Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0134

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Tiġdid tal-Politika ta’ l-UE dwar it-Turiżmu - Lejn partenarjat aktar b’saħħtu għat-Turiżmu Ewropew

    /* KUMM/2006/0134 finali */

    52006DC0134




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 17.3.2006

    KUMM(2006) 134 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Tiġdid tal-Politika ta’ l-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b’saħħtu għat-Turiżmu Ewropew

    It-turiżmu u l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda

    L-isfida tat-tkabbir u l-impjiegi

    Fi Frar 2005, il-Kummissjoni pproponiet nifs ġdid lill-Istrateġija ta' Liżbona sabiex din tiffoka l-isforzi ta' l-Unjoni Ewropea fuq żewġ ħidmiet ewlenin - li jkun hemm tkabbir akbar u aktar dejjiemi, u li jinħolqu aktar impjiegi ta’ natura aħjar[1].

    Mill-1997 ’il hawn, il-potenzjal li t-turiżmu jiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir ġie rikonoxxut fil-livell ta’ l-UE diversi drabi[2]. Il-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u l-evoluzzjoni fit-trasport huma fatturi deċiżivi biex tingħata spinta 'l quddiem għal tkabbir aktar mgħaġġel ta' din l-industrija. L-Ewropa, bil-varjetà ta’ l-attrazzjonijiet u l-kwalità tas-servizzi turistiċi tagħha, hija ta’ quddiemnett fost id-destinazzjonijiet turistiċi dinjin. Għaldaqstant, it-turiżmu huwa attività li jista’ jkollha rwol importanti fil-kisba tal-miri ta’ l-Istrateġija dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi.

    It-turiżmu huwa settur li jolqot diversi oqsma, bl-involviment ta’ għadd kbir ta’ servizzi u professjonijiet, konnessi ma’ bosta attivitajiet ekonomiċi oħra. Hu għandu impatt fuq setturi bħat-trasport, il-kostruzzjoni, il-bejgħ dirett lill-konsumatur u l-għadd kbir ta’ setturi li jipproduċu prodotti tal-vaganzi jew li jipprovdu servizzi relatati mad-divertiment jew l-ivvjaġġar għal skopijiet ta’ negozju. Minkejja li xi kumpaniji internazzjonali kbar jikkontribwixxu lejn dan is-settur, dan huwa ddominat prinċipalment mill-SMEs. Fl-aktar definizzjoni dejqa tagħha, l-industrija turistika Ewropea toħloq aktar minn 4% tal-PGD tal-Komunità, b’madwar 2 miljun intrapriża li jimpjegaw madwar 4% tal-forza kumplessiva tax-xogħol (jiġifieri madwar 8 miljun impjieg). Meta jitqiesu l-konnessjonijiet ma' setturi oħra, sehem it-turiżmu fil-PGD stmat li huwa ta’ madwar 12% filwaqt li jipprovdi impjiegi għal aktar minn 11% tal-forza tax-xogħol (24 miljun impjieg).

    Ir-rata ta’ ħolqien ta' impjiegi fit-turiżmu tisboq il-medja meta mqabbla ma' l-ekonomija Ewropea kollha f'salt. Matul l-aħħar għaxar snin, ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ dawk impjegati fis-settur HORECA (Lukandi, Ristoranti, u Kafeteriji) kienet kważi dejjem ogħla mir-rata ta' tkabbir ta' l-impjiegi totali[3]. L-għadd kbir ta’ impjiegi part-time il-kundizzjonijiet flessibbli tax-xogħol huma raġuni importanti li twassal għall-kontribut ta' l-industrija turistika lejn il-ħolqien ta' l-impjiegi, b'mod partikolari fejn għandu x'jaqsam ma' l-impjegar tan-nisa, iż-żgħażagħ u persuni mhux tas-sengħa. Il-flessibbiltà ta’ din il-forza tax-xogħol għandha tiġi mżewġa ma' miżuri xierqa ta’ sikurezza ta’ l-impjiegi u żvilupp tal-kapaċitajiet.

