Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0135

    Proposta għal Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda tal-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI {SEC(2009) 355} {SEC(2009) 356}

    /* KUMM/2009/0135 finali - CNS 2009/0049 */

    52009PC0135




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 25.3.2009

    COM(2009) 135 finali

    2009/0049 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI-QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar il-ġlieda tal-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI

    {SEC(2009) 355} {SEC(2009) 356}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    L-abbuż sesswwali u l-isfruttament sesswali tat-tfal huma forom ta’ reati partikolarment serji minħabba li huma mmirati kontra t-tfal, li għandhom id-dritt għal protezzjoni u kura speċjali. Dawn jagħmlu ħsara fiżika, psikoloġika u soċjali fit-tul lill-vittmi u l-persistenza tagħhom timmina l-valuri li jinsabu fil-qalba ta’ soċjetà moderna f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni speċjali tat-tfal u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet relevanti tal-Istat. Minkejja n-nuqqas ta’ statistiċi preċiżi u ta’ min joqgħod fuqhom, l-istudji li saru jindikaw li minoranza sinifikanti ta’ tfal fl-Ewropa jistgħu jkunu mmolestati sesswalment matul it-tfulija tagħhom, u r-riċerka tissuġġerixxi wkoll li dan il-fenomenu mhux qed jonqos biż-żmien, anzi li ċerti forom ta’ vjolenza sesswali qed jiżdiedu.

    L-għan politiku ġenerali tal-Unjoni f’dan il-qasam, taħt l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa li jwaqqaf u jikkumbatti r-reati kontra t-tfal, li jinkludu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Dan għandu jsir billi jinbena qafas iktar koerenti għall-ġlieda kontra dawn ir-reati taħt it-tielet pilastru u billi tiżdied l-effettività tiegħu. Għanijiet speċifiċi għandhom ikunu li ssir prosekuzzjoni iktar effettiva ta’ dan ir-reat; li jkunu protetti d-drittijiet tal-vittmi; li jitwaqqaf l-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal; u li jinħolqu sistemi effettivi ta’ sorveljanza.

    - Kuntest ġenerali

    Rigward it-tfal vittmi, il-kawża prinċipali ta’ dan il-fenomenu hija l-vulnerabbiltà li tirriżulta minn fatturi differenti. Rispons insuffiċjenti min-naħa tal-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi jikkontribwixxi għall-prevalenza ta’ dawn il-fenomeni, u d-diffikultajiet jiżdiedu minħabba li ċerti forom ta’ reati jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-vittmi ma jkunux jixtiequ jirrappurtaw l-abbuż, il-varjazzjonijiet fil-liġi kriminali u l-proċedura tal-pajjiż tista’ twassal għal differenzi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, u t-trasgressuri misjubin ħatja jistgħu jibqgħu perikolużi wara li jkunu servew is-sentenza. Żviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni għamlu dawn il-problemi iktar akuti minħabba li għamluha iktar faċli li tipproduċi u tiddistribwixxi immaġni ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal filwaqt li joffru l-anonimità lit-trasgressuri u r-responsabbiltà tinfirex matul ġurisdizzjonijiet differenti. Il-faċilità tal-ivvjaġġar u d-diskrepanzi fid-dħul finanzjarju jkomplu jinkoraġġixxu lill-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess tat-tfal, li jirriżulta ħafna drabi f’li t-trasgressuri jikkommettu r-reati barra mill-pajjiż b’impunità. Lil hinn minn diffikultajiet tal-prosekuzzjoni, il-kriminalità organizzata tista’ tagħmel qliegħ konsiderevoli b’riskju mill-inqas.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkopri dawn it-tliet problemi, f’limiti li jvarjaw. Madanakollu, mhix b’saħħitha jew konsistenti biżżejjed biex tipprovdi rispons soċjali qawwi għal dan il-fenomenu disturbanti.

    Wieħed jista' jgħid li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CETS Nru 201 li saret reċentement kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal (“il-Konvenzjoni tal-KTE) tikkostitwixxi l-ogħla standard internazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-abbuż u l-isfuttament sesswali s’issa. Fuq skala globali, l-istandard internazzjonali ewlieni huwa l-Protokoll Fakoltattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal tas-sena 2000. Madanakollu, mhux l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni.

    - Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Fil-livell tal-UE, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tintroduċi minimu ta’ tqarrib ta' leġiżlazzjoni tal-Istati Membri biex din tikkriminalizza l-iktar forom serji ta’ abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal, testendi l-ġuriżdizzjoni domestika, u tipprovdi għal minimu ta’ assistenza lill-vittmi. Minkejja li r-rekwiżiti b’mod ġenerali ġew implimentati, id-Deċiżjoni-Qafas għandha għadd ta’ nuqqasijiet. Tqarreb il-liġi fuq numru limitat biss ta’ reati, ma tindirizzax forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni, ma tneħħix l-ostakoli għall-prosekuzzjoni ta’ reati barra mit-territorju nazzjonali, ma tissodisfax il-bżonnijiet speċifiċi ta’ vittmi tfal, u ma fihiex miżuri adegwati biex jitwaqqfu r-reati.

    Inizjattivi oħrajn tal-UE li qegħdin fis-seħħ jew li qed jitħejjew jindirizzaw parzjalment xi problemi li wkoll għandhom effett fuq ir-reati sesswali fuq it-tfal. Dawn jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/375/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 biex tikkumbatti l-pornografija tat-tfal fuq l-internet, id-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, id-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi ta' informazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta' użu iktar sigur tal-internet u teknoloġiji ġodda online, u d-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar kif għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' prova bil-għan li ssir superviżjoni tal-miżuri ta' prova u sanzjonijiet alternattivi.

    - Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-miri tal-Unjoni Ewropea

    L-għanijiet huma għal kollox konsistenti mal-politika tal-UE dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal fil-linji ta' politika interni u esterni tal-UE. L-UE espliċitament irrikonoxxiet il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, speċifikament fl-Artikolu 24. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni Lejn Strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Kummissjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li timmassimizza l-użu ta’ linji ta' politika u strumenti eżistenti sa ċertu punt bil-għan li tipproteġi t-tfal mill-vjolenza u l-isfruttament sesswali ġewwa u barra mill-UE. L-objettivi huma wkoll konsistenti mal-Programm għal Internet b'anqas perikli mwaqqaf biex imexxi ’l quddiem użu b'anqas periklu tal-internet, u teknoloġiji online ġodda, partikolarment għat-tfal, u sabiex jiġġieled il-kontenut illegali.

