EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1352

Regolament (UE) 2024/1352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 għall-fini tal-introduzzjoni tal-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni

PE/22/2024/REV/1

ĠU L, 2024/1352, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1352/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1352/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1352

22.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1352 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 għall-fini tal-introduzzjoni tal-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2)(e), l-Artikolu 79(2)(c), l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d), u l-Artikolu 87(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi għall-identifikazzjoni jew għall-verifika tal-identità, kontrolli tas-sigurtà, kontrolli preliminari tas-saħħa u kontrolli preliminari tal-vulnerabbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni jew fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunux ġew soġġetti għal verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri, kif ukoll ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għamlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu, mingħajr ma ssodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ir-Regolament (UE) 2024/1356 joħloq regoli uniformi li jippermettu identifikazzjoni jew verifika rapida tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u r-riferiment tagħhom għall-proċeduri applikabbli. Huwa għandu l-għan li jsaħħaħ il-kontroll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni u li jipprevedi għall-konsultazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet tad-data rilevanti tal-UE sabiex jiġi vverifikat jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar jistgħux ikunu ta’ theddida għas-sigurtà interna.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/1356 jipprevedi li il-verifika ta’ persuni soġġetti għall-iskrinjar għall-finijiet ta’ sigurtà għandha titwettaq mal-istess sistemi bħal dawk tal-applikanti għal viżi jew għal awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar skont is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS). B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2024/1356 jipprevedi li d-data personali tal-persuni sottomessi għall-iskrinjar tiġi kkontrollata mas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fir-rigward ta’ persuni kkundannati b’rabta ma’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.

(3)

L-aċċess għall-ECRIS-TCN huwa neċessarju għall-awtoritajiet tal-iskrinjar definiti fir-Regolament (UE) 2024/1356 sabiex jistabbilixxu jekk persuna tistax tkun ta’ theddida għas-sigurtà interna.

(4)

Hit indikata mill-ECRIS-TCN jenħtieġ li waħedha ma titqiesx li tfisser li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kif definit fir-Regolament (UE) 2019/816 ikun ġie kkundannat fl-Istati Membri li huma indikati. Jenħtieġ li l-eżistenza ta’ kundanni preċedenti tkun ikkonfermata biss abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mir-rekords kriminali tal-Istati Membri kkonċernati.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2024/1356 jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen rigward il-fruntieri u jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 (5), (UE) 2017/2226 (6), (UE) 2018/1240 (7) u (UE) 2019/817 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jikkostitwixxu wkoll żviluppi tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen rigward il-fruntieri, biex jingħataw drittijiet ta’ aċċess għall-finijiet tal-iskrinjar għad-data li tinsab fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u fl-ETIAS. Madankollu, l-emenda parallela tar-Regolament (UE) 2019/816 biex jingħataw drittijiet ta’ aċċess għall-finijiet tal-iskrinjar għad-data li tinsab fl-ECRIS-TCN ma setgħetx tkun parti mir-Regolament (UE) 2024/1356 minħabba raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli, billi r-Regolament (UE) 2019/816 ma jikkostitwix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. Ir-Regolament (UE) 2019/816 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat b’att legali separat.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2024/1356 jipprevedi regoli speċifiċi dwar l-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ konsultazzjoni tar-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (“CIR”) stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) sabiex jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità korretta tal-persuni rreġistrati fl-EES, fil-VIS, fl-ETIAS, fl-Eurodac u fl-ECRIS-TCN, inklużi persuni mhux magħrufa li ma jistgħux jidentifikaw lilhom infushom.

(7)

Billi l-aċċess għad-data maħżuna fis-CIR għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità huwa neċessarju għall-awtoritajiet tal-iskrinjar, ir-Regolament (UE) 2024/1356 jemenda r-Regolament (UE) 2019/817. Minħabba raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli ma kienx possibbli li jiġi emendat r-Regolament (UE) 2019/818 fir-Regolament (UE) 2024/1356, billi r-Regolament (UE) 2019/818 ma jikkostitwixxix żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen. Ir-Regolament (UE) 2019/818 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat b’att legali separat.

(8)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jippermetti lill-awtoritajiet tal-iskrinjar jaċċessaw id-data li tinsab fl-ECRIS-TCN jew fis-CIR għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità u l-kontrolli tas-sigurtà stabbiliti bir-Regolament (UE) 2024/1356, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/816

Ir-Regolament (UE) 2019/816 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

il-kondizzjonijiet li bihom id-data fl-ECRIS-TCN tista’ tintuża mill-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għall-fini tat-twettiq ta’ kontroll ta’ sigurtà sabiex jiġi vvalutat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jistax ikun ta’ theddida għas-sigurtà interna kif imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

jippermetti l-aċċess għall-ECRIS-TCN għall-fini li jingħata appoġġ għat-twettiq ta’ kontroll ta’ sigurtà stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1356.”

;

(3)

Fl-Artikolu 3, il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet ċentrali, l-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-awtoritajiet maħtura tal-VIS kif imsemmi fl-Artikolu 9d u fl-Artikolu 22b(13) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, li għandhom il-kompetenza li jaċċessaw l-ECRIS-TCN jew ifittxu fiha f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”

;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

marka li tindika, għall-fini tar-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) 2018/1240 u tal-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2024/1356, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat fil-25 sena preċedenti b’reat terroristiku jew fil-15-il sena preċedenti bi kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/1240 jekk ikun punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali, inkluż il-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna.”

;

(b)

fil-paragrafu 7, l-ewwel subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

l-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, għall-fini li jiġi vvalutat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jistax ikun ta’ theddida għas-sigurtà interna fejn jiġu rrappurtati hits wara li jsir il-kontrolli ta’ sigurtà msemmi fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dak ir-Regolament.”