    It-turiżmu għandu sehem importanti fl-iżvilupp tal-maġġoranza vasta tar-reġjuni Ewropej. L-infrastruttura maħluqa għal għanijiet turistiċi tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp lokali, u l-impjiegi jinħolqu jew jinżammu anke f’żoni fejn l-industrija jew il-biedja qabdet it-triq tan-niżla, jew li jinsabu għaddejjin minn riġenerazzjoni urbana. Il-ħtieġa biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti taġixxi ta' inċentiv sabiex għadd dejjem jikber ta' destinazzjonijiet u ta' partijiet interessati jduru lejn prattiki u politiki aktar sostenibbli u kompatibbli ma' l-ambjent. It-turiżmu sostenibbli għandu rwol ewlieni fil-preservazzjoni u t-tqawwija tal-patrimonju kulturali u naturali f'numru dejjem jikber ta' oqsma, li jvarjaw mill-arti sal-gastronomija lokali, l-artiġjanat jew il-konservazzjoni tal-bijodiversità[4]. Min-naħa tiegħu dan iħalli impatt pożittiv fuq il-ħolqien ta' l-impjiegi u t-tkabbir. Il-Kummissjoni u l-partijiet interessati fit-turiżmu rrikonoxxew dan u qed jaħdmu attivament fuq l-elaborazzjoni ta' l-Aġenda 21 Ewropea għat-Turiżmu.

    Minħabba t-turiżmu, dawk li jżuru d-destinazzjonijiet Ewropej isibu ruħhom f'kuntatt mal-valuri u l-patrimonju tagħna. It-turiżmu jikkontribwixxi sabiex in-nies jifhmu lil xulxin aħjar u jgħin fil-proċess tat-tiswir ta' l-identità Ewropea. Jippromwovi wkoll id-djalogu interkulturali, permezz ta' kuntatt bejn gruppi soċjali, ekonomiċi u kulturali varji.

    It-tkabbir ta’ dan l-aħħar ta’ l-Unjoni Ewropea żied id-diversità tad-destinazzjonijiet u l-prodotti turistiċi Ewropej, billi fetaħ għadd imdaqqas ta' attrazzjonijiet naturali u kulturali li aktarx ma kinux magħrufa fost bosta ċittadini Ewropej. L-iżvilupp tat-turiżmu fl-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati se jikkontribwixxi lejn il-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi mill-industrija turistika Ewropea.

    Għaldaqstant, it-turiżmu huwa settur importanti għall-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda; l-implimentazzjoni tagħha ma jikkonċernax biss l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Ir-risposta għall-isfidi ta’ Liżbona se jeħtiġilha tinvolvi l-partijiet interessati kollha fil-livell ta’ l-UE, u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali f’partenarjat imġedded għat-tkabbir u l-impjiegi.

    L-isfidi li għandu quddiemu t-turiżmu

    Il-bidliet fl-istruttura demografika ta’ l-Ewropa se jħallu impatt qawwi fuq it-turiżmu. L-għadd ta’ anzjani (ta’ ’l fuq minn 65 sena) se jkompli jikber, hekk kif il-popolazzjoni kumplessiva tgawdi minn saħħa aħjar, stennija ta' aktar tul ta' ħajja u aktar flus fil-but mill-ġenerazzjonijiet preċedenti. Għaldaqstant, għandu jiżdied l-għadd ta' nies ta' età fuq il-ħamsin li jivvjaġġaw ħafna aktar.

    Flimkien ma’ dan it-tkabbir sinifikanti fit-turiżmu, se jkun hemm bidla fid-domanda pubblika f’dawk li huma tipi ta’ turiżmu. It-turiżmu relatat mas-saħħa u dak konness mal-patrimonju kulturali u naturali mistennija li jaraw l-aktar tkabbir sinifikanti.

    Minkejja li l-Ewropa hija l-aktar reġjun li jżuruh nies fid-dinja, l-għadd ta’ turisti internazzjonali qed jikber b’rata aktar baxxa minn dik tal-medja dinjija. Qed ikomplu jfiġġu u jiġu żviluppati destinazzjonijiet konkorrenti ġodda, bi prodotti u servizzi innovattivi li qed ikomplu jkabbru l-kompetizzjoni li l-UE qed tiffaċċja fil-livell globali.

    Huwa wkoll rikonoxxut estensivament li t-turiżmu jista’ jkun il-vittma tas-suċċess tiegħu nniffsu jekk ma jiżviluppax b’mod sostenibbli. Żvilupp turistiku bla kontroll jaf jhedded il-bijodiversità, il-funzjoni ta' l-ekosistemi, ir-riżorsi naturali, il-patrimonju kulturali non-rinovabbli jew saħansitra il-mod kif jiffunzjonaw iż-żoni urbani. Is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali huma fatturi ewlenin għall-kompetittività tad-destinazzjonijiet u l-benessri tal-popolazzjonijiet tagħhom, kif ukoll għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u l-preservazzjoni u t-tqawwija ta' l-attrazzjonijiet naturali u kulturali.