    Din il-proposta saret bil-kundizzjoni ta’ skrutinju fil-fond sabiex ikun assigurat li d-dispożizzjonijiet kienu kompatibbli għal kollox mad-drittijiet fundamentali u partikolarment mad-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurta, il-ħelsien tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati u l-pieni.

    Ingħatat attenzjoni partikolari lil Artikolu 24 tal-Karta tal-UE, li jistipula obbligu pożittiv ta’ azzjoni bil-għan li l-protezzjoni neċessarja tat-tfal tiġi assigurata. L-Artikolu jiddikjara li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Barra minn hekk, jirrikjedi li f’kull azzjoni relatata mat-tfal, sew jekk jeħduha l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll istituzzjonijiet privati, l-ewwel kunsiderazzjon trid tkun fl-aħjar interess tat-tfal, li hija wkoll hija imnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    Sar skrutinju dettaljat rigward id-dritt għar-rispett għal ħajja privata u familjari u l-protezzjoni tad-dejta personali (Artikolu 8 ECHR, Artikoli 7 u 8 tal-Karta UE) tad-dispożizzjonijiet dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ abbuż mill-internet, l-għarfien ta’ metodi speċjali ta’ investigazzjoni, il-projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni matul l-UE. Id-dispożizzjonijiet dwar l-intensifikazzjoni tal-infurzar tal-liġi kontra l-pubblikazzjoni jew it-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż mit-tfal, ir-reklamar tal-pornografija tat-tfal jew it-tħajjir għall–abbuż sesswali tat-tfal, jew dwar metodi biex ikun imblukkat l-aċċess għal paġni tal-internet li jkollhom il-pornografija tat-tfal ġew studjati partikolarment rigward il-libertà tal-espressjoni (Artikolu 10 ECHR, Artikolu 11 tal-Karta EU).

    2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

    - Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li taw fehmithom

    Ġiet ikkonsultata firxa wiesgħa ta’ esperti fil-qasam fi tliet laqgħat differenti dwar l-abbuż sesswali tat-tfal, l-isfruttament sesswali, u t-traffikar tal-persuni. Dan inkluda, b’mod partikolari, Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, Membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Traffikar tal-Persuni, organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod speċjali l-Kunsill tal-Ewropa u l-UNICEF, NGOs, il-qasam akkademiku u ċentri ta’ riċerka, u istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Għadd ta’ esperti u organizzazzjonijiet minn dakinhar bagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom u pprovdew informazzjoni.

    Sinteżi tar-reazzjonijiet u ta' kif dawn ġew ikkunsidrati

    Messaġġi ewlenin li joħorġu mill-konsultazzjoni huma:

    - il-ħtieġa li jiġi inkorporat it-titjib li sar fil-Konvenzjoni tal-KTE;

    - il-ħtieġa li jiġu kriminalizzati ċerti forom ta’ abbuż fid-DQ kurrenti, partikolarment forom ġodda ta’ reati li jużaw l-IT;

    - il-ħtieġa li jiġu eliminati l-ostakoli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni għal każi transkonfinali;

    - il-ħtieġa li tiġi assigurata l-protezzjoni totali tal-vittmi, partikolarment fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali;

    - il-ħtieġa li jitwaqqfu r-reati permezz ta’ programmi ta’ intervent u trattament;

    - il-ħtieġa li jkun assigurat li l-kundanni u l-miżuri ta’ sigurtà li jiġu imposti fuq trasgressuri perikolużi f’pajjiż wieħed ikunu effettivi fl-Istati Membri kollha.

    Fl-Evalwazzjoni tal-Impatt ittieħed kont tal-kontribuzzjoni li ngħatat waqt il-konsultazzjoni. Uħud mis-suġġerimenti li saru minn partijiet interessati differenti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni ma ddaħħlux fil-proposta, għal raġunijiet differenti li huma spejgati fl-Evalwazzjoni tal-Impatt.

    - Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm ħtieġa ta’ kompetenza esterna.

    - Valutazzjoni tal-impatt

    Ġew eżaminati għażliet varji ta’ politika sabiex jintlaħaq il-għan.

    - Għażla ta’ politika 1: L-ebda azzjoni ġdida mill-UE

    L-UE ma tieħu ebda azzjoni (leġiżlazzjoni, strumenti mhux ta’ politika, sostenn finanzjarju) biex tiġġieled l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-proċess ta’ firma u ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-KTE.

    - Għażla ta’ politika 2: Il-liġi eżistenti tiġi msaħħa b’miżuri mhux leġiżlattivi

    Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment id-Deċiżjoni-Qafas 68/2004/ĠAI, ma tinbidilx. Minflok, jistgħu jittieħdu miżuri mhux leġiżlattivi biex isostnu l-implimentazzjon kkoordinata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jista’ jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza fil-prosekuzzjoni, il-protezzjoni jew il-prevenzjoni, iż-żjieda fl-għarfien, kooperazzjoni mas-settur privat u l-inkoraġġiment tal-awtoregolazzjoni.

    - Għażla ta’ politika 3: Leġiżlazzjoni ġdida dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi, u l-prevenzjoni tar-reati

    Deċiżjoni-Qafas ġdida tiġi adottata, li tinkorpora d-Deċiżjoni-Qafas li hemm bħalissa, ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-KTE, u elementi addizjonali li ma hemm f’ebda waħda. Tkun tkopri l-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi, u l-prevenzjoni tal-fenomenu.

    - Għażla ta’ politika 4: Leġiżlazzjoni ġdida komprensiva biex issaħħaħ il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prevenzjoni tar-reati (bħal f’għażla 3) kif ukoll miżuri mhux leġiżlattivi (bħal f’għażla 2)

    Id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Deċiżjoni-Qafas 68/2004/ĠAI tiġi supplimentata b’azzjoni tal-UE biex temenda l-liġi u l-proċedura kriminali sostantiva, tipproteġi l-vittmi, u twaqqaf ir-reati bħal taħt għażla 3, kif ukoll miżuri mhux leġiżlattivi identifikati taħt għażla 2 biex itejbu l-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali.

