iżgħar u għadd ikbar ta’ persuni rtirati bi problemi tas-saħħa se jkun ta' piż konsiderevoli fuq is-sistemi tas-servizzi soċjali, u dan se jibda jfeġġ diġà fil-ftit snin li ġejjin. Fl-istess waqt, l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-anzjani jġib miegħu opportunitajiet ġodda fis-suq għal dawk li jirnexxielhom joħorġu b'soluzzjonijiet intelliġenti u innovattivi għall-isfidi ffaċjati mill-popolazzjoni li kull ma jmur qed tixjiħ, bħall-iżolament soċjali, waqgħat aktar spissi u tnaqqis fil-mobilità. Is-sejbiet ġodda importanti u l-kisba ta' ħajja aktar f'saħħitha u indipendenti fit-tul għall-anzjani ma jġibux magħhom biss benefiċċji soċjetali, imma wkoll benefiċċji ekonomiċi importanti. Il-miri tal-partenarjat għall-innovazzjoni huma li, sal-2020, jippermettu liċ-ċittadini tagħna jgħixu indipendement u f'saħħithom iktar fit-tul billi jiżdied l-għadd medju ta' snin ta' ħajja f'saħħitha b'sentejn (2), u, bil-kisba ta' din il-mira, jittejbu s-sostenibbiltà u l-effiċjenza tas-sistemi soċjali u tal-kura tas-saħħa tagħna, u jinħoloq suq globali u tal-UE għal prodotti u servizzi innovattivi b'opportunitajiet ġodda għan-negozji tal-UE. 2. It-twassil u l-iskjerament tal-istrumenti Il-partenarjat tat-tixjiħ attiv u b'saħħtu se jkollu: Komponent qawwi ta’ riċerka li, fejn possibbli, jirriżulta f'mediċini ġodda għall-anzjani, trattamenti jew għodod djanjostiċi ġodda, strateġiji istituzzjonali jew organizzattivi ġodda u soluzzjonijiet ġodda li jippermettu kwalità tal-ħajja aħjar għall-anzjani. Ir-riċerka tista' ssir jew permezz tat-tnedija ta’ programmi/proġetti ta' riċerka ġodda (notevolment bl-użu ta' akkwist prekummerċjali) inkella permezz ta' koordinament ta' programmi ta’ riċerka eżistenti (bħal ma hu diġà l-każ bl-Alzheimer's jew it-tixjiħ bħala parti mill-inizjattiva ta' programmi konġunti tal-UE). Il-provi dimostrattivi, sperimentali u ta’ skala kbira jinvolvu l-anzjani, il-pazjenti, il-carers, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, il-faċilitajiet tal-kura komunitarja u fid-dar, l-infrastruttura tal-ICT, eċċ. biex jittestjaw soluzzjonijiet ta’ daqs kbir biżżejjed b’mod koordinat f’pajjiżi u kuntesti differenti. Dawn id-dimostrazzjonijiet jeħtieġ li jsiru f’postijiet differenti, filwaqt li jiġu żgurati l-paragunabbiltà u l-interoperabbiltà. Dan jista’ jiġi appoġġat mill-UE u l-istrumenti nazzjonali bħall-fondi strutturali, il-Bank tal-Investiment Ewropew u l-fondi ta' innovazzjoni nazzjonali jew Ewropej. It-tħaffif fil-pass tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet ta’ qafas u tad-domanda neċessarji jrid jinkludi titjib fir-regoli għall-provi u t-testijiet kliniċi, tħaffif fil-proċeduri tal-valutazzjoni ta' mediċini ġodda mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, il-privattivi u l-protezzjoni tagħhom, rekwiżiti regolatorji bħal miżuri li jipproteġu d-dejta personali u medika, ir-rimborżi permezz tal-iskemi tal-assikurazzjoni tas-saħħa nazzjonali u akkwisti koordinati mis-settur pubbliku (netwerks ta' awtoritajiet pubbliċi), l-iżgurar tal-interoperabbiltà u l-iffissar ta' standards u speċifikazzjonijiet referenzjarji għal tagħmir u servizzi ġodda għat-telemediċina u l-ħajja indipendenti, it-twaqqif ta' fond għall-kura innovattiva u l-"mard orfni", u l-indirizzar ta' ostakli għal aċċess possibbli ta' swieq f'pajjiżi terzi. Għandhom jiġu identifikati wkoll oqsma (kemm fir-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll fi kwistjonijiet relatati bħall-istandardizzazzjoni) li fihom ikun neċessarju jew mixtieq li sseħħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Dan ikun isarraf f’għadd limitat ta’ pakketti ta’ ħidma li jipproponu azzjonijiet li jimmiraw li jiksbu dawn l-għanijiet strateġiċi: - Is-sejba u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet innovattivi, testijiet kliniċi, mediċini u trattamenti, il-ġlieda kontra l-mard kroniku marbut mal-età (bħall-Alzheimer's, il-Parkinson's kif ukoll il-kanċer, id-dijabete, il-mard kardjovaskolari u mard kroniku ieħor), filwaqt li jiġi pprovdut appoġġ pubbliku għar-riċerka dwar mard inqas frekwenti, rari jew orfni marbut mal-età (mard li ma jiġbidx biżżejjed attenzjoni mill-fondi tar-riċerka privati); - L-iżvilupp ta’ politiki u mudelli tan-negozju innovattivi ġodda għal sistemi tal-kura soċjali u tas-saħħa aktar integrati għall-anzjani, u t-titjib tal-awtokura u l-kura d-dar; kif ukoll it-tfassil u l-iskjerament ta' soluzzjonijiet innovattivi ġodda fuq skala kbira (inklużi dawk imsejsa fuq l-ICT) għall-kura fit-tul taż-żmien tal-anzjani bħall-immaniġjar tal-mard kroniku. Dan il-pakkett ta’ ħidma se jinkludi wkoll it-trawwim tal-akkwist pubbliku u l-kooperazzjoni HTA UE se tikkontribwixxi wkoll lejn dan il-għan. It-tħeġġiġ tal-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi, inklużi teknoloġiji msejsa fuq l-ICT u oħrajn, għal prodotti, tagħmir u servizzi adatti speċifikament għall-anzjani, biex jgħinuhom jgħixu b'mod aktar attivi u indipendenti, bħal sistemi ta' allarm u sikurezza, appoġġ għall-ħajja ta’ kuljum, prevenzjoni tal-waqgħat, servizzi ta’ interazzjoni soċjali u robotika fid-dar u aċċess speċifiku għall-internet. 3. Parteċipanti u tmexxija Biex tirnexxi, il-Kummissjoni permezz tal-Partenarjat għall-Innovazzjoni, beħsiebha tiġbor flimkien lill- parteċipanti ewlenin kollha tal-Ewropa f’dan il-qasam u trawwem impenn attiv u kontiwu fosthom. Dan ma jinkludix biss lill-awtoritajiet u r-regolaturi tal-UE u l-Istati Membri, dawk li jiffissaw l-istandards u l-professjonisti tal-akkwisti, iżda wkoll rappreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-kura soċjali u tas-saħħa, mill-professjoni medika u mill-istituzzjonijiet tar-riċerka dwar is-saħħa u t-tixjiħ. L-involviment tas-settur privat se jinkludi l-industriji tal-farmaċewtika u l-bijoteknoloġija, il-manifatturi tat-tagħmir mediku u assistiv, l-industrija tal-ICT, il-qasam tal-assikurazzjoni soċjali u tas-saħħa u l-fornituri tal-kapital (ta’riskju). Ir-rappreżentanti mill-gruppi tal-utenti anzjani u l-organizzazzjoni tal-kura għandu jkollhom sehem importanti wkoll f'dan il-parternarjat. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-partenarjat għat-tixjiħ attiv u b’saħħtu se sserraħ fuq il-Kummissarji tas-Saħħa u tal-Aġenda Diġitali fil-kuntest kumplessiv tat-tmexxija tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-Kummssjoni se tistieden lill-partijiet interessati mill-gruppi msemmija hawn fuq biex jipparteċipaw fil-partenarjat. Se jitwaqqaf bord ta’ direzzjoni, li jinkludi rappreżentanti ta' livell għoli mill-Istati Membri, l-industrija u l-professjonisti li jieħdu ħsieb l-anzjani, biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u f'waqtha. Il-bord ta’ direzzjoni se jissorvelja ħidmet it-tliet task forces, komposti minn esperti, prattikanti u utenti, li kull wieħed minnhom jiffoka fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pakketti ta’ ħidma. Il-partenarjat għandu jipproduċi kisbiet effiċjenti għall-parteċipanti kollha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, se tistandardizza u tissimplifika l-inizjattivi eżistenti f’dan il-qasam. Pereżempju, il-pjattaformi teknoloġiċi rilevanti, il-programmi konġunti, l-inizjattivi tas-swieq ewlenin u proġetti rileventi oħra ffinanzjati mill-programmi ta’ qafas tal-UE se jiġu integrati fi ħdan il-partenarjat. L-ewwel kompitu tal-bord ta’ direzzjoni se jkun - bl-assistenza tat-task forces - li jfassal, fl-ewwel sitt xhur, programm ta’ ħidma strateġika li jiddefinixxi l-aġenda tar-riċerka, u l-prijoritajiet għal dimostrazzjonijiet u skjerament fuq skala kbira, li jidentifika metodi kif jinġabru flimkien il-ħiliet esperti, li jivvaluta l-livell ta' fondi meħtieġa u l-għejun tagħhom u li jispeċifika l-iskjerament tal-istrumenti u l-politiki biex jitħaffef il-pass tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u li l-prodotti u s-servizzi jitwasslu fis-suq mingħajr dewmien bla ħtieġa. Dan għandu jinkludi analiżi profonda tal-ħtiġijiet tar-riċerka u l-ħidma li diġà twettqet biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi żgurat li l-partenarjat ikun jista' jissawwar fuq l-aktar għarfien u ħiliet esperti riċenti disponibbli. Għandhom jiġu definiti l-iżviluppi maġġuri u l-istrumenti ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni. Grupp ta’ ħidma speċifiku se jappoġġa lill-bord ta’ direzzjoni fl-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ monitoraġġ u ġbir ta' dejta. Aktar Partenarjati għall-Innovazzjoni potenzjali mistħarrġa mill-Kummissjoni Bliet intelliġenti Sal-2020, bl-2010 bħala l-linja bażi, l-għan huwa li jiġu appoġġati għadd ta’ bliet pijunnieri Ewropej (b’popolazzjoni totali ta’ talanqas 20 miljun) biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom b’aktar minn 20 %, iżidu sehem l-enerġija rinovabbli fl-enerġija użata biex tiġġenera l-elettriċità, it-tisħin u l-iffriskar b’20 %, u jżidu l-effiċjenza tal-enerġija fl-aħħar punt tal-użu b’20 %. Il-Partenarjat se juri l-fattibbiltà tal-progress rapidu lejn l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima fil-livell lokali filwaqt li ċ-ċittadini jintwerew li l-kwalità tal-ħajja u l-ekonomiji lokali jistgħu jittejbu permezz ta' investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinovabbli u soluzzjonijiet ta' mmaniġjar ta' sistemi tal-enerġija, inklużi arloġġi tad-dawl intelliġenti u l-użu ta' innovazzjonijiet tal-ICT, kif ukoll trasport urban aktar effiċjenti. Ewropa effiċjenti fl-ilma L-għan ta’ dan il-Partenarjat huwa li jħeġġeġ azzjonijiet li jistgħu jħaffu l-innovazzjoni fil-qasam tal-ilma u jneħħu x-xkiel għall-innovazzjoni. L-azzjonijiet huma maħsuba li jiksbu l-oġġettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma filwaqt li jnaqqsu t-total tal-ilma użat fl-UE, itejbu s-sigurtà tal-ilma u jħeġġu lill-industrija tal-ilma Ewropea li tkun minn ta’ quddiem nett fid-dinja. Forniment sostenibbli ta’ materji prima li mhumiex għejun tal-enerġija għas-Soċjetà Moderna L-għan huwa li jiġi żgurat forniment sikur u li jinkisbu mmaniġjar effiċjenti u sostenibbli u użu tal-materjali li mhumiex għejjun tal-enerġija tul il-katina kollha tal-valur fl-Ewropa. Dan huwa meħtieġ aktar u aktar biex tingħata risposta għall-isfidi soċjetali varji li hemm. Abbażi ta’ dan