;

(5)

Fl-Artikolu 7(7), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(e)

appoġġ għall-objettiv ta’ valutazzjoni ta’ jekk ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal kontroll ta’ sigurtà jistax ikun ta’ theddida għas-sigurtà interna, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1356.”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7c

Użu tal-ECRIS-TCN għall-finijiet tal-iskrinjar

L-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jfittxu d-data tal-ECRIS-TCN bl-użu tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/818, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom mill-Artikolu 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2024/1356.

Għall-fini tat-twettiq ta’ tali kompiti, l-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw biss dawk ir-rekords ta’ data tal-ECRIS TCN fis-CIR li tkun żdiditilhom marka f’konformità mal-Artikolu 5(1), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament.

Fil-każ ta’ hit, il-konsultazzjoni tar-rekords kriminali nazzjonali bbażati fuq id-data mmarkata tal-ECRIS-TCN għandha sseħħ f’konformità mal-liġi nazzjonali u bl-użu ta’ mezzi nazzjonali ta’ kommunikazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru tal-kundanna għandhom jipprovdu opinjoni lill-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, dwar jekk il-presenza ta’ dik il-persuna fit-territorju tal-Istati Membri tistax tkun ta’ theddida għas-sigurtà interna, fi żmien jumejn minn meta jseħħ l-iskrinjar fit-territorju tal-Istat Membru jew fi żmien tlett ijiem minn meta jseħħ l-iskrinjar fil-fruntieri esterni. Meta l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru tal-kundanna ma jipprovdux tali opinjoni f’dawk l-iskadenzi, għandu jkun mifhum li ma hemmx raġunijiet ta’ sigurtà li jridu jitqiesu. Ir-rekords kriminali nazzjonali għandhom jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru tal-kundanna qabel ma tingħata opinjoni lill-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356. Meta, wara hit, ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni u ma jkun hemm l-ebda raġuni ta’ sigurtà li trid titqies, dak in-nuqqas ta’ opinjoni u raġunijiet ta’ sigurtà għandhom jiġu rreġistrati fil-formola tal-iskrinjar kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2024/1356.”

;

(7)

Fl-Artikolu 24(1), l-ewwel subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

l-appoġġ tal-objettiv li jiġi vvalutat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għall-kontroll ta’ sigurtà jistax ikun ta’ theddida għas-sigurtà interna, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1356.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

Ir-Regolament (UE) 2019/818 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jużaw l-ESP biex ifittxu data relatata ma’ persuni jew mad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom fis-sistemi ċentrali tal-Eurodac u tal-ECRIS-TCN f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom kif imsemmi fl-istrumenti legali li jirregolaw lil dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u fil-liġi nazzjonali. Dawk għandhom jużaw ukoll l-ESP biex ifittxu fis-CIR f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”

;

(2)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   CIR, li joħloq fajl individwali għal kull persuna li tiġi rreġistrata fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac jew l-ECRIS-TCN li fiha d-data msemmija fl-Artikolu 18, huwa stabbilit għall-fini ta’ ffaċilitar u ta’ assistenza fl-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità korretta tal-persuni rreġistrati fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN f’konformità mal-Artikolu 20 u 20a, biex jiġi appoġġat il-funzjonament tal-MID f’konformità mal-Artikolu 21 u għall-faċilitazzjoni u l-issimplifikar tal-aċċess mill-awtoritajiet maħtura u mill-Europol għall-EES, il-VIS, l-ETIAS u l-Eurodac, fejn dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 22.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn ikun teknikament impossibbli, minħabba nuqqas tas-CIR, li ssir tfittxija fis-CIR għall-fini ta’ identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 20 jew ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità ta’ persuna skont l-Artikolu 20a, għad-detezzjoni ta’ identitajiet multipli skont l-Artikolu 21 jew għall-finijiet tal-prevenzjoni, detezzjoni jew investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 22, l-utenti tas-CIR għandhom jiġu notifikati mill-eu-LISA b’mod awtomatizzat.”

;

(3)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet li jaċċedu għas-CIR għandhom jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont l-istrumenti legali li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u skont il-liġi nazzjonali u f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”

;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

Aċċess għar-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità għall-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità skont ir-Regolament (UE) 2024/1356

1.   It-tfittxijiet fis-CIR għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), biss għall-fini ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità ta’ persuna skont l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament, sakemm il-proċess ikun inbeda fil-preżenza ta’ dik il-persuna.

2.   Meta t-tfittxija tindika li d-data dwar dik il-persuna tkun inħażnet fis-CIR, l-awtoritajiet tal-iskrinjar, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356, għandu jkollhom aċċess biex jikkonsultaw id-data msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll id-data msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(5)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/816, l-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data fis-CIR f’konformità mal-paragrafi 2, 2a, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data skont l-Artikolu 20a fis-CIR. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu li ġej:

(a)

l-Istat Membru li jkun qed iniedi t-tfittxija;

(b)

l-iskop tal-aċċess tal-utent li jagħmel tfittxija permezz tas-CIR;

(c)

id-data u l-ħin tat-tfittxija;

(d)

it-tip ta’ data użata għat-tnedija tat-tfittxija;

(e)

ir-riżultati tat-tfittxija.”

;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jżomm reġistrazzjonijiet tat-tfittxijiet li l-awtoritajiet tiegħu u l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet debitament awtorizzati li jużaw is-CIR jagħmlu skont l-Artikoli 20, 20a, 21 u 22. Kull aġenzija tal-Unjoni għandha żżomm reġistrazzjonijiet ta’ tfittxijiet li l-persunal debitament awtorizzat tagħha jagħmel skont l-Artikoli 21 u 22.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri fil-pussess ta' informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1352/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top