    Wara l-analiżi tal-impatt ekonomiku, l-impatti soċjali, u l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, l-għażliet 3 u 4 jirrappreżentaw l-aħjar approċċ għall-problemi u jwasslu għall-aħjar għanijiet tal-proposta. L-għażla preferuta għandha tkun għażla 4, u warajha għażla 3.

    Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni tal-impatt kif elenkat fil-Programm ta’ Ħidma. Dan ir-rapport jinstab fuq :

    http://ec.europa.eu/governance/impact/cia_2009_en.htm

    3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - Sinteżi tal-azzjoni proposta

    Id-Deċiżjoni-Qafas għandha tħassar kif ukoll tinkorpora d-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI sabiex tinkludi l-elementi li ġejjin:

    - Dwar il-liġi kriminali sostantiva in ġenerali

    Forom serji ta’ abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal li bħalissa mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE issa jiġu kriminalizzati. Dan jinkludi, pereżempju, l-organizzazjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar bil-għan li jitwettaq abbuż sesswali, ħaġa partikolarment relevanti, iżda mhux esklussivament, fil-kuntest tat-turiżmu sesswali tat-tfal. Id-definizzjoni ta’ pornografija tat-tfal hija emendata biex din titqarreb lejn il-Konvenzjoni tal-KTE u l-Protokoll Fakultattiv. Tingħata kunsiderazzjoni speċjali lil offiżi kontra tfal li jkunu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, bħal fil-każ ta' tfal mhux akkompanjati.

    - Dwar reati kriminali ġodda fl-ambjent tal-IT

    Forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali iffaċilitati mill-użu tal-IT jiġu kkriminalizzati. Dan jinkludi li wieħed xjentement jottjeni aċċess għall-pornografija tat-tfal, u jkopri każi fejn li wieħed jara l-pornografija tat-tfal minn siti elettroniċi mingħajr ma jniżżilhom jew iżomm l-immaġini ma jikkostitwix “pussess” jew “ksib” ta’ pornografija tat-tfal. Barra minn hekk ir-reat ġdid ta’ “tħejjija” huwa inkorporat u jsegwi mill-qrib id-diskors maqbul fil-Konvenzjoni tal-KTE.

    - Dwar l-investigazzjoni kriminali u l-bidu tal-proċedimenti kriminali

    Għandhom jiġu introdotti għadd ta’ dispożizzjonijiet sabiex jassistu fl-investigazzjoni tar-reati u jinġiebu l-akkużi. Hawn inkluż mekkaniżmu li jikkoordina l-prosekuzzjoni f’każi ta’ ġuriżdizzjonijiet multipli, iżda jista’ jaqa' ladarba l-Proposta għal Deċiżjoni-Qafas dwar il-kunflitt ta’ ġuriżdizzjoni fil-proċedimenti kriminali tiġi adottata[1].

    - Dwar il-prosekuzzjoni ta’ reati li jsiru barra mill-pajjiż

    Jiġu emendati r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni sabiex ikun assigurat li dawk fl-UE li jabbużaw minn jew jisfruttaw it-tfal jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-UE permezz tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess.

    - Dwar il-protezzjoni tal-vittmi

    Jiġu inklużi dispożizzjonijiet ġodda sabiex jassiġuraw li l-vittmi jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u ma jbatux jekk jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali.

    - Dwar il-prevenzjoni tar-reati

    Jiġu introdotti emendi biex jgħinu l-prevenzjoni ta’ reati ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal, permezz ta’ għadd ta’ azzjonijiet li jikkonċentraw fuq trasgressuri ta’ qabel biex jitwaqqaf ir-reċidiviżmu, u jirrestrinġu l-aċċess għall-pornografija tat-tfal fuq l-internet. L-għan li ssir restrizzjoni fuq aċċess tali huwa li tonqos iċ-ċirkolazzjoni tal-pornografija tat-tfal billi jsir iktar diffiċli li wieħed juża l-Internet pubblikament aċċessibbli. Dan mhux minflok it-tneħħija tal-kontenut mis-sors jew tal-prosekuzzjoni tat-trasgressuri.

    Bħala konsegwenza il-proposta tkun tista', f'għadd ta' modi, tagħti wkoll valur miżjud lil-livell ta' protezzjoni kif iffissat mill-Konvenzjoni tal-KTE. Fejn tidħol is-sustanza, il-proposta tinkludi elementi li ma jinstabux fil-Konvenzjoni tal-KTE, bħal ma hi l-implimentazzjoni madwar l-UE ta' projbizzjonijiet minn attivitajiet ma' tfal imposti fuq trasgressuri, l-ibblukkar tal-aċċess għal pornografija tat-tfal minn fuq l-internet, il-kriminalizzazzjoni tal-att ta' sfurzar ta' tfal biex ikollhom x'jaqsmu sesswalment ma' parti terza, abbuż sesswali mit-tfal fuq l-internet u klawżola biex vittmi tfal ma jiġux ikkastigati. Tmur ukoll lill hinn mill-obbligi impost mill-Konvenzjoni tal-KTE fejn jidħol il-livell ta' kastigi, għajnuna legali b'xejn lil vittmi tfal u l-projbizzjoni ta' attivitajiet li jħajru l-abbuż u t-turiżmu sesswali tat-tfal. Min-naħa formali, l-inkorporazzjoni ta' dispożizzjonijiet mill-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE se tħaffef l-adozzjoni aktar malajr ta' miżuri nazzjonali mqabbla ma' proċeduri nazzjonali ta' ratifika, u tiżgura monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni.

    - Il-bażi legali

    Artikolu 29, Artikolu 31(1)(e), Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għall-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin.

    L-isfruttar sesswali u l-abbuż sesswali tat-tfal għandu dimensjoni wiesgħa transkonfinali, li hija l-iktar evidenti fil-pornografija tat-tfal u t-turiżmu tas-sess tat-tfal, iżda jidher li hemm ħtieġa li t-tfal fl-Istati Membru kollha għandhom ikunu protetti minn trasgressuri mill-Istati Membri kollha, li jistgħu jivvjaġġaw faċilment. Dan jitlob azzjoni mill-UE, b’mod partikolari biex issegwi d-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/375/ĠAI[2], għaliex l-għan ta’ protezzjoni effettiva tat-tfal ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom.