    Sabiex tissodisfa sfidi bħad-demografija li qiegħda tinbidel, il-kompetizzjoni esterna, il-ħtieġa tas-sostenibbiltà u d-domanda għal forom speċifiċi ta' turiżmu, l-Ewropa għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq it-titjib tal-kompettività tagħha. Industrija turistika aktar kompetittiva u destinazzjonijiet sostenibbli jkomplu jikkontribwixxu wkoll għas-suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda, is-sodisfazzjon tat-turisti u l-assigurazzjoni li l-Ewropa tibqa' tokkupa l-ewwel pożizzjoni fid-dinja bħala destinazzjoni turistika.

    Id-djalogu u l-partenarjat fost il-partijiet interessati fis-settur turistiku

    It-turiżmu huwa attività li tinvolvi varjetà estensiva ta’ partijiet interessati u miżuri ta’ politika f’livelli varji. Dawn jinfluwenzaw u huma influwenzati, kemm direttament kif ukoll indirettament, mill-iżvilupp tat-turiżmu. Id-djalogu fost l-imsieħba soċjali settorjali, il-partijiet interessati u ma' l-awtoritajiet pubbliċi huwa neċessarju sabiex jippromwovi żvilupp turistiku armonjuż u sostenibbli.

    Il-partenarjati fost il-partijiet interessati kollha involuti huma neċessarji wkoll f'kull livell tal-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet konnessi mat-turiżmu. Il-partenarjati għandhom ikunu komponent ċentrali ta’ l-azzjoni fil-livelli kollha (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; pubbliku u privat).

    Politika Turistika Ewropea mġedda

    L-isfidi li għandu quddiemu t-turiżmu Ewropew jeħtieġu rispons politiku koeżiv fil-livell ta’ l-UE. Din il-politika għandha tiffoka fuq miri ċari u realistiċi, li jkunu kondiviżi komunement minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-impjegaturi u l-impjegati, kif ukoll mill-popolazzjonijiet lokali. Għandha tisfrutta bl-aħjar mod ir-riżorsi disponibbli u tapprofitta ruħha mis-sinerġiji kollha possibbli. Għandha tissawwar fuq firxa sħiħa ta' azzjonijiet li diġà twettqu u għandha toffri b'mod ċar valur miżjud lill-politiki u l-miżuri nazzjonali u reġjonali. Għaldaqstant, kwalunkwe politika turistika Ewropea għandha tkun kumplementari għall-politiki mwettqa fl-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni beħsiebha tistabbilixxi politika turistika Ewropea mġedda, imsejsa fuq l-esperjenzi miksuba s’issa u bi tweġiba għall-isfidi tal-lum. L-għan ewlieni ta’ din il-politika se jkun li ttejjeb il-kompettività ta' l-industrija turistika Ewropea u toħloq aktar impjiegi ta' natura aħjar permezz tat-tkabbir sostenibbli tat-turiżmu fl-Ewropa u fid-dinja.

    Biex timplimenta din il-politika, il-Kummissjoni se tiżviluppa partenarjat mill-qrib ma' l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-industrija turistika.

    Wara l-esperjenza li nkisbet s’issa u l-iskambji ta' fehmiet ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, il-Kummissjoni jidhrilha li l-aktar strumenti adatti għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika huma l-koordinament fi ħdan il-Kummissjoni u fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali, il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti, u l-attivazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ.

    L-oqsma prinċipali li fuqhom se tiffoka l-politika huma:

    Il-miżuri ta’ integrazzjoni li jaffettwaw it-turiżmu

    Regolamentazzjoni aħjar

    Ir-regolamentazzjoni, f’bosta oqsma ta’ politika, tista’ tkun ta’ importanza partikolari għall-kompettività ta' l-industrija turistika u d-destinazzjonijiet turistiċi. Meta wieħed iqis l-għadd kbir ta’ politiki li jaffettwaw it-turiżmu, hemm bżonn li tiġi promossa regolamentazzjoni aħjar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Regolamentazzjoni aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea”[5], il-Kummissjoni stabbiliet strateġija reveduta ħalli tkompli tippromwovi regolamentazzjoni aħjar intiża biex ittejjeb il-kompettività Ewropea. Din l-istrateġija tagħfas fuq:

    (1) It-titjib u t-twessigħ ta’ l-użu ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt (IA) għal proposti ġodda. Din l-istrateġija integrata tiżgura li t-turiżmu se jitqies bis-sħiħ fil-ħidma IA kollha għal proposti li aktarx jaffettwaw is-settur;

    (2) L-iskrinjar tal-proposti leġiżlattivi pendenti u;

    (3) Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti Ewropea[6]. Dan se jinkludi leġiżlazzjoni bħad-Direttiva dwar il-Pakketti ta’ l-Ivvjaġġar u d-Direttiva dwar it- Timeshare ; din ta’ l-aħħar hija meqjusa bħala prijorità.