il-Partenarjat hemm id-dimostrazzjoni ta' għaxar impjanti sperimentali innovattivi għall-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-materji prima, u s-sejba ta' sostituti għal talanqas tliet applikazzjonijiet ewlenin ta' materji prima kritiċi. Mobilità intelliġenti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa L-għan ta’ dan il-Partenarjat huwa li jgħammar lill-Ewropa bi trasport u loġitika effettiva minn bieb sa bieb u bla intoppi billi jħeġġeġ l-iżvilupp wiesa' u kkoordinat u l-iskjerament tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI). Il-Parternarjat għall-Innovazzjoni se jibni fuq ir-riżultati disponibbli mir-riċerka u l-iżvilupp u jwassalhom ’il hinn sal-innovazzjoni u l-iskjerament operattiv konkret, ikkombinatai ma’ aktar riċerka u miżuri politiċi u leġiżlattivi. Il-produttività u s-sostenibbiltà agrikola Tul l-għoxrin sena li ġejjin id-domanda dinjija għall-ikel se tiżdied bil-qawwi. L-għan ta' dan il-Partenarjat huwa li jħeġġeġ settur agrikolu effiċjenti fir-riżorsi, produttiv u baxx fl-emissjonijiet – li jaħdem f'armonija mar-riżorsi naturali essenzjali li tiddependi minnhom il-biedja, bħall-ħamrija u l-ilma. L-oġġettiv huwa li jitwassal forniment sikur u regolari ta' ikel, għalf u biomaterjali – kemm fl-għamla ta' prodotti eżistenti u anki ġodda. Hemm il-ħtieġa li jittejbu l-proċessi biex nikkonservaw l-ambjent tagħna, nadattaw għall-bidla fil-klima u ntaffuha. Il-Partenarjati jissarfu f’pont bejn ir-riċerka u t-teknoloġija avvanzati u l-bdiewa, in-negozjanti u s-servizzi konsultattivi li jkunu jeħtieġuhom. [1] P. Zagamé (2010) The Cost of a non-innovative Europe (L-Ispiża ta' Ewropa mhux innovattiva). [2] COM (2010) 2020 [3] L-inizjattivi proposti fl-Unjoni tal-Innovazzjoni huma appoġġati minn analiżijiet ipprovduti fid-dokument ta' ħidma tal-persunal mehmuż, SEC (2010) 1160 [4] Ir-R&Ż tan-negozju fl-UE hija 66 % inqas mill-Istati Uniti u 122 % inqas mill-Ġappun, bħala sehem tal-PGD; l-investimenti ta' kapital ta' riskju huma 64 % inqas mill-Istati Uniti; u s-sehem ta' popolazzjoni li tlesti l-edukazzjoni terzjarja hija 69 % inqas mill-Istati Uniti u 76 % inqas mill-Ġappun (Ara l-Anness II). [5] P. Zagamé, (2010) The cost of a non-innovative Europe (L-Ispiża ta' Ewropa mhux innovattiva), http://ec.europa.eu/research/social-sciences/policy-briefs-research-achievements_en.html [6] Il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità, ta' swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw sewwa u tal-iżvilupp tal-ħiliet sejrin jiġu indirizzati fl-inizjattivi tal-Ewropa 2020 "Żgħażagħ Attivi" u "Kapaċitajiet ġodda għal Impjiegi Ġodda", rispettivament. [7] http://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/ [8] Ref. "Ħiliet fl-Eletttronika għas-Seklu 21. It-Trawwim tal-Kompetittività, it-Tkabbir u l-Impjiegi" COM(2007) 496. [9] Ara. http://ec.europa.eu/education/higher-education/doc1261_en.htm [10] L-Università l-ġdida Aalto fil-Finlandja hija eżempju. [11] Studju ta' fattibbiltà għal klassifikazzjoni globali multidimensjonali tal-universitajiet, http://www.u-multirank.eu; Il-Valutazzjoni tar-Riċerka tal-Ewropa bbażata fuq l-Universitajiet http://ec.europa.eu/research/science-society/document_library/pdf_06/assessing-europe-university-based-research_en.pdf [12] http://ec.europa.eu/research/infrastructures/index_en.cfm?pg=esfri-roadmap [13] Partenarjati ibbażati fuq