    L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin.

    Il-proposta se tqarreb iktar il-liġi kriminali sostantiva tal-Istati Membri u r-regoli tal-proċedura, li se jkollhom impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra dawn ir-reati. L-ewwel, hija mezz kif tiġi evitata l-preferenza kriminali biex jitwettaq reat fl-Istati Membri li għandhom regoli inqas severi; it-tieni, il-kondiviżjoni tad-definizzjonijiet jagħmluha possibbli li jsir progress fl-iskambju utili ta’ dejta u esperjenza komuni u li jsir progress fil-komparabilità tad-dejta; u t-tielet, titħaffef il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-proposta għandha wkoll issaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal vittmi. Din hija urġenza umanitarja kif ukoll kundizzjoni għall-vittmi li jipprovdu l-evidenza meħtieġa biex issir il-prosekuzzjoni tar-reati. L-effettività tal-miżuri ta’ prevenzjoni madwar l-UE għandha tissaħħaħ ukoll.

    Il-proposta b’hekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

    Din id-Deċiżjoni-Qafas hija limitata għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijet fil-livell Ewropew u ma' tmurx lil hinn minn dak li hemm bżonn għal dan il-għan.

    - L-għażla tal-istrumenti

    L-istrumenti proposti: Deċiżjoni-Qafas.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

    Fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-ordni u l-ġudikatura fil-ġlieda kontra reati bħalma huma l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali, hija biss Deċiżjoni-Qafas li tippermetti t-tqarrib ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

    Miżuri mhux leġiżlattivi u awtoregolamentazzjoni għandhom itejbu s-sitwazzjoni f’ċerti oqsma fejn l-implimentazzjoni hija kruċjali. Madanakollu, f’oqsma oħra fejn leġiżlazzjoni ġdida hija essenzjali, il-benefiċċji ma jkunux wisq. Dan japplika għall-prosekuzzjoni kriminali u l-kundanna għal imġieba li tinvolvi forom varji ta’ abbuż u sfruttament tat-tfal li jkun jeħtieġ li jiġu koperti espliċitament mil-liġi ( nulla poena sine lege , Artkolu 7 tal-KEDU, Artikolu 49 tal-Karta UE), u ċerti miżuri li jinvolvu l-indħil fid-drittijiet fundamentali, li jridu jittieħdu wkoll ‘b’konformità mal-liġi’ (Artikoli 8 u 10 tal-KEDU, and Artikolu 52(1) tal-Karta UE).

    4. IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

    5. TAGĦRIF ADDIZZJONALI

    - Tħassir ta' leġiżlazzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-proposta ser twassal biex tiġi rrevokata l-leġiżlazzjoni eżistenti.

    2009/xxxx (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI-QAFAS TAL-KUNSILL

    dwar il-ġlieda tal-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1) (e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

    Billi:

    (1) L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt fundamentali tat-tfal għal trobbija u żvilupp armonjużi.

    (2) Il-pornografija tat-tfal, li tikkonsisti f’immaġini ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal partikolarment serji qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta' l-internet.

    (3) Id-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal[4] tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex tikkriminalizza l-iktar forom ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal, testendi l-ġuriżdizzjoni domestika, u tipprovdi għal livell minimu ta’ assistenza lill-vittmi.

    (4) Il-Protokoll Fakoltattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-pornografija tat-tfal u, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali huma passi kruċjali fil-proċess biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.

    (5) Reati kriminali serji bħalma huma l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi tfal, u l-prevenzjoni tal-fenomenu. Kull miżura biex tiġġieled dawn ir-reati għandha titwettaq fl-aħjar interess u r-rispett tad-drittijiet tat-tfal. Sabiex jintlaħaq dan il-għan id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI teħtieġ tiġi sostitwita bi strument ġdid li jipprovdi tali kwadru legali komprensiv.

    (6) Forom serji ta’ abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament għandhom ikunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi. Dan jinkludi, b’mod partikolari, forom ġodda ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali ffaċilitat mill-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni. Id-definizzjoni ta’ pornografija tat-tfal għandha tkun iċċarata u tinġieb iktar qrib għal dik li jinsab fi strumenti internazzjonali.

    (7) L-investigazzjoni tar-reati u l-akkużi fi proċedimenti kriminali għandhom jiġu ffaċilitati, u jittieħed kont tad-diffikultà tal-vittmi tfal biex jirrappurtaw l-abbuż u l-anonimità tat-trasgressuri fuq l-internet.

    (8) Għandhom jiġu emendati r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni sabiex ikun assigurat li dawk fl-Unjoni Ewropea li jabbużaw minn jew jisfruttaw it-tfal jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess.

    (9) Vittmi tfal għandu jkollhom aċċess faċili għal rimedji legali u m’għandhomx isofru jekk jieħdu sehem fi proċeduri kriminali.

    (10) Sabiex jitwaqqaf u jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-reċidiviżmu, it-trasgressuri għandha ssirilhom evalwazzjoni tal-livell tal-periklu li huma jikkaġunaw kif ukoll tar-riskji possibbli li jirrepetu reati sesswali fuq it-tfal, u għandu jkollhom aċċess għal programmi jew miżuri ta’ intervent effettivi fuq bażi volontarja.

    (11) Meta l-periklu kkawżat mit-trasgresuri u r-riskji possibbli ta’ ripetizzjoni jagħmluha xierqa, trasgressuri misjuba ħatja għandhom temporanjament jew permanentement ma jitħallewx iwettqu attivitajiet li jinvolvu kuntatt mat-tfal, fejn ikun xieraq. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet madwar l-UE għandha ssir aktar faċli.

    (12) Fil-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal, partikolarment fejn il-materjali oriġinali ma jinsabux fl-UE, għandhom jitpoġġew fil-post mekkaniżmi li jimblukkaw l-aċċess mit-territorju tal-UE għal paġni tal-internet li jkunu identifikati bħala li fihom jew li jxerrdu l-pornografija tat-tfal.

    (13) Konformement mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, din id-Deċiżjoni-Qafas tillimita ruħha għall-minimu mitlub sabiex jinkisbu l-għanijiet fil-livell Ewropew u ma' jmorrux ‘l hinn minn dak li hemm bżonn għall dak il-għan.