    Il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta regolarment mal-partijiet interessati dwar kif il-programm ta’ simplifikazzjoni għandu jkompli jiġi żviluppat fis-snin li ġejjin. Il-partijiet interessati fit-turiżmu mistiedna jipparteċipaw attivament f’dan l-isforz sabiex itejbu l-ambjent regolatorju. It-tali eżerċizzji għandhom ukoll jiġu estiżi fil-livell nazzjonali sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi kumulattivi għall-industrija turistika.

    Il-koordinament tal-politiki

    Il-biċċa l-kbira ta’ l-azzjonijiet Komunitarji mmirati sabiex jappoġġaw il-kompetittività tat-turiżmu Ewropew jitwettqu permezz ta' l-istrumenti politiċi għall-Intrapriżi. Madankollu, bosta politiki oħra Ewropej iħallu impatt dirett jew indirett fuq it-turiżmu[7].

    Kull sena, l-inizjattivi li għandhom imnejn jaffettwaw it-turiżmu, li huma inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, se jiġu identifikati ħalli jkun żgurat li l-impatt tagħhom fuq il-kompettività tas-settur jitqies fi stadju bikri. Dan huwa konformi mar-rikjesta tal-Parlament Ewropew fir-Rapport ta' l-2005 dwar prospetti u sfidi ġodda għal turiżmu Ewropew sostenibbli[8].

    Il-Kummissjoni se tkompli għaddejja bl-isforzi tagħha sabiex iżżomm il-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Turiżmu informati, b’mod effiċjenti, f’waqtu u trasparenti dwar l-inizjattivi relatati mat-turiżmu inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tagħha. Dan se jippermetti li l-amministrazzjonijiet pubbliċi wkoll iżommu l-partijiet interessati varji, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, informati regolarment dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta mal-partijiet interessati u tinfurmahom dwar il-kwistjonijiet u l-inizjattivi li jolqtu t-turiżmu. Dan huwa proċess interattiv li wassal għal riżultati globali pożittivi u għandu jissaħħaħ u jittejjeb kontinwament. F’dan il-kuntest, il- Green Paper dwar l-Affarijiet Marittimi li attwalment tinsab imħejjija u li tkopri t-turiżmu kostali u marittimu, se tikkostitwixxi f’opportunità oħra għal għadd ta’ partijiet interessati sabiex jipprovdu impuls għat-tfassil tal-politika ta' l-UE.

    L-użu mtejjeb ta’ l-istrumenti finanzjarji Ewropej disponibbli

    It-turiżmu bbenefika ferm mill-appoġġ finanzjarju offrut mill-istrumenti finanzjarji varji Ewropej. Fil-perjodu 2007-2013, il-Fondi Strutturali u Programmi oħra ta’ l-UE, se jiffinanzjaw l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ negozji, servizzi u infrastruttura turistiċi.

    Il-Kummissjoni pprevediet il-possibbiltà li tiffinanzja proġetti marbuta mat-turiżmu permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF)[9], b’appoġġ għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku. Skond l-objettivi ta’ “Konverġenza”, “Kompetittività u impjiegi" u "il-kooperazzjoni territorjali Ewropea", l-ERDF se jappoġġa aktar xejriet turistiċi sostenibbli ħalli jqawwi l-patrimonju kulturali u naturali, jiżviluppa l-infrastruttura marbuta ma’ l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà u jippromwovi l-ICT, l-SMEs innovattivi, in-netwerks u l- clusters tan-negozji, is-servizzi b'valur miżjud, l-istrateġiji turistiċi bi sħab bejn pajjiżi differenti u l-iskambji ta’ esperjenza inter-reġjonali.

    L-infrastrutturi ambjentali u tat-trasport, li t-tnejn huma ta' importanza kbira għat-turiżmu, ukoll jiffinanzjahom il-Fond ta' Koeżjoni.

    L-iżvilupp turistiku, minħabba l-potenzjal li joħloq ix-xogħol, huwa qasam importanti ta’ intervent tal-Fondi Soċjali Ewropew (FSE). Fost oħrajn, il-FSE jikkofinanzja proġetti li jkollhom fil-mira tagħhom programmi edukattivi u ta' taħriġ sabiex iqawwu l-produttività u l-kwalità ta' l-impjiegi u s-servizzi fis-settur turistiku.