l-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat tal-UE (Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija). [14] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-riċerka", COM(2010) 187 [15] Id-dejta l-aktar reċenti disponibbli mill-2008, inkluż il-Kapital ta' Riskju fl-istadju bikri u l-espansjoni. [16] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss dwar "Att dwar is-Suq Uniku" [17] L-RSFF hija skema tal-kondiviżjoni tar-riskji ta' kreditu stabbilita b'mod konġunt mill-KE u l-BEI biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament tad-dejn għall-kumpaniji privati jew l-istituzzjonijiet pubbliċi li jippromwovu attivitajiet bi profil ta' riskju finanzjarju ogħla fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni u l-innovazzjoni. L-istrumenti finanzjarji tas-CIP ikopru l-garanziji tas-self u l-kapital ta' riskju, u huma ġestiti mill-FEI. [18] Sal-lum, il-kontribuzzjonijiet għall-RSFF ta' EUR 430 miljun mill-baġit tal-UE u EUR 800 miljun mill-BEI, bħala imsieħba li jaqsmu r-riskju, appoġġaw aktar minn EUR 18 miljun investiment (15-il darba aktar mill-kontribuzzjoni lill-RSFF u 42 darba aktar mill-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE). Il-kontribuzzjoni ta' EUR 400 miljun lill-istrumenti finanzjarji tas-CIP sal-aħħar tal-2009 għenet investimenti ta' EUR 9 biljun (22 darba aktar mill-kontribuzzjoni tal-baġit), u kienet ta' benefiċċju għal madwar 68000 SME. [19] "Analiżi tal-ispiża-benefiċċju ekonomiku tal-privattiva Komunitarja", mwettqa mill-Prof. Bruno van Pottelsberghe (2009). [20] Ċifra 2004 [21] L-Istati Uniti tobbliga bil-liġi lill-aġenziji federali tagħha biex jiddedikaw 2.5% tal-baġits esterni tagħhom biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi tal-SMEs. [22] Bħall-iskemi UK SBRI u l-SBIR Olandiża li joffru kuntratti biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal sfidi speċifiċi identifikati fis-servizzi pubbliċi. Dawn l-iskemi jsegwu l-approċċ stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kumissjoni dwar l-Akkwist Prekummerċjali. L-Istati Uniti jirriervaw parti mill-baġit federali tagħhom biex jappoġġaw l-innovazzjoni permezz tal-programm SBIR tagħhom. [23] Ara l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar "It-tħeġġiġ tal-potenzjal ta' industriji kulturali u kreattivi", COM(2010) 183 finali. [24] Bħall-post tas-suq tal-proprjetà intellettwali tal-Uffiċju tal-Privattivi Olandi u l-inizjattiva konġunta tal-Caisse des Dépots Franiża u l- US Bank Ocean Tomo. [25] Konklużjonijiet tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni 2009. [26] Billi tintuża l-possibilità skont l-Artikolu 37 (6b) tar-Regolament KE Nru 1083/2006. [27] Id-Direttiva tal-Kunsill ĠU. L289/15 tat-3/11/2005 (2005/71/KE, inkluża ir-Rakkomandazzjoni tal-KE dwar visas ta' medda qasira ta' żmien għar-riċerkaturi) [28] F'dan il-kuntest, ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp tal-UE huwa importanti. [29] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25/26 ta' Marzu 2010 (EUCO 7/10). [30] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/geoghegan-quinn/hlp/index_en.htm [31] “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir”. “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa. COM (2008)374 [32] Fil-każ tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE: studenti dottorali minn pajjiżi oħra. [33] Suġġett għall-verifika tad-disponibbiltà tad-dejta sal-2011