    (14) Din id-Deċiżjoni-Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li tirrikonoxxi b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-aktar id-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew il-kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati kriminali u l-pieni. B’mod partikolari, din id-Deċiżjoni-Qafas tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ għal dawk id-drittijiet. Din id-Deċiżjoni-Qafas m'għandhiex il-ħsieb li tkopri l-attivitajiet sesswali konseswali bejn il-minorenni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI-QAFAS:

    Artikolu 1 Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni-Qafas:

    (a) "tfal" għandha tfisser persuni taħt l-eta ta' 18-il sena;

    (b) ‘pornografija tat-tfal’ għandha tfisser

    (i) kull materjal li viżwalment juri tfal, jew kwalunkwe persuni li jidhru li huma tfal, jew immaġini realistiċi ta’ tfal li ma jeżistux, li qed jieħdu sehem f’imġieba vera jew simulata li hi sesswalment espliċita; jew

    (ii) kull stampa primarjament għal skopijiet sesswali tal-organi sesswali ta’ tfal, jew ta’ persuni li jidhru li huma tfal, jew ta’ immaġini realistiċi ta’ tfal li ma jeżistux;

    (c) ‘prostituzzjoni tat-tfal’ għandha tfisser l-użu ta’ tfal għal attivitajiet sesswali fejn il-flus jew xi forma oħra ta’ ħlas jew konsiderazzjoni tingħata jew tiġi imwegħda bħala pagament bi skambju biex it-tfal jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali, irrispettivament jekk dan il-ħlas, wegħda jew konsiderazzjoni issirx lit-tfal jew lil persuna terza;

    (d) ‘wirja pornografika’ għandha tfisser l-esibizzjoni quddiem udjenza preżenti:

    (i) ta’ tfal li qed jieħdu sehem f’aġir sesswalment espliċitu reali jew simulat; jew

    (ii) tal-organi sesswali ta’ tfal għal raġinijiet prinċipalment sesswali;

    (e) ‘sistema tal-informatika’ għandha tfisser kull apparat jew grupp ta' apparati inter-konnessi jew relatati, li wieħed jew iktar minnhom, skond programm, iwettaq ipproċessar awtomatiku ta' dejta.

    Artikolu 2 Reati li jikkonċernaw abbuż sesswali

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

    (a) l-attivitajiet sesswali ma' tfal li ma jkunux laħqu l-età tal-kunsens sesswali skont il-liġi nazzjonali;

    (b) sehem f’attivitajiet sesswali ma' tfal, fejn:

    (i) isir użu minn sfurzar, forza jew theddid; jew

    (ii) isir abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta' fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal; jew

    (iii) isir abbuż minn sitwazzjoni partikolament vulnerabbli tat-tfal, ta' min isemmi minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza;

    (c) l-isfurzar ta’ tfal biex jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali ma’ persuna terza;

    (d) tfal li ma jkunux laħqu l-età ta' kunsens sesswali skont il-liġi nazzjonali jiġu xjentement sfurzati, għal skopijiet sesswali, lil jaraw abbuż sesswali jew attivitajiet sesswali, anki jekk ma jipparteċipawx;

    (e) tfal ikunu intenzjonalment imġiegħla, għal skopijiet sesswali, li jieħdu sehem f’imġieba sesswali reali jew simulata jew fl-esibizzjoni tal-organi sesswali, inkluż permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

    2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(a) u 1(e) mhumiex intiżi li jkopru attivitajiet sesswali konsenswali bejn tfal.

    Artikolu 3 Reati li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

    (a) reklutar ta' tfal fil-prostituzzjoni jew fl-ipparteċipar f'wirjiet pornografiċi;

    (b) sfurzar ta' tfal għall-prostituzzjoni jew għall-ipparteċipar f'wirjiet pornografiċi, jew qligħ minn jew sfruttar b'mod ieħor ta' tfal għal għanijiet tali;

    (c) sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tfal, fejn wieħed jirrikorri għall-prostituzzjoni tat-tfal;

    (d) l-iffrekwentar konxju ta’ wirjiet pornografiċi li jinvolvu l-parteċipazzjoni tat-tfal.

    Artikolu 4 Reati li jikkoncernaw il-pornografija tat-tfal

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġieba intenzjonata li ġejja kemm jekk saret permezz ta' sistema tal-kompjuter kemm le, meta tkun intgħamlet mingħajr dritt tkun punibbli:

    (a) produzzjoni ta' pornografija tat-tfal;

    (b) distribuzzjoni, tixrid jew trasmissjoni ta' pornografija tat-tfal;

    (c) offerta, forniment jew li ssir disponibbli pornografija tat-tfal;

    (d) kisba jew pussess ta' pornografija tat-tfal.

    (e) l-akkwist konxju ta’ aċċess, permezz ta’ informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni għall-pornografija tat-tfal.

    Artikolu 5 Is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

    Il-proposta, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, minn adult biex jiltaqa’ ma’ tfal li jkunu għadhom ma laħqux l-età legali għal attività sesswali skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-pajjiż, bl-iskop li jitwettaq kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2(a) u 4(a) fejn din il-proposta tkun twettqet b'atti materjali li jwasslu għal din il-laqgħa.

    Artikolu 6 Tixwix, għajnuna u influwenza, attentat u reati ta’ tħejjija

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li t-tixwix, jew l-għajnuna jew l-influwenza għall-kummissjoni ta' offiża imsemmija fl-Artikoli 2 sa 5 tkun punibbli.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li attentati biex jitwettaq kwalunkwe mill-offiżi imsemmija fl-Artikoli 2 sa 4 ikunu punibbli.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

    (a) it-tixrid tal-materjali li jirreklamaw l-opportunità għat-twettiq ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmijin fl-Artikoli 2 sa 5;

    (b) l-organizzazzjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar bil-għan li jitwettaq kwalunkwe mir-reati imsemmijin fl-Artikoli 2 sa 5.