    Il-FSE jipprovdi wkoll taħriġ b’miri partikolari flimkien ma' primjums żgħar għat-twaqqif ta’ mikro-intrapriżi turistiċi. Dawn l-azzjonijiet għandhom it-tendenza li jkunu effikaċi ferm fil-ħolqien ta’ l-attività ekonomika u l-impjiegi. Jiffinanzja wkoll azzjonijiet li jappoġġaw il-mobbiltà professjonali.

    B’segwiment ta’ inizjattiva mill-Parlament Ewropew ħalli tiddaħħal miżura speċifika skond il-programm futur ‘Leonardo da Vinci’ (parti mill-Programm il-ġdid ta’ Tagħlim Integrat Tul il-Ħajja Kollha)[10] fl-għamla ta' programm dwar il-mobbiltà għall-apprentisti u ż-żgħażagħ f'taħriġ vokazzjonali inizjali, il-Kummissjoni, fl-2005 varat sensiela preparatorja ta' studji li se jservu sabiex jidentifikaw il-fatturi ewlenin ta’ mudelli possibbli Ewropej ta’ taħriġ-apprentistat. Dawn l-istudji se joffru konoxxenza akbar ta' l-ostakli possibbli li tista' tiffaċċja l-mobbiltà fit-taħriġ vokazzjonali. It-turiżmu ġie identifikat bħala settur sperimentali possibbli. Dan għandu jwassal għal proposti konkreti għal soluzzjonijiet li se jifformaw il-bażi ta’ programm ta’ azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu implimentati fit-tieni fażi ta' dan il-proġett sperimentali.

    Iż-żoni rurali saru aktar attraenti u joffru bosta amenitajiet ambjentali, biex b’hekk, f’dawn l-aħħar deċennji, it-turiżmu rurali sar sors importanti ta' diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali, integrat ferm ma’ l-attivitajiet agrikoli. Dan jista’ jsir opportunità importanti għall-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) il-ġdid se jipprovdi appoġġ għal:

    - Titjib fil-kwalità tal-produzzjoni u l-prodotti agrikoli;

    - Titjib fl-ambjent u l-kampanja;

    - Inkoraġġiment għall-attivatajiet turistiċi bħala parti mid-diversifikazzjoni ta’ l-objettiv ta' l-ekonomiji rurali;

    - Studji u investimenti assoċjati mal-manutenzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-patrimonju kulturali.

    Il-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF) propost il-ġdid jintroduċi bħala tema ġdida prijoritarja "l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd". Dan huwa mmirat li jtaffi l-effetti soċjo-ekonomiċi tar-ristrutturar tas-settur tas-sajd u li jiġġenera mill-ġdid iż-żoni li jiddependu fuq is-sajd permezz tad-diversifikazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi alternattivi. Wieħed mill-oqsma li s-sajjieda jistgħu jirridirezzjonaw l-attivitajiet tagħhom huwa l-ekoturiżmu. L-impriżi tas-sajd ta' skala żgħira u l-infrastruttura turistika se jiġu appoġġati wkoll permezz ta' l-EFF. Il-Fond jappoġġa wkoll skemi għat-taħriġ mill-ġdid fl-impjiegi, apparti s-sajd fil-baħar, li jistgħu jkunu relatati mat-turiżmu.

    Il-‘Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni’[11] propost se jappoġġa l-kompetittività ta' l-intrapriżi ta' l-UE, speċjalment l-SMEs.

    Ir-riċerka li se tiġi appoġġata skond is-7 Programm ta' Qafas tal-KE għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni[12] propost tista’ twassal għal benefiċċji għas-settur turistiku bħal, ngħidu aħna, fir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-applikazzjonijiet satellitari, il-patrimonju kulturali u l-użu ta’ l-art. Dan jissawwar fuq ir-riċerka appoġġata minn Programmi ta’ Qafas preċedenti li jistħoqilhom disseminazzjoni akbar fost dawk li jfasslu l-politiki u l-partijiet interessati.

    L-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u l-industrija fil-livelli kollha għanhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw li t-turiżmu jgawdi bis-sħiħ mill-istrumenti finanzjarji Ewropej u li jitqies fl-ippjanar tal-proġetti relatati kollha.

    Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà turistika

    Aġenda 21 Ewropea għat-turiżmu

    Li t-tkabbir u l-impjiegi jsiru l-mira immedjata jmur id f'id mal-promozzjoni ta’ l-objettivi soċjali jew ambjentali.L-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda hija komponent essenzjali ta’ l-objettiv globali ta’ żvilupp sostenibbli kif definit fit-Trattat: Li jtejjeb il-benessri u l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien b’mod sostenibbli kemm għall-ġenerazzjoni preżenti kif ukoll għal dawk tal-ġejjieni.

    Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni ‘Orjentamenti bażiċi għas-sostenibbiltà tat-turiżmu Ewropew’[13] diġà ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tat-turiżmu Ewropew hija kruċjali, kemm bħala kontribut lejn l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa u fid-dinja kollha kif ukoll għall-vijabbiltà, it-tkabbbir kontinwu, il-kompetittività u s-suċċess kummerċjali ta' dan is-settur importanti mil-lat ekonomiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni varat il-preparazzjoni ta' Aġenda 21 Ewropea għat-turiżmu.

    Fl-2004, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp għas-Sostenibbiltà fit-Turiżmu (TSG) sabiex tinkorraġġixxi s-sinerġiji bejn il-partijiet interessati u tipprovdi imput fil-proġett ta' l-Aġenda 21 għas-sostenibbiltà fit-turiżmu Ewropew. It-TSG huwa ffurmat minn esperti li ġejjin minn rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-industrija, rappreżentanti tad-destinazzjonijiet u t-trejdunjins/is-soċjetà ċivili. L-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu huma rrappreżentati wkoll. It-TSG jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet konnessi ma’ l-ambjent.

    It-TSG se jiffinalizza ħidmietu u jressaq rapport fl-2006. Il-Kummissjoni se tibda torganizza l-passi segwenti abbażi ta’ dan u tipprevedi li tibni fuq dan ir-rapport ħalli tippreżenta, sa l-2007, proposta għal Aġenda 21 Ewropea għat-turiżmu.

    Azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ għas-sostenibbiltà tat-turiżmu Ewropew

    L-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Aġenda 21 Ewropea għat-turiżmu huma proċess għat-tul ta’ żmien. Bi tkomplija ta' din il-ħidma, il-Kummissjoni tippjana azzjonijiet speċifiċi li jippromwovu s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali tat-turiżmu Ewropew bħal:

    - L-identifikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali u internazzjonali li jappoġġaw l-SMEs relatati mat-turiżmu u li jistabbilixxu proċess tajjeb ta' skambju ta' prattiki.

    - L-evalwazzjoni ta' l-impatt ekonomiku ta' aċċessibbiltà aħjar fis-settur turistiku fuq l-impjiegi u t-tkabbir makroekonomiku, l-opportunitajiet ta’ negozju għall-SMEs, il-kwalità tas-servizzi u l-kompetittività.

    - L-iffaċilitar ta’ l-iskambju tal-prattika tajba ‘turiżmu għal kulħadd’.

    - Il-pubblikazzjoni ta’ manwal dwar ‘Kif tistabbilixxi Żoni ta’ Tagħlim fis-settur Turistiku’ sabiex jassisti t-titjib tal-kapaċitajiet fis-settur turistiku bl-involviment tal-partijiet interessati kollha.

    - L-istudju tax-xejriet fl-impjiegi fis-setturi turistiċi kostali u dawk konnessi mal-baħar.

    - L-iżvilupp ta’ statistika uffiċjali u l-kummissjoni ta’ studji e-Business W@tch sabiex jevalwaw l-impatt u l-implikazzjonijiet futuri tan-negozju elettroniku fuq l-industrija tat-turiżmu.

    - It-tkomplija ta' l-inizjattivi tagħha u l-kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, l-industrija u l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu sabiex jiġi miġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal, speċjalment meta dawn it-tipi ta' reati jiġu kommessi mit-turisti.

    It-tqawwija tal-konnoxxenza u l-viżibiltà tat-turiżmu

    It-titjib tal-konoxxenza tat-turiżmu Ewropew

    Dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet fil-livell pubbliku u privat jeħtieġu statistika armonizzata, aktar dettaljata, li tkun disponibbli meta jkun hemm bżonnha. Id-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE[14] dwar il-ġbir ta' l-informazzjoni statistika fil-qasam tat-turiżmu se tiġi aġġornata sabiex tikkunsidra l-evoluzzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa u l-ħtiġijiet ta' dak li jużawh. Din se tittejjeb sostanzjalment fi kwistjonijiet bħaż-żamma tal-ħin u l-puntwalità, ir-relevanza, u l-komparabbiltà.

