This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D2133
Council Decision (EU) 2024/2133 of 26 July 2024 on the existence of an excessive deficit in Poland
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2133 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2133 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja
ST/12170/2024/INIT
ĠU L, 2024/2133, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2133/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/2133 |
1.8.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2133
tas-26 ta’ Lulju 2024
dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Polonja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Polonja,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi. |
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi governattivi sodi u sostennibli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv mirfud minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa li jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli. |
(3) |
Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126 TFUE, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1), li hija parti mill-PST, tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula regoli u definizzjonijiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (3), li emenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) fir-rigward tal-valur ta’ referenza tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. |
(4) |
L-Artikolu 126(5) tat-TFUE jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti, jew li jista’ jkun hemm, defiċit eċċessiv fi Stat Membru, hija għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tgħarraf lill-Kunsill b’dan. Wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2024 adottat skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottata skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Polonja. Fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Polonja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq. |
(5) |
L-Artikolu 126(6) TFUE jipprovdi li l-Kunsill għandu jikkunsidra kwalunkwe osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni wara stima kumplessiva dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Polonja, l-istima kumplessiva twassal għall-konklużjonijiet stabbiliti hawn taħt. |
(6) |
Skont id-data vvalidata mill-Kummissjoni (Eurostat) fit-22 ta’ April 2024, id-defiċit tal-gvern estiż fil-Polonja laħaq il-5,1 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 49,6 % tal-PDG. Il-Kummissjoni, fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, qieset li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhuwiex eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn reċessjoni ekonomika severa fis-sens tal-PST. L-eċċess fuq il-valur referenzjarju tat-TFUE wkoll mhux temporanju, ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, li pprojettat li d-defiċit tal-gvern jibqa’ ’l fuq minn 3 % tal-PDG fl-2024 u l-2025. Kollox ma’ kollox, id-defiċit fl-2023 kien ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. L-eċċess la huwa meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-TFUE u l-PST, u lanqas ma huwa meqjus temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat. |
(7) |
Fuq il-bażi tad-data nnotifikata lill-Kummissjoni (Eurostat), id-defiċit tal-gvern estiż fil-Polonja huwa previst li jilħaq il-5,1 % tal-PDG fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jindika defiċit ta’ 5,4 % tal-PDG fl-2024, li huwa ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-TFUE ta’ 3 % tal-PDG. Iż-żieda fid-defiċit, jekk imqabbla mal-2023, tirrifletti ż-żieda fin-nefqa, b’mod partikolari ż-żieda fin-nefqa fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża, inklużi investimenti f’tagħmir u infrastruttura militari u nefqa militari attwali, benefiċċji soċjali ġodda, inkluża żieda fil-benefiċċji tal-familja, żieda ta’ 30 % fis-salarji għall-għalliema u żieda ta’ 20 % fis-salarji għall-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika. |
(8) |
F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont dak l-Artikolu. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern apparagun tal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. B’mod ġenerali, il-fatturi rilevanti eżaminati fir-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE jippreżentaw stampa mħallta. Il-kunsiderazzjoni ta’ dawk il-fatturi rilevanti ma tbiddilx il-konklużjoni li l-kriterju tad-defiċit fit-TFUE mhuwiex issodisfat. |
(9) |
Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, liema skadenza tista’ tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 36(1), punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod indikattiv sal-15 ta’ Ottubru 2024, li hija d-data għas-sottomissjoni tal-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jikkoinċidu mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi li l-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jiġu ppreżentati fil-pront. Din l-iskeda ta’ żmien jenħtieġ li tiġi kkunsidrata eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk li ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas tal-preżentazzjoni f’waqtha tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn stima kumplessiva jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fil-Polonja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fid-data ta’ notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2133/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)