    Artikolu 7 Pieni u ċirkostanzi li jaggravaw

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ ħabs ta’ mhux inqas minn sitt snin.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ ħabs ta’ mill-inqas għaxar snin fejn mill-inqas waħda miċ-ċikustanzi li ġejjin tapplika, sakemm mhumiex diġà parti mill-elementi li jikkostitwixxu r-reat:

    (a) it-ttfal ma jkunux għadhom laħqu l-età ta' kunsens sesswali taħt il-liġi tal-pajjiż;

    (b) Ir-reat ikun twettaq kontra tfal f’qagħda partikolarment vulnerabbli, partikolarment minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza;

    (c) ir-reat ikun sar minn membru tal-familja, persuna li tikkoabita mat-tfal jew persuna li abbużat mill-awtorità tagħha;

    (d) ir-reat ikun sar minn ħafna nies li kienu qed jaġixxu flimkien;

    (e) ir-reati ikunu twettqu fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fi ħdan it-tifsira tal-Deċiżjoni-Qafas 2008/ĠAI[5],

    (f) it-trasgressur ikun diġà instab ħati qabel għal reati tal-istess natura.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ ħabs ta’ mill-inqas tnax-il sena fejn waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin tista’ tapplika:

    (a) ir-reat ikun ipperikola l-ħajja tat-tfal;

    (b) ir-reat ikun involva vjolenza serja jew jikkaġunaw ħsara serja fuq it-tfal.

    4. Bil-għan li jitneħħew jew jonqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta' reati ripetuti msemmija taħt l-Artikoli 2 sa 6, kull Stat Membru jista’, fejn xieraq meta jittieħed kont taċ-ċirkustanzi tat-trasgressur u b’mod partikolari l-evalwazzjoni tar-riskju imsemmi fl-Artikolu 16, jipprovdi għall-pieni kriminali msemmija f’paragrafi 1, 2, u 3 li jkollhom magħhom sanzjonijiet jew miżuri oħra taħt il-liġi tal-pajjiż, li għandhom jinkludu programmi jew miżuri speċifiċi ta’ intervent kif imsemmija fl-Artikolu 17.

    Artikolu 8 Skwalifika li tirriżulta minn sentenzi

    1. Fejn, b’konformità mal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 ikun stabbilit li l-persuna tippreżenta periklu u jkun hemm ir-riskju ta’ possibbiltà ta’ ripetizzjoni tar-reati, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li persuna naturali, li kienet misjuba ħatja ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 tkun tista’ temporanjament jew permanentement ma titħalliex twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari ma’ tfal.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-miżura li temporanjament jew permanentement tipprojbixxi persuna li tinstab ħatja ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6 milli twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari ma’ tfal tidħol fil-kondotta kriminali tal-Istat Membru minn fejn tkun ħarġet is-sentenza .

    3. Bħala deroga minn Artikoli 7 (2) u 9 (2) tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn Stati Membri[6] ta’ informazzjoni estratta mill-kondotti kriminali, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex ikun żgurat li, bil-għan li tkun implimentata b’mod effettiv il-miżura li temporanjament jew permanentement tipprojbixxi persuna milli twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari ma’ tfal, partikolarment safejn l-Istat Membru li qed jitlob l-informazzjoni iqiegħed l-aċċess għal ċerti attivitajiet suġġetti għal kundizzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li kandidati ma kellhomx kundanna għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas, informazzjoni dwar l-iskwalifika li tirriżulta minn sentenza ta’ ħabs għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni-Qafas tkun trasmessa meta mitluba taħt l-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni-Qafas mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru minn fejn tiġi l-persuna, u li d-dejta personali rigward l-iskwalifika pprovduta taħt l-Artikolu 7 (2) u (4) ta’ dik id-Deċiżjoni-Qafas tista’ f’kull każ tintuża għal dan il-għan.

    4. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-miżura li temporanjament jew permanentement tipprojbixxi persuna li tinstab ħatja ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6 milli twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari ma’ tfal, imposta minn Stat Membru ieħor, tkun rikonoxxuta u inforzata.

    Artikolu 9 Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-persuni ġuridiċi jistgħu ikunu misjuba responsabbli għall kull wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 li jkunu saru għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi jew waħedha jew bħala parti minn organu ta' persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta' tmexxija fil-persuna ġuridika, ibbażata fuq dan li ġej:

    (a) setgħa ta' rappreżentazzjoni tal-persuna ġuridika;

    (b) awtorita li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

    (c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2. Stati Membri għandhom ukoll jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinstabu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ sorveljanza jew kontroll minn persuna imsemmija f’paragrafu 1 tkun għamlet it-twettiq possibbli, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

    3. Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridici skont il-paragrafi 1 u 2 mhux ser teskludi l-proċeduri kriminali kontra l-persuni naturali li jwettqu jew li jkunu kompliċi f'xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6.

    4. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni-Qafas, ‘persuna ġuridika’ għandha tfisser kull entità li jkollha status legali taħt il-liġi applikabbli, minbarra l-Istati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju ta' awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

    Artikolu 10 Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura illi persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 9(1) tkun tista' tiġi penalizzata b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra bħal:

    (a) l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

    (b) skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

    (c) it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

    (d) l-istralċ ġudizzjarju;

    (e) għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li setgħu ntużaw biex tkun kommessa l-offiża.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħieġa sabiex jiżgura illi persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 9(2) tkun punibbli b'penali jew passi effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 11 Nonapplikazzjoni ta’ sanzjonijiet lill-vittma

    Kull Stat Membru għandu jipprovdi għall-possibbiltà li ma jkunx hemm prosekuzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ pieni fuq vittmi tfal għar-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 4 (a) għall-involviment tagħhom f’attivitajiet illegali bħala konsegwenza diretta talli kienu suġġetti għal dawk ir-reati.

    Artikolu 12 L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni tar-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ma jkunux jiddependu milli jsir rapport jew akkuża mill-vittma, u li l-proċedimenti jistgħu jitkomplew anke hekk il-vittma tkun irtirat id-dikjarazzjonijiet tagħha.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti l-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6 għal żmien biżżejjed wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġoritarja u li hu proporzjonat mal-gravità tar-reat ikkonċernat.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti mil-liġi tal-pajjiz fuq ċerti professjonisti li jissejħu biex jaħdmu f’kuntatt mat-tfal ma jxekklux il-possibblità, għal dawk il-professjonisti, milli jirrappurtaw lis-servizzi responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal kull sitwazzjoni fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li tfal ikunu vittmi ta’ reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6.