    Se jiġu promossi wkoll armonizzazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-Kontabbiltà ta’ l-Attivitajiet Satellitari għat-Turiżmu ( Tourism Satellite Accounts jew TSAs) fi sħubija ma’ l-Istati Membri, l-Istituti Nazzjonali ta’ l-Istatistika u partijiet interessati oħra, billi dawn ikunu f’qagħda li jikkontribwixxu għal konoxxenza aħjar tad-dimensjoni u l-valur reali ta' l-industrija turistika. Din il-ħidma se tibbenefika ferm mill-esperjenzi miġbura mill-proġetti sperimentali appoġġati finanzjament mill-Kummissjoni (2002-2006).

    L-Eurostat se tkompli tipproduċi pubblikazzjonijiet u edizzjonijiet speċjali, li huma utli għall-industrija u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal 'Panorama on tourism', il-'Pocketbook on tourism' u l-varji ‘Statistics in Focus’ fuq ix-xejriet xitwin u sajfin, l-ICT fit-turiżmu, kif jieħdu l-vaganzi tagħhom l-Ewropej, l-impjiegi fit-turiżmu, eċċ.

    Appoġġ għall-promozzjoni tad-destinazzjonijiet Ewropej

    Il-globalizzazzjoni tas-swieq ħolqot pressjonijiet kompetittivi, imma fetħet ukoll xi opportunitajiet b’turisti minn swieq ġodda (bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Indja) li jaffordjaw vaganzi ta’ valur għoli. Jekk jinġibdu aktar turisti lejn l-Ewropa jiġi vvantaġġjat il-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi.

    Sabiex tagħti sehemha fl-immarkitjar ta' l-Ewropa bħala serje ta' destinazzjonijiet turistiċi attraenti, il-Kummissjoni ffinanzjat il-ħolqien tal-Portal tad-Destinazzjonijiet Turistiċi Ewropej. Hi se tinkludi informazzjoni prattika dwar l-Ewropa, bħal pjanar tal-vjaġġi (it-trasport, it-temp u l-kalendarju) jew rakkomandazzjonijiet dwar “fejn tista' żżur” u “affarijiet li tista’ tagħmel” u links lejn websajts nazzjonali. Il-fażi operattiva se tibda f’Marzu 2006 u l-Portal se jkun f'idejn il-Kummissjoni Ewropea ta' l-Ivvjaġġar.

    Il-bliet u r-reġjuni Ewropej qed itellgħu għadd kbir ta’ attivitajiet kulturali (bħall-Kapitali Kulturali Ewropea[15] jew festivals) u sportivi, jiġifieri avvenimenti li jistgħu jkollhom sehem importanti fl-immarkitjar ta' l-immaġini tad-destinazzjoni ospitanti, qabel, matul jew wara l-avveniment inniffsu. L-SMEs konnessi mat-turiżmu, b’mod partikolari, jistgħu jibbenefikaw ferm minn avvenimenti simili, jekk jinvolvu ruħhom adegwatament fil-fażijiet kollha ta' l-organizzazzjoni tagħhom.

    Il-Kummissjoni se tanalizza l-impatt tat-tali avvenimenti fuq l-SMEs mitfugħin fuq it-turiżmu. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju u r-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-ospitanti futuri ta’ l-avvenimenti se jitressqu quddiem Konferenza Ewropea.

    Għadd kbir ta’ destinazzjonijiet turistiċi Ewropej qed jiżviluppaw prattiki b’suċċess sabiex jippromwovu s-sostenibbiltà tat-turiżmu. It-tali prattiki jistgħu jservu ta’ eżempji għad-destinazzjonijiet kollha li jixtiequ jtejbu t-turiżmu tagħhom. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, se tesplora l-opportunità li tippromwovi kuxjenza għat-tali prattiki tajba, possibilment permezz ta' ‘Premju ta’ eċċellenza għad-destinazzjonijiet Ewropej’.

    It-titjib tal-viżibbiltà tat-turiżmu: mira komuni

    Il-Kummissjoni, f’partenarjat ma' l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali u l-partijiet interessati ta' l-industrija, qiegħda tistinka kontinwament sabiex tqawwi l-viżibbiltà u l-konoxxenza tat-turiżmu Ewropew billi spiss jiġri li, minħabba l-kumplessità tiegħu, wieħed iħares lejh biss fid-definizzjoni dejqa tiegħu minflok milli bħala fenomenu li jaffettwa bosta partijiet tat-tessut ekonomiku u soċjali.