    4. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex iħajjar lil kwalunkwe persuna li taf jew tissuspetta, b’rieda tajba, reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 biex tirrapporta dawn il-fatti lis-servizzi kompetenti.

    5. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ dawk ir-reati imsemmija fl-Artrikoli 2 sa 6, billi jippermetti l-possibbiltà ta’ operazzjonijiet mistura għall-inqas f’dawk il-każi fejn ikun hemm involut l-użu ta’ sistema tal-informazzjoni.

    6. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti unitajiet jew servizzi investigattivi jidentifikaw il-vittmi tar-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6, b’mod partikolari billi janalizzaw materjal ta’ pornografija tat-tfal, bħalma huma ritratti u reġistrazzjonijiet awdjoviżivi trasmessi jew magħmulin disponibbli minn sistema tal-informazzjoni.

    Artikolu 13 Kompetenza u koordinazzjoni tal-proċeduri

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 fejn:

    (a) Ir-reat ikun kommess kollu jew parti minnu fit-territorju tiegħu; jew

    (b) it-trasgressur huwa ċittadin tiegħu jew għandu r-residenza regolari tiegħu jew tagħha fit-territorji tiegħu; jew

    (c) ir-reat kien kommess kontra wieħed miċ-ċittadin tiegħu jew persuna li għandu r-residenza regolari tiegħu jew tagħha fit-territorji tiegħu; jew

    (d) ir-reat ikun kommess għall-benefiċċju ta’ persuna legali stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu tinkludi sitwazzjonijiet fejn reat taħt l-Artikoli 4 u 5, u safejn ikun relevanti, taħt l-Artikoli 2 u 6, ikun kommess permezz ta' sistema ta' kompjuter aċċessata mit-territorju tiegħu, kemm jekk is-sistema ta' kompjuter tinsab fuq it-territorju tiegħu, sew jew le.

    3. Biex issir il-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 meta jkunu saru barra mit-territorju tal-Istat ikkonċernat, safejn għandu x’jaqsam il-paragrafu 1(b), kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kondizzjoni li l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn ikunu saru.

    4. Biex issir il-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 meta jkunu saru barra mit-territorju tal-Istat ikkonċernat, fejn jidħol il-paragrafu 1(b), kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tista’ tinbeda biss wara rapport li jkun sar mill-vittma fil-post fejn ikun sar ir-reat, jew denunzja mill-Istat fejn ikun sar ir-reat.

    5. Meta reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6 jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u li xi wieħed fost dawn l-Istati Membri jista’ jieħu passi b’mod validu fuq il-bażi tal-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikooperaw biex jiddeċiedu min fosthom għandu jieħu passi kontra dawk li jiksru l-liġi bl-għan li, jekk ikun possibbli, il-proċeduri jiġu ċentralizzati fi Stat Membru wieħed. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikoru għal Eurojust jew kull korp ieħor jew mekkaniżmu stabbilit fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom.

    Fid-deċiżjoni dwar f’liema Stat Membru għandha ssir il-prosekuzzjoni, għandu jittieħed kont speċjali tal-fatturi li ġejjin:

    (a) l-Istat Membru li fiħ ikunu twettqu r-reati;

    (b) l-Istat Membru li fih it-trasgressur huwa ċittadin jew residenti;

    (c) l-Istat Membru ta’ oriġini tal-vittmi;

    (d) l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu ikun instab it-trasgressur.

    Artikolu 14 Protezzjoni ta' u assistenza lill-vittmi

    1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li, meta l-età tal-persuni suġġetti għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ma tkunx ċerta u jkun hemm raġunijiet għalxiex wieħed għandu jemmen li l-persuni jkunu tfal, għandu jkun preżunt li huma jkunu tfal u jirċievu aċċess immedjat għall-protezzjoni u l-assistenza b’konformità ma’ dan l-Artikolu.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jappuntaw rappreżentant speċjali għall-vittmi fejn, bil-liġi tal-pajjiż, dawk li jkollhom ir-responsabbiltà paterna ikunu preklużi milli jirrappreżentaw lit-tfal fi proċedimenti kriminali bħala riżultat ta’ kunflitt ta’ interess bejnhom u l-vittmi, jew fejn it-tfal ma jkunux akkumpanjati.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li jiġu adottati miżuri biex jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet speċifiċi biex jipproteġu u jassistu l-vittmi, fit-terminu qasir u għat-tul, fil-fejqan fiżiku u psikosoċjali tagħhom wara li tkun saret evalwazzjoni speċifika taċ-ċirkustanzi speċjali ta’ kull vittma partikolari u jittieħed kont tal-fehmiet, il-ħtiġiet u l-interessi tat-tfal.

    4. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-vittmi ta’ reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ikollhom aċċess għal rappreżentanza legali mingħajr ħlas fil-proċedimenti kriminali ta’ dawn ir-reati.

    5. Vittmi ta' reati li jirreferu għalihom l-Artikoli 2 sa 6 għandhom jitqiesu bħala vittmi partikolarment vulnerabbli skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar l-istatura tal-vittmi fi proċeduri kriminali[7].

    6. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha possibbli biex jiżgura assistenza xierqa lill-familja tal-vittma. B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu, fejn xieraq u possibbli, japplika l-Artikolu 4 ta' dik id-Deċiżjoni-Qafas 2001/220/ĠAI lill-familja.

    7. Il-miżuri ta’ protezzjoni u assistenza imsemmija f’din id-Deċiżjoni-Qafas għandhom japplikaw b’żjieda mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, u l-protezzjoni tal-vittmi, u tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2002/629/ĠAI.

    Artikolu 15 Il-Parteċipazzjoni ta’ vittmi tfal f’investigazzjonijiet kriminali u fi proċedimenti

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi li fl-investigazzjonijiet kriminali ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6:

    (a) l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li l-fatti jkunu ġew irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti;

    (b) l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru, fejn meħtieġ, f’post imfassal u adattat għal dan il-għan;

    (c) l-intervisti mat-tfal vittmi jitwettqu minn professjonisti mħarrġa għal dan il-għan;

    (d) l-istess persuni, jekk possibbli u fejn xieraq, imexxu l-intervisti kollha mat-tfal vittmi;

    (e) l-għadd ta’ intervisti ikun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-għan ta’ proċedimenti kriminali;

    (f) it-tfal vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom jew, fejn xieraq, adult tal-għażla tagħhom, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni bil-maqlub b’raġuni biżżejjed rigward dik il-persuna.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li f’investigazzjonijiet kriminali ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 l-intervisti kollha mat-tfal vittmi jew, fejn xieraq, ma’ tfal xhieda, issir reġistrazzjoni awdjoviżiva tagħhom u dawn ir-reġistrazzjonjiet awdjoviżivi jistgħu jkunu użti bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti, b’konformità mar-regoli taħt il-liġi ta’ pajjiżu.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li fil-proċedimenti kriminali marbuta ma’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 sa 6:

    (a) l-imħallef ikun jista’ jordna li s-smigħ isir fil-magħluq;

    (b) it-tfal vittmi jkunu jistgħu jagħtu xhieda mingħajr ma jkunu preżenti fl-awla tal-qorti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni xierqa.

    Artikolu 16 Valutazzjoni tar-riskji

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li persuni misjubin ħatja tar-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 issirilhom evalwazzjoni tal-livell ta’ periklu u riskji possibbli ta’ ripetizzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6, bil-għan li:

    (a) jiġu identifikati programmi ta’ intervent jew passi xierqa; kif ukoll

    (b) tiġi determinata l-ħtieġa li t-trasgressur ikun għal żmien jew għal dejjem imwaqqaf milli jwettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal.

    2. L-evalwazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun riveduta perjodikament u tieħu kont tal-bidliet fiċ-ċirkustanzi li jkollhom impatt fuq il-livell tal-periklu u r-riskji possibbli.

    Artikolu 17 Programmi jew miżuri ta’ intervent

    1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li programmi jew miżuri ta’ intervent effettivi jkunu disponibbli bil-għan li jimpedixxu u jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta' reati ripetuti ta’ natura sesswali kontra t-tfal. Dawn il-programmi jew passi bħal dawn għandhom ikunu aċċessibbli fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti kriminali, kemm ġewwa u kif ukoll barra mill-ħabs, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-pajjiż.

    Tali programmi jew miżuri ta’ intervent għandhom jiġu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġiet speċifiċi għall-iżvilupp tat-tfal li jwettqu offiża sesswali, inklużi dawk li huma taħt l-età ta’ responsabbiltà kriminali.

    2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuni misjuba ħatja tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 sa 6, fejn xieraq, soġġett għal riskji possibbli ta’ ripetizzjoni, jkunu jistgħu:

    (a) ikun jista' jkollhom aċċess għal, jew jiġu offruti, il-programmi jew il-miżuri msemmija f’paragrafi 1 u 2;

    (b) ikunu offruti aċċess għal programmi jew miżuri speċifiċi xierqa għal-livell ta’ periklu u riskji possibbli ta’ repetizzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6;

    (c) ikunu kompletament infurmati bir-raġunijiet għall-proposta biex ikollhom aċċess għall-programmi jew miżuri;

    (d) jagħtu l-kunsens biex jipparteċipaw fi programm jew miżura speċifika bl-għarfien sħiħ tal-fatti;

    (e) jistgħu jirrifjutaw u jkunu mgħarrfa bil-konsegwenzi li jista’ jkollu r-rifjut.

    3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 2 sa 6 jista’ jkollhom aċċess għall-programmi jew miżuri imsemmija f’paragrafi 1 u 2, taħt kundizzjonijiet li ma jkunux la għad-detriment u lanqas imorru kontra d-drittijiet tad-difiża u r-rekwiżiti ta’ smigħ ġust u imparzjali, u partikolarment b’rispett għall-prinċipju li jistipula l-preżunzjoni tal-innoċenza.

    4. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li persuni li jkollhom il-biża’ li jistgħu jikkommettu r-reati stipulati skont l-Artikoli 2 sa 6 jista’ jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri ta’ interventi effettivi imfassla biex jevalwaw u jimpedixxu r-riskju li jitwettqu reati.

    Artikolu 18 L-imklukkar ta’ siti elettroniċi li fihom il-pornografija tat-tfal

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jew tal-pulizija li jordnaw jew b'xi mod simili jottjenu l-imblukkar ta’ aċċess minn utenti tal-internet għal paġni tal-internet li jkun fihom jew li jxerrdu l-pornografija tat-tfal, suġġett għal salvagwardji xierqa, b'mod partikolari sabiex jaraw li l-ibblukkar ikun limitat għal dak li hu meħtieġ, li l-utenti jkunu infurmati bir-raġuni tal-ibblukkar u li l-fornituri tal-kontenut ikunu infurmati bil-possibbiltà li jikkontestaw l-ibblukkar.

    Artikolu 19 Firxa territorjali

    Din id-Deċiżjoni-Qafas għandha tapplika f'Ġibiltà.

    Artikolu 20 Tħassir tad-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI

    Id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/ĠAI hija b'dan imħassra.

    Artikolu 21 Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni-Qafas mhux aktar tard minn [SENTEJN MILL-ADOZZJONI].

    2. Sa [SENTEJN MILL-ADOZZJONI] l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġeneral tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni-Qafas. Sa [ERBA’ SNIN MILL-ADOZZJONI] fuq il-bażi ta' rapport li jirrifletti din l-informazzjoni u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jagħmel stima ta' kemm l-Istati Membri ikunu kkonformaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni-Qafas, u għandu jikkunsidra l-ħtieġa għall-emendi.

    Artikolu 22 Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni-Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tkun ġiet ippublikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Magħmul fi Brussell, 29 ta' April 2008

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] Proposta għal Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali, imressqa fl-20 ta’ Jannar 2009 mir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Iżvezja, Dokument tal-Kunsill Nru 5208/09.

    [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 sabiex tkun miġġielda l-pedopornografija fuq l-Internet (ĠU L 138, 9.6.2000, p. 1).

    [3] ĠU C , , p. .

    [4] ĠU L 13, 20.1.2004, p. 14.

    [5] ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

    [6] Adottata fil-laqgħa tal-Kunsill ĠAI tas-26-27 ta’ Frar 2009. Referenza finali għadha mhix pubblikata.

    [7] ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.

    Top