    Sa mill-2002, kull sena xi Stat Membru jilqa' fi ħdanu l-Forum Annwali dwar it-Turiżmu Ewropew. Dan jittella’ bil-kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija turistika Ewropea. L-organizzazzjoni tal-Forum f’għadd ta’ Stati Membri ġodda (fl-Ungerija fl-2004, f’Malta fl-2005 u f’Ċipru fl-2006) tagħti valur miżjud lil dan l-avveniment.

    Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’partenarjat mill-qrib mal-protagonisti kollha involuti sabiex:

    - Tiżgura li l-kwistjonijiet diskussi jkunu relevanti għall-kuntest attwali;

    - Tqawwi s-sens ta’ involviment dirett fil-Forum min-naħa tal-partijiet interessati fit-turiżmu; u

    - Ittejjeb il-viżibbiltà ta’ dan l-avveniment fl-Ewropa kollha.

    Flimkien ma’ dan, għadd ta’ Presidenzi tal-Kunsill kienu u għadhom qed jorganizzaw laqgħat tal-Ministeri tat-Turiżmu, Konferenzi u avvenimenti speċifiċi jew jipparteċipaw fl-organizzazzjoni tal-Forum dwar it-Turiżmu Ewropew flimkien mal-pajjiżi ospitanti. Avvenimenti bħal dawn huma ta' siwi kbir billi jiffaċilitaw il-kuntatti mill-qrib fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati, jenfasizzaw kwistjonijiet speċifiċi u jipprovdu viżibbiltà qawwija lit-turiżmu Ewropew. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa attivament dawn it-tipi ta’ inizjattivi u tħeġġeġ lill-Presidenzi futuri ħalli jsegwu l-istess passi.

    konklużjoni

    Il-kumplessità tat-turiżmu u d-diversità estensiva tal-protagonisti involuti jirrikjedu l-kollaborazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri Ewropej b'rabta ma' dan. L-istituzzjonijiet Komunitarji, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-impjegaturi u l-impjegati, l-NGOs u r-riċerkaturi, għandhom isawru partenarjati fil-livelli kollha sabiex itejbu l-kompetittività u juru l-importanza tat-turiżmu Ewropew. L-iżvilupp tal-kollaborazzjoni u l-partenarjati fil-qafas tal-politika mġedda jista' jiġi analizzat regolarment matul il-Fora dwar it-Turiżmu Ewropew.

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta x’beħsiebha tagħmel il-Kummissjoni, u kif se tagħmel dan, fil-qasam tat-turiżmu fi ħdan il-qafas ġuridiku attwali ta' l-UE ħalli tisfrutta b'mod aħjar il-potenzjal ta' tkabbir u impjiegi tas-settur b'mod sostenibbli. Tenfasizza wkoll il-mod kif il-partijiet interessati varji jistgħu jiġu involuti fl-azzjonijiet Komunitarji. Il-politika mġedda tindirizza l-aspetti prinċipali kollha tat-tfassil tal-politika Ewropea u tippermetti l-kollaborazzjoni kostruttiva ta’ dawk kollha kkonċernati. Kemm se tirnexxi jiddependi fuq ir-rispons u l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha.

    [1] COM (2005) 24 ta’ 2.2.2005

    [2] Ara: http://europa.eu.int/comm/enterprise/services/tourismeu.htm#factsandfigures

    [3] Eurostat- Statistics in focus 32/2005

    [4] L-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli 2005 – 2010. Ara: http://europa.eu.int/comm/sustainable/sds2005-2010/index_en.htm

    [5] COM (2005) 97 tas-16.3.2005

    [6] Eżempju ta’ leġiżlazzjoni adottata diġà huwa d-Direttiva 2005/36/KE li tikkonsolida u timmodernizza r-regoli applikati attwalment biex jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali li jiffaċilitaw il-forniment tas-servizzi mill-professjonisti fis-settur turistiku

    [7] Ara: http://europa.eu.int/comm/enterprise/services/tourism/policy-areas/measures.htm u inizjattivi oħra bħall-proposta għal Direttiva dwar is-Servizzi fis-Suq Intern

    [8] PE 353.597/v03-00

    [9] Ara: http://europa.eu.int/comm/regional_policy/index_en.htm

    [10] COM (2004) 474 ta' l-14.7.2004

    [11] COM (2005) 121 finali tas-6.4.2005

    [12] Ara: http://europa.eu.int/comm/research/future/index_en.cfm

    [13] COM (2003) 716 finali ta’ 21.11.2003

    [14] Ġurnal Uffiċjali L 291, 06/12/1995 P. 0032 - 0039

    [15] Ara: http://europa.eu.int/comm/culture/eac/other_actions/cap_europ/cap_eu_en.html

    Top